RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

3.3.2014 - (COM(2013)0430 – C7‑0177/2013 – 2013/0202(COD)) - ***I

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Frédéric Daerden


Proċedura : 2013/0202(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0072/2014

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

(COM(2013)0430 – C7‑0177/2013 – 2013/0202(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0430),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0177/2013),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7‑0072/2014),

1.      Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal deċiżjoni

Kunsiderazzjoni 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149 u 14 tiegħu,

Emenda  2

Proposta għal deċiżjoni

Kunsiderazzjoni 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Wara li kkunsidraw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 29 u 36 tagħha,

Emenda  3

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew18 approva l-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija tal-Ewropa 2020 għal impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv19. Il-Kunsill Ewropew irrakkomanda mobilizzazzjoni sħiħa tal-istrumenti u l-politiki xierqa tal-UE għall-appoġġ biex jinkisbu l-objettivi komuni u ħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-azzjoni koordinata. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) għandhom rwol ċentrali biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata ta' impjiegi ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2020.

(1) Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew18 approva l-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija Ewropa 2020 għal impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv19. Il-Kunsill Ewropew irrakkomanda mobilizzazzjoni sħiħa tal-istrumenti u l-politiki xierqa tal-UE għall-appoġġ biex jinkisbu l-objettivi komuni u ħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-azzjoni koordinata. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) għandhom rwol ċentrali biex tintlaħaq il-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' rata ta' impjiegi ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2020, b'mod partikolari billi jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

__________________

__________________

18 Nru: EUCO 13/10 datata s-17/6/2010.

18 Nru: EUCO 13/10 datata s-17/6/2010.

19 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", COM(2010) 2020 tat-3 ta' Marzu 2010.

19 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", COM(2010) 2020 tat-3 ta' Marzu 2010.

Emenda  4

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali u bħala tali huma rregolati bl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikolu 29 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li "kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal servizz ta' impjieg mingħajr ħlas".

Emenda  5

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Dawn ir-rakkomandazzjonijiet igawdu aktar appoġġ b'bażi ta' evidenza mtejba, b'rispons dwar is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-politika u b'kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, in-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li se jiġi stabbilit skont din id-Deċiżjoni għandu jwettaq inizjattivi konkreti bħal sistemi tal-valutazzjoni komparattiva bbażati fuq evidenza komuni, attivitajiet tat-tagħlim reċiproku korrispondenti, għajnuna reċiproka bejn il-membri tan-netwerk u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet strateġiċi għall-immodernizzar tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. L-għarfien speċifiku tan-netwerk u tal-membri individwali tiegħu għandu jintuża wkoll biex jipprovdi, fuq talba tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) u l-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO), evidenza għall-iżvilupp tal-politiki dwar l-impjiegi.

(4) Dawk ir-rakkomandazzjonijiet igawdu aktar appoġġ bl-użu ta' bażi ta' evidenza mtejba, b'rispons dwar is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-politika u b'kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, in-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li se jiġi stabbilit skont din id-Deċiżjoni għandu jwettaq inizjattivi konkreti bħal sistemi tal-valutazzjoni komparattiva bbażati fuq evidenza komuni, attivitajiet tat-tagħlim reċiproku korrispondenti, għajnuna reċiproka bejn il-membri tiegħu u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet strateġiċi għall-immodernizzar tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. L-għarfien speċifiku tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u tal-membri tiegħu għandu jintuża wkoll biex jipprovdi, fuq talba tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO), il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (Kumitat EMPL) tal-Parlament Ewropew, evidenza għall-iżvilupp tal-politiki dwar l-impjiegi, b'enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-livell għoli ta' qgħad fost il-gruppi vulnerabbli u ż-żgħażagħ b'mod partikolari.

Emenda  6

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Il-laqgħa informali tal-ministri tal-EPSCO irrikonoxxiet li żieda f'kooperazzjoni aktar iffokata bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi twassal għal skambju aħjar tal-aħjar prattiki u talbet li ssir proposta ddettaljata dwar inizjattiva tat-"tagħlim komparattiv.

(5) Żieda f'kooperazzjoni aktar iffokata bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi twassal għal skambju aħjar tal-aħjar prattiki u għalhekk għandha tintalab proposta ddettaljata dwar inizjattiva tat-"tagħlim komparattiv".

Emenda  7

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi stabbilit skont din id-Deċiżjoni għandu jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EMCO abbażi tal-Artikolu 150 tat-TFUE u għandu jikkontribwixxi għall-ħidma tiegħu bħala fornitur tal-evidenza fattwali u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-politika. Il-kontribut tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi lill-Kunsill se jgħaddi mill-EMCO. B’mod partikolari, l-għarfien konġunt tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi dwar aspetti tat-twassil tal-politiki dwar l-impjieg u l-analiżi komparattiva tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jista' jkun ta' għajnuna għal min jieħu deċiżjonijiet politiċi kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell tal-Unjoni fil-valutazzjoni u t-tfassil tal-politiki dwar l-impjiegi.

(6) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li għandu jiġi stabbilit skont din id-Deċiżjoni għandu jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EMCO abbażi tal-Artikolu 150 tat-TFUE, partikolarment fil-livell tas-segretarjati rispettivi tagħhom, u għandu jikkontribwixxi għall-ħidma tal-EMCO bħala fornitur tal-evidenza fattwali u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-politika. Il-kontribut tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi lill-Parlament u lill-Kunsill għandu jgħaddi mill-EMCO, mingħajr ebda modifika, flimkien ma' kummenti meta jkun xieraq. B’mod partikolari, l-għarfien tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi dwar aspetti tat-twassil tal-politiki dwar l-impjieg flimkien mal-analiżi komparattiva magħmula mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jista' jkun ta' għajnuna għal min jieħu deċiżjonijiet politiċi kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell tal-Unjoni fil-valutazzjoni u t-tfassil tal-politiki dwar l-impjiegi, u dan jgħin biex jintlaħqu l-miri speċifiċi għall-pajjiżi u biex tingħata spinta lir-rata tal-impjieg, billi tiġi indirizzata l-problema ta' postijiet vakanti. L-EMCO jżomm ukoll lin-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi informat dwar l-attivitajiet tiegħu.

Emenda  8

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a) Il-proċeduri tal-politika pubblika huma kostitwiti minn fażi ta' ppjanar u fażi ta' implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bħala koleġiżlaturi, għandhom jikkunsidraw dawn iż-żewġ perspettivi. Filwaqt li l-EMCO jieħu ħsieb il-fażi ta' ppjanar, in-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jiffoka fuq il-fażi ta' implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi dwar l-impjieg. F'dan ir-rigward, l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-EMCO u n-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huwa essenzjali. Għalkemm l-EMCO għandu jkollu l-possibbiltà li jikkummenta dwar il-kontributi tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, m'għandux ikollu l-permess jemendahom. Bl-istess mod, m'għandux ikun hemm mekkaniżmu ta' approvazzjoni mill-EMCO tar-rapporti jew tal-programmi ta' ħidma annwali. Madankollu, is-segretarjati ta' dawn iż-żewġ entitajiet għandhom jikkooperaw mill-qrib.

Emenda  9

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-politika fil-qasam tal-impjiegi bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. In-netwerk jista’ jappoġġa wkoll inizjattivi li għandhom l-għan li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol, anki bi trasparenza aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki.

(7) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-politika fil-qasam tal-impjiegi bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jistabbilixxi u jikkondividi l-aħjar prattiki dwar l-identifikazzjoni ta' NEETs u dwar l-iżvilupp ta' inizjattivi biex ikun żgurat li dawn iż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol. In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jista’ jappoġġa wkoll inizjattivi li għandhom l-għan li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol, li jagħtu pariri lil min ifittex ix-xogħol dwar l-iskemi ta' taħriġ u l-edukazzjoni avvanzata, u li jippromwovu l-apprendistati u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, bi trasparenza aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki, li jissodisfaw il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tal-impjegaturi.

Emenda  10

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 7a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(7a) Fis-16 ta' Jannar 2013, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandha titqies fit-tfassil ta' kull test leġiżlattiv ġdid li jkollu impatt fuq is-suq tax-xogħol.

Emenda  11

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jirrinforza l-kooperazzjoni bejn il-membri tiegħu, jiżviluppa inizjattivi konġunti li jkollhom l-għan li jagħmlu skambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki fl-oqsma kollha koperti mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, jagħmel analiżi komparattiva u jagħti pariri kif ukoll jippromwovi approċċi innovattivi fit-twassil tas-servizzi tal-impjiegi. Permezz tat-twaqqif ta' dan in-netwerk se jkun jista' jsir paragun ibbażat fuq l-evidenza u orjentat lejn il-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kollha li jwassal għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki. B’dawn ir-riżultati, il-membri tan-netwerk għandhom ikunu jistgħu jiffurmaw it-tfassil u t-twassil tas-servizzi tal-impjiegi fi ħdan ir-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom. L-inizjattivi mwettqa min-Netwerk għandhom itejbu l-effettività tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u jippermettu nfiq pubbliku li jkun aktar effiċjenti.

(8) In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jirrinforza l-kooperazzjoni bejn il-membri tiegħu, jiżviluppa inizjattivi konġunti li jkollhom l-għan li jagħmlu skambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki fl-oqsma kollha koperti mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, jiżviluppa analiżi komparattiva u jagħti pariri kif ukoll jippromwovi approċċi innovattivi fit-twassil tas-servizzi tal-impjiegi. Permezz tat-twaqqif ta' dan in-netwerk se jkun jista' jsir paragun ibbażat fuq l-evidenza u orjentat lejn il-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kollha li jwassal għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u strutturi ta' ħidma tas-servizzi tal-impjieg fl-Istati Membri. Bil-kunsiderazzjoni ta' dawk ir-riżultati, il-membri għandhom ikunu jistgħu jiffurmaw it-tfassil u t-twassil tas-servizzi tal-impjiegi fi ħdan ir-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom, biex b'hekk jiġi żgurat tqabbil aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki ta' min ifittex xogħol mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi. L-inizjattivi mwettqa min-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandhom itejbu l-effettività tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u jippermettu nfiq pubbliku li jkun aktar effiċjenti. In-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandu jikkoopera wkoll ma' fornituri oħra ta' servizzi tal-impjieg.

 

Emenda  12

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 10

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Minħabba l-varjetà tal-mudelli, tal-kompiti u tal-forom tat-twassil tas-servizzi tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, huwa sta għal kull Stat Membru li jinnomina membru għall-Bord tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi mill-maniġment ta' livell għoli tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tiegħu. Meta applikabbli, il-membru għandu jirrappreżenta fil-Bord, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi l-oħra mill-Istat Membru. Il-membri maħtura għandu jkollhom il-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet f'isem l-organizzazzjoni li tibgħathom. Sabiex ikun żgurat l-involviment ta’ kull Servizz Pubbliku tal-Impjiegi fil-ħidmiet tan-Netwerk, l-attivitajiet għandhom ikunu miftuħa għal kull livell ta’ parteċipazzjoni.

(10) Minħabba l-varjetà tal-mudelli, tal-kompiti u tal-forom tat-twassil tas-servizzi tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, sta għal kull Stat Membru li jinnomina membru u membru supplenti wieħed jew aktar għall-Bord tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi mill-maniġment ta' livell għoli tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tiegħu. Meta applikabbli, il-membru u l-membri supplenti għandhom jirrappreżentaw fil-Bord, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi l-oħra mill-Istat Membru. Il-membri maħtura għandu jkollhom il-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet f'isem l-organizzazzjoni li tibgħathom. Sabiex ikun żgurat l-involviment ta’ kull Servizz Pubbliku tal-Impjiegi fil-ħidmiet tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-attivitajiet għandhom ikunu miftuħa għal kull livell ta’ parteċipazzjoni.

Emenda  13

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 10a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a) Sabiex ikun żgurat li l-kompiti komuni tas-Servizzi Publiċi tal-Impjiegi jkunu mqabbla sew mas-sitwazzjoni attwali fis-suq tax-xogħol, l-Eurostat għandu jkollu ċifri f'ħin reali tal-qgħad fil-livell 3 tan-NUTS.

Emenda  14

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – Titolu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Twaqqif

Skop

Emenda  15

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) madwar l-UE kollha minn hawn 'il quddiem in-Netwerk – huwa stabbilit għall-perjodu li jestendi mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. In-Netwerk se jwettaq l-inizjattivi kif definit fl-Artikolu 3.

Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) madwar l-Unjoni kollha ('in-Netwerk') għandu jiġi stabbilit għall-perjodu li jestendi minn [l-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea: sal-31 ta' Diċembru 2020. In-Netwerk għandu jwettaq l-inizjattivi kif stabbilit fl-Artikolu 3.

Emenda  16

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafi 2 u 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kif nominati mill-Istati Membri, u

(a) is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kif nominati minn kull Stat Membru, u

(b) l-Kummissjoni

(b) il-Kummissjoni

L-Istati Membri b’Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li huma reġjonali u awtonomi għandhom jiżguraw rappreżentanza adegwata fl-inizjattivi speċifiċi tan-Netwerk.

L-Istati Membri b’Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li huma lokali jew reġjonali u awtonomi għandhom jiżguraw rappreżentanza adegwata fl-inizjattivi speċifiċi tan-Netwerk u għandhom jidentifikaw l-awtorità pubblika relevanti inkarigata mit-twaqqif u l-ġestjoni tal-PES. Meta ma jkunx possibbli, għal raġunijiet kostituzzjonali, li tiġi identifikata awtorità pubblika waħda biss, l-Istat Membru għandu jidentifika l-awtoritajiet pubbliċi relevanti. Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed fin-Netwerk irrispettivament min-numru ta' servizzi ta' impjieg lokali jew reġjonali identifikati. Ir-rappreżentanti tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi nazzjonali għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-opinjonijiet u l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jitqiesu fl-attivitajiet tan-Netwerk u li dawk l-awtoritajiet jinżammu infurmati dwar l-attivitajiet tan-Netwerk.

Emenda  17

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 1a

 

Definizzjonijiet

 

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, tapplika d-definizzjoni li ġejja: 'tagħlim komparattiv' tfisser il-ħolqien ta' konnessjoni sistematika u integrata bejn l-attivitajiet ta' tqabbil u ta' tagħlim reċiproċi, li tinkiseb bl-identifikazzjoni ta' prestazzjoni tajba fis-setturi ta' attività ewlenin permezz ta' tqabbil ibbażat fuq indikaturi, l-identifikazzjoni tal-prattiki tajba u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki permezz tal-proċess ta' tagħlim;

Emenda  18

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, u l-miri ewlenin tagħha speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-impjiegi;

(a) għall-implimentazzjoni tal-politiki relevanti tal-Unjoni, inkluża l-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, u l-miri ewlenin tagħha speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-impjiegi, pereżempju permezz ta' aktar kooperazzjoni dwar inizjattivi speċifiċi għall-modernizzazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi;

Emenda  19

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt aa (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(a) għall-appoġġ tal-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli b'rati għoljin ta' qgħad, speċjalment il-ħaddiema kbar fl-età u ż-żgħażagħ NEET, permezz tal-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta' inizjattivi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

Emenda  20

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt ab (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ab) għall-promozzjoni ta' xogħol deċenti u sostenibbli;

Emenda  21

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) għall-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol fl-UE;

(b) għall-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol fl-Unjoni billi l-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi titqabbel mal-benchmarks relevanti;

Emenda  22

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt ba (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) għall-konnessjoni bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet tal-impjegati u tal-impjegaturi;

Emenda  23

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) għall-integrazzjoni aħjar tas-swieq tax-xogħol;

(c) għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u għall-integrazzjoni aħjar tas-swieq tax-xogħol;

Emenda  24

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d) għal aktar mobilità ġeografika u okkupazzjonali;

(d) għal aktar mobilità ġeografika u okkupazzjonali volontarja, mingħajr dumping soċjali, b'konformità mal-liġi relevanti tal-Unjoni;

Emenda  25

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt ea (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ea) għal aktar involviment tal-Istati Membri fit-tagħlim komparattiv għal implimentazzjoni aħjar tal-aħjar prattiki;

Emenda  26

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt eb (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(eb) għall-identifikazzjoni ta' lakuni fil-ħiliet u għall-għoti ta' informazzjoni dwar kemm huma kbar u fejn jinsabu;

Emenda  27

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt ec (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ec) għall-kontribuzzjoni għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni bl-għan li jitnedew inizjattivi politiċi tas-suq tax-xogħol li jsiru meħtieġa f'perjodu ta' żmien qasir;

Emenda  28

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) Jiżviluppa u jimplimenta sistemi tal-valutazzjoni komparattiva bbażati fuq l-evidenza mal-Ewropa kollha fost is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi abbażi tal-użu tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi biex jivvalutaw il-prestazzjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u biex jiġbru evidenza bil-għan li jistabbilixxu mutur adegwat għat-tagħlim reċiproku. Huwa għandu wkoll jipparteċipa b'mod attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet billi jaqsam dejta, għarfien u prattiki mal-oħrajn.

(a) jiżviluppa u jimplimenta sistemi ta' tagħlim komparattiv ibbażati fuq l-evidenza mal-Unjoni kollha fost is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi abbażi tal-użu tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi biex jivvalutaw il-prestazzjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u biex jiġbru evidenza mill-Istati Membri kollha bil-għan li jistabbilixxu mutur adegwat għat-tagħlim reċiproku. In-Netwerk għandu wkoll jipparteċipa b'mod attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet billi jaqsam dejta, għarfien u l-aħjar prattiki mal-oħrajn. L-objettiv qatt m'għandu jkun li tinħoloq klassifikazzjoni tal-prestazzjonijiet tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, iżda pjuttost għandu jkun li jiġi ffaċilitat it-tagħlim abbażi ta' metodoloġija komuni.

 

(Il-parti tal-emenda li tissostitwixxi "valutazzjoni komparattiva" b'"tagħlim komparattiv" tapplika fit-test kollu.)

Emenda  29

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) Jadotta u jimplimenta kunċett għall-immodernizzar u t-tisħiħ tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f’oqsma ewlenin.

(c) jadotta u jimplimenta kunċett għall-immodernizzar u t-tisħiħ tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f’oqsma ewlenin, b'konformità ma' objettivi soċjali usa' u billi jħeġġeġ it-tagħlim reċiproku u jtejjeb il-kapaċità u l-effiċjenza tas-servizzi.

Emenda  30

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d) Jipprepara rapporti fil-qasam tal-impjiegi, fuq it-talba jew tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

(d) jipprepara rapporti fil-qasam tal-impjiegi, fuq it-talba tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Parlament Ewropew jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

Emenda  31

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt e

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e) Jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta' politika fil-qasam tal-impjiegi.

(e) jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta' politika fil-qasam tal-impjiegi u f'dak soċjali.

Emenda  32

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt fa (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(fa) jistabbilixxi u jikkondividi l-aħjar prattiki dwar l-identifikazzjoni ta' NEETs u dwar l-iżvilupp ta' inizjattivi biex ikun żgurat li dawn iż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

Emenda  33

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt fb (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(fb) jivvaluta l-impatt tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri.

Emenda  34

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. In-Netwerk għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtar fir-rigward tal-inizjattivi 3.1.a u 3.1.b. Skont din id-dispożizzjoni, il-membri tan-netwerk għandhom jippreżentaw rapport lin-netwerk kull sena.

2. In-Netwerk għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtar fir-rigward tal-inizjattivi kollha elenkati fil-paragrafu 1. Skont dan il-mekkaniżmu, il-membri għandhom jippreżentaw rapport lin-Netwerk kull sena.

Emenda  35

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. In-Netwerk għandu jikkoopera mal-partijiet interessati tas-suq tax-xogħol inklużi fornituri oħra tas-servizzi tal-impjieg billi jinvolvihom f'attivitajiet rilevanti u f'laqgħat tan-Netwerk u billi jagħmel skambju magħhom tal-informazzjoni u tad-dejta.

1. In-Netwerk għandu jikkoopera, esklużivament fuq l-inizjattiva tiegħu, mal-partijiet interessati tas-suq tax-xogħol inklużi fornituri oħra tas-servizzi tal-impjieg, bħal, meta xieraq, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni qiegħda jew il-gruppi vulnerabbli, l-NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-impjieg, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, in-Netwerk Ewropew għall-Politika dwar l-Iggwidar Tul il-Ħajja, is-servizzi tal-impjiegi privati u l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol billi jinvolvihom f'attivitajiet rilevanti u f'laqgħat tan-Netwerk u billi jagħmel skambju magħhom tal-informazzjoni u tad-dejta.

Emenda  36

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 5 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) In-Netwerk għandu jitmexxa minn Bord li għalih kull Stat Membru għandu jinnomina membru wieħed u membru supplenti wieħed mill-maniġment ta' livell għoli tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tiegħu. Il-Kummissjoni għandha taħtar membru wieħed u membru supplenti wieħed għall-Bord. Il-membri supplenti għandhom jieħdu post il-membri kull meta jkun meħtieġ.

(1) In-Netwerk għandu jitmexxa minn Bord li għalih kull Stat Membru għandu jinnomina membru wieħed u membru supplenti wieħed mill-maniġment ta' livell għoli tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tiegħu, filwaqt li jirrispetta r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 u b'konformità mal-livell ta' ċentralizzazzjoni tal-kompetenzi għall-politika tal-impjieg fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha taħtar membru wieħed u membru supplenti wieħed għall-Bord. Il-membri supplenti għandhom jieħdu post jew jakkumpanjaw il-membri, mingħajr drittijiet tal-vot addizzjonali, kull meta jkun meħtieġ.

Emenda  37

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 5 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Il-Bord għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu permezz ta' deċiżjoni unanima li fost l-oħrajn tkun tinkludi l-arranġamenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra u l-mandat tal-President u l-Viċi Presidenti tan-netwerk. B'deċiżjoni meħuda mill-maġġoranza, il-Bord għandu jadotta l-programm ta’ ħidma annwali li jinkludi t-twaqqif ta' gruppi ta’ ħidma u l-arranġamenti tal-lingwa tal-laqgħat tan-Netwerk, u r-rapport annwali dwar in-netwerk li għandu jiġi ppubblikat.

3. Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu permezz ta' deċiżjoni unanima li fost l-oħrajn tkun tinkludi l-arranġamenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord u r-regoli għall-ħatra u l-mandat tal-President u l-Viċi Presidenti tan-Netwerk. B'deċiżjoni meħuda mill-maġġoranza, il-Bord għandu jadotta l-programm ta’ ħidma annwali li jinkludi r-regoli għat-twaqqif ta' gruppi ta’ ħidma, l-arranġamenti tal-lingwa tal-laqgħat tan-Netwerk, u r-regoli għall-komunikazzjoni tar-rapport annwali dwar in-netwerk. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew għall-valutazzjoni, u għandu jiġi ppubblikat.

Emenda  38

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 6 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas tal-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali, li l-approprjazzjonijiet tiegħu ta' kull sena għandha tawtorizzahom l-awtorità baġitarja fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju.

Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni, li l-approprjazzjonijiet tiegħu ta' kull sena għandha tawtorizzahom l-awtorità baġitarja fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju.

 

(Din l-emenda tapplika għat-test kollu. )

Emenda  39

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Adozzjoni ta' qafas ġenerali

Adozzjoni ta' qafas tekniku

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 dwar qafas ġenerali għat-twassil tal-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tagħlim reċiproku kif definit fl-Artikolu 3.1 inklużi l-metodoloġija, l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi bażiċi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-istrumenti tat-tagħlim tal-programm integrat tat-tagħlim reċiproku u t-termini għall-parteċipazzjoni f'dawn l-inizjattivi.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 dwar qafas tekniku għat-twassil tal-attivitajiet tat-tagħlim komparattiv u tat-tagħlim reċiproku kif definit fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(1), inklużi l-metodoloġija, l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi bażiċi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-istrumenti tat-tagħlim tal-programm integrat tat-tagħlim reċiproku u t-termini għall-parteċipazzjoni f'dawn l-inizjattivi. It-twettiq tal-bqija tal-attivitajiet kif definiti fl-Artikolu 3(1) għandu jkun ir-responsabbiltà tan-Netwerk.

 

(Il-parti tal-emenda li tissostitwixxi "ġenerali" b'"tekniku" tapplika fit-test kollu.)

Emenda  40

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 8 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Emenda  41

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jivvaluta sa liema punt in-netwerk ikkontribwixxa għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u jekk issodisfax il-kompiti tiegħu.

Sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jivvaluta sa liema punt in-netwerk ikkontribwixxa għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u jekk issodisfax il-kompiti tiegħu. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta għal rieżami ta' din id-Deċiżjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Kien hemm bidliet fil-kompiti u l-modi operandi tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi minħabba l-kriżi ekonomika u l-qgħad li ġġib magħha, iżda anke minħabba l-bidliet fis-swieq tax-xogħol nazzjonali li joriġinaw minn żviluppi u bidliet teknoloġiċi fid-domanda għax-xogħol u fil-karrieri (mobilità bejn setturi jew mobilità ġeografika, u l-interruzzjoni u l-bidu mill-ġdid tal-karrieri).

Wara li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jikkoordinaw aħjar il-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tagħhom fi ħdan l-Unjoni, l-istrumenti kollha li jistgħu jiġu mobilizzati sabiex l-Unjoni takkumpanja din it-trasformazzjoni għandhom jiġu mobilizzati.

Fl-ambitu tas-Semestru Ewropew, pereżempju, l-Istati Membri jqabblu l-orjentazzjonijiet tagħhom tal-politiki pubbliċi tal-impjieg, partikolarment mill-perspettiva baġitarja, sabiex jiġi definit liema huma adatti għal liema Stat Membru, skont is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu u dik tal-oħrajn, sabiex tintlaħaq iċ-ċifra stabbilita tal-Istrateġija UE 2020 (rata ta' impjieg ta' 75 % għall-persuni bejn l-20 u l-64 sena).

Madankollu, minbarra l-għażla strateġika ta' politika pubblika waħda pjuttost milli oħra, l-effikaċja ta' tali politiki tiddependi fuq l-implimentazzjoni korretta tagħhom, u huwa f'dan l-istadju li s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg jintervjenu.

Ir-Rapporteur jilqa' għalhekk l-inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni Ewropea li tagħti eżistenza formali lil netwerk preeżistenti ta' rappreżentanti ta' dawn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi nazzjonali, sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jqabblu, abbażi ta' dejta preċiża, l-effikaċja tal-miżuri fis-suq tax-xogħol li huma inkarigati li jimplimentaw fl-Istati Membri tagħhom.

Wara dan it-tqabbil, l-iżvantaġġi u d-dgħufijiet tad-diversi miżuri jkunu jistgħu jiġu identifikati u integrati mill-Istati Membri differenti, meta jkun xieraq, fil-kompiti tagħhom.

Għar-Rapporteur, din il-kooperazzjoni tista' tittejjeb b'mezzi differenti:

•   iż-żieda mal-objettivi, tal-attenzjoni partikolari meħtieġa għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-impjieg għal żmien twil jew il-ġlieda kontra d-dumping soċjali;

•   l-involviment tas-sħab soċjali u tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol;

•   il-kunsiderazzjoni tal-organizzazzjoni tal-kompetenzi fl-Istati Membri differenti.

Lil hinn minn dawn l-elementi bażiċi, f'livell aktar tekniku, ir-Rapporteur ma jaħsibx li l-adozzjoni tista' sseħħ fil-ħin sabiex l-istrument jiġi implimentat b'mod effikaċi sal-1 ta' Jannar 2014, iżda jimpenja ruħu li jara li tiġi adottata mill-aktar fis possibbli. Barra minn hekk, se jemenda l-elementi kollha tat-test sabiex jibqa' koerenti ma' negozjati oħra ta' bażijiet legali jew baġitarji (PSCI/EASI).

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Is-Sra Pervenche Berès

President

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

BRUSSELL

Suġġett:           Opinjoni dwar il-bażi legali rigward proposta għal deċiżjoni dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (COM(2013)0430 - 2013/0202(COD))

Għażiża Sinjura President,

Permezz tal-ittra tat-12 ta' Diċembru 2013 inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 37 tar-Regoli ta' Proċedura, biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kemm hu xieraq li l-Artikolu 14 TFUE jiżdied bħala t-tieni bażi legali tal-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (COM(2013)0430).

I. Sfond

Fis-16 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal deċiżjoni dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (COM(2013)0430, "id-Deċiżjoni"), u li l-bażi legali tagħha kienet l-Artikolu 149 TFUE.

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-Kumitat responsabbli, adotta r-rapport tiegħu fid-9 ta' Diċembru 2013, inkluża l-Emenda 1 imressqa mir-Rapporteur, Frédéric Daerden, bl-għan li l-Artikolu 14 TFUE jiżdied bħala t-tieni bażi legali.

Permezz tal-ittra tat-12 ta' Diċembru 2013, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali talab lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali għal opinjoni skont l-Artikolu 37 tar-Regoli ta' Proċedura dwar l-adegwatezza ta' din il-bażi legali u b'mod speċifiku:

· jekk l-Artikolu 149 TFUE jikkostitwixxix l-unika bażi legali xierqa; u

· jekk l-Artikoli 149 u 14 tat-TFUE jistgħux jiġu adottati bħala bażi legali konġunta għad-deċiżjoni proposta.

II. Il-proposta

Id-deċiżjoni proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) tal-Istati Membri. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi huma responsabbli mill-implimentazzjoni ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol u mill-forniment ta' servizzi tal-impjiegi fl-interess pubbliku. Huma parti mill-ministeri, il-korpi jew l-organizzazzjonijiet pubbliċi relevanti, li huma rregolati mil-liġi pubblika f'dan ir-rigward. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fl-UE ġie rikonoxxut bħala kruċjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Skont in-nota spjegattiva fil-proposta, din tikkostitwixxi miżura ta' inċentiv għall-fini tal-Artikolu 149.

III. Il-bażijiet legali proposti

Il-bażi legali unika proposta mill-Kummissjoni għad-deċiżjoni hija l-Artikolu 149 TFUE. Dan l-Artikolu jgħid hekk:

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jadottaw miżuri ta' inċentiva li jkunu mmirati sabiex jinkoraġġixxu l-koperazzjoni bejn Stati Membri u sabiex isostnu l-azzjoni tagħhom fil-qasam ta' l-impjiegi permezz ta' inizjattivi li jkollhom l-għan li jkun żviluppat l-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattiki, li tkun provduta l-analiżi kumparattiva u pariri kif ukoll li ssir promozzjoni ta' atteġġjamenti innovattivi u l-valutazzjoni ta' l-esperjenzi, partikolarment billi wieħed jirrikorri għall-proġetti pilota.

Ir-rapport adottat fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jipprova jżid bażi legali oħra, l-Artikolu 14 TFUE. Dan l-Artikolu jgħid hekk:

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 93, 106 u 107 ta' dan it-Trattat, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta' l-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu ta' l-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji u kondizzjonijiet, b'mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu dawn il-prinċipji u jistabbilixxu dawn il-kondizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri skond it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.

IV. Il-każistika

Hija każistika stabbilita li l-għażla tal-bażi legali għal miżura tal-Unjoni trid tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu b’mod partikolari l-għan u l-kontenut tal-miżura[1].

Bħala prinċipju, miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi legali waħda biss. Jekk eżami tal-għan u tal-kontenut ta' miżura tal-Unjoni juri li għandha żewġ għanijiet jew li għandha żewġ komponenti, li huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' bażijiet legali differenti, u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor mhuwiex għajr aċċessorju, il-miżura trid tkun ibbażata fuq bażi legali unika, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti[2].

Bażi legali doppja tista' tintuża biss jekk miżura jkollha simultanjament bosta objettivi jew ikollha bosta komponenti marbutin, mingħajr ma l-ebda minnhom tkun sekondarja jew indiretta fir-rigward tal-oħra[3], bil-kundizzjoni li l-proċeduri stabbiliti għal kull bażi legali ma jkunux inkompatibbli[4].

V. Analiżi tal-proposta għal deċiżjoni dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi

Sabiex jiġi determinat liema bażi legali għandha tapplika f'dan il-każ, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-għan u l-kontenut tal-miżura. Il-proposta legali għandha l-għan li tkun miżura ta' inċentiv biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-Istati Membri. Tagħmel minn kollox biex tespandi, tirrinforza u tikkonsolida inizjattivi li jkunu għadhom għaddejjin għall-benefiċċju tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kollha.

Għal dak il-għan, tipproponi li jiġi stabbilit Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi aktar formali li għandu jimplimenta inizjattivi li jkollhom in-natura ta' miżuri ta' inċentiv imfassla biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-impjieg. Din l-istruttura tkun prerekwiżit għaż-żieda fil-potenzjal tan-netwerk biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' miżuri ta' implimentazzjoni tal-politika li jkunu innovattivi u bbażati fuq l-evidenza b'konformità mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. Tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-proġetti tas-suq tax-xogħol iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

L-Artikolu 149 TFUE jipprovdi bażi legali għal miżuri ta' inċentiv li għandhom l-għan li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-impjieg. Il-proċedura stabbilita għal din il-bażi legali hija l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. F'dak ir-rigward, l-għan u l-kontenut tad-deċiżjoni jidher li huma implimentazzjoni ċara tal-Artikolu 149 TFUE, u huwa għalhekk li din il-bażi legali hija xierqa għall-finijiet tad-deċiżjoni.

L-Artikolu 14 TFUE jirreferi għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali b'mod ġenerali. Iż-żieda ta' dan l-Artikolu bħala t-tieni bażi legali hija appoġġata bl-Emenda 2 imressqa mir-Rapporteur, li jagħmel referenza għall-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jgħid hekk:

L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u prattiki nazzjonali, skond it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni.

Madankollu, ta' min wieħed ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ma tikkostitwix bażi legali.

Il-proċedura prevista għall-adozzjoni ta' miżuri skont l-Artikolu 14 hija l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li, bħala tali, tkun kompatibbli mal-Artikolu 149 TFUE. Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 14 TFUE jirreferi b'mod espliċitu għal azzjoni permezz ta' regolamenti, filwaqt li l-miżura inkwistjoni hija deċiżjoni. L-Artikolu 14 TFUE għalhekk ma jistax jintuża bħala bażi legali għall-att propost sakemm ma tinbidilx il-forma tiegħu.

Rigward il-kontenut tad-deċiżjoni, ma jista' jkun hemm ebda dubju li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li d-deċiżjoni hija dwarhom, huma servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali koperti bl-Artikolu 14 TFUE. Il-proposta ma tqajjem ebda dubju dwar dan. Għandu jkun enfasizzat li l-Artikolu 14 TFUE huwa intiż għall-fini tal-istabbiliment tal-prinċipji u tal-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom joperaw tali servizzi – partikolarment il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji – sabiex iwettqu l-missjonijiet tagħhom, filwaqt li tiġi rispettata l-kompetenza bażika tal-Istati Membri f'dan il-qasam.

Għaldaqstant, wieħed jikkonkludi li l-Artikolu 14 TFUE huwa intiż għal finijiet oħra li mhumiex netwerk ta' kooperazzjoni jew it-tip ta' miżura ta' inċentiv koperta mid-deċiżjoni proposta. Billi l-Artikolu 149 TFUE diġà jipprevedi bażi legali speċifika għal miżuri ta' inċentiv tat-tip propost fid-deċiżjoni jidher li la jkun meħtieġ u lanqas, f'termini aktar ġenerali, ġustifikat fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiżdied bażi legali oħra għad-deċiżjoni, billi l-Artikolu 149 ikopri bis-sħiħ id-deċiżjoni proposta.

VI. Konklużjoni u Rakkomandazzjoni

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kkunsidra din il-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Jannar 2014. F'din il-laqgħa, il-Kumitat iddeċieda unanimament[5] bi 22 vot li jirrakkomanda li l-bażi legali xierqa għall-proposta għal deċiżjoni dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għandha tkun l-Artikolu 149 TFUE bħala l-unika bażi legali.

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner Lehne

  • [1]  Kawża C-440/05 Il-Kummissjoni v. Il-Kunsill [2007] ECR I-9097.
  • [2]  Kawża C-137/12, Il-Kummissjoni v. Il-Kunsill, sentenza (Awla Magna) tat-22 ta' Ottubru 2013, para. 53.
  • [3]  Kawża C-411/06 Il-Kummissjoni v. Il-Parlament u l-Kunsill, [2009] ECR I-07585, para. 47.
  • [4]  Kawża C-300/89 Il-Kummissjoni v. Il-Kunsill (“Diossidu tat-Titanju”) [1991] ECR I-2867, para. 17-25.
  • [5]  Kienu preżenti l-Membri li ġejjin: Raffaele Baldassarre (Viċi President), Sebastian Valentin Bodu (Viċi President), Françoise Castex (Viċi President), Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne (President), Eva Lichtenberger, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Angelika Niebler, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner (Viċi President/Rapporteur għal opinjoni), Francesco Enrico Speroni, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Axel Voss, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka.

PROĊEDURA

Titolu

Kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

Referenzi

COM(2013)0430 – C7-0177/2013 – 2013/0202(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

17.6.2013

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

1.7.2013

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

1.7.2013

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

BUDG

27.6.2013

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Frédéric Daerden

12.6.2013

 

 

 

Bażi legali kkontestata

       Data tal-opinjoni tal-JURI

JURI

21.1.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

10.10.2013

26.11.2013

5.12.2013

 

Data tal-adozzjoni

9.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Philippe De Backer, Sari Essayah, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Ruža Tomašić, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Anthea McIntyre, Evelyn Regner, Tatjana Ždanoka, Gabriele Zimmer

Data tat-tressiq

31.1.2014