RAPPORT dwar it-tħejjija għal dinja awdjoviżiva konverġenti b'mod komplet
28.1.2014 - (2013/2180(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Sabine Verheyen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-tħejjija għal dinja awdjoviżiva konverġenti b'mod komplet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dipożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)[3], kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess)[5],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)[6], kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009[7],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom[8],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2012, għal direttiva dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet u l-liċenzjar multiterritorjali ta’ drittijiet ta’ xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur)[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-TV Konness ("Connected TV)[10],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0057/2014),
A. billi l-konverġenza awdjoviżiva għandha tinftiehem bħala l-fużjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, li qabel kienu jitwasslu fil-biċċa l-kbira tagħhom separatament, kif ukoll il-kollegamenti fil-katina tal-valur kollha jew l-iggruppar ta’ servizzi awdjoviżivi differenti;
B. billi l-konverġenza tfisser innovazzjoni, u billi din teħtieġ forom ġodda ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u s-setturi biex l-utenti jkunu jistgħu jużaw il-kontenut awdjoviżiv u s-servizzi elettroniċi kullimkien, fi kwalunkwe ħin u permezz ta' kwalunkwe tagħmir;
C. billi konverġenzi fuq livell orizzontali (konverġenza tas-settur), vertikali (konverġenza tal-katina tal-valur) u funzjonali (konverġenza tal-applikazzjonijiet / servizzi) kollha għandhom impatt fuq is-settur awdjoviżiv;
D. billi konverġenza teknoloġika tfisser li l-kwistjonijiet tal-liġi tal-midja u tal-politika tan-netwerk qegħdin jikkoinċidu aktar;
E. billi l-aċċess għal u t-tisjib ta' kontenut awdjoviżiv qed isiru fatturi ewlenin f'dinja konverġenti; billi l-politika m'għandhiex ixxekkel sistema awtoregolatorja tal-ittikkettjar tal-kontenut li tissodisfa standards minimi ta' kwalità, u billi newtralità tan-netwerk fir-rigward tal-kollegamenti bil-kejbil u tat-telefonija ċellulari qed issir dejjem aktar urġenti;
F. billi l-konverġenza teknika tal-midja issa saret realtà, b'mod partikolari għax-xandir, l-istampa u l-internet, u billi l-politiki Ewropej dwar il-midja, il-kultura u n-netwerks jeħtieġu jadattaw il-qafas regolatorju għall-kundizzjonijiet il-ġodda u jiżguraw li jista' jiġi stabbilit u infurzat livell ta’ regolamentazzjoni uniformi, inkluż fir-rigward ta' operaturi ġodda tas-suq mill-UE u mill-pajjiżi terzi;
G. billi, minkejja l-konverġenza teknoloġika progressiva, l-esperjenzi fl-użu ta’ apparat konness, kif ukoll l-aspettattivi u l-profil tal-utenti għadhom limitati;
H. billi d-diġitizzazzjoni u l-konverġenza teknika waħedhom għandhom valur limitat għaċ-ċittadini u billi l-appoġġ għal livelli għolja ta’ investiment sostnut f’kontenut Ewropew oriġinali jibqa’ prijorità ewlenija f’ambjent tal-midja konverġenti;
I. billi, minħabba l-konverġenza dejjem tikber, jeħtieġ li jiġi żviluppat fehim ġdid tal-interazzjoni bejn il-midja awdjoviżiva, is-servizzi elettroniċi u l-applikazzjonijiet;
J. billi t-terminu “gateway tal-kontenut” jiddeskrivi kwalunkwe entità li taġixxi bħala intermedjarju bejn il-fornituri ta’ kontenut awdjoviżiv u l-utenti finali u li tipikament tiġbor flimkien, tagħżel u torganizza firxa ta’ fornituri tal-kontenut u tipprovdi interfaċċja li permezz tagħha l-utenti jistgħu jiskopru u jaċċessaw dak il-kontenut; billi dawn il-gateways jistgħu jinkludu pjattaformi tat-televiżjoni (bħal satellita, kejbil u IPTV), apparat (bħal televiżjonijiet u consoles tal-logħob konnessi) jew servizzi over-the-top;
Swieq konverġenti
1. Jinnota li t-tendenza dejjem tiżdied lejn konċentrazzjoni orizzontali fl-industrija u integrazzjoni vertikali fil-katina tal-valur jistgħu joffru opportunitajiet ta’ negozju ġodda, iżda jistgħu jwasslu wkoll għal pożizzjonijiet dominanti fis-suq;
2. Jenfasizza li tinħoloq il-ħtieġa ta’ regolament meta gateways tal-kontenut jikkontrollaw l-aċċess għall-midja u jkollhom impatt dirett jew indirett fuq it-tiswir tal-opinjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jissorveljaw l-iżviluppi f'dan ir-rigward u biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet offruti mill-kompetizzjoni Ewropea u l-liġi tal-antitrust u, jekk ikun meħtieġ, idaħħlu miżuri biex jissalvagwardjaw id-diversità, u kif ukoll biex ifasslu qafas regolatorju għall-konverġenza li jiġi adattat għal dawn l-iżviluppi;
3. Jinnota li l-iżvilupp tas-suq jindika li fil-futur il-kumpaniji se jgħaqqdu dejjem aktar is-servizzi tan-netwerk mal-provvista ta’ kontenut awdjoviżiv u li l-internet fil-forma attwali tiegħu, ibbażat fuq l-aħjar aċċess possibbli, jista' b'riżultat ta' dan iwassal għal firxa ta' kontenut immirat lejn l-interessi korporattivi unilaterali;
4. Huwa tal-fehma li l-pakketti kollha tad-data fil-kuntest tal-komunikazzjoni elettronika, irrispettivament mill-kontenut, l-użu, l-oriġini u d-destinazzjoni (prinċipju best effort) għandhom bħala prinċipju jiġu ttrattati b’mod ugwali u għalhekk jappella għall-konservazzjoni u s-salvagwardja ta’ internet ħieles u miftuħ, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ servizzi speċjali;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allinjati d-drittijiet u l-obbligi tax-xandara ma’ dawk ta’ parteċipanti oħra tas-suq permezz ta’ qafas ġuridiku orizzontali u mal-midja kollha;
Aċċess u tisjib
6. Jenfasizza li n-newtralità tan-netwerk, f’termini ta’ internet best effort u tal-aċċess nondiskriminatorju u t-trażmissjoni tal-kontenut awdjoviżiv kollu, tiggarantixxi provvista pluralistika ta' informazzjoni u diversità ta' opinjoni u kultura, u għalhekk tirrappreżenta element analogu ewlieni għall-prinċipju tat-trażmissjoni tad-dinja tal-midja konverġenti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura, b’mod legalment vinkolanti, konformità mal-prinċipji tan-newtralità tal-internet, peress li din hija essenzjali fir-rigward tal-konverġenza tal-midja;
7. Jappella għal aċċess nondiskriminatorju, trasparenti u miftuħ għall-internet għall-utenti kollha u l-fornituri tas-servizzi awdjoviżivi u jopponi kwalunkwe limitazzjoni tal-prinċipju best effort minn pjattaformi jew servizzi tal-fornituri stess;
8. Itenni li r-regoli dwar in-newtralità tan-netwerk ma jneħħux il-ħtieġa li jiġu applikati regoli ta’ trażmissjoni għal netwerks ġestiti jew servizzi speċjalizzati bħat-televiżjoni bil-kejbil u l-IPTV;
9. Jappella għal standards uniformi biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tat-televiżjonijiet konnessi li jridu jiġu żviluppati mill-industrija sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni;
10. Jappella biex id-diversità ta' xogħlijiet kulturali u awdjoviżivi f’dinja konverġenti tkun aċċessibbli u traċċabbli għall-Ewropej kollha, b'mod partikolari meta l-kontenut ipprovdut lill-utenti huwa preskritt mill-manifatturi tal-apparat, l-operaturi tan-netwerk, il-fornituri tal-kontenut jew aggregaturi oħra;
11. Jemmen li biex tiġi ssalvagwardjata d-diversità tal-prodotti u l-opinjonijiet, it-tiftix u s-sejbien ta’ kontenut awdjoviżiv ma għandhomx ikunu determinati minn interessi ekonomiċi, u li miżuri regolatorji għandhom jittieħdu biss meta fornitur ta’ pjattaforma jisfrutta pożizzjoni dominanti fis-suq jew funzjoni ta’ gatekeeper biex jiffavorixxu jew jiżvantaġġaw ċertu kontenut;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-firxa tat-tendenza tal-operaturi ta’ gateways tal-kontenut li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom biex jagħtu prijorità lill-kontenut tagħhom stess u biex tiżviluppa miżuri biex telimina kwalunkwe abbuż fil-futur;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi x'inhi pjattaforma u tistabbilixxi, jekk ikum meħtieġ, regolament li jkopri anke n-netwerks tekniċi għat-trażmissjonijiet ta’ kontenut awdjoviżiv;
14. Iqis li l-pjattaformi ta' netwerks miftuħa li ma għandhomx pożizzjoni dominanti fis-suq u li ma jfixklux il-kompetizzjoni għandhom ikunu esklużi mir-regolamentazzjoni tal-pjattaformi;
15. Jemmen li l-ħolqien tal-applikazzjonijiet (“apps”) għandu jiġu mħeġġeġ minħabba li huwa suq li qed jikber; jenfasizza, madankollu, li l-“operat permezz ta’ apps” jista’ jwassal għall-problemi ta’ aċċess għas-suq għall-produtturi ta’ kontenut awdjoviżiv; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga fejn huma meħtieġa miżuri biex jiżguraw l-aċċessibbiltà u t-tisjib ta' midja awdjoviżiva u kif dawn jistgħu jiġi infurzati, filwaqt li jfakkar li miżuri regolatorji għandhom jittieħdu biss jekk fornitur ta' pjattaforma, permezz tal-apps, jisfrutta pożizzjoni dominanti fis-suq jew funzjoni ta’ gatekeeper biex jiffavorixxi jew jiżvantaġġa ċertu kontenut;
16. Jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jieħdu miżuri speċifiċi biex jipprovdu livell raġonevoli ta' tisjib u viżibbiltà għal kontenut awdjoviżiv ta' interess ġenerali, sabiex jiggarantixxu d-diversità tal-opinjoni, filwaqt li l-utenti għandhom ikunu kapaċi jagħżlu l-offerti huma stess b'mod mhux ikkumplikat;
Is-salvagwardja tad-diversità u mudelli ta’ finanzjament
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-isfond tal-konverġenza tal-midja tiddetermina kif il-finanzjament mill-ġdid, il-finanzjament u l-produzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv Ewropew ta’ kwalità jistgħu jiġu żgurati għall-futur u b'mod bilanċjat;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sa fejn id-distorsjonijiet fis-suq fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar kwantitattiv u kwalitattiv seħħew minħabba diskriminazzjoni ta' servizzi lineari u mhux lineari fl-ambitu tad-Direttiva 2010/13/UE;
19. Jenfasizza li l-istrateġiji pubbliċitarji l-ġodda li jużaw teknoloġiji ġodda biex iżidu l-effikaċja tagħhom (screenshots, profiling tal-konsumaturi, strateġiji multi-screen) iqajmu l-kwistjoni tal-ħarsien tal-konsumaturi, tal-ħajjiet privati tagħhom u d-data personali tagħhom; f'din il-perspettiva, jenfasizza il-ħtieġa biex jinħolqu sett ta’ regoli konsistenti bil-għan li jiġu applikati dawn l-istrateġiji;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex bit-tneħħija tar-regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mar-reklamar kwantitattiv għall-kontenut awdjoviżiv lineari, tiżgura li l-għanijiet tad-Direttiva 2010/13/UE qed jintlaħqu b'aktar suċċess billi żżid il-flessibilità u ssaħħaħ il-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni;
21. Iqis li mudelli kummerċjali ġodda li jikkonsistu fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv mhux awtorizzat joħolqu theddida għall-ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja, għall-midja tas-servizz pubbliku u għax-xandir iffinanzjat mir-reklamar;
22. Huwa tal-fehma li l-offerti lineari u mhux lineari tax-xandara jew fornituri oħra ta’ kontenut ma għandhomx jinbidlu f’termini tal-kontenut jew tat-teknoloġija tagħhom, u li kontenut individwali jew partijiet minnu ma għandhomx jiġu inklużi f’pakketti ta’ programmi jew b’xi mod ieħor, bi ħlas jew bla ħlas, mingħajr il-kunsens tax-xandar jew tal-fornitur;
23. Iqis li fid-dawl tal-konverġenza, il-proċedura ta' akkreditazzjoni għal informazzjoni elettronika u servizzi ta' komunikazzjoni ffinanzjati b'tariffi, sakemm ma jkunux offerti awdjoviżivi tas-servizz pubbliku, għandha tkun adattata għar-realtajiet diġitali tal-kompetizzjoni fil-midja;
24. Jenfasizza li sabiex iżomm l-indipendenza tiegħu, is-settur pubbliku jrid jibqa’ jiġi mħares minn restrizzjonijiet fuq il-finanzjament tar-reklamar u jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi tas-settur fir-rigward tal-finanzjament tiegħu;
Infrastrutturi u frekwenzi
25. Jinnota li d-disponibbiltà komprensiva ta’ konnessjonijiet tal-internet broadband bl-ogħla effiċjenza possibbli hija essenzjali għall-konverġenza u l-innovazzjoni fl-industrija tal-midja; jenfasizza li n-netwerks tal-broadband bħal dawn b'mod partikolari f’żoni rurali jeħtieġu żvilupp aktar qawwi u jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw din il-problema permezz ta’ kampanji ta' investiment fuq żmien qasir;
26. Jiddispjaċih li għad hemm żoni vasti fl-Ewropa b’infrastruttura tal-internet limitata u jfakkar lill-Kummissjoni li sabiex joħroġ il-potenzjal ta’ dinja awdjoviżiva konverġenti, huwa essenzjali għall-konsumaturi li jkollhom aċċess għal internet b’veloċità qawwija;
27. Iħeġġeġ lill-atturi tal-industrija, b’antiċipazzjoni għal futur aktar konverġenti, jaħdmu flimkien fuq bażi volontarja sabiex jiġi żgurat qafas komuni għall-istandards tal-midja sabiex japplika approċċ aktar konsistenti fil-midja differenti kif ukoll biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkomplu jifhmu liema kontenut ġie rregolat u sa liema punt;
28. Jenfasizza li standards miftuħa u interoperabbli jipprovdu garanzija għal aċċess liberu u mingħajr xkiel għal kontenut awdjoviżiv;
29. Jinnota li inizjattivi awtoregolatorji emerġenti għandhom rwol ċentrali fl-istabbiliment ta’ standards uniformi għat-teknoloġiji tal-utenti, kif ukoll għall-iżviluppaturi u l-produtturi;
30. Jenfasizza li d-DVB-T/T2 joffri opportunitajiet eċċellenti fit-tul għall-kondiviżjoni tal-medda ta’ frekwenza 700 MHz permezz tax-xandir u komunikazzjoni mobbli, b'mod partikolari permezz ta’ apparat mobbli ibridu promettenti u permezz ta' integrazzjoni ta’ ċipep tar-riċeviment tat-televiżjoni f’apparat mobbli;
31. Huwa favur l-iżvilupp ta’ taħlita ta’ teknoloġiji li tagħmel użu effiċjenti kemm tat-teknoloġiji ta’ xandir kif ukoll dawk tal-broadband u li b’mod intelliġenti tikkombina flimkien xandir u l-komunikazzjoni mobbli (“xandir intelliġenti”);
32. Iqis li huwa importanti li jkun hemm pjan direzzjonali għax-xandir terrestri diġitali biex jipprovdi affidabilità meħtieġa għal ippjanar fit-tul lill-investituri mill-qasam kemm tax-xandir kif ukoll tat-telefonija ċellulari;
Valuri
33. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ referenza speċifika fil-Green Paper għan-natura doppja tal-midja awdjoviżiva bħala assi kulturali u ekonomiċi;
34. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-UE obbligat ruħha għall-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;
35. Jenfasizza li l-ħarsien tal-libertà tal-midja, il-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-midja u d-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-minuri jibqgħu valuri rilevanti fi żmien ta’ konverġenza;
36. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2010/13/UE, tissokta l-isforzi tagħha biex tissalvagwardja l-libertà tal-istampa;
37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva AVMS rigward il-promozzjoni tal-produzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għal dawk ix-xogħlijiet permezz ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba;
38. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-inklużjoni tal-kultura u l-midja awdjoviżiva fil-ftehimiet internazzjonali ta’ kummerċ ħieles tmur kontra l-impenn tal-UE li tippromwovi d-diversità kulturali u l-identità kif ukoll li tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri fuq il-patrimonju kulturali tagħhom;
39. Jinkoraġġixxi l-industrija awdjoviżiva Ewropea tkompli tiżviluppa servizzi konsistenti u attraenti, speċjalment online, sabiex tiżdied l-offerta Ewropea ta’ kontenut awdjoviżiv; jinsisti li l-kontenut għandu jibqa’ l-kunsiderazzjoni primarja; jenfasizza li l-akbar periklu ġej mill-pjattaformi l-ġodda li jirriċiklaw kontenut b’mod abbundanti u li għalhekk huwa meħtieġ li jerġa’ jiġi kkunsidrat x'inhu offrut lill-konsumatur, peress li l-għadd kbir ta’ pjattaformi mhux neċessarjament jiggarantixxi d-diversità tal-kontenut;
40. Jenfasizza li l-protezzjoni taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data huma objettivi assoluti tar-regolament u għandhom japplikaw ugwalment għall-fornituri kollha fil-qasam tal-media u l-komunikazzjoni fl-UE kollha;
41. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex jiġu infurzati dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-minuri u l-konsumaturi; jappella biex ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data japplikaw bl-istess mod għall-fornituri kollha tal-midja u tal-komunikazzjoni fit-territorju tal-UE; jenfasizza li l-utenti għandhom ikunu jistgħu jibdlu l-modalitajiet tal-privatezza tagħhom b'faċilità u f'kull ħin;
42. Jenfasizza li fir-rigward tal-kompetizzjoni globali fis-swieq konverġenti, huwa essenzjali li fil-livell internazzjonali jiġu żviluppati standards ta’ protezzjoni xierqa dwar il-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni f’termini tal-protezzjoni taż-żgħażagħ u tal-konsumatur;
43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu u jespandu d-diversi attivitajiet diġà eżistenti bil-għan li jipprovdu litteriżmu medjatiku diġitali u jiżviluppaw metodoloġija għall-valutazzjoni tal-provvista ta’ litteriżmu medjatiku;
Qafas regolatorju
44. Iqis li l-politika Ewropea għall-midja u l-internet għandha timmira biex tneħħi l-ostakli għall-innovazzjonijiet tal-midja u fl-istess ħin ma jintilfux l-aspetti normattivi ta’ politika tal-midja demokratikament u kulturalment diversa;
45. Jenfasizza li l-kontenut simili fuq l-istess apparat jeħtieġ qafas legali uniformi, flessibbli, orjentat lejn l-utent u aċċessibbli, li huwa teknoloġikament newtrali, trasparenti u infurzabbli;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjattaformi jitħaddmu b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, fl-ambitu ta’ kompetizzjoni ġusta;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt sabiex tevalwa jekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva AVMS għadux rilevanti fir-rigward tal-iżviluppi tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej;
48. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sa fejn il-kriterju tal-linearità f’ħafna oqsma jwassal sabiex l-għanijiet regolatorji tad-Direttiva 2010/13/UE ma jibgħux jintlaħqu fid-dinja konverġenti;
49. Jirrakkomanda deregulazzjoni għall-oqsma tad-Direttiva 2010/13/UE fejn l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni mhumiex qegħdin jintlaħqu; jemmen li minflok għandhom jitwaqqfu rekwiżiti minimi fuq livell Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha;
50. Jenfasizza l-importanza ta’ sistemi ta’ approvazzjoni ta’ drittijiet newtrali għat-teknoloġija sabiex jiffaċilitaw li s-servizzi tal-fornituri tas-servizzi tal-midja jkunu jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq pjattaformi ta’ parti terza;
51. Jenfasizza li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (jew tal-pajjiż tat-trażmissjoni) stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi għadu prerekwiżit essenzjali sabiex ikun jista’ jiġi offrut kontenut awdjoviżiv anke bejn il-fruntieri territorjali u jirrappreżenta pass importanti fit-triq lejn suq komuni tas-servizzi; madanakollu, jenfasizza l-ħtieġa li d-dritt tal-UE jadatta mar-realtajiet tal-internet u l-ambjent diġitali, u biex tingħata attenzjoni speċjali lill-kumpaniji li joffru kontenut awdjoviżiv online li jippruvaw jevadu t-taxxa f'xi pajjiżi billi l-bażi tagħhom tkun f'pajjiżi fejn hemm rati tat-taxxa baxxi;
52. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b'mod xieraq jekk il-liġi tad-dritt tal-awtur teħtieġx tiġi adattata biex tippermetti l-irkupru adegwat ta’ kontenut lineari u mhux lineari fuq id-diversi pjattaformi kif ukoll l-aċċessibbiltà transkonfinali tagħhom;
53. Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta b’mod sistematiku l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u, fejn xieraq, biex terġa' teżamina l-liġi Ewropea tad-drittijiet tal-awtur b’mod konsegwenti;
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
- [2] ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
- [3] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.
- [4] ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37.
- [5] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.
- [6] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.
- [7] ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37.
- [8] ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.
- [9] ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
- [10] Testi adottati, P7_TA(2013)0329.
NOTA SPJEGATTIVA
Fl-24 ta’ April 2013 il-Kummissjoni ppreżentat dokument ta’ konsultazzjoni, li għandu jiftaħ dibattitu pubbliku wiesa’ dwar l-impatti tat-trasformazzjoni attwali tal-panorama tal-midja awdjoviżiva. Il-green paper dwar “It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b'Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri” tiffoka fuq il-kwistjoni dwar l-adegwatezza futura tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD), iżda wkoll fuq il-kunsiderazzjonijiet dwar l-infrastruttura, il-frekwenzi u l-mudelli ta’ finanzjament tal-kontenut awdjoviżiv kif ukoll il-konsiderazzjonijiet tas-suq fir-rigward tal-integrazzjoni vertikali u orizzontali tal-industrija tal-midja u tal-ICT.
Bħalissa, il-politika tal-midja fl-Ewropa għadha, fil-biċċa l-kbira tagħha, fil-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, ma tistax tibqa’ titqies biss fuq livell nazzjonali jew federali fl-oqsma kollha. Aspetti relatati mal-konverġenza progressiva tas-servizzi tax-xandir konvenzjonali fuq l-internet, b'mod partikolari, jeħtieġ li jkunu primarjament indirizzati aktar fuq livell Ewropew minħabba l-istrutturi tas-suq li qegħdin jinbidlu.
Il-problemi
Il-konverġenza timplika l-fużjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva lineari u mhux lineari, li qabel kienu meqjusa fil-biċċa l-kbira tagħhom separatament minn xulxin. Il-fornituri ġodda mill-industrija tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi over-the-top (OTT) qed jissieħbu fis-suq mal-istituzzjonijiet tal-midja tradizzjonali. S’issa, is-sistema ta’ regolamentazzjoni fl-ambitu tad-Direttiva AVMS fuq livell Ewropew stabbiliet ċertu standard minimu għal kontenut tat-televiżjoni klassiku (lineari), għal informazzjoni nonlineari, servizzi ta' telekomunikazzjoni u kontenut online. Bid-diġitalizzazzjoni ta’ teknoloġiji tax-xandir u l-midja, il-konverġenza tal-mezzi tekniċi ta’ trażmissjoni u l-iżvilupp progressiv ta’ apparat mobbli u ibridu, f’daqqa waħda s-servizzi tax-xandir u fuq talba rregolati b’mod klassiku qegħdin jikkompetu fuq l-istess skrin ma’ kontenut mill-internet miftuħ, li s’issa mhuwiex irregolat.
Dan iqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, taż-żgħażagħ u tad-data, iżda wkoll fir-rigward tal-iżgurar tad-diversità u tan-natura doppja tal-midja bħala assi kulturali u ekonomika.
Ir-rapporteur għalhekk jiffoka kemm fuq kunsiderazzjonijiet tas-suq u kif ukoll fuq il-mudelli ta’ finanzjament u l-aċċess fi swieq konverġenti. Ir-rapporteur jilqa’ fil-prinċipju l-Green Paper tal-Kummissjoni, minħabba li din se twassal għal diskussjoni unidimensjonali dwar it-televiżjoni konness u dwar kunsiderazzjoni usa’ tas-setturi kollha u l-kollegamenti fil-katina tal-valur kollha fi swieq awdjoviżivi konverġenti. Huma dawn il-bidliet fis-suq li mhux biss qed joħolqu sfidi ġodda iżda wkoll opportunitajiet għall-partijiet interessati fl-industrija tal-midja.
Anke jekk il-maġġoranza tal-utenti fl-Ewropa għadhom jirċievu kontenut awdjoviżiv primarjament permezz tat-televiżjoni tradizzjonali, hemm xejra qawwija lejn l-użu ta' apparat mobbli b'żieda mat-televiżjonijiet tradizzjonali. B’mod partikolari, l-utenti ħafna iżgħar iridu jkunu jistgħu jaċċessaw kontenut awdjoviżiv u servizzi elettroniċi kullimkien, fi kwalunkwe ħin u permezz ta' kwalunkwe apparat.
Swieq konverġenti
Għalhekk, il-konverġenza tfisser ukoll innovazzjoni u din teħtieġ forom ġodda ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u s-setturi. Għalhekk, kontenut simili fuq l-istess apparat fil-futur jeħtieġ qafas regolatorju modern, aċċessibbli, orjentat lejn l-utent u orizzontali. Il-qafas legali eżistenti għall-media awdjoviżiva u l-għan regolamentarju tiegħu għandu jiġi rivedut u, jekk ikun meħtieġ, jiġi adattat għar-realtajiet attwali fi swieq konverġenti. Ir-rapporteur jemmen li se jkun neċessarju li din l-eżaminazzjoni ssir flimkien mal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-oqsma tal-komunikazzjoni elettronika, il-kummerċ elettroniku, il-liċenzja ta’ drittijiet ta’ xogħlijiet awdjoviżivi u mużikali għall-użu online, id-drittijiet tal-awtur, id-dispożizzjonijiet relatati max-xandir u apparat ta’ telekomunikazzjonijiet kif ukoll il-liġi tal-kompetizzjoni u tal-antitrust. Jekk tkun meħtieġa reviżjoni tal-liġi tal-midja Ewropea, ir-rwoli soċjali u kulturali importanti tal-midja f’ambjent konverġenti għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas legali xierqa.
Il-green paper tal-Kummissjoni hija bbażata b'mod sostanzjali fuq il-kunsiderazzjonijiet tas-suq u, b'mod paritkolari, fuq il-miri relatati mat-tkabbir ekonomiku u l-aspetti tekniċi; hi tinjora l-importanza tal-midja għad-diversità kulturali u l-identità fl-Ewropa. Għalhekk, dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja dwar il-green paper jirreaġixxi b'mod espliċitu dwar in-natura doppja tal-midja awdjoviżiva bħala assi kulturali u ekonomika kif ukoll dwar ir-rwol tax-xandir doppju għal firxa wiesgħa ta' kontenut u servizzi kulturali f’dinja tal-midja konverġenti.
Aċċess u tisjib
It-tisjib u l-aċċess għall-offerti awdjoviżivi, li huma mmirati lejn il-pubbliku inġenerali huma l-kwistjonijiet ewlenin f’dinja konverġenti. In-newtralità tan-netwerk tiggarantixxi it-trażmissjoni nondiskriminatorju għall-kontenut kollu u għalhekk l-obbligu tat-trażmissjoni tad-dinja tal-midja konverġenti fis-seklu 21. L-utenti finali għandhom ikollhom aċċess għal kwalunkwe kontenut jew servizzi tal-għażla tagħhom, u fornituri tal-aċċess ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà tal-għażla għall-utenti. Madankollu, trażmissjoni nondiskriminatorja mhijiex biżżejjed. B’mod partikolari, għall-futur tax-xandir, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-programmi ma jiksbux aċċess biss għall-mezzi tat-trażmissjoni individwali, iżda jkunu jistgħu jinstabu wkoll fuq gateways tal-kontenut.
Il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Istati Membri, għandhom ipoġġu enfasi fuq l-iżgurar tal-aċċess u t-tisjib ta’ servizzi u kontenut fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjonijiet ġodda għall-industrija tal-midja. Dan ifisser li d-diversità tax-xogħol kulturali u awdjoviżiv għandha tkun aċċessibbli u tkun tista’ tinstab miċ-ċittadini Ewropej kollha f’dinja konverġenti. Dan japplika b’mod partikolari, jekk l-utent jingħata pakkett jew privileġġ speċifiku mill-manifatturi tal-apparat, l-operaturi tan-netwerk, il-fornituri tal-kontenut jew aggregaturi oħrajn. It-tiftix u s-sejba ta’ kontenut awdjoviżiv fuq gateways tal-kontenut differenti ma għandhomx jiddependu biss fuq interessi ekonomiċi. Għalhekk, ir-rapporteur jemmen li l-inklużjoni tal-prinċipju tan-newtralità tan-netwerk fil-futur bħala hija assolutament essenzjali.
Il-prinċipju “must-be-found” huwa madankollu kemmxejn aktar diffiċli sabiex jiġi vvalutat. Fid-dawl tad-dinja konverġenti, qed nesperjenzaw pass lil hinn mill-prinċipju tal-aċċess tal-internet miftuħ għal kontenut (permezz ta’ portali u magni tat-tiftix) u lejn “operat permezz ta’ apps” ta’ kontenut u softwer fuq apparat mobbli, kompjuters u smart TVs, li skont ir-rapporteur, il-problema tal-aċċess għas-suq mhijiex relatata mal-gateways tal-kontenut li jintlaħqu permezz tal-aċċess miftuħ għall-internet, iżda tinsab aktar fis-servizzi tal-apps li joffru preselezzjoni mhux trasparenti tal-kontenut.
Fil-prinċipju, ir-rapporteur jemmen li huwa leġittimu li l-Istati Membri jingħataw il-possibilità li jadottaw regoli speċifiċi sabiex jiggarantixxu l-viżibbiltà xierqa tal-kontenut awdjoviżiv li huwa ta' interess ġenerali. Madankollu, ir-rapporteur għadu mhuwiex konvint mill-effettività u/jew l-infurzar tal-prinċipju “must-be found” permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE li tipprevedi l-kontenut kollu (tax-xandir) privileġġjat jew magħżul minn qabel offrut fuq il-pjattaformi u l-gateways tal-kontenut kollha. Aktar minn hekk huwa dubjuż kif tali pożizzjoni ewlenija tidher fil-prattika kif ukoll dwar l-objettiv regolatorju tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva attwali li sempliċement ma setgħax jiġi applikat kif inhu applikat għall-internet u għas-swieq konverġenti. L-ewwel u qabel kollox huwa importanti li l-kontenut u l-programmi kollha jkunu jistgħu jinstabu. Għandu jiġi mistoqsi sa liema punt privileġġ statutorju jista' jkun utli b'mod partikolari fir-rigward tal-kontenut kummerċjali u mhux ta’ servizzi pubbliċi.
Is-salvagwardja tad-diversità u mudelli ta’ finanzjament
Ir-rapporteur jemmen li regolament jista’ jkun meħtieġ jekk pjattaformi ġodda jikkontrollaw l-aċċess għall-midja u għandhom influwenza diretta jew indiretta fit-tiswir tal-opinjoni. Kunċett komprensiv għall-gateways u pjattaformi tal-kontenut għalhekk huwa meħtieġ u jeħtieġ li jkopri mhux biss netwerks tekniċi għat-trażmissjoni ta’ kontenut awdjoviżiv, iżda wkoll portali tal-kontenut, ħardwer u sistemi tan-navigazzjoni bħal gwidi elettroniċi tal-programmi. Għalhekk, l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jeżaminaw l-iżviluppi tas-suq fis-swieq konverġenti u jekk ikun meħtieġ, jintroduċu restrizzjonijiet ġuridiċi tal-konċentrazzjoni tal-midja biex jissalvagwardaw id-diversità. L-objettiv għandu jkun li l-interessi tal-partijiet interessati involuti tal-midja u l-industrija kollha jinġiebu fl-istess livell u tiġi pprovduta aktar flessibilità. Dan jirrigwarda primarjament l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ finanzjament sostenibbli, li japplikaw ukoll f’dinja konverġenti b’integrazzjoni orizzontali (konverġenza tal-industriji) u vertikali (konverġenza tal-katina tal-valur).
Ċertament huwa meħtieġ li f’dan il-kuntest jinħolqu kundizzjonijiet ekwi. Dawn jistgħu jkunu assoċjati ma’ deregolamentazzjoni u aktar flessibilità fil-qasam tad-dispożizzjonijiet tar-reklamar għax-xandir. Madankollu, fl-istess ħin, fir-rigward tal-protezzjoni taż-żgħażagħ u tad-dejta, għandhom jiġu żviluppati standards ta’ protezzjoni xierqa għal apparat u gateways tal-kontenut konverġenti. Għalhekk, ir-rapporteur jirreferi għal strumenti ta' koregolazzjoni u awtoregolazzjoni.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, madankollu, ma għandux ikun injorat li d-diġitalizzazzjoni u l-internet biddlu l-kundizzjonijiet qafas għar-regolament speċifiku tal-midja. Minħabba ż-żieda fil-konverġenza huwa meħtieġ li tiġi żviluppata komprensjoni ġdida tal-interazzjoni tal-media awdjoviżiva, is-servizzi elettroniċi u l-applikazzjonijiet. Din il-komprensjoni għandha tirrifletti l-konnessjoni tal-ġenerazzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, u l-preżentazzjoni ta’ kontenut fil-forma ta’ qafas legali orizzontali fuq livell Ewropew. Il-konverġenza għandha titqies ukoll bħala opportunità biex jiġu żviluppati mudelli ġodda tan-negozju. L-atturi tal-midja Ewropej li għal żmien twil kienu konformi ma' mudelli tipiċi ta’ mġiba tal-istrutturi tal-industrija tradizzjonali ma għandhomx ikunu f'riskju li jkollhom jillimitaw l-għażliet tagħhom fis-suq tagħhom stess sabiex jiddefendu l-istrutturi tas-suq klassiku tagħhom.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (18.12.2013)
għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
dwar it-tħejjija għal dinja awdjoviżiva konverġenti b'mod komplet
(2013/2180(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Françoise Castex
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt sabiex tevalwa jekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva AVMSD għadux rilevanti fir-rigward tal-iżviluppi tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej;
2. jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk għadhiex meħtieġa u rilevanti r-regolamentazzjoni eħfef applikabbli għas-servizzi mhux lineari fid-Direttiva AVMSD fir-rigward tal-objettivi tad-Direttiva; jistaqsi b'mod partikolari dwar il-livell baxx ta' regolamentazzjoni fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali għas-servizzi mhux lineari, meta dawn is-servizzi issa għandhom impatt konsiderevoli fuq iċ-ċittadini Ewropej;
3. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva AVMSD rigward il-promozzjoni tal-produzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għal dawk ix-xogħlijiet permezz ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba;
4. ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-midja lineari u mhux lineari kollha li tibbenefika mix-xandir ta' xogħlijiet awdjoviżivi għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-produzzjoni Ewropea;
5. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirriflettu dwar estensjoni tal-obbligi tax-xandir (“must carry”) lil hinn mill-operaturi tan-netwerks, jiġifieri biex iħaddnu lill-produtturi tal-apparat konness;
6. jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza r-rati tal-VAT applikabbli għall-prodotti kulturali kollha, ikun xi jkun il-mod li bih isir l-aċċess għalihom, sabiex tipprevjeni li d-distorsjonijiet tas-suq ixekklu t-tkabbir tas-servizzi online ġodda Ewropej.
7. jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-protezzjoni tal-minuri u l-konsumaturi tissaħħaħ; jitlob li l-protezzjoni tad-data tapplika bl-istess mod għall-operaturi kollha fil-qasam tal-midja u tal-komunikazzjoni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea;
8. huwa tal-fehma li l-iskambju tad-data, li jista' jkun li jsir fl-isfond, irid jissawwar b'tali mod li jkun viżibbi għall-konsumaturi; jitlob li l-konsumaturi jkunu jistgħu, b'mod faċli u f'kull ħin, jibdlu l-modalitajiet tal-iskambju tad-data.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.12.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Eva Lichtenberger, József Szájer, Axel Voss |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Silvia Costa, Jürgen Klute, Kay Swinburne |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
21.1.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Emilio Menéndez del Valle, Martina Michels, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Monika Panayotova, Marietje Schaake, Marco Scurria, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Gianni Vattimo, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen, Milan Zver |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ivo Belet, Nadja Hirsch, Seán Kelly, Georgios Papanikolaou, Joanna Katarzyna Skrzydlewska |
||||