RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

29.1.2014 - (06852/2013 – C7‑0005/2014 – 2012/0279(NLE)) - ***

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Sandrine Bélier

Proċedura : 2012/0279(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0061/2014
Testi mressqa :
A7-0061/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

(06852/2013 – C7‑0005/2014 – 2012/0279(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill (06852/2013),

–       wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, mehmuż mal-abbozz imsemmi hawn fuq għal deċiżjoni tal-Kunsill,

–       wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0005/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0061/2014),

1.      Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Waqt is-Summit Internazzjonali dwar il-Bijodiversità li sar fid-29 ta' Ottubru 2010 f'Nagoya, il-Ġappun, il-pajjiżi li huma Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) addottaw tliet ftehimiet storiċi biex jiġġieldu t-telf tal-bijodiversità: il-Protokoll ta' Nagoya, il-pjan strateġiku dinji għall-bijodiversità għall-2011-2020 u l-ħolqien tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES).

Il-Protokoll ta' Nagoya huwa trattat internazzjonali li jiffoka fuq l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom, u mindu sar ġie ffirmat minn 92 pajjiż, fosthom l-Unjoni Ewropea u 26 Stat Membru. Huwa jistabbilixxi sistema internazzjonali biex issostni wieħed mit-tliet objettivi tas-CBD, dak tal-qsim tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi sabiex ikunu jistgħu jseħħu l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli tagħha. Dan il-ftehim importanti fil-governanza internazzjonali tal-bijodiversità huwa r-riżultat ta' negozjati twal sa mill-adozzjoni tas-CBD fl-1992 f'Rio de Janeiro.

Huwa ftehim li ntlaħaq fil-kuntest tal-kriżi dinjija tal-bijodiversità, kriżi li kull ma jmur qed taċċelera aktar bir-riżultat li qed jitnaqqsu dejjem aktar il-forom ta' ħajja. Illum speċi minn kull tlieta qed tiffaċċja t-theddida tal-estinzjoni (IUCN, 2012) u ekosistemi kumplessi li jaqdu rwol importanti permezz tas-servizzi li jagħtu lill-umanità, kulma ma jmur dejjem qed ikunu soġġetti iktar għal pressjoni massiva mill-bnedmin. Sabiex inreġġgħu lura din it-tendenza u nippreservaw din il-bijodiversità li hija vitali għas-soċjetajiet tagħna, jeħtieġ li r-riżorsi neċessarji - l-aktar dawk finanzjarji - jiġu mobilizzati kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak lokali. Il-Protokoll ta' Nagoya għandu l-għan li jaqdi parti biex dan iseħħ.

Il-Protokoll ta' Nagoya huwa bbażat fuq tliet pilastri: l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi, il-qsim tal-benefiċċji u r-rispett tal-obbligi.

L-ewwel nett, l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi huwa kwistjoni tas-sovranità tal-Istati. L-Istati se jkollhom jintroduċu miżuri nazzjonali sabiex jiżguraw ċertezza ġuridika permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u l-ħruġ ta' permess jew ekwivalenti tiegħu meta jingħata l-aċċess. L-intenzjoni wara dan kollu hija l-promozzjoni tar-riċerka u l-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi "in situ".

Il-partijiet huma mbagħad impenjati li jiżguraw il-qsim tal-benefiċċji jew il-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi u l-applikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni sussegwenti tagħhom. It-terminu "użu" jkopri l-attivitajiet tar-riċerka u tal-iżvilupp dwar il-kompożizzjoni ġenetika u/jew bijokimika tar-riżorsi ġenetiċi. Il-qsim tal-benefiċċji huwa soġġett għal termini miftiehma permezz ta' qbil reċiproku fil-forma ta' kuntratt stabbilit bejn il-fornitur u l-utent. Il-benefiċċji jistgħu jkunu monetarji, bħalma huma d-drittijiet, jew mhux monetarji, bħall-qsim tar-riżultati tar-riċerka jew it-trasferiment tat-teknoloġija. Il-Protokoll ta' Nagoya jipproponi wkoll il-ħolqien ta' mekkaniżmu multilaterali dinji għat-trattament tal-qsim tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi li jinsabu fiż-żoni transfruntiera jew f'sitwazzjonijiet fejn mhuwiex possibbli li jinkiseb il-kunsens infurmat minn qabel. Il-benefiċċji maqsuma permezz ta' dan il-mekkaniżmu għandhom jaqdu parti fil-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika fid-dinja kollha.

Fl-aħħar, il-Protokoll jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi maħsuba biex jiżguraw ir-rispett tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti li jipprovdu riżorsi ġenetiċi, u obbligi kuntrattwali li jinsabu fit-termini miftiehma permezz ta' ftehim reċiproku. Permezz ta' dawn il-miżuri, il-Partijiet għandhom għalhekk jiżguraw li r-riżorsi ġenetiċi użati nkisbu b'mod legali b'kuntratt ta' qsim tal-benefiċċji stabbilit kif xieraq. Għal dan, huma għandhom jistabbilixxu sistema ta' sorveljanza u kontroll effikaċi u jiżguraw kooperazzjoni ġudizzjarja.

Il-Protokoll ta' Nagoya jiżgura aktar ċertezza ġuridika u iktar trasparenza, kemm għall-fornituri kif ukoll għall-utenti tar-riżorsi ġenetiċi. Huwa jgħin biex jiġi żgurat li l-benefiċċji qegħdin jinqasmu u joħloq kundizzjonijiet ta' aċċess aktar prevedibbli għar-riżorsi ġenetiċi. Billi jżid iċ-ċertezza ġuridika u jippromwovi l-qsim tal-benefiċċji, il-Protokoll ta' Nagoya jħeġġeġ l-iżvilupp tar-riċerka dwar ir-riżorsi ġenetiċi, li jista' jwassal għal sejbiet ġodda li jkunu ta' benefiċċju għal kulħadd. Barra minn hekk, il-Protokoll ta' Nagoya joħloq inċentivi għall-preservazzjoni "in situ" tar-riżorsi ġenetiċi u għall-użu b'mod sostenibbli biex b'hekk iżid il-kontribuzzjoni tal-bijodiversità għall-iżvilupp u l-benessri tal-bniedem.

L-UE għandha rwol ċentrali fl-użu tar-riżorsi ġenetiċi, kemm permezz tal-ħafna kollezzjonijiet u ċentri ta' riċerka tagħha kif ukoll permezz tal-industriji kbar tagħha tal-utenti. Aċċess sostenibbli għar-riżorsi ġenetiċi huwa għalhekk kruċjali u għandu jissaħħaħ permezz ta' fiduċja akbar fis-sħab internazzjonali tagħna u qafas leġiżlattiv ċar dwar l-użu.

Il-Protokoll ta' Nagoya se jidħol fis-seħħ ftit wara li 50 Stat ikunu rratifikawh. Huwa għalhekk essenzjali li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha jirratifikawh malajr kemm jista' jkun sabiex l-UE tkun tista' żżomm ir-rwol ta' tmexxija u tkun preżenti għall-ewwel negozjati li se jsiru matul il-Konferenza tal-Partijiet li jmiss fl-2014.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija hawn fuq, ir-Rapporteur tirrakkomanda li l-Parlament Ewropew jaqbel mar-ratifikazzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya mill-Unjoni Ewropea.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (30.5.2013)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
(COM(2012)0577 – C7-0000/2013 – 2012/0279(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: José Bové

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li qed tiġi kkunsidrata tirrigwarda l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (minn issa ’l quddiem il-‘Protokoll ta’ Nagoya’), li ġie addottat f’Ottubru tal-2010. Il-Protokoll ta’ Nagoya huwa l-kontinwazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) preċedenti, li diġà hija fis-seħħ. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fih deskrizzjoni ħafifa tar-regoli għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji (AQB); il-Protokoll ta’ Nagoya lil dawn jagħtihom sostanza, filwaqt li essenzjalment joħloq reġim internazzjonali għall-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji.

L-Unjoni Ewropea u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tagħha ffirmaw il-Protokoll ta’ Nagoya, li jirrikjedi 50 ratifika bil-għan li jidħol fis-seħħ, ħaġa li mistennija tiġri fl-2014. Hija ħaġa naturali li l-Istati Membri, li wettqu rwol importanti fit-tiswir tal-Protokoll ta’ Nagoya, għandhom jiċċaqilqu malajr biex jirratifikawh. Ir-rapporteur għal opinjoni jappoġġja l-Protokoll ta’ Nagoya u jixtieq li malajr jara r-ratifika tiegħu.

Fl-opinjoni separata tiegħu dwar ir-regolament propost li jimplimenta l-Protokoll ta’ Nagoya fl-Unjoni [referenzi: COM(2012)576 final u 2012/0278 (COD)] ir-rapporteur jipproponi xi emendi maħsuba biex jagħmlu r-regolament futur aktar effettiv. Għal spjegazzjoni sħiħa tar-rapporteur għall-pożizzjoni tal-opinjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya fl-Unjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta l-‘ġustifikazzjoni qasira’ korrispondenti, li mhijiex riprodotta hawnhekk.

******

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Robert Dušek, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Mairead McGuinness, James Nicholson, Wojciech Michał Olejniczak, Marit Paulsen, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Ewald Stadler, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marian Harkin, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Jens Nilsson

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (30.5.2013)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
(COM(2012)0577 – C7 – 2012/0279(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Catherine Grèze

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li ġiet iffinalizzata matul is-Samit dwar id-Dinja f’Rio fl-1992, stabbilixxiet il-prinċipji segwenti fl-Artikolu 15 tagħha:

-  l-Istati għandhom drittijiet sovrani fuq ir-riżorsi bijoloġiċi tagħhom,

-  l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi jeħtieġ kunsens informat minn qabel u għandu jingħata skont il-patti bi qbil reċiproku,

-  il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi għandhom jiġu kondiviżi b’mod ġust u ekwu mal-pajjiż li qed jipprovdi r-riżorsi.

Is-CBD irreferiet ukoll għall-għarfien tradizzjonali tal-komunitajiet indiġeni u lokali dwar l-użu ta’ riżorsi bijoloġiċi u għall-qsim ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ tali għarfien.

Fil-prattika madankollu s-CBD kellha ftit effett. Għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ tas-CBD, bdew in-negozjati fuq protokoll dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji. Dawn in-negozjati ġew konklużi fl-2010 u rriżultaw fil-Protokoll ta’ Nagoya, li issa ġie ffirmat mill-UE u l-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-Protokoll ta’ Nagoya fih dispożizzjonijiet li huma intiżi sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar prevedibbli għall-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi; jiżguraw il-qsim tal-benefiċċji bejn l-utenti tar-riżorsi ġenetiċi u dawk li jipprovduhom, u fl-aħħar nett, jiżguraw li jintużaw biss riżorsi ġenetiċi miksuba b'mod legali fir-rigward tal-Kunsens Informat Minn Qabel u l-Patti bi Qbil Reċiproku. Abbażi ta' dan, il-Protokoll ta' Nagoya huwa strument importanti biex tiġi miġġielda l-bijopiraterija.

Aktar minn għoxrin sena wara l-finalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, wasal il-mument li jinħoloq qafas għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tagħha dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji, filwaqt li jingħata kontribut għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, b'mod konformi mal-objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Fid-dawl tat-tnax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li se tinżamm f’Ottubru 2014 fil-Korea t’Isfel, hemm bżonn li dan il-Protokoll jiġi ratifikat u jidħol fis-seħħ malajr u li jiġi adottat regolament tal-UE li jimplimenta dan il-Protokoll.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Charles Goerens, Mikael Gustafsson, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Bill Newton Dunn, Andreas Pitsillides, Maurice Ponga, Jean Roatta, Alf Svensson, Keith Taylor, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Philippe Boulland, Emer Costello, Isabella Lövin, Cristian Dan Preda

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.7.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Lajos Bokros, Franco Bonanini, Biljana Borzan, Nessa Childers, Yves Cochet, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Corinne Lepage, Linda McAvan, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andrés Perelló Rodríguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Glenis Willmott, Sabine Wils

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Erik Bánki, Gaston Franco, James Nicholson, Vittorio Prodi, Britta Reimers, Alda Sousa, Struan Stevenson, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Anna Záborská