ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar il-konsegwenzi lokali u reġjonali tal-iżvilupp ta’ grids intelliġenti
10.1.2014 - (2013/2128(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Elisabeth Schroedter
Rapporteur għall-opinjoni (*): Marita Ulvskog, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
(*) Kumitati Assoċjati – l-Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-konsegwenzi lokali u reġjonali tal-iżvilupp ta’ grids intelliġenti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175, 176, 177, 178 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll 26 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għan tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1298/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar l-allokazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri mill-Fond Soċjali Ewropew[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-istabbiliment u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[6],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE[7],
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali (2008/C 82/01),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE[8],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband’[9],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2011 bit-titolu ‘Grilji Intelliġenti: nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom’(COM(2011)0202),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE[10],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza tal-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE[11],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 bit-titolu ‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050’ (COM(2011)0112),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 bit-titolu ‘Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti’ (COM(2012)0663),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu ‘L-Enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija’ (COM(2012)0271),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bit-titolu ‘Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030’ (COM(2013)0169),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-mikroġenerazzjoni – il-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana fuq skala żgħira[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u tal-atturi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea l-ġdida dwar l-enerġija[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Settembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri għall-effiċjenza enerġetika fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni[14],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2013 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni ta' Dejta) (COM(2012)0011),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2008 bit-titolu 'Regions 2020: An assessment of future challenges for EU Regions’ (Reġjuni 2020: Valutazzjoni ta’ sfidi futuri għar-Reġjuni tal-UE) (SEC(2008)2868),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM(2010)0553),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ konsultazzjoni li fih l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru .../.. ta’ XXX li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0019/2014),
A. billi għadd ta’ eżempji tal-aħjar prattika, bħalma huma r-reġjun ta’ Burgenland, il-proġett ‘MaReS’ (Macaronesia Research Strategy - Strateġija ta' Riċerka tal-Makaroneżja) u l-proġett tal-Ġżejjer Ħodor’, il-Wied tal-Enerġija fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-reġjun mudell riġenerattiv ta’ Harz fil-Ġermanja, Hostětín fir-Repubblika Ċeka, il-proġett Orkney Micro Renewables fl-Iskozja, kif ukoll bliet u komunitajiet li qed iservu ta' proġett pilota taħt l-inizjattiva tal-Kummissjoni CONCERTO jew l-inizjattiva CO-POWER għall-użu effiċjenti tal-enerġija u l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija juru li komunitajiet lokali u ċittadini jistgħu jsiru ‘prosumaturi’, li jipproduċu għall-ħtiġijiet enerġetiċi tagħhom stess filwaqt li jbigħu wkoll l-enerġija lill-grid jew jirċievu kreditu għall-elettriku żejjed tagħhom u jagħmlu użu mill-metraġġ tal-konsum enerġetiku nett (net metering), irawmu l-parteċipazzjoni attiva u l-iskambju tal-informazzjoni, u jiżviluppaw approċċ olistiku billi jinkludu setturi oħra relatati mal-enerġija bħalma huma t-trasport u l-abitazzjoni, filwaqt li jużaw mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju intelliġenti u joħolqu impjiegi ġodda;
B. billi l-Parlament adotta rapporti dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u l-atturi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea l-ġdida għall-enerġija u dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika taħt il-Politika ta’ Koeżjoni;
C. billi d-dejta personali li tinġabar għall-użu ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija hija sensittiva ħafna, peress li din tippermetti konklużjonijiet dwar l-imġiba tal-utenti u billi għalhekk għandha tkun żgurata protezzjoni speċjali ta’ din id-dejta;
Opportunitajiet ġodda għall-ekonomija reġjonali
1. Jilqa’ bidla tal-paradigma għar-reġjuni fil-mod ta’ kif tiġi prodotta u kkunsmata l-enerġija, fejn dawn għaddew minn mudell tradizzjonali inflessibbli, li jaħdem fuq ‘loġika ta’ tagħbija bażi’, għal produzzjoni varjabbli, deċentralizzata u lokali, li tintegra sehem għoli ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira ma’ domanda flessibbli u reattiva u l-ħżin distribwit; jagħraf li bil-għan li l-iżvilupp sostenibbli jiġi ppreservat u l-ħtiġijiet tad-domandi futuri jiġu ssodisfati, għandhom jiġu promossi mudelli ġodda ta’ produzzjoni u konsum tal-enerġija bbażati fuq produzzjoni deċentralizzata u lokali; jenfasizza l-fatt li grid intelliġenti huwa essenzjali għal tali bidla tal-paradigma u li l-implimentazzjoni ta’ grid intelliġenti għandha tiġi integrata f’approċċ transsettorjali u komprensiv għall-iżvilupp reġjonali sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji u l-opportunitajiet tas-suq għar-reġjuni kif ukoll sabiex jintlaħaq stat ta' sostenibbiltà, tkabbir u innovazzjoni;
2. Jirrimarka li ħafna reġjuni Ewropej wettqu proġetti fi ħdan il-qafas eżistenti tal-UE li kemm rawmu sinerġiji f’oqsma selezzjonati u kemm ippromwovew is-sostenibbiltà enerġetika u għejun tal-enerġija rinnovabbli, u fejn sħab pubbliċi u privati jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom biex jesploraw l-opportunitajiet ta' tkabbir reġjonali fis-settur enerġetiku, permezz tal-użu bikri tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF), sħubiji b’miri partikolari fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, u strateġiji ta’ implimentazzjoni deċentralizzati għall-isfruttar tar-riżorsi enerġetiċi lokali;
3. Jenfasizza l-għadd kbir ta’ benefiċċji tal-grids intelliġenti f’dawk li huma t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iż-żieda tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli u l-ġenerazzjoni distribwita, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista għall-unitajiet domestiċi, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għall-użu effiċjenti tal-elettriku fit-trasport, l-għoti lill-konsumaturi tal-abbiltà li jadattaw il-konsum tagħhom sabiex jibbenefikaw mill-orħos prezzijiet u fl-istess ħin jiffrankaw l-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar tal-enerġija elettrika, it-tnaqqis tal-investimenti għalja fil-grids tal-elettriku billi l-enerġija tintuża f’sigħat kwieti, l-għoti ta’ spinta lill-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment taċ-ċittadini f'kull stadju inkluż l-użu ta' infrastruttura tal-metraġġ avvanzat li tipprovdi fluss ta’ informazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet, ukoll f’attivitajiet ippjanati mill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni (DSOs) u l-fornituri ta’ teknoloġiji tal-grids intelliġenti; jirrimarka, ukoll, li l-iżvilupp u l-użu tal-grids intelliġenti jnaqqas sew it-telf tal-enerġija waqt it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni; jenfasizza li rikonfigurazzjoni awtomatika tal-grid tista' tintuża biex tipprevjeni jew tirristawra qtugħ fil-provvista minħabba l-kapaċitajiet tagħha ta’ awtokorrezzjoni; jinnota, madankollu, li s-sistemi ta’ appoġġ nazzjonali f’diversi reġjuni spiss ma jagħtux prijorità lill-mezzi l-aktar effettivi li bihom jiġu applikati t-teknoloġiji rinnovabbli għall-unitajiet domestiċi privati;
4. Jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-opportunitajiet għal bidliet ġeografiċi (jew territorjali) fil-grid tal-enerġija u l-promozzjoni ta’ grids intelliġenti għar-reġjuni żvantaġġati, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, periferiċi u gżejjer, li jistgħu jiżviluppaw minn konsumaturi tal-enerġija għal produtturi tal-enerġija, u b’hekk jiksbu benefiċċji ekonomiċi u kompetittivi għolja filwaqt li jiżguraw provvista ta’ enerġija sikura u l-użu u l-operazzjoni ta’ grids intelliġenti; jinnota li l-użu u l-operazzjoni tal-grids intelliġenti, b’mod partikolari, joffru opportunitajiet lil dawn ir-reġjuni, li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija li huma jġarrbu;
5. Jirrimarka li l-infrastruttura tal-grids, l-immaniġġjar tal-grids u r-regoli tas-suq fil-preżent huma indirizzati lejn il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bl-enerġija nukleari jew bil-fjuwils fossili u għalhekk jirrappreżentaw żvantaġġ kompetittiv għal teknoloġiji ġodda bħalma huma l-enerġiji rinnovabbli;
6. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinvestu kemm jista’ jkun kmieni fil-grids intelliġenti lokali billi jikkunsidraw bir-reqqa kollha li jagħtu spinta lill-investimenti billi jużaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF), inklużi l-istrumenti finanzjarji għall-ingranaġġ tal-investiment privat, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u territorjali tar-reġjuni speċifiċi u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, peress li m’hemm l-ebda soluzzjoni waħdanija għar-reġjuni kollha; jitlob għal approċċ flessibbli fil-livell lokali u reġjonali biex jitnaqqsu l-ostakli għall-ikkumbinar ta’ miżuri għall-produzzjoni u l-ħżin tal-enerġija, inkluż dawk transkonfinali, u għall-effiċjenza enerġetika, u biex issir ħidma ma’ setturi oħra bħat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjonijiet (ICT) u t-trasport; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza ta’ ħżin ippumpjat assoċjat mal-isfruttament ta’ għejun ta’ enerġija rinnovabbli;
7. Jenfasizza li l-użu tal-grids intelliġenti jeħtieġ qafas ta’ politika fit-tul u stabbli; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġiji, politiki u miri ambizzjużi għall-2030 għall-effiċjenza enerġetika u enerġiji rinnovabbli kif ukoll għal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, sabiex tingħata ċertezza futura lill-investituri u l-industriji interkonnessi u biex tiġi ffaċilitata sistema intelliġenti tal-enerġija;
8. Ifakkar li fil-biċċa l-kbira tax-xenarji tal-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija għall-2050 l-integrazzjoni xierqa tal-ġenerazzjoni rinnovabbli distribwita ma tkunx fattibbli mingħajr l-iżvilupp ta’ grids intelliġenti ta’ netwerks tad-distribuzzjoni lokali u reġjonali għall-elettriku, b’mod partikolari minħabba li jiġġeneraw konnessjonijiet ta’ informazzjoni u konnessjonijiet tal-provvista tal-elettriku bejn iż-żoni lokali ta’ żvilupp soċjoekonomiku, u b’hekk jippermettu l-immaniġġjar flessibbli u r-rinforz meħtieġ għal dawk l-għejun varjabbli tal-enerġija; jitlob, għalhekk, li tingħata importanza akbar lin-netwerks tad-distribuzzjoni; jisħaq, madankollu, li l-iżvilupp ta’ grids intelliġenti huwa relatat mat-trasportar effiċjenti tal-enerġija mis-sit tal-produzzjoni sas-sit tal-użu finali; jirrimarka, barra minn hekk, li l-valur miżjud tal-grids intelliġenti jsir jerġa’ akbar b’saħħtu peress li jikkomunikaw fuq skala usa’, pereżempju fil-livell nazzjonali jew anke Ewropew, u l-ikkontrollar tad-domanda għall-elettriku fuq din l-iskala, billi titferrex id-domanda, jipprovdi aktar opportunitajiet biex jiġi eliminat il-konsum (għejun tal-konsum) meta l-produzzjoni lokali hija baxxa wisq (jew b’saħħitha wisq);
9. Jitlob għal approċċ aktar flessibbli fir-regolamenti u d-direttivi tal-UE dwar is-suq intern biex jitnaqqsu l-ostakli għas-soluzzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni f’dawk li huma miżuri tal-produzzjoni, il-provvista, il-ħżin u l-effiċjenza tal-enerġija u l-kombinazzjoni ta’ miżuri bħal dawn, inklużi sħubiji pubbliċi-privati u proġetti transkonfinali;
Sistemi intelliġenti tal-enerġija
10. Jenfasizza li sabiex il-grids intelliġenti jiġu implimentati b’suċċess, għandha tiġi żviluppata strateġija għar-reġjuni u l-komunitajiet lokali mmirata lejn ‘sistemi intelliġenti tal-enerġija’, fejn il-grids intelliġenti jsiru parti mis-sistema reġjonali tal-enerġija u jintegraw sehem għoli ta’ enerġija minn għejun rinnovabbli, inkluż kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni deċentralizzati, ikkombinat ma' mmaniġġjar tan-naħa tad-domanda, miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, iż-żieda fl-iffrankar tal-enerġija, soluzzjonijiet ta’ ħżin intelliġenti, is-settur tat-trasport (it-trasport elettroniku) u skambju akbar ma’ netwerks ġirien;
11. Jinnota r-rwol li għandhom il-miters intelliġenti f'li jippermettu l-komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet, li jippermetti li jinħarġu kontijiet preċiżi għall-konsumaturi u jżid il-parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda, fejn il-konsumaturi jaġġustaw id-drawwiet tagħhom skont il-livelli massimi u minimi fil-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom jirċievu l-benefiċċji sħaħ ta’ sistema tal-enerġija intelliġenti u li s-sjieda taċ-ċittadini żżid l-effiċjenza tal-imġiba u b’hekk jiżdied l-iffrankar tal-enerġija b’mod globali permezz ta’ protokolli miftuħa; jenfasizza r-responsabilità tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni (DSOs) bħala fornituri tas-servizzi lejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali biex jiggarantixxu l-aċċess għal dan is-servizz ta’ interess ġenerali għal kulħadd billi jiżguraw is-sigurtà u l-istabilità tan-netwerks; jenfasizza li kull ċittadin għandu jkollu aċċess dirett għad-dejta tal-konsum u l-produzzjoni bil-għan li jiġu żgurati operazzjonijiet effiċjenti, sikuri u siguri tal-grid intelliġenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura li l-apparati elettriċi (b’mod partikolari l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti, pompi li jarmu s-sħana u giżers, eċċ.) ikunu jistgħu jaħdmu b’mod awtomatiku flimkien mal-miters intelliġenti billi jipprovdu lill-konsumaturi tariffi ekonomikament favorevoli;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, u t-Task Force għall-Grids Intelliġenti tagħha, taġġorna u tespandi d-definizzjoni eżistenti tagħha tal-grids intelliġenti sabiex din tinkludi s-sistema intelliġenti tal-enerġija; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jimmaniġġjaw il-konsum tal-enerġija u t-tneħħija tal-piż tal-enerġija u jaħdmu fuq strateġiji reġjonali bbażati madwar sistema intelliġenti tal-enerġija u jadottawhom;
13. Jenfasizza li sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ekonomika tal-grids intelliġenti għar-reġjuni huwa meħtieġ li jiġu kkumbinati l-vantaġġi diretti u indiretti, filwaqt li s-settur tal-enerġija jitgħaqqad ma’ għadd ta’ setturi oħra, b’mod partikolari dawk tal-abitazzjoni u t-trasport, iżda wkoll l-ambjent, l-ippjanar urban, l-inklużjoni soċjali, il-ġestjoni tal-iskart, u s-settur tal-kostruzzjoni, sabiex jintlaħqu l-miri tal-iffrankar tal-enerġija filwaqt li fl-istess ħin jiġu massimizzati l-benefiċċji ekonomiċi u jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda tal-enerġija ta’ reġjun;
14. Jitlob għal innovazzjoni u investiment akbar fis-settur tal-ICT sabiex jingħelbu l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw it-teknoloġiji intelliġenti, li jinkludu l-interoperabbiltà tat-teknoloġiji man-netwerk eżistenti, kif ukoll sfidi regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni u l-atturi nazzjonali u reġjonali joħolqu oqfsa regolatorji u ta’ investiment pożittivi li jippermettu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-ICT interoperabbli;
Impatti pożittivi fuq l-impjiegi lokali
15. Jinkoraġġixxi lir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali kollha jikkunsidraw il-vantaġġi ta’ sistemi intelliġenti ta’ enerġija u jinvestu fihom bħala għajn potenzjali ta’ impjiegi lokali ħodor u sostenibbli; jenfassiza li l-industrija tal-kostruzzjoni hija waħda mill-oqsma prinċipali fejn se jinħolqu l-impjiegi, mhux biss permezz ta’ investimenti diretti fil-grids intelliġenti tal-enerġija, imma wkoll billi tingħata spinta lill-iżvilupp tat-teknoloġija tal-UE, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-investimenti f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjonijiet, pereżempju fis-settur tal-abitazzjoni, u permezz tal-adattament għal soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda proposti għall-bini ta’ akkomodazzjoni enerġetikament effiċjenti;
16. Jenfasizza li l-użu tal-grids intelliġenti jipprovdi wkoll opportunità biex tiġi msaħħa l-kompetittività u t-tmexxija teknoloġika dinjija tal-fornituri tat-teknoloġija tal-UE, bħalma huma dawk fl-industrija tal-inġinerija elettrika u elettronika, li tikkonsisti l-iktar f’SMEs;
17. Jistieden lir-reġjuni kollha jikkunsidraw investimenti fil-ħiliet u t-taħriġ għal dawn l-impjiegi l-ġodda, filwaqt li jqisu li numru sinifikanti ta’ impjiegi lokali ġodda jistgħu jinħolqu wkoll fis-servizzi tal-ICT, is-settur tat-trasport u setturi li jfornu tagħmir intelliġenti, infrastruttura u servizzi, pereżempju għall-installazzjonijiet ġodda, imma wkoll biex jevitaw kull skarsezza ta’ xogħol speċjalizzat u jippermettu l-adattament għall-ħtiġijiet li jinħolqu mit-tfaċċar ta’ professjonijiet ġodda fl-oqsma rispettivi; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġjaw l-inizjattivi ta’ taħriġ kemm fil-livell akkademiku kif ukoll fil-livell ta’ snajja’ fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, bħalma huma l-istudji tekniċi ambjentali u l-iżvilupp ta’ apprendistati ġodda, pereżempju x-xogħol ta’ installar ta’ sistemi solari (‘solateur’); jenfasizza li r-reġjuni li jimplimentaw b’suċċess sistema intelliġenti tal-enerġija jistgħu jattiraw aktar impjiegi għar-reġjun fis-sura ta’ taħriġ speċjalizzat permezz tal-istabbiliment ta’ universitajiet u kulleġġi tekniċi b’għarfien espert f’dan il-qasam; jistieden lir-reġjuni jikkooperaw fuq speċjalizzazzjoni intelliġenti u jilqa’ skemi fejn l-għarfien jinqasam bejn ir-reġjuni u b’mod transkonfinali; jiġbed l-attenzjoni lejn l-inizjattivi li l-EIT qiegħda twettaq fil-komunità tal-għarfein u l-informazzjoni InnoEnergy (KIC InnoEnergy) għar-riċerka u l-iżvilupp ta' grids intelliġenti u t-taħriġ ta’ professjonisti f’dan is-settur; jiġbed l-attenzjoni, ukoll, lejn l-ambitu ġdid biex jiġu stabbiliti Skemi ta’ Innovazzjoni Reġjonali;
18. Jenfasizza li l-investiment pubbliku fis-sistemi intelliġenti tal-enerġija, inkluż permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF), jista’ jrawwem opportunitajiet ta’ impjieg lokali u sostenibbli, joħloq effetti ta’ sinerġija u effetti konsegwenzjali fuq l-impjiegi, kif ukoll benefiċċji lokali fit-tul għar-reġjuni fl-isfera ekonomika, soċjali u ambjentali, u jista’ jintuża ugwalment bħala strument biex jingħelbu l-isfidi ekonomiċi, speċjalment fir-reġjuni fil-pajjiżi milquta mill-kriżi;
Ir-rwol taċ-ċittadini
19. Jenfasizza li s-suċċess ta’ sistema intelliġenti tal-enerġija, hekk kif muri minn studji dwar l-aħjar prattiki u eżempji ewlenin, spiss huwa dovut għal sjieda lokali minn ċittadini individwali, kooperattiva, komunità lokali jew kombinazzjoni ta’ dawn l-atturi; jirrikonoxxi li dawn is-sjieda jżidu l-aċċettazzjoni tal-investimenti fl-elementi kollha tas-sistemi intelliġenti tal-enerġija; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom jingħataw informazzjoni aħjar, kif ukoll inċentivi bħal mekkaniżmi dinamiċi tal-ipprezzar u għodod xierqa tal-ICT sabiex ikunu jistgħu jiġu involuti fl-istadji kollha tal-infrastruttura tal-enerġija intelliġenti, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni enerġetika u tal-ippjanar tal-grid;
20. Jenfasizza kemm hu importanti, minħabba n-natura teknika tal-grids intelliġenti, li l-utenti jiġu informati u edukati biex isiru prosumaturi infurmati u li huma konxji tal-opportunitajiet li dawn il-grids joffru, partikolarment f’dak li jikkonċerna r-rabta tagħhom mal-miters intelliġenti; jenfasizza kemm hu importanti li dan it-tqajjim tal-kuxjenza jkun immirat lejn iż-żgħażagħ permezz ta’ programmi edukattivi għall-attenzjoni ta’ studenti tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakoli, l-isfidi regolatorji u ġuridiċi għas-sjieda lokali fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, partikolarment fir-regoli tal-għajnuna statali; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-possibbiltajiet lokali ta’ feed-in tal-enerġija u l-qsim tal-enerġija lokali, mhux biss b’mod bidirezzjonali bejn il-grid u l-utent aħħari, iżda wkoll b’mod transkonfinali u bejn l-unitajiet tal-utenti aħħarija, b’hekk jiġu mħeġġa s-sjieda lokali tal-produzzjoni tal-enerġija u l-qsim tal-enerġija prodotta lokalment;
22. Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija se jbiddlu b’mod sinifikanti l-isferi privati u pubbliċi, peress li l-provvista tal-elettriku se tkun marbuta mal-ġbir tad-dejta u kkomunikata f’ħin reali; jitlob, għalhekk, għal proċeduri trasparenti fil-livelli kollha, li jinvolvu l-atturi kollha, inklużi ċ-ċittadini, in-negozji, l-industrija, l-awtoritajiet lokali, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni (DSOs), l-operaturi tas-servizz ta’ trażmissjoni (TSOs), uffiċjali lokali u reġjonali għall-protezzjoni tad-dejta jew ombudsmen u l-fornituri ta’ teknoloġiji tal-grids intelliġenti;
Protezzjoni tad-dejta u privatezza
23. Jenfasizza li s-sistemi intelliġenti tal-enerġija se jiġu operati b’ammonti kbar ta’ dejta personali u ħafna profili u se jkollhom riskju għoli ta’ ksur tas-sigurtà tad-dejta; jenfasizza l-ħtieġa ta’ standards għolja għall-miters intelliġenti f’dawk li huma l-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza tad-dejta, u l-ħtieġa li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontrollaw u jiddeċiedu dwar id-dejta li tingħata lill-operaturi tan-netwerks lil hinn mill-minimu assolut ta’ dejta li huwa meħtieġ għall-forniment tal-enerġija; jinnota t-tħassib relatat speċifikament mas-sigurtà tas-sistemi ta’ grids intelliġenti u l-benefiċċji għall-konsumatur ta’ miters intelliġenti u jitlob valutazzjoni akbar ta’ dan il-qasam u aktar riċerka dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza tad-dejta tal-miters intelliġenti; jenfasizza, għalhekk, li d-dejta personali għandha tkun protetta, mingħajr eċċezzjonijiet, sabiex tibqa’ protetta u sigura; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sigurtà tad-dejta trid tiġi integrata fl-istrateġiji tal-użu tal-grid intelliġenti;
24. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ titjib fil-protezzjoni tad-dejta u fir-regolamentazzjoni u l-prattika tal-privatezza meta jiġu installati s-sistemi ta’ miters intelliġenti; jenfasizza li l-garanzija tal-protezzjoni tad-dejta u tal-privatezza tad-dejta għall-individwi kollha u għall-unitajiet domestiċi konnessi mal-grid hija imperattiva għall-funzjonament u l-użu ta’ grids intelliġenti; jenfasizza li d-dejta miġbura għandha tintuża biss biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw regoli għall-protezzjoni tad-dejta filwaqt li jżommu u jiżviluppaw is-sinerġiji fin-netwerks kollha tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija u jiddefendu d-drittijiet tal-individwi f’dan il-qasam; jenfasizza li f’dak li hu l-ġbir tad-dejta għas-sistemi intelliġenti tal-enerġija, għandhom jiġu żviluppati standards biex jiġi żgurat li tiġi trasmessa biss id-dejta rilevanti bil-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, biex jiġi żgurat li l-ebda dejta ma tiġi mgħoddija lil partijiet terzi, biex jiġi żgurat li l-klijenti jkollhom id-dritt jispezzjonaw u jħassru d-dejta miġbura jekk ma tkunx aktar meħtieġa għall-finijiet li għalihom tkun inġabret jew b’xi mod ieħor ipproċessati, u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jżommu s-sjieda tad-dejta tagħhom u jkollhom kontroll fir-rigward tal-partijiet li lilhom jagħtu aċċess għal din id-dejta;
25. Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ aktar iggwidar dwar l-użu tad-dejta tal-grids intelliġenti kemm dik personali u kemm dik mhux personali fid-dawl tal-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u r-regoli miftiehma dwar is-sjieda u l-immaniġġjar ta’ din id-dejta minn DSOs, fornituri u korpi kummerċjali oħra;
Qafas għal Sistemi Intelliġenti tal-Enerġija ta’ suċċess
26. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tħaffef it-tħaddim tal-grids intelliġenti u biex tiffoka fuq l-aspetti li ġejjin: l-istimular ta’ investiment u ta’ inċentivi finanzjarji f’dan il-qasam, l-iżvilupp ta’ standards tekniċi, l-iżgurar tal-protezzjoni tad-dejta għall-konsumaturi, l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju biex jingħataw inċentivi għall-użu ta’ grids intelliġenti, li jiġi ggarantit suq bl-imnut miftuħ u kompetittiv fl-interess tal-konsumaturi u l-għoti ta’ appoġġ mingħajr waqfien għall-innovazzjoni fit-teknoloġija u s-sistemi;
27. Jenfasizza li taħt ir-regolamenti ġodda tal-ESIF għall-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri huma obbligati li jikkonċentraw ir-riżorsi tal-ESIF fuq investimenti għal Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva; jinnota li s-sehem minimu se jiġi stabbilit għar-reġjuni sabiex jikkonċentraw, skont il-livell ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom, tal-anqas sa 20 % tar-riżorsi tal-FEŻR f’investiment fit-transizzjoni enerġetika, b'ħafna enfasi fuq il-grids intelliġenti, fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija derivata minn għejun rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar tal-enerġija, il-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija, u strateġiji b’livell baxx ta’ karbonju, b’enfasi partikolari fuq iż-żoni urbani, kif ukoll enerġija derivata mill-grids intelliġenti fil-livell ta’ distribuzzjoni; jenfasizza l-fatt li l-finanzjament pubbliku għadu qed iwettaq rwol kruċjali fl-istimular ta’ investiment privat fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp u ta’ dimostrazzjoni ta’ grids intelliġenti; jirrimarka li l-Fond ta’ Koeżjoni jippermetti wkoll l-investiment f’dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu ta’ din l-opportunità ġdida; jirrimarka, fir-rigward tal-investimenti mhux koperti mill-konċentrazzjoni tematika obbligatorja, li l-FEŻR jista’ wkoll jintuża biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti għad-distribuzzjoni, il-ħżin u t-trażmissjoni tal-enerġija u biex tiġi integrata l-ġenerazzjoni ta’ enerġija distribwita ġejja minn riżorsi rinnovabbli;
28. Jenfasizza li l-Fondi ESI jservu bħala katalisti għall-investiment u li, peress li hemm għadd ta’ livelli territorjali li huma involuti fil-proċess tal-finanzjament u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-governanza fuq diversi livelli għandha rwol importanti biex tirnexxi l-implimentazzjoni; jilqa’ opportunitajiet addizzjonali ta’ finanzjament fi ħdan il-programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa;
29. Jilqa’ l-enfasi qawwija mqiegħda fuq proġetti tal-enerġija intelliġenti ta’ interess komuni fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, filwaqt li jiddispjaċih li huma biss tnejn il-proġetti ta’ grids intelliġenti li ġew inklużi fil-lista biennali attwali; jenfasizza li l-proġetti ta’ grids intelliġenti fil-livell tas-sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati; jenfasizza li l-proġetti ta’ infrastruttura għandhom jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u l-kompetittività u jridu jkunu bbażati fuq approċċ integrat, li għandu jiġi żgurat billi jiġu jiġu involuti l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żviluppati konnessjonijiet tal-enerġija bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Mediterran;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tnaqqas l-ostakoli għall-investiment fis-sistemi intelliġenti tal-enerġija, b’mod partikolari billi tespandi l-eżenzjoni fi ħdan il-modernizzazzjonijiet tal-għajnuna statali (SAM) biex ikun jista’ jsir sostenn pubbliku għall-elementi kollha tas-sistemi intelliġenti reġjonali u lokali tal-enerġija, inklużi l-investimenti u l-operazzjonijiet transsettorjali; iħeġġeġ li s-sistemi intelliġenti tal-enerġija jiġu inklużi bħala kategorija fir-Regolament futur tal-Kummissjoni li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (GBER) u jadatta r-regolamenti dwar kategoriji oħra ta’ eżenzjoni ta’ blokk li jinteraġixxu mal-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija;
31. Jenfasizza li l-interoperabbiltà għall-infrastruttura intelliġenti hija kruċjali, peress li l-inċertezza regolatorja u standards differenti jdewmu t-tifrix tal-infrastruttura intelliġenti; jitlob, għalhekk, għal kooperazzjoni akbar bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej differenti tali istandards tekniċi; jenfasizza li huma meħtieġa standards miftuħa biex jgħinu l-interoperabbiltà u biex jaċċeleraw l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tneħħi l-ostakli ewlenin, bħalma huma n-nuqqas ta’ interoperabbiltà u standards (is-sistemi standardizzati li tqabbad u tuża - ‘plug and play’ - inaqqsu l-ispejjeż u jippermettu konnettività wkoll għar-Riżorsi tal-Enerġija Distribwiti żgħar - DERs) (jew applikazzjonijiet DR żgħar), l-inċertezza dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet f’applikazzjonijiet ġodda tal-grid intelliġenti; l-inċertezza dwar il-kondiviżjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji u konsegwentement dwar mudelli ġodda ta’ negozju; ir-reżistenza mill-konsumatur li jieħu sehem fi provi; il-firxa ta’ arranġamenti regolatorji fl-Ewropa tista’ tippreżenta ostakli sinifikanti għar-replikabilità tar-riżultati ta’ proġetti f’pajjiżi differenti;
33. Ifakkar fil-Mandat ta’ Standardizzazzjoni tal-2011 biex jingħata appoġġ lit-tqegħid tal-Grid Intelliġenti Ewropew li kellu jitlesta fl-2012; jilqa’ l-progress li sar taħt dan il-mandat iżda jisħaq li huwa meħtieġ aktar xogħol; jitlob li l-Kummissjoni timpenja ruħha mal-korpi ta’ standardizzazzjoni biex titħaffef it-tlestija tax-xogħol tagħhom u toħroġ mandat ġdid jekk tqis li dan ikun meħtieġ;
34. Jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw aktar u jaqsmu l-aħjar prattiki fil-forum tal-Kunsill tar-Regolaturi tal-Enerġija Ewropej (CEER) dwar ir-regolamentazzjoni tad-DSOs nazzjonali; jinnota, fl-istess ħin, id-diversità tal-organizzazzjoni tad-DSOs, fejn xi Stati Membri għandhom DSO wieħed biss u oħrajn għandhom aktar minn 800; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaħdmu flimkien aktar mill-qrib; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaqblu dwar sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata biex jiġi determinat jekk organizzazzjoni għandhiex titqies bħala operatur ta’ trasmissjoni, operatur ta’ distribuzzjoni jew operatur kombinat;
35. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk huwiex meħtieġ li tressaq proposti, skont it-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija, għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ grids intelliġenti, li jeħtieġ li jkomplu jiġu ggarantiti permezz ta' azzjoni effettiva mill-Kummissjoni, minħabba li dan jista’ jippermetti l-involviment dejjem akbar ta’ aktar parteċipanti fis-suq u jagħti spinta lis-sinerġiji potenzjali tal-użu, l-iżvilupp u l-manutenzjoni f’kull parti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija; jenfasizza, madankollu, li dawn il-proposti għandhom jiġu integrati f’qafas regolatorju razzjonalizzat, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kummissjoni;
36. Jappella għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ grids intelliġenti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; jemmen li l-grids intelliġenti joffru opportunità importanti biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, lir-riċerka u l-iżvilupp, lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-livell lokali u reġjonali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-SMEs;
37. Jistieden lir-reġjuni jagħmlu netwerking u jaqsmu l-benefiċċji, l-għarfien u l-aqwa prattiki, u jikkooperaw fir-rigward tal-analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji dwar is-sistemi intelliġenti tal-enerġija fl-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali tal-Fondi ESI; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk transnazzjonali għar-reġjuni li għandhom sistemi intelliġenti tal-enerġija; jistieden lir-reġjuni transkonfinali jużaw l-istrument legali ta’ Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali sabiex flimkien jistabbilixxu u jimmaniġġjaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija u l-infrastruttura ta’ grid intelliġenti f’netwerk bħal dan;
38. Jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi bħalma hu l-Patt tas-Sindki, li hu l-moviment Ewropew komuni li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li huwa bbażat fuq impenn volontarju min-naħa tal-firmatarji li jissodisfaw u jaqbżu l-objettiv tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 20 % fis-CO2 permezz ta’ żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ għejun rinnovabbli tal-enerġija, li japprovaw u jappoġġjaw l-isforzi li jsiru mill-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni ta’ politiki tal-enerġija sostenibbli; jenfasizza li l-gvernijiet lokali jwettqu rwol kruċjali fit-taffija tal-effetti tat-tibdilfil-klima, aktar u aktar meta wieħed iqis li 80 % tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 huwa assoċjat mal-attività urbana;
39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
- [2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
- [3] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
- [4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 256.
- [5] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
- [6] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
- [7] ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.
- [8] ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15.
- [9] ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1.
- [10] ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.
- [11] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.
- [12] Testi adottati, P7_TA(2013)0374.
- [13] Testi adottati, P7_TA(2013)0017.
- [14] Testi adottati, P7_TA(2013)0345.
NOTA SPJEGATTIVA
Fi żmien ta’ prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu, tibdil fil-klima u sfidi soċjoekonomiċi, ir-reġjuni kollha fl-UE se jkollhom isibu mezzi biex jipprovdu provvista tal-enerġija stabbli u sigura li tkun affordabbli għaċ-ċittadini kollha, filwaqt li tirrispetta l-kriterji ambjentali u ta’ sostenibbiltà.
Jekk inħarsu lejn is-sistemi intelliġenti differenti tal-enerġija u l-inizjattivi ta’ grids intelliġenti, nistgħu naraw li diġà hemm ħafna soluzzjonijiet. Xi reġjuni biddlu lilhom infushom minn xerrejja tal-enerġija għal fornituri tal-enerġija b’enfasi qawwija fuq l-enerġija rinnovabbli - u b’hekk jipprovdu mudell ta’ produzzjoni ta’ enerġija sostenibbli li jippermetti li jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-enerġija filwaqt li fl-istess ħin isir profitt.
Dawn l-eżempji jinkludu r-reġjun ta’ Burgenland fl-Awstrija. Güssing f’Burgenland, li qabel kien reġjun fqir u periferiku, ittrasforma ruħu f’mudell ta’ sostenibbiltà, li jiġġenera l-bżonnijiet tal-enerġija tiegħu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Gżejjer bħal Madeira fil-Portugall, El Hiero fi Spanja, Samsø fid-Danimarka, Ikaria fil-Greċja, qed jaqilbu wkoll persentaġġ għoli ta’ bżonnijiet ta’enerġija li qabel kienu ġejjin minn fjuwils fossili, u issa qed jipproduċu dawn l-istess bżonnijiet minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli flimkien ma’ infrastruttura u għażliet ta’ ħżin intelliġenti.
Ir-Reġjun ta’ Harz b’Mudell Riġenerattiv huwa reġjun żvantaġġat fil-Ġermanja li jinkludi l-elementi kollha msemmija hawn fuq: ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija bbażata prinċipalment fuq enerġiji rinnovabbli, attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, ħżin tal-enerġija, konsum u ffrankar tal-enerġija (inklużi miters intelliġenti, iffurmar tal-massimu, iżolazzjoni, trasport elettroniku), biex jingħata eżempju konkret ieħor ta’ reġjun b’mudell tal-aħjar prattika.
Eżempji oħra ta’ muniċipalitajiet u reġjuni li kisbu sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fid-dipendenza mill-importazzjonijiet jinkludu Hostětín fir-Repubblika Ċeka, il-proġett Orkney Micro Renewables fl-Iskozja, kif ukoll bliet u komunitajiet ta’ proġetti pilota taħt il-programm CONCERTO tal-Kummissjoni li appoġġja 58 proġett pilota fi 23 pajjiż. Aktar inizjattivi jinkludu l-CO-POWER li tippermetti liċ-ċittadini joħolqu proġetti tal-komunità li jinvolvu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli madwar l-Ewropa.
B’ħarsa lejn ir-reġjuni u l-komunitajiet ewlenin wieħed jista’ jara li s-suċċess spiss huwa riżultat ta’ ftuħ u trasparenza bejn l-awtoritajiet lokali, in-negozji, l-industrija, u l-komunità lokali u ċ-ċittadini. L-isforzi konġunti ta’ ppjanar u implimentazzjoni, fi proċess fejn ikunu involuti l-atturi kollha, joħolqu effetti ta’ sinerġija u benefiċċji fit-tul aqwa għar-reġjuni, mhux biss f’termini ta’ produzzjoni u provvista ta’ enerġija siguri u aċċessibbli għall-but ta’ kulħadd, iżda wkoll f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali.Għalhekk, l-aħjar riżultati jinkisbu meta jkun ittieħed approċċ olistiku, fejn l-infrastruttura intelliġenti tkun iċċentrata fuq sistema intelliġenti tal-enerġija li hija parti minn pjan reġjonali globali aktar intelliġenti, bl-inkorporazzjoni wkoll ta’ setturi relatati, bħat-trasport, id-djar u l-ippjanar urban. Ix-xarabanks elettroniċi jistgħu jservu bħala sistemi ta’ ħżin tal-enerġija għall-enerġija prodotta lokalment meta d-domanda għall-enerġija tkun baxxa, pereżempju meta r-riħ ikun qawwi matul il-lejl, u b’hekk il-ħżin u l-użu ta’ enerġija jsiru lokalment. Il-fatt li ċ-ċittadini jiġu mħeġġa daqs in-negozji lokali u l-industriji akbar biex jiffokaw fuq l-iffrankar l-enerġija, pereżempju permezz ta’ iżolament aħjar, jippermetti l-iffrankar globali. Flimkien ma’ tentattivi biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-ħinijiet fejn l-aktar isir konsum, pereżempju billi l-magni jintużaw bil-lejl, jista’ jsir ċaqliq fl-użu massimu f’dawn il-ħinijiet u l-loġika ta’ infrastruttura ta’ netwerk ibbażata fuq talbiet aktar għolja f’ħinijiet fejn isir l-aktar konsum tista’ tinqered. Il-grids intelliġenti, inklużi miters intelliġenti u soluzzjonijiet intelliġenti ta’ ħżin, jistgħu jiffaċilitaw dan l-iżvilupp peress li jippermettu sistema ta’ enerġija ġdida ta’ tip aktar intelliġenti - fejn l-enerġija tiġi ġġenerata u tintuża qrib is-sit tal-produzzjoni minflok tiġi ttrasportata għal distanzi twal - u fejn komunikazzjoni bidirezzjonali bejn in-naħa tal-ġenerazzjoni u n-naħa tal-konsum hija possibbli.
Minbarra milli jiżguraw is-sigurtà ta’ provvista tal-enerġija u jnaqqsu d-dipendenza mill-fjuwils fossili, il-grids intelliġenti jġibu magħhom diversi benefiċċji oħra lill-komunitajiet lokali, b’mod speċjali f’termini ta’ impjiegi u impjiegi ekoloġiċi. Is-settur tal-enerġija rinnovabbli rreżista l-kriżi ekonomika attwali u jista’ jkompli joħloq impjiegi fir-reġjuni fejn huma l-aktar meħtieġa, bħaż-żoni kostali u rurali. Fl-2009 l-Kummissjoni kkalkulat li ladarba jintlaħqu l-miri tagħha għall-enerġija rinnovabbli tal-2020 jinħolqu madwar 2.8 miljun impjieg fis-settur, li jiġġeneraw valur miżjud totali ta’ madwar 1.1 % tal-PDG sal-2030. Fir-rapport tiegħu, “Viżjoni ta’ Enerġija 100 % Rinnovabbli għall-Unjoni Ewropea”, il-Kunsill Ewropew dwar l-Enerġija Rinnovabbli ta stima fejn jgħid li li kieku fl-2030 45 % tal-enerġija kellu jiġi minn għejun rinnovabbli, jinħolqu 4.4 miljun impjieg u li kieku s-sistema tal-enerġija tal-Ewropa kellha tkun 100 % rinnovabbli sal-2050, is-settur se jimpjega 6.1 miljun ruħ. Barra minn hekk l-impjiegi se jinħolqu jew jinżammu lokalment, pereżempju fis-settur tal-kostruzzjoni, marbuta pereżempju mal-investimenti fl-iffrankar tal-enerġija fis-settur tad-djar.
L-introduzzjoni integrata sew ta’ grids intelliġenti bħala parti minn pjanijiet reġjonali tal-enerġija se tagħti wkoll is-setgħa liċ-ċittadini sabiex iwettqu rwol attiv u responsabbiltà fl-ippjanar tal-enerġija u l-grids tar-reġjuni tagħhom, u biex jaħsdu l-benefiċċji finanzjarji u soċjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Dan l-għoti ta’ setgħa jwassal liċ-ċittadini biex isiru ‘prosumaturi’ li jipproduċu, jużaw u jbiegħu l-enerġija tagħhom stess fi grid intelliġenti.
Dan kollu juri li grid intelliġenti tista’ tkun il-pedament ta’ viżjoni ta’ enerġija sostenibbli, li tinkludi aktar produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, l-iffrankar tal-enerġija, u l-użu aħjar u speċjalment lokali ta’ enerġija prodotta lokalment. Għalhekk, għandna bżonn li nħarsu lejn sistemi intelliġenti tal-enerġija bħala kunċett ġenerali li qed iġib benefiċċji sinifikanti lir-reġjuni Ewropej.
Madankollu hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati sabiex jinkisbu sistemi aktar intelliġenti tal-enerġija fir-reġjuni tal-UE. Sabiex iċ-ċittadini jiġu assigurati meta tkun qed tinħoloq sistema intelliġenti tal-enerġija bbażata fuq skambju ta’ dejta bidirezzjonali u għalhekk ibbażata fuq dejta tal-utent aħħari, il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza jeħtieġ li jiġu żgurati u infurzati kull ħin. Fuq livell aktar ġenerali, l-isfidi regolatorji u ġuridiċi, inkluża l-għajnuna statali jridu jiġu indirizzati. Dan huwa veru speċjalment meta neżaminaw approċċi transsettorjali, li jorbtu flimkien pereżempju s-setturi tal-enerġija u tal-ICT. L-inizjattivi fir-reġjuni tal-fruntieri tul il-fruntieri nazzjonali ukoll qed jiffaċċjaw ħafna sfidi regolatorji u ġuridiċi. Dawk il-fruntieri bejn is-setturi u l-pajjiżi għandhom jinfetħu għax approċċ olistiku usa’ biss jippermetti li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija. Hawnhekk, qafas ġuridiku u regolatorju pożittiv u stabbli huwa essenzjali għat-tipi kollha ta’ investimenti u kooperazzjoni fit-tul marbuta ma’ sistemi intelliġenti tal-enerġija.
L-ilħiq ta’ stat fejn ir-reġjuni u l-komunitajiet ikunu aktar sostenibbli madwar l-Ewropa huwa possibbli. Bi sforzi konġunti, ir-reġjuni, il-gżejjer u l-komunitajiet imsemmija bħala mudell f’din id-dikjarazzjoni ma jibqgħux aktar pijunieri, iżda jsiru l-istatus quo ta’ UE aktar sinjura, sostenibbli u indipendenti mill-enerġija.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (2.12.2013)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar il-konsegwenzi lokali u reġjonali tal-iżvilupp ta' grids intelliġenti
(2013/2128(INI))
Rapporteur (*): Marita Ulvskog(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rapport tiegħu:
1. Jinnota li l-grids intelliġenti huma r-riżultat tar-rwol dejjem akbar tas-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fl-immaniġġjar tan-netwerk tas-settur tal-enerġija u li għandu jitħeġġeġ li jkun hemm aktar kooperazzjoni u sinerġiji bejn dawn is-setturi, pereżempju fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju madwar l-Ewropa u funzjonijiet intelliġenti tal-enerġija "fl-internet tal-Oġġetti" tal-futur; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-mobilizzazzjoni u t-tħaddim koerenti u effiċjenti tal-grids intelliġenti; jinnota bi tħassib il-kwistjonijiet serji mqajma minn tali sinerġiji f’termini ta’ protezzjoni u privatezza tad-data, tariffi miżjuda, u għall-operaturi tan-netwerk tal-enerġija li potenzjalment ikunu f’sitwazzjoni fejn ikollhom jixtru data minn kumpaniji tat-telekomunikazzjoni biex jissodisfaw ir-responsabbiltà fundamentali tagħhom - dik li joperaw, iżommu u jiżviluppaw sistema effiċjenti tad-distribuzzjoni tal-elettriku;
2. Jenfasizza li l-ammont li qed jiżdied fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-provvista Ewropea tal-elettriku joħloq il-ħtieġa l-infrastruttura eżistenti tal-grids u l-IT titkabbar u li għalhekk jinħtieġ li jkun hemm investiment akbar fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll standardizzazzjoni Ewropea mgħaġġla.
3 Jenfasizza l-għadd ta’ benefiċċji tal-grids intelliġenti sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli u l-ġenerazzjoni distribwita, jiżguraw is-sigurtá tal-provvista tal-enerġija għad-djar, joħolqu kundizzjonijiet għall-użu effiċjenti tal-elettriku fit-trasport, fejn jagħtu lill-konsumaturi l-abilità li jadattaw il-konsum tagħhom sabiex jibbenefikaw mill-orħos prezzijiet u fl-istess ħin jiffrankaw l-enerġija, itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jiffrankaw l-elettriku, inaqqsu investimenti għaljin fil-grids tal-elettriku billi jevitaw li jikkonsmaw l-elettriku f'perjodi ta' konsum intensiv, jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija fl-UE, iħeġġu lill-konsumaturi jsiru “prosumaturi” li jipproduċu l-enerġija tagħhom stess u jbigħu ż-żejjed lura fis-suq jew jirċievu krediti għall-elettriku, bl-użu ta’ metraġġ nett; jirrimarka, ukoll, li l-iżvilupp u l-użu tal-grids intelliġenti jnaqqas sew it-telf tal-enerġija matul it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni jenfasizza li konfigurazzjoni awtomatika mill-ġdid tal-grid tista' tintuża biex tipprevjeni jew tirristawra qtugħ fil-provvista (kapaċitajiet awtoriġenerabbli); għalhekk jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-pożizzjoni tagħhom fl-intersezzjoni ta' politiki ambjentali u tal-enerġija billi jniedu proċess ta' reviżjoni u razzjonalizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-objettivi eżistenti;
4. Jenfasizza li l-mobilizzazzjoni tal-grids intelliġenti tipprovdi wkoll opportunità biex tissaħħaħ il-kompetittività u t-tmexxija teknoloġika dinjija tal-fornituri tat-teknoloġija tal-UE, bħalma hija l-industrija tal-inġinerija elettrika u elettronika, magħmula l-iktar mill-SMEs;
5. Jenfasizza li l-infrastruttura tal-grids, l-immaniġġjar tal-grids u r-regoli tas-suq fil-preżent huma adattati għall-ħtiġiet u l-possibbiltajiet ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bl-enerġija nukleari jew bil-fossili u għalhekk jippreżentaw żvantaġġ għall-kompetittività ta’ teknoloġiji ġodda bħalma huma l-enerġiji rinnovabbli;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tneħħi l-ostakli ewlenin li huma: in-nuqqas ta’ interoperabbiltà u standards (is-sistemi standardizzati li tqabbad u tuża jnaqqsu l-ispejjeż u jippermettu konnettività wkoll għar-Riżorsi tal-Enerġija Distribwiti żgħar - DERs (jew applikazzjonijiet DR żgħar); l-inċertezza dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet f’applikazzjonijiet ġodda tal-grid intelliġenti; l-inċertezza dwar il-kondiviżjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji u konsegwentement dwar mudelli ġodda ta’ negozju; ir-reżistenza mill-konsumatur biex jipparteċipa fi provi; il-firxa ta’ arranġamenti regolatorji fl-Ewropa tista’ tippreżenta ostakli sinifikanti biex jiġu replikati riżultati ta’ proġetti f’pajjiżi differenti;
7. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ infrastruttura ġdida, modernizzata, intelliġenti u flessibbli tal-enerġija fuq il-livelli kollha tal-grids, speċjalment il-grids intelliġenti, sabiex tingħata kapaċità ta’ enerġija aktar flessibbli ta’ back-up u bilanċ, inklużi l-mikroġenerazzjoni individwali u s-sistemi ta’ ħżin, użijiet ġodda tal-elettriku (bħall-vetturi tal-elettriku) u programmi ta’ rispons għad-domanda; jenfasizza li jeħtieġ li tiġi żgurata kooperazzjoni akbar tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u involviment b’saħħtu, trasparenti, ikkoordinat u f'waqtu tad-diversi partijiet interessati kollha fl-estensjoni u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija; jilqa’ l-enfasi b’saħħitha mqiegħda fuq proġetti tal-enerġija intelliġenti ta’ interess komuni fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, filwaqt li jiddispjaċih li żewġ proġetti biss ta’ grids intelliġenti ġew inklużi fil-lista biennali attwali; jenfasizza li l-proġetti ta' grids intelliġenti fil-livell tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati; jenfasizza li l-proġetti infrastrutturali għandhom jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u l-kompetittività u jridu jkunu bbażati fuq approċċ integrat li jiżgura l-involviment tal-operaturi tan-netwerks tad-distribuzzjoni; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żviluppati konnessjonijiet tal-enerġija bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Mediterran;
8. Jinnota li inċertezza persistenti dwar il-każ tan-negozju għal applikazzjonijiet ta’ grid intelliġenti u l-kondiviżjoni ta’ spejjeż u benefiċċji fost il-parteċipanti hija fattur li jillimita l-investimenti privati;
9. Jenfasizza li l-finanzjament għad għandu rwol kruċjali fl-istimolu ta’ investiment privat fi proġetti ta’ R&Ż u dimostrazzjoni ta’ grids intelliġenti;
10. Ifakkar li fil-biċċa l-kbira tax-xenarji tal-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija għall-2050, l-integrazzjoni xierqa tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli distribwita ma tkunx possibbli mingħajr l-iżvilupp ta’ grids intelliġenti tad-distribuzzjoni lokali u reġjonali għall-elettriku peress li jiġġeneraw rabta ta’ informazzjoni u rabta fil-provvista tal-enerġija bejn iż-żoni lokali tal-iżvilupp soċjoekonomiku, li jippermettu ġestjoni flessibbli u l-back-up neċessarju għal dawk is-sorsi tal-enerġija li jvarjaw, u għalhekk jitlob li aktar importanza tingħata lin-netwerks tad-distribuzzjoni; jisħaq, madankollu, li l-iżvilupp ta’ grids intelliġenti jirrigwarda t-trasport effiċjenti tal-enerġija bl-anqas ammont ta’ telf jew ħela mis-sit tal-produzzjoni għas-sit tal-użu finali; madankollu jżid li l-valur miżjud tal-grids intelliġenti huwa ferm aktar b’saħħtu peress li jikkomunikaw fuq skala usa’ – nazzjonali u saħansitra anke Ewropea – u l-kontroll tad-domanda għall-enerġija f’dan il-livell, billi tinxtered id-domanda, jagħti lok għal opportunitajiet għat-tħassir tal-konsum (tas-sorsi tal-konsum) meta l-ġenerazzjoni tkun baxxa wisq (jew għolja wisq);
11. Jappella għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ grids intelliġenti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; jemmen li l-grids intelliġenti joffru opportunità unika biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, lir-riċerka u l-iżvilupp, lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-livell lokali u reġjonali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-SMEs;
12. Jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw aktar u jaqsmu l-aħjar prattiki fil-forum CEER dwar ir-regolament ta’ DSOs nazzjonali; filwaqt li jinnota d-diversità tal-organizzazzjoni tad-DSOs, fejn xi Stati Membri għandhom DSO unika waqt li oħrajn għandhom aktar minn 800, iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu aktar mill-qrib flimkien; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaqblu dwar klassifikazzjoni unifikata ta’ jekk organizzazzjoni hix operatur ta’ trażmissjoni, operatur ta’ distribuzzjoni jew operatur kombinat;
13. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk jeħtiġx li tressaq proposti, bi qbil mat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija, għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ grids intelliġenti tal-elettriku, minħabba li l-implimentazzjoni tiegħu, li jeħtieġ li tkompli tkun iggarantita permezz ta' azzjoni effettiva mill-Kummissjoni, minħabba li dan jippermetti dejjem aktar l-involviment ta’ aktar parteċipanti fis-suq u jagħtu spinta lis-sinerġiji potenzjali tal-użu, l-iżvilupp u l-manutenzjoni f’kull parti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija; jenfasizza, madankollu , li dawn il-proposti jridu jiġu integrati f’qafas regolatorju armonizzat u razzjonalizzat, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kummissjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tħaffef it-tħaddim tal-grids intelliġenti u biex tiffoka fuq l-aspetti li ġejjin: l-istimulu ta’ inċentivi ta’ investiment u finanzjarji f’dan il-qasam; l-iżvilupp ta’ standards tekniċi; l-iżgurar tal-protezzjoni tad-data għall-konsumaturi; il-ħolqien ta’ qafas regolatorju sabiex ikun hemm inċentivi għat-tħaddim tal-grids intelliġenti; l-iżgurar ta’ suq tal-konsumatur li jkun miftuħ u kompetittiv fl-interess tal-konsumaturi; l-għoti ta’ appoġġ kontinwu għall-innovazzjoni għat-teknoloġija u s-sistemi.
15. Ifakkar li l-grids intelliġenti m’għandhomx ipoġġu piż finanzjarju fuq il-konsumaturi iżda għandhom ikunu ta’ benefiċċju għalihom billi jagħtuhom informazzjoni li faċli tintuża billi jagħtuhom il-kapaċità li jimmaniġġjaw il-konsum, u l-produzzjoni tal-enerġija tagħhom u li l-iffrankar tal-enerġija għandu jiġi rifless fil-kontijiet finali tagħhom; ifakkar li d-deċiżjonijiet tal-utenti huma ggwidati mit-tariffi tal-użu tal-netwerks, u għalhekk sinjal tal-prezz aġġustat jista' jintuża biex titħaffef u tiġi kkoordinata t-tranżizzjoni enerġetika;
16. Jenfasizza r-rwol tal-grids intelliġenti li jippermettu l-komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet bejn il-produtturi u l-konsumaturi tal-enerġija; jenfasizza li huwa essenzjali li jkun hemm protezzjoni solida tad-data personali, inkluża l-protezzjoni tal-privatezza personali u tal-libertajiet individwali, kif ukoll informazzjoni disponibbli faċilment għall-konsumatur; jinnota li "miters" intelliġenti ta' spiss huma mfixkla ma '"grids" intelliġenti u li grid intelliġenti, minbarra li jiżgura s-sigurtà tal-provvista, jippermetti suq tal-enerġija aktar intelliġenti, li jippermetti bidla fundamentali fil-mod kif l-enerġija tiġi prodotta u kkunsmata; jitlob evalwazzjoni akbar ta' dan il-qasam u riċerka ulterjuri dwar il-protezzjoni u l-privatezza tad-data;
17. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal regolament u prattika mtejba dwar il-protezzjoni u l-privatezza tad-data meta jiġu installati sistemi ta’ metraġġ intelliġenti; jenfasizza li l-iżgurar ta’ protezzjoni tad-data u privatezza tad-data għall-individwi kollha u djar mqabbdin mal-grid huwa kruċjali għall-funzjonament u t-tnedija ta’ grids intelliġenti; jisħaq li d-data miġbura għandha tintuża biss għall-iżgurar tas-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw regoli għall-protezzjoni tad-dejta u jiddefendu d-drittijiet tal-individwi f’dan il-qasam;
18. Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ aktar gwidi dwar l-użu tad-data dwar grids intelliġenti personali u mhux personali fid-dawl tal-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli miftiehma dwar is-sjieda u l-immaniġġjar ta’ din id-data minn DSOs, fornituri u korpi kummerċjali oħra;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex idaħħlu u joħolqu inċentivi finanzjarji għall-investiment fis-soluzzjonijiet tal-ICT bħalma huma l-grids intelliġenti, bil-għan li joħolqu suq ta' produtturi-konsumaturi.
20. Jenfasizza l-importanza, meta jitqiesu l-aspetti tekniċi tal-grids intelliġenti, tal-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-utenti biex isiru produtturi-konsumaturi infurmati u konxji tal-opportunitajiet mogħtija minn dawn il-grids, partikolarment f’dak li jikkonċerna r-rabta tagħhom mal-miters intelliġenti; jenfasizza l-importanza li din l-edukazzjoni tingħata liż-żgħażagħ permezz ta’ programmi edukattivi għall-attenzjoni ta’ studenti tal-edukazzjoni sekondarja u professjonali;
21. Jiġbed l-attenzjoni għall-inizjattivi li l-EIT qiegħda tfittex fil-KIC InnoEnerġy għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-grids intelliġenti u t-taħriġ tal-professjonisti f’dan is-settur; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, f’dan il-kuntest, għall-ambitu l-ġdid għall-istabbiliment ta’ Skemi ta’ Innovazzjoni Reġjonali (RIS), kif iffaċilitat mill-EIT fil-perjodu 2014-2020;
22. Jinnota li f’xi Stati Membri, komunitajiet rurali jbatu minn qtugħ fid-dawl u kwistjonijiet oħra minħabba netwerks mhux miżmuma tajjeb biżżejjed jew investimenti insuffiċjenti; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta miżuri speċjali biex tiżgura li l-grids intelliġenti jilħqu l-komunitajiet rurali; jinnota, madankollu, li l-aġġornamant u ż-żamma ta’ infrastruttura bażika tal-enerġija għandhom ikomplu f’żoni li x’aktarx ma jkunux ta’ prijorità għat-tnedija ta’ grids intelliġenti;
23. Ifakkar fil-Mandat ta’ Standardizzazzjoni tal-2011 għall-appoġġ tat-tnedija tal-Grid Intelliġenti Ewropew li kellu jlesti x-xogħol tiegħu sal-2012; jilqa’ l-prograss li sar taħt dan il-mandat iżda jisħaq li huwa meħtieġ aktar xogħol; jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-korpi ta’ standardizzazzjoni biex titħaffef it-tlestija tax-xogħol tagħhom u toħroġ mandat ġdid jekk tqis li dan ikun meħtieġ;
24. Jinnota l-importanza tal-konċentrazzjoni tematika “ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” kif segwita mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’mod li 20 % ta’ dan il-finanzjament se jiġi investit fit-tranżizzjoni tal-enerġija, b’aktar fokus fuq il-grids intelliġenti;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
51 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Jan Březina, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Rachida Dati, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Gunnar Hökmark, Ivailo Kalfin, Seán Kelly, Holger Krahmer, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Alajos Mészáros, Markus Pieper, Vladimír Remek, Silvia-Adriana Ţicău |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Carl Schlyter |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
18.12.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 4 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Iosif Matula, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Ovidiu Ioan Silaghi, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Březina, Catherine Grèze, Juozas Imbrasas, Karin Kadenbach, James Nicholson, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, Richard Seeber, Czesław Adam Siekierski, Michael Theurer, Giommaria Uggias, Derek Vaughan |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Carl Schlyter |
||||