RAPPORT INTERIM dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mad-dħul mill-ġdid
5.2.2014 - (11250/2013 – C7‑0351/2013 – 2013/0120A(NLE))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Ana Gomes
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mad-dħul mill-ġdid
(11250/2013 – C7‑0351/2013 – 2013/0120A(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11250/2013),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (14032/2009),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tas-7 ta' Marzu 1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja – pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja[1] (ASEAN) u tal-protokolli ta' adeżjoni sussegwenti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu Qafas strateġiku għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta' sħubija Ewropa-Asja[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni fl-Indoneżja, partikolarment fil-provinċja ta' Aceh[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2003 dwar l-Aceh[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2005 dwar id-diżastru reċenti kkawżat miz-tsunami fl-Oċean Indjan[5],
– wara li kkunsidra n-negozjati dwar is-Sħubija Komprensiva u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, awtorizzati mill-Kunsill fil-25 ta' Novembru 2004, konklużi f'Ġunju 2007 u ffirmati fid-9 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru, iffirmat fid-29 ta' Ġunju 2011[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar l-Indoneżja, inklużi l-attakki kontra l-minoranzi[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji[8],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/308/PESK tas-26 ta' April 2012 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fl-Asja tax-Xlokk[9],
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-elezzjonijiet fl-Indoneżja tal-5 ta' April 2004 u tal-20 ta' Settembru 2004, f'Timor Leste fit-30 ta' Awwissu 1999, fit-30 ta' Awwissu 2001, fid-9 ta' April 2007, fit-30 ta' Ġunju 2007, fis-7 ta' Lulju 2012, u fil-provinċja ta' Aceh fil-11 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġakarta dwar il-Prinċipji għall-Aġenziji kontra l-Korruzzjoni tas-27 ta' Novembru 2012;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 91, 100, 191(4), 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0093/2014),
A. billi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja (minn hawn 'il quddiem l-"Indoneżja") se jkunu rregolati mill-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni msemmi hawn fuq (minn hawn 'il quddiem il-"FSK");
B. billi l-FSK huwa l-ewwel strument ta' dan it-tip bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja u jimmira li jsaħħaħ il-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali ta' interess reċiproku u jżid ulterjorment il-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali fit-tweġiba għall-isfidi globali;
C. billi l-FSK fih, bħala elementi fundamentali, il-konferma tal-valuri espressi fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fi trattati internazzjonali oħrajn applikabbli għaż-żewġ partijiet kif ukoll għall-impenn tagħhom lejn il-prinċipji tad-demokrazija, tal-governanza tajba u tal-istat tad-dritt, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-kooperazzjoni f'oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u l-investimenti, l-enerġija, it-turiżmu, it-trasport u l-infrastrutturi, il-konservazzjoni tal-baħar u s-sajd, il-politika industrijali u l-impriżi żgħar u medji (SMEs), il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali kif ukoll il-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (AQM), il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-ħasil ta' flus, it-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu;
D. billi l-Indoneżja hija r-raba' pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja, it-tielet l-akbar demokrazija, l-akbar pajjiż Musulman b'miljuni ta' segwaċi ta' reliġjonijiet oħrajn, u b'soċjetà eteroġenja li tħaddan fiha 'l fuq minn 240 miljun ċittadin ta' varji etniji, lingwi u kulturi, 40 % minnhom għandhom inqas minn 25 sena, pożizzjonat strateġikament f'arċipelagu ta' aktar minn 17 000 gżira li jestendi tul 5 400 kilometru mil-Lvant sal-Punent fl-Oċean Indjan u Paċifiku;
1. Jitlob lill-Kunsill jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet segwenti:
(a) jilqa' pożittivament il-FSK bħala l-ewwel wieħed ta' dan it-tip bejn l-UE u l-pajjiżi ASEAN; iqis li jixhed l-importanza dejjem qed ikbar tar-rabtiet bejn l-UE u l-Indoneżja u jistenna li jiftaħ era ġdida ta' relazzjonijiet bilaterali msejsa fuq prinċipji kondiviżi bħal pereżempju d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, ir-rispett reċiproku u l-vantaġġ reċiproku;
(b) jenfasizza l-proċess ta' trasformazzjoni demokratika, politika, soċjali u ekonomika tal-Indoneżja, li dam 15-il sena, wara 33 sena ta' gvern militari awtoritarju; josserva li fl-Indoneżja l-urbanizzazzjoni għaddejja b'ritmu mgħaġġel, il-pajjiż għandu klassi medja li qiegħda tikber malajr ('il fuq minn 70 miljun), riżorsi naturali f'abbundanza, l-akbar ekonomija fix-Xlokk tal-Asja (iż-żieda fil-PDG tlaħħaq 'il fuq minn 6 % f'dawn l-aħħar sentejn), b'nofs il-kummerċ dinji fi tranżitu mill-fruntiera marittima tat-Tramuntana tiegħu u preżenza diplomatika dejjem ikbar fil-fora reġjonali u globali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kummissjoni tal-Oċean Indjan (IOC), il-G20 kif ukoll l-ASEAN li tagħha l-Indoneżja hija kemm fundatur kif ukoll l-akbar membru, u jirrikonoxxi r-rwol importanti li tiżvolġi l-Indoneżja fir-reġjun tal-madwar;
(c) ifaħħar il-progress li għamlet l-Indoneżja fl-iżvilupp tal-governanza demokratika u l-impenn favur id-demokrazija muri mis-soċjetà pluralistika tagħha, aspetti li jintwerew fl-iżvolġiment ta' elezzjonijiet liberi u ekwi, fil-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, fl-attiviżmu tas-soċjetà ċivili, fir-reżiljenza ekonomika u fit-tnaqqis tal-faqar, fl-edukazzjoni u fl-indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju l-oħra, fit-trawwim ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien u fid-difiża tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; josserva, madankollu, li għad fadal sfidi serji għall-istat tad-dritt u għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment billi tiġi garantita r-responsabilità tal-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-militari, u tal-persuni li jiksru d-drittijiet tal-minoranzi, bħad-drittijiet tal-gruppi reliġjużi, etniċi, tal-ġeneru u tal-komunità LGBTI, u anki l-isfidi marbuta mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jissottolinja li dawn l-isfidi jistgħu jiġu megħluba permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, partikolarment fil-qafas tal-FSK;
(d) jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rabtiet dejjem ikbar bejn l-UE u l-Indoneżja fil-kummerċ u f'setturi ekonomiċi oħrajn, fid-dawl tal-opportunitajiet kummerċjali offruti minn ekonomija li ġibdet lejha livelli dejjem ikbar ta' investimenti barranin u interni; jissuġġerixxi li infrastrutturi u konnettività aktar effiċjenti u qafas regolatorju aħjar għandhom ikunu mfittxija permezz ta' kooperazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-FSK dwar il-kummerċ u l-investimenti, it-tassazzjoni u d-dwana, id-djalogu dwar il-politika ekonomika, l-ambjent, il-politika industrijali u l-SMEs kif ukoll it-trasport biex jiġi żblukkat il-potenzjal ekonomiku sħiħ tal-Indoneżja u jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fl-Indoneżja;
(e) jisħaq fuq il-fatt li l-FSK jimmira lejn it-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indoneżja, flimkien mal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni attwali, u lejn il-kooperazzjoni fit-tegħlib tal-isfidi globali, abbażi tal-prinċipji kondiviżi ta' ugwaljanza, rispett reċiproku, vantaġġi reċiproċi, demokrazija, parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili, stat tad-dritt, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem, permezz tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni politika u ekonomika fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kummerċ, l-investimenti, il-politika industrijali, l-SMEs, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-kultura, il-migrazzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin;
(f) jemmen li r-relazzjoni bejn l-Indoneżja u l-UE teħtieġ tiġi kkunsidrata bħala strateġika u li għandhom isiru summits regolari biex jeżaminaw mill-ġdid l-iżviluppi bilaterali u globali; jirrakkomanda l-organizzazzjoni perjodika ta' żjarat ta' livell għoli fl-Indoneżja, partikolarment min-naħa tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Membri tal-Parlament Ewropew, u proċedura aktar aġevolata reċiprokament għall-ħruġ ta' viżi u għall-aċċess ta' organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili b'tali mod li jkunu intensifikati l-kuntatti interpersonali u l-iskambji tas-soċjetà ċivili; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-ħolqien tal-Kumitat Konġunt, skont l-Artikolu 41 tal-FSK, li hu meħtieġ jiltaqa' almenu kull sentejn, f'alternanza, fl-Indoneżja u fi Brussell;
(g) iħeġġeġ lill-UE u lill-Indoneżja jisfruttaw bis-sħiħ il-FSK bil-għan li jiksbu vantaġġi ġeostrateġiċi fit-tul biex jegħlbu l-isfidi ta' sigurtà globali fi ħdan il-fora bilaterali, reġjonali u multilaterali globali, bħat-trattament tat-tibdil fil-klima u tal-proliferazzjoni tal-AQM, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, il-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data kif ukoll l-issuktar tal-kooperazzjoni f'oqsma mhux espressament koperti mill-FSK, bħall-preparazzjoni u r-risposta għad-diżastri, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u s-sigurtà marittima, inkluża l-piraterija;
(h) jilqa' pożittivament ir-ratifika min-naħa tal-Indoneżja tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali fl-2006, kif ukoll ir-ratifiki reċenti tagħha ta' diversi strumenti tan-Nazzjonijiet Uniti marbuta mad-drittijiet tal-bniedem dwar il-ħaddiema migranti, il-persuni b'diżabilitajiet, it-tfal fil-kunflitti armati u l-bejgħ ta' minorenni, il-prostituzzjoni ta' minorenni u l-pedopornografija; jistenna r-riformi istituzzjonali u ġuridiċi neċessarji biex jippermettu l-konformità ma' tali strumenti;
(i) japprezza immensament il-ftehim ta' paċi u l-iżvilupp ekonomiku milħuqa f'Aceh matul dawn l-aħħar tmien snin u jittama li jkun jista' jsir aktar progress biex il-provinċja u l-poplu tagħha joħorġu mis-sitwazzjoni ta' faqar;
(j) ifaħħar l-isforzi meħuda mill-awtoritajiet Indoneżjani favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluża l-ħidma li tagħmel il-Kummissjoni għall-Qerda tal-Korruzzjoni (KPK); jinsab inkwetat, madankollu, li l-korruzzjoni tibqa' problema gravi kif ukoll xkiel importanti għall-iżvilupp tal-Indoneżja minkejja r-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tal-2006, u jħeġġeġ għaldaqstant li tittieħed aktar azzjoni skont l-Artikolu 25 tal-FSK biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki biex jinstab tarf il-korruzzjoni, inkluż l-irkupru tal-beni moħbija fl-Istati Membri tal-UE jew fi kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra, u fil-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika u finanzjarja;
(k) jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jestendu l-assistenza legali reċiproka mal-Indoneżja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jikkooperaw mal-Indoneżja biex jiġi mċaħħad il-kenn lill-entitajiet involuti f'każijiet ta' korruzzjoni u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
(l) josserva l-importanza tal-Liġi Indoneżjana 34/2004 u tar-Regolament Ministerjali 22 tal-2009 li jistabbilixxu l-obbligu li l-attivitajiet ekonomiċi u l-azjendi militari kollha jgħaddu taħt il-kontroll tal-Gvern Indoneżjan; jisħaq fuq il-fatt li l-osservanza ta' din il-Liġi u ta' dan ir-Regolament għandha impatt fundamentali għar-responsabilità demokratika fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;
(m) ifaħħar lill-Indoneżja għar-rwol li żvolġiet fit-tmexxija tal-proċess tal-Forum ta' Bali għad-Drittijiet tal-Bniedem f'livell reġjonali; huwa mħasseb, madankollu, dwar l-inkonsistenza tal-Liġi 8/1985 u tal-Liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet tal-massa nru 17/2013 (li tirrevoka l-ex Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet nru 8/1985) dwar l-organizzazzjonijiet ċivili ("Liġi Ormas"), li, minkejja l-iskop iddikjarat ta' garanzija tat-tolleranza u ta' prevenzjoni tal-vjolenza kontra l-gruppi tas-soċjetà, fin-nuqqas ta' reviżjoni li tiddetermina l-konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tirriskja li timponi restrizzjonijiet amministrattivi, ġuridiċi u finanzjarji bla bżonn u kultant onerużi fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, billi jiġu limitati l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda u l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; jemmen, f'dan ir-rigward, li d-djalogu annwali bejn l-UE u l-Indoneżja dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrappreżenta l-pjattaforma adegwata biex dawn il-problemi jiġu mvinċija;
(n) jisħaq fuq il-fatt li l-impriżi nazzjonali kif ukoll barranin li joperaw fl-Indoneżja jkollhom jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom skont il-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva; jilqa' b'sodisfazzjon ir-Regolament tal-Gvern Nru GR 47/2012 dwar ir-Responsabilità Soċjali u Ambjentali tal-Kumpaniji b'Responsabilità Limitata, li japplika ġeneralment għall-kumpaniji Indoneżjani u jipprevedi inċentivi u sanzjonijiet; jenfasizza, madankollu, il-bżonn ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-UE toffri, fi ħdan il-qafas tal-FSK, l-assistenza teknika neċessarja, u lill-Indoneżja tiżviluppa pjan nazzjonali tagħha ta' implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU; ifaħħar lill-Indoneżja talli ospitat, f'Novembru 2012, il-laqgħa internazzjonali, immexxija mill-Kummissjoni għall-Qerda tal-Faqar tagħha flimkien mal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, li matulha ġew diskussi l-"Prinċipji għall-Aġenziji kontra l-Korruzzjoni";
(o) jikkonstata b'dispjaċir li l-attenzjoni dejjem ikbar fuq it-tagħlim tar-reliġjon Islamika fis-sistema skolastika pubblika, askapitu tad-dimensjoni tal-pluraliżmu reliġjuż, etniku u kulturali u tad-diversità minquxa fil-motto Indoneżjan "Bhineka Tunggal Ika" (magħquda fid-diversità) kif ukoll il-perċezzjoni mifruxa tan-nuqqas ta' deċiżjoni politika min-naħa tal-awtoritajiet biex isibu tarf l-estremiżmu reliġjuż, jinħassu bħala fatturi li minħabba fihom żdiedu l-każijiet ta' vjolenza settarja u ta' diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għall-minoranzi reliġjużi u etniċi; jibqa' mħasseb dwar l-atti ta' diskriminazzjoni, vessazzjonijiet jew vjolenza kommessi kontra l-persuni li jappartjenu għall-minoranzi etniċi, in-nisa u l-persuni LGBTI, li f'xi każijiet iseħħu abbażi ta' regoli u regolamenti dwar il-pornografija, il-blasfemija jew l-attivitajiet tal-minoranzi reliġjużi;
(p) jesprimi tħassib dwar il-vjolenza kommessa kontra l-minoranzi reliġjużi, riflessa fl-attakki kontra s-segwaċi tal-Ahmadiyya u l-Musulmani xiiti u l-għeluq tal-knejjes f'ċerti bnadi tal-pajjiż, kif ukoll ir-regolamenti u l-prattiki statali diskriminatorji fil-konfront ta' persuni li ma jappartjenu għall-ebda waħda mis-sitt reliġjonijiet rikonoxxuti għal dak li għandu x'jaqsam mar-reġistrazzjoni ċivili taż-żwiġijiet u tat-twelid jew tal-ħruġ tal-karti tal-identità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indoneżjani jiggarantixxu l-applikazzjoni prattika tal-libertà tar-reliġjon kif prevista fil-Kostituzzjoni, u jibqgħu jippromwovu t-tolleranza reliġjuża; jemmen f'dan ir-rigward li d-djalogu annwali UE-Indoneżja dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-Artikolu 39 tal-FSK dwar il-modernizzazzjoni tal-Istat u l-Amministrazzjoni Pubblika, huma l-pjattaforma biex dawn il-problemi jiġu mvinċija;
(q) Ifakkar li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt hija objettiv fundamentali tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Indoneżjani jikkunsidraw l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, jew tal-anqas jiddikjaraw moratorja fuq l-applikazzjoni tagħha; jemmen, f'dan ir-rigward, li d-djalogu annwali bejn l-UE u l-Indoneżja dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrappreżenta l-pjattaforma adegwata biex dawn il-problemi jiġu mvinċija; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-UE tinvolvi ruħha aktar mill-viċin mas-soċjetà ċivili tal-Indoneżja bil-għan li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll issostni l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;
(r) jibqa' mħasseb serjament dwar it-tortura u l-każijiet ta' abbuż l-oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili fil-Papwa u fil-Papwa tal-Punent, fejn, skont l-istimi, 'il fuq minn 100 000 ruħ inqatlu f'dawn l-aħħar 50 sena; jilqa' favorevolment it-tħabbira reċenti tal-Gvernatur tal-Papwa li jiftaħ il-provinċja għall-ġurnalisti barranin u għall-NGOs għall-ewwel darba wara snin sħaħ; jistieden lill-UE toffri l-assistenza lill-awtoritajiet Indoneżjani, kif kienet għamlet qabel fil-każ ta' Aceh, fl-iżvilupp ta' approċċ komprensiv għat-titjib tas-sitwazzjoni fil-Papwa; jibqa' mħasseb dwar il-ġlied bejn il-forzi ta' sigurtà u l-gruppi indipendentisti u dwar ir-rapporti allarmanti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li tagħhom huma akkużati l-forzi ta' sigurtà, kif ukoll in-nuqqas ta' progress fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-assistenza sanitarja u tal-opportunitajiet ta' xogħol, tal-possibilità ta' eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, li huma fundamentali għall-persuni tal-Papwa, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent, tar-riżorsi naturali u tal-identità kulturali tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indoneżjani jagħtu aċċess liberu f'din iż-żona lill-osservaturi indipendenti tal-UE;
(s) ifaħħar lill-gvern Indoneżjan għall-isforzi tiegħu biex jippermetti l-attività tal-UNHCR fil-pajjiż u jgħin fil-ġestjoni ta' dawk li jfittxu asil u tar-rifuġjati; josserva l-importanza tad-dibattitu politiku pubbliku bil-għan li jitwessa' s-sostenn tas-soċjetà fil-konfront ta' dawk li jfittxu asil u tar-rifuġjati; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Indoneżja u l-UE jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 34 tal-FSK bil-għan li jikkooperaw fil-kwistjonijiet tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni legali u illegali, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;
(t) iħeġġeġ lill-UE u lill-Indoneżja jikkooperaw mill-qrib skont l-Artikolu 4 tal-FSK dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ġuridiku bil-għan li tiġi finalizzata r-ratifika min-naħa tal-Indoneżja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta' ġenoċidju tal-1948 u tal-Istatut ta' Ruma li jwaqqaf il-Qorti Kriminali Internazzjonali;
(u) jilqa' pożittivament id-djalogu kontinwat dwar id-drittijiet tal-bniedem, stabbilit fl-2010, bejn l-UE u l-Indoneżja u jinkoraġġixxi parteċipazzjoni u kontribut usa' tas-soċjetà ċivili f'tali djalogu u fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem;
(v) jilqa' b'sodisfazzjon ir-regolamenti tal-2006, tal-2008 u tal-2010 li jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet Indoneżjani, inkluża r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll il-ħidma li saret mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa (Komnas Perempuan) u mis-soċjetà ċivili lokali bil-għan li jxerrdu l-informazzjoni dwar il-perikli tal-mutilazzjoni ġenitali femminili; josserva, minkejja tali sforzi u l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tan-NU dwar il-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, li din id-drawwa għadha pprattikata f'ċerti bnadi tal-Indoneżja; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Indoneżja jikkooperaw mill-qrib skont id-dispost tal-Artikolu 31 tal-FSK dwar is-saħħa u li jisfruttaw id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiskambjaw l-aħjar prattiki mmirati għall-qerda tal-mutilazzjoni ġenitali u għat-tnaqqis sal-minimu tar-riskji għas-saħħa li għalihom huma esposti l-bniet u n-nisa; jistieden lill-Indoneżja tirdoppja l-isforzi tagħha biex ittemm din il-forma serja ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra l-bniet u n-nisa, li tikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
(w) ifaħħar il-progress li għamlet l-Indoneżja permezz tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħha għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom ta' Tħaddim tat-Tfal u l-qafas ġuridiku tiegħu biex jittratta l-isfruttament ta' minuri;
(x) jirrikonoxxi r-rwol importanti li żvolġew il-movimenti tal-ħaddiema fid-djalogi u fin-negozjati mal-Gvern u mal-partijiet interessati l-oħra għall-finijiet ta' titjib tal-kundizzjoni tax-xogħol u tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali fl-Indoneżja; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni awspikata skont id-dispożizzjonijiet tal-FSK dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nondiskriminazzjoni għandha tittratta problemi relatati mal-parità tal-ġeneru fil-post tax-xogħol u tiġi affrontata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jisħaq, partikolarment, fuq l-importanza ta' azzjoni speċifika biex jiġi żgurat li l-istandards internazzjonali fundamentali tax-xogħol ikunu implimentati b'mod komprensiv, billi l-ħaddiema nisa għadhom vittmi ta' sfruttament u diskriminazzjoni fil-forma ta' ammont eċċessiv ta' xogħol, pagi inferjuri u abbużi min-naħa tas-superjuri;
(y) jenfasizza li l-esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Indoneżja rdoppjaw f'dawn l-aħħar sitt snin, u laħqu valur ta' EUR 9,6 biljun fl-2012; josserva li l-kummerċ bilaterali ġie stmat biss EUR 25 biljun, li jirrendi lill-Indoneżja d-29 sieħeb kummerċjali tal-UE u biss ir-raba' bħala sieħeb kummerċjali tal-UE fir-reġjun, minkejja l-fatt li l-Indoneżja tirrappreżenta 40 % tal-PDG u tal-popolazzjoni tal-ASEAN; josserva, madankollu, li l-investimenti tal-UE fl-Indoneżja qegħdin jiffjorixxu, u jikklassifikaw ruħhom fit-tieni post tal-investimenti barranin diretti wara Singapor, u li 1 000 kumpanija tal-UE investew aktar minn EUR 1 000 biljun u jimpjegaw 1,1 miljun Indoneżjan;
(z) jistieden lill-Indoneżja u lill-UE jikkunsidraw li jibdew in-negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles, flimkien mal-kooperazzjoni invokata fi ħdan il-qafas tal-FSK, bil-għan li jitneħħew progressivament l-ostakli maġġuri għall-kummerċ, inkluż iż-żieda tal-konsultazzjonijiet dwar il-konformità mar-regoli tad-WTO, il-promozzjoni tal-użu ta' standards internazzjonali dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, it-titjib tal-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, iż-żieda fit-trasparenza tar-regolamenti kummerċjali, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni doganali u l-promozzjoni ta' reġim ta' investimenti mhux diskriminatorju, u b'hekk ikompli jiżdied il-kummerċ ta' beni, investimenti, servizzi u akkwist;
(aa) ifaħħar lill-Indoneżja għall-isforzi tagħha biex tikkollabora mal-UE bil-għan li jinqered il-kummerċ tal-injam u tal-prodotti tal-injam ta' oriġini illegali; jikkonstata l-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT – VPA) bejn l-UE u l-Indoneżja f'Settembru 2013; josserva li l-esportazzjonijiet ta' prodotti tal-injam Indoneżjan lejn l-UE żdiedu b'114 % fl-ewwel trimestru tal-2013; jistenna bil-ħerqa l-ħruġ tal-liċenzji FLEGT li jiċċertifikaw il-legalità tal-injam u tal-prodotti tal-injam għall-finijiet tal-importazzjoni fl-UE tal-injam u tal-prodotti tal-injam Indoneżjani, ladarba ż-żewġ naħat ikunu vvalutaw is-sodezza tas-Sistema ta' Verifika tal-Legalità tal-Injam (Timber Legality Assurance System - TLAS); jistenna wkoll li l-valutazzjonijiet perjodiċi konġunti jeżaminaw il-kapaċità tal-atturi rilevanti biex jimplimentaw il-FLEGT-VPA;
(ab) jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-Indoneżja u tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bis-saħħa tal-importanza ġeopolitika u ekonomika, l-estensjoni territorjali kif ukoll id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom; jilqa' favorevolment ir-rwol dejjem ikbar tal-Indoneżja fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima; ifaħħar il-pjanijiet ambizzjużi tal-Indoneżja mħabbra fl-2009, biex tnaqqas iż-żieda fl-emissjonijiet u l-appell tagħha għal sostenn internazzjonali biex il-pajjiż jingħata l-għajnuna biex jilħaq tnaqqis saħansitra aktar konsistenti; josserva li d-deforestazzjoni u l-tibdil fl-użu tal-art huma prinċipalment responsabbli għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-Indoneżja, imma sal-2027 is-settur enerġetiku li kulma jmur qiegħed jikber huwa mistenni jieħu post il-forestrija; jistieden għaldaqstant lill-partijiet tal-FSK jistabbilixxu minnufih, skont id-dispost tal-Artikolu 23 tal-FSK dwar l-enerġija, mekkaniżmu istituzzjonalizzat ta' kooperazzjoni bilaterali li jista' jkompli fuq l-eżempju tal-UK Climate Change Unit (UKCCU) Indonesia stabbilit fl-2011, bil-għan li jiġu diversifikati l-provvisti enerġetiċi permezz tal-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli u tal-infrastrutturi ta' trażmissjoni tagħhom biex tingħaqad l-enerġija rinnovabbli maċ-ċentri ta' domanda u jinkiseb użu razzjonali tal-enerġija, b'tali mod li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u promoss l-iżvilupp sostenibbli;
(ac) jesprimi tħassib gravi dwar l-effetti taż-żieda tad-domanda taż-żejt tal-palm fuq id-deforestazzjoni fl-Indoneżja, li hija l-akbar produttur u konsumatur taż-żejt tal-palm fid-dinja; jilqa' pożittivament il-moratorja dwar it-tħammil ta' foresti ġodda deċiża mill-Gvern fl-2011, iżda jħeġġeġ li jittieħdu provvedimenti biex jiġu eliminati l-bosta sotterfuġji li sal-lum inaqqsu notevoment l-effetti tagħha;
(ad) jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim dwar l-avjazzjoni ffirmata mill-UE u mill-Indoneżja fl-2011, li tabolixxi l-limitazzjonijiet marbuta man-nazzjonalità fis-servizzi bilaterali tal-ajru u jirrappreżenta pass li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ġenerali bejn l-UE u l-Indoneżja; jirrakkomanda li jittieħdu aktar inizjattivi fl-ambitu tal-Artikolu 34 tal-FSK dwar it-trasport, partikolarment li jistabbilixxu djalogu strett fil-qasam tat-trasport marittimu u fuq l-art biex jissaħħu l-infrastrutturi fl-arċipelagu Indoneżjan, kif ukoll miżuri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-istandards internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà u tas-sikurezza tat-trasport kif ukoll tal-prevenzjoni tat-tniġġis;
(ae) huwa allarmat bin-nirien fil-foresti li jokkorru sena wara l-oħra li għalihom, fil-maġġor parti tagħhom, jiġu akkużati l-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm, l-impriżi tal-qtugħ tas-siġar u l-bdiewa bħala mezz li bih ikollhom aktar art għat-tħawwil imma dawn jikkontribwixxu għat-tisħin globali u jagħmlu lill-Indoneżja wieħed mill-akbar produtturi ta' gassijiet b'effett ta' serra;; japprezza l-wegħda tal-gvern Indoneżjan li jirratifika l-Ftehim ASEAN dwar iċ-Ċpar Transfruntalier sal-bidu tas-sena d-dieħla u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jadottaw b'urġenza aktar miżuri preventivi effikaċi;
(af) josserva li t-turiżmu huwa wieħed mis-setturi dominanti tal-ekonomija Indoneżjana; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Artikolu 17 tal-FSK joffri opportunità eċċellenti biex tiġi skambjata l-informazzjoni u jinħolqu l-aħjar prattiki biex li jiġi massimizzat il-potenzjal tal-patrimonju naturali u kulturali Indoneżjan u jitrażżnu l-effetti negattivi, bħat-tniġġis jew bħad-dannu għall-ekosistemi tal-baħar, bil-għan li jiġu żviluppati mudelli ta' turiżmu sostenibbli u jiżdied il-kontribut pożittiv tat-turiżmu, fir-rispett tal-interessi tal-komunitajiet lokali;
(ag) jikkonstata li l-iskambji interpersonali bejn l-Indoneżja u l-UE saru realtà bis-saħħa tal-programm Erasmus Mundus II, li bejn l-2008 u l-2010 kkonċeda 200 borża ta' studju; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea tipprevedi sessjonijiet ta' ħidma u seminars biex jiżdiedu l-fehim u l-konoxxenza min-naħa tal-SMEs Indoneżjani tal-istandards internazzjonali u r-rekwiżiti ta' kwalità; iħeġġeġ, madankollu, l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-iskambji ta' studenti u tal-persunal akkademiku u jinħolqu skemi ta' taħriġ perjodiċi skont id-dispost tal-Artikolu 25 tal-FSK dwar il-kultura u l-edukazzjoni, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-kompetenzi fil-qasam turistiku, imprenditorjali u lingwistiku; jistieden barra minn hekk lill-Indoneżja u lill-UE jeżaminaw f'dan il-kuntest il-possibilità li jibdew negozjati dwar il-miżuri ta' faċilitazzjoni tal-viżi biex jiżdiedu l-iskambji interpersonali;
(ah) josserva li, bejn l-2007 u l-2013, l-UE forniet lill-Indoneżja madwar EUR 400 miljun f'assistenza għall-iżvilupp; jirrikonoxxi li mill-2014 l-Indoneżja mhijiex se tibqa' jkollha dritt għall-Programm Indikattiv Pluriennali (MIP), inkwantu laħqet l-istatus ta' pajjiż b'introjtu medju-baxx (LMIC), filwaqt li għadha tibbenefika mis-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati tal-UE; iħeġġeġ lill-Indoneżja, madankollu, tkompli timplimenta l-politiki prijoritizzati u ffinanzjati preċedentement mill-MIPs, bħal dawk relatati mal-edukazzjoni, mal-kummerċ u mal-investimenti, mal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-ġustizzja, mat-tisħiħ ġenerali tal-kapaċitajiet kif ukoll mat-tibdil fil-klima; jemmen li l-kooperazzjoni bilaterali fl-ambitu tal-FSK, flimkien mal-finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u mal-ftehimiet futuri dwar sħubija ekonomika, se jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' tali prijoritajiet fl-Indoneżja;
(ai) jissuġġerixxi li l-Indoneżja u l-UE jidentifikaw oqsma ta' kooperazzjoni, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-FSK, biex jimplimentaw u jmexxu b'mod aħjar il-Pjan Direttur dwar l-Ekonomija (MP3EI) tal-Indoneżja, permezz tal-iskambju tal-kompetenzi u tal-aħjar prattiki għas-sħubijiet pubbliċi-privati u, fil-qafas tal-obbligi tal-G20 tal-Indoneżja u ta' ċerti Stati Membri tal-UE, jikkooperaw mill-qrib biex jiġġieldu kontra t-trasferiment tal-profitt, l-evitar tat-taxxa u jistabbilixxu l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar it-taxxa;
(aj) iħeġġeġ lill-UE, fi ħdan il-qafas tal-FSK, issostni l-isforzi tal-Indoneżja intiżi li jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika tagħha, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-politiki, ir-rinfurzar tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi;
(ak) jistieden lill-UE u lill-Indoneżja jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u jikkonservaw u jiġġestixxu b'mod sostenibbli r-riżorsi naturali u l-bijodiversità, partikolarment ir-riżorsi forestali, tal-baħar u tas-sajd; jesprimi tħassib dwar iż-żieda fid-deforestazzjoni mis-settur privat għall-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u tal-kawċù, askapitu tas-sistema fardgħalla;
(al) jilqa' favorevolment ir-ratifika min-naħa tal-Indoneżja tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u jistieden lill-UE toffri assistenza fir-riformi istituzzjonali u ta' xort'oħra meħtieġa biex tiġi żgurata l-osservanza tal-Konvenzjoni msemmija u titjieb is-sigurtà marittima fir-reġjun;
(am) jilqa' favorevolment il-FSK li jixhed l-importanza dejjem akbar tar-rabtiet bejn l-UE u l-Indoneżja u jiftaħ era ġdida fir-relazzjonijiet bilaterali permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali f'firxa wiesgħa ta' ambiti politiċi, billi jaġevola l-kummerċ u l-flussi tal-investimenti kif ukoll l-iskambji interpersonali, anki fil-kuntest tal-inizjattivi UE-ASEAN, u jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Indoneżja u l-UE biex jagħtu tweġiba għall-isfidi globali, flimkien mal-kooperazzjoni eżistenti fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħrajn, li fihom l-UE u l-Indoneżja qegħdin jiżvolġu rwol dejjem aktar importanti, jenfasizza li l-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali tista' trawwem ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-livell reġjonali u globali u ttejjeb l-effiċjenza fl-irkupru tal-beni u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-piraterija, il-kriminalità organizzata, il-ħasil ta' flus u r-rifuġji fiskali; jilqa' pożittivament, għalhekk, il-fatt li l-Istati Membri kollha rratifikaw il-FSK, li kien iffirmat diġà fl-2009;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
21.1.2014 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
52 1 2 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pino Arlacchi, Hiltrud Breyer, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Marusya Lyubcheva, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Mirosław Piotrowski, Bernd Posselt, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Werner Schulz, Sophocles Sophocleous, Laurence J.A.J. Stassen, Davor Ivo Stier, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Nikola Vuljanić, Sir Graham Watson |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marije Cornelissen, Tanja Fajon, Göran Färm, Barbara Lochbihler, Ivo Vajgl |
||||