RAPPORT dwar migranti nisa mingħajr dokumenti fl-Unjoni Ewropea

20.12.2013 - (2013/2115(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Norica Nicolai

Proċedura : 2013/2115(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0001/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar migranti nisa mingħajr dokumenti fl-Unjoni Ewropea

(2013/2115(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, partikolarment l-Artikoli 24 u 28 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Lulju 2013 bl-isem 'Il-vjolenza kontra l-ħaddiema migranti nisa',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 26 dwar il-ħaddiema migranti nisa tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-5 ta’ Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 2 tal-Kumitat tan-NU għall-Ħaddiema Migranti dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti f’Sitwazzjoni Irregolari u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar Xogħol Diċenti għall-Ħaddiema Domestiċi,

–   wara li kkunsidra l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 17 tal-Karta Soċjali Ewropea mill-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 79, 153 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 14, 31, 35 u 47 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-‘Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini’ [1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali[3],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment[4],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza li jinħareġ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi ta’ traffikar ta' persuni jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni biex tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti[5],

–   wara li kkunsidra r-rapport għall-2011 tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali bl-isem “Id-drittijiet fundamentali tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari fl-Unjoni Ewropea”,

–   wara li kkunsidra r-rapport għall-2012 tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali bl-isem “Qbid tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari – kunsiderazzjonijiet dwar il-jeddijiet fundamentali”,

–   wara li kkunsidra l-proġett ta’ riċerka Ewropew Clandestino u l-proġett Tranżizzjonijiet ta’ Ħaddiema Mingħajr Dokumenti, it-tnejn li huma ffinanzjati mill-Kummissjoni taħt is-Sitt Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2013 bit-titlu ‘Ir-raba’ Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2012)’ (COM(2013)0422),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 bit-titlu ‘L-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli’[7],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0001/2014),

A. billi t-terminu ‘migrant mingħajr dokumenti’ huwa definit bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li l-preżenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ma tissodisfax jew ma tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kundizzjonijiet oħrajn għal dħul, permanenza jew residenza f’dak l-Istat Membru [8] u li s-sejba tiegħu mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni twassal għal deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ tkeċċija;

B.  billi ċ-ċirkostanzi kumplessi miġjuba mill-gwerer u aggravati mill-kriżijiet umanitarji dinjija, qed jikkontribwixxu għat-tkabbir fil-flussi ta’ refuġjati, li jinkludu numri kbar ta’ nisa u tfal mingħajr dokumenti;

C. billi Stat Membru għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar il-politiki ta’ immigrazzjoni tiegħu stess; billi, madankollu, id-drittijiet fundamentali tal-immigranti għandhom jiġu protetti u garantiti skont il-liġi tal-UE u dik internazzjonali, li permezz tagħha huma marbuta l-Istati Membri;

D. billi l-migranti mingħajr dokumenti spiss ma jkollhomx riżorsi finanzjarji, li jpoġġihom f’riskju ta’ malnutrizzjoni u saħħa li tmur għall-agħar, u jfisser li huma jridu jfittxu soluzzjonijiet inaċċettabbli biex jiżguraw il-mezzi ta’ sussistenza; Billi, minbarra dan, il-migranti nisa huma spiss akkumpanjati minn tfal li jridu jieħdu ħsiebhom, li jaġixxi bħala inċentiv addizzjonali biex huma jfittxu modi possibbli ta’ susisstenza u sopravivenza;

E.  billi minħabba l-istatus legali tagħhom, migranti mingħajr dokumenti ta’ spiss jiġu mċaħħda mill-aċċess għal djar diċenti, servizzi tal-kura tas-saħħa bażiċi u ta’ emerġenza, u l-edukazzjoni; billi l-istatus legali mhux dokumentat tagħhom ma jħallihomx jiġu protetti kontra l-isfruttament tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol jew minn abbuż fiżiku u mentali; billi dak l-istatus legali ma jippermettilhomx li jfittxu aċċess għall-ġustizzja;

F.  billi migranti nisa mingħajr dokumenti u d-dipendenti tagħhom huma partikolarment vulnerabbli għar-riskji li jirriżultaw mill-istatus legali tagħhom, peress li huma esposti b’mod aktar estensiv mill-irġiel għall-possibbiltà ta’ abbuż fiżiku, sesswali, u mentali, kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, sfruttament tax-xogħol minn min iħaddem u d-diskriminazzjoni doppja bbażata kemm fuq ir-razza u s-sess;

G. billi migranti nisa mingħajr dokumenti jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għat-traffikanti u sussegwentement jistgħu jsiru vittma ta’ traffikar;

H. billi migranti mingħajr dokumenti għandhom aċċess limitat għall-akkomodazzjoni soċjali u jibqgħu dipendenti fuq is-suq tad-djar privati; billi migranti nisa mingħajr dokumenti huma f’riskju akbar ta’ abbuż fil-forma ta’ vjolenza fiżika jew sesswali minn sidien privati;

I.   billi migranti nisa mingħajr dokumenti huwa iktar possibbly li jsofru vjolenza u abbuż, inkluż abbuż sesswali, u huma vittmi potenzjali tal-isfruttament sesswali u tat-traffikar tal-bnedmin inġenerali; billi l-aċċess għar-refuġji tan-nisa mmexxija mill-istat huwa soġġett għar-rekwiżit ta’ forma legali ta’ identità jew permess ta’ residenza u billi b’konsegwenza ta’ dan il-vittmi m’għandhom ebda għażla oħra imma li jibqgħu f’sitwazzjoni abbużiva jew jaħarbu fit-toroq; billi hemm ir-riskju ta’ deportazzjoni jekk jikkuntattjaw lill-pulizija;

J.   billi l-isterjotipi tal-ġeneru għandhom għeruq aktar fondi fil-komunitajiet tal-immigranti u l-migranti nisa huma vittmi iktar ta’ spiss tat-tipi differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa, b’mod partikolari ż-żwiġijiet furzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-hekk imsejħa 'delitti tal-unur', it-trattament ħażin f'relazzjonijiet mill-qrib, il-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol kif ukoll it-traffikar u l-isfruttament sesswali;

K. billi l-Istati Membri jvarjaw ħafna fil-livell ta’ aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa li jagħtu lill-migranti irregolari u l-kundizzjonijiet li jimponu fuq fornituri tal-kura tas-saħħa fir-rigward tar-rappurtar jew le ta’ migranti mingħajr dokumenti;

L.  billi l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa urġenti tan-nisa mingħajr dokumenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom ipoġġuhom f’riskju sproporzjonat li jirċievu kontijiet għoljin b’mod estrem għall-kura fl-isptar f’pajjiżi fejn dawn mhumiex eliġibbli għal kura ssussidjata; billi l-biża’ li jirċievu tali kontijiet twassal biex numru ta’ nisa mingħajr dokumenti jwelldu d-dar mingħajr appoġġ mediku;

M. billi l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa l-aktar bażiċi, bħall-kura ta’ emerġenza, huwa limitat ħafna, jekk mhux impossibbli għall-migranti mingħajr dokumenti minħabba l-obbligu ta’ identifikazzjoni, il-prezz għoli ta’ trattament u l-biża’ li jinstabu u jiġu rrapportati lill-awtoritajiet; billi migranti nisa mingħajr dokumenti huma partikolarment f’riskju, peress li mhumiex mogħtija attenzjoni speċifika għas-sess bħal servizzi qabel it-twelid, waqt it-twelid u wara t-twelid; billi xi migranti mingħajr dokumenti lanqas biss huma konxji tad-drittijiet tagħhom tas-saħħa fil-pajjiż tad-destinazzjoni;

N. billi l-biża’ li jinstabu u jkunu rrapportati lill-awtoritajiet effettivament tipprojbixxi migranti nisa mingħajr dokumenti milli jfittxu l-għajnuna f’sitwazzjonijiet abbużivi, anke minn NGOs li jispeċjalizzaw f’pariri legali għall-immigranti; billi, b’konsegwenza ta’ dan, dawn il-migranti huma effettivament imċaħħda milli jkunu jafu d-drittijiet tagħhom u kif dawn ikunu garantiti; billi, għall-istess raġunijiet, huwa diffiċli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joffru għajnuna u appoġġ;

O. billi s-swieq u l-industrija tal-prostituzzjoni fl-Ewropa huma alimentati ferm mill-vulnerabbiltà tan-nisa u l-bniet migranti, u billi ħafna nisa fil-prostituzzjoni m’għandhomx dokumenti, li jżid l-abbuż u l-vulnerabbiltà diġà inerenti fl-industrija tal-prostituzzjoni;

P.  billi t-tfal, inklużi l-bniet, migranti minn familji li m’għandhomx dokumenti jiġu mċaħħda milli jmorru l-iskola minħabba l-biża’ li jinstabu u l-inabbiltà tagħhom li jipprovdu dokumenti uffiċjali għar-reġistrazzjoni; billi bniet adoloxxenti mingħajr dokumenti jiffaċċjaw ostakoli sinifikanti biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja/terzjarja u t-taħriġ;

Q. billi t-talba li qed tiżdied għall-ħaddiema fis-setturi domestiċi u tal-kura qed tattira numru kbir ta’ migranti nisa, li ħafna minnhom huma mingħajr dokumenti; billi n-nisa mingħajr dokumenti li jaħdmu f’dan is-settur huma l-aktar vulnerabbli għal pagi baxxi, abbuż mentali, żamma tal-pagi u tal-passaporti u xi kultant anke l-abbuż fiżiku minn min iħaddimhom; billi n-nisa mingħajr dokumenti ftit għandhom probabbiltà li jfittxu rimedju fil-qorti;

R.  billi ħaddiema migranti nisa mingħajr dokumenti rari jkollhom rimedju biex jitolbu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, jew pagi ġusti, minħabba l-iżolament ekonomiku u soċjali tagħhom, il-fatt li ma jkunux konxji mid-drittijiet bażiċi tagħhom u l-biża’ li jiġu deportati;

S.  billi l-migranti mingħajr dokumenti huma f’sitwazzjoni ta’ limbu legali [9] u għalhekk mhumiex protetti mill-arrest arbitrarju u/jew detenzjoni ulterjuri;

T.  billi migranti nisa mingħajr dokumenti huma speċjalment vulnerabbli għall-abbuż fiżiku, mentali u sesswali fil-ħin tal-arrest u f’ċentri ta’ detenzjoni;

Rakkomandazzjonijiet

1.  Ifakkar li l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-migranti mingħajr dokumenti kienet ripetutament enfasizzata minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u fl-istrumenti internazzjonali tan-NU tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi tal-UE; Jirreferi b'rabta ma' dan għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-istatus ta’ migrant jew rifuġjat jew status ieħor;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu lill-migranti nisa mingħajr dokumenti bħala grupp soċjali vulnerabbli biċ-ċar li huwa espost għat-traffikar, id-diskriminazzjoni u l-isfruttament fis-suq tax-xogħol;

3.  Ifakkar li l-politika tal-immigrazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi migratorji, regolari jew irregolari, huma s-suġġett ta’ responsabbiltà komuni u solidali tal-Istati Membri;

4.  Jenfasizza li immigranti leżbjani, bisesswali u transsesswali mingħajr dokumenti legali huma vittmi ta’ diskriminazzjoni doppja u l-kundizzjoni fraġli tagħhom bħala barranin mingħajr dokumenti tkompli żżid mas-sitwazzjoni kkumplikata tagħhom;

5.  Jenfasizza li l-immigrazzjoni illegali hija fenomenu topiku u li jeħtieġ qafas legali komuni dwar il-politiki ta’ migrazzjoni sabiex l-immigranti u l-vittmi potenzjali jiġu protetti, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal, li huma vulnerabbli għal bosta forom ta’ kriminalità organizzata fil-kuntest tal-immigrazzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza wkoll li l-immigrazzjoni illegali tista’ titnaqqas permezz ta’ qafas legali komuni;

6.  Jikkundanna l-fatt li ħafna migranti nisa jiġu ingannati fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom bil-wegħda ta’ kuntratti ta’ xogħol f’pajjiżi żviluppati, u li wħud saħansitra jinħatfu minn mafji u netwerks tat-traffikar tal-bnedmin biex jiġu sfruttati sesswalment; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda din il-prattika abużiva u diżumana;

7.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex japplikaw id-Direttiva ta’ Faċilitazzjoni b’mod li ma tnaqqasx il-possibbiltà ta’ migranti mingħajr dokumenti li jikru djar fis-suq ħieles, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ sitwazzjonijiet ta’ sfruttament jew abbużivi;

8.  Ifakkar l-Artikolu 8 tal-KEDB dwar ir-rispett għall-integrità fiżika ta’ persuna, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu r-rekwiżit li migranti mingħajr dokumenti li jkunu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, jipprovdu dokumentazzjoni sabiex ikollhom aċċess għal refuġji mmexxija mill-istat; billi jqisu b’mod partikolari l-bżonnijiet speċjali tan-nisa tqal, nisa li għandhom tfal żgħar u nisa li għandhom persuni oħra x’jieħdu ħsieb;

9.  Jinsisti li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà għolja tal-persuni bi bżonnijiet speċjali bħat-tfal u l-adolexxenti, il-persuni anzjani, il-persuni b’diżabilità, l-illitterati jew bi ftit li xejn kwalifiki, dawk li jappartjenu għal xi minoranza, l-immigranti li huma persegwitati fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom għall-ideat, l-orjentazzjoni sesswali, karatteristiċi fiżiċi, eċċ. tagħhom u n-nisa vittmi tal-vjolenza sessista;

10. Jirrimarka li d-dritt għas-saħħa huwa dritt tal-bniedem fundamentali u jinkoraġġixxi għalhekk lill-Istati Membri biex iħollu l-politiki tas-saħħa mill-kontroll tal-immigrazzjoni, u għalhekk biex jieqfu milli jimponu d-dmir fuq prattikanti tal-kura tas-saħħa li jirrapportaw migranti mingħajr dokumenti; Iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jiżguraw il-provvista ta' kura u assistenza adegwati mmirati lejn l-issodisfar tal-bżonnijiet speċifiċi skont is-sess; bl-istess mod, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħtu taħriġ speċifiku għal kwistjonijiet ta’ sessi lill-uffiċjali li huma f’kuntatt ma’ dawn in-nies; filwaqt li jieqfu milli jitolbu lill-iskejjel biex jirrapportaw tfal ta’ migranti mingħajr dokumenti li jattendu dawk l-iskejjel;

11. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiggarantixxu appoġġ psikoloġiku, sanitarju u legali adegwat lin-nisa mingħajr dokumenti;

12. Ifakkar li d-drittijiet stipulati fid-Direttiva dwar il-Vittmi mhumiex ikkundizzjonati mill-istatus tar-residenza tal-vittma[10]; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri, għalhekk, li jifirdu l-prosekuzzjoni tal-vjolenza kontra migranti nisa mingħajr dokumenti mill-kontroll tal-immigrazzjoni sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jirrapportaw reati b’mod sigur;

13. Jikkundanna kull forma ta' vjolenza, traffikar tal-bnedmin, abbuż u diskriminazzjoni kontra nisa mingħajr dokumenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut aċċess għall-offerti ta' għajnuna f'sitwazzjonijiet bħal dawn, mingħajr il-biża' li dan iwassal direttament għal miżuri li jġibu fi tmiem ir-residenza;

14. Jappella għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat; jitlob li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tan-nisa fix-xogħol furzat, li ma jinkludix biss il-prostituzzjoni furzata, iżda kull xogħol involontarju, anke fil-qasam domestiku, u li jiġu mħarsa l-migranti nisa kkonċernati mingħajr dokumenti;

15. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu evitati l-proliferazzjoni u l-prostituzzjoni u x-xogħol furzat fost il-migranti nisa;

16. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tas-salvagwardja li tinsab fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem, li teħtieġ lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli mekkaniżmi li jippermettu ħaddiema migranti mingħajr dokumenti li jressqu talbiet kontra min iħaddem għal kull remunerazzjoni dovuta; jistieden lill-Istati Membri, NGOs u l-organizzazzjonijiet l-oħra kollha tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mal-migranti mingħajr dokumenti biex imexxu kampanji ta’ għarfien li jinfurmaw migranti mingħajr dokumenti dwar dan id-dritt;

17. Jitlob lill-Istati Membri jtemmu l-prattiki diskriminatorji, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux dikjarat u l-isfruttament tax-xogħol, fost l-oħrajn permezz ta' spezzjonijiet fuq ix-xogħol, u jirrikonoxxu lin-nisa mingħajr dokumenti bħala vittmi u jippermettulhom aċċess għal servizzi bażiċi ta' kura tas-saħħa;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli taħriġ adegwat maħsub għas-servizzi tal-pulizija, u servizzi oħra tal-Istat li jistgħu jiġu nkarigati minn migranti nisa mingħajr dokumenti, dwar il-vjolenza sesswali u l-isfruttament sesswali li tagħhom jistgħu jkunu vittmi dawn in-nisa;

19. Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni, bħala parti minn reviżjoni futura tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem, tintroduċi l-possibilità ta’ mekkaniżmi li jippermettu lill-migranti irregolari li jressqu ilmenti anonimi u formali kontra xi ħadd li jħaddem li jkun abbużiv;

20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha b’mod korrett, partikolarment l-Artikolu 59 tagħha,li jiddikjara b’mod ċar li l-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jissospendu l-proċeduri ta’ espulsjoni u/jew jagħtu permess ta’ residenza awtonomu fl-eventwalità ta’ xoljiment taż-żwieġ lil dawk il-migranti nisa li l-istatus ta’ residenza tagħhom kien jiddependi fuq il-konjuġi tagħhom;

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, jirrikonoxxu d-drittijiet tal-bniedem tal-ħaddiema migranti u jippromwovu l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja kif ukoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien umani u skont il-liġi;

22. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jfittxu mezzi kif jiġi rikonoxxut il-valur tax-xogħol li sar min-nisa li, minkejja li mingħajr dokumenti, jipprovdu servizzi importanti u jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-soċjetà ospitanti;

23. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-migranti nisa kollha, inklużi l-migranti nisa mingħajr dokumenti, li kienu vittmi ta’ abbuż jew vjolenza bbażata fuq is-sess, inklużi migranti nisa sfruttati fl-industrija tal-prostituzzjoni, jiġu pprovduti protezzjoni u appoġġ, u jitqiesu li għandhom raġunijiet partikolari biex jingħatalhom asil jew permess ta’ residenza abbażi ta’ raġunijiet umanitarji;

24. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw effettivament il-Kumment Ġenerali Nru 2 tal-Kumitat tan-NU għall-Ħaddiema Migranti dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti f’Sitwazzjoni Irregolari u tal-Membri tal-Familji tagħhom, partikolarment b’rabta mal-iżgurar ta’ protezzjoni mill-vjolenza u l-isfruttament għall-ħaddiema nisa mingħajr dokumenti;

25. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Ritorni b’mod sħiħ u biex joħorġu ċertifikazzjoni tal-posponiment ta’ tneħħija kif meħtieġ mid-Direttiva sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni ta’ limbu legali;

26. Jenfasizza l-importanza li tinġabar dejta dwar l-esperjenzi speċifiċi tan-nisa mingħajr dokumenti, u jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa għal dejta affidabbli, preċiża, fil-ħin u kumparabbli dwar il-vulnerabbiltajiet relatati mal-ġeneru tan-nisa mingħajr dokumenti u n-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għall-ġustizzja u s-servizzi fl-UE biex tassisti fl-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ politiki pubbliċi koerenti;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorni, tirrevediha billi ssaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet bażiċi tal-migranti detenuti;

28. Jenfasizza li l-aspetti ta’ detezzjoni tal-politiki għall-infurzar tal-immigrazzjoni qatt ma jridu jdgħajfu d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali jew ipoġġu lin-nisa f'aktar riskju ta’ vjolenza u abbuż; Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva dwar ir-Ritorni sabiex tiżgura rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti irregolari, speċjalment dawk tan-nisa tqal u t-tfal;

29. Ifakkar li, skont id-Direttiva dwar ir-Ritorni, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrattaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiċ-ċentri ta’ detenzjoni ‘b’mod uman u dinjituż’, li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet bażiċi tal-bniedem tad-detenuti; jikkundanna r-rapporti ta’ vjolenza kontra n-nisa fiċ-ċentri ta’ detenzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jinvestigaw kwalunkwe pretensjonijiet ta’ abbuż fiżiku mmirati lejn id-detenuti;

30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw kull sinjal li nisa migranti mingħajr dokumenti qegħdin jiġu soġġetti għal sfurzar jew trattament inuman;

31. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom mal-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq din il-kwistjoni sabiex jinstabu alternattivi għaċ-ċentri ta’ detenzjoni; billi jaħdmu sabiex in-nisa immigranti mingħajr dokumenti jkunu jistgħu jeħilsu mill-biża’ li jinteraġixxu ma’ dawk li huma mistennija li jappoġġjawhom;

32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) jibqgħu l-qalba ta’ kull azzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, u jistieden lill-Istati Membri biex iwaqqfu kompletament u fil-pront id-detenzjoni tat-tfal abbażi tal-istatus ta’ immigrazzjoni tagħhom, jipproteġu lit-tfal mill-abbużi bħala parti mill-politiki u proċeduri dwar il-migrazzjoni u jadottaw alternattivi għad-detenzjoni li jippermettu li t-tfal jibqgħu mal-membri tal-familja u/jew il-kustodji;

33. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri biex jipprovdu mezzi ta’ finanzjament għall-organizzazzjonijiet li joffru assistenza legali, umanitarja u soċjali lill-migranti nisa mingħajr dokumenti, u biex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni biex jinkludu l-migranti kollha, irrispettivament mill-istatus ta’ residenza tagħhom;

34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex permezz ta’ riċerka aktar estensiva u konnessa, jagħlqu l-lakuni li jeżistu fir-rigward ta’ data awtentika u informazzjoni eżistenti dwar l-għadd u s-sitwazzjoni ta’ persuni mingħajr dokumenti fl-UE, jiġbdu l-attenzjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) lejn is-sitwazzjoni tan-nisa mingħajr dokumenti u sabiex matul l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' inklużjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, jikkunsidraw aktar minn qabel lil dawn in-nisa;

35. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżviluppaw kampanji ta’għarfien madwar l-UE biex jedukaw lill-migranti nisa mingħajr dokumenti dwar id-drittijiet tagħhom;

36. Jitlob, fil-kuntest ta' sforzi għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni permezz ta' għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiż tal-oriġini tal-migranti, li jkun hemm enfasi fuq l-edukazzjoni u d-drittijiet tan-nisa;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed persunal ta' kuntatt, professjonisti tal-kura, uffiċjali, assessuri u persunal ieħor femminili; jitlob tali miżuri għall-fini li jiġu rispettati reliġjonijiet u kulturi oħra u għall-ħtieġa ta' protezzjoni mid-diskriminazzjoni;

38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.
  • [2]  ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17.
  • [3]  ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.
  • [4]  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.
  • [5]  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.
  • [6]  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 25.
  • [7]  Testi adottati, P7_TA(2013)0328.
  • [8]  l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE.
  • [9]  Fejn migranti mingħajr dokumenti jiġu arrestati u identifikati mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u tinħarġilhom deċiżjoni ta’ tneħħija li mbagħad tiġi posposta iżda ma jkollhom l-ebda dokumenti li jikkonfermaw l-posponiment tad-deċiżjoni tat-tneħħija.
  • [10]  Premessa 10 tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità.

NOTA SPJEGATTIVA

‘Migrant mingħajr dokumenti’ huwa definit bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li l-permanenza tiegħu fl-UE hija attwalment illegali u għalhekk dan m’għandu l-ebda permess ta’ residenza li jawtorizzaha. Il-migrant jew daħal fl-UE illegalment, jew tawwal il-permanenza tiegħu aktar mill-permess li tagħtih il-viża jew ġiet miċħuda t-talba tiegħu għall-asil. Ta’ spiss, migranti mingħajr dokumenti jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ “limbu legali”, fejn ikunu ġew arrestati u identifikati mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u inħarġet deċiżjoni ta’ ritorn iżda din d-deċiżjoni ma tkunx ġiet eżegwita jew ġiet posposta u l-awtoritajiet ma joħroġux dokument formali li jagħti xhieda għall-posponiment tad-deċiżjoni lill-migrant. F’każijiet bħal dawn, il-migrant ikun f’riskju li jiġi arrestat u miżmum mill-ġdid u ma jkollu l-ebda aċċess għad-drittijiet tiegħu. B’konsegwenza tal-istatus legali tagħhom, migranti mingħajr dokumenti ikollhom ftit aċċess jew xejn għas-servizzi bażiċi fil-pajjiż ospitanti. L-aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ emerġenza jew l-iffirmar ta’ djar, jew ir-reġistrar ta’ kuntratti ta’ korsijiet edukattivi kollha jeħtieġu forma valida ta’ identifikazzjoni u/jew prova ta’ residenza, li għalihom l-migranti mingħajr dokumenti ma jkunux jistgħu jipprovdu l-identifikazzjoni meħtieġa. Kwistjoni oħra addizzjonali hija l-biża’ li jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni mill-fornituri tas-servizz. Rekwiżiti sabiex wieħed jirrapporta huma differenti fost l-Istati Membri fil-funzjoni tas-servizz ipprovdut u għalkemm professuri jew tobba mhumiex neċessarjament obbligati bil-liġi li jirrapportaw immigranti illegali, m’hemmx garanzija li dawn ma jagħmlux hekk. Huwa ġeneralment mifhum, li r-rappurtar lill-pulizija ta’ kwalunkwe reat jew sfruttament minn min iħaddem mhuwiex possibbli.

Bħas-soltu, is-sitwazzjoni tan-nisa migranti mingħajr dokumentat hija aktar serja minn dik tal-irġiel. Huma jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja minħabba s-sess u l-istatus legali tagħhom (jew anki diskriminazzjoni tripla jekk tingħadd ir-razza). B’mod ġenerali n-nisa migranti huma aktar vulnerabbli għall-abbuż fiżiku, iżda dawk mingħajr dokumenti huma saħansitra aktar u aktar peress li l-istatus legali tagħhom ipoġġihom f’pożizzjoni tali fejn ma jkunux jistgħu jilħqu lill-pulizija jew l-isptarijiet jew ir-refuġji għall-għajnuna u dak li jabbuża minnhom jaf b’dan kollu u jisfrutta din is-sitwazzjoni. Pereżempju, kien hemm każijiet fejn sidien bla skrupli sfruttaw din il-vulnerabilità tan-nisa migranti mingħajr dokumenti u abbużawhom fiżikament u sesswalment sabiex minflok jipprovdulhom post fejn jgħixu. In-nisa migranti mingħajr dokumenti li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni abbużiva saħansitra lanqas jistgħu jaċċessaw faċilment ir-refuġji tan-nisa. Ħafna mir-refuġji tan-nisa mmexxija mill-istat jeħtieġu xi forma ta’ identifikazzjoni sabiex jirċievu l-persuna, b’hekk il-vittmi jitħallew bl-għażla orribbli bejn li jibqgħu fis-sitwazzjoni abbużiva jew jisfaw bla dar.

Barra minn hekk, in-nisa migranti mingħajr dokumenti ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għall-kura speċifika għas-sess bħal servizzi ta’ qabel it-twelid u ta’ wara t-twelid. U dak li huwa saħansitra agħar huwa li dawn in-nisa jibżgħu wkoll jikkuntattjaw dawk l-NGOs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jistgħu effettivament jgħinuhom u huwa wkoll diffiċli għall-NGOs biex jikkuntattjaw lilhom.

Ir-rakkomandazzjonijiet proposti fir-rapport jiffukaw fuq tliet punti ewlenin. L-ewwel punt jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jifirdu l-politiki tal-immigrazzjoni mill-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u mill-prosekuzzjoni ta’ reati kontra l-migranti mingħajr dokumenti. L-aċċess għall-kura bażika tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-protezzjoni tal-integrità fiżika huma drittijiet fundamentali u l-migranti mingħajr dokumenti huma intitolati għalihom minkejja l-istatus residenzjali jew legali tagħhom. Għalhekk, il-migranti għandhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal dawn is-servizzi bażiċi u jirrapportaw ukoll lil dawk li jabbużaw minnhom lill-pulizija mingħajr il-biża’ ta’ arrest u deportazzjoni.

It-tieni punt jirrakkomanda li f’reviżjonijiet futuri tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem u d-Direttiva dwar ir-Ritorni, il-Kummissjoni ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-migranti mingħajr dokumenti u speċjalment għall-migranti femminili mingħajr dokumenti. Id-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem fiha salvagwardja fl-Artikolu 6 li teħtieġ lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli mekkaniżmi li jiżguraw li l-ħaddiema migranti mingħajr dokumenti jkunu jistgħu jew jippreżentaw pretensjoni kontra min iħaddem għal kull remunerazzjoni dovuta jew ikunu jistgħu jitolbu lill-awtorità kompetenti tal-Istat ikkonċernat biex tibda l-proċedura ta’ rkupru. Skont diversi studji, din il-klawsola ta’ salvagwardja mhijiex implimentata b’mod korrett fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-migranti mingħajr dokumenti ma jkunux konxji li jkollhom dan id-dritt partikolari. Ir-rapport jistieden lill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq din il-kwistjoni partikolari biex imexxu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw lill-migranti mingħajr dokumenti li huma għandhom il-possibbiltà ta’ rikors legali meta min iħaddimhom ma jħallashomx. Ir-rapport jintroduċi wkoll ir-rakkomandazzjoni li jiġi introdott mekkaniżmu ġdid li permezz tiegħu l-migranti jkunu jistgħu jippreżentaw ilmenti formali iżda anonimi kontra dak li jħaddem li jkun abbużiv, permezz ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew unjins tal-ħaddiema, skont il-liġi f’kull Stat Membru. It-tieni punt isaħħaħ ukoll il-ħtieġa mill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rekwiżit biex joħroġu posponiment uffiċjali ta’ tneħħija sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni ta’ “limbu legali” li xi migranti mingħajr dokumenti jsibu ruħhom fiha. Dan huwa importanti peress li, minbarra li jipprevjeni arresti u/jew detenzjonijiet futuri, il-protezzjonijiet bażiċi li migrant mingħajr dokumenti jkollu d-dritt għalihom ivarjaw fil-funzjoni tal-istatus tiegħu, speċjalment il-protezzjoni mid-detenzjoni arbitrarja.

It-tielet punt kopert mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport huwa s-sitwazzjoni taċ-ċentri ta’ detenzjoni. Ta’ spiss il-migranti huma miżmuma f’kundizzjonijiet indiċenti, fejn jistgħu jsofru trawmi psikoloġiċi. Nisa migranti mingħajr dokumenti huma ta’ spiss abbużati fiżikament fil-ħin tal-arrest u matul id-detenzjoni. Ir-rapport jitlob li l-Istati Membri jinvestigaw bis-sħiħ kwalunkwe pretensjonijiet ta’ abbuż fiżiku magħmula mid-detenuti u li b’koperazzjoni mal-NGOs, isibu alternattivi aktar umana għaċ-ċentri ta’ detenzjoni li donnhom ħabs. Ir-rapport jintemm billi jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jipprovdu aktar finanzjament għall-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu ma’ migranti mingħajr dokumenti.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (27.11.2013)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar migranti nisa mingħajr dokumenti fl-Unjoni Ewropea
(2013/2115(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Martin Kastler

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jinnota, li l-istatus irregolari tan-nisa mingħajr dokumenti madwar l-Ewropa kollha qed jimpedixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-edukazzjoni u s-saħħa u dan qed jagħmel lin-nisa partikolarment vulnerabbli għal kull xorta ta' sfruttament, pagi baxxi, kundizzjonijiet tax-xogħol instabbli u esklużjoni soċjali; iqis li l-aħjar mod kif tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom b'mod permanenti huwa li jiddaħħlu f'sistemi stabbiliti legalment, billi l-istatus irregolari tagħhom qed iċaħħadhom minn sigurtà soċjali u benefiċċji oħra tal-impjieg; jinnota li dawn jistgħu jkunu żvantaġġati ulterjorment mill-illiteriżmu u minn ostakoli lingwistiċi u ta' adattabilità;

2.   Jistieden lill-Istati Membri jieħdu din l-azzjoni: iġibu fi tmiem il-prattiki diskriminatorji; jiġġieldu kontra x-xogħol mhux dikjarat u l-isfruttament tax-xogħol, fost l-oħrajn permezz ta' spezzjonijiet fuq ix-xogħol; jirrikonoxxu lin-nisa mingħajr dokumenti bħala vittmi u jippermettulhom aċċess għal servizzi bażiċi tas-saħħa, ix-xogħol u l-edukazzjoni; jippermettulhom aċċess għas-sistema ġuridika u għal pariri kunfidenzjali f'emerġenzi, mingħajr il-biża' li dan iwassal għal miżuri li jġibu fi tmiem ir-residenza tagħhom; jiżguraw li tali azzjoni tinvolvi wkoll lill-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll netwerks ta' organizzazzjonijiet eżistenti ta' għajnuna, knejjes u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; u jistabbilixxu, fejn neċessarju, forom speċifiċi ta' protezzjoni tad-data għan-nisa kkonċernati;

3.   Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu lill-migranti nisa mingħajr dokumenti bħala grupp soċjali vulnerabbli biċ-ċar li huwa espost għat-traffikar, id-diskriminazzjoni u l-isfruttament fis-suq tax-xogħol;

4.   Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffukaw fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' migranti nisa mingħajr dokumenti, bħala pass importanti lejn id-definizzjoni u r-rikonoxximent tad-diffikultajiet li huma esposti għalihom fis-suq tax-xogħol u bil-ħsieb li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tagħhom jiġu rispettati;

5.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv sabiex jinfetħu l-possibilitajiet għar-regolarizzazzjoni ta' persuni mingħajr dokumenti bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u tittejjeb l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà;

6.   Jenfasizza li partikolarment in-nisa mingħajr dokumenti spiss ikunu vittmi ta' kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, iżolati jew ta' riskju għas-saħħa, spiss ikollhom impjiegi taħt il-livell edukattiv tagħhom, xi drabi jesperjenzaw abbuż u vjolenza u r-relazzjoni ta' dipendenza estrema fil-konfront ta' dawk li jħaddmuhom timpedixxihom milli jitolbu b'jedd id-drittijiet fundamentali tagħhom u tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jgħinu lin-nisa mingħajr dokumenti jiddaħħlu fi ħdan sistemi stabbiliti legalment, u b’hekk jippermettulhom jeżerċitaw aħjar id-drittijiet tagħhom, inkluż bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/52/KE li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, b'osservanza tal-liġi tax-xogħol u tal-ftehimiet kollettivi;

7.   Jappella għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat; jitlob li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tan-nisa fix-xogħol furzat, li ma jinkludix biss il-prostituzzjoni furzata, iżda kull xogħol involontarju, anke fil-qasam domestiku, u li jiġu mħarsa l-migranti nisa kkonċernati mingħajr dokumenti;

8.   Jenfasizza l-ħtieġa għall-Kummissjoni u l-Istati Membri li jsaħħu l-ispezzjonijiet fuq ix-xogħol sabiex jiġi miġġieled l-isfruttament tal-ħaddiema migranti nisa mingħajr dokumenti u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom tal-bniedem;

9.   Jappella għall-ħolqien ta' forom speċjali ta' ħarsien tad-data għal nisa mingħajr dokumenti, inklużi vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, li f'sitwazzjonijiet bħal dawn jirrikorru għal sptarijiet, tobba, awtoritajiet u NGOs għal għajnuna jew linji gwida, għal djar għan-nisa, servizzi ta' konsulenza jew gwidi spiritwali, u jitlob ukoll il-protezzjoni tal-ħaddiema f'tali faċilitajiet li jiksbu tagħrif dwar ir-residenza irregolari; jemmen li l-għajnuna u l-appoġġ għandhom jingħataw skont id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u jitlob li din id-Direttiva tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha; jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa bi status ta' residenza irregolari jew mhux ċar ikun jista' jkollhom aċċess għall-kura medika mingħajr ir-riskju ta' tkeċċija;

10. Jikkundanna kull forma ta' vjolenza, traffikar tal-bnedmin, abbuż u diskriminazzjoni kontra nisa mingħajr dokumenti; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat aċċess għall-offerti ta' għajnuna f'sitwazzjonijiet bħal dawn, mingħajr il-biża' li dan iwassal direttament għal miżuri li jġibu fi tmiem ir-residenza;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed persunal ta' kuntatt, professjonisti tal-kura, uffiċjali, assessuri u persunal ieħor femminili; jitlob tali miżuri għall-fini li jiġu rispettati reliġjonijiet u kulturi oħra u għall-ħtieġa ta' protezzjoni mid-diskriminazzjoni;

12. Jenfasizza li n-nisa mingħajr dokumenti huma vulnerabbli għall-abbuż, u li l-ostakoli għalihom sabiex iniedu proċeduri legali spiss jinsabu fil-biża' li s-sigurtà tagħhom mhijiex garantita, minħabba n-nuqqas ta' rifuġji u ostakoli proċedurali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li nisa bħal dawn ikollhom il-possibilità jirrappurtaw kull abbuż li jġarrbu, u li jkunu protetti minn kull xorta ta' tpattija; jemmen li għandhom jiġu introdotti miżuri li jassistu nisa vulnerabbli bħal dawn, inkluż il-forniment ta' postijiet ta' kenn; jistieden lill-Istati Membri għaldaqstant jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jidentifikaw tali abbuż u jiżguraw aċċess għall-ġustizzja;

13. Jiġbed l-attenzjoni b’mod speċjali lejn is-sitwazzjoni tan-nisa tqal mingħajr dokumenti jew bit-tfal; jenfasizza li dawn jeħtieġu protezzjoni speċjali u li jkunu intitolati legalment għall-kura medika, u li jkollhom id-dritt għal ċertifikat tat-twelid għal uliedhom skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU; jenfasizza li dawn għandu jkollhom aċċess għal kura medika korrispondenti u għal uffiċċji tar-reġistru mingħajr il-biża' li dan iwassal għal miżuri li jġibu fi tmiem ir-residenza tagħhom; jappella għal forom speċjali ta' protezzjoni tad-data għan-nisa, li f'sitwazzjonijiet bħal dawn jirrikorru għal tobba, kliniki jew uffiċċji tar-reġistru;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex permezz ta’ riċerka aktar estensiva u konnessa, jagħlqu l-lakuni li jeżistu fir-rigward ta’ data awtentika u informazzjoni eżistenti dwar l-għadd u s-sitwazzjoni ta’ persuni mingħajr dokumenti fl-Ewropa, jiġbdu l-attenzjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) lejn is-sitwazzjoni tan-nisa mingħajr dokumenti u sabiex matul l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' inklużjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, jikkunsidraw aktar minn qabel lil dawn in-nisa;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu aċċess għas-sistemi edukattivi lit-tfal ta' nisa li għandhom status ta' residenza irregolari jew mhux ċar, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li dan sussegwentement iwassal għal prosekuzzjoni u/jew deportazzjoni;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu l-inugwaljanzi fl-impjiegi bejn ħaddiema migranti u ħaddiema tal-UE billi joffru edukazzjoni sekondarja u taħriġ vokazzjonali bil-ħsieb li n-nisa, speċjalment in-nisa migranti, ikunu jistgħu jiksbu ħiliet ġodda u b'hekk ma jkunux ristretti għal xogħlijiet b'pagi baxxi;

17. Jitlob, fil-kuntest ta' sforzi għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni permezz ta' għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiż tal-oriġini tal-migranti, li jkun hemm enfasi fuq l-edukazzjoni u d-drittijiet tan-nisa;

18. Jitlob sabiex tiġi kkunsidrata f'dan il-kuntest l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar l-aspetti tal-ġeneru fil-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Alejandro Cercas, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Jutta Steinruck, Ruža Tomašić, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jürgen Creutzmann, Liisa Jaakonsaari, Jelko Kacin, Martin Kastler, Anthea McIntyre, Birgit Sippel, Csaba Sógor

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jolanta Emilia Hibner, Sławomir Nitras, Maurice Ponga

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Lívia Járóka, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Norica Nicolai, Britta Thomsen, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Doris Pack, Rui Tavares, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Hans-Peter Mayer