RAPPORT dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra

27.1.2014 - (12274/13 – C7‑0237/2013 – 2011/0410(CNS)) - *

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Ricardo Cortés Lastra


Proċedura : 2011/0410(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0054/2014
Testi mressqa :
A7-0054/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra

(12274/2013 – C7‑0237/2013 – 2011/0410(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12274/13),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 203 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0237/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0054/2014),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill kif emendat;

2.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinformah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 10

Test propost mill-Kunsill

Emenda

(10) L-assistenza tal-Unjoni għandha tiffoka fejn ikollha l-akbar impatt, wara li tiġi kkunsidrata l-kapaċità tagħha li taġixxi fuq skala globali u twieġeb għall-isfidi globali bħall-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv jew il-promozzjoni tad-demokrazija madwar id-dinja, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-involviment prevedibbli u fit-tul tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp u r-rwol tagħha fil-koordinazzjoni mal-Istati Membri tagħha.

(10) L-assistenza tal-Unjoni għandha tiffoka fuq fejn ikollha l-akbar impatt, wara li tiġi kkunsidrata l-kapaċità tagħha li taġixxi fuq skala globali u twieġeb għall-isfidi globali bħall-qerda tal-faqar, l-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli u inklużivi jew il-promozzjoni tad-demokrazija madwar id-dinja, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-involviment prevedibbli u fit-tul tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp u r-rwol tagħha fil-koordinazzjoni mal-Istati Membri tagħha.

Emenda  2

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 11

Test propost mill-Kunsill

Emenda

(11) Is-sħubija UE-Groenlandja għandha tipprevedi qafas li jkun jippermetti diskussjonijiet regolari dwar kwistjonijiet ta' interess għall-Unjoni jew għall-Groenlandja, bħall-kwistjonijiet globali, fejn skambju ta' fehmiet, u konverġenza possibbli ta' ideat u opinjonijiet, jista' jkun ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet. L-impatt dejjem jikber tat-tibdil fil-klima fuq l-attività tal-bniedem u l-ambjent, it-trasport marittimu, ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, jirrikjedu djalogu u kooperazzjoni msaħħa.

(11) Is-sħubija UE-Groenlandja għandha tipprevedi qafas li jkun jippermetti diskussjonijiet regolari dwar kwistjonijiet ta' interess għall-Unjoni jew għall-Groenlandja, bħall-kwistjonijiet globali, fejn skambju ta' fehmiet, u konverġenza possibbli ta' ideat u opinjonijiet, jistgħu jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet. L-impatt dejjem jikber tat-tibdil fil-klima fuq l-attività tal-bniedem u l-ambjent, it-trasport marittimu, ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, kif ukoll l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, jirrikjedi djalogu u kooperazzjoni msaħħa.

Emenda  3

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 11a (ġdida)

Test propost mill-Kunsill

Emenda

 

(11a) Il-Gvern tal-Groenlandja għandu jħejji u jippreżenta Dokument ta' Pprogrammar għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Groenlandja. Id-dokument għandu jitħejja, jiġi implimentat u jiġi vvalutat abbażi ta' approċċ trasparenti u parteċipattiv.

Emenda  4

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 13

Test propost mill-Kunsill

Emenda

(13) L-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-perijodu 2014-2020, għandu jkun iffukat fuq qasam wieħed jew massimu tnejn ta’ kooperazzjoni, li jippermettu li s-sħubija tħalli l-akbar impatt u li jippermettu li jkun hemm ekonomiji tal-kobor, effetti ta’ sinġerija, u effikaċja u viżibbiltà akbar għall-azzjoni tal-Unjoni.

(13) L-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-perjodu 2014-2020, għandu jkun iffokat fuq għadd imnaqqas ta' oqsma ta' kooperazzjoni, li jippermettu li s-sħubija tħalli l-akbar impatt u li jippermettu li jkun hemm ekonomiji ta' skala, effetti ta' sinerġija, u effikaċja u viżibbiltà akbar għall-azzjoni tal-Unjoni.

Emenda  5

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 13a (ġdida)

Test propost mill-Kunsill

Emenda

 

(13a) Kwalunkwe kooperazzjoni fil-qasam tal-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-Groenlandja, b'mod partikulari l-minerali, iż-żejt u l-gass, għandha tosserva l-aktar standards eżiġenti fl-oqsma tas-sikurezza, soċjali u ambjentali u kriterji stretti fil-qasam tal-ġestjoni ambjentali b'mod li jiġi ggarantit użu sostenibbli tar-riżorsi u tiġi ppreżervata l-ekosistema prezzjuża, imma wkoll fraġli, tal-Artiku;

Emenda  6

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 17

Test propost mill-Kunsill

Emenda

(17) Id-dokumenti ta’ programmar u miżuri ta’ finanzjament meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni5. Meta jittieħed kont tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari n-natura tal-orjentazzjoni politika tagħhom jew l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta’ eżami fil-prinċipju għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief għal miżuri implimentattivi tekniċi ta' skala finanzjarja żgħira.

imħassar

__________________

 

5 ĠU L 55, 28.02.2011, p. 13 - 18.

 

Emenda  7

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 17a (ġdida)

Test propost mill-Kunsill

Emenda

 

(17a) Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tad-dokumenti ta' pprogrammar u l-miżuri ta' finanzjament meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda  8

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 2

Test propost mill-Kunsill

Emenda

2. Tirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeostrateġika tal-Groenlandja fir-Reġjun tal-Artiku, il-kwistjonijiet ta’ esplorazzjoni u użu tar-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, u tiżgura kooperazzjoni msaħħa u djalogu politiku dwar dawn il-kwistjonijiet.

2. Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeostrateġika tal-Groenlandja fir-Reġjun tal-Artiku, u jiżgura kooperazzjoni akbar u djalogu politiku dwar kwistjonijiet ta' interess komuni għaż-żewġ partijiet.

Emenda  9

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 2 – inċiż 1

Test propost mill-Kunsill

Emenda

– Kwistjonijiet globali bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, it-trasport marittimu, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

– Kwistjonijiet globali bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, il-bijodiversità, ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, it-trasport marittimu, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Emenda  10

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 2 – inċiż 2

Test propost mill-Kunsill

Emenda

– Kwistjonijiet relatati mal-Artiku.

– Kwistjonijiet relatati mal-Artiku, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala osservatur permanenti fil-Kunsill tal-Artiku.

Emenda  11

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kunsill

Emenda

(a) Li jkun hemm appoġġ u kooperazzjoni mal-Groenlandja tkun assistita fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tagħha, b’mod partikolari d-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomija, il-ħtieġa li jiżdiedu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha, u l-ħtieġa li jitjiebu s-sistemi ta’ informazzjoni tal-Groenlandja fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni. Il-kisba ta'dawn l-objettivi għandha titkejjel permezz tal-persentaġġ tal-bilanċ tal-kummerċ fil-PDG, il-persentaġġ tas-settur tas-sajd fl-esportazzjonijiet totali, u r-riżultati tal-indikaturi tal-istatistika fl-edukazzjoni kif ukoll indikaturi oħra meqjusa bħala adatti.

(a) Li jingħata appoġġ u jkun hemm kooperazzjoni mal-Groenlandja fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tagħha, b'mod partikolari l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomija, il-ħtieġa li jiżdiedu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha, inkluż ix-xjenzati u l-ħtieġa li jitjiebu s-sistemi ta' informazzjoni tal-Groenlandja fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni. Il-kisba ta'dawn l-objettivi għandha titkejjel permezz tal-persentaġġ tal-bilanċ tal-kummerċ fil-PDG, il-persentaġġ tas-settur tas-sajd fl-esportazzjonijiet totali, u r-riżultati tal-indikaturi tal-istatistika fl-edukazzjoni kif ukoll indikaturi oħra meqjusa bħala adatti.

Emenda  12

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kunsill

Emenda

(a) Li jkun hemm appoġġ u kooperazzjoni mal-Groenlandja tkun assistita fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tagħha, b’mod partikolari d-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomija, il-ħtieġa li jiżdiedu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha, u l-ħtieġa li jitjiebu s-sistemi ta’ informazzjoni tal-Groenlandja fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni. Il-kisba ta'dawn l-objettivi għandha titkejjel permezz tal-persentaġġ tal-bilanċ tal-kummerċ fil-PDG, il-persentaġġ tas-settur tas-sajd fl-esportazzjonijiet totali, u r-riżultati tal-indikaturi tal-istatistika fl-edukazzjoni kif ukoll indikaturi oħra meqjusa bħala adatti.

(a) Li jingħata appoġġ u jkun hemm kooperazzjoni mal-Groenlandja fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tagħha, b'mod partikolari d-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomija, il-ħtieġa li jiżdiedu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha, inklużi dawk marbuta mal-qasam tal-estrazzjoni minn minjieri u x-xjenza, u l-ħtieġa li jitjiebu s-sistemi ta' informazzjoni tal-Groenlandja fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni. Il-kisba ta'dawn l-objettivi għandha titkejjel permezz tal-persentaġġ tal-bilanċ tal-kummerċ fil-PDG, il-persentaġġ tas-settur tas-sajd fl-esportazzjonijiet totali, u r-riżultati tal-indikaturi tal-istatistika fl-edukazzjoni kif ukoll indikaturi oħra meqjusa bħala adatti.

Emenda  13

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt c

Test propost mill-Kunsill

Emenda

(c) l-enerġija, il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità;

(c) l-enerġija, it-tibdil fil-klima, l-ambjent u l-bijodiversità;

Emenda  14

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 4 – paragrafu 4 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kunsill

Emenda

Il-PDSD għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjonijiet u djalogu mas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u partijiet interessati oħrajn u għandu jibbaża fuq lezzjonijiet meħudin u fuq l-aħjar prattiki, sabiex tiġi żgurata l-appartenenza suffiċjenti tal-PDSD.

Il-PDSD għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjonijiet u djalogu mas-soċjetà ċivili tal-Groenlandja, is-sħab soċjali, il-Parlament, l-awtoritajiet lokali u partijiet interessati oħrajn u għandu jibbaża fuq lezzjonijiet meħudin u fuq l-aħjar prattiki, sabiex tiġi żgurata sjieda suffiċjenti tal-PDSD.

Emenda  15

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 4 – paragrafu 6

Test propost mill-Kunsill

Emenda

6. Il-PDSD għandu jiġi approvat skont il-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 9 (2). Din il-proċedura tapplika wkoll għal reviżjonijiet sostanzjali li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b'mod sinifikanti l-istrateġija jew l-ipprogrammar tagħha. Ma tapplikax għal modifiki mhux sostanzjali għall-PDSD li jagħmlu aġġustamenti tekniċi, ir-rijallokazzjoni ta' fondi fi ħdan l-allokazzjonijiet indikattivi għal kull qasam ta' prijorità, jew żieda jew tnaqqis fid-daqs tal-allokazzjoni indikattiva inizjali b'inqas minn 20%, sakemm dawn il-modifiki ma jaffettwawx l-oqsma ta' prijorità u l-għanijiet stabbiliti fil-PDSD. F'dak il-każ, l-aġġustamenti jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien xahar.

6. Il-PDSD għandu jiġi approvat permezz ta' atti delegati skont il-proċedura stabbilita, rispettivament, fl-Artikoli 9a u 9b. Din il-proċedura tapplika wkoll għal rieżaminazzjonijiet sostanzjali li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b'mod sinifikanti l-istrateġija jew l-ipprogrammar tagħha. Ma tapplikax għal modifiki mhux sostanzjali għall-PDSD li jagħmlu aġġustamenti tekniċi, li jallokaw fondi mill-ġdid fi ħdan l-allokazzjonijiet indikattivi għal kull qasam ta' prijorità, jew li jżidu jew inaqqsu d-daqs tal-allokazzjoni indikattiva inizjali b'inqas minn 20%, sakemm dawn il-modifiki ma jaffettwawx l-oqsma ta' prijorità u l-għanijiet stabbiliti fil-PDSD. F'dak il-każ, l-aġġustamenti għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien xahar.

Emenda  16

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 7 – paragrafu 1

Test propost mill-Kunsill

Emenda

1. Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern tal-Groenlandja u l-Gvern tad-Danimarka għandhom iwettqu reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-PDSD u l-impatt tagħha fuq il-Groenlandja kollha. Il-Kummissjoni għandha tassoċja l-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi atturi mhux Statali u awtoritajiet lokali.

1. Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern tal-Groenlandja u l-Gvern tad-Danimarka għandhom iwettqu rieżami ta’ nofs it-terminu tal-PDSD u l-impatt tiegħu fuq il-Groenlandja kollha. Il-Kummissjoni għandha tassoċja l-partijiet interessati rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 4(4).

Emenda  17

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 8 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kunsill

Emenda

 

1a. Fil-każ li l-Gvern tal-Groenlandja jiddeċiedi li fil-PDSD jinkludi talba għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tali assistenza għandha tqis kif dovut il-ħtieġa li jingħata kontribut għall-isforzi tal-Groenlandja għat-tisħiħ tal-bini tal-kapaċitajiet f'dak il-qasam u li jiġi pprovdut appoġġ tekniku.

Emenda  18

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 9a (ġdid)

Test propost mill-Kunsill

Emenda

 

Artikolu 9a

 

Delega ta' setgħa lill-Kummissjoni

 

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 9b għall-approvazzjoni tal-PDSD.

Emenda  19

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 9b (ġdid)

Test propost mill-Kunsill

Emenda

 

Artikolu 9b

 

Eżerċitar tad-delega

 

1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

 

2. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 9a hija mogħtija għall-perjodu ta' validità ta' din id-Deċiżjoni.

 

3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 9a tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Kunsill. Meta l-Kunsill ikun beda proċedura interna sabiex jiddeċiedi jekk jirrevokax id-delega ta' setgħa, huwa għandu jagħmel ħiltu sabiex jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li jindika s-setgħa delegata li tista' tkun soġġetta għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għar-revoka. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

 

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 9b għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Kunsill ikun informa lill-Kummissjoni li mhuwiex se joġġezzjona. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Kunsill.

 

F'każ li biħsiebu joġġezzjona, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu sabiex jinforma lill-Parlament Ewropew fi żmien raġonevoli qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali, filwaqt li jindika l-att delegat li fir-rigward tiegħu biħsiebu joġġezzjona u r-raġunijiet possibbli għall-oġġezzjoni.

Emenda  20

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 10

Test propost mill-Kunsill

Emenda

Artikolu 10

imħassar

Proċedura ta' kumitat

 

1. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Groenlandja, li minn hawn 'il quddiem ser jissejjaħ ‘il-Kumitat’. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

 

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

 

3. Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta fil-perijodu ta’ żmien limitat għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob li jsir dan.

 

Emenda  21

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 11

Test propost mill-Kunsill

Emenda

L-ammont indikattiv għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta’ EUR [217,8 miljun.]6

Fid-dawl tar-relazzjoni speċjali u li ilha teżisti bejn l-UE u l-Groenlandja u l-importanza globali li qed tiżdied tal-Artiku, qed jiġi kkonfermat li se jitkompla l-impenn finanzjarju min-naħa tal-UE lejn il-Groenlandja. L-ammont indikattiv għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-perjodu mill-2014 sal-2020 għandu għaldaqstant ikun ta' EUR 217,8 miljun.

__________________

 

6 L-ammonti ta' referenza kollha ser jiddaħħlu wara l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Qafas Pluriennali (2014-2020)

 

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Groenlandja hi wieħed mis-26 pajjiż u territorju extra-Ewropej regolati fil-Parti IV tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li huma elenkati fl-Anness II għal dan it-Trattat.

Il-Groenlandja hi l-ikbar gżira tal-pjaneta, imma 81 % tal-wiċċ tagħha qiegħed taħt is-silġ. Il-popolazzjoni tagħha hi ta' madwar 57 000 u l-PDG per capita tagħha hu ta' kważi USD 36 000. L-ekonomija ta' dan it-territorju qiegħda fil-biċċa l-kbira tagħha f'idejn is-settur pubbliku u tiddependi ħafna fuq is-sajd, li jirrappreżenta 80 % tal-esportazzjoni tiegħu. Il-livell ta' żvilupp uman tagħha hu pjuttost għoli, iżda dan hu dovut prinċipalment għall-appoġġ finanzjarju mid-Danimarka. Barra minn hekk, il-livell ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali tal-popolazzjoni tagħha hu ġeneralment insuffiċjenti, iż-żgħażagħ ma jingħatawx gwida edukattiva u professjonali xierqa u l-persentaġġ ta' abbandun bikri tal-iskola hu għoli.

Il-lokalizzazzjoni tal-Groenlandja fl-Artiku u l-klima estrema tagħha żammewha fl-isfond ġeostrateġiku għal sekli sħaħ. Madankollu, l-importanza tar-reġjun tal-Artiku żdiedet b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, l-aktar minħabba l-effetti li t-tibdil fil-klima qed jibda jkollu fuq iż-żona. Id-dewbien progressiv tas-silġ se jiffaċilita l-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħha, inklużi l-minerali, il-gass u ż-żejt, kif ukoll in-navigazzjoni fl-ilmijiet tagħha tul perjodu itwal tas-sena, u b'hekk se jsir aktar vijabbli li jkun hemm passaġġ bil-baħar bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Amerika. Bl-istess mod, setturi ekonomiċi oħra bħat-turiżmu jkunu jistgħu jiżviluppaw b'mod aktar faċli. Madankollu, m'hemm l-ebda dubju li t-tibdil fil-klima se jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-fawna u l-flora lokali, kif ukoll fuq id-drawwiet u l-istil ta' ħajja tal-abitanti tagħha. L-iżvilupp ekonomiku, u b'mod partikulari, l-operazzjoni ta' minjieri u l-estrazzjoni tal-gass u taż-żejt, jistgħu joħolqu riskji gravi u evidenti għall-ekosistema fraġli tagħha.

Il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka fuq in-naħa l-oħra, li hi s-suġġett ta' dan ir-rapport, tistabbilixxi l-qafas għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet għall-perjodu 2014-2020 u se tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2006/526/KE tal-Kunsill, li kienet tkopri l-perjodu 2006-2013.

Il-kwistjonijiet dwar is-sajd, li huma ta' importanza kbira għall-Groenlandja meta wieħed iqis il-persentaġġ li l-ħut u l-prodotti tas-sajd esportati jirrappreżentaw fil-bilanċ kummerċjali tagħha, mhumiex inklużi fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill, peress li ġa huma koperti minn ftehim ta' assoċjazzjoni speċifiku dwar is-sajd bejn l-UE u l-Groenlandja.

Ir-Rapporteur juri s-sodisfazzjoni tiegħu għal din il-proposta tal-Kummissjoni u jittama li d-Deċiżjoni tal-Kunsill il-ġdida, ibbażata fundamentalment fuq it-test u r-riżultati tad-Deċiżjoni preċedenti, se tgħin fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet eċċellenti li hemm attwalment bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra.

Id-Deċiżjoni 2006/56/KE kienet tinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riżorsi minerali, l-enerġija, it-turiżmu u l-kultura, ir-riċerka u s-sigurtà alimentari bħala ambiti ta' kooperazzjoni tal-Ftehim. Id-Deċiżjoni kienet dotata b'ammont ta' referenza finanzjarja ta' EUR 175 miljun ipprovdut skont il-modalità ta' appoġġ baġitarju. Abbażi ta' din id-Deċiżjoni, il-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja u l-Kummissjoni adottaw Dokument ta’ Pprogrammar għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Groenlandja li identifika l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali bħala s-settur fokali ta' kooperazzjoni għall-perjodu ta' validità tad-Deċiżjoni. L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni ntużat għaldaqstant għall-iżvilupp tal-Programm ta' Edukazzjoni tal-Groenlandja li hu strateġija fuq perjodu ta' 14-il sena (mill-2006 sal-2020) maqsuma f'żewġ fażijiet, li ġiet żviluppata mill-Gvern tal-Groenlandja. Bi qbil mar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2006, il-Programm ta' Edukazzjoni tal-Groenlandja qed jissodisfa bis-sħiħ l-objettivi tiegħu, kif tixhed l-evoluzzjoni pożittiva ta' sensiela ta' indikaturi. Ir-rieżami ta' nofs it-terminu jissottolinja wkoll li l-Programm ta' Edukazzjoni tal-Groenlandja qed ikollu effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u indipendenza ekonomika akbar għat-territorju.

Hu importanti li jitfakkru l-elementi ewlenin tad-Deċiżjoni 2006/56/KE li se tiġi sostitwita minn din il-proposta għal deċiżjoni biex dak li jkun jifhem wieħed mill-aspetti prinċipali li qed jiġu emendati f'dan l-abbozz ta' rapport: ir-Rapporteur iqis li l-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni tqiegħed enfasi eċċessiva, u saħansitra ossessiva, fuq l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-Groenlandja, u li dan imur kontra n-newtralità mixtieqa tad-dokument peress li, kif tindika l-proposta għal deċiżjoni nnifisha, "Deċiżjoni dwar l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tittieħed b’konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern tal-Groenlandja u l-Gvern tad-Danimarka" li se ssir "b’konformità sħiħa mas-setgħat istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull wieħed mill-imsieħba". L-Artikolu 4(1) iżid li "Fi ħdan il-qafas tas-sħubija, il-Gvern tal-Groenlandja għandu jassumi r-responsabbiltà għall-formulazzjoni u l-adozzjoni tal-politiki settorjali fl-oqsma ta’ kooperazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 3(2)".

Għaldaqstant, bil-għan li jiggarantixxi n-natura newtrali tal-proposta u d-deċiżjoni ħielsa tal-awtoritajiet tal-Groenlandja rigward is-settur jew is-setturi ta' kooperazzjoni li se jingħataw appoġġ finanzjarju mill-UE, ir-Rapporteur elimina sensiela ta' referenzi għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi naturali. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur jixtieq jinsisti fuq il-fatt li hu ċar li l-valutazzjoni tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2006 rigward l-eżekuzzjoni tal-Programm ta' Edukazzjoni tal-Groenlandja hi waħda pożittiva u fuq il-fatt li dan il-programm se jkompli jkun validu sal-2020. Ir-Rapporteur jikkunsidra li, jekk l-awtoritajiet tal-Groenlandja jqisu li jkun xieraq, l-appoġġ finanzjarju tal-UE jkun jista' jibqa' jiffoka fuq it-tkomplija ta' dan il-programm.

Min-naħa l-oħra, u fuq livell personali, ir-Rapporteur iqis li l-appoġġ finanzjarju tal-UE għandu jkun dirett lejn programmi intenzjonati għall-iżvilupp uman u soċjali tal-Groenlandja, idealment relatati mal-iżvilupp ekonomiku ta' dan it-territorju, minħabba l-fatt li m'hemm l-ebda dubju li l-opportunitajiet kbar ta' żvilupp fl-ambitu tal-isfruttament u l-esplorazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha, inklużi l-gass u ż-żejt, se jattiraw l-investiment privat meħtieġ, jew self min-naħa tal-Bank Ewropew tal-Investiment, mingħajr il-ħtieġa ta' għajnuna minn fondi pubbliċi.

F'dan ir-rigward ir-Rapporteur jixtieq jevidenzja l-ħtieġa li jiġu adottati dawk il-miżuri kollha ta' prevenzjoni sabiex l-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-Groenlandja jsir abbażi ta' kriterji stretti ta' sostenibilità ambjentali, bil-għan li titħares l-ekosistema delikata taż-żona.

O

O O

Aspett fundamentali ieħor tal-abbozz ta' rapport jirreferi għall-kwistjonijiet ta' "komitoloġija". Il-proposta tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li d-Dokument ta’ Pprogrammar għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Groenlandja, bħal kull modifika sostanzjali oħra tal-istrateġija jew tal-programmazzjoni tagħha, għandu jiġi approvat mill-Kunsill bi qbil mal-proċedura dwar l-atti ta' implimentazzjoni mniżżla fl-Artikolu 291 TFUE.

Permezz ta' dan l-approċċ, jista' jkun li l-Kummissjoni xtaqet tittrapjanta mutatis mutandis f'din il-proposta għal deċiżjoni il-mudell ta' "komitoloġija" li kien jeżisti fid-Deċiżjoni 2006/526/KE tal-Kunsill qabel it-Trattat ta' Lisbona. Madankollu, dan m'għadux possibbli.

Ir-Rapporteur jixtieq jisħaq fuq il-fatt li t-TFUE mmodifika b'mod radikali s-sistema ta' komitoloġija preċedenti bl-introduzzjoni tal-Artikoli 290 u 291. Ir-Rapporteur jixtieq ukoll ifakkar li l-istituzzjonijiet kollha huma soġġetti għall-prinċipju tal-legalità u li l-għażla tal-mudell tal-atti delegati tal-Artikolu 290 TFUE jew tal-atti ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 291 TFUE mhix kwistjoni ta' għażla politika. Anzi, bil-kontra, l-għażla ta' tip ta' att jew ieħor għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji mniżzlin fl-Artikoli msemmijin tat-Trattat u, skont ir-Rapporteur, jidher evidenti li din il-proposta għal deċiżjoni għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290 TFUE, peress li l-Kummissjoni qed tingħata d-delega fir-rigward ta' atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali li għandhom jikkomplementaw jew jimmodifikaw elementi speċifiċi mhux essenzjali tal-proposta għal deċiżjoni attwali. Għal din ir-raġuni, ir-Rapporteur introduċa sensiela ta' emendi bil-għan li jiġi ċċarat sew li l-atti ta' implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni se jkunu atti delegati bi qbil mal-kriterji tal-Artikolu 290 TFUE.

Ir-Rapporteur jixtieq javża lill-Kunsill li l-għażla ta' proċedura ta' "komitoloġija" mhux konformi ma' dak li hu previst fit-TFUE tista' tagħti lok għall-preżentazzjoni ta' rikors ta' annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li, fil-każ li tapprova t-talba, tiddikjara l-annullament mhux biss tal-istrument ġuridiku kkonċernat imma anke tal-istrumenti ta' implimentazzjoni li l-Kummissjoni tista' tadotta bis-saħħa tal-istrument ġuridiku msemmi. Fl-istess ħin, ir-Rapporteur jixtieq iwissi lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana u l-garanti tat-Trattati, rigward ir-responsabilità tagħha fil-qasam.

Flimkien mal-kwistjoni tal-proċedura xierqa ta' komitoloġija, hemm bżonn li jiġi indirizzat l-involviment tal-Parlament f'din il-proċedura. Ir-Rapporteur hu konxju li dan hu att li qed joħroġ esklużivament mill-Kunsill u li r-rwol tal-Parlament hu sempliċiment wieħed ta' konsultazzjoni. Madankollu, ir-Rapporteur iqis li, fil-każ li tiġi revokata delega jew jitressqu oġġezzjonijiet għal proposta għal att delegat, in-nuqqas ta' parteċipazzjoni mill-Parlament jista' jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-Parlament li jiġi kkonsultat u mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, ir-Rapporteur, li hu konxju li jeżistu preċedenti fi proċeduri simili, introduċa sensiela ta' emendi bil-għan li l-Parlament jiġi informat kif dovut u jkun jista' jirreaġixxi għal kull intenzjoni ta' revoka ta' delega, ta' preżentazzjoni ta' proposti għal atti delegati jew tal-intenzjoni eventwali tal-Kunsill li jippreżenta kwalunkwe oġġezzjoni għal dawn il-proposti.

PROĊEDURA

Titolu

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra

Referenzi

12274/2013 – C7-0237/2013 – COM(2011)0846 – C7-0016/2012 – 2011/0410(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

20.1.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

2.2.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

2.2.2012

REGI

2.2.2012

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

6.3.2012

REGI

27.2.2012

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Ricardo Cortés Lastra

25.1.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

3.10.2013

 

 

 

Data tal-adozzjoni

21.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Mikael Gustafsson, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Boulland, Emer Costello, Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda

Data tat-tressiq

27.1.2014