ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru
7.1.2014 - (2013/2183(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Ulrike Lunacek
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru (2013/2183(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, adottati fil-31 ta’ Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Strateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0573),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM(2013)0271) u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh,
– wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwarha[1],
– wara li kkunsidra l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta’ Novembru 2010 dwar l-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru, imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u ppubblikat fis-17 ta’ Mejju 2013,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-FRA tal-1 ta’ Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni ta’ ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea għaxar snin wara l-implimentazzjoni inizjali tad-direttivi dwar l-ugwaljanza,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar il-ġlieda kontra l-omofobija fl-Ewropa[2],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011) ,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u r-reati ta’ mibegħda[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0009/2014),
A. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;
B. billi fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;
C. billi f’Ġunju 2013 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta linji gwida qawwija għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni LGBT barra l-Unjoni Ewropea, u għandu jiżgura li jiġu protetti b’mod effettiv fl-UE;
D. billi l-Unjoni Ewropea diġà tikkoordina l-azzjoni tagħha permezz ta’ politiki komprensivi fil-qasam tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni permezz tal-“Istrateġija qafas għan-nondiskriminazzjoni u għall-opportunitajiet indaqs għal kulħadd”, fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-“Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015”, fil-qasam tad-diżabilità permezz tal-“Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020”, u fil-qasam tal-ugwaljanza għall-persuni Rom permezz tal-“Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020”;
E. billi fl-“Istrateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” tagħha l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki individwali dwar ċerti drittijiet fundamentali speċifiċi abbażi tat-Trattati;
F. billi fl-istħarriġ tal-UE tal-2013, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabet li fl-UE kollha fis-sena ta’ qabel l-istħarriġ wieħed minn kull tnejn minn dawk li wieġbu ħassu vittma ta’ diskriminazzjoni jew fastidju abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, wieħed minn kull tlieta kien vittma ta’ diskriminazzjoni waqt li kien qed jakkwista prodotti jew servizzi, wieħed minn kull erbgħa ġie aggredit fiżikament, u wieħed minn kull ħamsa saret diskriminazzjoni kontrieh fl-impjieg jew l-okkupazzjoni;
G. billi l-FRA rrakkomandat li l-UE u l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni li jippromwovu r-rispett għall-persuni LGBT u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom;
H. billi f’Mejju 2013 ħdax-il Ministru tal-Ugwaljanza[4] talbu lill-Kummissjoni toħroġ politika komprensiva tal-UE għall-ugwaljanza tal-persuni LGBT, u għaxar Stati Membri[5] diġà adottaw jew qed jiddiskutu politiki simili f’livelli nazzjonali u reġjonali;
I. billi l-Parlament Ewropew talab għal għaxar darbiet strument ta’ politika komprensiva tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jikkundanna bil-qawwi kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u jiddispjaċih bil-qawwa li d-drittijiet fundamentali tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) mhux dejjem jiġu rrispettati bis-sħiħ fl-Unjoni Ewropea;
2. Jemmen li attwalment l-Unjoni Ewropea hija nieqsa minn politika komprensiva li tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI;
3. Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taqa’ b’mod konġunt fuq il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-kompetenzi tagħha bis-sħiħ, inkluż il-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-prattiki tajba bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE u skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;
Kontenut tal-Pjan Direzzjonali
4. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti sabiex jaħdmu b’mod konġunt fuq politika komprensiva u pluriennali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI, jiġifieri pjan direzzjonali, strateġija jew pjan ta’ azzjoni li jittrattaw it-temi u l-objettivi mniżżla hawn taħt;
A. Azzjonijiet orizzontali għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali
(i) Il-Kummissjoni għandha taħdem biex tiżgura d-drittijiet eżistenti fix-xogħol kollu tagħha u fl-isferi kollha li hija kompetenti fihom permezz tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI fix-xogħol rilevanti kollu – pereżempju fit-tfassil ta’ politiki u proposti futuri jew fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE;
(ii) Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita, tikkoordina u tissorvelja l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri permezz tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni;
(iii) L-aġenziji rilevanti tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjoni tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Unità Ewropea ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), għandhom jintegraw il-kwistjonijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fix-xogħol tagħhom, u jkomplu jipprovdu lill-Kummissjoni u l-Istati Membri b’parir ibbażat fuq evidenza dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI;
(iv) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa biex jiġbru b’mod regolari dejta rilevanti u komparabbli dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-UE flimkien ma’ aġenziji rilevanti u l-Eurosat, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta;
(v) Flimkien ma’ aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu t-taħriġ u l-bini ta’ kapaċitajiet għall-korpi nazzjonali ta’ ugwaljanza, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u organizzazzjonijiet oħra li għandhom il-kompitu li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI;
(vi) Flimkien ma’ aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu li jagħmlu liċ-ċittadini konxji mid-drittijiet tal-persuni LGBTI.
B. Dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni
(i) L-Istati Membri għandhom jikkonsolidaw il-qafas legali eżistenti tal-UE billi jaħdmu biex jadottaw id-Direttiva proposta dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, inkluż billi jikkjarifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-ispejjeż assoċjati mad-dispożizzjonijiet tagħha;
(ii) Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-esperjenza ta' nisa leżbjani ta' diskriminazzjoni u vjolenza multipla (it-tnejn fuq bażi ta' sess u orjentazzjoni sesswali), u jfasslu u jimplimentaw politiki ta' nondiskriminazzjoni b'mod korrispondenti;
C. In-nondiskriminazzjoni fl-impjieg
(i) Il-Kummissjoni għandha tinkludi konċentrazzjoni speċifika dwar l-orjentazzjoni sesswali meta timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u l-identità tal-ġeneru meta timmonitorja d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol,
(ii) Flimkien mal-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida li jispeċifikaw li l-persuni transgender u intersesswali huma koperti taħt "sess” fid-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol,
(iii) Il-korpi ta’ ugwaljanza għandhom jiġu mħeġġa biex jinfurmaw lill-persuni LGBTI, kif ukoll it-trade unions u l-organizazzjonijiet ta’ min iħaddem, dwar id-drittijiet tagħhom;
D. In-nondiskriminazzjoni fl-edukazzjoni
(i) Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-programmi tagħha kollha għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni,
(ii) Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba fl-edukazzjoni formali, inklużi l-materjali ta’ tagħlim, il-politiki kontra l-bullying u kontra d-diskriminazzjoni, fost l-Istati Membri permezz tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni,
(iii) Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba fis-setturi kollha taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni tal-Istati Membri, inklużi s-servizzi għall-benesseri taż-żgħażagħ u l-ħidma soċjali, fost l-Istati Membri permezz tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni;
E. In-nondiskriminazzjoni fil-qasam tas-saħħa
(i) Il-Kummissjoni għandha tpoġġi t-tħassib dwar is-saħħa tal-LGBTI fi ħdan politiki usa’, strateġiċi u rilevanti dwar is-saħħa, inkluż l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ugwaljanza fis-saħħa, u l-vuċi globali tal-UE fi kwistjonijiet relatati mas-saħħa,
(ii) Il-Kummissjoni għandha tkompli taħdem fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex tneħħi d-diżordnijiet tal-identità tal-ġeneru mil-lista ta’ diżordnijiet mentali u tal-imġiba, u biex tiżgura riklassifikazzjoni li ma tqishomx bħala patoloġiji fin-negozjati dwar il-ħdax-il verżjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD-11);
(iii) Il-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa,
(iv) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu riċerka dwar kwistjonijiet tas-saħħa speċifiċi għall-persuni LGBTI,
(v) L-Istati Membri għandhom iqisu lill-persuni LGBTI fi ħdan pjanijiet u politiki dwar is-saħħa nazzjonali, fejn jiżguraw li l-kurrikuli ta’ taħriġ, il-politiki dwar is-saħħa u l-istħarriġ dwar is-saħħa jqisu l-kwistjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa tal-LGBTI,
(vi) L-Istati Membri għandhom jintroduċu jew jirrevedu l-proċeduri legali tar-rikonoxximent tal-ġeneru sabiex huma jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet għad-dinjità u l-integrità fiżika tal-persuni transġeneru;
F. In-nondiskriminazzjoni fil-prodotti u s-servizzi
(i) Il-Kummissjoni għandha tinkludi konċentrazzjoni fuq l-aċċess għal merkanzija u servizzi minn persuni transġeneru meta timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi
G. Azzjoni speċifika fir-rigward tal-persuni transġeneru u intersesswali
(i) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-identità tal-ġeneru tiġi inkluża fost ir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti f’kull leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza fil-futur, inkluż kwalunkwe riformulazzjoni,
(ii) Il-Kummissjoni għandha tintegra l-kwistjonijiet speċifiċi għall-persuni transġeneru u intersesswali fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, fejn tirrifletti l-approċċ adottat fl-Istrateġija tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
(iii) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi ta’ ugwaljanza jkunu infurmati u mħarrġa dwar id-drittijiet u l-kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-persuni transġeneru u intersesswali;
(iv) Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti għandhom jindirizzaw in-nuqqas li attwalment jeżisti fir-rigward tal-għarfien, ir-riċerka u l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem li jgawdu persuni intersesswali;
H. Ċittadinanza, familji u libertà ta’ moviment
(i) Il-Kummissjoni għandha toħloq linji gwida biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u d-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, sabiex tiżgura r-rispett tal-forom kollha tal-familji rikonoxxuti legalment skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri,
(ii) Il-Kummissjoni għandha, bħala prijorità, tressaq proposti għar-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti kollha tal-istat ċivili fl-UE kollha, inklużi s-sħubijiet irreġistrati, iż-żwiġijiet u r-rikonoxximent legali tal-ġeneru, sabiex jitnaqqsu l-ostakoli legali u amministrattivi diskriminatorji għaċ-ċittadini u l-familji tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu,
(iii) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistudjaw jekk ir-restrizzjonijiet fis-seħħ għall-bidla fl-istat ċivili u d-dokumenti tal-identità għall-persuni transġeneru jippreġudikawx l-abilità tagħhom biex igawdu d-dritt tagħhom għall-moviment liberu,
(iv) L-Istati Membri li adottaw leġiżlazzjoni dwar il-koabitazzjoni, is-sħubijiet irreġistrati jew iż-żwiġijiet għal koppji tal-istess sess għandhom jirrikonoxxu dispożizzjonijiet simili adottati minn Stati Membri oħrajn;
I. Libertà ta’ għaqda u espressjoni
(i) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda jkunu ggarantiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-pride marches u avvenimenti simili, billi jiżguraw li dawn l-avvenimenti jsiru b’mod legali u billi jiggarantixxu l-protezzjoni effettiva tal-parteċipanti,
(ii) L-Istati Membri għandhom jieqfu milli jadottaw liġijiet u jikkunsidraw mill-ġdid liġijiet eżistenti li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,
(iii) Il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkunsidraw li l-Istati Membri li jadottaw liġijiet li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jiksru l-valuri li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, u jirreaġixxu kif jixraq;
J. Diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda
(i) Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tipprovdi assistenza lill-Istati Membri fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi għall-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari meta jitwettqu atti kriminali bi preġudizzju jew bi skop diskriminatorju li jista’ jkun relatat mal-karatteristiċi personali tal-vittmi,
(ii) Il-Kummissjoni għandha tipproponi riformulazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali li tinkludi forom oħra ta’ att kriminali ta’ preġudizzju, u inċitament għall-mibegħda, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,
(iii) Flimkien mal-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba fost l-Istati Membri fir-rigward tat-taħriġ u l-edukazzjoni tal-forzi tal-pulizija, is-servizzi ta’ prosekuzzjoni, ġudikanti u s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi,
(iv) L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għandha tassisti lill-Istati Membri biex itejbu l-ġbir ta’ dejta komparabbli dwar att kriminali ta’ mibegħda ta’ natura omofobika u transfobika,
(v) L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jinvestigaw atti kriminali ta’ mibegħda kontra persuni LGBTI, u jadottaw leġiżlazzjoni kriminali li tipprojbixxi l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;
K. Asil
(i) Flimkien mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-aġenziji rilevanti, u fil-qafas tal-mandat tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-ġurisprudenza tal-UE, il-Kummissjoni għandha tinkludi kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni dwar l-asil, inkluż id-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u d-Direttiva 2011/95/UE dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali,
(ii) Flimkien mal-aġenziji rilevanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-professjonisti tal-asil, inklużi dawk li jagħmlu intervisti u l-interpreti, jirċievu taħriġ adegwat, inkluż it-taħriġ eżistenti, biex jittrattaw kwistjonijiet relatati b’mod speċifiku mal-persuni LGBTI,
(iii) Flimkien mal-EASO u b’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sitwazzjoni legali u soċjali tal-persuni LGBTI f’pajjiżi ta’ oriġini tiġi dokumentata b’mod sistematiku u li informazzjoni bħal din tkun magħmula disponibbli lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-asil bħala parti mill-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ Oriġini (COI);
L. Tkabbir u azzjoni esterna
(i) Il-Kummissjoni għandha tkompli l-monitoraġġ attwali tagħha tal-kwistjonijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-pajjiżi tal-adeżjoni,
(ii) Il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istati Membri għandhom jużaw b’mod sistematiku l-Linji Gwida tal-Kunsill għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, u jżommu pożizzjoni komuni meta jirrispondu għal ksur ta’ dawn id-drittijiet,
(iii) Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jipprovdu informazzjoni miksuba minn delegazzjonijiet tal-UE dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fil-pajjiżi terzi lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil u l-Istati Membri;
5. Jenfasizza li din il-politika komprensiva għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, tal-aġenziji tagħha u tal-Istati Membri;
o
o o
6. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, l-aġenziji kollha msemmija f’dan id-dokument, u l-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] ĠU C 241 E, 8.10.2009, p. 68.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0222.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0090.
- [4] L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja.
- [5] Il-Belġju, il-Kroazja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugal, Spanja, ir-Renju Unit.
NOTA SPJEGATTIVA
L-Unjoni Ewropea għandha l-obbligu li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni meta tiddefinixxi u timplimenta l-attivitajiet tagħha (l-Artikolu 10 TFUE). Dan l-obbligu jiġi mmaterjalizzat minn politiki komprensivi eżistenti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess (permezz tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015), diżabilità (permezz tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020), u li taffettwa l-persuni Rom (permezz tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020).
Il-Parlament Ewropew huwa tal-opinjoni li dan l-istrument ta’ politika komprensiva huwa meħtieġ għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru. Minn Jannar 2011, għamel din it-talba għaxar darbiet f’riżoluzzjonijiet varji, u talab lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta pjan direzzjonali kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru. Dan ir-rapport jistabbilixxi abbozz ta’ kanvas għal din il-politika komprensiva.
Jeżistu tliet każijiet legali, politiċi u ta’ politika b’saħħithom għal dan il-pjan direzzjonali. Legalment, l-Unjoni Ewropea hija meħtieġa tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha (l-Artikolu 10 tat-TFUE), u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta’ kwalunkwe raġuni (l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Dan ir-rekwiżit legali diġà mmaterjalizza permezz ta’ politiki komprensivi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diżabilità u l-integrazzjoni tar-Rom; issa għandu jitwettaq għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru.
Mil-lat politiku, jeżisti appoġġ fil-Parlament Ewropew kif ukoll bejn l-Istati Membri, li ħdax minnhom talbu b’mod uffiċjali li jitfassal dan il-pjan direzzjonali f’Mejju 2013. Il-Kummissjoni Ewropea wieġbet li diġà ttieħdu azzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, iżda li dawn l-azzjonijiet huma ta’ standard iżjed baxx meta mqabbla mal-approċċ komprensiv li jibbenefikaw minnu gruppi oħra. Barra minn hekk, l-Istati Membri dejjem iżjed qed jadottaw pjanijiet simili fil-livell nazzjonali (il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, u qed jiġu diskussi fil-Latvja), bħala parti minn pjanijiet nazzjonali usa’ dwar l-ugwaljanza (il-Kroazja, il-Portugall), jew f’livelli reġjonali (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja).
Finalment, id-dejta dwar il-politika turi li huwa meħtieġ pjan direzzjonali. L-istħarriġ dwar il-persuni LGBT mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali fl-2013 jindika li 47 % tal-persuni LGBT ħassewhom li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni jew ta’ molestja fl-aħħar sena, fejn il-persuni bl-ogħla probabbiltà li jispiċċaw vittma ta’ diskriminazzjoni huma n-nisa liżbjani (55 %), iż-żgħażagħ (57 %) u l-persuni LGBT foqra (52 %). 26 % sfaw attakkati jew mhedda bi vjolenza minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom (35 % fost il-persuni transgender); 10 % biss iħossuhom fiduċjużi biżżejjed li jirrapportaw diskriminazzjoni lill-pulizija, u 22 % biss jirrapportaw atti ta’ vjolenza jew molestja; 32 % jisfaw vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tad-djar, tal-edukazzjoni, jew meta jaċċessaw servizzi tal-kura tas-saħħa, prodotti jew servizzi; u 20 % jisfaw vittmi ta’ diskriminazzjoni fl-impjieg jew l-okkupazzjoni (29 % fost il-persuni transgender).
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (6.12.2013)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru
(2013/2183(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Minodora Cliveti
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi d-diskriminazzjoni fil-każistika kontra l-persuni transġeneru hija definita taħt il-leġiżlazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda hija konċepita li tifforma moviment soċjali u f'termini ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-persuni transġeneru jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-moviment LGBTI (leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali) iktar milli moviment ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri;
B. billi persuni transġeneru jiffaċċjaw diskriminazzjoni severa bbażata fuq il-ġeneru fis-suq tax-xogħol u barra, filwaqt li f’ħafna Stati Membri, l-organizzazzjonijiet involuti fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri jew iddedikati għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri jew it-trattament ta’ lmenti individwali dwar id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri mhumiex aċċessibbli jew ma jkollhomx l-informazzjoni u l-ħiliet adegwati biex ikomplu bl-interessi tagħhom jew jittrattaw l-ilmenti tagħhom u dawk involuti fil-katina ġudizzjarja mhumiex mgħammra jew infurmati kif xieraq biex jittrattaw każijiet ta’ diskriminazzjoni bejn il-ġeneri kontra l-persuni transġeneru;
1. Huwa mħasseb dwar il-fatt li d-drittijiet u l-interessi ta’ persuni transġeneru mhumiex qegħdin jiġu indirizzati kif xieraq la mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lanqas mill-korpi ta’ ugwaljanza involuti fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Istati Membri jassenjaw speċifikament il-kompiti rigward il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra persuni transġeneru lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi ta’ ugwaljanza ffinanzjati pubblikament, u jiżguraw li dawk involuti fil-katina ġudizzjarja huma mgħammra u infurmati b’mod adegwat sabiex jittrattaw l-ilmenti ta’ diskriminazzjoni bejn il-ġeneri kontra persuni transġeneru;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-kumitati tal-Parlament jintegraw kwistjonijiet dwar il-persuni transġeneru fl-oqsma tax-xogħol tagħhom bħad-drittijiet ċivili, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm konformità ma’ u jiġi żgurat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nies, irrispettivament mill-ġeneru, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, razza jew orjentazzjoni sesswali tagħhom;
4. Jenfasizza l-inviżibbiltà ta’ persuni intersesswali fil-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali u n-nuqqas ta’ għarfien u riċerka f’dan il-qasam; jitlob, f’dan il-kuntest u b’mod partikolari fir-rigward tal-identità tal-ġeneru, li jiżdiedu l-isforzi biex il-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza taħdem;
5. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni LGBTI jkunu mħarsa mid-diskors ta' mibegħda omofobika u mill-vjolenza, u li s-sħab tal-istess sess igawdu l-istess rispett, dinjità u protezzjoni bħall-bqija tas-soċjetà; jenfasizza l-perċezzjoni pubblika li ħafna drabi tkun negattiva fir-rigward tal-persuni LGBTI u r-rwol tal-midja fl-eliminazzjoni ta' tali perċezzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew rigward id-drittijiet ta’ persuni LGBTI;
6. Jenfasizza li ħafna drabi, il-leżbjani jsofru diskriminazzjoni akkumulata (kemm talli jkunu nisa kif ukoll talli jkunu leżbjani), u li l-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-ugwaljanza għal persuni LGBTI għandhom imorru id f’id mal-azzjonijiet għall-ugwaljanza għan-nisa u l-bniet sabiex jinkisbu l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-ħajja ħielsa mill-vjolenza għal-leżbjani;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi politiki u prattiki mmirati lejn il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, u li jiġu promossi politiki li jkattru d-diversità fil-post tax-xogħol, flimkien ma' inizjattivi li jħeġġu l-inklużjoni sħiħa ta' u r-rispett għall-persunal LGBTI fl-ambjent tax-xogħol;
8. Jenfasizza li l-għażliet riproduttivi u s-servizzi tal-fertilità għandhom jiġu pprovduti lill-persuni LGBT f’qafas nondiskriminatorju;
9. Jenfasizza li l-edukazzjoni sesswali għandha tinkludi informazzjoni nondiskriminatorja u twassal opinjoni pożittiva dwar il-persuni LGBTI, sabiex tappoġġa u tipproteġi b’mod effettiv id-drittijiet tal-persuni LGBTI żgħażagħ;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ professjonisti tal-kura soċjali u tas-saħħa, tiġi enfasizzata l-importanza tar-rispett għad-dinjità tal-persuni LGBTI, kif ukoll il-ħtiġijiet u l-għażliet speċifiċi fil-kura tas-saħħa tagħhom, billi jiġu żviluppati programmi speċifiċi bħala parti mill-kurrikuli tagħhom;
11. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li, b’mod partikolari, il-persuni transġeneru jkollhom aċċess effettiv għas-servizzi tal-bidla fis-sess, inkluż il-kompetenza psikoloġika, endokrinoloġika u kirurġika fil-qasam tal-kura tas-saħħa transġeneru, mingħajr ma jkunu soġġetti għal rekwiżiti mhux raġonevoli;
12. Jikkundanna l-isterilizzazzjoni sfurzata ta’ persuni transġeneru, li għadha sseħħ f’ċerti Stati Membri, u jitlob għat-tmiem immedjat għal dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
13. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jippromwovu r-rispett għal u l-inklużjoni ta’ persuni LGBTI l-iskola u jkattru għarfien oġġettiv dwar kwistjonijiet rigward l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru fl-iskejjel u f’sitwazzjonijiet edukattivi oħrajn; jesprimi tħassib li persuni LGBTI żgħażagħ u dawk meqjusa bħala LGBTI huma f’riskju akbar ta’ bullying; jenfasizza l-ħtieġa li jinbena ambjent aktar sikur għaż-żgħażagħ kollha, irrispettivament mis-sess, razza jew orjentazzjoni sesswali tagħhom;
14. Jenfasizza l-importanza li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTI mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu, skont ir-regoli tal-UE, il-forom kollha taż-żwieġ, sħubija u paternità kkuntrattati xi mkien ieħor minn dawk li jkunu residenti jew li jaħdmu ġewwa l-fruntieri tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw;
15. Jistieden lill-Istati Membri jirriflettu dwar modi kif jistgħu jadattaw il-liġi tal-familja tagħhom għall-mudelli u l-forom li qed jinbidlu tal-familji tal-lum, u jinkludu l-possibbiltà li t-tfal ikollhom aktar minn żewġ ġenituri (jew gwardjani legali), peress li dan jiftaħ possibbiltajiet għal aktar rikonoxximent għal familji qawsalla u familji LGBT, kif ukoll għal familji komposti mill-ġdid;
16. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għat-trattamenti tal-fertilità u r-riproduzzjoni assistita lin-nisa single u lin-nisa leżbjani;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt tal-libertà tal-espressjoni fil-prattika billi tiġi salvagwardata l-possibbiltà li jsir skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru permezz tal-forom kollha ta’ espressjoni, inkluża l-istampa, il-pubblikazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet orali u bil-miktub, l-arti u l-midja; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rrispettata l-libertà ta’ għaqda u assoċjazzjoni paċifika tal-persuni LGBTI kollha; jikkunsidra li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għalhekk jiffaċilitaw l-isforzi mill-organizzazzjonijiet LGBTI biex jorganizzaw avvenimenti bħal 'Pride parades' peress li dawn jistgħu jqajmu kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet LGBTI u jagħtu s-setgħa lill-persuni LGBTI;
18. Jenfasizza n-nuqqas sinifikanti ta’ dejta u riċerka dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-persuni LGBTI, l-iskala tal-problemi u l-passi li qegħdin jittieħdu biex jiġu indirizzati; jirrimarka li tali informazzjoni hija kruċjali biex tiġi żviluppata politika xierqa u jiġu prijoritizzati l-azzjonijiet, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw dawn il-problemi u jaġixxu kif xieraq;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li tiġi miġbura u analizzata dejta kwantitattiva rilevanti fil-forma ta’ stħarriġ regolari dwar il-prevalenza tal-abbuż u l-vittimizzazzjoni tal-persuni LGBTI;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
5.12.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
11 4 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Raül Romeva i Rueda, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Izaskun Bilbao Barandica, Minodora Cliveti |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.12.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 2 6 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Philipp Albrecht, Edit Bauer, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Philip Claeys, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Roberta Metsola, Claude Moraes, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Nils Torvalds, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Auke Zijlstra |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Cornelis de Jong, Mariya Gabriel, Ana Gomes, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Jean Lambert, Ulrike Lunacek, Jan Mulder, Raül Romeva i Rueda, Salvador Sedó i Alabart, Marie-Christine Vergiat, Janusz Wojciechowski |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Leonardo Domenici |
||||