RAPPORT dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba: għodda ġdida għall-proċedura ta’ kwittanza mtejba tal-Kummissjoni Ewropea

30.1.2014 - (2013/2172(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Michael Theurer

Proċedura : 2013/2172(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0068/2014
Testi mressqa :
A7-0068/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba: għodda ġdida għall-proċedura ta’ kwittanza mtejba tal-Kummissjoni Ewropea

(2013/2172(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra r-rapporti ta’ evalwazzjoni adottati mill-Kummissjoni fl-2012 u l-2013 (COM(2012)0040, COM (2012)0675 u COM(2013)0461),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0068/2014),

A.     billi l-evalwazzjoni hija għodda mmirata biex jiġu identifikati u mifhuma r-riżultati u l-impatt ta’ proċess u jiġu identifikati alternattivi biex jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet li kieku jwassal għal titjib ulterjuri ta' dak il-proċess;

B.     billi l-awditjar m'għandux jiġi konfuż mal-evalwazzjoni, għaliex l-evalwazzjoni hija kompetenza tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni filwaqt li l-awditjar huwa r-responsabbiltà tal-korpi tal-awditjar;

C.     billi l-evalwazzjoni tar-riżultati u l-awditjar tal-prestazzjoni jiddependu fuq l-objettivi stabbiliti fl-istadju l-aktar bikri fil-livell ta’ programmazzjoni;

D.     billi, fil-preżentazzjoni tiegħu tal-abbozz tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid f’Ġunju 2011, il-President Barroso talab biex id-deċiżjonijiet tal-baġit isiru "mhux permezz ta’ intestaturi tradizzjonali ġġenerati mill-burokrazija imma f’termini ta’ fatti u għanijiet [...] biex jiġi sfruttat kull Euro minfuq";

E.     billi, minkejja l-impenn tal-Kummissjoni għall-prestazzjoni, l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività xorta għadu l-prinċipju fundamentali fl-abbozzar tal-baġit tal-Unjoni;

F.     billi, fit-3 ta’ Lulju 2013, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri biex jeżaminaw il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ baġit ibbażat fuq il-prestazzjoni u jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni skedat f’dan ir-rigward;

1.      Jirrimarka li, bis-saħħa tal-fokus tiegħu fuq il-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba, ir-rapport ta’ evalwazzjoni introdott taħt l-Artikolu 318 TFUE jikkomplementa l-approċċ ta’ konformità żviluppat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Kapitoli 1 sa 9 tar-rapport annwali tagħha u jagħti lill-Parlament l-opportunità li jeżerċita b'mod aktar effettiv il-poter tiegħu ta' skrutinju politiku fuq l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi Ewropej;

2.      Ifakkar li l-kwittanza hija proċedura politika li tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni taħt ir-responsabilità tagħha stess u f'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

3.      Ifakkar li, fis-17 ta' April 2013, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni timmodifika l-istruttura tar-rapport ta’ evalwazzjoni previst mill-Artikolu 318, "billi tiddistingwi l-politiki interni minn dawk esterni u tiffoka, fi ħdan it-taqsima relatata mal-politiki interni, fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 [waqt li] tqiegħed l-enfasi fuq il-progress li sar fil-ksib tal-inizjattivi emblematiċi"[1];

4.      Ifakkar ukoll li l-ftehim interistituzzjonali li jakkumpanja l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) jispeċifika li “il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn il-politiki interni, iffukati fuq l-istrateġija Ewropa 2020, u l-politiki esterni u għandha tuża aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni, inkluż riżultati tal-verifika tal-prestazzjoni, biex tevalwa l-finanzi tal-Unjoni skont ir-riżultati miksuba”;

5.      Jinnota li l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività għadu l-prinċipju fundamentali fit-tfassil tal-baġit tal-Unjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-rapport annwali tagħha tal-2012, tikkonkludi li għal bosta oqsma tal-baġit tal-UE l-qafas leġiżlattiv huwa kumpless u li l-enfasi fuq il-prestazzjoni hi insuffiċjenti, u jiddispjaċih li l-proposti dwar l-agrikoltura u l-koeżjoni għall-perjodu ta' pprogrammar 2014–2020 baqgħu fundamentalment ibbażati fuq l-input (orjentati lejn in-nefqa) u għalhekk għadhom iffokati fuq il-konformità mar-regoli aktar milli fuq il-prestazzjoni;

6.      Jilqa' l-fatt li fl-aħħar rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba (COM(2013)0461) il-Kummissjoni aċċettat diversi rakkomandazzjonijiet li saru mill-Parlament fid-deċiżjoni tiegħu li jagħti kwittanza;

7.      Jiddeplora, madankollu, l-fatt li minflok ma ffokat fuq il-ksib tal-objettivi prinċipali tal-Unjoni, u l-effettività tal-politiki tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet firxa ta’ sommarji ta’ evalwazzjoni li jkopru l-programmi tal-UE fl-oqsma ta’ politika kollha tal-infiq taħt il-QPF attwali, skont l-intestaturi baġitarji attwali;

8.      Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri evalwat t-tieni u t-tielet rapport ta' evalwazzjoni u waslet għall-konklużjoni li, filwaqt li kien hemm titjib, ir-rapporti għadhom ma jipprovdux biżżejjed evidenza ta' dak li kisbu l-politiki tal-UE li tkun ukoll rilevanti u affidabbli biżżejjed sabiex tintuża fil-proċedura ta' kwittanza;

9.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża informazzjoni speċifika dwar il-kisbiet tal-Istati Membri fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-kisbiet finanzjarji tal-Unjoni;

10.    Jinsisti li r-rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja m’għandux jipproduċi sett ieħor ta’ evalwazzjonijiet parzjali, sew jekk isiru f’nofs it-terminu, kif ukoll jekk isiru fl-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni;

11.    Jirrimarka li l-awtorità tal-baġit teħtieġ, kull sena, viżjoni ċara tal-livell reali sa fejn ikunu nkisbu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni, li għandha tiġi pprovduta, fl-ewwel pass, permezz ta' evalwazzjoni tal-programmi finanzjarji ewlenin u, fit-tieni pass, evalwazzjoni trażversali, skont id-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq operattiv tal-programmi[2] li tivvaluta sa liema punt il-programmi kkontribwixxew għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

12.    Iqis li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni għandha tkun sors ta’ informazzjoni u ispirazzjoni għall-Qorti tal-Awdituri; jitlob lill-Qorti biex ta' kull sena tawditja l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, biex tirrapporta dwaru lill-Parlament fir-rapport annwali tagħha u li tikkunsidrah meta tiddefinixxi l-programm tagħha għall-awditjar tal-prestazzjoni;

13.    Jistieden lill-Qorti tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress li sar mill-Kummissjoni fit-tfassil t-tħaddim tal-proċessi tagħha għall-ġestjoni tar-riskju, il-governanza u l-kontroll intern bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni b'mod trasparenti u responsabbli, u biex din tifformula r-rakkomandazzjonijiet tagħha jekk tiltaqa' ma' xi nuqqasijiet;

14.    Jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 318, kif stabbilit fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni (SWD(2013)0229), u b’mod partikolari, japprezza l-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 318 jinkorpora tagħrif dwar il-prestazzjoni mill-pjanijiet ta’ ġestjoni, ir-rapporti annwali tal-attività u r-rapport ta’ sinteżi, kif mitlub mill-Parlament fl-2013;

15.    Jilqa’ wkoll il-fatt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tistruttura u tibbaża r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha fuq il-qafas ta’ prestazzjoni l-ġdid għall-QFP li jmiss;

16.    Jirrimarka li qafas ta’ prestazzjoni bħal dan għandu jħaddan it-tliet elementi prinċipali li ġejjin: il-ksib tal-objettivi (riżultati) tal-programm, il-ġestjoni tajba tal-programm mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u kif ir-riżultati tal-programm u l-ġestjoni tajba jikkontribwixxu għall-objettivi prinċipali tal-Unjoni;

17.    Jenfasizza li din il-valutazzjoni ta' prestazzjoni tista' ssir biss f'oqsma fejn l-UE teżerċita responsabbiltà politika reali u fejn tista' effettivament teżerċita influwenza sinifikanti;

18.    Jinsisti dwar il-ħtieġa li d-data miksuba mill-proċess ta’ evalwazzjoni tiġi aggregata fil-livell globali, u, fir-rigward tal-politiki interni, skont ir-relazzjoni mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 318 TFUE, qabel it-30 ta' Ġunju tas-sena li tiġi wara s-sena finanzjarja li tkun is-suġġett tal-evalwazzjoni;

*

*         *

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

  • [1]           Ara d-deċiżjoni tal-Parlament dwar "il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi", Testi adottati, P7_TA(2013)0122.
  • [2]           Ara l-"Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014: Dokument ta' Ħidma Taqsima I - Id-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq operattiv tal-programmi", COM(2013)0450, Ġunju 2013

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) żied strument ġdid fis-sett ta’ għodod tal-kwittanza tal-baġit: l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba. Skont l-Artikolu 318 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport annwali f’dan ir-rigward.

Peress li jiffoka fuq il-prestazzjoni finanzjarja, dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni jikkomplementa l-approċċ ta’ konformità żviluppat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-Kapitoli 1 sa 9 tar-rapport annwali tagħha. Dan joffri lill-Parlament Ewropew l-opportunità li jivvaluta l-kisbiet tal-politika u l-legalità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. Din il-bidla tiffaċilita wkoll it-tranżizzjoni mill-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività għal ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni.

1.  Iż-żewġ pilastri tal-kwittanza tal-KE: konformità u prestazzjoni

L-għan ewlieni tal-proċedura ta' kwittanza hu li tivverifika jekk il-fondi tal-Unjoni Ewropea ġewx ġestiti b'mod korrett, u biex kull sena taċċerta li d-dħul u l-infiq kollu tal-Unjoni, il-bilanċ li jirriżulta u l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni jidhru fil-karta bilanċjali[1].

Skont l-Artikolu 287 tat-Trattat, il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’mod legali u regolari u jekk il-ġestjoni finanzjarja kinitx tajba. Meta tagħmel dan, għandha tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għal każijiet ta’ irregolarità.

· L-awditjar tad-dħul għandu jsir abbażi kemm tal-ammonti stabbiliti bħala dovuti kif ukoll ta’ dawk l-ammonti li ġew realment imħallsa lill-Unjoni.

· L-awditjar tal-infiq għandu jsir abbażi kemm tal-impenji assunti kif ukoll tal-pagamenti magħmula.

Id-deċiżjoni tal-Parlament li jagħti, jipposponi jew jirrifjuta l-kwittanza hija primarjament, għalkemm mhux esklużivament, ibbażata fuq l-awditjar tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li teżamina l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti;

Iżda meta jagħti l-kwittanza, il-Parlament għandu jevalwa mhux biss ir-regolarità imma wkoll il-prestazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja fl-Unjoni Ewropea.

Il-Parlament jeżamina wkoll ir-rapport annwali abbozzat mill-Kummissjoni dwar il-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba (il-prestazzjoni tal-Unjoni), u r-rapporti speċjali adottati mill-Qorti tal-Awdituri li jiffokaw fuq il-ġestjoni tajba f’setturi jew politiki differenti. Peress li dawn ir-rapporti jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja, dawn jagħtu bidu b’mod sistematiku għal dibatittu dwar jekk l-atturi fil-politiki Ewropej għandhomx il-mezzi u l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom biex jilħqu l-objettivi definiti mill-korpi politiċi tal-Unjoni.

2.  Id-differenza bejn awditjar u evalwazzjoni

L-awditjar u l-evalwazzjoni huma t-tnejn kunċetti użati għall-valutazzjoni tal-prodotti u l-prestazzjoni u għandhom importanza ndaqs għal organizzazzjoni. Madankollu, huma differenti minn xulxin b’mod sinifikanti.

L-evalwazzjoni hija għodda ta’ tagħlim peress li dejjem titwettaq fin-nofs jew fl-aħħar tal-proċess. Din tidentifika u tfiehem ir-riżultati u l-impatti ta’ proċess u tidentifika alternattivi biex jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet, li kieku jwassal għal titjib ulterjuri tal-proċess. Peress li hija għodda ta’ ġestjoni huwa f’idejn il-Kummissjoni biex tagħmel l-aħjar użu minnha.

L-awditjar jista' jiġi definit bħala attività ta' assigurazzjoni indipendenti mfassla bl-għan li żżid il-valur u ttejjeb il-funzjonament u l-operazzjonijiet ta' organizzazzjoni partikolari. Dan jitwettaq sabiex jitjiebu l-proċessi ta’ kontroll u governanza f’organizzazzjoni u wkoll biex tiġi eżaminata l-effiċjenza tal-ġestjoni tar-riskju.

L-evalwazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja tal-Unjoni m’għandhiex tiġi mfixkla mal-awditjar tal-prestazzjoni; l-evalwazzjoni hija kompetenza tal-Kummissjoni filwaqt li l-awditjar estern huwa r-responsabbiltà tal-Qorti. L-evalwazzjoni tar-riżultati u l-awditjar tal-prestazzjoni jiddependu fuq l-objettivi stabbiliti fl-istadju l-aktar bikri fil-livell tal-ippjanar.

L-obbligu ta’ rendikont huwa essenzjali fiż-żewġ eżerċizzji. L-evalwazzjoni tistaqsi jekk ir-riżultati nkisbux jew le u x’inhuma r-raġunijiet wara s-suċċess jew il-falliment tal-proċess ikkunsidrat.

L-awditjar jiffoka fuq is-suċċess tal-qafas tal-operazzjonijiet, tal-programm u tal-ġestjoni u fuq kemm huwa xieraq u jipprovdi assigurazzjoni għall-prattiki ta’ ġestjoni fl-organizzazzjonijiet li jirrispettaw il-prinċipju tal-effiċjenza, l-effikaċja u l-ekonomija.

3.  Ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività kontra bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni

L-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività huwa definit bħala metodu ta’ bbaġitjar ibbażat fuq attivitajiet u li juża d-data dwar l-ixpruni tal-kost fil-proċessi tal-istabbiliment tal-baġit u tal-feedback tal-varjanza. F’dan il-kuntest, l-attivitajiet huma essenzjali peress li jixprunaw il-kostijiet. Jekk nistgħu nikkontrollaw il-kawżi (l-ixpruni) tal-kostijiet, mela l-kostijiet għandhom jiġu ġestiti u mifhuma aħjar.

Ir-riformi Kinnock tal-bidu tas-snin 2000 introduċew ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività u ġestjoni bbażata fuq l-attività, rapporti ta’ attività ffirmati mill-Uffiċjali awtorizzanti b’delega u r-riforma tal-awditjar intern kif ukoll kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti. L-idea prinċipali wara dawn ir-riformi kienet li tiġi żviluppata ġerarkija ċara mill-objettivi tal-politika, għar-riżorsi ddedikati għall-attivitajiet biex dawn jinkisbu, sal-indikaturi ta’ prestazzjoni biex jiġi kkontrollat il-ksib. Iżda r-realità fil-prattika hija differenti ħafna.

L-ewwel nett, għalkemm il-Kummissjoni reġgħet irranġat il-baġit skont l-attivitajiet fl-2003/2004, din il-klassifikazzjoni segwiet b’mod prinċipali l-istruttura organizzattiva tal-amministrazzjoni u żammet għadd kbir ta’ linji baġitarji. Barra minn hekk, l-objettivi għall-attivitajiet għadhom mhumiex verament parti mid-dibatittu tal-baġit imma huma ppreżentati f’dikjarazzjonijiet ta’ attività separati (ara wkoll id-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi tan-nefqa operattiva għall-2014). Fl-aħħar nett, l-istruttura l-ġdida tal-baġit ma ġietx allinjata bis-sħiħ mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Kull intestatura tal-QFP fiha diversi attivitajiet u ħafna attivitajiet individwali huma mifruxa fuq diversi intestaturi tal-QFP. B’konsegwenza ta’ dan, in-negozjati fil-PE u l-Kunsill iduru madwar il-marġnijiet tal-intestaturi tal-QFP u ma ppenetrawx fil-fond wisq fid-dinja tal-objettivi tal-ABB, l-indikaturi ta’ prestazzjoni u r-riżultati mkejla (il-PE, 2007:3).

F’Diċembru 2010, bosta kapijiet ta' stat mill-Unjoni Ewropea bagħtu ittra lis-Sur Barroso fejn iddikjaraw li “l-isfida għall-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin mhijiex li nonfqu aktar, imma li nonfqu aħjar.”

Fil-preżentazzjoni tiegħu tal-abbozz tal-Kummissjoni għall-QFP il-ġdid f’Ġunju 2011, is-Sur Barroso ta r-reazzjoni għal din id-domanda billi talab biex id-deċiżjonijiet tal-baġit jsiru “mhux permezz ta’ intestaturi tradizzjonali ġġenerati mill-burokrazija u l-kostitwenza imma f’termini ta’ fatti u għanijiet […] biex jiġi sfruttat kull Euro minfuq.”

Minn dakinhar, il-Kummissjoni ġeddet l-impenn tagħha għall-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni u r-riżultati. Il-prinċipji l-ġodda tal-QFP jiffokaw fuq l-għoti ta’ prijoritajiet ta’ politika ewlenin, valur miżjud u fuq l-impatti u r-riżultati. Skont l-Art. 30§ 3 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid, objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, li huma rilevanti u bi skadenza għandhom ikunu stabbiliti għas-setturi kollha tal-attività koperta mill-baġit. Il-bażijiet ġuridiċi l-ġodda tal-proposti għall-politiki l-ġodda kienu akkumpanjati minn objettivi u indikaturi.

4.  Ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni

Minkejja dawn il-kisbiet u l-impenji għall-prestazzjoni, l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività xorta għadu l-prinċipju fundamentali fl-abbozzar tal-baġit tal-Unjoni.

Madankollu, saru żviluppi riċenti fil-qasam tal-kontroll tal-baġit li taw spinta lil din it-tendenza l-ġdida għall-prestazzjoni.

Għall-ewwel darba, fl-2013 il-Parlament iggwida lill-Kummissjoni dwar kif din għandha tfassal ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE. Il-Parlament rabat il-prestazzjoni finanzjarja mal-objettivi politiċi tal-Unjoni.

Fit-3 ta’ Lulju 2013 il-Parlament talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri biex jeżaminaw il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ baġit ibbażat fuq il-prestazzjoni u jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni skedat f’dan ir-rigward.

Definizzjoni relattivament stretta hija li l-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni jalloka r-riżorsi fuq il-bażi tal-ksib ta’ eżiti speċifiċi li jistgħu jitkejlu (Fielding Smith 1999). Din tindika li għan jew sett ta’ għanijiet għandhom jinkisbu f’livell ta’ nfiq partikolari. Tidentifika r-relazzjonijiet bejn il-flus u r-riżultati, kif ukoll tispjega kif jinħolqu dawn ir-relazzjonijiet. Din id-definizzjoni toffri rabta mekkanistika razzjonali bejn il-miżuri ta’ prestazzjoni u l-allokazzjonijiet tar-riżorsi, bil-kapaċità li jiġi ddikjarat il-livell ta’ eżiti li jistgħu jinkisbu b’ammont addizzjonali ta’ riżorsi.

L-evalwazzjoni għandha rwol importanti fl-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni b’mod partikolari meta l-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni jkun akkumpanjat minn inċentivi jew prinċipji tal-baġit alternattivi li jobbligaw lill-awtorità tal-baġit biex kull sena teżamina mill-ġdid il-preċiżjoni tal-eżiti mkejla.

5.  Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 318 TFUE: esperjenzi bikrija u gwida mogħtija mill-PE u fil-IIA QFP

L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni dwar is-sena finanzjarja 2010 (COM(2012)0040) ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament bħala l-ewwel esperjenza. Madankollu, iddispjaċihom li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien limitat b’mod eċċessiv. It-tieni wieħed: ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2011 (COM(2012)0675) uża 118-il evalwazzjoni kkompletati fl-2011 bħala s-sors prinċipali ta’ informazzjoni relatata mal-prestazzjoni u esprima fil-qosor ir-riżultati tal-evalwazzjoni dwar il-programmi finanzjarji għal kull kwistjoni tal-intestatura baġitarja.

Gwida mogħtija mill-Parlament Ewropew

Fir-riżoluzzjoni tiegħu adottata fis-17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza tal-KE, il-Parlament irrikonoxxa ċertu progress imma ddispjaċih, madankollu, li dan ir-rapport ipprovda biss ġabriet fil-qosor ta’ diversi evalwazzjonijiet relatati ma’ programmi differenti u li jkopru perjodi ta’ żmien differenti, mingħajr l-ebda valutazzjoni komprensiva tar-riżultati miksuba fl-2011 mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-politiki tagħha.

Il-Parlament talab lill-Kummissjoni tiżviluppa kultura ġdida ta’ prestazzjoni, billi tiddefinixxi fil-pjan ta’ ġestjoni tagħha għadd ta’ miri u indikaturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Qorti tal-Awdituri f’termini ta’ rilevanza, komparabbiltà u affidabbiltà; fir-rapporti annwali ta’ attività tagħhom, is-servizzi għandhom ikejlu l-prestazzjoni tagħhom billi jesprimu fil-qosor ir-riżultati miksuba meta jikkontribwixxu għall-politiki prinċipali segwiti mill-Kummissjoni; din il-prestazzjoni ‘dipartimentali’ għandha tkun ikkomplementata minn evalwazzjoni globali tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni fir-rapport ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 318 TFUE.

B’konklużjoni, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni timmodifika l-istruttura tar-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi hawn fuq, billi tiddistingwi l-politiki interni minn dawk esterni u tiffoka, fit-taqsima relatata mal-politiki interni, fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 bħala l-objettiv prinċipali tal-politika tal-Unjoni; il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-enfasi fuq il-progress li jkun sar fil-ksib tal-inizjattivi emblematiċi[2].

Ftehim interistituzzjonali li jakkumpanja l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020

Il-IIA QFP jispeċifika li “fir-rapport ta’ evalwazzjoni previst mill-Artikolu 318 TFUE, il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn il-politiki interni, iffukati fuq l-Istrateġija Ewropa 2020, u l-politiki esterni u għandha tuża aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni, inkluż riżultati tal-verifika tal-prestazzjoni, biex tevalwa l-finanzi tal-UE skont ir-riżultati miksuba”;

6.  L-istruttura tar-rapport tal-Artikolu 318: intestaturi baġitarji kontra inizjattivi emblematiċi 2012

6.1.     Fl-aħħar rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba (COM(2013)0461) il-Kummissjoni aċċettat diversi rakkomandazzjonijiet li saru mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu li jakkumpanjaw id-deċiżjoni li jagħti kwittanza.

B’mod partikolari, issa r-rapport jiġi ppubblikat ferm aktar kmieni matul is-sena meta mqabbel mar-rapporti tal-2010 u l-2011 biex jiġi allinjat aħjar mal-adozzjoni tar-Rapport ta’ Sinteżi u biex jiġi żgurat li jkun disponibbli għall-awtorità tal-kwittanza fil-perspettiva tal-proċedura tal-kwittanza għas-sena rrapportata.

Ir-rapport jiddistingwi wkoll bejn il-programmi esterni u l-oħrajn kif mitlub mill-Parlament u jagħmel rabta bejn il-programmi u l-objettivi tal-istrateġija UE 2020.

6.2.     Imma minflok ma ffoka fuq il-ksib tal-objettivi prinċipali tal-Unjoni, l-aħħar rapport tal-Kummissjoni kopra programmi tal-UE mill-oqsma ta’ politika ta' nfiq tal-UE kollha tal-QFP attwali skont l-intestaturi baġitarji attwali. Barra minn hekk il-Kummissjoni diġà ddikjarat li se tiddeskrivi l-qafas għar-rapportar tal-prestazzjoni sal-aħħar tal-QFP li jmiss li jirriżulta mix-xogħol koleġiżlattiv dwar l-istrumenti ġuridiċi għall-ġenerazzjoni tal-programmi li jmiss.

M’hemmx dubju li dawn l-evalwazzjonijiet skont is-settur kieku jkunu utli ħafna imma jrid jiġi rrimarkat li waħda mir-raġunijiet għaliex il-fatti u r-riżultati rarament jintużaw fid-dibatittu tal-baġit hija preċiżament in-nuqqas ta’ kapaċità analitika u rieda politika li nitgħallmu mill-passat aktar milli niddiskutu l-futur. Kull sena, il-Kummissjoni tipproduċi għexieren ta’ eluf ta’ paġni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ attività, pjanijiet ta’ ġestjoni, u rapporti ta’ attività mingħajr sommarji konsistenti u konklużivi.

Ir-rapport dwar il-prestazzjoni finanzjarja m’għandux jipproduċi sett ieħor ta’ evalwazzjonijiet parzjali li jkunu saru, sew jekk f’nofs it-terminu kif ukoll jekk fl-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni.

L-awtorità tal-baġit teħtieġ viżjoni ċara tal-kisbiet reali tal-objettivi prinċipali tal-Unjoni u dawk min-natura tagħhom huma trażversali għall-intestaturi baġitarji.

Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni għandha tieħu l-objettivi li ddefinixxiet hija stess għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bis-serjetà. Barra minn hekk għandu jiġi nnutat li fid-dokument tagħha (COM(2013)0450) relatat mal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq operattiv tal-programmi għall-2014, il-Kummissjoni stess tistima li EUR 80 018,4 miljun, 57,6 % tal-Abbozz tal-baġit totali, huma marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020. Dawn ir-riżorsi jinqasmu skont inizjattivi emblematiċi kif ġej[3]

Għalhekk minflok tiġbor evalwazzjonijiet parzjali tal-programmi differenti skont l-intestaturi baġitarji, il-Kummissjoni għandha tagħżel approċċ differenti u tiffoka primarjament fuq il-ksib tal-objettivi tal-UE 2020 u b’mod partikolari fuq l-inizjattivi emblematiċi. Peress li jimmiraw biex jiksbu objettivi globali billi jikkumbinaw programmi differenti, koperti minn linji baġitarji differenti f’intestaturi baġitarji differenti, dawn jagħmlu aktar sens politikament.

6.3.     Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni minn issa ’l quddiem għandha bażi ġuridika reali fit-Trattat biex twettaq din l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni; għandha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed għodod biex tissodisfa l-obbligu legali tagħha, b’mod partikolari dawk ġejjin mill-arkitettura ta’ governanza interna tagħha; jiġifieri, il-pjanijiet ta’ ġestjoni, ir-rapporti annwali ta’ attività, is-sinteżi għall-ksib tal-evalwazzjoni.

In-nuqqas possibbli ta’ qafas ta’ evalwazzjoni konsistenti fl-istrumenti ġuridiċi differenti għall-ġenerazzjoni ta’ programmi li jmiss ma jistax ikun skuża biex jiġi varjat il-ksib tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja globali. Hemm il-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni bejn l-evalwazzjoni COM u l-awditjar tal-prestazzjoni tal-QEA - iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jippreparaw il-pjanijiet ta’ evalwazzjoni u awditjar annwali tagħhom b’mod ħafna aktar integrat.

6.4.     L-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni se tkun sors ta’ informazzjoni u ispirazzjoni għall-Qorti tal-Awdituri. Din tipprovdi lill-Qorti b’valutazzjoni oġġettiva u indipendenti tal-attivitajiet tal-Kummissjoni biex tiddetermina jekk ir-riżultati nkisbux u biex tispjega liema tagħlimiet jistgħu jittieħdu u jiġu applikati f’kuntesti oħra.

Il-Qorti tkun f’pożizzjoni biex tawditja b’mod globali l-proċess tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni imma wkoll biex tadotta f’dan il-kuntest il-programm tal-awditjar tal-prestazzjoni tagħha. Il-Qorti tipprovdi lill-Parlament b’valutazzjoni oġġettiva u indipendenti dwar jekk il-ġestjoni tar-riskju tal-Kummissjoni u l-proċessi ta’ governanza u kontroll intern kif imfassla u operati mill-Kummissjoni jipprovdux assigurazzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni.

Konklużjoni

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 318 TFUE jikkontribwixxi għall-kapaċità analitika tal-awtorità tal-baġit biex tislet lezzjonijiet adegwati mill-passat. Billi jiffoka fuq l-objettivi prinċipali tal-Unjoni kif definiti mill-Kummissjoni stess, dan għandu jipprovdi evalwazzjoni globali u li tagħmel sens politikament tal-politiki tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tispjega b’mod sempliċi, konċiż u globali kif l-infiq tal-UE jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi globali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-miri tal-inizjattivi emblematiċi tagħha. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rapport ta’ evalwazzjoni jidher bħala r-rabta nieqsa bejn l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-awditjar tal-prestazzjoni. Jikkontribwixxi wkoll biex isaħħaħ il-kultura ta’ prestazzjoni fil-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni u jipprepara l-passaġġ għal baġit realment ibbażat fuq il-prestazzjoni.

  • [1]           Il-kwittanza tal-baġit hija rregolata mill-Artikoli 319, 318, 317 u 287§ 1 tat-TFUE, issupplimentati mir-Regolament dwar ir-Regoli Finanzjarji applikabbli għall-Baġit Ġenerali (ir-Regolament 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012).
  • [2]        L-objettivi prinċipali tal-Unjoni: l-Istrateġija Ewropa 2020:
    L-Istrateġija Ewropa 2020, li tnediet mill-President Barroso fl-2010, hija l-proġett prinċipali tal-Kummissjoni, immirat biex jipprovdi tkabbir li jkun intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; din l-istrateġija hija ffokata fuq ħames għanijiet ambizzjużi, li jitkejlu permezz ta’ miri kwantifikati fl-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-faqar u l-klima/l-enerġija.
    L-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi mhijiex ibbażata fuq attivitajiet immexxija minn kull DĠ individwali imma tħaddan seba’ inizjattivi emblematiċi trażversali li kull darba jiġu implimentati minn diversi direttorati ġenerali u dan jirriżulta fi sfidi li jikkonċernaw il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni.
  • [3]           Emblema 1 Unjoni tal-Innovazzjoni: EUR 11 839, 3 miljun, Emblema 2: Żgħażagħ Attivi: EUR 4,044 3 miljun; Emblema 3: Aġenda Diġitali għall-Ewropa: EUR 3 385 6 miljun; Emblema 4 Ewropa effiċjenti fir-Riżorsi EUR 30 002, 5 miljun; Emblema 5: Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni: EUR 14 956, 0 million. Emblema 6: Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: EUR 10 110 3 miljun; Emblema 7- Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar: EUR 5680 5 miljun.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Zuzana Brzobohatá, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard, Michael Theurer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Chris Davies, Derk Jan Eppink, Vojtěch Mynář, Markus Pieper

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Władysław Zemke