Proċedura : 2013/2095(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0007/2014

Testi mressqa :

A7-0007/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/01/2014 - 5.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0015

RAPPORT     
PDF 212kWORD 155k
8.1.2014
PE 519.777v01-00 A7-0007/2014

dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f’waqtu tal-perjodu l-ġdid ta’ Programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni

(2013/2095(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Derek Vaughan

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f’waqtu tal-perjodu l-ġdid ta’ Programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni

(2013/2095(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 174 et seq. tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni(1),

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (COM(2013) 0246),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra(4),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta1-14 ta’ Diċembru 2010 dwar governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE: proċeduri ta’ assistenza u kontroll mill-Kummissjoni Ewropea(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar l-assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni: tagħlimiet meħuda għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE(7),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 bl-isem “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020” (COM(2011)0017) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jmur magħha (SEC(2011)0092),

–   wara li kkunsidra t-tmien rapport ta’ progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tas-26 ta’ Ġunju 2013 (COM (2013) 0463),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2013 bit-titolu ‘Politika ta’ Koeżjoni: Rapport Strateġiku 2013 dwar programm ta’ implimentazzjoni 2007-2013’, (COM(2013) 0210), u u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jmur miegħu (SWD(2013) 0129),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ Ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2012 dwar ‘Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi Komuni tal-Qafas Strateġiku - elementi għall-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija’ (SWD(2012)0106),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar ‘Elementi għal Qafas Strateġiku Komuni 2014 sal-2020 - il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd’, (SWD(2012)0061), il-partijiet I u II),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fi ħdan l-istrateġija UE 2020 (CESE 994/2011 - ECO/291),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni - elementi għal Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija (CESE 1396/2012 - ECO/330),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tat-22 ta’ Mejju 2013 il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni - inkluż l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, (CESE 1557/2013 - SOC/481),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta’ Jannar sal-1 ta’ Frar 2013 dwar ‘Pakkett leġislattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013’ (2013/C 62/01),

–   wara li kkunsidra l- abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7-9 ta’ Ottubru 2013 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għall-infiq aħjar (COTER-V-040)

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0007/2014),

A. billi l-Istati Membri huma fil-proċess ta’ tħejjija għall-Ftehimiet ta’ Sħubija tagħhom (PAs) u għall-Programmi Operattivi (POs) għall-perjodu ġdid ta’ programmar 2014-2020;

B.  billi l-ftehim finali dwar il-qafas legali għall-Fondi Strutturali u l-Investiment Ewropew huwa mistenni li jintlaħaq qabel tmiem l-2013;

C. billi r-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jistipula regoli komuni għall-ħames Fondi tal-Unjoni Ewropea: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;

D. billi l-politika ta’ koeżjoni hija mmirata lejn tnaqqis tal-iżbilanċi li jeżistu bejn ir-reġjuni tal-UE permezz tal-finanzjament iffokat fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

E.  billi l-politika ta' koeżjoni tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

F.  billi l-politika ta’ koeżjoni, li tikkostitwixxi l-politika prinċipali għall-iżvilupp tal-UE, tikkontribwixxi biex għall-maġġoranza tal-Istati Membri tingħeleb il-kriżi ekonomika;

G. billi kull sforz possibbli għandu jsir biex jiżgura li l-konsenja u l-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 jiġu simplifikati kemm jista’ jkun għall-awtoritajiet kollha u l-benefiċjarji;

L-iżgurar ta’ bidu effettiv u f'waqtu għall-perjodu ta’ Programmazzjoni l-ġdid tal-Politika ta' Koeżjoni

1.  Jirrikonoxxi li l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni b’suċċess investa biljuni ta’ euro fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, appoġja n-negozji innovattivi u żviluppa l-konnessjonijiet tat-trasport madwar l-UE matul l-aħħar snin;

2.  Jenfasizza, madankollu, il-fatt li d-differenzi bejn ir-reġjuni tal-UE għadhom jeżistu, u f’xi każijiet qed jikbru, u li l-investiment kontinwu fil-finanzjament tal-UE fuq livell lokali u reġjonali huwa importanti ħafna biex jiġi żgurat li l-appoġġ ikompli jilħaq żoni li huma fil-bżonn ta' riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-politika ta' koeżjoni għandha, fost affarijiet oħra, tindirizza l-problema li qed tikber tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea;

4.  Jenfasizza li fil-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali għaddejja bħalissa, il-finanzjament mill-politika ta' koeżjoni f'bosta Stati Membri huwa sors ewlieni ta' investiment pubbliku u dik hi sitwazzjoni li tista' teħtieġ il-flessibbiltà mill-parti tal-Istati Membri kkonċernati sabiex jerġgħu jħaddmu l-ekonomiji tagħhom. jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi żgurat li l-Istati Membri u r-reġjuni huma f’pożizzjoni li jibdew jimplimentaw s-serje ġdida ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni malajr kemm jista’ jkun mal-bidu tal-2014;

5.  Jilqa' l-adozzjoni tal-QFP għall-2014-2020 kif ukoll il-qafas ġuridiku għall-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li nkiseb eżitu sodisfaċenti bil-ħsieb li tiġi żgurata tnedija rapida u effikaċi tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida;

6.  Ifakkar li l-livell ta' "impenji pendenti" (jew RAL, mill-Fraċiż "reste à liquider") ammonta għal żewġ terzi ammonta tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni fl-aħħar tal-QFP 2007-2013(8); jinsisti fuq in-neċessità li tinsab soluzzjoni stabbli, li tippermetti li jiġi mmitigat ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ pagamenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-regola N+3, filwaqt li hija essenzjali biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-proġetti appoġġati mill-politika ta’ koeżjoni, se jkollha impatt fuq l-akkumulazzjoni tar-RAL fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari fil-każ ta’ dewmien fit-tnedija tal-programmi l-ġodda;

7.  Jinnota wkoll li apparti l-bidu effettiv u f'waqtu tal-perjodu ta’ Programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni l-ġdid, l-iżgurar tal-kwalità tal-PAs u Programmi Operattivi jrid jingħata l-ikbar importanza biex ikun żgurat li l-fondi qed jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom fuq tul ta' żmien;

8.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar l-importanza tar-rieżami u tar-reviżjoni obbligatorji tal-QFP li jmiss qabel it-tmiem tas-sena 2016, bil-għan li l-Kummissjoni u l-Parlament li jmiss ikunu jistgħu jerġgħu jivvalutaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, jadattaw il-QFP, jekk hemm bżonn, għall-isfidi l-ġodda u jqisu bis-sħiħ il-projezzjonijiet makroekonomiċi l-aktar reċenti

Ir-Regolament għad-dispożizzjonijiet Komuni

9.  Jilqa’ t-titjib li sar għar-regolament li se jintroduċi approċċ aktar b’saħħtu u aktar integrat għall-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni; jirrikonoxxi li dan huwa vitali biex ikun żgurat li l-proġetti jkollhom effett akbar u jipproduċu riżultati tanġibbli; jistieden lill-Istati Membri jintroduċi saħansitra iktar miżuri li jissimplifikaw il-burokrazija u l-amministrazzjoni tal-programmi; jemmen li dan għandu jwassal għal implimentazzjoni bla xkiel ta' dawn il-programmi u użu effiċjenti tal-fondi;

10. Jilqa’ l-proposti sabiex jintroduċi miżuri ta’ simplifikazzjoni matul iċ-CPR bil-ħsieb li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; iqis li kieku l-proċess isir aktar sempliċi għall-applikanti, il-benefiċjarji u l-awtoritajiet amministrattivi jitjieb il-valur miżjud għall-finanzjament tal-UE;

11. Jirrikonoxxi li l-politika ta’ koeżjoni tista’ tagħti kontribut vitali biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-allinjament tal-politika ta’ koeżjoni mal-miri tal-Ewropa 2020 permezz tal-konċentrazzjoni tematika fuq numru limitat ta’ objettivi; jenfasizza li dan l-approċċ iħalli biżżejjed flessibbiltà sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet lokali u reġjonali;

12. Jenfasizza l-importanza tal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti bħala mod biex jikkomplementaw l-għanijiet tal-istrateġija tat-tkabbir tal-Ewropa 2020 billi jiffoka fuq l-identifikazzjoni u l-massimizzazzjoni tal-oqsma ta' saħħa kompetittiva, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u l-integrazzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni permezz ta’ sħubijiet fl-UE kollha;

13. Jenfasizza l-fatt li, filwaqt li miżuri ta’ kondizzjonalità diġà jeżistu fil-politika ta’ koeżjoni, il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss se jkun immirat li jtejjeb l-effettività tal-finanzjament billi jagħmel il-finanzjament kundizzjonali fuq il-konformità ma’ ċerti kriterji; hu tal-opinjoni li l-politika ta' koeżjoni hija politika li tappoġġa l-koeżjoni bejn ir-reġjuni li m'għandhiex tkun garanzija għal politiki tal-UE oħrajn immirati lejn riformi makroekonomiċi fl-Istati Membri;

14. Jirrimarka li sakemm wieħed jadatta għall-bidliet introdotti miċ-CPR jista’ jikkawża xi dewmien fit-tħejjija tal-PAs u l-POs;

Progress fl-Istati Membri

15. Jenfasizza l-fatt li huwa ċar li l-Istati Membri fit-tħejjijiet tagħhom huma fi stadji differenti ħafna; jirrikonoxxi li, filwaqt li xi Stati Membri qed jagħmlu progress tajjeb u ssottomettew l-abbozz PAs tagħhom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni, oħrajn għadhom aktar lura f’dan il-proċess;

16. Jirrimarka li, b’mod ġenerali, dawk l-Istati Membri l-ġodda (UE12) li esperjenzaw parti mill-programmi 2000-2006 u kull programm tal-2007-2013 huma avvanzati sew fit-tħejjijiet meta mqabbla ma’ wħud mill-UE15;

17. Jenfasizza l-fatt li xi Stati Membri qed jaffaċhaw tnaqqis sinifikanti fil-baġits tagħhom tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss filwaqt li f’oħrajn hemm dibattitu kontinwu dwar id-distribuzzjoni tal-baġits fl-Istati Membri; jirrikonoxxi li dawn iż-żewġ kwistjonijiet jistgħu jikkawżaw dewmien fit-tħejjijiet;

18. Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri li qegħdin jagħmlu progress tajjeb bi preparazzjonijiet għall-fażi ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni li jmiss ressqu l-abbozz tal-PAs tagħhom u l-OPs lill-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet informali f’Ġunju jew Lulju 2013;

19. Jirrikonoxxi li ħafna mill-Istati Membri li jkollhom prestazzjoni tajba bdew il-proċess ta’ tħejjija mill-2010 billi stiednu partijiet interessati rilevanti biex jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet dwar il-formulazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet; jilqa’, għalhekk, l-isforzi magħmula biex il-proċess ta’ tħejjija jibda kmieni kemm jista’ jkun u jemmen li dan iħeġġeġ b’mod ċar tħejjija akbar;

20. Jenfasizza li l-preparazzjonijiet avvanzati huma dipendenti fuq li l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet ikollhom kapaċità biżżejjed li jinvestu ħin u flus fil-preparazzjonijiet u li joħolqu biżżejjed persunal disponibbli fi stadju bikri;

21. Jirrikonoxxi li dawn il-preparazzjonijiet avvanzati kienu jfissru li f’xi każijiet l-evalwazzjoni ex-ante u l-valutazzjonijiet strateġiċi tal-impatt ambjentali (SEIA) saru fil-ħin, u dan jippermetti li l-abbozzi jiġu emendati f’Settembru u Ottubru 2013, abbażi tar-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet;

22. Jirrikonoxxi li xi Stati Membri għaddew minn bidliet fil-gvern li jistgħu jimpedixxu l-preparazzjonijiet għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; jenfasizza l-fatt li, f’każijiet bħal dawn, il-vantaġġi li jkollok sistemi fis-seħħ li jiżguraw li l-ħidma kollha amministrattiva tkompli irrispettivament mill-bidliet fil-gvernijiet huma vitali għall-preparazzjonijiet kontinwi;

23. Jirreferi wkoll għall-bżonn ta’ preparazzjonijiet għal fondi tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġu infurzati f’livell politiku sabiex jiżguraw li l-finalizzazzjoni tal-AP hija prijorità għall-gvernijiet;

Progress ma’ Ftehimiet ta’ Sħubija u Programmi Operattivi

24. Jirrimarka li xi Stati Membri qed jippjanaw li jibdlu l-kontenut tal-Programmi Operattivi tagħhom; jilqa' l-fatt li ċerti Stati Membri ddeċidew li jaqilbu għal programmi multifinanzjati jew inaqqsu l-għadd ta’ Programmi Operattivi fil-livell reġjonali;

25. Jinnota li l-ammont ta’ kontroll u koordinazzjoni allokat lill-amministrazzjonijiet reġjonali mill-gvern ċentrali jvarja ħafna skont l-istruttura organizzattiva fid-diversi Stati Membri, xi reġjuni jkunu estremament attivi u li jkollhom kontroll kważi komplet ta’ bosta aspetti tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni u tar-rappreżentanza fil-PAs; jirreferi għal, f'dan ir-rigward, għall-Kodiċi ta' Kondotta, li jagħraf ir-rwol kruċjali tal-atturi lokali u reġjonali kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li fih il-prinċipju ta' sħubija huwa salvagwardat fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020;

26. Jenfasizza l-fatt li d-dimensjoni lokali u reġjonali għandha titqies b'mod sħiħ; jenfasizza r-rwol importanti tar-reġjuni fl-għażla ta' oqsma ta' saħħa kompetittiva;

27. Jenfasizza l-fatt li mod wieħed kif jiġi żgurat li l-approċċ għall-funzjonijiet tal-PAs fl-Istati Membri ma’ amministrazzjonijiet devoluti huwa li fil-PAs jinkludu kapitoli separati mfassla mill-amministrazzjonijiet reġjonali; jenfasizza li dan l-approċċ jiżgura li l-amministrazzjonijiet li għandhom setgħat devoluti għall-Programmi ta’ finanzjament Ewropew huma aktar involuti direttament fl-iżvilupp tal-PAs u li jkollhom l-għażla li jiżviluppaw l-ideat ta’ programmazzjoni u l-mekkaniżmi tagħhom stess;

28. Jirrikonoxxi, madankollu, li dan jista’ jkollu impatt fuq l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri kollha;

29. Jindika li l-koordinazzjoni effiċjenti hi meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri biex jilħqu l-iskadenzi għall-preparazzjoni tal-Programmi Operattivi li jirriflettu l-ħtiġijiet ta' żvilupp lokali u reġjonali, peress li r-responsabbiltà għall-kontenut u l-amministrazzjoni tal-Programmi Operattivi għandha tkun, fejn applikabbli, tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, b'konformità mal-organizzazzjoni interna ta' kull Stat Membru, jekk il-PAs għandhom jiġu konklużi fil-ħin;

30. Jirrikonoxxi, madankollu, li tnaqqis fil-Programmi Operattivi fil-livell reġjonali jinvolvi ġestjoni sostanzjali u l-bidla organizzattiva u jista’ jġib miegħu riskju akbar ta’ dewmien fil-bidu minħabba l-bidliet ikkawżati mill-komplessità tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi flimkien mal-programmazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali differenti;

31. Jinnota li l-Kummissjoni hija konxja dwar l-interess konsiderevoli fi programmi multifinanzjati, kif previst fir-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni, fejn ħafna Stati Membri qed jippjanaw li jkollhom tal-inqas programm multifinanzjat wieħed fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jenfasizza, d'dan ir-rigward, li dan l-approċċ għandu jittieħed bl-iktar mod effiċjenti possibbli u m'għandux iwassal għal intoppi jew dewmien; jirrikonoxxi li l-isfondi istituzzjonali differenti fl-Istati Membri huma rikonoxxuti fir-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni u huma previsti sabiex jakkomodaw każijiet speċifiċi; jenfasizza l-fatt li l-livelli reġjonali u lokali huma l-aħjar livelli biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-iżvilupp u biex jiġu implimentati programmi mill-qrib taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet, l-impriżi u l-awtoritajiet konċernati;

32. Jirrikonoxxi li l-kapaċità biex tipprepara l-PAs u l-Programmi Operattivi fi stadju avvanzat tiddependi fuq jekk l-Istati Membri jagħmlux analiżi preliminari suffiċjenti tas-sitwazzjoni tal-pajjiż u tax-xejriet futuri; jenfasizza li dan se jiżgura li l-fondi tal-UE jagħtu kontribut aktar effettiv biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti għall-pajjiż;

33. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel pubbliku l-istat ta' tħejjija tal-Ftehimiet ta' Sħubija tal-Istati Membri, pereżempju permezz ta', sommarju għal kull Stat Membru li jkun fih informazzjoni dwar l-istat tal-preparazzjonijiet tiegħu, il-kontenut propost u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti biex l-Istati Membri u l-awtoritajiet l-oħra jkunu jistgħu jitgħallmu minn prattiki u approċċi tajba;

Lezzjonijiet mill-2007-2013

34. Jenfasizza l-fatt li għal ħafna Stati Membri, it-trasferiment ta’ metodi u mekkaniżmi mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 għall-perjodu ta’ wara l-2013 se jkun kwistjoni ewlenija; jenfasizza li l-iżgurar li l-proġetti li għaddejjin ikomplu jkunu effettivi filwaqt li qed jiġu żviluppati proġetti ġodda huwa wkoll sfida;

35. Jirrikonoxxi li għal ħafna Stati Membri l-preparazzjonijiet ħadu żmien itwal milli kien mistenni fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013; jenfasizza li din hija xi ħaġa li bosta amministrazzjonijiet setgħu jirrimedjaw billi jiġi żgurat li l-PAs u l-POs ġodda huma mogħtija b’mod aktar f’waqtu;

36. Iqis li l-eżempji pprovduti mill-Istati Membri juru biċ-ċar li l-koordinazzjoni bejn il-miżuri differenti, il-Programmi Operattivi u l-fondi jridu jiġu mtejba u li l-involviment tal-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet reġjonali u s-sħab soċjali u ekonomiċi jeħtieġ li jkunu msaħħa;

37. Jirrikonoxxi li l-problemi komuni identifikati fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti kellhom inklużi prijoritajiet li kienu definiti b’mod wiesa’ wisq; jitlob, għalhekk, għal approċċ aktar strateġiku u konsistenti għall-prijoritajiet fil-futur, b’inqas prijoritajiet mmirati lejn objettivi speċifiċi;

38. Jilqa’ l-fatt li, fuq il-bażi ta’ esperjenzi ta’ suċċess mir-rawnd ta’ finanzjament preċedenti, l-Istati Membri qed ifittxu biex itejbu l-ingranaġġ ta’ finanzjament mis-settur privat sabiex jiftħu sorsi alternattivi ta’ finanzjament biex jikkomplementaw metodi ta’ finanzjament tradizzjonali; jenfasizza li, fi żmien ta’ limitazzjoni fiskali qawwija u ta’ tnaqqis tal-kapaċità tas-self min-naħa tas-settur privat, użu akbar ta' strumenti finanzjarji innovattivi jista’ jrawwem is-sħubiji pubbliċi privati, jikseb effett ta’ multiplikatur mal-baġit tal-UE, jillibera sorsi alternattivi ta' finanzjament u jiggarantixxi fluss importanti ta' fondi għal investimenti reġjonali strateġiċi; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-istabbiliment ta' regoli ċari għall-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, bħal self, garanziji u investimenti ta' ekwità, bħala kumplimenti għall-għotjiet biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet edukattivi;

Effikaċja tal-fondi

39. Jindika li huwa ċar mill-esperjenzi ta’ programmi ta’ ffinanzjar preċedenti li l-iżgurar ta’ impatt pożittiv, fit-tul għall-fondi huwa importanti ħafna; jinsisti, barra minn hekk, fuq l-importanza tal-kwalità ta' programmi u l-oġġettività tal-infiq;

40. Jenfasizza l-fatt li l-enfasi fuq approċċ immirat għal riżultati ssemma minn bosta Stati Membri bħala mira għall-preparazzjoni tal-fażi ta’ finanzjament li jmiss; jilqa’ l-eżempji mogħtija minn xi Stati Membri dwar modi kif jista’ jittieħed approċċ aktar effiċjenti biex jiddefinixxu minn qabel ir-riżultati mistennija sabiex jippermettu li l-finanzi jkunu mmirati lejn proposti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

41. Jenfasizza li l-koordinazzjoni bejn l-oqsma ta’ politika u r-rikonoxximent tal-prijoritajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali nazzjonali u reġjonali huma kkwotati bħala importanti ħafna minn ħafna Stati Membri; hu tal-opinjoni li, fejn applikabbli, il-programmi operattivi għandhom iqisu l-objettivi ta' żvilupp fil-livell lokali u reġjonali; jindika li l-ħolqien ta' sinerġiji bejn id-diversi sorsi ta' finanzjament tal-UE u l-baġits tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu mħeġġa sabiex tiżdied l-effikaċja tal-investiment fis-settur pubbliku fl-UE;

Sinerġiji ma’ politiki u strumenti oħra

42. Iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-potenzjal għall-allinjament bejn il-fondi kollha koperti miċ-CPR;

43. Huwa mħeġġeġ mill-fatt li xi Stati Membri qed jikkunsidraw l-iżvilupp tal-użu ta’ strumenti ġodda bħall-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD), Investimenti Territorjali Integrati (ITIs) u Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunta (JAPs); jifhem li hemm, madankollu, l-istrumenti l-ġodda ma ntlaqgħux bl-istess mod minn kulħadd u li l-analiżi tal-pjanijiet attwali tal-Istati Membri wriet li s-CLLD se jkun implimentat b'mod usa' mill-ITIs, speċjalment l-EARDF meta mqabbel mal-FEŻR peress li s-CLLD ilu jeżisti għal żmien itwal fil-programm tal-EARDF kif ukoll minħabba l-fatt li l-ITIs huma strument ġdid li se jeħtieġ ftit żmien biex jitpoġġa fil-prattika kif jixraq; jirrikonoxxi li wieħed għad irid jara kif it-tħejjijiet tal-bidu se jissarrfu biex dawn l-istrumenti jiġu implimentati bis-sħiħ;

44. Iqis lill-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità bħala mod eċċellenti sabiex titħeġġeġ parteċipazzjoni bottom-up minn bosta atturi fil-komunità, ibbażat fuq is-suċċess passat tal-programm LEADER fl-iżvilupp rurali; jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità;

45. Jirrikonoxxi l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunta bħala pass pożittiv lejn il-ġestjoni msejsa fuq ir-riżultati, b’konformità ma’ waħda mill-objettivi globali tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013;

Simplifikazzjoni

46. Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati metodi ta’ preparazzjoni u l-implimentazzjoni aktar sempliċi għall-proġetti u mill-indikazzjonijiet huwa mħeġġeġ li dan qiegħed jintlaħaq mill-Istati Membri;

47. Jilqa' l-enfasi fuq is-semplifikazzjoni fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni; jinnota, madankollu li fir-realtà jaf ikun diffiċli li jkun hemm semplifikazzjoni minħabba d-differenzi li għad baqa' bejn il-fondi introdotti permezz tar-regolamenti speċifiċi għall-fondi;

48. Jilqa’ l-passi pożittivi fid-direzzjoni tas-simplifikazzjoni u aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment; jindika li proċess ta' applikazzjoni simplifikat għall-benefiċjarji, b'informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar il-proċesura u l-possibbiltahiet ta' finanzjament, ġie identifikat minn bosta Stati Membri bħala aspett importanti ta' preparazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jilqa’ dan bħala mod kif jiġi żgurat li l-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti jimxu sewwa, flimkien ma’ burokrazija mnaqqsa għall-applikanti; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jagħmlu skambju tal-aqwa prattiki bl-għan ta' simplifikazzjoni tal-proċeduri, u, filwaqt li jagħrfu li regoli strinġenti dwar il-kontrolli u l-awditjar huma meħtieġa, jiżguraw li huma proporzjonali sabiex ma jżidux piż żejjed;

49. Jirrikonoxxi li l-e-koeżjoni tista’ tkun vitali biex jitnaqqsu l-intoppi u tiġi żgurata s-semplifikazzjoni u jilqa’ r-referenza għall-użu tagħha ta’ xi Stati Membri; jemmen li dan jista’ wkoll jagħti kontribut sinifikanti għall-preparazzjoni għal programmi ta’ finanzjament futuri;

Sħubija

50. Jenfasizza li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-formulazzjoni tal-PAs għandu jinvoli l-kollaborazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-ippjanar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jemmen li l-prinċipju ta’ governanza fuq diversi livelli huwa indispensabbli għall-ġestjoni effikaċi tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkunu involuti b'mod sħiħ l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta’ fluss tal-informazzjoni adegwat, u l-miżuri tal-bini tal-kapaċità u appoġġ tekniku għal dawn l-awtoritajiet, sabiex tiġi ffaċilitata u titjieb il-kontribuzzjoni tagħhom fl-istadji kollha ta’ dan il-proċess;

51. Jilqa’ l-involviment akbar tal-partijiet interessati kollha rilevanti, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali, l-NGOs, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, in-negozji privati ​​u l-universitajiet, kif muri mill-eżempji mogħtija mill-Istati Membri; jemmen li l-iżvilupp b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u partijiet interessati oħra li jirrappreżentaw perspettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali differenti huwa importanti;

52. Jenfasizza li l-iżgurar ta’ sħubija ta’ suċċess jista’ jinvolvi kemm approċċ “bottom-up” u kemm dak “top-down”; jirrimarka li l-approċċ “bottom-up”, li jinvolvi diskussjonijiet estensivi ma’ rappreżentanti mit-tielet setturi, dawk pubbliċi u privati, kien mogħti bħala eżempju minn Stat Membru wieħed li qiegħed jagħmel progress tajjeb fit-tħejjijiet tiegħu;

53. Jenfasizza l-fatt li dawn l-approċċi “bottom-up” u “top-down” jiżguraw li l-istrateġiji nazzjonali li jindirizzaw is-sitwazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali inklużi flimkien mal-involviment estensiv fil-livell reġjonali u lokali; jilqa’ dan il-mod effettiv li jiggarantixxi li r-rekwiżiti strateġiċi jintlaħqu filwaqt li fl-istess ħin jinvoli kemm jista’ jkun il-partijiet interessati rilevanti fil-preparazzjonijiet;

Konklużjonijiet

54. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq dwar il-qafas ġuridiku għall-politika ta’ koeżjoni flimkien mal-konklużjoni tan-negozjati dwar ir-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni u tal-QFP;

55. Jirrikonoxxi l-importanza tal-governanza f’diversi livelli fl-istadji ta’ preparazzjoni u jinnota li xi wħud mit-tħejjijiet aktar avvanzati ġew ibbażati fuq id-djalogu vitali mal-partijiet interessati fil-livell reġjonali u lokali;

56. Jenfasizza l-istedina tal-Kummissjoni lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jistinkaw biex jiżguraw li l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi mħejjija jkunu tal-aqwa kwalità possibbli; jinnota li dan se jgħin biex jiġu ġġenerati proposti ta' proġetti ta' kwalità mmirati lejn objettivi strateġiċi biex jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jkollu l-akbar impatt possibbli;

57. Jirrealizza li l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali attivi u infurmata tajjeb li jikkomunikaw mal-Kummissjoni jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-avvanz fil-preparazzjonijiet; jirrakkomanda bil-qaww, għalhekk, li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jkollhom fluss stabbli ta' informazzjoni, bħal dettalji ta' atti ta' implimentazzjoni futuri;

58. Jirrakkomanda li l-Istati Membri li qed ibatu minn dewmien gravi għandhom isegwu b'mod rigoruż ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni għandha żżid l-appoġġ tagħha biex tiżgura li l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi ta' dawn l-Istati Membri jiġu miftiehma mill-aktar fis possibbli; jinnota, għaldaqstant, li rieżami tal-progress tal-Istati Membri waqt l-istadji tat-tħejjija jgħin biex jonqos id-dewmien; jinnota wkoll li waqt il-fażi ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista' tgħin lil dawk l-Istati Membri li għadhom lura;

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(2)

ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 21.

(3)

ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 39.

(4)

ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 27.

(5)

ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 41.

(6)

ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 23.

(7)

ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 22.

(8)

Fl-aħħar tal-2013, u jekk il-baġit emendatorju Nru 2/2013 jiġi approvat għall-ammont totali tiegħu ta' EUR 11.2 biljun, il-livell globali stmat tar-RAL jista' jilħaq EUR 224 miljun, filwaqt li l-istimi inizjali tal-Kummissjoni kienu viċin l-ammont ta' EUR 180 biljun għar-RAL fl-aħħar tal-2013.


NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-Rapport fuq Inizjattiva Tiegħu Nnifsu jħares lejn kif l-Istati Membri huma ppreparati għall-fażi li jmiss ta’ finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni. Id-dokument jirreferi għal elementi miġbura minn Stati Membri differenti u juri kemm l-Istati Membri huma ppreparati għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss kif ukoll uħud mill-metodi li jkunu qed jintużaw fil-livell nazzjonali u reġjonali. Ir-rapporteur tagħkom jilqa’ aktar diskussjoni dwar is-suġġett ta’ dan ir-rapport.

Huwa ċar li l-baġits nazzjonali, lokali u reġjonali jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar fil-klima ekonomika attwali. Għalhekk, għal ħafna Stati Membri u reġjuni, il-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni qed isir dejjem aktar importanti. Dan huwa enfasizzat mill-ħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-flus jintefqu b’mod aktar effettiv sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-fondi Ewropej. B’konsiderazzjoni ta’ dan, huwa vitali li l-Istati Membri u r-reġjuni jieħdu l-passi meħtieġa biex jippreparaw il-Ftehimiet ta’ Sħubija (PAs) u Programmi Operattivi (OPs) b’mod f’waqtu u effiċjenti sabiex ikunu lesti biex jimplimentaw il-finanzjament kemm jista’ jkun malajr ladarba il-ftehim dwar ir-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni jintlaħaq.

Fil-kuntest tal-pakkett leġiżlattiv għall-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 li wasal fl-istadji finali tan-negozjati u l-ftehim mistenni dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali sa qabel tmiem l-2013 huwa ttamat li fil-il-bidu tal-2014 il-fondi Strutturali u l-Investiment Ewropew jista’ jiġi allokat għal proġetti mill-aktar fis possibbli. Huwa importanti ħafna li l-proġetti jistgħu jibdew malajr kemm jista’ jkun fil-bidu tal-2014 sabiex l-użu tal-finanzjament Ewropew ikun jista’ jitkabbar biex jistimula t-tkabbir fir-reġjuni.

Matul in-negozjati għall-Politika ta’ Koeżjoni ta’ wara l-2013, il-Parlament Ewropew irnexxielu joħloq enfasi akbar fuq l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u aktar flessibilità għar-reġjuni li jistabbilixxu l-prijoritajiet skont il-bżonnijiet territorjali tagħhom stess. Il-Parlament ta prijorità wkoll lil kwistjonijiet bħall-importanza tal-mira ta’ investiment lejn l-istimolu tat-tkabbir u l-kompetittività, ma’ strumenti finanzjarji enfasizzati bħala mekkaniżmu importanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Il-Ftehim ta’ Sħubija, miftiehem bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, jistabbilixxi l-partijiet essenzjali tal-ġestjoni tal-programm tal-ħames fondi kollha li huma koperti mir-Regolamenti għad-Dispożizzjonijiet Komuni: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; il-Fond Soċjali Ewropew; Fond ta’ Koeżjoni; Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali; Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd.

Huwa ċar li l-Istati Membri huma fi stadji differenti ħafna fil-proċess ta’ tħejjija, b’xi wħud li diġà ssottomettew l-abbozz tal-PAs u l-OPs tagħhom lill-Kummissjoni. Ir-rapporteur tagħkom jispjega ftit mir-raġunijiet għad-dewmien fir-rapport bħala: bidliet li l-Istati Membri qed jimplimentaw għat-tħejjija tagħhom meta mqabbla mar-rawnd ta’ finanzjament preċedenti eż. bidliet strutturali tal-programmi operattivi; strutturi amministrattivi ġodda; diskussjoni dwar il-konċentrazzjoni ta’ objettivi tematiċi.

Il-kwistjonijiet ta’ Sħubija u Governanza f’Diversi Livelli huma kruċjali għat-tħejjija u l-istadji ta’ implimentazzjoni u r-rapporteur tagħkom jemmen li d-djalogu bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jinżammu sabiex ikun żgurat li l-finanzjament huwa mmirat lejn l-għanijiet nazzjonali u reġjonali. Reġjuni b’relazzjonijiet tajba mal-Istati Membri matul il-fażijiet kollha tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni huma dawk li rnexxielhom jiżguraw li l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu indirizzati.

Il-lezzjonijiet miksuba mill-programm ta’ finanzjament preċedenti huma wkoll importanti ħafna għall-Istati Membri għax huma ta’ tħejjija għall-programm 2014-2020. Ir-rapporteur jilqa’ l-isforzi magħmula minn bosta Stati Membri u reġjuni sabiex titwettaq analiżi bir-reqqa tas-suċċessi u l-fallimenti tal-programm 2007-2013 biex jespandu u jtejbu fuq l-ideat eżistenti fl-istess waqt li jiżviluppaw strateġiji ġodda biex jiġi żgurat it-twassil effettiv ta’ finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur iħeġġeġ konklużjoni f’waqtha tan-negozjati dwar il-pakkett leġiżlattiv għall-Politika ta’ Koeżjoni u l-adozzjoni tal-MFF. Wieħed jittama li l-Istati Membri li huma kajmana biex jaqblu mal-Kuntratti ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi tagħhom jagħmlu dan b’mod f’waqtu sabiex fl-2014 il-programmi jibdew mill-aktar fis possibbli.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (15.11.2013)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effettiv u f’waqtu tal-perjodu ġdid ta’ Programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni

(2013/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Frédéric Daerden

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-ftehim politiku milħuq fis-27 ta’ Ġunju fuq il-QFP 2014-2020; jissottolinja li, bil-ħsieb li tiġi żgurata-tnedija rapida u effikaċi tal-perjodu tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni huwa essenzjali li jiġu konklużi kemm jista’ jkun malajr in-negozjati fuq il-pakkett leġiżlattiv, il-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi; jissottolinja li kull dewmien se jagħti lok, għal dak li jirrigwarda l-baġit, għal konċentrazzjoni ta’ talbiet għal pagament fl-aħħar tal-perjodu;

2.  Ifakkar li l-livell ta' "impenji pendenti" (jew RAL, mill-Fraċiż "reste à liquider") ammonta għal żewġ terzi ammonta tal-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni fl-aħħar tal-QFP 2007-2013(1); jinsisti fuq in-neċessità li tinsab soluzzjoni stabbli, li tippermetti li jiġi mmitigat ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ pagament; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-regola N+3, filwaqt li hija essenzjali biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-proġetti appoġġati mill-Politika ta’ Koeżjoni, se jkollha impatt fuq l-akkumulazzjoni tar-RAL fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari fil-każ ta’ dewmien fit-tnedija tal-programmi l-ġodda;

3.  Iqis li l-prinċipju ta' governanza fuq diversi livelli huwa indispensabbli għall-ġestjoni effikaċi tal-politika l-ġdida ta' koeżjoni; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-komunitajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, fil-fażi ta’ tħejjija tal-programmi u l-ftehimiet u fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta’ fluss tal-informazzjoni adegwat u appoġġ tekniku għal dawn l-awtoritajiet, sabiex tiġi ffaċilitata u titjieb il-kontribuzzjoni tagħhom fl-istadji kollha ta’ dan il-proċess;

4.  Jinsisti fuq il-fatt li l-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-baġit tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali huwa indispensabbli fil-kuntest ta' kull sforz magħmul sabiex tiżdied l-effikaċja tal-investiment pubbliku fl-UE; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tindika l-modalitajiet ta' tisħiħ tar-rwol tal-baġit tal-Unjoni f'dan ir-rigward;

5.  Isostni mill-ġdid li sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-għajnuna tal-UE, approċċ integrat b'koordinazzjoni bejn il-possibbiltajiet differenti ta' finanzjament disponibbli u koerenza bejn il-politiki u r-regolamentazzjoni eżistenti huma indispensabbli sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi dannużi tal-politiki ta' konsolidazzjoni fiskali;

6.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar l-importanza tar-rieżami u tar-reviżjoni obbligatorji tal-QFP li jmiss qabel it-tmiem tas-sena 2016, bil-għan li l-Kummissjoni u l-Parlament li jmiss ikunu jistgħu jerġgħu jivvalutaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, jadattaw il-QFP, jekk hemm bżonn, għall-isfidi l-ġodda u jqisu bis-sħiħ il-projezzjonijiet makroekonomiċi l-aktar reċenti

7.  Jilqa’ l-passi pożittivi fid-direzzjoni tas-simplifikazzjoni u aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni; jissottolinja li proċeduri aktar sempliċi jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta’ nuqqasijiet u, għalhekk, użu aħjar tal-fondi Ewropej; jinsisti fuq in-neċessità li jiġi adottat approċċ aktar ambizzjuż fil-livell tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri sabiex jiġi simplifikat l-aċċess għall-proċeduri għall-ksib ta’ fondi, ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi u l-mekkaniżmi ta’ kontroll, u li tiġi żgurata informazzjoni ċara u aċċessibbli fuq il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE u l-possibbiltajiet ta’ finanzjament.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Jan Mulder, Juan Andrés Naranjo Escobar, Nadezhda Neynsky, Dominique Riquet, Alda Sousa, Derek Vaughan, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Maria Da Graça Carvalho, Frédéric Daerden, Edit Herczog, Paul Rübig, Peter Šťastný

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Jean-Paul Besset, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Jolanta Emilia Hibner, Helmut Scholz, Tadeusz Zwiefka

(1)

Fl-aħħar tal-2013, u jekk il-baġit emendatorju Nru 2/2013 jiġi approvat għall-ammont totali tiegħu ta' EUR 11.2 biljun, il-livell globali stmat tar-RAL jista' jilħaq EUR 224 miljun, filwaqt li l-istimi inizjali tal-Kummissjoni kienu viċin l-ammont ta' EUR 180 biljun għar-RAL fl-aħħar tal-2013.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Iosif Matula, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Ovidiu Ioan Silaghi, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Catherine Grèze, Juozas Imbrasas, Karin Kadenbach, James Nicholson, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, Richard Seeber, Czesław Adam Siekierski, Michael Theurer, Derek Vaughan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Carl Schlyter

Avviż legali - Politika tal-privatezza