Proċedura : 2013/2043(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0024/2014

Testi mressqa :

A7-0024/2014

Dibattiti :

PV 03/02/2014 - 22
CRE 03/02/2014 - 22

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2014 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0067

RAPPORT     
PDF 217kWORD 184k
14.1.2014
PE 516.736v01-00 A7-0024/2014

dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE

(2013/2043(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Pablo Arias Echeverría

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE

(2013/2043(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jorbot l-Unjoni biex taħdem għal “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib fil-kwalità tal-ambjent”,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 TFUE, li jistabbilixxi li “[f]id-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ, u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 11 TFUE, li jistipula li “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġġixxu l-iżvilupp sostenibbli”,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 12 TFUE, li jistipula li “[f]id-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 tiegħu dwar servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 26 TFUE, li jistipula li “[i]s-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”;

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 49 u 56 TFUE dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni,

–   wara li kunsidra l-Artikoli 101 u 102 TFUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw għal impriżi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 169 TFUE dwar il-promozzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata mid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE dwar is-servizzi postali,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2012 dwar “Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE” (COM(2012)0698),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2013 bit-titolu “E-commerce Action plan 20122015 – State of play 2013” (Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kummerċ Elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bit-titolu “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa - nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali” COM(2012)0784),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (KUMM(2010)0245),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “Consumer Markets Scoreboard – Making markets work for consumers – Eighth edition” (It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – Inġibu l-funzjonament tas-suq favur il-konsumaturi – It-Tmien Edizzjoni) (SWD(2012)0432),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir” (COM(2012)0225),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2011 bit-titolu “Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa” (KUMM(2011)0078),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Jannar 2013 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” (COM(2012)0795),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2011 bit-titolu “Negozju Żgħir, Dinja Kbira – sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” (KUMM(2011)0702),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Stħarriġ Annwali ta' Tkabbir 2013” (COM(2012)0750),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa  2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (KUMM(2010)0608),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “ Att dwar is-Suq Uniku II ” (COM(2012)0573),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (KUMM(2011)0206),

–    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” (KUMM(2011)0144),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2007 bit-titolu “L-Aġenda tal-UE fil-qasam tat-trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa” (KUMM(2007)0606),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar id-“Digital Single Market and Governance of the Single Market” (Suq Uniku Diġitali u Governanza tas-Suq Uniku),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta’ Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar “Suq Uniku għall-Ewropej”(4), dwar “Suq Uniku għall-Impriżi u t-Tkabbir”(5)u dwar “Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku”(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(7)

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Harsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat ghall-Impjiegi u l-Affarijiet Socjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0024/2014),

A. billi l-kummerċ elettroniku huwa mezz b’potenzjal enormi għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-tisħiħ tas-suq uniku, u għall-ħolqien ta’ tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea; billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku u s-servizzi online ta’ Jannar 2012 tidentifika l-konsenja ta’ oġġetti mixtrija online bħala waħda mill-ħames prijoritajiet ewlenin sabiex tingħata spinta lill-kummerċ elettroniku sal-2015, u l-importanza tagħha kienet imtennija mill-Kunsill u l-Parlament;

B.  billi fl-2012 is-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE kiber b’iżjed minn 20 %; billi b’mod partikolari huwa previst li l-kummerċ elettroniku transkonfinali se jimmultiplika b’fattur ta’ erbgħa; billi s-suq tal-konsenja tal-pakketti għaddej minn trasformazzjoni radikali, bid-dħul fis-suq ta’ fornituri ġodda, b’investiment orjentat lejn l-innovazzjoni, u bl-emerġenza ta’ servizzi ġodda;

C. billi s-servizzi tal-konsenja effiċjenti u affidabbli huma kolonna kruċjali għal suq uniku diġitali reali u effettiv, li qed iħalli impatt sostanzjali f’termini ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ elettroniku u l-bini ta’ fiduċja bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja;

D. billi l-konsenja transkonfinali hija meqjusa bħala ostaklu minn 57 % tal-bejjiegħa, filwaqt li wieħed minn kull żewġ konsumaturi jiddikjara li jinsab imħasseb dwar il-konsenja fi tranżazzjonijiet transkonfinali; billi t-tħassib dwar il-konsenja (inkluż ir-ritorn tal-prodotti) u l-ispejjeż għolja tal-konsenja jikkostitwixxu l-ogħla żewġ fatturi ta’ tħassib tal-konsumaturi rigward ix-xiri online, u qed jikkontribwixxu għal nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku transkonfinali;

E.  billi sabiex tingħeleb din is-sitwazzjoni huwa vitali li tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fl-operaturi u s-servizzi tal-konsenja, kif ukoll il-fiduċja fis-suq u l-għarfien tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati iżjed informazzjoni, b'faċilità akbar ta’ fehim, u iktar trasparenza dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja;

F.  billi l-SMEs li jfittxu opportunitajiet ta’ negozju fl-UE qed jiffaċċjaw kostijiet ogħla, iżjed kumplessità u nuqqas ta’ trasparenza rigward il-konsenja transkonfinali; billi l-prezzijiet għall-konsenja transkonfinali huma bejn tlieta u ħames darbiet ogħla mill-prezzijiet domestiċi; billi sistemi ta’ konsenja effettivi, sempliċi u bi prezz raġonevoli huma fattur mexxej ewlieni tas-sostenibbiltà tal-mudelli ta’ negozju tal-SMEs u tal-ħila tagħhom li jipprovdu prodotti lill-konsumaturi;

Servizzi ta’ konsenja integrati fl-Ewropa: kolonna għas-Suq Uniku Diġitali

1.  Jenfasizza li servizzi ta’ konsenja aċċessibbli, bi prezz raġonevoli, effiċjenti, u ta’ kwalità għolja huma element essenzjali fix-xiri online ta’ oġġetti, u għandhom jiġu promossi billi tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u ġusta; jinnota, madankollu, li bosta konsumaturi jeżitaw li jixtru online, speċjalment xiri transkonfinali, minħabba l-inċertezzi b’rabta mal-għażliet ta’ konsenja disponibbli, mal-konsenja aħħarija, l-ispejjeż jew l-affidabilità tal-konsenja;

2.  Jilqa’ l-Green Paper imnedija mill-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet possibbli fis-suq tal-konsenja Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa ħalli tindirizza dawn in-nuqqasijiet b’mod li kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-suq uniku diġitali; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni proposta għandha tikkunsidra s-sostenibbiltà tal-proċess tal-konsenja u tfittex li timminimizza l-impronta ambjentali tagħha;

3.  Jinnota li fi wħud mill-Istati Membri jeżistu dgħufijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni transkonfinali fost l-operaturi tal-konsenja, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ipprezzar u l-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati; iqis, b'mod partikolari, li għandhom jiġu stabbiliti għodod biex tingħata informazzjoni dwar l-offerti tal-operaturi kollha tal-konsenja fil-livell Ewropew;  

L-interessi tal-konsumatur jitqiegħdu fil-qalba tal-proċess tal-konsenja

4.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fil-proċess tal-konsenja; iqis li iżjed trasparenza u informazzjoni aħjar u komparabbli b’mod iktar faċli dwar għażliet ta’ konsenja disponibbli, ta' prezzijiet u ta' kundizzjonijiet huma ta’ importanza kruċjali għall-konsumaturi, b’mod speċifiku fir-rigward tal-kundizzjonijiet li permezz tagħhom l-ordnijiet tal-konsumatur jiġu ttrasportati kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ li l-oġġetti jġarrbu ħsara jew jintilfu jew ikun hemm dewmien fil-konsenja jew ir-ritorn tagħhom;

5.  Jenfasizza li huwa meħtieġ li jiġu promossi miżuri mmirati sabiex jiżguraw l-għażla tal-konsumatur waqt ix-xiri; jinnota l-vojt sinifikanti bejn l-aspettattivi tal-konsumatur u d-disponibbiltà ta’ servizzi konvenjenti u innovattivi bħal punti ta’ konsenja jew kjoskijiet jew terminals tal-pakketti, servizzi disponibbli l-ħin kollu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, soluzzjonijiet ta’ traċċar, postijiet u ħinijiet tal-konsenja faċli għall-konsumatur, jew politiki ta’ ritorn faċli;

6.  Jenfasizza li l-affidabilità tas-servizzi ta’ konsenja hija kruċjali u li huwa essenzjali li jiġu offruti sistemi effiċjenti li jiżguraw li l-pakketti jilħqu effettivament id-destinazzjoni mitluba f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

7.  Jirrimarka li l-prezz għoli tal-konsenja transkonfinali jew konsenja għal żoni remoti jew għar-reġjuni l-iktar imbiegħda huwa waħda mir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-konsumaturi; jenfasizza li huma assolutament meħtieġa għażliet ta’ konsenja bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi u l-bejjiegħa, inklużi l-SMEs biex jiżdiedu l-bejgħ u x-xiri fuq distanza twila u biex nistgħu nitkellmu dwar suq uniku ġenwin;

8.  Jenfasizza l-bżonn li titjieb il-firxa ġeografika u l-aċċessibilità għas-servizz universali tal-konsenja ta’ pakketti f’żoni rurali u remoti;

9.  Iqis li sabiex jiġi stabbilit Suq Uniku Integrat għall-konsenja tal-pakketti, huwa vitali li jkun hemm dimensjoni soċjali stabbli u koerenti, fejn is-servizzi ta' konsenja jkunu suġġetti għall-konformità mad-drittijiet tal-ħaddiema, it-termini tal-impjieg u tar-remunerazzjoni u l-istandards soċjali u ambjentali; jinnota f'dan ir-rigward li impjiegi mhux dikjarati kif ukoll l-abbużi huma ta' riskju għas-settur u li hu importanti li jkun hemm impjiegi responsabbli u ta' kwalità għolja kif ukoll taħriġ kontinwu u adegwat tal-persunal biex ikun hemm servizzi ta' konsenja ta' kwalità għolja; jenfasizza li ż-żamma tad-dimensjoni soċjali u ta' flessibbiltà adegwata li tippermetti lis-suq tal-konsenja li jiżviluppa u jadatta għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi huma fundamentali biex jiġu ssodisfati sew it-talbiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi filwaqt li l-intrapriżi jkunu jistgħu joffrulhom prodotti aħjar li jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-esiġenzi tagħhom;

10. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza taċ-ċertezza legali li tiżgura l-fiduċja tal-konsumatur; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li l-konsumaturi jkunu informati kif suppost dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli;

11. Jemmen li l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jiddependi wkoll fuq il-fiduċja tal-klijenti u li l-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta’ ċentri nazzjonali għar-riżoluzzjoni ta’ problemi bħas-Solvit għandu jservi sabiex jassigura lill-konsumaturi, l-istess bħas-sistema ta' twissija RAPEX li tista' twissi dwar siti li jużaw prattiki frodulenti;

12. Jinnota li numru dejjem akbar ta' konsumaturi qed jużaw websajts ta’ paragun biex iqabblu l-prezzijiet, il-karatteristiċi jew it-termini ta’ konsenja ta’ prodotti jew servizzi offruti minn ditti ta' konsenja, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida tal-UE dwar standards minimi għal websajts ta' paragrun, strutturati madwar il-prinċipji ewlenin ta' trasparenza, imparzjalità, kwalità, informazzjoni u faċli jintużaw mill-utenti;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex flimkien mal-industrija u ma’ organizzazzjonijiet tal-konsumatur tiżviluppa indikaturi komuni għall-kwalità ta’ operaturi tal-konsenja, li jagħmluha possibbli għall-konsumatur iqabbel b'mod aktar preċiż l-offerti differenti;

Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs

14. Jenfasizza r-rwol vitali tal-SMEs fil-ħolqien ta’ tkabbir, innovazzjoni u impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ; jenfasizza li s-servizzi tal-konsenja huma ta’ importanza kbira għall-SMEs Ewropej, u li suq tal-konsenja kompetittiv integrat li jiżgura għażliet ta’ konsenja u sostenn loġistiku differenti bi prezzijiet raġonevoli jikkostitwixxi prekundizzjoni għall-aċċessibbiltà ta’ swieq ġodda u jilħaq iżjed konsumaturi fl-UE; jenfasizza l-importanza li jitjieb il-fluss ta’ informazzjoni lill-SMEs f’dak li jikkonċerna l-possibilitajiet li jikkonsolidaw il-volumi ta’ pakketti tagħhom u dwar is-soluzzjonijiet ta’ konsenja u ta’ ġbir innovattivi li jnaqqsu l-ispejjeż fl-aħħar stadju tal-konsenja;

15. Jenfasizza li n-negozji u b’mod partikolari l-SMEs jeħtieġ li jkunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi b’servizzi ta’ trasportazzjoni iżjed sempliċi, iżjed veloċi, bi prezz iżjed raġonevoli, trasparenti, affidabbli, u effiċjenti fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku transkonfinali; jenfasizza li s-soluzzjonijiet ta’ konsenja li ma jilħqux l-aspettattivi tal-konsumaturi jkollhom impatt dirett fuq l-isem, id-dehra u l-kompetittività tad-ditta tan-negozju;

16. Jinnota l-iżvilupp limitat tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-kummerċ elettroniku fuq skala transkonfinali; jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju kif ukoll permezz tal-korpi rappreżentattivi tagħhom biex jinnegozjaw prezzijiet ta’ konsenja iktar vantaġġużi, notevolment permezz tal-introduzzjoni ta’ pjattaformi online kondiviżi, u li jtejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom;

17. Jinsab imħasseb dwar l-iżvantaġġi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs minħabba ċ-ċokon tagħhom; jenfasizza li attwalment l-SMEs qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet ogħla, kumplessità kbira minħabba s-suq Ewropew frammentat, u nuqqas ta’ informazzjoni dwar għażliet disponibbli ta’ konsenja u prezzijiet;

Lejn soluzzjonijiet innovattivi u interoperabbli għal suq tal-konsenja verament Ewropew

18. Jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni tas-settur postali Ewropew fin-netwerks nazzjonali b'interoperabbiltà baxxa, kif ukoll in-nuqqas ta’ integrazzjoni tat-trasport bit-triq, ferrovjarju u fuq l-ilma; jilqa’ l-passi diġà meħuda mill-operaturi tas-suq tal-konsenji sabiex jintroduċu arranġamenti mmirati iktar mill-qrib lejn il-ħtiġijiet tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-konsumaturi online, bħal għażliet ta’ konsenja u ritorn iktar flessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipproponi l-miżuri meħtieġa biex tinkoraġġixxi lill-industrija ħalli ttejjeb l-interoperabbiltà u tħaffef it-tixrid ta’ proċessi ssimplifikati mmirati għall-konsenja u l-ġbir tal-pakketti bl-għan li jonqsu l-kostijiet, tiżdied l-ekonomiji ta’ skala għal operaturi tal-konsenja, tiġi promossa l-integrazzjoni ta’ diversi konsenji żgħar f’termini ta' skontijiet tal-volum għal negozjanti iżgħar, tiżdied id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi tal-konsenja, u jiġu offruti rati ta’ trasportazzjoni flessibbli bi prezz raġonevoli lill-konsumaturi kif ukoll lin-negozji;

19. Jemmen li f’dan ir-rigward il-kollaborazzjoni fl-industrija dwar sistemi ta’ traċċar transkonfinali interoperabbli hija ta’ importanza partikolari; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tesplora iżjed il-potenzjal tal-iżvilupp ta’ standards Ewropej biex ittejjeb is-sistemi integrati ta’ traċċar u tippromwovi l-kwalità, l-affidabilità u s-sostenibbiltà tas-servizzi loġistiċi integrati applikati għall-kummerċ elettroniku;

20. Jenfasizza li soluzzjonijiet iżjed faċli ta’ ġbir u ritorn diġà għandhom rwol sinifikanti fit-tkabbir tal-ekonomija elettronika u fil-futur jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet u żieda fis-sodisfazzjon tal-konsumaturi, b’mod speċjali fit-tranżazzjonijiet transkonfinali; jinkoraġġixxi li tiżdied il-kollaborazzjoni għat-titjib tal-interoperabbiltà taċ-ċentri telefoniċi ddedikati għall-ilmenti tal-konsumaturi;

21. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaformi ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-operaturi tal-konsenja sabiex jiġi indirizzat fil-pront il-vojt eżistenti fis-suq tal-konsenja tal-UE f’termini ta’ innovazzjoni, il-flessibbiltà, il-ġestjoni tal-istokk, it-trasportazzjoni, il-ġbir u r-ritorn ta’ pakketti, filwaqt li tiġi rrispettata l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE, kif ukoll tiġi diskussa l-possibbiltà tal-kondiviżjoni tal-infrastruttura permezz ta' kumpanija b’servizz tal-kurrier express u servizzi tal-posta għall-benefiċċju reċiproku;

22. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien man-negozji lejn l-adozzjoni ta’ standards Ewropej dwar l-indirizzi u t-tikkettar, kif ukoll standards tal-kaxxi tal-ittri li jkunu adattati għall-kummerċ elettroniku;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltajiet li tinħoloq Marka tal-Fiduċja pan-Ewropea għall-Kummerċ elettroniku, u jekk tali Marka tal-Fiduċja tistax ukoll tikkontribwixxi biex tiżgura kwalità u affidabilità għal servizzi ta' konsenja integrati b'hekk tiżgura l-fiduċja tal-konsumaturi f'kummerċ elettroniku transkonfinali, tistimula l-bejjiegħa bl-imnut online u l-intrapriżi tal-konsenja iżidu t-trasparenza kif ukoll iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, u tista' tkabbar il-vantaġġ kompetittiv tan-negozji, speċjalment tal-SMEs, b'hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku b'saħħtu u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li sabiex tali Marka tal-Fiduċja tkun effikaċi din għandha tkun ibbażata fuq sett ta' karatteristiċi minimi standard u dispożizzjonijiet trasparenti għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-informazzjoni, kif ukoll ta' rekwiżiti għall-ġestjoni tal-ilmenti u proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

24. Jenfasizza li l-protezzjoni tad-data personali ta’ individwu, u l-protezzjoni tad-data inġenerali, hi ta’ importanza kbira u li kull miżura ġdida li tittieħed għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE u b’mod partikolari għad-Direttiva 95/46/KE;

Il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq u t-titjib tas-sorveljanza regolatorja

25. Jirrikonoxxi n-natura dinamika tas-suq tal-konsenja tal-pakketti, b’servizzi u operaturi ġodda li jfeġġu b’mod mgħaġġel; jinnota li s-soluzzjonijiet innovattivi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-bejjiegħa bl-imnut elettroniċi u l-konsumaturi probabbilment se jsiru differenzjatur ewlieni għall-kompetizzjoni; jemmen li miżuri leġiżlattivi possibbli għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa minn qabel, sabiex ma tkunx affettwata b'mod negattiv in-natura dinamika tas-suq tal-konsenja tal-pakketti li ma għandux ikun imfixkel minn regolamentazzjoni żejda; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b’attenzjoni l-iżvilupp tas-suq, sabiex jiġi identifikat kwalunkwe qasam ta’ falliment potenzjali tas-suq fejn fil-ġejjieni tista’ tkun meħtieġa iżjed azzjoni; jenfasizza f’dan ir-rigward, li s-sorveljanza tas-suq għandha tikkunsidra mhux biss lill-fornituri stabbiliti tal-posta, iżda wkoll tipi oħra ta' fornituri ta' servizz tal-konsenja;

26. Jirrimarka li digà hemm qafas regolatorju xieraq, u jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-qafas regolatorju eżistenti jiġi traspost, implimentat u infurzat bis-sħiħ, b’attenzjoni partikolari għad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, il-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE u d-Direttiva dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod;

27. Jenfasizza li l-infurzar effettiv tal-qafas legali jiddependi wkoll fuq is-sorveljanza mir-regolaturi nazzjonali tal-obbligi legali tal-operaturi tal-posta, b’mod partikulari dak li jirrigwarda l-obbligu tas-servizz universali skont id-Direttiva 97/67/KE;

28. Jirrimarka li regolamentazzjoni kkomplikata tal-VAT tista’ tkun ostakolu sinifikanti għal intrapriżi żgħar, li jwettqu kummerċ transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis ir-rakkomandazzjoni mħabbra dwar l-introduzzjoni ta' dikjarazzjoni komuni tal-VAT;

29. Jenfasizza li liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva għall-kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi tista' twassal għal simplifikazzjoni li tinħass u tista' tħeġġeġ iktar SMEs joperaw fil-konsenja transkonfinali tal-pakketti; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu b’mod kostruttiv in-negozjati li għaddejjin dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Bejgħ;

30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0327.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2012)0468.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2010)0320.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2011)0145.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2011)0146.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0144.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0239.


NOTA SPJEGATTIVA

L-importanza tal-konsenja għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-Ewropa

L-importanza ekonomika tal-ekonomija tal-Internet u tal-kummerċ elettroniku b’mod partikolari ġiet rikonoxxuta b’mod wiesa’. Fl-2012, is-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE B2C kiber b’madwar 20 % biex laħaq madwar EUR 250 biljun. Bejn l-2013 u l-2016, hija mistennija żieda annwali fil-kummerċ elettroniku ta’ iżjed minn 10 % għar-reġjun Ewropew kollu. Madankollu, hemm varjazzjoni kbira fost is-swieq tal-kummerċ elettroniku madwar l-UE: waqt li, pereżempju, fir-Renju Unit iżjed minn 80 % tal-utenti tal-Internet wettqu xiri online fl-2012, iċ-ċifra fir-Rumanija kienet biss ta’ 11 %. Fl-istess ħin, il-kummerċ elettroniku transkonfinali, għalkemm qed jikber b’rata mgħaġġla, għadu lura meta mqabbel mal-bejgħ domestiku kważi fl-UE kollha. Iċ-ċifri jissuġġerixxu li hemm potenzjal kbir għal żieda fil-kummerċ elettroniku fl-UE, fejn il-kummerċ elettroniku transkonfinali huwa mistenni li jimmultiplika b’fattur ta’ erbgħa.

Madankollu, dan il-potenzjal jista’ jiġi sfruttat biss jekk is-servizzi tal-konsenja jissodisfaw il-ħtiġijiet tax-xerrejja elettroniċi u l-bejjiegħa bl-imnut elettroniċi, sabiex b’hekk is-servizzi tal-konsenja ma jispiċċawx konġestjonati. Servizzi tal-konsenja aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja madwar l-Ewropa huma prerekwiżit essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kummerċ elettroniku.

Studji reċenti wrew li l-problemi konnessi mas-servizzi tal-konsejna huma raġuni ewlenija għaliex wieħed ma jixtrix online, fejn kważi nofs il-konsumaturi spjegaw tħassib dwar il-possibbiltà ta’ konsenja li ma ssirx, oġġetti li jġarrbu ħsara jew nuqqas ta’ ċertezza dwar il-politiki ta’ ritorn bħala r-raġuni li minħabba fiha ma jsirx kummerċ elettroniku. Il-problemi konnessi mal-konsenja (eż. il-kostijiet tal-konsenja li jkunu għolja b’mod mhux mistenni jew il-ħinijiet tal-konsenja) huma responsabbli għal kważi 70 % tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri online li jiġu abbandunati. Bl-istess mod l-SMEs jesprimu nuqqas ta’ sodisfazzjon dwar in-nuqqas ta’ transparenza, il-kwalità tas-servizzi tal-konsenja u l-kostijiet għolja tal-konsenja transkonfinali, u jqisu dawn il-fatturi bħala ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp tagħhom fis-suq uniku diġitali.

Ir-rapport jirrikonoxxi li s-suq tal-konsenja tal-pakketti fl-Ewropa għaddej minn tibdil mgħaġġel, fejn qegħdin jitfaċċaw servizzi ġodda u atturi ġodda qed jidħlu fis-suq. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li għad hemm ostakli importanti, li qegħdin jheddu li jxekklu l-potenzjal għat-tkabbir fil-kummerċ elettroniku Ewropew. Għaldaqstant ir-rapporteur iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jipprijoritizzaw it-tneħħija tal-ostakli ewlenin kollha lejn l-iżvilupp ta’ suq integrat għall-konsenja tal-pakketti, li għandu jiġi kkunsidrat bħala kolonna fundamentali fil-bini tas-suq uniku diġitali.

L-interessi tal-konsumatur jitqiegħdu fil-qalba tal-proċess tal-konsenja

Wasal iż-żmien li l-konsumaturi jitqiegħdu fil-qalba tal-proċess tal-konsenja u li jingħeleb il-vojt bejn l-aspettattivi tal-konsumatur u r-realtà attwali. Wasal iż-żmien li jsiru passi lejn iżjed trasparenza, kwalità aħjar, prezzijiet iżjed raġonevoli u iżjed disponibbiltà.

Il-konsumaturi jistennew iżjed trasparenza u informazzjoni aħjar dwar l-għażliet ta’ konsenja disponibbli u l-kundizzjonijiet tal-proċess tal-konsenja, inkluż it-trasportazzjoni tal-ordnijiet u x’għandu jsir jekk il-pakketti jdumu ma jaslu, jkunu ġarrbu ħsara jew intilfu. Huma meħtieġa wkoll iżjed trasparenza u komparabbiltà f’termini tal-prezzijiet u l-operaturi differenti li jaġixxu fis-suq. It-tieni nett, il-konsumaturi jistennew li jkollhom il-possibbiltà ta' għażliet differenti ta’ trasportazzjoni (inkluż, pereżempju, fejn u meta pakkett għandu jiġi kkonsenjat) fil-punt tax-xiri. Wisq ta’ spiss il-konsumaturi ma jkollhomx l-opportunità li jagħżlu f’din il-kwistjoni u dan qed jikkawża iżjed frustrazzjoni.

Il-konsumaturi jistennew servizzi ta’ kwalità aħjar f’termini ta’ affidabilità, veloċità u konvenjenza. Effettivament il-pakketti għandhom jilħqu d-destinazzjoni mitluba fi żmien raġonevoli sabiex ix-xiri online isir attraenti u sikur għall-konsumaturi. Jeżistu soluzzjonijiet konvenjenti innovattivi, inkluż politiki ta’ ritorn faċli, sistemi ta’ traċċar jew id-disponibbiltà ta’ punti ta’ konsenja/kjoskijiet tal-pakketti biex il-ġbir tal-pakketti mill-operaturi tal-konsenja jsir iżjed faċli. L-iżgurar li dawn is-soluzzjonijiet jiġu adottati b’mod wiesa’ mhux biss jissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi iżda jikkostitwixxi wkoll pass ewlieni għat-tnaqqis tal-kostijiet u għal prezzijiet iżjed baxxi.

Il-kost għoli tal-konsenji, b’mod speċjali bejn il-fruntieri, għadu jikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-konsumaturi bix-xiri online, u jitqies bħala ostaklu fundamentali għall-kummerċ elettroniku transkonfinali.

Fl-aħħar nett, l-evidenza tissuġġerixxi b’mod ċar li jeżistu differenzi importanti f’termini ta’ disponibbiltà tas-servizzi ta’ konsenja fost Stati Membri differenti tal-UE u reġjuni differenti fl-istess Stat Membru, għad-detriment tal-konsumaturi li jgħixu f’żoni inqas aċċessibbli u ’l bogħod. Dan l-iżbilanċ joħloq riskju li jikkomprometti l-effetti soċjali potenzjalment pożittivi tal-kummerċ elettroniku, jiġifieri l-aċċess għal għażla wiesgħa ta’ oġġetti u servizzi għall-persuni li mod ieħor kieku ma jibbenefikawx mis-suq uniku bl-istess mod.

Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs

Il-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju huma l-pedament tal-ekonomija tal-UE. Jekk l-Ewropa trid tiżblokka l-potenzjal ta’ tkabbir li s-suq uniku diġitali għandu x’joffri, huwa assolutament meħtieġ li jitwaqqfu l-kundizzjonijiet ta’ qafas tajba biex l-SMEs jitħeġġu jikbru u jespandu fl-UE kollha. L-SMEs jiddependu b’mod partikolari fuq id-disponibbiltà tas-settur loġistiku biex joffru soluzzjonijiet b’kostijiet baxxi u b’mod konvenjenti sabiex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi. Il-kwalità tas-servizzi tal-konsenja għandha impatt dirett fuq ir-reputazzjoni u s-suċċess tan-negozji fid-dinja online. L-SMEs huma żvantaġġjati b’mod partikolari billi la għandhom is-saħħa ta’ negozjar biex jiksbu skont sostanzjali mingħand l-operaturi tal-konsenja u lanqas il-kapaċità li jinvestu f’netwerks loġistiċi tagħhom stess.

Barra dan, il-ħila tal-SMEs li jipprovdu servizzi ta’ konsenja orjentati lejn il-konsumaturi tiddependi fuq il-post fejn ikunu bbażati u l-post minn fejn ikunu qed ibigħu l-prodotti tagħhom. Jeżistu differenzi sostanzjali bejn is-servizzi domestiċi u dawk transkonfinali fejn bosta servizzi primjum, bħal dawk ta’ traċċar, punti ta’ konsenja u kjoskijiet tal-pakketti, notifiki elettroniċi jew assigurazzjoni konnessa mal-konsenja, jiġu pprovduti biss għas-suq domestiku (u xi drabi lanqas għall-pajjiż kollu). Il-prezzijiet għall-konsenji transkonfinali ta’ spiss ikunu minn tliet darbiet sa ħames darbiet ogħla mill-prezzijiet għall-konsenja domestika, fejn il-konsumaturi li jkunu jistgħu jixtru konsenji bil-grossa jgawdu minn skont sostanzjali u l-bejjiegħa bl-imnut iż-żgħar ġeneralment ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet għall-konsenja ħafna ogħla, li ma jħalluhomx jinvolvu ruħhom fil-kummerċ elettroniku.

Ir-rapporteur jenfasizza l-importanza li l-SMEs fis-suq uniku diġitali jitħallew jikkompetu taħt kundizzjonijiet komparabbli mal-atturi l-kbar tal-kummerċ elettroniku. Minħabba dan, huwa vitali li jiġu indirizzati l-isfidi tal-kostijiet ogħla għat-trasportazzjoni transkonfinali, il-kumplessità kbira tal-proċess, li pereżempju tirriżulta min-nuqqas ta’ proċeduri standardizzati għat-tikkettar, il-kodiċijiet postali, il-bar codes jew il-formoli tal-indirizzi, u n-nuqqas ta’ trasparenza fis-suq attwali tal-konsenja, fejn dejjem qed isir iżjed diffiċli għall-atturi ż-żgħar li jsiru konxji mis-soluzzjonijiet loġistiċi differenti disponibbli.

Lejn soluzzjonijiet innovattivi u interoperabbli għal suq tal-konsenja verament Ewropew

Ir-rapportuer huwa tal-opinjoni li sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, huwa vitali li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet interoperabbli u kosteffettivi. L-operaturi loġistiċi u l-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja għandhom jiġu mħeġġa jħaffu t-tixrid tas-soluzzjonijiet innovattivi eżistenti u l-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda. Filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tal-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-industrija biex tikkoopera fit-tressiq ta’ katalogu ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-iżvilupp ta’ suq tal-konsenja Ewropew verament integrat ibbażat fuq proċessi iżjed simplifikati u effiċjenti li jgħinu fit-tnaqqis tal-kostijiet u fiż-żieda tal-kwalità. Dan il-katalogu ta’ miżuri għandu jkopri l-aspetti li ġejjin:

•    traċċar: tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni bejn l-industriji rigward sistemi ta’ traċċar integrati transkonfinali

•    soluzzjonijiet faċli ta’ ġbir u ritorn, b’mod speċjali dawk transkonfinali

•    tikkettar;

•    interoperabbiltà taċ-ċentri telefoniċi għall-ilmenti tal-konsumaturi

•    pjattaforma tal-informazzjoni dwar servizzi disponibbli biex tiżdied it-trasparenza għall-SMEs u l-konsumaturi.

Barra dan, ir-rapporteur jirrakomanda li l-Kummissjoni Ewropea tesplora l-valur miżjud tal-introduzzjoni ta’ standards Ewropej dwar l-indirizzi u t-tikkettar kif ukoll standards komuni tal-kaxxi postali adatti għall-kummerċ elettroniku biex jitnaqqsu l-kumplessità u l-kostijiet tal-proċess tal-konsenja. Proposta oħra għal azzjoni ta’ segwitu mressqa fl-abbozz ta’ rapport hija li jkomplu jiġu żviluppati l-websajts eżistenti tat-tqabbil tal-prezzijiet u li r-“rekwiżiti tal-konsenja” (bħar-rekwiżiti konnessi mal-prestazzjoni tal-konsenja u l-forniment ta’ informazzjoni trasparenti u aċċessibbli b’mod faċli) jiġu integrati fi skemi Ewropej eżistenti ta’ marka ta’ fiduċja sabiex jittejbu t-trasparenza u l-kompetizzjoni.

Il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq u t-titjib tas-sorveljanza regolatorja

Bit-tkabbir tal-kumemrċ elettroniku, is-suq tal-konsenja tal-pakketti għaddej minn trasformazzjonijiet radikali, fejn fornituri ta’ servizzi ġodda qegħdin jidħlu fis-suq, qed jitfaċċaw tipi ġodda ta’ servizzi u l-kompetizzjoni ġenerali qiegħda tiżdied. Is-soluzzjonijiet innovattivi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-bejjiegħa bl-imnut elettroniċi u l-konsumaturi probabbilment se jsiru differenzjatur ewlieni għall-kompetizzjoni. F’dan l-ambjent dinamiku, kwalunkwe intervent leġiżlattiv għandu jiġi mmaniġġjat bl-ikbar attenzjoni. Għaldaqstant ir-rapporteur huwa tal-fehma li minbarra l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet immexxija mill-industrija, f’dan l-istadju għandha ssir enfasi fuq żewġ mizuri addizzjonali: (1) l-infurzar tal-qafas regolatorju eżistenti u (2) it-titjib tal-monitoraġġ tas-suq biex jiġu identifikati sitwazzjonijiet ta’ fallimenti tas-suq fejn tista’ tkun meħtieġa iktar azzjoni.

Huwa ċar li hija meħtieġa iktar informazzjoni u li l-monitoraġġ tas-suq għandu jimxi lil hinn minn iffukar fuq suq domestiku biex jinkludi wkoll id-dimensjoni transkonfinali, u għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss l-operaturi postali tradizzjonali iżda wkoll il-fornituri l-ġodda tas-servizzi.

F’dan il-kuntest ir-rapporteur jenfasizza l-importanza li jiġi identifikat kwalunkwe ostaklu strutturali għad-dħul fis-suq jew sitwazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, kemm permezz ta’ strateġiji tal-prezzijiet kif ukoll permezz ta’ għodod oħra li jeskludu lis-suq minn kompetituri u jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni amministrattiva msaħħa bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsenji transkonfinali.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-qafas regolatorju eżistenti jiġi infurzat bis-sħiħ. Dan japplika b’mod partikolari għad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, il-liġi tal-UE dwar il-Kompetizzjoni u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (26.11.2013)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE

(2013/2043(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jutta Steinruck

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun sorveljata l-konformità mal-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ previsti u mal-ħinijiet tax-xogħol permessi mil-liġi, li l-ħidma kollha marbuta mal-attività tingħadd bħala ħin tax-xogħol, u li tkun sorveljata l-konformità ma’ standards Ewropej dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-persuni kollha fdati bil-konsenja, indipendentement mill-istatus tal-impjieg tagħhom;

2.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni tal-konsenja transkonfinali tal-pakketti għall-konsumaturi u l-impriżi permezz ta’ aktar trasparenza fil-proċess tal-konsenja, traċċar, u standards ta’ kwalità għall-ħolqien ta’ suq komuni Ewropew tal-konsenja tal-pakketti;

3.  Huwa konxju li l-kummerċ online huwa suq importanti li qed jikber u li għandu jiġi promoss madwar l-Ewropa kollha permezz ta’ suq intern għall-konsenji tal-pakketti li jiffunzjona, mingħajr ma jmur kontra l-istandards soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri jew iqiegħed fi żvantaġġ lill-SMEs u lill-impriżi li għadhom jibdew; iwissi li l-kompetizzjoni li qed tikber fis-settur m’għandhiex tkun a skapitu tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol;

4.  Jemmen li l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni kompatibbli u t-taħriġ tal-impjegati huma fost is-soluzzjonijiet kruċjali għall-miżuri ta’ ristrutturar u adattament xierqa; iqis bħala kompitu ta’ min iħaddem li jara li l-impjegat huwa familjari biżżejjed mal-użu ta’ teknoloġiji ġodda li jassistu fil-konsenja online, li qed isiru dejjem aktar komuni u komplessi; jemmen li, fil-każ ta’ kuntratti temporanji, l-impjegatur irid jipprovdi preparazzjoni u taħriġ adegwati;

5.  Iqis neċessarju li l-ħaddiema f’dan is-settur ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ adegwati u jitħallsu skont il-ftehimiet kollettivi u/jew il-liġi u l-prattiki fl-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li fil-Green Paper tal-Kummissjoni ftit issir referenza għar-rwol importanti tas-sħab soċjali f’dan il-kuntest; jinnota li r-regolamentazzjoni ekonomika għandha tkun akkumpanjata minn waħda soċjali, speċjalment f’termini ta’ mudelli ta’ impjieg ibbażati fuq l-impjiegi indipendenti, l-impjiegi temporanji u x-xogħol part-time;

6.  Jenfasizza l-fatt li d-ditti fil-qasam tal-konsenja jesternalizzaw ammont enormi mix-xogħol tagħhom; huwa tal-fehma li l-esternalizzazzjoni ma tridx twassal biex id-ditti jaħarbu mir-rekwiżiti ta’ remunerazzjoni jew jonqsu milli jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg; jiġbed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet fit-tul tal-impjieg prekarju għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istati Membri;

7.  Iħeġġeġ lis-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi dwar l-attivitajiet tal-impriżi fil-qasam tas-servizz ta’ pakketti; jistenna li l-Istati Membri jżidu l-monitoraġġ tal-operaturi tas-servizz ta’ pakketti u s-sottokuntratturi tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali magħmul fuq l-istess post tax-xogħol għal impjegati bl-istess esperjenza, l-istess know-how u l-istess tul ta’ żmien fis-servizz;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ online u s-servizzi ta’ pakketti marbuta miegħu għall-SMEs, l-impriżi li għadhom jibdew u l-impjegati tagħhom;

9.  Jenfasizza wkoll li t-tnaqqis fit-tkabbir tal-kummerċ online transkonfinali ma jistax jiġi attribwit biss għal nuqqasijiet fil-qasam tal-konsenja, iżda huwa pjuttost ir-riżultat ta’ inċertezzi dwar id-drittijiet tal-konsumatur u l-ħarsien tagħhom fil-kummerċ online transkonfinali; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tieħu azzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur sabiex tkompli tiffaċilita l-kummerċ online.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Alejandro Cercas, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Jutta Steinruck, Ruža Tomašić, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jürgen Creutzmann, Liisa Jaakonsaari, Jelko Kacin, Martin Kastler, Anthea McIntyre, Birgit Sippel, Csaba Sógor

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maurice Ponga


OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (6.11.2013)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE

(2013/2043(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michel Dantin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-kummerċ elettroniku huwa settur li qed jikber malajr, li joħloq l-impjiegi, u li waħda mir-raġunijiet ewlenin għas-suċċess tiegħu huwa l-kwalità tas-servizzi ta' konsenja; jenfasizza, għalhekk, li l-intrapriżi tal-konsenja għandhom jistinkaw biex jimplimenta titjib innovattiv fl-għażliet ta’ konsenja (pereżempju punti ta’ ġbir għall-pakketti minn ċentri tat-trasport, notifika permezz tal-informatika) u jtejbu u jimplimentaw ktajjen loġistiċi ekoloġiċi; jemmen, barra minn hekk, li t-tkabbir kontinwu fis-settur m’għandux ikun ristrett minn estensjoni tal-qafas regolatorju;

2.  Jemmen li l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jiddependi wkoll fuq il-fiduċja tal-konsumaturi u li l-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta’ ċentri nazzjonali għar-riżoluzzjoni ta’ problemi bħas-Solvit għandu jservi sabiex jassigura lill-konsumaturi, kif tagħmel is-sistema ta' twissija bħar-RAPEX li tista' twissi dwar siti ħatja ta' prattiki frawdolenti;

3.  Jinnota li l-iżvilupp tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-kummerċ elettroniku huwa limitat għall-iskala transkonfinali; jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju kif ukoll permezz tal-korpi rappreżentattivi tagħhom biex jinnegozjaw prezzijiet ta’ konsenja iktar vantaġġużi, notevolment permezz tal-introduzzjoni ta’ pjattaformi online kondiviżi, u biex itejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom;

4.  Jinnota li l-bejjiegħ bl-imnut li jopera online jagħmel l-ordni mal-konsenjatur u, għalhekk, għandu jassumi r-responsabilità għall-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja tal-pakketti skont l-għażliet differenti li jipproponi, bħall-prezz, id-dewmien medju tal-konsenja, il-garanziji tal-konsenja u l-possibbiltajiet tal-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-pakketti li jintbagħtu lura; jitlob, f’dan ir-rigward, li jkun hemm standards aħjar ta’ informazzjoi u trasparenza, notevolment permezz tal-infurzar xieraq tad-Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u b’mod partikolari l-klawsoli li hemm fiha relatati mal-kuntratti li jsiru mill-bogħod li jistipulaw ir-responsabilitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut li joperaw online;

5.   Jemmen li l-konsumaturi jħobbu jkollhom għażla bejn possibilitajiet differenti ta’ konsenja u li l-bejjiegħa bl-imnut li joperaw online, għalhekk, għandhom jagħmlu minn kollox biex joffru diversi għażliet, inkluż għall-bejgħ transkonfinali, u li l-intrapriżi tal-konsenja u l-operaturi postali jridu jaħdmu sabiex jipproponu firxa ta’ servizzi u prezzijiet għall-konsenji fl-UE, inklużi possibilitajiet ta’ monitoraġġ u ritorn, kif ukoll possibilitajiet differenti ta’ punti ta’ konsenja;

6.  Jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni tas-settur postali Ewropew fin-netwerks nazzjonali ftit interoperabbli, kif ukoll in-nuqqas ta’ integrazzjoni tat-trasport bit-triq, ferrovjarju u fuq l-ilma; jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi u taħdem mal-industrija, meta xieraq fuq il-bażi tal-ħidma li saret mill-operaturi differenti fis-settur, sabiex tħeġġeġ lill-konsenjaturi u lill-bejjiegħa bl-imnut li joperaw online jaħdmu flimkien u biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom għal interoperabbiltà aħjar, partikolarment fis-sistemi tal-ittikkettjar u t-traċċabilità.

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza taċ-ċertezza legali għall-iżgurar tal-fiduċja tal-konsumatur; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li l-konsumaturi jkunu informati kif suppost dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli;

8.  Jinnota li fi wħud mill-Istati Membri jeżistu dgħjufijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni transkonfinali bejn l-operaturi tal-konsenja, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' trasparenza dwar il-kundizzjonijiet tal-ipprezzar u l-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati; iqis, b'mod partikolari, li għandhom jiġu stabbiliti għodod biex tingħata informazzjoni dwar l-offerti tal-operaturi kollha tal-konsenja fil-livell Ewropew;  

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-qafas regolamentarju eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kwalità tas-servizzi ta’ konsenja, il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kompetizzjoni u s-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim; Għalhekk jinsisti fuq il-ħtieġa li jingħataw il-kapaċitajiet finanzjarji, materjali u umani li jippermettulhom iwettqu sew l-missjonijiet tagħhom.

10. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' tikketti u ċertifikati għas-servizzi ta’ konsenja li jistgħu jkunu rikonoxxuti fil-livell Ewropew, ikopru l-katina sħiħa ta' konsenja tal-operaturi u jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti, u b’hekk jinkoraġġixxu lill-intrapriżi jtejbu l-prestazzjoni tagħhom, inklużi r-rekwiżiti għall-proċeduri ta’ trattar tal-ilmenti u s-soluzzjoni tat-tilwim, kundizzjonijiet soċjali u aspetti ambjentali, u b'hekk il-konsumaturi jingħataw il-fiduċja fil-kwalità, l-affidabilità u s-solidezza soċjali u ambjentali tas-servizzi offruti u dawn jitħeġġu jagħżlu metodi iktar sostenibbli ta’ konsenja, filwaqt li din l-evoluzzjoni twassal għal tkabbir ekonomiku solidu u l-ħolqien tal-impjiegi; iqis li ċ-ċertifikazzjoni tas-siti tal-kummerċ elettroniku se tgħin sabiex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku u b’hekk fil-proċess tal-konsenja ta’ pakketti;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati regoli u oqfsa komuni għall-ordni tal-pakketti elettroniċi u li tinħoloq pjattaforma Ewropea għall-provvediment u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi;

12. Iħeġġeġ li l-politiki kkonċernati jqisu l-impatt tal-konsenji ta’ pakketti mill-kummerċ elettroniku fuq it-traffiku urban u fuq t-tniġġis atmosferiċi li joriġina miż-żieda f’daqqas fin-numru ta’ konsenji individwali, ħaġa li m'għandhiex twassal għal żviluppi li jikkontradixxu l-miri soċjali jew ambjentali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiddiskkuti mal-partijiet ikkonċernati dwar il-bżonn li jiġu implimentati loġistiċi ekoloġiċi, u b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ ‘l-aħħar kilometru’ fiż-żoni urbani, filwaqt jitqiesu fatturi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent, mal-mezzi tat-trasport, mal-ippjanar tal-ibliet, mal-kwalità u l-għażla tas-servizzi u mar-regoli tal-kompetizzjoni;

13. Iqis li r-rilevanza ta' reviżjoni tad-Direttiva 2008/6/KE biex jiġu ffaċċjati l-isfidi preżenti tista' tiġi evalwati biss wara l-analiżi tar-rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha u fid-dawl tal-isforzi magħmula mill-partijiet interessati; jemmen li kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ estensjoni tar-regolamentazzjoni f’dan is-suq kompetittiv trid tkun ibbażata fuq l-evidenza u tikkunsidra x’impatt se tħalli aktar regolamentazzjoni fuq l-operazzjonijiet tas-suq u fuq it-tkabbir tas-suq

14. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra x-xogħol mhux dikjarat u jiżguraw kundizzjonijiet soċjali tajbin raġonevoli għall-impjegati fis-settur tal-konsenja, inklużi kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi ġusti u diċenti kif ukoll u taħriġ u edukazzjoni innovattivi u komprensivi għall-persunal, peress li l-intrapriżi tal-konsenja huma suġġetti għal skadenti tal-konseja u pressjonijiet ta' profittabilità li jistgħu jħajruhom jirrikorru għall-użu ta’ kuntratti tax-xogħol temporanji u kundizzjonijiet inaċċettabbli tax-xogħol bħal rikors eċċessiv għas-sottokuntrattar u l-użu ta' ħaddiema impjegati għal rashom; jappella lill-Istati Membri biex jaġixxu fid-dawl tal-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi u jżidu l-kontrolli fuq is-sottokuntratturi sabiex jikkonformaw mat-termini legali u kollettivi tax-xogħol;

15. Jenfasizza li l-protezzjoni tad-data personali ta’ individwu, u l-protezzjoni tad-data inġenerali, hi ta’ importanza kbira u li kull miżura ġdida li tittieħed għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE u b’mod partikolari għad-Direttiva 95/46/KE;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Michael Cramer, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Franco Frigo, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Gesine Meissner, Dominique Riquet, Petri Sarvamaa, Vilja Savisaar-Toomast, Brian Simpson, Keith Taylor, Giommaria Uggias, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Jacob Bicep, Michel Dantin, Markus Ferber, Zita Gurmai, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Geoffrey Van Orden, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Traian Ungureanu


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Preslav Borissov, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, António Fernando Correia de Campos, Vicente Miguel Garcés Ramón, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Creutzmann, Ildikó Gáll-Pelcz, Emma McClarkin, Roberta Metsola, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Olle Schmidt, Jutta Steinruck, Marc Tarabella, Kerstin Westphal

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Małgorzata Handzlik

Avviż legali - Politika tal-privatezza