RAPPORT dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2012

31.1.2014 - (2013/2156(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Inês Cristina Zuber


Proċedura : 2013/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0073/2014
Testi mressqa :
A7-0073/2014
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2012

(2013/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing+5 (2000), Beijing+10 (2005) u Beijing+15 (2010),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 606/2013 tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni[3],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/ĠAI[4],

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–   wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011–2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011[5],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem 'Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara' (COM(2010)0078),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata 'Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-'2015' (COM(2010)0491),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Ewropa 2020 – strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'' COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta' Settembru 2013 intitolat ‘Rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015) (SWD(2013)0339),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2013 bl-isem ‘Rapport dwar il-progress għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2012' (SWD(2013)0171),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) ‘Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE: Vjolenza fuq in-Nisa – Appoġġ għall-Vittmi' ippubblikat fl-2012,

–   wara li kkunsidra d-Direttivi Ewropej li ilhom jeżistu mill-1975 dwar id-diversi aspetti tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa (Direttiva 2010/41/UE, Direttiva 2010/18/UE, Direttiva 2006/54/UE, Direttiva 2004/113 KE, Direttiva 92/85/KEE, Direttiva 86/613/KEE u Direttiva 79/7/KEE),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal ħidma ugwali jew għal ħidma ta' valur ugwali[6];

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa fl-UE[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet[10]

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-servizzi[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal ħidma ugwali jew ħidma ta' valur ugwali[12],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009[13], tat-8 ta' Frar 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010[14] u tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011[15],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi[16],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-5 ta' April 2011 dwar il-prijoritajiet u l-punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa[17],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea[18],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja[19],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali [20],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea[21],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0073/2014),

A. billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija dritt fundamentali stabbilit fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-objettivi tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam huma li li jiġu żgurati l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u t-trattament bejn l-irġiel u n-nisa u, barra minn hekk, tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kollha bbażżata fuq il-ġeneru; billi għalkemm l-Unjoni ntrabtet bil-kompitu li tintegra sistematikament id-dimensjoni tal-ugw'aljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha, bosta inugwaljanzi għadhom jippersistu bejn in-nisa u l-irġiel;

B. billi, minkejja l-progress gradwali f'dan il-qasam, għad fadal ħafna inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa; kemm f'termini ta' drittijiet tan-nisa bħala Drittijiet tal-Bniedem, f'opportunitajiet ta' karriera, fi prospetti ta' impjiegi u ta' 'pagi, 'f'aċċess għall-edukazzjoni u għas-servizzi tas-saħħa, fil'-parteċipazzjoni fl-ekonomija u fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll 'f'termini ta' rappreżentanza politika;

C. billi l-kriżi ekonomika wasslet għal tnaqqis fil-kwalità fil-livell ta' għajxien ta' ħafna ċittadini tal-UE; billi r-rata ta' qgħad għan-nisa fl-UE 27 kienet ta' 10.8 % fl-aħħar kwart tal-2012[22], billi t-tkabbir inklużiv se jirrikjedi investiment pubbliku aktar strateġiku u huwa neċessarju li titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol sabiex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u għat-terminu twil;

D. billi l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġenru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-eta' jew l-orjentament sesswali għandha tkun projbita;

E.  billi d-Direttivi Ewropej, adottati sa mill-1975, dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa taw kontribut konsiderevoli biex jippromwovu b'mod effettiv l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; billi, b'dispjaċir, wieħed jinnota li ċerti Stati Membri antiki għadhom ma implimentawx b'mod tajjeb dawn id-Direttivi u ma jikkontrollawx biżżejjed il-leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni stabbilita; billi għal diversi raġunijiet, l-Istati Membri l-ġodda tal-Lvant għadhom ma implimentawx bis-sħiħ din il-parti importanti tal-acquis communautaire;

F.  billi, minkejja l-fatt li wħud mill-Istati Membri ħadu passi, kultant fis-sura ta' leġiżlazzjoni, biex jippromwovu l-bidliet għal raġunijiet ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-iżviluppi huma insuffiċjenti u qed isiru bil-mod wisq;

G. billi r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ laħqet livelli bla preċedent, b'medja ta' 23.1 % fl-UE kollha, u l-qgħad fuq terminu twil żdied f'ħafna Stati Membri, u laħaq l-ogħla livell fl-istorja fl-UE kollha;

H.  billi jeżistu ħafna inugwaljanzi bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mas-segmentazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol; billi l-pajjiżi bl-għola segmentazzjoni huma dawk fejn in-nisa jaħdmu aktar;

I.    billi l-qerda netta ta' impjiegi ħabtet ma' żieda fl-impjiegi prekarji, fil-forma ta' impjiegi part-time b'paga baxxa u kuntratti b'terminu qasir';

J.   billi l-faqar fl-UE żdied mill-2007 'l hawn u l-introjtu tal-familji naqas, b'24.2 % mill-popolazzjoni tal-UE li bħalissa tinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni u 26 % tan-nisa li qed jitqiesu f'riskju ta' faqar fl-UE 27, imqabbel ma' 23.9 % tal-irġiel[23] billi t-tfal, li spiss jieħdu ħsiebhom in-nisa, huma partikolarment milquta u n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' riskju akbar ta' faqar mill-irġiel; billi n-nisa li jaħdmu għal rashom, li tilfu l-impjieg tagħhom jew li jinsabu qiegħda, dawk anzjani jew li jbatu b'diżabilità, nisa minn minoranzi etniċi, nisa migranti jew dawk bi ftit jew ebda edukazzjoni, l-unitajiet domestiċi fformati minn persuna waħda, il-ġenituri waħedhom li ġejjin minn grupp partikolarment vulnerabbli huma f'riskju ta' faqar; billi medja ta' 3 minn kull 10 unitajiet domestiċi fl-UE huma magħmula minn persuna waħedha, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa jgħixu waħedhom, b'mod partikolari nisa anzjani, u billi dan il-persentaġġ kulma jmur qiegħed dejjem jikber; billi l-unitajiet domestiċi magħmula minn persuna waħda jew b'introjtu wieħed fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiġu trattati b'mod mhux favorevoli, kemm f'termini assoluti kif ukoll relattivi, fir-rigward tat-taxxa, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet;

K. billi l-UE bħalissa qed tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ekonomika u finanzjarja tagħha mid-Dipressjoni l-Kbira tas-snin tletin tas-seklu li għadda 'l hawn; billi r-rata tal-qgħad fl-Istati Membri kollha, speċjalment fl-Istati Membri tan-Nofsinhar, żdiedet b'mod sinifikanti b'konsegwenza ta' din il-kriżi; billi l-politiki ta' konsolidazzjoni fiskali li ħadu f'idejhom l-Istati Membri, li ħafna drabi jinvolvu t-telf ta ' impjiegi u l-iffriżar tal-pagi, jaffettwaw l-aktar lis-settur pubbliku li huwa ddominat min-nisa; billi l-ebda waħda minn dawn il-politiki ma tqis adegwatament l-aspetti relatati mal-ġeneru;

L.  billi l-konsolidazzjoni fiskali għandha tkun kompatibbli mad-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni;

M.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi huwa assi ekonomiku ewlieni għall-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku ġust u inklużiv; billi t-tnaqqis tal-inugwaljanza fil-qasam tax-xogħol mhuwiex biss mira marbuta mat-trattament ugwali iżda huwa maħsub ukoll biex ikun hemm effiċjenza u fluwidità fis-suq tax-xogħol;

N. billi fl-2012, skont il-Eurostat, ir-rata globali ta' impjiegi għall-persuni ta' bejn l-20 u 64 sena fl-Ewropa kienet ta' 62.4 % għan-nisa u 74.6 % għall-irġiel.

O. billi r-rata tax-xogħol hija indikatur ewlieni ta' kejl tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; billi l-kwalità u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma parametri importanti wkoll biex titkejjel din l-inugwaljanza;

P.  billi r-rata tax-xogħol tan-nisa hija sottovalutata minħabba l-fatt li ħafna nisa mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, speċjalment dawk li jgħixu f'żoni rurali jew remoti; billi din is-sitwazzjoni toħloq inugwaljanza f'termini ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi (benefiċċji, pensjonijiet, liv tal-maternità, liv minħabba l-mard, aċċess għas-sigurtà soċjali eċċ.);

Q. billi n-nisa jaħdmu aktar ta' spiss mill-irġiel fuq bażi part-time, b'kuntratt għal terminu fiss jew b'kuntratt temporanju; billi x-xogħol part-time ifforma kważi terz tal-impjiegi totali għan-nisa fl-2012 (32.1 % imqabbel ma' 8.4 % għall-irġiel); billi fl-2012 ix-xogħol part-time mhux volontarju żdied għal 24 % tal-impjieg part-time globali tan-nisa (f'paragun ma' 20 % fl-2007)[24]; billi n-nisa huma partikolarment milquta mill-impjieg prekarju, bil-biċċa l-kbira minnhom impjegati f'xogħol part-time mhux volontarju, b'kuntratt għal terminu fiss jew kuntratt temporanju; billi dawn il-kuntratti joffru inqas protezzjoni kontra t-tkeċċija jew kontra forom oħra ta' ksur ta' kuntratti; billi dawn jippenalizzaw lin-nisa, fost l-oħrajn, fir-rigward tal-possibilità li jiżviluppaw il-karriera tagħhom, l-opportunitajiet ta' taħriġ jew id-drittijiet tal-pensjoni tagħhom iżda, f'ċerti sitwazzjonijiet, jippreżentaw opportunità ta' għajnuna għall-irġiel u għan-nisa li jiddeċiedu li jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali u dik privata tagħhom; billi, b'konsegwenza ta' dan, in-nisa jaqilgħu pagi aktar baxxi, huma f'riskju li jingħataw anqas protezzjoni soċjali u jsibuha aktar diffiċli jiksbu indipendenza finanzjarja; billi n-nisa jirrappreżentaw proporzjon kbir ta' dawk li huma involuti f'impjieg mhux iddikjarat;

R.  billi l-Kummissjoni għandha timpenja ruħha aktar biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE f'dan il-qasam, speċjalment ukoll mis-sħab soċjali li jinnegozjaw il-ftehimiet kollettivi u ħafna drabi jinjoraw ir-rekwiżiti tal-Komunità dwar it-trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel rigward il-pagi, l-aċċess għax-xogħol u l-avvanz professjonali u s-sigurtà soċjali;

S.  billi l-kriżi attawali kellha impatt partikolari fuq iż-żgħażagħ, u billi r-rata ta' qgħad għal dawk li għandhom inqas minn 25 sena f'Settembru tal-2012 kienet ta' 22 %[25] fost dawn iż-żgħażagħ, it-tfajliet m'humiex rappreżentati biżżejjed fil-proċess ta' apprendistat li jiffaċilita t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol; billi n-numru ta' żgħażagħ li jinsabu barra minn impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) laħaq medja ta' 22.4 % fin-Nofsinhar u fil-periferija, meta mqabbel ma' 11.4 % fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru; billi t-tfajliet spiss jibdew il-ħajja professjonali tagħhom b'impjiegi part-time temporanji, fattur li jnaqqas kemm huma jdumu jaħdmu b'paga; billi d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel taffettwa l-pensjoni, tirriżulta f'riskju ta' faqar ogħla għan-nisa milli għall-irġiel;

T.  billi l-kriżi għandha impatt iebes fuq il-persuni vulnerabbli u n-nisa, li jħossu l-impatt kemm direttament, permezz ta' telf tal-impjiegi, tnaqqis fil-pagi, pensjonijiet u benefiċċji, u telf ta' sigurtà tax-xogħol, kif ukoll indirettament, permezz ta' tnaqqis fil-baġit fis-servizzi pubbliċi u l-kura soċjali;

U. billi t-tqassim tar-responsabilitajiet fil-familja u dawk domestiċi bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari bl-użu tal-liv għall-ġenituri u għall-paternità, jikkostitwixxi prekundizzjoni għall-promozzjoni u l-ilħiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

V. billi l-introjtu tan-nisa li jagħmlu l-istess xogħol filwaqt li jagħmlu użu mill-istess ħiliet għadu aktar baxx minn dak tal-irġiel; billi l-inugwaljanza bejn il-pagi hija ta' madwar medja ta' 16.2 % fl-UE, b'varjazzjonijiet konsiderevoli fost l-Istati Membri li jistgħu jvarjaw minn differenza bejn il-pagi ta' 10 % għal inugwaljanza ta' 20 % f'uħud mill-Istati Membri; billi pagi aktar baxxi għan-nisa jwasslu inevitabbilment għal kontribuzzjonijiet tal-pensjoni aktar baxxi, u għaldaqstant jissarfu f'pensjonijiet aktar baxxi; billi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u b'konsegwenza ta' dan id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, għadhom fost ir-raġunijiet ewlenin li għalihom in-nisa jsibu ruħhom f'xifer il-faqar iktar tard matul ħajjithom;

W. billi r-rati ta' qgħad fin-Nofsinhar u fil-periferija taż-żona tal-euro laħqu medja ta' 17.3 % fl-2012, meta mqabbla ma'7.1 % fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru taż-żona tal-euro[26];

X. billi n-nisa li jidħlu fid-dinja tax-xogħol għandhom rwol ewlieni fit-triq lura lejn it-tkabbir; billi huma jagħmluha possibbli li jiżdied id-dħul tal-familja, ħaġa li twassal għal żieda fil-konsum, fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u fil-volum ta' taxxi li jinġabru, kif ukoll filwaqt li tingħata ħajja ġdida lill-ekonomija;

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi, għaldaqstant, għandha impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku u t-titjib tal-livell ta' għajxien;

Y. billi ż-żieda fir-riskju ta' faqar hija marbuta mill-qrib u direttament mal-qerda ta' funzjonijiet soċjali sinifikanti mwettqa mill-istat, kif rajna, pereżempju, bil-qerda riċenti ta' sistemi ta' sigurtà soċjali pubbliċi f'numru ta' Stati Membri, flimkien ma' tnaqqis fil-benefiċċji soċjali ewlenin (konċessjonijiet tal-familja, benefiċċji tal-qgħad u tal-mard u appoġġ għall-introjtu) li jaffetwa lil ħafna nisa, b'mod partikolari dawk b'familji dipendenti u li huma biss għandhom ir-responsabilità tal-ġestjoni tal-unità domestika;

Z.  billi fl-2011, 78 % tan-nisa qalu li wettqu ‘xogħol domestiku' kuljum (bħalma għamlu 39 % tal-irġiel[27], u billi l-ħinijiet tax-xogħol flessibbli u volontarji huma element ewlieni biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u x-xogħol; billi fl-Ewropa, ir-rata tax-xogħol tan-nisa bi tfal dipendenti fl-2010 kienet ta' 64.7 %, meta mqabbla ma' 89.7 % għall-irġiel bi tfal dipendenti; billi ftit irġiel jieħdu liv għall-ġenituri;

Aa.  billi għadha ma nstabitx soluzzjoni xierqa li tgħaqqad ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u bħala riżultat ta' dan, ħafna nisa, li f'ħafna każijiet ikunu responsabbli biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-membri dipendenti tal-familja, ma tantx għandhom għażla ħlief dik li jaċċettaw impjiegi part-time, u anke jitilqu mis-suq tax-xogħol, minħabba nuqqas ta' servizzi disponibbli u aċċessibbli u minħabba n-nuqqas ta' servizz għall-indukrar tat-tfal u ta' kura għal persuni anzjani jew li jbatu b'diżabilità, jew ta' miżuri effettivi li jiffaċilitaw il-kisba ta' bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u x-xogħol; billi skont il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol[28], iktar minn sitt miljun mara fl-Ewropa jgħidu li ma jistgħux jaħdmu full-time minħabba r-responsabbiltajiet familjari tagħha; billi din l-għajnuna li jagħtu lill-qraba spiss tkun ostaklu għall-impjieg, għal prospetti ta' karriera professjonali għan-nisa;

Ab.     billi l-ekonomisti u d-demografi (il-Bank Dinji, l-OECD, l-FMI) jużaw mudelli ekonomiċi u matematiċi biex jenfasizzaw il-valur ekonomiku tal-produzzjoni domestika (imwettqa primarjament min-nisa) u billi l-kontribut tan-nisa għall-PDG ikun anke ogħla jekk jiġi kkunsidrat ix-xogħol mhux imħallas tagħhom, u dan juri d-diskriminazzjoni li teżisti kontra x-xogħol tan-nisa;

Ac. billi l-kultura tradizzjonali, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-prattiki ta' kuljum ovvjament għadhom ir-raġunijiet għaliex ir-responsabilità għall-kura hija kwistjoni prinċipalment femminili; billi n-nisa Ewropej ta' bejn il-25 u l-45 sena jiddedikaw 162 minuta aktar mill-irġiel fix-xogħol domestiku u billi dan il-kontribut soċjali tax-xogħol domestiku mhux imħallas għadu ma tkejjilx 'għall-finijiet tal-PDG, billi dan il-kontribut kien essenzjali għaż-żamma tas-sigurtà soċjali u l-mudell soċjali Ewropew,

Ad. billi fl-2012 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddiskutew il-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas multiannwali għas-snin 2014–2020 (COM(2011)0398), u l-Kumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tan-Nisa u tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi adotta opinjoni li tagħmel riferiment, fost kwistjonijiet oħra, ‘għall-ħtieġa ta' żieda fil-finanzjament għal azzjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, f'termini ta' impjieg u tkabbir biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-sessi u biex tiġi miġġielda d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-differenza bejn il-pensjoni tal-irġiel u n-nisa, kif ukoll f'termini ta' drittijiet u demokrazija', u stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv speċifiku fil-programm dwar id-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, kif ukoll li jissalvagwardjaw il-progamm Daphne bħala subintestatura indipendenti f'dan l-istess programm”[29];

Ae. billi ma tantx sar progress matul id-deċennju li għadda fir-rigward tal-korrezzjoni tal-bilanċ tal-ġeneru fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, fejn il-medja tal-UE tjiebet biss b'4 punti perċentwali, minn 22 % fl-2003 għal 26 % fl-2012[30]; billi għad mhemmx ħafna nisa b'karigi ta' maniġment fin-negozji jew l-universitajiet u n-numru ta' nisa involuti fil-politika jew ir-riċerka qed jiżdied imma bil-mod ħafna;

Af. billi, fl-2012, tlieta minn kull erba' membri tal-parlamenti nazzjonali kienu rġiel u li l-pajjiżi b'iktar minn 30 % tas-siġġijiet fil-parlamenti nazzjonali tagħhom li kienu okkupati minn nisa kienu l-Isvezja, il-Finlandja, id-Danimarka, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, Spanja u l-Ġermanja, u n-nisa kellhom inqas minn 10 % ta' rappreżentanza f'Malta u fl-Ungerija;

Ag. billi fl-2012, l-assemblej lokali u reġjonali fl-UE inkludew medja ta' 32 % ta' nisa membri u 27 % tal-membri tal-gvernijiet nazzjonali kienu nisa, żieda ta' 3 % sa mill-2003, li turi bidla minima, b'varjazzjonijiet kbar bejn il-pajjiżi (pereżempju, iċ-ċifri tan-nisa fil-gvernijiet nazzjonali huma ta' 49 % fi Franza u 6 % fil-Greċja)[31];

Ah. billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tiddikjara li lin-nisa ser ikun garantiti, fuq termini ugwali mal-irġiel, id-dritt tal-vot u li jkunu eletti f'entitajiet eletti pubblikament, biex jipparteċipaw fit-tiswir tal-politika tal-gvern u jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi kollha fil-livelli kollha tal-gvern u biex jipparteċipaw f'organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet li jikkonċernaw il-ħajja pubblika u politika tal-pajjiż;

Ai. billi l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010–2015 tindika li, għalkemm in-nisa jirrappreżentaw kważi nofs il-forza tax-xogħol tal-UE u iktar min-nofs il-gradwati tal-università, huma xorta għadhom inqas rappreżentati fil-proċessi u fil-karigi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u li skont l-iktar dejta riċenti disponibbli (2010), għalkemm 46 % tal-gradwati kollha tad-dottorat fil-UE 27 huma nisa, 15.5 % biss tal-istabbilimenti tal-edukazzjoni ogħla huma mmexxija minn nisa u 10 % biss tal-universitajiet għandhom rettur mara[32].

Aj. billi f'ħafna setturi, inklużi dawk fejn il-maġġoranza huma nisa, jippersisti saqaf tal-ħġieġ li ma jħallix lin-nisa jkollhom aċċess għal funzjonijiet superjuri, speċjalment dawk l-iktar għolja; billi din id-diskriminazzjoni tieħu l-forma, fost oħrajn, ta' sottovalutazzjoni tal-ħiliet tagħhom, tax-xogħol tagħhom u l-kondiviżjoni inugwali tar-responsabbiltajiet professjonali li jirriżultaw;

Ak.     billi l-ġeneru sottorappreżentat fil-bordijiet ta' kumpaniji kbar elenkati fl-UE, (ġeneralment nisa) irid jilħaq rappreżentanza minima ta' 40 % sal-1 ta' Jannar 2020; billi n-nisa, skont il-Kummissjoni Ewropea, kienu jirrappreżentaw biss 16.6 % tal-membri ta' dawn il-bordijiet f'April 2013 u 11.8 % f'Ottubru 2010;

Al. billi r-rapport tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Mezzi ta' Azzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015 ġie ppubblikat f'Novembru tal-2012;

Am.     billi Memorandum ta' Qbil ġie ffirmat f'April 2012 bejn il-UN Women u l-UE, bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex jippromwovu l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi madwar id-dinja u jaffermaw mill-ġdid is-sħubija bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet u l-impenn tagħhom biex jippromwovu u jappoġjaw l-iżvilupp tal-kapaċità għall-inklużjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-programmi kollha u biex jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali u l-baġits ikunu adegwati għall-implimentazzjoni tal-impenji indirizzati lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-prijoritajiet tiegħu jinkludu dik li jkun hemm rappreżentanza aħjar tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali, li jingħataw aktar opportunitajiet professjonali u soċjali lin-nisa, u l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru[33];

An. billi l-vjolenza fuq in-nisa, kemm jekk hi fiżika, sesswali u psikoloġika, hija ostaklu ewlieni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u hija ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u tibqa' wieħed mill-aktar ksur komuni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, minkejja l-miżuri kollha meħuda mill-politiċi biex jiġġielduha; billi din il-vjolenza m'għandhiex fruntieri ġeografiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali; billi skont l-isitmi li ħarġu mill-studji dwar il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, waħda minn kull ħamsa sa kwart minn nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti fiżiċi ta' vjolenza mill-inqas darba tul il-ħajja adulta tagħhom, aktar minn waħda minn kull għaxra sofrew vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza, bejn 12 u 15 % tan-nisa fl-Ewropa huma vittmi ta' vjolenza domestika u seba' nisa jmutu kuljum minħabba din il-vjolenza fl-Unjoni Ewropea[34]; billi t-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali, bil-biċċa l-kbira mill-vittmi jkunu nisa u bniet, huwa ksur inaċċettabbli tad-drittijiet tal-bniedem u jikkostitwixxi forma moderna ta' skjavitù; billi r-riċessjoni ekonomika ħolqot kundizzjonijiet relatati ma' żieda fil-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib u l-miżuri ta' awsterità li jolqtu s-servizzi ta' appoġġ iħallu lin-nisa vittmi ta' vjolenza f'sitwazzjoni iżjed vulnerabbli mis-soltu

Ao.     billi, fejn tidħol l-immaġni tan-nisa, ir-rwoli u l-istereotipi tradizzjonali li jingħataw lill-ġeneri għadhom qed ikollhom influwenza b'saħħitha fuq it-tqassim tal-kompiti bejn in-nisa u l-irġiel id-dar, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali; billi l-isteoreotipi dwar il-ġeneri għandhom tendenza wkoll li jżommu ħaj l-istatus quo ta' dawk il-fatturi li jintirtu li jxekklu l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u li jillimitaw il-firxa ta' għażliet ta' impjieg u ta' żvilupp personali tan-nisa, u li sa ċertu punt jistgħu jispjegaw l-eżistenza tas-segregazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-mezzi tax-xandir jista' jkollhom rwol kbir, kemm fit-tixrid tal-i'stereotipi, li jwassal għal degradazzjoni tal-immaġni tal-mara u fl-ipersesswalizzazzjoni tal-bniet, kif ukoll biex jingħelbu l-istereotipi dwar il-ġeneri, u jiġu promossi l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

Ap.     billi teżisti diversità fl-istrutturi familjari fid-diversi pajjiżi tal-UE, inkluża s-sħubija ċivili jew iż-żwieġ, bejn persuni tal-istess ġeneru jew differenti, familji fejn il-ġenituri huma miżżewġin jew mhux miżżewġin, tal-istess ġeneru jew ta' ġeneri differenti, ġenituri waħedhom, ġenituri adottivi u familji bi tfal minn relazzjonijiet preċedenti, li kollha jistħoqqilhom protezzjoni ugwali skont il-liġijiet nazzjonali u dawk tal-UE;

Aq.     billi d-dritt għas-saħħa, partikolarment is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, huma drittijiet fundamentali li għandhom ikunu garantiti għan-nisa kollha, irrispettivament mill-istatus soċjali tagħhom, l-età, l-orjentament sesswali, l-oriġini, l-istatus legali jew l-etniċità;

Ar. billi n-nisa li jgħixu f'żoni rurali huma aktar vittmi tad-diskriminazzjoni multipla u tal-istereotipi dwar il-ġeneri milli n-nisa fiż-żoni urbani u r-rata ta' impjieg tan-nisa li jgħixu fiż-żoni rurali hija ħafna inqas minn dik tan-nisa li jgħixu fil-bliet; billi, barra minn hekk, għadd kbir ta' nisa qatt ma jaħdmu fis-suq uffiċjali tax-xogħol u, għalhekk, mhumiex irreġistrati bħala qiegħda jew inklużi fl-istatistiki ta' dawk qiegħda, ħaġa li tikkawża problemi finanzjarji u legali partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-maternità u l-liv tal-mard, l-akkwist tad-drittijiet tal-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll problemi fil-każ ta' divorzju;

As. billi l-ġbir ta' statistika dwar l-inugwaljanza bejn is-sessi hija prijorità għall-ġlieda kontra l-kawżi ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li mhijiex tinkiseb fl-UE;

At. billi l-azzjonijiet pożittivi maħsuba għan-nisa wrew li huma fundamentali għall-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-suq tax-xogħol, fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fis-soċjetà b'mod ġenerali;

Indipendenza ekonomika u ugwaljanza fil-pagi

1. Jenfasizza l-fatt li l-kriżi taffettwa lin-nisa direttament u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa saru konsiderevolment anqas sikuri, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' forom atipiċi ta' kuntratti, u li l-introjtu tan-nisa waqa' b'mod sinifikanti minħabba numru ta' fatturi, inklużi l-persistenza tal-inugwaljanza fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa u l-inugwaljanza li tirriżulta minn dan fil-livelli rispettivi ta' benefiċċji tal-qgħad u tal-pensjoni, iż-żieda fl-impjiegi part time furzati, u ż-żieda fin-numru ta' impjiegi temporanji jew għal terminu 'fiss għad-detriment ta' impjiegi iktar stabbli; jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-tnaqqis fil-baġit se jiggrava l-problema, press li n-nisa se jintlaqtu b'mod sproporzjonat; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lis-sħab soċjali jfasslu pjan ta' azzjoni u miri konkreti u ambizzjużi, li jivvalutaw l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja mill-perspettiva tal-ġeneru permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jinnota li l-esperjenza tal-kriżijiet preċedenti turi li r-rata ta' impjieg tal-irġiel ġeneralment tirkupra aktar malajr minn dik tan-nisa;

3.  Jenfasizza li, filwaqt li l-inugwaljanzi bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol kellhom it-tendenza jonqsu wara l-kriżi, f'termini ta' rati ta' impjieg u rati ta' qgħad, dan it-tnaqqis fid-differenza mhux ir-riżultat ta' progress li għamlet l-Ewropa f'daqqa lejn parità akbar, iżda pjuttost il-konsegwenza ta' deterjorament rapidu tax-xogħol tal-irġiel li ntlaqat aktar mill-kriżi; jistieden lill-Istati Membri jibqgħu jagħmlu sforzi biex jiksbu rappreżentanza ikbar ta' nisa fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, biex jippermettu li dawn jikkonċiljaw aħjar ix-xogħol u l-familja u biex tkompli l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

4. Jenfasizza li l-flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol għandha tkun l-għażla tal-ħaddiem, u mhux tkun imposta jew infurzata mill-impjegatur; jirrifjuta s-sitwazzjonijiet tal-flessibilità u l-inċertezza kuntrattwali li ma jipprovdux għall-formazzjoni u l-istabbiltà tal-familja;

5.  Jitlob lill-Istati Membri jinvestu f'faċilitajiet bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja għall-kura tat-tfal, tal-morda, tal-persuni b'diżabilità, tal-anzjani u ta' persuni dipendenti oħrajn, billi jiżguraw li dawn ikollhom ħinijiet flessibbli, kompatibbli ma' ġurnata ta' xogħol full-time, u li jkunu aċċessibbli biex l-akbar numru ta' nies ikunu jistgħu jikkombinaw il-ħajja professjonali ma' dik privata u familjari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-irġiel u n-nisa li qed jieħdu ħsieb tfal jew persuni dipendenti oħra, jirċievu rikonoxximent permezz ta' għajnuna ekonomika għad-dipendenza u billi jagħtu lil dawn il-persuni d-drittijiet individwali fir-rigward tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet; jistieden lis-sħab soċjali jippreżentaw inizjattivi speċifiċi li jivvalidaw il-ħiliet miksuba waqt perjodu ta' liv għall-għoti ta' kura;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha aktar biex tiżgura li d-Direttivi tal-UE dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel jiġu applikati sew fl-Istati Membri kollha;

7.  Jistieden lill-Kunsill jissupera l-perjodu ta' staġnar dwar l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li xtraw reċentement, jew li qed ireddgħu;

8.  Jistenna li l-Kummissjoni tadotta l-miżuri kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha u ssaħħaħ l-aspetti kollha tad-direttivi tal-UE dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa, inklużi s-sħab soċjali li jinnegozzjaw ftehimiet kollettivi, u li tħeġġeġ id-djalogu mas-sħab soċjali biex jiġu eżaminati kwistjonijiet bħat-trasparenza tal-ħlas, kundizzjonijiet ta' kuntratt ta' xogħol part-time jew għal terminu fiss għan-nisa, filwaqt li jħeġġeġ ukoll l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi ekoloġiċi u innovattivi; jenfasizza r-rwol tan-negozjar kollettiv fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol, il-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iżvilupp tal-karriera u t-taħriġ u fil-promozzjoni tal-ugwaljanza;

9.  Jinkoraġixxi lill-Istati Membri jippromwovu politiki u azzjonijiet ta' assistenza u pariri għal dawk in-nisa li jiddeċiedu li jsiru intraprendituri;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw perspettiva tal-ġeneru fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni 2014–2020 sabiex jintlaħqu l-ovjettivi stabbiliti għall-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob, b'mod partikolari, l-impenn tal-UE biex tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni trasversali tagħha fil-politiki kollha tal-Unjoni u tal-Istati Membri; josserva li ċerti miżuri jeħtieġu fuq kollox il-mobilizazzjoni ta' rieda politika reali li s'issa għadha ma ppermettietx li jinħolqu b'mod sostenibbli, inklużiv u ekwu kundizzjonijiet ugwali għall-irġiel u għan-nisa;

11. Jinnota li parteċipazzjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol tista' żżid b'mod sinifikanti l-potenzjal ekonomiku tal-UE, filwaqt li tassigura l-karattru ekwu u inklużiv tagħha; ifakkar li skont it-tbassir tal-OECD, konverġenza sħiħa tar-rati ta' parteċipazzjoni tirriżulta f'żieda ta' 12.4 % tal-PDG per capita minn issa sal-2030;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni f'Diċembru 2012 irrikonoxxiet il-bżonn li jiġu żviluppati politiki taż-żgħażagħ b'konformità ma' approċċ ta' integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi (Youth Employment Package u Youth Guarantee); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi iktar Stati Membri jiżviluppaw miżuri li jippermettu li jiġu garantiti l-edukazzjoni u l-prospetti għal taħriġ vokazzjonali għat-tfajliet ugwali għal dawk tas-subien;

13. Jinnota li d-differenza medja bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u dawk tan-nisa hija ta' 39 %, filwaqt li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa hija stmata li hi ta' 16 %; jinnota li l-ammont ta' pensjonijiet li jirċievu n-nisa, b'mod ġenerali, huwa affettwat minn għadd ta' fatturi, inklużi t-tipi ta' impjieg prekarju li jkollhom jaċċettaw ta' bilfors u l-waqfiet mill-karriera;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju fundamentali tal-‘paga ugwali għal ħidma ugwali' jiġi osservat kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u jistieden lill-Istati Membri jkomplu jwettqu spezzjonijiet tax-xogħol pubbliċi b'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jidentifikaw l-eżistenza ta' forom ta' xogħol bi ħlas baxx fejn il-forza tax-xogħol hija prinċipalment femminili u li joħolqu sitwazzjoni ta' diskriminazzjoni indiretta fuq il-pagi; jiġbed l-attenzjoni li skont il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, tnaqqis ta' punt perċentwali wieħed fid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa se jżid it-tkabbir ekonomiku b'0.1 %, u dan ifisser li fil-kuntest tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali, huwa ta' importanza kruċjali li din id-differenza tiġi eliminata; jitlob lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa, jimplimentaw politiki biex jeliminaw din id-differenza u jikkondividu u jippromwovu l-aħjar prattiki;

15. Itenni li d-Direttiva 2006/54/KE, fil-forma attwali tagħha, mhijiex biżżejjed effettiva biex tindirizza d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u tilħaq l-objettiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg u fl-okkupazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE mingħajr dewmien u tipproponi emendi għaliha b'konformità mal-Artikolu 32 tad-Direttiva u abbażi tal-Artikolu 157 TFUE, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-anness tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Mejju 2012;

16. Jistieden lill-Istati Membri jippremjaw b'simbolu distintiv lil dawk l-intrapriżi li jiksbu status ta' ugwaljanza fi ħdan il-kumpanija permezz tat-twettiq ta' prattiki tajbin.

17. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa ma tibqax tinħass daqshekk; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqanqlu aktar interess fost il-bniet lejn is-setturi tat-tkabbir li fihom in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed, jgħinuhom jidħlu f'dawn is-setturi u jipprovdulhom opportunitajiet ta' edukazzjoni kontinwi matul il-ħajja professjonali tagħhom, u jippromwovu l-ugwaljanza fil-pagi f'kull livell;

18. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu pagi u pensjonijiet deċenti, inaqqsu d-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, joħolqu aktar impjiegi ta' kwalità għolja għan-nisa, kif ukoll jippermettu li n-nisa jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi ta' livell għoli u jtejbu d-dispożizzjonijiet maħsuba għall-benessri tagħhom;

19. Jitlob li jkun hemm aktar kampanji ta' informazzjoni dwar l-ugwaljanza tal-pagi sabiex titrawwem il-konsapevolezza li dejjem qed tiżdied tal-fatt li, mill-perspettiva ta' ekwità u ta' drittijiet, huwa essenzjali li dak li jkun jimmira lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

20. Jistieden lill-Istati Membri jintegraw id-dimensjoni tal-ġeneru fil-baġits tagħhom, mhux biss bl-għan li ssir analiżi tal-programmi maħsuba speċifikament għan-nisa, iżda wkoll li jsir eżami tal-programmi u l-politiki kollha tal-gvern, l-effetti tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ b'mod kontinwu l-inizjattivi maħsuba għall-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, anki billi toffri appoġġ tanġibbli lill-kumpaniji huma u jaħdmu biex jiksbu l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol;

22. Jinnota li n-nisa b'mod ġenerali għandhom karrieri li ma jippermettulhomx jagħmlu progress sinifikanti; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw lin-nisa biex ikollhom karrieri ta' suċċess, u dan permezz ta' azzjonijiet bħal programmi ta' netwerking u ta' konsulenza, kif ukoll joħolqu kundizzjonijiet adegwati u jiżguraw li, fejn jidħlu t-taħriġ, il-progress u t-taħriġ mill-ġdid, in-nisa jingħataw l-istess opportunitajiet tal-irġiel, u li n-nisa jkollhom drittijiet għall-pensjonijiet u benefiċċji tal-qgħad ugwali għal dawk applikabbli għall-irġiel;

23. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li peress li hemm tendenza ikbar li n-nisa jkollhom impjiegi prekarji, dawn għandhom inqas ċans li, f'każ li jitilfu l-impjieg tagħhom, isibu xogħol ieħor;

24. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-aspetti kollha tal-'impjieg prekarju, 'b'konformità mal-prinċipju li l-postijiet permanenti għandhom ikunu akkumpanjati minn kuntratti xierqa, u biex jadottaw politiki tal-impjiegi attivi biex jiżdiedu l-livell u l-kwalità tal-impjiegi u jippromwovu l-ħolqien nett tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm drittijiet as-sigurtà soċjali pubblika u d-dritt tat-taħriġ għall-ħaddiema b'kuntratti atipiċi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, kif ukoll jiġġieldu kontra s-segregazzjoni tal-ġeneri fis-suq tax-xogħol, ladarba l-prosperità ekonomika futura tal-UE tiddependi b'mod kruċjali fuq l-abbiltà tagħha li tagħmel użu mir-riżorsi tax-xogħol;

25. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied ir-responsabbiltà tal-gvernijiet u l-impjegaturi b'rabta mat-tiġdid ġenerazzjonali u d-drittijiet tal-maternità u l-paternità, li jfisser li n-nisa għandu jkollhom id-dritt li jkunu kemm ommijiet kif ukoll ħaddiema mingħajr ma jitilfu d-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema;

26. Jenfasizza l-fatt li n-nisa jirrappreżentaw 52 % tal-popolazzjoni Ewropea totali, iżda terz biss ta' dawk li jaħdmu għal rashom jew dawk li jibdew in-negozji fl-UE; jenfasizza li n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet mill-irġiel fejn jidħol l-aċċess għall-finanzi, għat-taħriġ, għan-netwerking u meta jiġu biex iżommu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jħeġġu l-intraprenditorija femminili u jippromwovu l-użu tal-potenzjal ta' nofs il-popolazzjoni tal-Ewropa biex jiżguraw li jkun hemm tkabbir sostenibbli u għat-terminu twil[35];

27. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkalkolaw l-impatt tas-sistemi ta' pensjoni l-ġodda fuq il-kategoriji differenti ta' nisa, b'attenzjoni partikolari għall-kuntratti part-time u atipiċi u li jadattaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali, speċjalment fejn jidħlu l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar;

28. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jippromwovu, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi stereotipati bħala “maskili”, partikolarment fis-settur tax-xjenza u t-teknoloġiji l-ġodda, jieħdu vantaġġ sħiħ mill-kapital uman li jirrappreżentaw in-nisa Ewropej biex jintlaħqu aħjar il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

29. Huwa tal-fehma li, sabiex in-nisa jingħataw l-għajnuna biex jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet ta' politika multidimensjonali li jħaddnu fihom tagħlim u azzjoni tul il-ħajja bħala ġlieda kontra l-impjieg prekarju, u l-promozzjoni ta' impjiegi bi 'drittijiet u prattiki ta' organizzazzjoni ta' xogħol differenzjat, fuq talba tal-mara, sabiex ma jkollhomx għalfejn iħallu l-karrieri tagħhom, jew iwaqqfuhom għal xi żmien;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti biex tittejjeb s-sitwazzjoni tan-nisa żgħażagħ u ta' nisa impjegati f'kundizzjonijiet mhux siguri, b'mod partikolari ta' nisa u membri ta' minoranzi etniċi, li huma aktar vulnerabbli fi żmien ta' kriżi ekonomika u soċjali; jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir aktar azzjoni biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-ġeneri fis-sistemi tas-saħħa pubblika u li fuq dawn l-inugwaljanzi jirbaħ dejjem l-aċċess ugwali għal dawn is-sistemi;

31. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni f'uħud mill-Istati Membri ma tipprojbixxix b'mod espliċitu l-għoti ta' ittri ta' riżenja ffirmati minn qabel lill-impjegaturi fil-mument tar-reklutaġġ tan-nisa, u dan jippermetti li jiġu evitati l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-maternità;

32. Jinnota li s-sigurtà soċjali hija b'mod partikolari fil-mira ta' tnejn mill-punti ewlenin tal-politika ta' awsterità: it-tnaqqis tal-bilanċ negattiv tal-baġit permezz tat-tnaqqis tan-nefqa soċjali, u t-titjib fil-kompetittività u l-kosteffiċjenza permezz ta' tnaqqis fil-ħlasijiet ta' kontribuzzjoni mill-intrapriżi;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-prospetti tan-nisa żvantaġġati, bħal nisa migranti, membri ta' minoranzi etniċi, nisa b'diżabilità u ommijiet li jrabbu lil uliedhom waħedhom, u b'hekk iżidu l-possibilità ta' dawn in-nisa li jgħixu ħajja ekonomikament indipendenti, billi jtejbu l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

34. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi maħsuba għal dawk li huma qiegħda fit-tul, essenzjalment billi jiffokaw fuq it-taħriġ professjonali u l-integrazzjoni mill-ġdid rapida fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-protezzjoni soċjali għall-persuni qiegħda bħala mezz li bih jindirizzaw iż-żieda fil-faqar, partikolarment fost in-nisa;

35. Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lin-nisa biex jipparteċipaw fit-taħriġ vokazzjonali fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja, b'risposta għall-bidla lejn ekonomija sostenibbli, bl-enfażi fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs), biex b'hekk titjieb l-impjegabilità tal-ħaddiema nisa;

36. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw miżuri speċifiċi mmirati lejn il-ħaddiema żgħażagħ, speċifikament billi jipprojbixxu li ż-żgħażagħ jiġu impjegati b'mod abbużiv f'karigi li essenzjalment huma permanenti u jiżguraw l-eżistenza ta' kuntratti bil-miktub, apprendistati u għotjiet ta' taħriġ li jimxu skont il-ftehimiet ta' negozjar kollettiv applikabbli, u jipprovdu s-sigurtà soċjali;

37. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-impjieg mhux dikjarat tan-nisa, peress li dan jikkontribwixxi għad-deregolamentazzjoni sħiħa tal-istrutturi ta' ħlas tan-nisa u jikkawża faqar dejjem jiżdied tan-nisa, speċjalment aktar tard fil-ħajja;

38. Jenfasizza l-fatt li, biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ issir realtà, din tirrikjedi investimenti pubbliċi li jippromwovu l-ħolqien nett tal-impjiegi, toħloq impjiegi permanenti b'kuntratti ta' impjieg xierqa u b'rispett għan-negozjar kollettiv għall-pagi u l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-Garanzija, meta tiġi implimentata, ma tirriproduċix l-istess disparitajiet li jeżistu fis-suq tax-xogħol;

39. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat u taħriġ xieraq lin-nisa li jixtiequ jistabbilixxu negozju, bl-għan li titrawwem l-imprenditorija femminili;

40. Jinsisti li l-prevenzjoni hija aqwa mill-kura; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jsegwu aktar mill-qrib is-sitwazzjoni tat-tfal, permezz tal-'monitoraġġ tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-perċentwal ta' żgħażagħ mhux fl-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, l-introjtu disponibbli tal-familja, ir-rata fir-riskju ta' faqar u l-inugwaljanza fil-pagi, peress li dawn jippermettu identifikazzjoni aktar rapida u preċiża tal-problemi kbar soċjali u relatati mal-impjieg;

41. Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jagħtu spinta lill-investiment fl-edukazzjoni pubblika, isaħħu l-prospettiva demokratika tagħhom u l-organizzazzjoni pedagoġika, jaġġornaw il-kurrikuli tal-iskejjel, itejbu l-kundizzjonijiet ta' xogħol 'fl-iskejjel, jiżguraw aċċess ħieles universali għall-edukazzjoni u provviżjoni soċjali inklużivi u ta' kwalità għolja, u b'hekk jiġġieldu kontra l-falliment akkademiku u jnaqqsu r-rati ta' tluq mill-iskola;

42. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jżidu l-investiment tagħhom fis-servizzi pubbliċi, u fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa, b'mod partikolari s-servizzi tas-saħħa marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva; jirrakkomanda lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-dritt tan-nisa għal servizzi pubbliċi għall-kura tas-saħħa bla ħlas u ta' kwalità għolja ta' ġinekologu u ostetriku u għas-saħħa sesswali u riproduttiva b'mod ġenerali, inkluż id-dritt għal tmiem volontarju tat-tqala; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nisa jkollhom l-istess drittijiet fir-rigward tal-kontraċezzjoni, il-maternità jew is-sesswalità u jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiġbru d-dejta sabiex ikollhom għarfien tas-sitwazzjoni li jiffaċċaw in-nisa fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

43. Ifakkar li l-UE rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà fit-22 ta' Jannar 2012, u skont din il-Konvenzjoni, l-istati firmatarji jintrabtu biex jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-persuni b'diżabbiltà kollha mingħajr diskriminazzjoni ta' ebda tip abbażi ta' diżabbiltà u li jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li jkunu inkonsistenti mal-Konvenzjoni;

44. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-kontributi soċjali tan-nisa li jagħżlu jew li ma jkollhom l-ebda għażla oħra ħlief li jnaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom biex jiddedikawh għat-tfal jew għall-qraba dipendenti tagħhom, minħabba li ma jsibux postijiet ta' kura aċċessibbli;

45. Jenfasizza li n-nisa qed ikunu dejjem aktar dawk li jaqilgħu l-għajxien tal-familji; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex joħolqu status għal dawk li jgħinu lill-qraba li jippermetti lin-nisa mhux biss li ma jiġux penalizzati professjonalment iżda, barra minn hekk, jilleġittimizzaw ir-rwol ta' importanza primarja li huma jwettqu fis-soċjetà;

46. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tfasslu l-miżuri li jippermettu li jwasslu r-rata ta' impjieg tal-popolazzjoni ta' bejn 20 u 64 sena għal 75 %, b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-miżuri;

47. Jenfasizza l-vulnerabbiltà tan-nisa b'diżabbiltà u tan-nisa li għandhom ir-responsabilità ta' wild b'diżabbiltà; jitlob li jinħolqu' postijiet ta' kura u ta' servizzi li jippermettu li jgħinu lil dawn in-nisa jirrikonċiljaw aħjar il-bżonnijiet tal-familja mal-ħajja professjonali tagħhom u ma jwaqqfux ix-xogħol tagħhom biex jappoġġaw u jieħdu ħsieb il-persuna dipendenti mit-twelid sakemm issir adulta;

48. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-baġit tagħhom għall-appoġġ tat-tfal sabiex jespandu n-netwerk pubbliku tal-kura ta' kuljum, tan-nurseries, tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu attivitajiet extrakurrikulari għat-tfal u d-djar ta' matul il-jum u r-residenzi għall-anzjani li l-kura tagħhom, fl-isfera privata, tiġi pprovduta kważi esklużivament min-nisa. jistieden lill-Istati Membri joħolqu kundizzjonijiet adegwati biex itejbu l-impjegabilità tan-nisa u jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, permezz tal-kura u l-indukrar tat-tfal aċċessibbli, skemi ta' liv tal-ġenituri u kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli, b'mod partikolari meta n-nisa jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol wara perjodi twal ta' inattività minħabba t-twelid tat-tfal jew sabiex ilaħħqu ma' impenji familjari oħrajn; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-miri stabbiliti u affermati mill-ġdid mill-Kunsill fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) biex titjieb il-provvista tal-indukrar tat-tfal fl-Istati Membri (il-miri ta' Barċellona); jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li wieħed jiflaħ iħallashom fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2014;

49. Jenfasizza li l-issikkar fiskali m'għandux jipperikola l-progress miksub minn politiki li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;

50. Itenni t-talba li indirizza lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 biex il-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni komprensiva dwar is-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi magħmula minn persuna waħda fl-UE, bi proposti ta' politika biex jinkiseb trattament ġust f'oqsma bħat-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet, abbażi tal-prinċipju tan-newtralità tal-politika fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi;

51. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur li x-xogħol domestiku mhux imħallas ikollu fuq il-benessri u l-koeżjoni tal-familji u jiddaħħal fil-kontijiet nazzjonali bħala strument li jżid il-valur tal-importanza soċjali ta' din l-attività għas-soċjetà.

52. Jinnota li l-qerda tal-impjiegi u ż-żieda fil-qgħad huma tnejn mill-aktar karatteristiċi ewlenin tal-kriżi attwali, kif jidher miż-żieda fir-rati tal-qgħad fl-UE 27 minn Settembru 2011 sa Settembru 2012, minn 9.8 % għal 10.6 %, li jirrappreżenta 2.145 miljun ruħ qiegħda[36];

53. Jenfasizza l-fatt li l-inizjattivi tal-Kummissjoni b'rabta mal-politiki tal-familja għandhom jikkunsidraw il-familji kollha, mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom;

54. Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat il-kunċett legali ta' sjieda konġunta bil-għan li d-drittijiet tan-nisa fis-settur agrikolu jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ, li jirċievu protezzjoni xierqa tas-sigurtà soċjali u li x-xogħol tagħhom jiġi rikonoxxut;

55. Jinnota li skont iċ-ċifri tal-Kummissjoni, fl-2012 31.6 % tal-irġiel u 40 % tan-nisa ta' bejn it-30 u l-34 sena fl-Unjoni Ewropea kellhom kwalifika ta' edukazzjoni ogħla; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa jirrapreżentaw 60 % tal-gradwati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ulterjuri sabiex itejbu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tagħhom fih, b'mod partikolari fis-setturi fejn għadhom mhux rappreżentati biżżejjed, bħal dawk tat-teknoloġiji għoljin, tar-riċerka, tax-xjenzi u l-inġinerija u l-kwalità tal-impjiegi tan-nisa, b'mod partikolari permezz ta' programmi ta' taħriġ u ta' edukazzjoni tul il-ħajja fil-livelli kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-Fondi Strutturali Ewropej biex jintlaħaq dan l-għan;

56. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità u attenzjoni speċjali lill-gruppi ta' nisa bi bżonnijiet speċjali, b'mod speċjali lin-nisa b'diżabilità, lin-nisa b'persuni dipendenti, lin-nisa anzjani, lin-nisa f'minoranza, lin-nisa migranti u lin-nisa bi ftit jew l-ebda taħriġ professjonali, u biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi adattati għall-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom;

Ġlieda kontra l-istereotipi dwar il-ġeneri

57. Jinsisti li biex jiġu eliminati l-istereotipi dwar il-ġeneri u jiġu promossi mudelli ta' imġiba ugwali fil-qasam soċjali u ekonomiku, huwa importanti ħafna li dawn il-valuri jiġu trażmessi fl-iskejjel minn etajiet żgħar, u li jitwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-mezzi tax-xandir, li jenfasizzaw ir-rwol tal-irġiel fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-distribuzzjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-familja u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u tal-ħajja privata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'aktar konvinzjoni biex itemmu l-istereotipi dwar il-ġeneri trażmessi mill-mezzi tax-xandir u jiġbed l-attenzjoni fuq il-miżuri importanti li huma inklużi fir-rapport tal-Parlament dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi dwar il-ġeneri, li ġie adottat fl-2013; jistieden lill-Istati Membri, u speċjalment lil dawk li jirregolaw il-mezzi tax-xandir tagħhom, jagħtu attenzjoni lill-ispazju mogħti – kemm f'termini kwantitattivi u kemm f'dawk kwalitattivi – lin-nisa u jippromwovu stampa tan-nisa bbilanċjata u mhux stereotipata, b'mod li jirrispetta d-dinjità tan-nisa, ir-rwoli differenti u l-identità tagħhom u ssir enfażi akbar fuq l-iżvilupp soċjali tagħhom, kif ukoll id-drittijiet kostituzzjonali u r-rwol tagħhom fis-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet u d-dinja tax-xogħol, kif ukoll fil-mezzi tax-xandir, u fil-materjal ta' reklamar u ta' promozzjoni u t-televixin b'mod partikolari, b'mod partikolari biex jevitaw li jwasslu lill-pubbliku stereotipi dwar il-ġeneri u jwaqqfu kwalunkwe tendenza li jkun hemm attenzjoni żejda fuq is-sesswalità tal-bniet;

58. Jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi edukattivi fl-iskejjel sekondarji, għall-adolexxenti mit-12-il sena 'l fuq, kontra l-istereotipar dwar il-ġeneri. Din l-edukazzjoni għandha titfassal fuq il-prattiki tajba u għandha teduka lill-istudenti subien u bniet dwar il-ġeneri, bit-tentattiv li tkisser l-istereotipi marbuta mar-rwol soċjali, ir-rappreżentazzjoni u s-sinifikat li tkun mara u raġel. iqis li dawn l-istereotipi – li skonthom, pereżempju, in-nisa huma destinati li jwettqu ċerti kompiti, bħal jiddedikaw ruħhom għall-kura tat-tfal, tal-anzjani u tad-dar, u l-irġiel min-naħa l-oħra magħmula għax-xogħol li jipproduċi dħul u għall-karriera – m'għandhomx jiddaħħlu fil-kotba tal-iskola;

Ugwaljanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet

59. Jenfasizza li sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru kif ukoll l-istereotipi u l-preġudizzji dwar ir-rwol tan-nisa, flimkien ma' politiki speċifiċi li jappoġġaw id-drittijiet u l-opportunitajiet ugwali fil-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali (biex jiġġieldu kontra ħinijiet tax-xogħol irregolari u imprevedibbli, japplikaw rimunerazzjoni ġusta u pagi indaqs u jespandu s-servizz pubbliku għall-indukrar tat-tfal, u n-netwerks tan-nurseries u tal-iskejjel) bl-effett pożittiv ta' tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja soċjali u politika;

60. Jinsisti fuq il-bżonn li jiżdiedu l-isforzi fil-livell Ewropew biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fl-isferi politiċi, fl-Istituzzjonijiet Ewropej differenti, inkluż il-Parlament Ewropew; jemmen li jeħtieġ li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli nazzjonal, reġjonali u muniċipali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-partiti politiċi għandhom rwol importanti; isostni li parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-politika tikkostitwixxi wieħed mis-sisien demokratiċi tas-sistema politika tagħna u hija kruċjali sabiex tinkiseb rappreżentanza demokratika taċ-ċittadini tal-UE; jinnota li l-punt imsemmi hawn fuq jinfluwenza direttament u indirettament il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri u lill-partiti nazzjonali jqisu l-kwistjoni tal-ġeneri huma u jfasslu l-listi elettorali, kif ukoll fil-ħatra tal-postijiet amministrattivi ta' livell għoli fl-istituzzjonijiet;

61. Jinnota li l-użu tal-kwoti elettorali għandu effetti pożittivi fuq ir-rappreżentanza tan-nisa, u jilqa' s-sistemi ta' parità u l-kwoti tas-sessi integrati fil-leġiżlazzjoni ta' diversi Stati Membri; jitlob lill-Istati Membri b'rappreżentenza partikolarment baxxa tan-nisa f'assemblej politiċi biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri ekwivalenti; huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea, minbarra l-valuri u l-ambizzjonijiet tagħha, trid tagħti eżempju ta' ugwaljanza ikbar bejn l-irġiel u n-nisa fl-istituzzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, li se jkunu segwiti mill-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss u n-nomini għall-karigi amministrattivi għolja fi ħdan l-Istituzzjonijiet Ewropej, huma opportunità biex isir pass 'il quddiem lejn demokrazija ta' parità fil-livell tal-UE; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jappoġġaw l-ugwaljanza billi jipproponu raġel u mara bħala kandidati għall-kariga ta' Kummissarju, u jitlob lill-President maħtur tal-Kummissjoni jżomm f'moħħu l-objettiv tal-ugwaljanza fil-formazzjoni tal-Kummissjoni;

62. Iqis li hija ħasra li skont id-dejta tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Parlament Ewropew nisa jirrapreżentaw biss 36 % meta mqabbla ma' 64 % għall-irġiel; jinnota li l-proporzjon tad-deputati nisa fil-parlamenti nazzjonali niżel saħansitra għal 26 %, meta mqabbel ma' 74 % għall-irġiel; jinnota li ċ-ċifri fil-każ tal-Kummissjoni huma 32 % u 68 % rispettivament;

63. Iqis li l-inkorporazzjoni tan-nisa fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi kif ukoll ta' kwistjoni ta' ġustizzja hija ħtieġa biex tittejjeb il-kompetittività tan-negozju, u li għaldaqstant għandha tkun mira strateġika li għandha tiġi inkorporata fil-politiki kollha bħala appoġġ għall-attività produttiva. jemmen li l-inugwaljanza f'dan il-qasam tfisser li qed ikun hemm ġestjoni negliġenti tat-talent inkompatibbli mal-mudell ta' żvilupp għall-2020 li wieħed mill-punti ewlenin tiegħu huwa l-għarfien.

64. Jenfasizza li skont l-istatistiki tal-Kummissjoni, 15.8 % tas-siġġijiet fuq il-bordijiet tal-ikbar kumpaniji elenkati attwalment huma miżmuma min-nisa u li l-progress sabiex titranġa s-sitwazzjoni miexi bil-mod, b'żieda annwali ta' 0.6 % biss fost il-mexxejja tan-negozju ewlenin ta' dawn il-kumpaniji; jinnota li 97 % tal-presidenti tal-bordijiet tal-kumpaniji huma rġiel; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jippromwovu bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet ta' ġestjoni fil-kumpaniji u biex dawn jiġu implimentati b'mod rapidu, u b'hekk jikkontribwixxu għal prestazzjoni kummerċjali aħjar, kompetittività mtejba u gwadann ekonomiku għall-UE; jenfasizza l-fatt li ġie rikonoxxut il-fatt li, jekk ikun hemm aktar nisa b'karigi ekonomiċi għoljin, il-prestazzjoni organizzattiva u finanzjarja tal-kumpanija tkun waħda b'saħħitha u t-teħid ta' deċiżjonijiet ikun ta' kwalità aħjar; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva biex tingħata spinta lir-rappreżentanza tan-nisa fil-bordijiet mhux eżekuttivi tal-'kumpaniji elenkati fil-Borża permezz tal-introduzzjoni ta' mira minima ta' 40 % għan-nisa minn issa sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, rappreżentanza akbar ta' nisa fl-istrutturi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-' intrapriżi żgħar u medji; jistieden lill-Kunsill, bħala kwistjoni ta' urġenza, jidħol f'negozjati mal-Parlament b'rabta mal-ewwel qari tiegħu tal-fajl sabiex jintlaħaq ftehim fost l-Istituzzjonijiet kollha tal-UE minn issa sa tmiem is-seba' leġiżlatura;

Vjolenza fuq in-nisa

65. Josserva li l-femminizzazzjoni tal-faqar tista' twassal għal żieda fit-traffikar tan-nisa, l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni sfurzata u t-tisħiħ tad-dipendenza finanzjarja tan-nisa, inklużi n-nisa li għaddew minn vjolenza domestika;

66. Josserva li l-kriżi ekonomika tikkontribwixxi għall-molestja u l-vjolenza ta' kull tip, kif ukoll għall-prostituzzjoni, bin-nisa bħala l-vittmi, u li dan huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi pubbliċi, finanzjarji u umani disponibbli biex jintervjenu bħala sostenn għall-gruppi f'riskju ta' faqar u jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' riskju li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni mingħajr dar;

67. Jenfasizza l-fatt li l-prostituzzjoni hija forma ta' vjolenza, xkiel għall-ugwaljanza bejn is-sessi u mod kif tiġi żviluppata l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-prostituzzjoni bħala vjolenza kontra n-nisa, u li din m'għandhiex tiġi meqjusa bħala impjieg, anke jekk issir b'mod “voluntarju”;

68. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri għandhom ir-repsonabilità ewlenija li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin; iqis li mhuwiex sodisfaċenti l-fatt li minn April 2013 'l hawn, sitt Stati Membri biss innotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, li għaliha kien hemm skadenza għall-implimentazzjoni li skadiet fis-6 ta' April 2013;

69. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw azzjoni miftiehma f'dan il-qasam u jieħdu passi ulterjuri, bħala kwistjoni ta' prijorità, biex issaħħu l-politiki u l-miżuri li jipproteġu d-dinjità tan-nisa u jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jilqa' l-isforzi, kemm dawk fil-livell Komunitarju u dawk f'dak nazzjonali, favur il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, l-irġiel u t-tfal, bħad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-pakkett leġiżlattiv għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE, iżda jenfasizza li dan il-fenomenu għadu problema ewlenija li għadha ma ssolvitx; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi lis-sena 2016 bħala s-Sena tal-UE biex Tintemm il-Vjolenza fuq in-Nisa, u tippreżenta strateġija u pjan ta' azzjoni relatati li jinvolvu lill-UE kollha sabiex tintemm il-vjolenza fuq in-nisa u li jinkludu strumenti vinkolanti; dan għandu jinkludi l-preżentazzjoni, fi tmiem l-2014, ta' proposta għal att ibbażat fuq l-Artikolu 84 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, kif ukoll azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, ġbir tad-dejta, u finanzjament għall-NGOs, bħalma tħabbar fil-konkluzjonijiet tal-Kunsill f'Marzu 2010; jappella lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw mill-aktar fis possibbli qabel il-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-vjolenza kontra n-nisa fil-Kunsill tal-Ewropa, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-ratifiki nazzjonali u tniedi l-proċess ta' adeżjoni tal-UE ma' din il-Konvenzjoni, ladarba jiġu vvalutati l-konsegwenzi u l-valur miżjud ta' din l-adeżjoni;

70. Jenfasizza l-fatt li l-eradikazzjoni tal-istereotipi tas-sessi hija essenzjali wkoll għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u teħtieġ impenn qawwi fl-isfera tal-familja, fis-sistema edukattiva, fil-mezzi tax-xandir, fir-reklamar u fil-lingwaġġ ta' kuljum. iqis li din ir-reazzjoni titlob strateġija komprensiva bl-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet privati, l-aġenti soċjali u impenn individwali li għandu jiġi stimulat mill-istituzzjonijiet, mill-pjanijiet ta' azzjoni u mġiba konsistenti ma' dawn il-valuri;

71. Jinsisti li waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-istituzzjonijiet madwar l-Ewropa kollha hi t-tolleranza żero fir-rigward ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jkomplu, u tabilħaqq jespandu, il-programmi ta' prevenzjoni maħsuba bħala ġlieda kontra s-sorsi ta' vjolenza kontra n-nisa u jiżguraw li jkun disponibbli aċċess għal diversi forom ta' prevenzjoni, protezzjoni legali u assistenza b'rabta mal-vjolenza domestika, anke b'referenza għall-istalking; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' kooperazzjoni ikbar, kemm jekk tkun orizzontali jew vertikali, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet femminili u tas-soċjetà ċivili biex jiġġieldu b'mod effettiv il-vjolenzi fuq in-nisa u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi din il-kooperazzjoni sabiex tfassal u timplimenta strateġija effiċjenti għall-ġlieda kontra n-nisa.

72. Jinnota li dawn il-vjolenzi huma l-kawża ta' bosta mijiet ta' mwiet kull sena fl-Unjoni Ewropea u li jirrikjedu reazzjonijiet immedjati u prattiċi;

73. Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-ġbir ta' dejta primarja ta' kwalità għolja dwar is-servizzi ta' appoġġ għan-nisa li jkunu għaddew minn vjolenza domestika, u li dejta bħal din jeħtieġ li tkun komparabbli, affidabbli u mhux limitata għal statistika kriminali pprovduta mill-pulizija, li għandha tkun ikkumplimentata bi studji komprensivi, ta' kwalità għolja bbażati fuq riċerka fuq il-post;

74.  Jinnota li, skont il-konklużjonijiet li ntlaħqu fl-2012, matul il-Presidenza Ċiprijotta kien ġie stabbilit li s-servizzi speċjalizzati bħal djar ta' kenn għan-nisa vittmi ta' vjolenza jew linji għal sejħiet ta' emerġenza mhumiex disponibbli kullimkien u xorta waħda mhumiex imqassma b'mod ekwu fl-Istati Membri; jitlob biex jiġu żviluppati dawn is-servizzi essenzjali biex jippermettu lin-nisa jirrappurtaw il-vjolenzi li ġarrbu;

75. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwaħħdu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u n-netwerks tat-traffikar, kif ukoll biex jadottaw u jsaħħu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, edukattivi, soċjali u kulturali biex jiskoraġġixxu t-talba għall-prostituzzjoni;

76. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politiki ta' migrazzjoni tal-UE maħsuba għall-“ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali” huma bbażati fuq filosofija ta' kriminalizzazzjoni tal-istatus ta' “persuni illegali” u t-tnaqqis tal-immigranti, kif jidher fid-Direttiva dwar ir-Ritorn tal-2010, u jemmen li dawn il-politiki għandhom ikunu ffokati mill-ġdid fuq l-inklużjoni soċjali fil-pajjiżi ospitanti; jenfasizza li dawn il-politiki ta' migrazzjoni tal-UE qed iżidu mal-vulnerabbiltà u qed jonqsu milli jipproteġu lill-migranti nisa irregolari li huma vittmi ta' vjolenza, li l-parti l-kbira tagħhom ma jfittxux l-għajnuna;

77. Jinnota li n-nisa migranti irregolari qiegħdin f'pożizzjoni aktar vulnerabbli u li, f'ħafna pajjiżi, dawk li jġarrbu vjolenza domestika m'għandhom l-ebda sors ta' appoġġ ieħor minbarra s-servizzi tas-saħħa pubblika;

78. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil;

79. Jirrakkomanda lill-Istati Membri jistabbilixxu l-obbligu tal-appoġġ lin-nisa migranti irregolari eżattament bl-istess mod bħalma jingħata lin-nisa b'residenza legali, fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom, biex jeliminaw il-vjolenza domestika, mingħajr kwalunkwe rekwiżit għall-istituzzjonijiet li jirrappurtaw każijiet bħal dawn lill-awtoritajiet;

80. Jinnota bi tħassib li - skont dejta mir-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE: Vjolenza fuq in-Nisa, Appoġġ għall-Vittmi (2012), ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) - it-taħriġ professjonali u s-sostenibbiltà tal-finanzjament għas-servizzi pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs li jipprovdu servizzi għal nisa f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika qed jintlaqtu b'mod evidenti mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika;

81. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tas-saħħa pubblika u bla ħlas tagħhom fil-qasam tal-appoġġ lil nisa soġġetti għal vjolenza u li jżidu n-numru ta' djar ta' kenn u tal-kapaċità tagħhom, b'assistenza speċjalizzata lil nisa ta' nazzjonalitajiet differenti b'firxa ta' lingwi differenti u lil nisa b'diżabilitajiet u jiżguraw li n-nisa jiġu offruti assistenza legali adegwata kif ukoll konsulenza u terapija psikoloġika; f'dan ir-rigward, in-nisa migranti li ma twieldux fl-UE u nisa Rom għandu jkollhom aċċess għal servizzi speċjalizzati tal-kura tas-saħħa;

82. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tniedi Osservatorju Ewropew dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa, fi ħdan l-istrutturi istituzzjonali eżistenti (Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi);

83. Jinsisti fuq l-importanza tat-taħriġ sistematiku tal-persunal kwalifikat li jieħu ħsieb lin-nisa vittmi tal-vjolenza fiżika, sesswali jew psikoloġika; iqis li dan it-taħriġ huwa essenzjali għall-interventi tal-ewwel u t-tieni linja, inklużi s-servizzi ta' emerġenza soċjali, mediċi, tal-protezzjoni ċivili, u tal-pulizija;

84. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament kontinwu għal programmi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra t-tipi kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ sabiex jiġu indirizzati l-istereotipi li għandhom għeruq fil-fond fis-soċjetà tagħna;

85. Jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-politiki barranin, fil-politki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u f'dawk tal-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu u jappoġġaw l-emanċipazzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom ma' stati u organizzazzjonijiet barra mill-Unjoni; jenfasizza l-importanza li tiġi applikata r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-UE;

86. Jindika li l-Kummissjoni għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex tinkludi l-ugwaljanza bejn is-sessi fin-negozjati kollha ma' pajjiżi terzi u fir-rapporti tagħha ta' progress tal-pajjiżi; jenfasizza r-rwol importanti tal-Parlament li jipprovdi kritika u jsegwi l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji u r-rapporti tal-pajjiżi;

87. Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u tal-kunsiderazzjoni konkreta tar-rakkomandazzjonijiet żviluppati fil-qasam tar-rapporti tal-Istitut Ewropew tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

88. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
  • [2]  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
  • [3]  ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
  • [4]  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
  • [5]  Anness għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011.
  • [6]  Testi adottati, P7_TA(2013)0375.
  • [7]  Testi adottati, P7_ TA(2013)0073.
  • [8]  Testi adottati, P7_ TA(2013)0247.
  • [9]  Testi adottati, P7_ TA(2013)0074.
  • [10]  Testi adottati, P7_TA(2013)0045.
  • [11]  Testi adottati, P7_ TA(2013)0322.
  • [12]  Testi adottati, P7_TA(2012)0225.
  • [13]  ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 35.
  • [14]  Testi adottati, P7_ TA(2011)0085.
  • [15] 3 Testi adottati, P7_ TA(2012)0069.
  • [16]  Testi adottati, P7_TA(2011)0330.
  • [17]  Testi adottati, P7_TA(2011)0127.
  • [18]  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 77.
  • [19]  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 79.
  • [20]  ĠU C 287E, 18.3.2010, p. 31.
  • [21]  ĠU C 236E, 28. 9.2006, p. 130
  • [22]  SWD(2013)0171.
  • [23]  Sors: Eurostat
  • [24]  Sors: Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-2012 (SWD(2013)0171),
  • [25]  Sors: Eurostat 155/2013, 31 ta’ Ottubru 2012.
  • [26]  Is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjieg fl-UE; Rieżami Trimestrali, IP/13/879, 2.10.2013.
  • [27]  Eurofound, it-tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja p. 57.
  • [28]  Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, il-Ħajja tal-Familja u x-Xogħol, 2010.
  • [29]  Opinjoni tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-Kumitat għall-Baġits dwar ir-rapport interim fl-interess li jinkiseb riżultat pożittiv tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali għas-snin 2014-2020, 19.9.2012;
  • [30]  Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar il-Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-2012 (SWD(2013)0171)
  • [31]  Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar il-Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-2012 (SWD(2013)0171), p. 54.
  • [32]  Kummissjoni Ewropea ‘She Figures 2012 – Gender in Research and Innovation’ (2013).
  • [33]  http://ec.europa.eu/europeaid/who/partners/international organisations/documents/un-woman_en.pdf
  • [34]  ‘Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew ta’ Marzu 2013 dwar il-Ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa’, PE 504.467.
  • [35]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan ta’ azzjoni dwar l-intraprenditorija 2020. Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” (COM(2012)0795).
  • [36]  Stqarrija għall-istampa mill-Eurostat tal-31 ta’ Ottubru 2012, 155/2012.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-2012, sena li fiha l-politiki ta' awsterità deċiżi mill-UE - partikolarment politiki ta' governanza ekonomika - kienu qed jiġu implimentati, u tliet pajjiżi tal-UE kienu taħt intervent mit-Trojka (il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall), ir-rapporteur iffokat l-attenzjoni fuq il-problemi reali tal-ħajja li jaffettaw il-ħajja ta' kuljum ta' proporzjon kbir ta' nisa fl-UE.

Fl-2012, aktar minn 2.145 miljun persuna oħra kienu qiegħda fl-UE milli fl-2011. Ir-riskju tal-faqar kien ta' 26 % għan-nisa u 23.9 % għall-irġiel.

Miljuni ta' nisa jiffaċċaw qgħad, impjiegi prekarji, tnaqqis fil-valur reali tas-salarji u d-drittijiet għal pensjoni tagħhom, pagi baxxi u diskriminazzjoni fil-pagi. It-tfajliet isibu ruħhom f'sitwazzjoni estremament inċerta, maqbuda bejn id-diffikultà tal-aċċess għas-suq tax-xogħol (bil-qgħad taż-żgħażagħ f'livell ta' 23.1 %) u l-instabbiltà tax-xogħol li huma suġġetti għaliha, u dan jipperikola l-indipendenza ekonomika li hija ċ-ċavetta tagħhom għal parteċipazzjoni ugwali. Ħafna nisa u tfajliet huma sfurzati jemigraw biex ifittxu ħajja aħjar.

Ħafna nisa li jaħdmu fl-oqsma tal-industrija, tal-kummerċ u soċjali bi skedi tax-xogħol intensivi u pagi baxxi jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet ta' faqar anki meta jkunu impjegati. Numru li dejjem qed jikber ta' ħaddiema nisa jsibu ruħhom jgħaqqdu l-attività professjonali tagħhom ma' forom addizzjonali ta' xogħol sabiex jipprovdu għalihom infushom u għall-familji tagħhom, li ta' spiss ikunu affettwati mill-qgħad. In-nisa qed ikollhom jiffaċċaw ukoll ir-realtà ħarxa li jitolbu l-għajnuna meta ma jkollhomx flus biex jitimgħu lil uliedhom. Persunal tekniku u akkademiku ta' nisa kwalifikati qed ibatu tnaqqis fl-istatus soċjoprofessjonali u fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Fl-2012, fl-UE kien hemm 25.4 miljun tifel u tifla f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali - problema soċjali drammatika, bin-nisa normalment fuq quddiem biex jiġġieldu kontriha u biex jippruvaw inaqqsu l-impatt tagħha. Budget cuts to public services result in reduced access to education and health services, with women often being denied proper pregnancy care. The cuts in social benefits endured by many families are even harder to bear in situations of unemployment.

Il-ħtieġa tant reklamata biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni politika, soċjali, kollettiva u kulturali tan-nisa tinsab f'riskju ċar, partikolarment fil-każ tan-nisa fil-livelli baxxi ta' soċjetà.

Ovvjament, filwaqt li l-inugwaljanzi jeżistu fil-pajjiżi, dawn qed isiru aktar evidenti minn pajjiż għal ieħor. Ir-rati tal-qgħad fiż-żona tal-euro tan-Nofsinhar u fil-periferija tagħha, fl-2012 laħqu medja ta' 17.3 %, filwaqt li kienu ta' 7.1 % fit-Tramuntana u ċ-ċentru taż-żona tal-euro. Il-faqar żdied f'żewġ terzi tal-Istati Membri, iżda mhux fit-terz l-ieħor.

Il-ħolqien ta' żoni ġeografiċi kbar li jipprovdu xogħol ta' livell baxx, li jippermetti l-ġid jakkumula fl-idejn tal-gruppi ekonomiċi ewlenin, u l-qerda ta' servizzi pubbliċi qabel ma jsiru profittabbli permezz tal-privatizzazzjoni kienu s-soluzzjonijiet magħżula mill-gruppi ekonomiċi u finanzjarji kbar biex isolvu l-problemi tagħhom filwaqt li jakkumulaw il-ġid. L-UE u bosta gvernijiet nazzjonali ppruvaw ipoġġu dawn l-ideat fil-prattika.

Dik li issa hija msejħa l-'kriżi ekonomika u finanzjarja' hija wkoll kriżi ta' demokrazija u ta' ugwaljanza bejn is-sessi. Hija kriżi tal-kisbiet mirbuħa matul il-kors tas-sekli u li għalihom iġġieldu ġenerazzjonijiet ta' nisa.

Ir-rapporteur tenfasizza li mhuwiex possibbli li jiġu segwiti dawn il-politiki filwaqt li wieħed jipprova ‘jevita' jew ‘jimminimizza' l-impatt fuq il-ġeneru tagħhom, kif huwa ta' spiss suġġerit. L-ugwaljanza bejn is-sessi ma tistax teżisti flimkien ma' dawn il-politiki. Ir-rapport għalhekk jipproponi l-miżuri li ġejjin biex jikkontrobattu dawn il-politiki soċjali u ekonomiċi:

–   Il-promozzjoni tad-dritt għal impjiegi bi drittijiet, bit-tqegħid tal-kapaċitajiet kreattivi u produttivi tan-nisa għas-servizz tal-parteċipazzjoni ugwali tagħhom fl-oqsma kollha ta' attività u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

–   Id-dritt għal impjiegi bi drittijiet, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi u d-dritt tan-nisa li jgħaqqdu x-xogħol mal-maternità mingħajr ma jkunu penalizzati ħabba f'hekk;

–   It-titjib fil-pagi u l-pensjonijiet, livell adegwat garantit ta' protezzjoni soċjali biex ikopri l-qgħad, il-mard, il-maternità u l-paternità, l-invalidità u x-xjuħija, u l-aċċess ugwali għan-nisa kollha għal servizzi tas-saħħa pubbliċi bla ħlas u ta' kwalità għolja;

–   Il-prevenzjoni tal-kawżi fundamentali u l-fatturi sottostanti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali u ż-żieda fil-prostituzzjoni u t-traffikar ta' nisa u tfal, u ż-żieda fil-fondi għall-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jipprovdu appoġġ lil nisa vittmi ta' vjolenza.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

8

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Marina Yannakoudakis, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Anne Delvaux, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Nicole Kiil-Nielsen, Christa Klaß, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Cashman, Elisabetta Gardini, Anna Hedh