RAPPORT dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent
6.12.2013 - (2013/2113(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Vittorio Prodi
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 96/59/KE tas-16 ta’ Settembru 1996 dwar ir-rimi ta’ polychlorinated biphenyls u polychlorinated terphenyls (PCB/PCT),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (id-Direttiva dwar l-Imballaġġ),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (RoHS),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2012 intitolata “Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa” (COM(2012) 0060),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 intitolata “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020” (COM(2011) 0021), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011)0244) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”[3],
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik fl-Ambjent (COM(2013)0123),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni xxxx/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm ta' Azzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Ambjent sal-2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0453/2013),
A. billi l-iskart tal-plastik mhuwiex indirizzat speċifikament mil-leġiżlazzjoni tal-UE u mhux meqjus bħala parti mill-fluss ġenerali ta’ skart minkejja l-karatteristiċi partikolari tiegħu; billi dan it-tip ta' skart ma għandux jibqa’ jitqies biss bħala żibel iżda minflok għandu jitqies bħala riżorsa;
B. billi l-materjali tal-plastik qed isiru dejjem aktar diversi u l-użu tagħhom qed jiżdied, u dan iwassal għal volumi akbar ta' skart u għal kombinazzjoni li qed tiżdied ma' materjali u komposti oħra; billi l-plastik jakkumula fi kwantitajiet kbar (huwa stmat li hemm total ta' 80 MT f'wiċċ l-ilma fl-Oċean Atlantiku u f'dak Paċifiku) u jippersisti fl-ambjent għal mijiet ta' snin, filwaqt li joqtol il-ħajja tal-baħar, jikkaġuna reazzjonijiet tossiċi u jirrilaxxa interferenti endokrinali, sustanzi li huma karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni, nanopartiċelli u sustanzi niġġiesa organiċi persistenti fl-ekosistemi u għaldaqstant fil-katina alimentari; billi fl-2010 biss, tqiegħdu 95.5 biljun basket tal-plastik fis-suq tal-UE, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu maħsuba biex jintużaw darba biss, filwaqt li huma ristretti jew ipprojbiti f'ħafna pajjiżi;
C. billi nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar tajba tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart mill-Istati Membri, nuqqas ta' miri relevanti u mekkaniżmi tal-prezzijiet, domanda interna insuffiċjenti għal materjali riċiklati, rimi illegali, esportazzjonijiet illegali u ħżin mhux xieraq, u l-ipproċessar u t-trasport tal-iskart tal-plastik wasslu għal ħsara globali sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, inkluża l-ħajja tal-baħar, u għal żieda fl-esportazzjonijiet ta' skart, li rriżultaw f'telf ta' materjali u ta' impjiegi fl-UE;
D. billi projbizzjoni fuq ir-rimi tal-iskart tal-plastik mhijiex waħedha se twassal għall-irkupru mixtieq tal-materja prima jekk il-kwantitajiet konċernati jittieħdu l-inċineraturi minflok;
E. billi, fil-każ tal-iskart tal-plastik, l-enfasi għandha titqiegħed fuq il-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni, filwaqt li l-produtturi jiġu mħeġġa jagħżlu materjali alternattivi u aktar sostenibbli meta jiddiżinjaw il-prodotti tagħhom;
F. billi l-ekoinnovazzjoni u d-disinn fil-prodotti tal-plastik huma kruċjali għall-kompetittività Ewropea, jgħinu lill-industrija tadatta għall-pressjonijiet ta’ prezzijiet tar-riżorsi għoljin u l-iskarsezza tal-materjali, u jiżviluppaw Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (KETs) għal soċjetà sostenibbli;
G. billi l-UE tista’ tibbenefika f’termini ta’ ħolqien tal-impjiegi u tkabbir minn sforz robust għal bidla, permezz ta' aktar riċiklaġġ, lejn ekonomija ċikolari minn nieqa sa nieqa bbilanċjata, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u mhux tossika, ibbażata fuq il-kunċett ta’ skart mhux perikoluż bħala riżorsa ta' materja prima; billi l-potenzjal ekonomiku għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik attwalment huwa ferm ogħla mit-33 % miksub fir-rigward tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik u mill-25 % miksub fir-rigward tal-iskart tal-plastik totali, u billi rati għoljin ta' riċiklaġġ jistgħu jgħinu meta jkun hemm nuqqas ta' materja prima;
H. billi l-industrija tal-plastik fl-UE tħaddem madwar 1.6 miljun ruħ;
I. billi l-istrateġija Ewropa 2020 titlob tkabbir, intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
1. Jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni u jagħraf il-bżonn għal miżuri speċifiċi dwar l-iskart tal-plastik fil-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll għal implimentazzjoni u infurzar iktar uniformi, konsistenti u rigorużi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart, b’mod speċifiku rigward il-ġerarkija tal-iskart: prevenzjoni, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, u rkupru, u b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri li għadhom mhux qed jilħqu l-objettivi u l-miri eżistenti;
2. Iqis li l-ippjanar strateġiku jista' jservi bħala l-punt ta' tluq għal ġestjoni effikaċi tal-iskart;
3. Jenfasizza li sabiex l-approċċ tal-UE għall-flussi tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari jsir aktar konsistenti fil-qafas tal-“kontroll tal-idoneità” tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħalissa, u peress li madwar 40 % tal-iskart tal-plastik jiġi mill-imballaġġ u l-iktar minn prodotti li jintużaw darba filwaqt li d-Direttiva dwar l-Imballaġġ hija l-unika waħda b’mira speċifika għall-ġbir tal-iskart tal-plastik, jeħtieġ b'urġenza li dik id-Direttiva tiġi riveduta u li jiġu proposti normi dwar l-iskart tal-plastik li jmorru lil hinn mir-regoli u l-istandards dwar il-prodotti; iqis li biex tikseb dan, u meta tfassal proposti futuri, il-Kummissjoni għandha żżomm f'moħħha l-fatt li l-iskart tal-plastik mhuwiex materjal omoġenju, u li l-flussi tal-iskart tal-plastik huma magħmula minn għadd ta' materjali, addittivi u komposti tal-plastik ta’ tipi differenti li jeħtieġ li jiġu pproċessati b'modi differenti; jinnota, madankollu, li għalkemm l-imballaġġ tal-plastik jgħin biex tinżamm il-kwalità u tittawwal il-konservabbiltà tal-prodotti, mhuwiex dejjem neċessarju għall-konservazzjoni tal-prodotti;
4. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tal-plastik qabel kollox għandu jkollha l-għan li dan l-iskart jitnaqqas, u għalhekk għandha tiġi riveduta biex tinkludi:
– miri vinkolanti għall-ġbir, is-separazzjoni (li tista' tilħaq il-livell ambizzjuż ta' 80 %) u r-riċiklaġġ tad-diversi flussi tal-iskart tal-plastik (pereżempju l-WEEE, il-vetturi li m'għadhomx jintużaw, l-imballaġġ, l-iskart agrikolu, l-iskart tal-bini, eċċ.) u kriterji mandatorji għar-riċiklabbiltà (li jiċċaraw id-distinzjonijiet bejn ir-riċiklaġġ mekkaniku/organiku u l-irkupru/inċinerazzjoni); l-għan għandu jkun mira progressiva u ambizzjuża għal plastik riċiklat li ma fihx addittivi perikolużi li m'għadhomx jitħallew jintużaw fi prodotti ġodda, għan li għandu jintlaħaq sal-2020; xi Stati Membri jkollhom bżonn perjodi ta’ tranżizzjoni biex matulhom jilħqu l-objettivi stabbiliti fil-livell Ewropew;
– l-armonizzazzjoni fl-UE kollha ta' kriterji għall-ġbir, is-separazzjoni u l-ġestjoni ġenerali tal-iskart, bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet indaqs skont il-ġerarkija tal-iskart, inkluża t-tneħħija ta' ostakli tekniċi, regolatorji, amministrattivi u finanzjarji għar-riċiklaġġ;
– tikkettar speċifiku tal-materjali sabiex il-konsumaturi jiġi infurmati rigward ir-riċiklabbiltà mekkanika jew organika tal-prodotti, flimkien ma' indikazzjonijiet għall-konsumaturi dwar kif iżidu s-separazzjoni u r-riċiklaġġ; u
– kriterji għas-sostituzzjoni ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba jew b'ħajja qasira b’materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw u iktar durabbli;
5. Jaqbel li l-iskart tal-plastik għandu jiġi trattat bħala riżorsa ta’ valur billi jiġu promossi l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru u billi jiġi permess il-ħolqien ta' ambjent tas-suq xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti sal-2014 biex, sal-2020, jitneħħa gradwalment ir-rimi f'miżbliet ta' skart riċiklabbli u rkuprabbli, madankollu mingħajr ma tinċentivizza, b'riżultat ta' dan, l-opzjoni tal-irkupru tal-enerġija askapitu tar-riċiklaġġ, u filwaqt li tiżgura li l-kriterji dwar l-effiċjenza ambjentali jiġu applikati għall-opzjonijiet kollha; jikkunsidra li, flimkien mal-miri msemmija hawn fuq għar-riċiklaġġ, huwa għalhekk essenzjali li jiġu introdotti miżuri xierqa li jiskoraġġixxu l-inċinerazzjoni ta’ plastik riċiklabbli, kompostabbli u bijodegradabbli, sabiex jiġi ottimizzat iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull tip ta’ plastik waqt li tiġi rrispettata l-ġerarkija tal-iskart; jirrimarka li dan għandu wkoll jaqleb tendenza ta’ nuqqas ta’ sostenibbiltà li s’issa pprivileġġat l-użu ta’ prodotti verġni fuq dawk riċiklati u iktar għaljin; jenfasizza li r-riċiklabbiltà u l-irkuprabbiltà tal-prodotti għandhom jitqiesu sa mill-fażi tad-diżinn; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri relatati mad-diżinn li jtejbu l-impatt ambjentali ġenerali tal-prodotti, li jipprevjenu l-iskart eċċessiv u li jippromwovu s-swieq tar-riċiklaġġ; jemmen li fi kwalunkwe każ l-oġġetti tal-plastik għandhom jiġu ddiżinjati biex tiġi massimizzata d-durabbiltà, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott; jirrimarka li fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar l-iskart tal-plastik, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ spezzjonijiet aktar estensivi fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' skart fil-miżbliet sal-2020, kif ukoll iż-żieda tal-kontrolli fil-faċilitajiet tal-inċinerazzjoni;
6. Iħeġġeġ li l-iskart tal-plastik jintuża għall-irkupru tal-enerġija biss f'każijiet meta l-possibbiltajiet l-oħra kollha jkunu ġew eżawriti u meta t-teknoloġija użata tinkludi s-sistemi ta' purifikazzjoni meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dannu ambjentali u tal-ħsara lis-saħħa tal-bniedem;
7. Jemmen li l-plastiks l-aktar perikolużi, dawk li l-evidenza xjentifika turi li huma l-iktar ta’ tfixkil għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent (bħall-mikroplastiks u l-plastiks ossobijodegradabbli) u dawk li fihom metalli tqal u sustanzi oħrajn li jistgħu wkoll jagħmlu l-proċessi ta’ riċiklaġġ iktar diffiċli, għandhom jitneħħew gradwalment mis-suq jew jiġu pprojbiti għalkollox, malajr kemm jista’ jkun qabel l-2020 sabiex jiġi żviluppat suq għall-materjali riċiklati li reġgħu ntużaw, u jemmen li l-ġbir separat ta' dawn għandu jiġi implimentat minufih; f'dan il-qafas, jemmen li s-sostituzzjoni ta' materjali u addittivi tal-plastik perikolużi għandha tiġi appoġġata, anke permezz tal-estensjoni tal-lista ta' sustanzi ristretti fir-RoHS; jemmen ukoll li, kif mitlub minn maġġoranza ta' ċittadini u konsumaturi Ewropej[4], l-użu ta' basktijiet tal-plastik li jintużaw darba, mhux riċiklabbli, mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli għandu jitnaqqas radikalment u meta possibbli għandu jitneħħa gradwalment, u li huwa importanti li tiġi indirizzata l-isfida tal-prevenzjoni tal-iskart permezz ta' azzjoni iktar effiċjenti biex jiġi indirizzat il-konsum żejjed u r-rimi irresponsabbli ta' prodotti li jintużaw darba;
8. Jirrimarka li, f’dinja fejn ir-riżorsi naturali, inkluża l-art li tinħadem, huma dejjem aktar skarsi, is-sostenibbiltà tfisser il-konsum ta' anqas riżorsi f’termini assoluti, u mhux sempliċement s-sostituzzjoni ta' riżorsa b'oħra; jenfasizza li fil-każ tal-plastiks bijodegradabbli, ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi u kompostabbli, għandhom jiġu adottati miżuri xierqa biex dawn jiġu promossi, bil-kundizzjoni li l-produzzjoni tagħhom ma tħallix impatt negattiv fuq il-produzzjoni agrikola għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali jew fuq l-ambjent; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-istandards Ewropej diġa rikonoxxuti (i.e. CEN 13432) sabiex tkun tista' ssir differenzjazzjoni aktar ċara bejn prodotti tal-plastik degradabbli, bijodegradabbli u kompostabbli flimkien mal-għoti ta' informazzjoni aktar ċara dwar il-karatteristiċi, ir-riċiklabbiltà u l-potenzjal ta' użu mill-ġdid tagħhom, lill-konsumaturi kif ukoll lil min jirriċikla u lill-operaturi ta' faċilitajiet ta' ġestjoni tal-iskart;
9. Jitlob li jsir aktar investiment pubbliku u privat fir-riċerka u t-teknoloġija mmirata biex jinstabu plastiks iktar sostenibbli (i.e. li jikkunsmaw anqas materja prima filwaqt li jinżammu l-istess kwalià, riutilizzabbiltà u riċiklabbiltà) u biex jiġu integrati aħjar diversi tipi ta' plastik fi proċessi ta’ produzzjoni u attivitajiet ta’ riproċessar, mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità tal-materjali; jikkunsidra li teknoloġiji ġodda huma meħtieġa wkoll għat-titjib tal-proċessi ta’ bijodegradazzjoni tal-plastik, metodi ta’ separazzjoni tal-iskart, proċessar u riċiklaġġ mekkaniku, irkupru ta’ prodotti tal-plastik mill-oċeani, ekodisinn u imballaġġ intelliġenti; jemmen li għal dan il-għan, Orizzont 2020 jista’ joffri opportunitajiet biex ikun hemm reazzjoni għal dan il-bżonn importanti tas-soċjetà u li l-vantaġġi jkunu mifruxin, kemm għall-ambjent kif ukoll għaċ-ċittadini, mill-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda (pereżempju separazzjoni bi standards għoljin li titwettaq mill-bnedmin) għat-tnaqqis tal-iskart fil-baħar u riskji relatati mas-saħħa; jenfasizza li dan jista' joffri l-opportunità partikolarment liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f'oqsma ġodda ta' attività u b'hekk jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol; jirrimarka li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tista' tiffranka EUR 72 biljun fis-sena, iżżid il-fatturat annwali tas-settur tal-UE għall-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart bi EUR 42 biljun u toħloq aktar minn 400 000 impjieg sal-2020; jenfasizza li fondi oħrajn tal-UE jistgħu jikkontribwixxu wkoll b'mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ ġbir u riċiklaġġ jekk ikunu konsistentement b'konformità mal-ġerarkija tal-iskart fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;
10. Huwa favur miżuri li jinkoraġġixxu r-riċiklaġġ tal-plastik bħala l-aqwa opzjoni biex jintlaħqu l-miri ambjentali; jitlob li iktar offerti ta’ akkwist pubbliku, fosthom dawk tal-istituzzjonijiet Ewropej, jinkludu domandi ċari rigward ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik kif ukoll li jiffavorixxu l-użu tal-plastik riċiklat meta jkun possibbli;
11. Jemmen li għandhom jittieħdu passi aktar ambizzjużi kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-esportazzjonijiet illegali u r-rimi ta’ skart tal-plastik, inklużi infurzar iktar strett tar-regolamenti tal-UE dwar il-vjeġġi, kif ukoll skemi ta’ monitoraġġ u spezzjoni iktar stretti fil-portijiet u l-faċilitajiet kollha tat-trattament tal-iskart, immirati għal trasferimenti illegali suspettati u għall-ġlieda kontra l-esportazzjoni ta' skart biex jerġa' jintuża (l-aktar vetturi li m'għadhomx jintużaw u WEEE), u biex jiġi żgurat li l-esportazzjonijiet imorru biss lejn il-faċilitajiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni tajba mil-lat ambjentali kif stabbilit fl-Artikolu 49 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart; jinnota li l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, għandhom rwol x'jiżvolġu fil-prevenzjoni tal-esportazzjonijiet illegali u fit-tnaqqis sinifikanti tal-iskart tal-plastik fl-ambjent; barra minn hekk jemmen li l-UE għandha tippromwovi approċċ ta’ ġestjoni tal-iskart koerenti fil-forums, il-ftehimiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali kollha possibbli; jenfasizza li l-UE għandha tmexxi inizjattiva globali għall-monitoraġġ u t-tnaqqis sinifikanti tar-rimi ta’ skart fl-oċeani; jikkunsidra essenzjali wkoll li jkun hemm aċċess għal data affidabbli u komparabbli dwar flussi tal-iskart, flussi lejn l-Ewropa u ’l barra mill-Ewropa, volumi u sistemi ta’ ġestjoni;
12. Jemmen li l-finanzjament tal-infrastruttura tar-riċiklaġġ tal-iskart għandu jieħu prijorità fuq il-finanzjament tar-rimi u l-inċinerazzjoni tal-iskart, iżda għandu naturalment iqis ukoll il-ħtiġijiet ta’ kull komunità individwali; iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet u lill-awtoritajiet lokali Ewropej, lill-industrija tal-plastiks, u lis-settur tar-riċiklaġġ u l-ġestjoni tal-iskart biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jimmotivaw u jinċentivizzaw liċ-ċittadini u lill-impriżi biex jadottaw kunċett ta' ekonomija ċirkolari fir-rigward tal-iskart tal-plastik, l-ewwel permezz ta' dibattitu wiesa' dwar l-obsolenza ppjanata, bil-promozzjoni ta' skemi faċli u effikaċi ta' separazzjoni, ġbir, użu mill-ġdid u riċiklaġġ u bl-istabbiliment ta' punti ta' ġbir xierqa għall-iskart tal-plastik, speċjalment f'żoni kostali u ambjentalment vulnerabbli, u dan kollu f'termini ta' prijorità għandu jibda minn dawk iż-żoni li l-Istati Membri ddikjaraw bħala żoni protetti u/jew parks nazzjonali; jemmen ukoll li jistgħu jagħtu kontribut kbir favur l-armonizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart tal-plastik madwar l-Ewropa billi jaqblu fuq standards u prattiki komuni; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali biex jikkooperaw fl-ippjanar tal-ġestjoni tal-iskart integrat meta dan ikun kemm ambjentalment kif ukoll finanzjarjament vijabbli, u biex jippromwovu b'mod partikolari l-istabbiliment ta' "ċentri ta' ġbir agrikoli" għall-flussi ta' skart tal-plastik mill-agrikoltura (eż. plastiks tas-serer);
13. Huwa favur, bl-għan li titħeġġeġ is-sensibilizzazzjoni, azzjonijiet konkreti u kampanji bħall-istabbiliment ta’ Jum Ewropew għall-iskart tal-plastik, meta ċ-ċittadini jkunu jistgħu jirritornaw kwalunkwe volum ta’ skart tal-plastik f’punti determinati minn qabel, pereżempju bi tpattija ta’ kumpens monetarju xieraq, bħala mezz li jiżgura l-provvista ta’ plastik riċiklabbli u li jżid is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riċiklaġġ u l-effiċjenza fir-riżorsi; jikkunsidra li dan l-avveniment jista’ jinkludi wkoll attivitajiet ta’ tindif mill-komunità (eż. tal-bajjiet), bħala kontribut simboliku għat-trażżin tat-tniġġis mill-iskart tal-plastik; jitlob li jinħolqu sinerġiji bejn dan it-tip ta' avveniment u l-kampanja "Let's do it", il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart u l-"Clean-up Day" li jmiss; jilqa’ l-proġett pilota MARELITT tal-Kummissjoni għat-tneħħija tal-iskart tal-baħar mill-erba’ ibħra reġjonali tal-Ewropa u għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali, ekonomiku, soċjali u fuq is-saħħa tal-iskart tal-plastik fil-baħar; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni żżid id-djalogu tagħha mal-pajjiżi terzi, bħal dawk b’ilmijiet territorjali fil-Baħar l-Iswed, sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-plastik fil-baħar b’mod iżjed effettiv;
14. Jenfasizza li qabel ma jiġu implimentati inizjattivi ġodda fl-oqsma tal-politika ambjentali, l-ekoinnovazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u l-bijoekonomija fil-livell tal-UE għandhom jitwettqu valutazzjonijiet sodi tal-impatt, fosthom tal-konsegwenzi soċjali tagħhom u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol iġġenerati, b'mod partikolari fir-rigward tal-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-ħtieġa li jiġi introdott taħriġ inizjali u vokazzjonali sabiex jinħolqu impjiegi ħodor;
15. Ifakkar li l-Istati Membri, filwaqt li jirrikonċiljaw il-kwistjonijiet ekonomiċi u ambjentali, għandhom jappoġġaw inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' setturi bl-akbar potenzjal ta' impjieg għal xogħol diċenti u, b'mod partikolari, li jgħinu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità sostenibbli f'ekonomija anqas intensiva fl-użu tar-riżorsi, b'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkordinaw dispożizzjonijiet tas-servizzi pubbliċi ma’ miri u objettivi ambjentali sabiex jilħqu diversi objettivi u jistimulaw impjiegi ħodor fil-proċess;
16. Iqis l-identifikazzjoni tal-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol, u r-rekwiżiti għal ħiliet futuri, bħala prijorità; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji għat-tqabbil tal-ħiliet tal-ħaddiema mal-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-fatt li – sabiex jiġu indirizzati l-isfidi mit-tranżizzjoni għal ekonomija anqas intensiva fl-użu tar-riżorsi – jinħtieġu livelli xierqa ta' taħriġ u ħiliet biex l-ekoinnovazzjonijiet jiffjorixxu u biex il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tiġi implimentata b'mod korrett; jirrakkomanda li l-Istati Membri jintegraw il-mudell tal-ekonomija ċirkolari fl-iskemi ta' taħriġ professjonali tagħhom; jinnota li t-taħriġ jista' jtejjeb l-istatus ipperċeput tax-xogħol fis-settur tar-riċikalġġ, u jista' jgħin fit-titjib taż-żamma tal-persunal u tal-prattiki tas-saħħa u s-sikurezza; ifakkar f'dan il-kuntest li, bil-promozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, il-Fond Soċjali Ewropew jista' jgħin biex tiġi ssodisfata d-domanda għal impjiegi sostenibbli u ta' kwalità fl-industriji anqas intensivi fl-użu tar-riżorsi, b'konformità mal-Pakkett għall-Investiment Soċjali ppreżentat mill-Kummissjoni fi Frar tal-2013;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 21.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0223.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2012)0146.
- [4] Consultation on options to reduce the use of plastic carrier bags and options to improve the requirements of biodegradability in Directive 94/62/EC on packaging and packaging waste and the visibility of biodegradable packaging products to consumers – statistics:
http://ec.europa.eu/environment/waste/packaging/pdf/statistics_consultation.xls
NOTA SPJEGATTIVA
L-industrija tal-plastik fl-Ewropa tiġġenera fatturat approssimattiv ta’ EUR 300 biljun kull sena u timpjega 1.54 miljun persuna iżda d-data relatata mal-iskart tagħha tibqa’ mhux konsolidata, tvarja minn 25 MT ġenerati fl-2008 skont il-Kummissjoni Ewropea, għal 13 MT fl-2010 skont l-EEA. Mingħajr data affidabbli u komparabbli dwar il-produzzjoni, il-ġbir, is-separazzjoni, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u r-rimi tal-plastik, huwa diffiċli li tiġi fformata politika mmirata u effettiva, speċjalment fir-rigward ta’ azzjoni kontra flussi illegali ta’ skart. Huwa evidenti li l-impatt tal-plastik fuq l-ambjent għadu sottovalutat.
Bħala parti mill-“kontroll tal-idoneità” ta’ bħalissa fuq direttivi dwar il-flussi tal-iskart, din il-green paper toffri opportunità f’waqtha biex timmira lejn armonizzazzjoni leġiżlattiva koeżiva u ambizzjuża. L-ewwel pass għandu jkun, għalhekk, il-ħolqien ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar l-iskart tal-plastik, b’miri relatati kif ukoll b’implimentazzjoni riġida ta’ regoli attwali.
Meta wieħed jikkunsidra li madwar 40 % tal-iskart jiġi mill-imballaġġ, huwa għaqli li l-valutazzjoni tagħna tibda minn hawn. L-ebda miri mhuma stabbiliti għall-iskart tal-plastik minbarra fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ, mhux mimsusa sa mill-1994, li stabbilixxiet l-ammont ta’ plastik li għandu jinġabar għal 22.5 %. Wasal iż-żmien li nadottaw normi għar-realtà ta’ produzzjoni ġdida u nagħmluhom kompatibbli mal-obbligi ambjentali ta’ setturi oħrajn fir-rigward tat-twaqqif tal-ġerarkija mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Jekk id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ ma tiġix ristrutturata permezz ta’ separazzjoni tal-istandards u n-normi tal-kummerċ/l-industrija/il-kompetizzjoni mill-obbligi ambjentali, ma nkunux kapaċi nindirizzaw 40 % tal-problema. Ir-reviżjoni ta’ dik id-Direttiva għandha tinkludi regoli dwar l-ekodisinn li jippermetti l-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart għar-riċiklaġġ effiċjenti, permezz tal-użu ta’ teknoloġija ġdida (pereżempju infrared u tikkettar speċjali) u ta’ materjali riċiklabbli. Dan joffri wkoll lill-industrija Ewropea tagħna l-opportunità biex jiġu stabbiliti standards filwaqt li tinżamm jew anki tiżdied il-kompetittività globali tagħhom.
Barra minn hekk, sforz ikbar fir-rigward tat-trasparenza tal-informazzjoni għandu jsir mill-industrija biex tiddefinixxi b’mod ċar il-karatteristiċi tal-prodotti li jqiegħdu fis-suq: il-konsumaturi għandhom bżonn ikunu jafu jekk il-plastik li jixtru huwiex riċiklabbli, kompostabbli, bijodegradabbli jew li jiġi rkuprat, sabiex jiffaċilitaw il-proċess tas-separazzjoni. Dan it-tip ta’ innovazzjoni għandu jżid l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u jippromwovi l-ħolqien ta’ impjiegi filwaqt li jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent. Dan kollu għandu jimplimenta l-ġerarkija tal-iskart u jagħmel li r-riċiklaġġ isegwi l-użu mill-ġdid tal-plastik, iżda jiġi qabel l-irkupru tal-enerġija permezz tal-ħruq. L-opinjoni ġenerali hija li l-miżbliet lanqas m’għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni bħala għażla vijabbli għat-trattament tal-iskart tal-plastik u nittamaw li data definita għall-projbizzjoni tagħhom (aħna nipproponu l-2020 meta wieħed jikkunsidra li xi Stati Membri għad għandhom problemi bil-ġbir mifrux tal-iskart separat u ma jistgħux iserrħu fuq għażliet oħra) ser tiġi adottata.
Il-plastik huwa riżorsa wisq ta’ valur biex jiġi mirdum jew anki sempliċement maħruq. Jekk irridu nagħtu koerenza lill-inizjattiva ewlenija Ewropea dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u nħaddnu l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari anki għall-plastik, l-appoġġ li nagħtu għal ċerti attivitajiet li jipprivileġġaw l-isfruttamenti mhux sostenibbli, bħall-irdim, jew il-ħruq tal-plastik riċiklabbli hemm bżonn li jieqaf.
Huwa ta’ importanza partikolari l-bżonn li jiġi definit b’mod ċar x’jikkostitwixxi l-irkupru u jitnaqqas il-mit li dan huwa ugwali għar-riċiklaġġ (speċjalment jekk b’irkupru nfissru rkupru ta’ enerġija permezz tal-inċinerazzjoni tal-plastik). M’għandhiex tkun għażla ta’ ħaġa jew oħra, iżda, minflok, proċess lineari li jinkoraġġixxi l-ewwel it-tnaqqis, imbagħad l-użu mill-ġdid u finalment ir-riċiklaġġ. Kif nistgħu nagħmlu l-plastik riċiklat iżjed attraenti, peress li l-prezzijiet proprja tas-suq huma wisq għaljin biex jippermettu integrazzjoni aħjar tal-plastik użat mill-ġdid fil-proċessi ta’ produzzjoni ġodda tal-plastik? Għaliex il-plastik riċiklat huwa għali iktar mit-tip li jkun għadu kif ġie prodott? Għandna għalhekk, imbagħad, nagħtu inċentivi għall-attivitajiet tar-riċiklaġġ minflok naħarqu (kif għamilna s’issa) sabiex jiġi għali u mhux tal-moda li taħraq plastik riċiklabbli jew bijodegradabbli? F’analiżi aħħarija din hija problema li naraw iktar u iktar; l-Ewropa xi trid li tagħmel bl-inċineraturi tagħha li ġew sostnuti b’sussidji diretti u indiretti biex jilħqu l-kapaċità żejda tagħhom? Wasal iż-żmien li minflok, insostnu, direttament jew indirettament il-pjanti tar-riċiklaġġ. Għandna bżonn inressqu iktar materjal riċiklat lejn is-suq biex innaqqsu l-ispiża għal kull unità tal-produzzjoni tiegħu, u nagħmluh komponent iktar vijabbli tas-sistema attwali, filwaqt li noħolqu iktar impjiegi li jiffavurixxu l-ambjent.
Għal dak il-għan, l-introduzzjoni tal-miri għal 75 % tal-plastik riċiklat qabel l-2020, kriterji obbligatorji għar-riċiklabbiltà u ttikkettar speċifiku għall-għajnuna tas-separazzjoni, ser tniedi diskussjoni u tagħti impetu għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni aktar avvanzati u effettivi tal-flussi tal-iskart. Dan il-proċess se jkun inkoraġġut aktar (kif ukoll jiżgura li l-miri jintlaħqu) permezz ta’ finanzjament ta’ riċerka u żvilupp dwar riċiklaġġ, ġbir u tekniki ta’ separazzjoni aħjar, kif ukoll materjali avvanzati, speċjalment dwar l-użu mill-ġdid u d-durabbiltà tagħhom stess.
It-tipi tal-plastik li ma jagħtux il-kontribut tagħhom f’dan il-mudell, l-iktar perikolużi għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u dawk mhux konformi mal-Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza tar-Riżorsi, bħal dawk ossobijodegradabbli, mikro u li jintużaw darba darba, għandhom jitneħħew gradwalment jew jiġu pprojbiti għalkollox.
Pass fundamentali ieħor huwa li jiġi żgurat impenn kollettiv miċ-ċittadini, il-produtturi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-assoċjazzjonijiet professjonali. F'dan il-qafas, huwa kruċjali wkoll li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni li jippromwovu sensibilizzazzjoni pubblika - bħalma hu Jum Ewropew għall-iskart tal-plastik. L-ikbar sforz mitlub hawnhekk huwa mill-awtoritajiet lokali: huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet kollha relatati mar-rimi tal-plastik, mhux biss skart domestiku iżda wkoll skart industrijali u perikoluż u, mhux l-inqas, skart mill-faċilitajiet tal-kosta u tal-baħar.
Skart tal-baħar huwa problema serja li l-ebda kampanja mhi ser issolvi waħedha. Azzjonijiet volontarji ser ikunu deċisivi fis-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ approċċ differenti u responsabbli dwar kif nimmaniġġjaw l-ibħra tagħna, u kif inżommu l-bijodiversità, sors prezzjuz ieħor tal-ikel.
Parti mill-problema hija marbuta mat-traffiku internazzjonali u l-implimentazzjoni dgħajfa tal-Konvenzjoni ta’ Basilea: din id-dimensjoni għandha bżonn impenn iktar b’saħħtu kemm mill-UE kif ukoll mill-gvernijiet nazzjonali. Nistgħu nibdew bl-iżgurar ta’ kontroll iżjed strett ta’ flussi u regoli iktar ċari fil-ftehimiet internazzjonali tagħna, anki dawk relatati ma’ oqsma apparentement mhux pertinenti, bħall-kondiviżjoni tat-teknoloġija jew l-edukazzjoni: għandna nippromwovu aktar il-materjali, il-proċessi u l-proġetti ambjentalment sodi tagħna sabiex ikollna standard Ewropew adottat globalment.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (18.10.2013)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza fl-Ikel
dwar strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik fl-Ambjent
(2013/2113(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Jean Lambert
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. billi l-istrateġija Ewropa 020 titlob għal tkabbir, intelliġenti, sostenibblu u inklussiv;
2. billi l-industrija tal-plastik fl-UE tħaddem madwar 1.6 miljun persuna;
3. billi s-settur għar-riċiklaġġ tal-plastiks jista' joħloq madwar 162 000 impjieġ ġdid fl-UE jekk ir-rata ta' riċiklaġġ tiżdied għal 70 % sal-2020;
4. Jenfasizza li qabel ma jiġu implimentati inizjattivi ġodda tal-politika ambjentali, l-eko-innovazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u l-bijoekonomija fil-livell tal-UE għandhom jitwettqu valutazzjonijiet sodi tal-impatt, inkluż tal-konsegwenzi soċjali u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tal-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-ħtieġa li jiġi introdott taħriġ inizjali pofessjonali għall-ħolqien tal-impjiegi;
5. Ifakkar li l-Istati Membri, filwaqt li jirrikonċiljaw il-kwestjonijiet ekonomiċi u ambjentali, għandhom jappoġġaw inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' setturi bl-akbar potenzjal ta' impjieg għal xogħol diċenti u, b'mod partikolari, li għajnuna għat-trasformazzjoni lejn ekonomija sostenibbli u għall-ħolqien ta' xogħol diċenti, b'mod partikolari, li jgħinu fit-trasformazzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità f'ekonomija anqas intensiva fl-użu tar-riżorsi, f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020; jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkordinaw dispożizzjonijiet tas-servizzi pubbliċi ma’ miri u objettivi ambjentali sabiex jiksbu diversi objettivi u jistimulaw impjiegi ekoloġiċi fil-proċess;
6. Jenfasizza l-fatt li l-miri stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, fid-Direttiva dwar Imballaġġ u fid-Direttiva WEEE joħolqu opportunitajiet għall-impjiegi ġodda f’diversi setturi tal-ekonomija permezz tal-effett ta’ tixrid, u ambjenti għal industriji relevanti għandhom għalhekk jitrawmu sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li dan joffri l-opportunità partikolarment liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f'oqsma ġodda ta' attività u b'hekk jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tista' tiffranka EUR 72 biljun fis-sena, iżżid il-fatturat annwali tas-settur tal-UE għall-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart b'EUR 42 biljun u toħloq aktar minn 400 000 impjieg sal-2020;
7. Jenfasizza l-potenzjal tal-mudell tal-ekonomija ċirkolari li minħabba li jippermetti d-diżakkoppjament bejn it-tkabbir u t-tnaqqis tar-riżorsi, huwa mudell riġenerattiv li jista’ jkollu impatt fuq is-setturi kollha u jkun sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi; jenfasizza li l-ekonomija ċirkolari jippresupponi bidla sħiħa fl-idea tagħna ta' "prodotti" u li impjiegi ġodda se jintħtieġu f'kull stadju taċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti, mill-ekodisinn għat-tiswija għall-imballaġġ mill-ġdid u r-riċiklaġġ;
8. Jenfasizza li r-regoli stretti dwar ir-riċiklaġġ ta' prodotti tal-elettriku fl-Ewropa ħafna drabi jwasslu għar-riċiklaġġ, fil-Punent tal-Afrika, ta' proporzjon kbir ta' skart tal-elettriku f'ċirkostanzi li huma detrimentali ħafna għall-bnedmin u għad-dinja naturali; jitlob monitoraġġ aktar strett fl-UE sabiex tali prattiki jiġu ostakolati fil-futur; iqis li tibdiliet fl-leġiżlazzjoni ambjentali f'pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Malasja dwar l-importazzjoni ta' plastiks użati u mhux maħsulin, jistgħu jipprovdu impetus importanti għal investiment akbar fl-irkupru u r-riċiklaġġ fi ħdan l-UE u għall-ħolqien ta' impjieg addizzjonali;
9. Ifakkar li implimentazzjoni mtejba tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, u b’hekk għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid – it-tnejn setturi intensivi fl-impjieg – jistgħu jkunu sorsi importanti ta' impjiegi u għandhom jiġu ffavuriti, fejn xiearq, fil-qafas rivedut tal-UE dwar l-iskart;
10. Jenfasizza, madanakollu, li l-ewwel u qabel kollox il-potenzjal għall-impjieg tas-settur tar-riċiklaġġ ma għandux jimmina l-isforzi għat-tnaqqis tal-intensità u d-dipendenza tiegħu fl-użu tar-riżorsi – sfida li toffri wkoll opportunitajiet ġodda ta' impjieg;
11. Ifakkar li l-innovazzjonijiet li attwalment qegħdin isiru fil-produzzjoni tal-plastiks (mhux tal-anqas fil-qasam tan-nanoteknoloġija) u l-impatt tagħhom fuq il-ġestjoni tal-iskart tal-plastik iqajmu sfidi ġodda għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi kif ikun xieraq fil-futur fir-rigward tal-iskart tal-plastik permezz ta' standards Ewropej adegwati dwar l-impjieg u għall-protezzjoni tas-saħħa, għall-indvidwi kollha involuti – jiġifieri l-impjegati, il-fornituri tas-servizzi u l-persuni impjegati għal rashom;
12. Iqis l-identifikazzjoni tal-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol, u rekwiżiti għal ħiliet futuri, bħala prijorità; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji għat-tqabbil tal-ħiliet tal-ħaddiema mal-bżonnijiet futuri tas-suq tax-xogħol; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-fatt li – sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jitqajmu mit-tranżizzjoni għal ekonomija anqas intensiva fl-użu tar-riżorsi – jinħtieġu livelli xierqa ta' taħriġ u ħiliet biex l-ekoinnovazzjonijiet jiffjorixxu, u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tiġi implimentata b'mod korrett; jirrakkomanda li l-Istati Membri jintegraw il-mudell tal-ekonomija ċirkolari fl-iskemi ta' taħriġ professjonali tagħhom; jinnota li t-taħriġ jista' jtejjeb l-istatus ipperċeput tax-xogħol fis-settur tar-riċikalġġ, u jista' jgħin titjib fiż-żamma tal-persunal u fil-prattiki tas-saħħa u s-sikurezza; ifakkar f'dan il-kuntest li, bil-promozzjoni tat-taħriġ professjonali u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, il-Fond Soċjali Ewropew għandu jgħin biex jissodisfa d-domanda għal impjiegi sostenibbli u ta' kwalità fl-industrija anqas intensiva fl-użu tar-riżorsi, f'konformità mal-Pakkett għall-Investiment Soċjali ppreżentat mill-Kummissjoni fi Frar tal-2013.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.10.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Richard Falbr, Thomas Händel, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Patrick Le Hyaric, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Jutta Steinruck, Andrea Zanoni, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Sergio Gutiérrez Prieto, Anthea McIntyre, Csaba Sógor, Tatjana Ždanoka |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Eric Andrieu, Pilar Ayuso, Eduard-Raul Hellvig |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
60 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Oana Antonescu, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Franco Bonanini, Biljana Borzan, Yves Cochet, Spyros Danellis, Chris Davies, Esther de Lange, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Martin Kastler, Holger Krahmer, Corinne Lepage, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Andrés Perelló Rodríguez, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Carl Schlyter, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Erik Bánki, Gaston Franco, Julie Girling, Eduard-Raul Hellvig, Georgios Koumoutsakos, Marusya Lyubcheva, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Alojz Peterle, Vittorio Prodi, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Anna Záborská, Andrea Zanoni |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Kārlis Šadurskis |
||||