RAPPORT dwar is-SOLVIT

28.1.2014 - (2013/2154(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Morten Løkkegaard

Proċedura : 2013/2154(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0059/2014
Testi mressqa :
A7-0059/2014
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-SOLVIT

(2013/2154(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta' Settembru 2013 dwar il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2013 dwar “Li tagħti aktar setgħa lin-negozji u liċ-ċittadini fis-suq uniku tal-Ewropa: Pjan ta’ azzjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li jagħti spinta ’l quddiem lill-Ewropa Tiegħek” (COM(2013)0636),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bl-isem “Ir-rinfurzar tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-Suq Uniku – Inħollu l-potenzjal tas-SOLVIT fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tiegħu”(SWD(2012)0033),

–   wara li kkunsidra l-ewwel Rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar “L-Istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013” (COM(2012)0752),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku” (COM(2012)0259),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bit-titolu “Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll annwali fuq il-governanza 2011” (SWD(2012)0025),

–   wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku online li saret pubblika fl-4 ta’ Lulju 2013,

–   wara li kkunsidra l-istudju “Punt ta’ Kuntatt Uniku Ewropew” ta’ Lulju 2013, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-governanza tas-Suq Uniku[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 bl-isem 'L-Att dwar is-Suq Uniku - il-Passi li jmiss għat-tkabbir'[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar governanza u sħubija fis-Suq Uniku[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar is-SOLVIT[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0059/2014),

A. billi d-drittijiet taċ-ċittadini u n-negozji fis-suq uniku jeħtieġ li jintużaw b’mod effettiv, u billi l-liġi tal-UE li tiggarantixxi dawn id-drittijiet jeħtieġ li tiġi infurzata b’mod effettiv biex ikun żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jibbenefikaw mill-potenzjal tas-suq intern;

B.  billi l-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom u l-iffaċilitar tat-tgawdija ta’ dawk id-drittijiet jgħinu biex is-suq intern jaħdem aħjar;

C. billi attwalment is-SOLVIT jimmaniġġja madwar 1 300 każ fis-sena, u jirnexxielu jsib soluzzjonijiet għal madwar 90 % tal-klijenti tiegħu sad-data ta’ skadenza ta’ 70 ġurnata;

D. billi l-interess f’“L-Ewropa Tiegħek” u l-użu tiegħu qiegħed jikber b’mod mgħaġġel u, skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku online, fl-2012 aktar minn 11 000 viżitatur ikkonsultaw il-portal kuljum, meta mqabbel ma’ 6 500 fis-sena preċedenti;

E.  billi ripetutament talab biex jissaħħaħ in-netwerk tas-SOLVIT, u biex tkun disponibbli aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar id-drittijiet tal-UE;

F.  billi s-SOLVIT għandu rwol importanti bħala għodda ewlenija għas-soluzzjoni tal-problemi u, għaldaqstant, bħala mezz sabiex tiġi żgurata konformità aħjar mal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tas-suq uniku; billi, minkejja dan, is-SOLVIT jibqa’ mhux utilizzat biżżejjed u mhux qed jilħaq il-potenzjal tiegħu;

G. billi, jekk isir użu sħiħ tiegħu, is-SOLVIT jista’, f’numru kbir ta’ oqsma, isir mod utli li bih is-sistemi tal-qrati, li jistgħu jkunu kumplikati ħafna u b'hekk tkun diffiċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex isolvu l-problemi tagħhom, ma jibqgħux jintużaw b'mod eċċessiv;

H. billi, skont l-istudju kkummissjonat tiegħu bl-isem “Punt Uniku ta’ Kuntatt Ewropew”, għalkemm hija disponibbli firxa estensiva ta’ informazzjoni, pariri u assistenza online għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, l-għarfien dwar dawn is-servizzi huwa baxx ħafna, bir-riżultat li 91.6 % ta’ dawk intervistati m’għandhom l-ebda għarfien dwar servizz online li jistgħu jirrikorru għalih sabiex jindirizzaw problemi relatati mas-suq uniku;

I.   billi l-effettività tal-assistenza pprovduta mis-SOLVIT tiddependi ħafna minn kemm hu mħarreġ sew il-persunal tiegħu;

J.   billi għandu jsir sforz akbar biex is-SOLVIT jiġi integrat aħjar fil-firxa ta’ servizzi ta’ għajnuna u ta' strumenti ta’ infurzar disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni;

K. billi sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jidentifikaw problemi b’mod korrett meta dawn iseħħu u jkunu jistgħu jsolvuhom, jeħtieġ li jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom fis-suq uniku, u billi għad hemm ħafna aktar xi jsir biex jiżdied dak l-għarfien;

Introduzzjoni: użu effettiv tad-drittijiet u l-opportunitajiet fis-suq uniku

1.  Itenni li l-potenzjal tas-suq uniku jista’ jiġi sfruttat biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jkunu konxji mid-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, u jkunu jistgħu jagħmlu użu effettiv minnhom; ifakkar li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss jekk l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku u jekk ikunu disponibbli informazzjoni ta’ kwalità tajba u mekkaniżmi effiċjenti għas-soluzzjoni tal- problemi;

2.  Jenfasizza li ħafna kwistjonijiet tas-suq uniku huma r-riżultat ta’ regolamentazzjoni żejda, implimentazzjoni tard jew ħażina minn Stat Membru wieħed jew aktar, jew regoli nazzjonali li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni; jitlob b’mod qawwi lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tpoġġi pressjoni fuq dawk l-Istati Membri li mhumiex qed jikkonformaw mar-regoli tas-suq uniku;

3.  Jindika li ħafna problemi relatati mal-implimentazzjoni ta’ regoli tas-suq uniku jiġu identifikati permezz tan-netwerk tas-SOLVIT, u jfaħħar il-kontribut tas-SOLVIT għall-bidliet amministrattivi u regolatorji sabiex jiġu rimedjati dawn il-problemi; iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu miżuri li jtejbu l-kompiti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-SOLVIT ikollu mezzi effiċjenti biex iwissi lill-Kummissjoni dwar problemi tas-suq intern li jkun sar jaf bihom, li jirriżultaw minn nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-liġi tal-UE;

5.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku, u l-konformità magħha, huma ta’ importanza assoluta għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej u, għaldaqstant, għall-ekonomija b’mod ġenerali u għall-fiduċja taċ-ċittadini fil-funzjonament tas-suq uniku; jenfasizza wkoll l-obbligi legali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward;

6.  Itenni t-talba tiegħu sabiex jiġu żviluppati aktar il-proċeduri ta’ ksur applikabbli, inkluż billi jkun żgurat l-użu aktar strinġenti ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-suq uniku, u billi jiġu applikati proċeduri aktar mgħaġġla;

7.  Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jsir kull sforz sabiex jiġi żgurat li jiġu evitati, identifikati jew li jitneħħew problemi ta’ infurzar qabel ma jsir meħtieġ li jinbdew proċeduri ta’ ksur formali;

8.  Jenfasizza l-użu ta’ tolleranza żero għan-nuqqas ta’ konformità u ta’ reviżjoni bejn il-pari fl-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, bħala metodi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-liġi dwar is-suq uniku;

Is-SOLVIT: għajnuna għall-individwi u n-negozji biex isolvu l-problemi

9.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT, li twitti t-triq għas-SOLVIT 2.0;

10. Jinnota li n-netwerk tas-SOLVIT kiseb riżultati tanġibbli u wera l-utilità tiegħu; jinnota, madankollu, li għad hemm lok għal titjib, partikolarment fir-rigward tar-riżoluzzjoni tat-tilwim relatat man-negozji u l-ħin meħud biex jissolvew dawn id-diffikultajiet;

11. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-ħidma effettiva tan-netwerk tas-SOLVIT dwar ir-riżoluzzjoni informali u rapida ta' kwistjonijiet transkonfinali relatati mas-suq intern – għodda li tindirizza l-applikazzjoni żbaljata wara t-traspożizzjoni – bl-użu ta' proċeduri li huma kemm jista' jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini, u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistema tas-SOLVIT, bħala servizz bla ħlas u faċli jintuża;

12. Iqis li l-prestazzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT għandha tittejjeb kontinwament, speċjalment fir-rigward tal-każijiet tas-sigurtà soċjali, u jinkoraġġixxi koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali;

13. Jitlob biex tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet transkonfinali relatati mal-liġi tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u t-trattament ugwali, b'attenzjoni partikolari lil kwistjonijiet relatati mal-pensjonijiet, il-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea u l-ħaddiema stazzjonati;

14. Jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tas-SOLVIT għall-ħaddiema migranti fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ trattament ugwali u tas-soluzzjoni ta’ problemi transkonfinali;

15. Jinnota li l-maġġoranza kbira tal-klijenti tas-SOLVIT huma ċittadini; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal kbir tas-SOLVIT bħala għodda għas-soluzzjoni tal-problemi għan-negozji; jenfasizza li hemm ħafna aktar xi jsir sabiex in-negozji, b’mod partikolari negozji żgħar u medji, isiru aktar konxji mis-SOLVIT, jiġu edukati dwar il-possibbiltajiet tiegħu u jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar minnu; jilqa’ l-aġġornament riċenti tal-portal tan-negozju L-Ewropa Tiegħek bħala pass pożittiv f’dik id-direzzjoni;

16. Jitlob biex ir-relazzjonijiet pubbliċi tas-SOLVIT jissaħħu sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni ferm akbar tan-netwerk; jitlob lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Membri tal-Parlament Ewropew, fil-kostitwenzi tagħhom, jimpenjaw lilhom infushom f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippromovu r-rwol tal-Ewropa Tiegħek u tas-SOLVIT; jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jkomplu jippromovu s-SOLVIT b'mod reġjonali filwaqt li jinnota li l-każijiet kollha għandhom jiġu ttrattati fil-livell nazzjonali;

17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-SOLVIT għadu qed jattira volum kbir ta’ każijiet mhux SOLVIT, u li dan qed inaqqas il-pass tal-ġestjoni ta’ lmenti SOLVIT; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-mandat tas-SOLVIT jiġi spjegat aħjar liċ-ċittadini u n-negozji;

18. Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm disponibbli riżorsi adegwati bħala appoġġ għan-netwerk tas-SOLVIT, b'referenza għall-kundizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT kif stabbilit mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2013;

19. Jenfasizza l-importanza li tinżamm il-kwalità tas-servizz offrut mis-SOLVIT minkejja restrizzjonijiet baġitarji u riżorsi umani limitati; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li ċ-ċentri tas-SOLVIT ikollhom numru suffiċjenti ta’ persunal imħarreġ sew, b’kompetenzi legali adegwati u għarfien tal-lingwi rilevanti tal-Unjoni, u li l-persunal jiġi pprovdut b’taħriġ xieraq sabiex jibqa’ jtejjeb il-ħiliet u l-għarfien tiegħu;

20. Jenfasizza l-importanza taċ-ċentri kollha tas-SOLVIT fid-diversi Stati Membri li jipprovdu standard simili ta’ servizz, peress li dan huwa essenzjali għal riżoluzzjoni effettiva tal-problemi;

21. Jenfasizza l-importanza ta' soluzzjonijiet rapidi għall-problemi li jitolbu biss kjarifika tad-dritt tal-Unjoni u komunikazzjoni adegwata mal-applikanti f'każijiet kumplikati;

22. Jitlob integrazzjoni aħjar ma’ proċeduri oħra tal-immaniġġjar tal-ilmenti, b’mod partikolari l-EU Pilot;

23. Jenfasizza l-importanza li s-SOLVIT ikun indirizzat biex jitratta każijiet relatati aktar man-negozju; jinnota li dan jitlob għarfien akbar dwar is-SOLVIT fil-komunità tan-negozju, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-SOLVIT u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju Ewropej u nazzjonali, pereżempju fil-forma ta' grupp ta' ħidma li jġib flimkien ċentri tas-SOLVIT u assoċjazzjonijiet tan-negozju, u rieda f'uħud miċ-ċentri tas-SOLVIT li jitrattaw każijiet aktar kumplessi;

24. Jiddispjaċih li ħafna każijiet relatati man-negozju li jistgħu jiġu mmaniġġjati mis-SOLVIT qed jiġu rrifjutati għar-raġuni li huma kumplessi wisq; iqis li jekk xi ċentri tas-SOLVIT isibu li tali każijiet relatati man-negozju huma kumplessi wisq sabiex jiġu mmaniġġjati, din hija problema li teħtieġ li tiġi indirizzata lokalment f’dawk iċ-ċentri tas-SOLVIT;

25. Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tipprovdi assistenza informali fl-immaniġġjar tal-każijiet, inkluż parir legali informali f’każijiet kumplessi; jistieden liċ-ċentri tas-SOLVIT sabiex jagħmlu użu minn tali assistenza;

26. Jenfasizza l-importanza ta' skambji ta' informazzjoni bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT u jirrakkomanda li l-Istati Membri jinvestu biex itejbu l-kooperazzjoni bejn dawn iċ-ċentri; jinkoraġġixxi liċ-ċentri tas-SOLVIT fl-Unjoni kollha biex jibdew skambju aktar dettaljat u estensiv tal-aħjar prattika, u jenfasizza l-importanza ta' tali skambji bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-promozzjoni tas-servizzi provduti;

27. Jilqa’ l-kjarifika magħmula fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE dwar il-mandat tas-SOLVIT fir-rigward ta’ każijiet fejn regoli nazzjonali jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (magħrufa wkoll bħala każijiet strutturali); jilqa’ l-adozzjoni ta’ tali każijiet minn uħud miċ-ċentri tas-SOLVIT; jitlob liċ-ċentri kollha tas-SOLVIT jipprovdu assistenza effettiva kull meta jqumu dawn il-problemi strutturali, inkluż billi jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ problemi potenzjali li jistgħu jinħolqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali proposta;

28. Jitlob liċ-ċentri tas-SOLVIT ikunu aktar deċiżi u effiċjenti fir-reazzjoni tagħhom għall-ilmenti u, b’mod partikolari, fl-immaniġġjar ta’ każijiet aktar kumplessi;

29. Jenfasizza li huwa importanti li l-applikant, iċ-ċentri tas-SOLVIT involuti u l-Kummissjoni jżommu komunikazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib matul il-proċedura; jinnota li f’ħafna każijiet, l-applikant ma jiġix ikkonsultat matul il-proċedura iżda jkun f’kuntatt maċ-ċentru tas-SOLVIT biss meta jissottometti l-applikazzjoni u meta l-każ jitlesta;

30. Jemmen li għandu jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri u fis-SOLVIT;

31. Jilqa' b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali murija miċ-ċentri tas-SOLVIT u jitlob biex din il-protezzjoni tkun sorveljata kontinwament u, fejn meħtieġ, tiżdied biex tissodisfa t-talbiet dwar il-protezzjoni tad-data tal-utenti;

32. Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-għarfien dwar u l-viżibilità tan-netwerk tas-SOLVIT u li jinġieb aktar viċin tal-persuni li ma jafux bih; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw aċċess ugwali għaċ-ċentri tas-SOLVIT u għall-portals online, pereżempju għal persuni b'diżabbiltà u l-anzjani, u biex jiġu żviluppati l-possibbiltajiet kollha li jkun stabbilit kuntatt bejn l-utenti u ċ-ċentri tas-SOLVIT f'dan il-kuntest; jikkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721);

33. Jenfasizza l-ħtieġa ta' rabta u integrazzjoni tal-portals tas-SOLVIT ma' atturi u pjattaformi relatati oħra sabiex jiżdiedu l-aċċessibbiltà u l-viżibbiltà għall-utenti kollha; jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistema tas-SOLVIT billi jiżguraw approċċ koerenti fl-UE kollha u jtejbu l-viżibbiltà tagħha; iqis li l-webpages tal-istituzzjonijiet Ewropej relevanti għandhom jinkludu link għas-sit L-Ewropa Tiegħek;

34. Jenfasizza l-importanza li jitwassal it-tagħrif dwar il-bażi tad-data tal-każijiet tas-SOLVIT u jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tipprovdi informazzjoni dwar netwerks ta' soluzzjonijiet ta' problemi jew sorsi ta' informazzjoni alternattivi, inkluż mezzi oħra possibbli ta' rimedju, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, f'każijiet li s-SOLVIT ma jistax jitratta;

35. Jinkoraġġixxi liċ-ċentri tas-SOLVIT jinvolvu lilhom infushom b'mod proattiv billi jieħdu inizjattivi minn rajhom biex joħolqu kuntatti maċ-ċittadini, man-negozji u mal-parlamenti nazzjonali;

36. Jilqa t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku online, li tipprovdi data dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tas-SOLVIT u L-Ewropa Tiegħek, u dwar il-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti għall-funzjonament tas-suq uniku;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar passi sabiex ixerrdu l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ dawn l-istrumenti fost iċ-ċittadini, in-negozji u l-imprendituri, billi jużaw il-mezzi tal-midja kollha, inkluż l-internet, sabiex jiżguraw li l-informazzjoni tilħaq l-akbar numru ta’ ċittadini u negozji possibbli; jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji tal-informazzjoni mmirati lejn gruppi speċifiċi, inklużi n-negozji – b’mod partikolari n-negozji żgħar u medji;

38. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja, fi ħdan ir-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-suq uniku, il-prestazzjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-problemi tal-Unjoni – b’mod partikolari s-SOLVIT – bħala parti mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; itenni, barra minn hekk, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-governanza tas-suq uniku billi tistabbilixxi pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew, inkluż rakkomandazzjonijiet iddedikati għall-pajjiżi speċifiċi;

39. Jibqa’ impenjat li jimmonitorja mill-qrib il-progress tas-SOLVIT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi stadji importanti miżurabbli għall-iżvilupp mixtieq tas-SOLVIT; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu wkoll il-miri miżurabbli tagħhom kif ukoll skadenzi għall-mod li bih jiġu ttrattati l-każijiet fiċ-ċentri lokali tas-SOLVIT; iqis, f'dan ir-rigward, li s-separazzjoni ta' każijiet relatati ma' ċittadini minn dawk relatati man-negozji sabiex ikun sorveljat il-progress tista' tkun l-aħjar triq li għandha tittieħed; jemmen li, jekk dawn il-miri ma jintlaħqux, għandha terġa' tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-proċedura informali tiġi sostitwita minn att leġiżlattiv, filwaqt li jitqiesu l-mekkaniżmi eżistenti bħal dawk provduti fid-Direttiva 2013/11/UE dwar riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim online; iħeġġeġ lill-Kunsill isegwi l-ambizzjoni tal-Parlament f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib il-progress biex jintlaħqu dawn il-miri tal-UE u tas-SOLVIT nazzjonali fis-Semestru Ewropew;

L-Ewropa Tiegħek: inwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji

40. Jinnota ż-żieda kontinwa fl-użu tal-portal L-Ewropa Tiegħek;

41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-Ewropa Tiegħek u s-SOLVIT filwaqt li jikkoordinaw il-kampanji ta’ viżibilità rispettivi tagħhom;

42. Jilqa' l-għanijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ewropa Tiegħek, fosthom li jitkompla l-għoti ta' informazzjoni prattika u ta' kwalità tajba dwar id-drittijiet tal-UE fis-Suq Uniku, li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar L-Ewropa Tiegħek u li titqiegħed fil-prattika sħubija mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

43. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu aktar passi effettivi li jqiegħdu L-Ewropa Tiegħek bħala għodda għan-negozji u jżidu l-viżibbiltà tiegħu, inkluż billi jsir użu aħjar tal-midja soċjali; iqis, li permezz tal-branding u bl-inklużjoni tas-SOLVIT, il-portal L-Ewropa Tiegħek isir il-punt ta' aċċess uniku għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej meta jkunu ffaċċjati minn problemi jew meta qed ifittxu informazzjoni; jemmen li punt ta’ aċċess uniku jista’ jservi ta’ punt ta’ referenza għaċ-ċittadini u n-negozji u jħaffef aktar l-aċċess tagħhom għall-għodod differenti ta’ informazzjoni u għall-mekkaniżmi speċjalizzati li jsolvu l-problemi, inkluż is-SOLVIT;

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-portal L-Ewropa Tiegħek biex ikopri kompletament id-drittijiet, l-obbligi u l-opportunitajiet fis-suq uniku u tagħmlu faċli kemm jista’ jkun għall-utent;

45. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar regoli u proċeduri nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li din l-informazzjoni tkun prattika, ħielsa mill-kliem tekniku, aċċessibbli b’mod ugwali għal kulħadd, aġġornata u disponibbli fil-lingwi rilevanti, u sabiex il-portal nazzjonali tagħhom (gvern elettroniku) jiġi konness mal-Ewropa Tiegħek;

46. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Sabiex jiġi żgurat li s-suq uniku jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji, huwa importanti ħafna li tittejjeb l-informazzjoni disponibbli għall-persuni u n-negozji dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku u r-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri differenti, iżda anke li jiġu offruti l-assistenza meħtieġa fis-soluzzjoni tal-problemi transkonfinali. Dawn l-objettivi kienu fuq quddiem tal-aġenda tal-Parlament għal numru ta’ snin.

Fis-17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat Rakkomandazzjoni dwar is-SOLVIT u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ewropa Tiegħek. Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni mistennija tgħin lis-SOLVIT jiffunzjona aħjar, filwaqt li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ewropa Tiegħek għandu jgħin sabiex tittejjeb id-disponibbiltà u l-kwalità tal-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-UE fis-suq uniku u għaldaqstant tqajjem l-għarfien taċ-ċittadini u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, dwar id-drittijiet tagħhom u anke sabiex jirrikorru għand is-SOLVIT meta jiffaċċjaw problemi filwaqt illi jagħmlu użu minn dawk id-drittijiet.

Wara numru ta’ rapporti mħejjija mill-IMCO fis-snin riċenti, dan ir-rapport jiffoka fuq is-SOLVIT u jħares lejn il-funzjonament tiegħu minn perspettiva usa’ ta’ governanza tas-suq uniku.

Is-SOLVIT, bħala għodda, kiseb riżultati tanġibbli u wera l-utilità u l-valur tiegħu għas-suq uniku. Madankollu, għad lok għal titjib sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom fis-suq uniku permezz tas-SOLVIT u miżuri oħra.

Ħafna eżempji ta’ regolamentazzjoni żejda, implimentazzjoni tard u ħażina jew eżempji ta’ regoli nazzjonali li jmorru kontra l-liġi tal-UE jistgħu jkunu u huma skoperti permezz tal-każijiet SOLVIT. Is-SOLVIT huwa ħafna drabi l-post fejn iċ-ċittadini u n-negozji jagħmlu lill-awtoritajiet konxji li xi ħaġa mhijiex qiegħda tiffunzjona kif kien intenzjonat. B’dan il-mod, hemm potenzjal kbir għas-SOLVIT li jiżgura funzjonament bla problemi tas-suq uniku kollu u hemm ħafna aktar x’jista’ jsir sabiex jintuża dan l-għarfien u dawn is-sejbiet sabiex jiġu kkoreġuti l-affarijiet.

F’magna kbira xi kultant l-affarijiet jistgħu jduru madwar parti li tidher żgħira. B’dan il-mod jista’ jiġi rraġunat ukoll li jekk SOLVIT huwa wieħed mill-għodda li jmexxi l-magna tas-suq uniku, SOLVIT li jiffunzjona sew huwa kruċjali sabiex jisfrutta l-potenzjal tas-suq uniku u sabiex jiżdied it-tkabbir. Madankollu, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-SOLVIT, jeħtieġ li nżidu l-isforzi tagħna. U jeħtieġ li nikkunsidraw jekk is-SOLVIT jistax jilħaq il-livell li nixtiequ permezz ta’ approċċ informali u volontarju, jew jekk tkunx meħtieġa leġiżlazzjoni.

Is-SOLVIT

Imwaqqaf fl-2002, is-SOLVIT huwa netwerk online għas-soluzzjoni informali ta’ tilwim transkonfinali dwar l-applikazzjoni żbaljata u ineżatta tar-regoli tas-suq uniku li jinqala' bejn iċ-ċittadini jew in-negozji u l-amministrazzjonijiet nazzjonali madwar l-UE, sal-punt li tali tilwim ma jkunx soġġett għal proċeduri legali fil-livell nazzjonali jew tal-UE. In-netwerk iġib flimkien ċentri nazzjonali tas-SOLVIT, ibbażati fl-amministrazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Is-SOLVIT huwa mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim online u, fl-istess ħin, netwerk ta’ kooperazzjoni bejn amministrazzjonijiet nazzjonali, li jikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċità ta’ implimentazzjoni tal-liġi tal-UE fil-livell nazzjonali u għaldaqstant irawwem l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE.

Matul l-ewwel għaxar snin tal-eżistenza tan-netwerk (2003-2013), il-volum ta’ każijiet imressqa lis-SOLVIT żdied b’mod kontinwu. Inizjalment beda b’inqas minn 200 ilment (2003), u attwalment is-SOLVIT jirċievi madwar 3 000 ilment fis-sena, li minnhom madwar 1 300 jaqgħu fi ħdan il-mandat tiegħu u fil-fatt jiġu mmaniġġjati min-netwerk. Skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, in-numru totali ta’ każijiet, fil-perjodu bejn Marzu 2012 u Frar 2013, kien jammonta għal 3 023 u 1 238 rispettivament. 89 % tal-każijiet immaniġġjati ġew riżolti jew kjarifikati sad-data ta’ skadenza ta’ 10 ġimgħat, filwaqt li 2 % (19-il każ) ġew irrifjutati u madwar 10 % baqgħu mhux riżolti.

Fil-perjodu msemmi hawn fuq, iż-żmien medju għall-immaniġġjar tal-każijiet fin-netwerk kollu kien ta’ 68 ġurnata (u ttejjeb meta mqabbel mas-sena ta’ qabel meta ċ-ċentri tas-SOLVIT irnexxielhom jimmaniġġjaw każijiet, bħala medja, fi żmien 75 ġurnata).

Għandu jiġi nnutat li, matul is-snin, il-volum tal-każijiet żdied b’mod kontinwu ħafna aktar minħabba ż-żieda fin-numru ta’ ilmenti mressqa miċ-ċittadini milli minn dawk min-negozji. Għalkemm li jiġu attirati każijiet tan-negozju fis-SOLVIT kien fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, in-numru ta’ każijiet tan-negozju baqa’ relattivament stabbli u baxx. Fl-2010, ġew irreġistrati 167 każ tan-negozju minn numru totali ta’ 1 363 każ.

Il-mistoqsijiet dwar is-sigurtà soċjali jiġġeneraw l-akbar numru ta’ każijiet imressqa lis-SOLVIT. Filwaqt li ċ-ċittadini li jirrikorru għas-SOLVIT ħafna drabi jesperjenzaw problemi relatati mas-sigurtà soċjali, id-drittijiet ta’ residenza u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, il-qasam problematiku ewlieni tal-każijiet tan-negozju huwa t-tassazzjoni, prinċipalment ir-rimborż tal-VAT.

Għalhekk, huwa ċar li hemm xejra pożittiva fl-iżvilupp tas-SOLVIT. Aktar każijiet qed jiġu mmaniġġjati, iż-żmien medju għar-rispons jibqa’ fil-limitu ta’ 10 ġimgħat, u r-rata ta’ riżoluzzjoni hija għolja. Madankollu, bl-aspettattiva abbinata mas-SOLVIT mil-livell politiku u bil-potenzjal li għandu dan l-istrument, fatt li kulħadd jaqbel dwaru, , jidher li huwa meħtieġ li jiżdied aktar l-isforz.

Miżuri li għandhom jiġu previsti

Ir-Rapporteur jirrakkomanda dan li ġej.

Is-SOLVIT huwa suċċess li kiseb riżultati tanġibbli u r-Rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni tindikalna liema każijiet ta’ karattru strutturali għandhom jidħlu għalihom iċ-ċentri tas-SOLVIT. Madankollu, sabiex tintlaħaq verżjoni reali tas-SOLVIT 2.0, tinħtieġ ferm aktar ħidma. Informazzjoni dwar is-SOLVIT għandha tkun aktar mifruxa b’mod partikolari fost il-komunitajiet tan-negozju.

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, is-SOLVIT jeħtieġ li jiffunzjona aħjar. F’dan ir-rigward, hija problema kbira ħafna li regoli nazzjonali f’ħafna Stati Membri jmorru kontra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq uniku. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat u ċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom ikunu jistgħu jirreferu każijiet identifikati lill-Kummissjoni. Madankollu, il-proċeduri ta’ ksur ħafna drabi jitwettqu bil-mod wisq, u dan jenfasizza l-ħtieġa għal proċeduri aktar mgħaġġla.

Il-Kummissjoni għandha tesplora aktar kif tuża l-prinċipju tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet u ċ-ċanfir pubbliku (naming & shaming) sabiex l-Istati Membri jimplimentaw u jittrasponu l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku fil-ħin, u tenfasizza eżempji ta’ regoli nazzjonali li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku sabiex tpoġġi pressjoni fuq dawn l-Istati Membri.

F’każijiet kumplessi, li ħafna drabi huma każijiet relatati man-negozju, iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom jiġu mħeġġa li jikkomunikaw u jikkollaboraw mal-applikant sabiex jiċċaraw il-każ, li sfortunatament ħafna drabi mhuwiex il-każ illum. Barra minn hekk, iċ-ċentri tas-SOLVIT għandhom jiġu mħeġġa li jagħmlu użu mir-riżorsi fil-Kummissjoni sabiex jakkwistaw assistenza informali fl-immaniġġjar tal-każijiet.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, huwa ċar li erba’ snin wara l-aħħar rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-SOLVIT, qed jerġgħu joħorġu l-istess kwistjonijiet. Huwa sempliċiment mhux biżżejjed li ma narawx aktar żvilupp fil-problemi strutturali tas-SOLVIT, u l-mistoqsija pressanti hija x’għandna nagħmlu dwar dan.

Il-mistoqsija li jeħtieġ li wieħed isaqsi hija jekk aħniex qegħdin nagħmlu biżżejjed bħalissa jew jekk nistgħux nagħmlu aktar. Hemm ħafna raġunijiet tajbin għaliex għandu jiġi segwit mill-qrib ħafna l-progress tas-SOLVIT. Is-SOLVIT għandu l-potenzjal li jsolvi l-problemi mhux biss għaċ-ċittadini u n-negozji iżda għas-suq uniku kollu u l-ekonomija.

Fl-opinjoni tar-rapporteur għandu jiġi investigat jekk il-ħolqien ta’ qafas formali għas-SOLVIT permezz ta’ direttiva jsolvix dawn il-kwistjonijiet. Minħabba li bħalissa ma jidhirx li hemm rieda politika biex dan iseħħ, nissuġġerixxi li jiġu stabbiliti xi stadji importanti rilevanti għall-iżvilupp tas-SOLVIT. Jekk dawn l-istadji importanti ma jintlaħqux sa ċertu data ta’ skadenza, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk il-proċedura informali għandhiex tiġi sostitwita b’att leġiżlattiv.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (17.12.2013)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar SOLVIT
(2013/2154(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Martin Kastler

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jitlob lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-ħidma effettiva tan-netwerk SOLVIT dwar ir-riżoluzzjoni informali u rapida tad-disputi transkonfinali relatati mas-suq intern – mezz biex jiġu indirizzati l-applikazzjonijiet żbaljati wara traspożizzjonijiet – bl-użu ta' proċeduri li huma kemm jista' jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini, u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaħdmu qrib mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistema SOLVIT, bħala servizz liberu u orjentat lejn l-utent;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw aċċess ugwali għaċ-ċentri SOLVIT u għall-portali onlajn, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità jew żvantaġġati u għall-anzjani, u biex jiżviluppaw l-għażliet kollha għall-ħolqien ta' kuntatt bejn l-utenti u ċ-ċentri SOLVIT f'dan il-kuntest;

3.  Jappoġġa l-isforzi li saru favur il-kjarifika u t-twessigħ tal-kompetenzi għall-inklużjoni tal-"każijiet strutturali" kollha li jinsabu f'kontradizzjoni mad-dritt tas-suq intern tal-UE; jelenka r-rwol tan-netwerks transnazzjonali għas-soluzzjoni tad-disputi u l-koordinazzjoni tagħhom fl-infurzar, il-ġestjoni u l-iżgurar tal-implimentazzjoni ta' kuljum tal-leġiżlazzjoni Ewropea min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, li jinkludi l-għoti ta' informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u l-proċeduri li jirregolaw id-drittijiet tal-UE b'mod prattiku, li jinftiehem u aġġornat, fil-lingwi rilevanti;

4.  Jappella għal enfasi speċjali fuq il-kwistjonijiet transkonfinali kollha dwar il-liġi tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u t-trattament ugwali, b'attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet relatati mal-pensjonijiet, il-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea u l-ħaddiema stazzjonati;

5.  Jipproponi li l-prestazzjoni taċ-ċentri SOLVIT għandhom jittejbu kontinwament, b'mod partikolari fir-rigward tal-każijiet ta' sigurtà soċjali;

6.  Jilqa' l-miżuri kollha maħsuba biex itejbu l-kontroll tal-kwalità, jistabbilixxu rekwiżiti minimi uniformi għaċ-ċentri SOLVIT u biex itejbu l-konnessjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom ma' netwerks konsultattivi oħrajn fl-UE; jissuġġerixxi d-dħul ta' kollegamenti mas-sit SOLVIT fil-websajts kollha tal-istituzzjonijiet Ewropej u kollegamenti bejn il-portali nazzjonali mas-sit ‘L-Ewropa Tiegħek’; jistieden lill-Istati Membri jqajmu sensibilizzazzjoni dwar SOLVIT mal-awtoritajiet pubbliċi bil-ħsieb li ċ-ċittadini u l-intrapriżi jkunu konxji dwar kif jaffermaw id-drittijiet tagħhom fis-suq intern;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm riżorsi adegwati għaċ-ċentri SOLVIT;

8.  Jitlob li r-relazzjonijiet pubbliċi ta' SOLVIT jiġu intensifikati u li jinħoloq kollegament bejn SOLVIT u atturi u pjattaformi oħra relatati sabiex il-livell ta' sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċentri SOLVIT jikber b'mod sinifikanti sas-sena 2020; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tassisti tali attivitajiet u jindika l-opportunità li tiġi stabbilita kampanja ta' sensibilizzazzjoni dwar SOLVIT fl-UE kollha b'mod parallel mal-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej 2014;

9.  Jenfasizza l-importanza li jinfirex l-għarfien dwar il-bażi ta' data b'rabta mal-każijiet SOLVIT u jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni dwar netwerks alternattivi għas-soluzzjoni tal-problemi jew dwar sorsi ta' informazzjoni, inklużi modi possibbli oħra ta' rimedju, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-Unjoni, f'każijiet li ma jistgħux jiġu ttrattati minn SOLVIT;

10. Jissuġġerixxi, filwaqt li huwa konxju mill-fatt li r-riżoluzzjoni nnifisha tad-disputi għandha sseħħ fil-livell tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, biex b'mod gradwali jiġi żviluppat in-netwerk taċ-ċentri SOLVIT billi r-reġjuni Ewropej jingħataw l-opportunità jistabbilixxu ċentri reġjonali SOLVIT (‘SolvitRegio’), li jistgħu jgħinu biex iqarrbu lil SOLVIT lejn iċ-ċittadini u jkabbru l-livell ta' għarfien dwar is-servizzi offruti;

11. Jilqa' b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali min-naħa taċ-ċentri SOLVIT u jitlob li din il-protezzjoni tiġi mmonitorjata b'mod kontinwu u, meta meħtieġ, tiżdied biex tissodisfa d-domanda għall-protezzjoni tad-data tal-utenti;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Minodora Cliveti, Andrea Cozzolino, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Marian Harkin, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Elisabeth Schroedter, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Claudette Abela Baldacchino, Philippe De Backer, Edite Estrela, Richard Howitt, Martin Kastler, Anthea McIntyre, Vojtěch Mynář, Evelyn Regner, Tatjana Ždanoka

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Claudette Abela Baldacchino, Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Preslav Borissov, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Christian Engström, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Eduard-Raul Hellvig, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Franz Obermayr, Sirpa Pietikäinen, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Ashley Fox, María Irigoyen Pérez, Morten Løkkegaard, Tadeusz Ross, Marc Tarabella, Patricia van der Kammen, Sabine Verheyen, Josef Weidenholzer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vital Moreira, Oreste Rossi