RAPPORT dwar it-tnissil ta’ pjanti: x’inhuma l-għażliet għal żieda fil-kwalità u fir-rendiment?
24.1.2014 - (2013/2099(INI))
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Marit Paulsen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-tnissil ta’ pjanti: x’inhuma l-għażliet għal żieda fil-kwalità u fir-rendiment?
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) bit-titolu ‘Kif nitimgħu d-dinja fl-2050’,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (il-Konvenzjoni tal-UPOV),
– wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ April 2013 bit-titolu ‘Headed for 9 billion - Can Europe afford to miss the potential of GM crops’ (‘Dalwaqt nilħqu d-Disa’ Biljuni - Jaqblilha l-Ewropa li ma tgawdix mill-potenzjal tal-għelejjel ĠM?’) ta’ Ivar Virgin/Stockholm Environment Institute, Timbro,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO tal-1993 bit-titolu ‘Harvesting nature’s diversity’ (‘Naħsdu d-diversità tan-natura’),
– wara li kkunsidra l-websajt dwar is-Svalbard Global Seed Vault[1],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2001 bit-titolu ‘Pjan ta’ azzjoni favur il-biodiversità fil-qasam tal-protezzjoni ta’ riżorsi naturali’ (COM(2001)0162),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[2],
– wara li kkunsidra d-Direttivi tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċijiet tal-pjanti agrikoli[3] u 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2002 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 rigward id-drittijiet Komunitarji dwar il-varjetà tal-pjanti [6],
– wara li kkunsidra n-nota tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "The right to food - Seed policies u and the right to food: enhancing agrobiodiversity and encouraging innovation’ (A/64/170, 2009, l-Assemblea Ġenerali tan-NU),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD), proċess intergovernattiv appoġġat mill-FAO, il-Fond għall-Ambjent Dinji (GEF), il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), il-UNESCO, il-Bank Dinji u d-WHO,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0044/2014),
A. billi l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tiegħu għandu l-għan, permezz ta’ dan ir-rapport, li jniedi dibattitu komprensiv u inkjesta dwar is-sitwazzjoni kollha fir-rigward tat-tnissil ta’ pjanti fl-agrikoltura Ewropea u dik globali;
B. billi l-industrija tat-tnissil ta’ pjanti hija ta’ importanza fundamentali fir-rigward tal-produttività, id-diversità, is-saħħa u l-kwalità tal-agrikoltura, l-ortikoltura, il-produzzjoni tal-ikel u l-għalf, u l-ambjent;
C. billi, skont rapporti primarjament mill-entitajiet tan-NU, il-FAO u d-WHO, kif ukoll Panel Intergovernattiv tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, il-popolazzjoni dinjija hija mistennija li tiżdied miċ-ċifra attwali ta' seba’ biljuni għal madwar disa’ biljuni bejn l-2040 u l-2050, u barra minn hekk, din iċ-ċifra tista’ tilħaq ukoll l-10 jew il-11-il biljun;
D. billi din il-popolazzjoni se titfa’ domandi estremi fuq l-agrikoltura, b’mod partikolari l-produttività akbar li se tkun meħtieġa biex tiġi ssodisfata ż-żieda sostanzjali fit-talba għall-ikel, u billi l-FAO tistma li l-provvista tal-ikel se jkollha bżonn tiżdied b’70 % fuq it-30 sa 40 sena li ġejjin;
E. billi minħabba li bejn 30 % u 50 % tal-ikel prodott jinħela fl-UE, b’medja globali ta’ madwar 30 %, parti sostanzjali mill-provvista miżjuda tal-ikel akbar meħtieġ tista’ tkun sodisfatta permezz ta’ prattiki tal-produzzjoni tal-ikel li jkunu aktar effiċjenti u sostenibbli fin-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw, flimkien ma’ sistemi mkabbra ta’ ħżin u ta’ distribuzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
F. billi l-problema ewlenija tibqa’ ta' kif il-popolazzjonijiet f’partijiet differenti tad-dinja se jkunu jistgħu jitimgħu lilhom infushom, peress li l-meded ta' art li jistgħu jiġu kkultivati qed jonqsu minħabba użu mhux xieraq tal-art inkluż prattiki agrikoli fqar, problema li ġiet aggravata bit-tibdil fil-klima, u filwaqt li opportunitajiet għat-tkabbir tal-meded ta’ art li hija kkultivata huma estremament limitati, peress li f’bosta partijiet tad-dinja huwa maħsub li mhu realistiku xejn li tiddaħħal fl-użu art agrikola ġdida, fost l-oħrajn bi ħsieb li titħares il-bijodiversità;
G. billi l-FAO tqis li ser ikun possibbli li jintlaħaq xi 10 % ta' żieda fil-produzzjoni agrikola mill-kultivazzjoni ta’ art agrikola ġdida, li jfisser li madwar 90 % jkollu jintlaħaq permezz ta' żieda fir-rendimenti minn art agrikola eżistenti, filwaqt li l-prodotti jridu jibqgħu jkunu ta’ kwalità tajba;
H. billi l-esplojtazzjoni żejda ta’ art agrikola tista’ tfaqqar il-ħamrija, u fl-agħar każ, twassal għall-erożjoni u d-deżertifikazzjoni; billi l-istess ħaġa tapplika għall-meded ta' art bl-imsaġar, għax il-konverżjoni ta' meded ta' art bl-imsaġar għal art agrikola jkollha impatt hekk serju fuq il-klima, l-immaniġġjar tal-ilma u fuq il-bijodiversità li hija għażla inkonċepibbli biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel;
I. billi, barra mit-tnaqqis fil-medda tal-art agrikola, il-produttività agrikola ma baqgħetx tiżdied, u xejriet inkwetanti, inkluż tnaqqis fil-produttività, ġew innutati, u se jkollhom impatt serjament avvers fuq l-agrikoltura fil-ġejjieni u fuq il-ħtiġijiet tal-ikel tal-bnedmin;
J. billi l-produzzjoni tal-ikel ma tiddependix biss mid-disponibilità ta’ massa suffiċjenti ta’ art iżda wkoll minn fatturi bħall-klima, l-ilma, l-enerġija, u l-aċċess għan-nutrijenti; billi fil-ġejjieni dawn ir-riżorsi bażiċi se jkunu aktar limitati, u dan in-nuqqas ta’ riżorsi x’aktarx li jkollu effett avvers fuq iż-żieda fid-domanda għall-użu ta’ art agrikola, il-produzzjoni u l-vijabilità;
K. billi x’aktarx li jseħħu tibdiliet maġġuri fil-klima fil-ġejjieni; billi għall-Ewropa dan ifisser klima sinifikament aktar xotta fir-reġjuni tan-Nofsinhar, li huma żoni ta’ importanza kbira għall-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex; billi fil-latitudnijiet ċentrali u tat-Tramuntana fl-Ewropa, sadattant, ix-xtiewi huma mistennija li jsiru aktar moderati u s-sjuf mistennija jkollhom konsiderevolment aktar xita milli fil-preżent; billi l-konsegwenzi probabbilment li jinkludu żieda fil-mard tal-annimali u tal-pjanti, u l-ħtieġa ta' tekniki ġodda tal-biedja;
L. billi huwa bla dubju l-każ li l-agrikoltura Ewropea qed tiffaċċja sfidi enormi, u b'kundizzjonijiet tat-temp aktar estremi, bħalma huma nixfiet, għargħar u diżastri naturali oħra, il-biedja se jkollha bżonn tadatta bil-għan li tiġi salvagwardjata l-produzzjoni; billi l-għelejjel li wieħed jara fl-għelieqi fir-raba' llum ma jistgħux jibqgħu l-istess fil-ġejjieni jekk għandna niffaċċjaw il-ħtieġa akbar għall-ikel;
M. billi t-tul tal-protezzjoni tad-drittijiet fuq il-varjetà fir-rigward ta’ dawk il-pjanti li jeħtieġu perjodu estiż ta' żvilupp qabel l-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni mhuwiex biżżejjed biex ikun inkoraġġit l-investiment kummerċjali fir-riċerka u l-iżvilupp tagħhom;
1. Jenfasizza li, sabiex issir reazzjoni għall-isfidi li ġejjin fuqna, bħalma huma l-ħtiġijiet ta' provvista futuri tal-ikel u t-tibdil fil-klima, huwa eċċezzjonalment importanti li jkollna settur effettiv u kompetittiv ta’ tnissil tal-pjanti;
2. Minkejja l-importanza primarja ta’ ħamrija b’saħħitha u diversità fir-rigward tar-reżiljenza lill-agroekosistema, jenfasizza kemm hu importanti li jiġu żviluppati varjetajiet li jistgħu jiffaċċjaw il-kundizzjonijiet li qed nistennew li nsibu ma' wiċċna fil-futur, bħal pereżempju aktar xita u żieda fl-okkorrenza stmata ta’ mard tal-pjanti; jinnota li huwa importanti wkoll li nippreservaw u niżviluppaw id-diversità eżistenti fl-Ewropa, kemm fl-agroekosistema bħala xi ħaġa sħiħa kif ukoll fir-rigward tad-diversità ġenetika fi ħdan ir-razez u n-numru assolut ta’ tnissil differenti u razez lokali, minħabba li dawn kollha huma meħtieġa biex jiġi żgurat li aħna nkunu nistgħu nadattaw għall-isfidi tat-tibdil fil-klima;
3. Jinnota l-ħtieġa ta' għelejjel li, pereżempju, jassorbu n-nitroġenu u l-fosfru b’mod effettiv, li huma aktar tolleranti għal nuqqas ta’ xita u għal xita aktar qawwija, li huma reżistenti għal insetti qerrieda u li jistgħu jifilħu għal tibdil fit-temperatura; jenfasizza l-fatt li huwa neċessarju wkoll li jiġu żviluppati għelejjel perenni, jiġifieri għelejjel pluriennali; jinnota li, fil-każ ta' għelejjel pluriennali, l-art ma għandhiex għalfejn tinħarat kull sena, u b’hekk il-biedja tkun ambjentalment aktar soda;
4. Jenfasizza li, minħabba li huma meħtieġa madwar 10 snin biex tkun żviluppata varjetà ġdida, mill-istadju tar-riċerka għaż-żerriegħa finali u ħin addizzjonali biex dik il-varjetà tiġi pruvata u propagata b’mod kummerċjali, anke issa hemm bżonn ta’ inkoraġġament sostanzjali fl-investiment għal aktar riċerka sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet futuri tal-ikel u jiġi ffaċċjat it-tibdil fil-klima;
5. Jenfasizza li, minħabba li l-opportunitajiet biex tinġieb fl-użu art agrikola ġdida huma limitati ħafna, huwa essenzjali li jiġi faċilitat il-proċess ta' żvilupp ta' għelejjel ġodda li huma karatterizzati mill-adattabilità tagħhom għall-kundizzjonijiet ambjentali, kemm huma adattati fir-rigward tal-ħtieġa tagħhom li jkampaw b'riżorsi skarsi, l-appoġġ għal għanijiet sostenibbli, produttività suffiċjenti u kwalità għolja, u jenfasizza l-fatt li huwa importanti wkoll li jiġu żviluppati għelejjel li diġà huma użati ħafna, bil-għan li tiġi injettata l-flessibilitá fl-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi futuri fis-settur tal-għelejjel;
6. Jinnota li t-telf kontinwu ta’ prodotti speċifiċi għall-protezzjoni tal-pjanti għal użu minuri qed ikollu impatt sinifikanti ħafna fuq il-kwalità u r-rendiment tal-frott u l-ħxejjex u qed ipoġġi f’periklu l-produzzjoni ta’ xi għelejjel ta’ speċjalità; jenfasizza l-bżonn li jinstabu kemm soluzzjonijiet għall-futur qrib u kemm għall-futur 'il bogħod fir-rigward tal-kultivazzjoni ta’ dawn l-għelejjel;
7. Jinnota li jista' jieħu medja ta' 10 snin biex tiġi żviluppata varjetá ġdida ta' qamħ, kolza jew kwalunkwe wiċċ ieħor, u li huwa għalhekk importanti li jiġu żviluppati u użati tekniki ġodda tat-tnissil tal-pjanti li jwieġbu għad-domandi tas-soċjetà u dawk agrikoli u li nkunu miftuħa għat-teknoloġiji disponibbli bil-għan li nissodisfaw dawk il-ħtiġijiet u nsaħħu l-kompetittività tas-settur agrikolu u dak tal-ortikoltura; jesprimi tħassib minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni biex tivvaluta tekniki ġodda tat-tnissil, u jistieden lill-Kummissjoni, biex b'urġenza, tiċċara l-istatus regolatorju tagħhom;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta' Orizzont 2020 tiffinanzja riċerka applikati li tappoġġa l-iżvilupp ta’ tekniki ġodda ta’ tnissil ta’ pjanti innovattivi ġodda bħalma hu t-tnissil aċċellerat;
9. Jinnota li l-istimi mressqa mill-FAO li d-diversità tal-għelejjel ikkultivati naqset b'75 % matul is-seklu 20 u li terz tad-diversità tal-lum jista' jisparixxi sal-2050; jenfasizza li, bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fit-tul għal popolazzjoni dinjija li qiegħda tikber u reżiljenza fis-sistemi ta' produzzjoni tal-ikel, huwa ta' importanza kruċjali li nipproteġu u nippreservaw id-diversità bijoloġika u ġenetika Ewropea; jemmen li huwa vitali, għalhekk, li nippreservaw il-maġġoranza l-kbira tal-varjetajiet lokali u reġjonali in situ u fl-azjendi tal-biedja, bil-għan li tibqa' tinżamm u tiżdied id-diversità ġenetika u kulturali kemm fi ħdan ir-razez u n-nisliet u kemm f'dak li hu n-numru assolut tagħhom;
10. Jisħaq li, biex l-iżvilupp ta’ varjetajiet ġodda jkun possibbli, huwa essenzjali li jkollna ħafna varjazzjonijiet ġenetiċi disponibbli; jemmen, għalhekk, li t-tnaqqis rapidu huwa kawża ta’ tħassib serju;
11. Jilqa' kemm l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn il-gvern, l-industrija u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, eż. fil-qasam tat-tnissil parteċipattiv, immirat biex jistimola r-riċerka dwar qabel it-tnissil u t-tnissil, u l-karatterizzazzjoni u ż-żamma tar-riżorsi ġenetiċi; jiġbed l-attenzjoni lejn il-benefiċċji tat-tisħiħ u t-twessigħ ta' tali sħubijiet kif ukoll inizjattivi transnazzjonali f'dan il-qasam, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iskemi ta' appoġġ ikunu strutturati b’mod li jimmassimizzaw l-impatt u l-koerenza tal-investimenti b’mod globali;
12. Jemmen li huwa vitali, meta wieħed iqis il-ġejjieni tal-Ewropa, li naħdmu serjament biex nippriservaw il-wirt ġenetiku tagħna, u li huwa partikolarment importanti li nikkultivaw u nippreservaw il-varjetajiet lokali u reġjonali sabiex nikkonservaw kemm id-diversità ġenetika u kemm dik kulturali;
13. Jinnota li, f'tentattiv biex tiġi preservata u miżmuma l-varjetà ġenetika fl-agrikoltura u t-tnissil tal-pjanti, kollezzjonijiet ta’ żrieragħ u materjal tal-pjanti qed jinġabru f’diversi banek tal-ġeni madwar id-dinja; jinnota b’mod partikolari li hemm bank tal-ġeni f’Svalbard li fih materjal ġenetiku minn madwar id-dinja kollha, u jenfasizza l-fatt li dan huwa proġett importanti ħafna u ambizzjuż li għandu l-għan li tiġi salvagwardjata d-diversità ġenetika għall-ġejjieni;
14. Jemmen li huwa importanti li tiġi ppreservata l-maġġoranza vasta tal-varjetajiet u tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti in-situ jew fl-azjendi agrikoli; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istituzzjonijiet pubbliċi attwalment mhumiex qed jagħmlu sforz biżżejjed jew jagħtu appoġġ biżżejjed biex jiffaċilitaw dan il-għan;
15. Jisħaq li dan u proġetti oħra simili huma vitali għall-futur tat-tnissil tal-pjanti, il-produzzjoni agrikola u l-provvista tal-ikel;
16. Jenfasizza l-fatt li r-riċerka u l-prattika tat-tnissil tal-pjanti huma deċiżivi għall-ġejjieni tal-produzzjoni agrikola, b’mod partikolari l-ħidma fuq l-iżvilupp ta’ varjetajiet eżistenti u dawk ġodda, bil-ħsieb li tiġi salvagwardjata l-provvista tal-ikel tal-ġejjieni;
17. Jirrikonoxxi l-importanza li tingħata garanzija ta' aċċess għal riżorsi ġenetiċi bħala l-bażi għat-tnissil ta’ pjanti; jiddefendi b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali tas-sistema internazzjonali tad-drittijiet ta’ min inissel il-pjanti mnaqqax fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (Konvenzjoni tal-UPOV), u jenfasizza li l-użu ta’ varjetà protetta għal aktar tnissil u l-isfruttament tal-varjetà li tkun għada kemm ġiet imnissla ma jistgħux jiġu pprevenuti mid-detenturi ta' tali drittijiet; jinnota li dan il-prinċipju fundamentali huwa rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 13.2(d)(ii) tat-Trattat Internazzjonali tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura;
18. Jifhem li l-iżvilupp ta’ varjetajiet ġodda mtejba huwa kemm għoli kif ukoll jieħu ż-żmien, madankollu jenfasizza li dan huwa meħtieġ bil-għan li tinżamm il-kompetittività tal-Ewropa f’dan il-qasam; jissuġġerixxi li tali spejjeż jistgħu jiġu kumpensati billi tiġi estiża d-durata tad-drittijijiet tal-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti wara li tkun saret valutazzjoni xierqa tal-impatt;
19. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li s-suq dinji tat-tnissil tal-pjanti huwa ddominat minn għadd tassew żgħir ta' impriżi multinazzjonali kbar li jinvestu biss f'għadd limitat ta' varjetajiet, filwaqt li fl-Ewropa s-suq tat-tnissil tal-pjanti għadu aktar diversifikat meta mqabbel mas-sitwazzjoni globalment, fejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiffurmaw parti sostanzali mis-settur; jenfasizza li s-suq Ewropew tat-tnissil tal-pjanti għandu jiġi mtejjeb aktar fl-interess tal-kompetizzjoni sana;
20. Jemmen li l-impriżi dinjija kbar tat-tnissil tal-pjanti kisbu livell inkwetanti ta' influwenza fuq l-agrikoltura globali u l-politika agrikola; jenfasizza r-rwol tar-riċerka xjentifika indipendenti finanzjata pubblikament li ssir fl-interess pubbliku fit-tul fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel fuq żmien twil;
21. Jemmen li d-direttivi tal-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ipprovdew qafas biex tinżamm il-kompetittività tal-SMEs u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha, u stimolaw l-innovazzjonijiet fit-tnissil tal-pjanti;
22. Jemmen, barra minn hekk, li l-impriżi li huma akbar għandhom jisfruttaw aħjar u jaqsmu ma' xulxin it-tekniki tagħhom tat-tnissil tal-pjanti, li, jekk jintużaw b’mod korrett, jistgħu jgħinu fis-soluzzjoni ta’ problemi relatati mal-ambjent, mal-klima u mal-provvista tal-ikel;
23. Jinnota l-fatt li l-SMEs għandhom rwol importanti x'jaqdu fis-suq taż-żrieragħ u fis-settur tat-tnissil tal-pjanti fl-UE, meta wieħed iqis il-kontribuzzjoni sinifikanti tagħhom għat-tnissil tal-pjanti kummerċjali, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-abilità tagħhom li jaqilbu r-riċerka u l-għarfien fi prodotti kummerċjali ġodda; madankollu, waqt li t-tnissil tal-pjanti qed isir settur kulma jmur iktar intensiv fir-riċerka u b’teknoloġija avvanzata, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ispejjeż u l-għodod meħtieġa biex varjetà ġdida tiġi żviluppata u mbagħad ikkummerċjalizzata, jistgħu jkunu ta' ostakolu għall-kumpaniji li huma ta' daqs iżgħar; jemmen li durata adegwata ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fuq il-varjetà tal-pjanti u aċċess sħiħ għar-riżultati tar-riċerka jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex il-kundizzjonijiet isiru ekwi għal dawk involuti, u jenfasizza li huwa ta' importanza vitali li l-investiment f'dawn il-kumpaniji fl-UE jinżamm miexi 'l quddiem;
24. Jisħaq li huwa importanti li l-Ewropa tirbaħ lura u tkompli tiżviluppa aktar ir-riċerka u l-prattika Ewropej tat-tnissil tal-pjanti;
25. Jenfasizza l-importanza tad-diversità tal-ispeċijiet fl-Ewropa, u tar-riċerka Ewropea dwar it- tnissil tal-pjanti li tiffoka fuq il-bżonnijiet Ewropej, inklużi pjanti, ċereali u frott li huma adattati għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali; jinnota li kwalunkwe żvilupp li jsir f’dan il-qasam se jgħin sabiex il-bdiewa Ewropej itejbu l-kwantità u l-kwalità tal-produzzjoni tal-ikel u l-għalf tagħhom;
26. Jenfasizza li l-Ewropa teħtieġ firxa ta’ atturi differenti fis-settur tat-tnissil tal-pjanti u li għandu jsir possibbli li aktar impriżi u ċentri tar-riċerka jwettqu proġetti ta’ riċerka u joperaw fis-settur tat-tnissil tal-pjanti;
27. Iqis li r-riċerka tat-tnissil tal-pjanti, jekk għandha tkompli, teħtieġ appoġġ finanzjarju fit-tul, u li mhuwiex sostenibbli li jingħata appoġġ finanzjarju għal proġett ta’ riċerka tat-tnissil tal-pjanti biss għal perjodu relattivament qasir, peress li huma meħtieġa medja ta’ 10 snin biex tiġi żviluppata varjetà ġdida;
28. Jisħaq li l-UE, skont il-Politika Agrikola Komunit, għandha d-dmir li tassumi r-responsabilità tagħha biex tissodisfa l-isfidi futuri fil-qasam tal-agrikoltura u t-tnissil tal-pjanti fl-Ewropa; iqis li l-UE għandha taqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ tekniki sostenibbli ta’ tnissil tal-pjanti u fil-promozzjoni tar-riċerka u l-prattika agrikoli u tat-tnissil tal-pjanti;
29. Jenfasizza li riċerka fundamentali tat-tnissil tal-pjanti fl-UE għandha tkun finanzjata mill-UE u mill-Istati Membri tagħha; ma jemminx li huwa possibbli għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju tat-tnissil tal-pjanti fl-UE li jiffinanzjaw il-parti l-kbira tar-riċerka huma stess u fl-istess waqt ikunu kompetittivi;
30. Jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi finanzjarji u toħloq struttura koerenti għar-riċerka u l-prattika tat-tnissil tal-pjanti fi ħdan il-programmi ta’ riċerka u strumenti ta’ politika adegwati oħra, sabiex id-diversità Ewropea tkun tista’ tiġi preservata u żviluppata; jemmen li huwa importanti, b’mod partikolari, li l-proġetti ta’ riċerka jingħataw biżżejjed żmien u fondi biex jiksbu r-riżultati; jenfasizza li huwa wkoll ta’ importanza kbira li l-impriżi tat-tnissil ta’ pjanti jkollhom aċċess bla restrizzjonijiet għar-riżultati tar-riċerka, u li għandu jkun hemm firxa ta’ proġetti ta’ riċerka differenti, sabiex il-falliment ikollu impatt iżgħar;
31. Jenfasizza l-fatt li se jkun hemm ħtieġa kontinwa ta’ nies tas-sengħa ta' ħila kbira biex jiġu ssodisfati d-domandi tal-futur fir-riċerka tat-tnissil tal-pjanti, u li x-xjenza tal-pjanti u t-tnissil tal-pjanti għandhom jiġu promossi aktar fl-iskejjel, l-universitajiet u fost il-pubbliku ġenerali; jirrimarka b’mod partikolari dwar is-suċċess "Jum il-Faxxinu tal-Pjanti" fit-18 ta’ Mejju;
32. Jenfasizza li l-għan aħħari tal-leġiżlazzjoni dwar it-tnissil tal-pjanti għandu jkun li jiġu ffaċilitati kemm l-applikazzjoni tat-tekniki tat-tnissil tal-pjanti u kemm ir-riċerka dwar l-agrikoltura u t-tnissil tal-pjanti; jemmen li dan għandu jirriżulta fi prodotti adattati aħjar għall-klima lokali u l-kundizzjonijiet ġeografiċi lokali, li finalment se jwasslu għal rendimenti kbar li jkunu sikuri għas-saħħa tan-nies u għall-ambjent;
33. Jinnota li, bil-leġiżlazzjoni tal-lum dwar it-tnissil tal-pjanti bbażata fuq it-tekniki, irriżulta li huwa diffiċli, wara l-avveniment, li jiġi definit liema teknika tkun intużat fil-waqt tat-tnissil tal-pjanti, li jservi ta' konferma tad-diffikultajiet ippreżentati minn liġijiet ibbażati fuq it-teknika;
34. Jistieden lill-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni tal-isfidi u s-sitwazzjoni attwali tas-settur Ewropew u globali tat-tnissil tal-pjanti, kif deskritta hawn fuq, teżamina u tanalizza b’attenzjoni s-sitwazzjoni u tipproponi miżuri effettivi u prattiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi enormi li jiffaċċjaw in-nissiela u l-bdiewa Ewropej;
35. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ġenerali dwar l-inputs tal-agrikoltura, speċjalment fir-rigward ta’ tnissil ta’ pjanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi qafas ta’ politika li jappoġġja l-input tas-settur tal-agrikoltura bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għall-iżvilupp ta’ produttività u sostenibbiltà agrikola;
36. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
21.1.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 4 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Eric Andrieu, Liam Aylward, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Michel Dantin, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, James Nicholson, Marit Paulsen, Britta Reimers, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Ewald Stadler, Janusz Wojciechowski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Luís Paulo Alves, Pilar Ayuso, Esther de Lange, Christa Klaß, Anthea McIntyre, Petri Sarvamaa |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Adam Gierek |
||||