RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, governanza u kummerċ ta' prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea

    23.1.2014 - (11767/1/2013 – C7‑0344/2013 – 2013/0205(NLE)) - *

    Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
    Rapporteur: Yannick Jadot

    Proċedura : 2013/0205(NLE)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0043/2014
    Testi mressqa :
    A7-0043/2014
    Testi adottati :

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, governanza u kummerċ ta' prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea-

    (11767/1/2013 – C7‑0344/2013 – 2013/0205(NLE))

    (Konsultazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (11767/1/2013),

    –       wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (11769/1/2013),

    –       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0344/2013),

    –       wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    –       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0043/2014),

    1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

    2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Indoneżja.

    NOTA SPJEGATTIVA

    L-objettiv tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju (VPA) bejn ir-Repubblika tal-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea huwa li jistabbilixxi qafas legali sabiex (i) jiżgura t-traċċabbiltà ta' prodotti tal-injam, (ii) joħloq proċedura ta' verifika li tiċċertifika li l-prodotti tal-injam mibgħuta lejn is-suq tal-Unjoni Ewropea ġew miksuba, maħsuda, trasportati u esportati legalment, li tiżgura ġestjoni tajba u l-isfruttament legali tal-foresti Indoneżjani, u (iii) isaħħaħ il-validità tal-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT). Il-VPA mal-Indoneżja ġie konkluż fit-30 ta' Settembru  2013 waqt ċerimonja li saret fi Brussell.

    Il-konklużjoni tal-VPA mal-Indoneżja tirrappreżenta pass importanti għall-UE fl-isforz tagħha li ttejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fuq skala globali, twaqqaf id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, tħeġġeġ bidliet sistemiċi fis-settur tal-forestrija, tippremja l-isforzi ta' operaturi diliġenti li jakkwistaw l-injam minn sorsi leċiti u affidabbli, u tipproteġihom minn kompetizzjoni żleali. L-Indoneżja hija partikolarment importanti f'dan ir-rigward. L-ewwel nett, hija t-tielet l-akbar territorju fid-dinja miksi b'foresta pluvjali, wara l-Amażonja u l-Baċin tal-Kongo. Madankollu, dan il-patrimonju huwa mhedded mill-qerda massiva u nieqsa mill-kontrolli fl-Indoneżja tal-foresti pluvjali u tat-torbieri b'ħafna karbonju favur iż-żejt tal-palm u l-karti, tant li jagħmlu lill-Indoneżja t-tielet l-akbar emittent ta' gassijiet serra fid-dinja, li għandhom impatt fuq it-tibdil fil-klima. It-tieni nett, il-VPA jistabbilixxi standards ġodda għall-ġestjoni ta' foresti Indoneżjani. Madankollu madwar l-10 % biss f'termini ta' valur tal-injam u l-prodotti tal-injam esportati huwa attwalment destinat lejn l-UE, filwaqt li l-bqija esportati primarjament lejn pajjiżi Asjatiċi. Ir-rapporteur huwa partikolarment interessat fl-effetti konsegwenzjali li sistema ta' governanza sostenibbli tal-foresti fl-Indoneżja jista' jkollha anki fuq l-esportazzjoni tal-injam lejn dawk is-swieq.

    Filwaqt li r-rapporteur jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-VPA u jistieden liż-żewġ naħat biex jirratifikaw il-Ftehim, huwa sinċerament imħasseb dwar il-livell ta' operattività tas-Sistema Indoneżjana ta’ Assigurazzjoni tal-Legalità tal-Injam (TLAS)/Sistem Verifikasi Legalitas Kayu (SVLK). Skont il-VPA, l-injam u l-prodotti tal-injam Indoneżjani inklużi fil-VPA jistgħu jidħlu fis-suq tal-UE bħala injam bil-liċenzja FLEGT, li awtomatikament meqjus legali skont it-termini tar-Regolament il-ġdid tal-UE dwar l-Injam li beda japplika mit-3 ta' Marzu 2013, meta ż-żewġ naħat qablu dwar it-termini tas-sistema ta' verifika SVLK. Billi l-approvazzjoni tas-sistema SVLK min-naħa tal-UE hija formalizzata permezz ta' att ta' implimentazzjoni li skontu, kif previst fl-Artikolu 291 TFUE, il-Parlament mhuwiex involut, importanti li l-Kummissjoni Ewropea tintalab tiggarantixxi li s-sistema SVLK tkun mingħajr lakuni u totalment operattiva qabel jinħarġu l-liċenzji ta' esportazzjoni FLEGT. Fil-preżent, l-iżvilupp tas-sistema SVLK għadu lura sew minn dak li huwa meħtieġ biex ikunu garantiti l-operattività u l-integrità tas-sistema kif ukoll l-ilħuq tal-objettivi indikati fil-ftehim iffirmat.

    S'issa, inqas minn nofs is-sorsi ta' injam fil-pajjiż, ingħataw ċertifikat SVLK. Volumi kbar ta' injam mhux verifikat minn deforestazzjoni biex jinħoloq spazju għall-agrikoltura u l-pjantaġġuni użati għall-polpa u l-karti qed jidħlu fil-katina ta' provvista. Matul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda drammatika fil-kwantità reġistrata ta' injam ta' dan it-tip, sa kważi tliet darbiet il-volum prodott b'konċessjonijiet ta' qtugħ tas-siġar selettiv[1]. Mill-2009 sal-2011[2], l-Indoneżja tilfet tal-anqas 1 240 000 ettaru ta' foresta, primarjament minħabba l-espansjoni tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u l-konverżjoni tal-foresti f'konċessjonijiet għall-polpa. L-aspett inkwetanti huwa li l-injam u l-prodotti tal-injam minn dawn iż-żoni jidħlu fis-suq tal-UE bil-liċenzja FELGT. Fil-preżent, is-sistema SVLK mhux qed twettaq verifiki fuq l-proċess li jista' jilleġittimiżża injam li jkun ġej minn konverżjoni tal-foresti. Is-sistema mhijiex tawditja l-qtugħ fil-post b'modalità tali li tkun tista' tiġi kkonfermata l-konformità mal-limitazzjonijiet imposti mil-linji gwida li jakkumpanjaw il-permessi ta' konverżjoni tal-foresti (IPK) jew il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali (AMDAL), u għalhekk mhux qed tirregola l-injam li huwa, forsi, is-subsettur tal-isfruttament tal-art tal-Indoneżja bl-agħar governanza.

    Barra minn hekk, is-sistema SVLK ma teħtieġx separazzjoni bejn injam b'ċertifikat SVLK u injam mingħajr dan iċ-ċertifikat. In-nuqqas ta' separazzjoni fl-istabbilimenti ta' materjal tal-injam iċċertifikat SVLK u dak li mhuwiex iċċertifikat SVLK, jimpedixxi ċ-ċertezza ġuridika meta l-prodotti joħorġu minn dawn l-istrutturi. Il-problema hija aggravata mill-fatt li l-awdituri SVLK mhumiex espliċitament meħtieġa jawditjaw kull stadju tal-katina ta' provvista. Milli jidher, l-awditi SVLK mhumiex qed jevalwaw b'mod adegwat jekk il-kumpaniji awditjati rrispettawx jew le d-drittijiet tal-art tal-komunitajiet lokali u indiġeni fl-operazzjonijiet ta' qtugħ tal-injam. Il-Korpi tal-Verifika (VB) ma għandhomx mandat speċifiku għal dan ir-rwol fil-qafas tas-sistema SVLK preżenti.

    Hemm biżżejjed evidenza li tissuġġerixxi li ħafna konċessjonijiet kummerċjali għall-provvista ta' injam għas-suq domestiku u l-esportazzjonijiet tal-Indoneżja, ta' kull tip, kienu akkwistati, fl-aħjar ipoteżi, b'mod dubjuż, u f'xi każijiet miksuba illegalment. Fl-2010 l-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Qerda tal-Korruzzjoni (KPK) tal-Indoneżja, iddeskriva s-settur forestali bħala "sors ta' korruzzjoni mingħajr limitu". Sakemm il-korruzzjoni fl-Indoneżja tibqa' ankrata fil-livelli kollha tal-gvern, il-kredibilità tal-pajjiż marbuta mal-ħruġ ta' liċenzji FLEGT tibqa' fil-periklu. Il-problema tal-korruzzjoni hija aggravata bin-nuqqas ta' data u mapep aġġornati, trasparenti u aċċessibbli. L-inkonsistenzi jipprevalu u jwasslu għal interpretazzjonijiet multipli tal-liġijiet. Dan iwassal għal kunflitti mal-komunitajiet lokali u indiġeni. Fl-istess ħin, l-aċċess bażiku għall-infomazzjoni huwa meħtieġ sabiex il-monitoraġġ indipendenti tal-foresti jwettaq ir-rwol tiegħu b'mod kredibbli. Il-mapep tal-konċessjonijiet, il-pjanijiet ta' qtugħ u l-kopji tal-permessi għandhom ikunu dokumenti pubbliċi.

    Il-mekkaniżmu propost biex jikkontrolla l-prestazzjoni tas-sistema SVLK jiddependi kważi kompletament fuq l-awdituri u l-monitoraġġi indipendenti (IM). Filwaqt li s-sistema SVLK jixirqilha tfaħħir għar-rwol uffiċjali tal-monitoraġġ indipendenti, li jinkludi s-soċjetà ċivili, il-kapaċità tan-netwerks ta' monitoraġġ indipendenti hija limitata kemm f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll ta' kapital. L-attivitajiet tal-monitoraġġ indipendenti attwalment ikopru biss madwar 5 % tat-total ta' ċertifikati SVLK maħruġa minn korpi ta' verifika, l-aktar minħabba l-limitazzjonijiet tar-riżorsi umani u ta' kapital. Dan jeħtieġ jiġi indirizzat b'mod urġenti kemm f'termini ta' skala u ta' kwalità. Barra minn hekk, sabiex in-networks tal-monitoraġġ indipendenti jaħdmu kif suppost, is-sigurtà tal-persuni involuti għandha tkun garantita. Huwa essenzjali li l-vjolenza, it-theddid u kull forma ta 'abbuż lejn dawk li jwettqu l-monitoraġġ jiġu kkastigati b'mod iebes u li min hu responsabbli jitressaq quddiem il-qorti .

    Huwa ta' tħassib kbir li fil-preżent is-sistema SVLK ma tipprevedix rimedji għan-nuqqasijiet indikati hawn fuq. Il-Ministeru tal-Forestrija tal-Indoneżja ma għandux sistema ċara biex jissorvelja, jikkataloga u jsegwi l-vjolazzjoni tas-sistema SVLK minn kumpanija. Fil-fatt, improbabbli li l-kumpaniji li qed joperaw b'modalità projbita mil-liġi jiġu mħarrka: ġeneralment jiġu sanzjonati amministrattivament flimkien ma' rikjesta li jgħaddu awditjar ieħor fil-qafas tas-sistema SVLK. B'dan il-mod is-sistema SVLK tista' potenzjalment tikkostitwixxi ostaklu burokratiku għall-funzjonament tal-ġustizzja, u hemm periklu ċar li l-kumpaniji li jonqsu milli jikkonformaw mal-istandards tas-sistema SVLK sempliċement jingħataw ċans ieħor biex jikkonformaw, flok jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti talli kisru l-liġi.

    Ir-rapporteur jappella lill-awtoritajiet Indoneżjani sabiex jieħdu l-opportunità tal-ewwel rieżami tas-sistema SVLK, li qed iseħħ bħalissa, biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet kollha u jinvolvu b'mod adegwat il-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili indipendenti fil-proċess ta' rieżami. Ir-rwol u l-involviment tal-monitoraġġ indipendenti min-naħa tas-soċjetà ċivili taw ċertu livell ta' kredibilità lis-sistema SVLK, li tinżamm biss, jekk dan l-impenn ikompli u tissaħħaħ it-trasparenza lejn partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili.

    Ir-rapportuer jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżgura li n-nuqqasijiet tas-sistema SVLK jiġu eliminati qabel tinħareġ kwalunkwe liċenzja FLEGT għall-prodotti tal-injam Indoneżjani. Huwa biss b'din is-suppożizzjoni li r-rapporteur jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-VPA. Ir-rapporteur jistenna li l-Kummissjoni tressaq il-valutazzjoni tagħha tas-sistema ta' ċertifikazzjoni SVLK fil-Parlament qabel toħroġ kwalunkwe liċenzja FLEGT għall-prodotti tal-injam Indoneżjani.

    • [1]  Osservazzjonijiet ibbażati fuq id-data tal-Ministeru tal-Forestrija għall-produzzjoni tal-injam 2006-2010. Sorsi: Tabella IV.2.2., paġna 182 in Bina Usaha Kehutanan, Forestry Business Development Report, f' http://www.scribd.com/doc/88508089/STATISTIK-KEHUTANAN-2010, u Buku Statistik Kehutanan Indonesia, Ministeru tal-Forestrija tal-Indoneżja, Lulju 2012, http://www.dephut.go.id/files/BUku%20Statistik%20Juli%202012_terbaru.pdf
    • [2]  Greenpeace, 2013. Licence to kill. http://www.greenpeace.org/international/Global/international/publications/forests/2013/LicenceToKill_ENG_LOWRES.pdf: Paġna 4.

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (23.12.2013)

    għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

    dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea
    (11767/1/2013 – C7‑0344/2013 – 2013/0205(NLE))

    Rapporteur għal opinjoni: Kriton Arsenis

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    Il-Ftehim ta' Sħubija Volontarju (VPA) bejn ir-Repubblika tal-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea ġie iffirmat fit-30 ta' Settemrbu 2013 u l-għan tiegħu huwa li jindirizza l-kummerċ ta' injam illegali billi jistabbilixxi sistema ta' liċenzjar li tivverifika l-legalità tal-injam importat fl-UE taħt is-sħubija FLEGT (Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ).

    Fost il-ftehimiet ta' sħubija li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi, il-ftehimiet FLEGT huma l-aktar trasparenti. Il-pjan ta' azzjoni FLEGT huwa strument importanti fil-governanza tal-foresti, peress li jistabbilixxi proċeduri ta' konsultazzjoni xierqa li jħeġġu l-parteċipazzjoni reali ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi sħab, fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni. B'dan il-mod, il-proċeduri tal-pjan ta' azzjoni FLEGT isaħħu d-djalogu fost il-partijiet interessati, jiddefendu l-interessi tal-komunitajiet forestali u indiġeni, iżidu t-trasparenza u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni. Fl-istess ħin, il-pjan ta' azzjoni FLEGT jirrispetta wkoll id-drittijiet sovrani tal-pajjiżi produtturi, u jittratthom bħala sħab ugwali fil-proċedura.

    Il-qtugħ illegali tas-siġar jipperikola l-ġestjoni responsabbli tal-foresti, iħeġġeġ il-korruzzjoni u jnaqqas l-introjtu għall-pajjiż produttur (huma stmat li l-Indoneżja tilfet madwar USD 7 biljun bejn l-2007 u l-2011); barra minn hekk għandu implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali serji għall-persuni fqar u żvantaġġati. Il-VPA għandu l-għan li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-illegalità, li jinkludu l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' ċarezza dwar id-drittijiet tal-art.

    L-Indoneżja tospita t-tielet l-akbar foresta pluvjali fid-dinja, li tkopri aktar minn nofs is-superfiċi tal-art tal-pajjiż (944 000 km2). Din tinkludi wħud mill-aħħar foresti intatti fid-dinja li baqgħu ħielsa mit-toroq. Dan jagħti importanza globali lill-foresti Indonezjani minħabba l-bijodiversità tagħhom. Fl-istess ħin, il-foresti Indoneżjani huma importanti ħafna għall-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima minħabba l-immobilizzazzjoni u l-ħażna tal-karbonju. Madankollu, it-telf annwali nett ta' żoni forestali Indoneżjani huwa t-tielet l-ogħla fid-dinja. Id-deforestazzjoni rapida u l-qerda tat-torbieri wassluha biex tkun ukoll it-tielet l-akbar produttur fid-dinja ta' gass b'effett serra. Billi t-tibdil fil-klima qed isir dejjem aktar sors ta' ġuħ, faqar, mard u emigrazzjoni, dan il-ftehim għandu rilevanza speċjali għall-Kumitat għall-Iżvilupp.

    Il-VPA jiddefinixxi standards ġodda għall-ġestjoni tal-foresti Indoneżjani, iżda l-impatt tiegħu fuq id-deforestazzjoni jista' jibqa' limitat, peress li madwar 10 % biss tal-valur tal-esportazzjoni huwa destinat għall-UE. Madankollu, l-Indoneżja qed tippjana li tuża s-sistema ta' assigurazzjoni tal-legalità tal-injam tagħha għall-esportazzjonijiet kollha (anki barra l-UE) ta' injam kummerċjali u prodotti tal-injam. Kontrolli separati li jivverifikaw il-legalità tal-injam importat għadhom iridu jiġu żviluppati.

    L-Indoneżja bdiet timplimenta s-sistema Indoneżjana ta’ assigurazzjoni tal-legalità tal-injam SVLK f'Settembru 2010 meta bdiet programm ta' awditjar u ta' bini tal-kapaċità fis-settur kollu. Il-Kumitat għall-Iżvilupp jenfasizza l-importanza tal-operattività sħiħa tal-SVLK qabel jingħataw liċenzji ta' esportazzjoni FLEGT. Fil-preżent, ma jilħaqx l-istandards meħtieġa biex jiżgura r-rendiment u l-integrità tas-sistema. L-injam iċċertifikat mis-sistema SVLK għandu jkun rintraċċabbli għal konċessjoni forestali b'liċenzja jew għal foresta privata li topera fir-rispett tal-liġi Indoneżjana. Il-proċedura Indoneżjana tal-għoti ta' konċessjonijiet ġiet ikkritikata minn gruppi ħodor u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jsostnu li din wasslet għall-konverżjoni ta' foresti primarji ta' valur. Fil-preżent, is-sistema SVLK mhux qed twettaq awditi tal-konverżjonijiet tal-foresti li jistgħu jagħtu leġittimità lill-proċedura.

    Rapport reċenti tal-organizzazzjoni Human Rights Watch, “The Dark Side of Green Growth,” indika nuqqasijiet kbar fis-sistema SVLK, partikolarment l-inabilità tagħha li tipproteġi kontra l-abbuż tad-drittijiet ta' pussess tal-art, peress li l-proċedura ta' awditu ma tiggarantix li l-permessi inħarġu mill-gvern, fuq artiijet mingħajr rivendikazzjoni tal-art preeżistenti jew li l-kumpaniji kkumpensaw lill-komunitajiet għat-telf ta' art jew kisbu kunsens liberu, minn qabel u infurmat qabel bdew l-operazzjonijiet. Il-kunflitti fuq l-artijiet marbuta mal-konċessjonijiet għall-qtugħ ta' siġar u tal-pjantaġġuni huma komuni fl-Indoneżja, u dan in-nuqqas jirrappreżenta lakuna sinifikanti fiċ-ċertifikazzjoni SVLK.

    Punt fundamentali tas-sistema Indoneżjana SVLK huwa r-responsabbiltà mogħtija lill-gruppi tas-soċjetà ċivili u lill-individwi li jqajmu oġġezzjonijiet dwar l-awditu. Madankollu, hemm il-bżonn li jitjiebu l-kompetenzi ta' monitoraġġ u tkun żgurata s-sigurtà tal-persuni involuti f'din il-ħidma.

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jixtieq iħeġġeġ lill-Gvern tal-Indoneżja juri rieda politika qawwija fl-implimentazzjoni tal-VPA sabiex jikseb governanza aħjar tas-settur tal-foresti u r-rikonoxximent tad-drittijiet ta' pussess tal-komunitajiet forestali u indiġeni.

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li n-nuqqasijiet tas-sistema SVLK jiġu eliminati u li din tkun totalment operattiva qabel il-ħruġ ta' kwalunkwe liċenzja FLEGT għall-prodotti tal-injam mill-Indoneżja. Huwa biss b'din il-kundizzjoni li l-Kumitat għall-Iżvilupp jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-VPA.

    *******

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    18.12.2013

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    18

    1

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Ricardo Cortés Lastra, Véronique De Keyser, Catherine Grèze, Mikael Gustafsson, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Ivo Vajgl, Daniël van der Stoep, Anna Záborská

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Kriton Arsenis, Santiago Fisas Ayxela, Isabella Lövin

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Jolanta Emilia Hibner

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    21.1.2014

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    29

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Catherine Bearder, Béla Glattfelder, Syed Kamall, Elisabeth Köstinger, Katarína Neveďalová, Tokia Saïfi, Peter Skinner, Jarosław Leszek Wałęsa

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Sophie Auconie, Franco Frigo