RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaċċedu għall-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd tal-1977

22.1.2014 - (13408/2013 – C7‑0389/2013 – 2013/0020(NLE)) - ***

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Werner Kuhn

Proċedura : 2013/0020(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0040/2014
Testi mressqa :
A7-0040/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaċċedu għall-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd tal-1977

(13408/2013 – C7‑0389/2013 – 2013/0020(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (13408/2013),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd tal-1977,

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikoli 100(2) u 218(5), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punti (a)(v) u l-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0389/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0040/2014),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni:

Il-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd tal-1977 ġie adottat f'Ottubru 2012 waqt Konferenza Diplomatika mlaqqa' mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Dan il-Ftehim għandu jippermetti l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd iffirmata fl-1977 u l-Protokoll tagħha tal-1993, li qatt ma daħal fis-seħħ minħabba li l-għadd ta' Stati li rratifikaw il-Konvenzjoni u l-Protokoll tagħha kien insuffiċjenti.

Il-Konvenzjoni ta' Torremolinos u l-Protokoll tagħha tal-1993 jistabbilixxu standards tas-sikurezza, bħal apparat tas-salvataġġ, komunikazzjoni bir-radju, protezzjoni min-nirien, makkinarju u stallazzjonijiet elettriċi, kif ukoll rekwiżiti speċifiċi għal bastimenti tas-sajd b'tul ta' 24 metru jew aktar.

Fil-livell Ewropew, il-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 ilu implimentat sa mill-1997 permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/70/KE.

Il-ftehim ta' Cape Town għandu l-għan li jemenda ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos li wasslu għal xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħhom minn għadd ta' Stati li għandhom flotta tas-sajd sostanzjali. Ġiet introdotta xi flessibilità għal bastimenti eżistenti dwar il-qafas taż-żmien għall-miżuri ta' implimentazzjoni rigward komunikazzjonijiet bir-radju, apparat tas-salvataġġ, proċeduri ta' emerġenza, kontrolli u drills u tagħmir tan-navigazzjoni abbord.

Il-Ftehim jippermetti wkoll li Amministrazzjoni teżenta lil bastiment intitolat li jtajjar il-bandiera tiegħu minn kwalunkwe rekwiżit regolatorju jekk tħoss li l-applikazzjoni mhix raġonevoli u mhix prattikabbli fid-dawl tat-tip tal-bastiment, il-kundizzjonijiet tat-temp jew in-nuqqas ta' perikli ġenerali, sakemm il-bastiment jikkonforma ma' rekwiżiti tas-sikurezza adegwati u jopera biss f'żoni tas-sajd speċifiċi deskritti fil-Ftehim.

Mill-banda l-oħra, is-sistema tal-ispezzjonijiet saret aktar stretta: l-ispezzjonijiet inizjali, annwali u intermedji, kif ukoll l-ispezzjonijiet wara tiswija, issa huma obbligatorji. Madankollu, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet minn spezzjonijiet annwali tal-apparat tas-salvataġġ u tagħmir ieħor (Regolament 7) u l-istruttura, il-makkinarju u t-tagħmir (Regolament 9) jekk Amministrazzjoni tħoss li l-applikazzjoni mhix raġonevoli u mhix prattika fid-dawl tal-qasam ta' operazzjoni tal-bastiment u t-tip tal-bastiment.

Finalment, il-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Cape Town ġew modifikati; mhux inqas minn 22 Stat, li bejniethom għandhom 3,600 bastiment tas-sajd b'tul ta' 24 m jew aktar li joperaw fl-ibħra miftuħa se jesprimu l-kunsens tagħhom li jkunu marbuta bil-Ftehim. Dan hu inqas strett mill-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tal-Protokoll ta' Torremolinos, li kien jeħtieġ il-kunsens ta' 15-il Stat b'14,000 bastiment tas-sajd.

Il-Protokoll ta' Torremolinos, implimentat fil-livell tal-UE permezz tad-Direttiva 97/70/KE, għadu ma nbidilx fir-rigward tal-possibilità li jiġu żviluppati arranġamenti reġjonali. Dan ifisser li l-istandards tas-sikurezza attwali tal-UE, applikabbli għal bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta' Stat Membru tal-UE kif ukoll bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' stati terzi li joperaw fl-ilmijiet interni jew ibħra territorjali ta' Stat Membru jew li jħottu l-art il-qabda tagħhom f’port ta’ Stat Membru jistgħu jiġu salvagwardjati. Għaldaqstant, biex tinżamm is-sistema tas-sikurezza fl-ilmijiet tal-UE, l-eżenzjonijiet ipprovduti fir-Regolament 1(6) tiegħu fir-rigward ta’ spezzjonijiet annwali u fir-Regolament 3(3) rigward żona tas-sajd komuni jew żona ekonomika esklussiva pprovduti mill-Ftehim ta' Cape Town għandhom ikunu esklużi mill-applikazzjoni.

L-Unjoni Ewropea mhux parti tal-Konvenzjoni Marittima Internazzjonali u għaldaqstant ma tistax issir parti tal-Ftehim ta' Cape Town. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri mhumiex f'pożizzjoni li jiddeċiedu b'mod awtonomu dwar l-iffirmar u r-ratifika tal-abbozz ta' Ftehim għax dan jirrigwarda kwistjoni ta' kompetenza esklużiva kif previst fl-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Meta jagħti kunsens, l-Istat Membru jkun jeħtieġlu, meta jiffirma, jirratifika jew jaderixxi mal-Ftehim, jiddepożita Dikjarazzjoni fis-sens li eżenzjonijiet previsti fl-ambitu tar-Regolamenti 1(6) u 3(3) huma esklużi għall-applikazzjoni.

Il-Ftehim se jkun miftuħ għall-iffirmar mill-11 ta' Frar 2013 sal-10 ta' Frar 2014 u minn dakinhar ’il quddiem se jibqa’ miftuħ għall-adeżjoni.

Osservazzjonijiet tar-rapporteur

Ir-rapporteur jilqa' l-Ftehim ta' Cape Town għax dan għandu jikkontribwixxi għat-titjib tas-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd, u jirrakkomanda lill-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jiffirmaw, jirratifikaw jew jaċċedu, skont il-każ, għal dan il-Ftehim.

Ir-rapporteur jappoġġa wkoll id-Dikjarazzjoni li għandha tiġi depożitata mill-Istati Membri meta jiffirmaw, jirratifikaw jew jaċċedu għall-Ftehim ta' Cape Town tal-2012, li teskludi mill-applikazzjoni l-eżenzjonijiet relatati ma' spezzjonijiet annwali (Regolament 1(6)) u l-eżenzjonijiet relatati mal-bastimenti li joperaw unikament f'żona tas-sajd komuni jew żona ekonomika esklussiva (Regolament 3(3)) introdott b'dan il-Ftehim.

Skont l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), hu rappurtat li fis-settur tas-sajd fid-dinja kollha jitilfu ħajjithom madwar 24,000 persuna fis-sena. Għaldaqstant huwa importanti li l-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd jidħol fis-seħħ u li l-livell ta' ambizzjoni ta' dan l-istrument, kif traspost permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/70/KE li tistabilixxi reġim armonizzat għall-bastimenti tas-sajd ta' tul ta' 24 metru jew aktar, ma jitbaxxiex, minkejja li l-bastimenti tas-sajd ta' 24 metru u aktar jirrappreżentaw biss perċentwal imnaqqas tal-flotta tal-bastimenti tas-sajd.

Ir-Rapporteur jappoġġa l-istandards tas-sikurezza attwali tal-UE, li japplikaw mhux biss għall-bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera ta' Stat Membru tal-UE iżda wkoll għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' stati terzi li joperaw fl-ilmijiet interni jew ibħra territorjali ta' Stat Membru jew li jħottu l-art il-qabda tagħhom f’port ta’ Stat Membru. Dawn l-istandards jiggarantixxu sistema ta' sikurezza komuni għall-bastimenti kollha filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni ekwi fl-ilmijiet tal-UE.

Ir-Rapporteur jittama wkoll li l-Ftehim ta' Cape Town, meta jidħol fis-seħħ, mhux biss se jikkontribwixxi għas-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd b'tul ta' 24m jew aktar, iżda apparti hekk se jwitti t-triq għall-indirizzar tal-problema ta' bastimenti tas-sajd b'tul ta' inqas minn 24m, li jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-bastimenti tas-sajd. Fl-2007, maġġoranza kbira (91%) tad-89,000 bastiment tas-sajd fl-UE kienu bastimenti żgħar b'inqas minn 18-il metru tul (EUSTA 09).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Jacqueline Foster, Franco Frigo, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Bogusław Liberadzki, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Mike Nattrass, Hubert Pirker, Dominique Riquet, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Peter van Dalen, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Spyros Danellis, Eider Gardiazábal Rubial, Zita Gurmai, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Oldřich Vlasák, Sabine Wils