RAPPORT dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"
12.2.2014 - (2013/2176(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Anthea McIntyre
Rapporteur għal opinjoni (*):
Josefa Andrés Barea, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem "Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” (COM(2008)0394),
– wara li kkunsidra x-xogħol tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti tal-Kummissjoni dwar il-Piżijiet Amministrattivi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni “L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro” (COM(2011)0803),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE (COM(2013)0685),
– wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni Intraprenditorjali 2020 tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan ta azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” (COM(2011)0870),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs[1],
– wara li kkundsidra d-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard (id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill),
– wara li kkunsidra l-istħarriġ imwettaq mill-Kunsill tal-Impjegaturi Ewropej tal-Industriji bbażati fuq il-Metall, l-Inġinerija u t-Teknoloġija (CEEMET) bit-titolu: “Kuntratti tal-impjieg flessibbli li jirreaġixxu għaċ-ċirkustanzi tas-suq li qed jinbidlu u li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjegat"[2],
– wara li kkunsidra l-programm il-ġdid għall-Impjieg u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) li, fost oħrajn, se jestendi l-appoġġ mogħti lill-fornituri tal-mikrokreditu skont il-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound ta' Jannar 2013 bl-isem “Born global: ”,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2013 ‘Public policy and support for restructuring in SMEs’,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2010 bl-isem ‘Job creation measures’,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0101/2014),
A. billi ż-żmien li tieħu biex tibda negozju fl-Ewropa jvarja bejn Stat Membru u ieħor minn 4 sa 40 ġurnata, li jista' jkollu impatt fuq il-ħolqien tax-xogħol;
B. billi diversi fatturi fosthom riġiditajiet fis-suq tax-xogħol ġew identifikati f'xi Stati Membri bħala li għandhom impatt negattiv fuq il-ħolqien tax-xogħol, u t-taħlita ta' flessibbiltà tax-xogħol u s-sigurtà tista' tipprovdi qafas aktar favorevoli;
C. billi s-suq uniku u l-potenzjal tar-riżorsi umani Ewropej jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi tal-Ewropa 2020;
D. billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien tal-impjiegi u huma responsabbli għal 85 % tal-impjiegi maħluqin mill-ġdid;
E. billi 20.7 miljun SME jirrappreżentaw aktar minn 67 % tal-impjiegi fis-settur privat fl-UE, bi 30 % ġejjin minn mikrointrapriżi;
F. billi l-kost għal kull impjegat għall-konformità mal-obbligi regolatorji jista’ jkun sa għaxar darbiet ogħla għall-SMEs milli għall-impriżi kbar (COM(2011)0803);
G. billi minħabba l-kriżi finanzjarja, u l-kriżi tal-kreditu li rriżultat b’konsegwenza tagħha, l-SMEs qed jaffrontaw spejjeż ferm għoljin għall-kreditu u l-kontrazzjoni tad-disponibbiltà tiegħu. billi, skont l-Istitut tal-Finanzi Internazzjonali, l-impriżi ż-żgħar fl-Istati Membri periferali qed iħallsu bejn 4 % u 6 % iktar għas-self mill-banek mill-kontropartijiet tagħhom fl-Ewropa ċentrali, li jqiegħdhom fi żvantaġġ sinifikanti u b’hekk jiġu ostakolati l-prospettivi tar-reġjun għall-irkupru ekonomiku u l-ħolqien nett tax-xogħol;
H. billi s-swieq tal-bonds korporattivi, tal-ekwità u tat-titolizzazzjoni fl-Ewropa għadhom relattivament mhux żviluppati biżżejjed meta mqabblin ma’ ekonomiji oħrajn, u l-finanzjament mhux bankarju jibqa’ prinċipalment mhux aċċessibbli għall-SMEs, biex b’hekk jiġi ostakolat il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi;
I. billi l-forniment effikaċi ta’ servizzi hu kruċjali għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fil-ġejjieni;
J. billi, għalkemm għandna l-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ l-iktar edukata fl-istorja tal-Ewropa, u l-Istati Membri investew ammonti kbar ta’ flus fl-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ tagħna huma prinċipalment maqtugħin mis-suq tax-xogħol u l-ħiliet tagħhom jibqgħu mhux użati filwaqt li qed jikkompetu għal pożizzjonijiet temporanji u li ma jħallsux biżżejjed;
K. billi l-Fond Soċjali Ewropew kellu rwol importanti sabiex jgħin lill-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet u taħriġ lil persuni qiegħda ħalli jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol;
L. billi r-rata tal-qgħad għaż-żgħażagħ Ewropej ta' eta bejn il-15 u l-24 sena laħqet ir-rata insostenibbli ta’ 23 % u hija iktar minn 50 % f'dawk l-Istati Membri li l-agħar li nltlaqtu mill-kriżi; billi dan il-qgħad massiv taż-żgħażagħ iwassal għal eżodu ta’ mħuħ enormi u jdgħajjef b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħna għal tkabbir sostenibbli fil-futur;
M. billi l-UE hija mhedda mill-prospett ta’ “tkabbir mingħajr ħolqien ta’ impjiegi” li se jdgħajjef aktar in-nisġa soċjali u ekonomika tas-soċjetajiet tagħna kif ukoll il-prospetti fit-tul tal-UE biex tikkompeti fuq l-istess livell f’ekonomija globalizzata bbażata fuq l-għarfien;
Ħolqien ta’ impjiegi
1. Huwa mħasseb dwar l-ispiża, il-kumplessità u l-ħin involuti fit-twaqqif ta’ negozju f’xi partijiet tal-Unjoni Ewropea, li kollha kemm huma jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi fil-futur; jemmen li jekk l-UE trid tikseb lura l-kompetittività u toħloq aktar impjiegi, l-Istati Membri jridu jaħdmu biex jissimplifikaw u jgħaġġlu dan il-proċess, joffru għajnuna adegwata u arranġamenti ta' appoġġ u jnaqqsu l-ispejjeż marbuta miegħu;
2. Jinnota li l-impriżi l-ġodda li jsiru internazzjonali malajr u b’mod intensiv wara l-bidu tagħhom juru kontributi promettenti għall-ekonomija billi huma nfushom joħolqu l-innovazzjoni, irawmu l-innovazzjoni f’kumpaniji oħrajn, jinvolvu ruħhom fi ktajjen ta’ provvista internazzjonali u joħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba. jenfasizza madankollu, li dawn il-kumpaniji jaffrontaw bosta sfidi fil-fażi tal-bidu tagħhom li għandhom jiġu megħluba malajr, filwat li fl-istess ħin ikollhom livelli baxxi ta’ kapital, b’tali mod li proċeduri tal-bidu mhux għaljin, sempliċi u rapidi jkunu ta’ benefiċċju għalihom;
3. Jinnota li t-tendenzi globali ħolqu pressjonijiet kompetittivi kif ukoll opportunitajiet għan-negozji; jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri li joħolqu l-qafas regolatorju t-tajjeb biex jgħinu lin-negozji joħolqu l-impjiegi filwaqt li jiżguraw ambjent tax-xogħol sikur;
4. Jemmen li sabiex jinħoloq ambjent aktar ospitabbli għall-ħolqien tal-impjiegi, l-Istati Membri jridu, b’appoġġ mill-istituzzjonijiet tal-UE fejn ikun xieraq, jistabbilixxu r-riformi meħtieġa biex jindirizzaw il-fatturi li ġejjin: il-ħiliet, il-livelli ta' kwalifika, l-intraprenditorija, l-impatt tal-bidla demografika, l-aċċess għas-suq, il-finanzi, is-suq tax-xogħol, id-drittijiet fuq ix-xogħol, l-ispejjeż amministrattivi u regolamentazzjoni aħjar;
5. Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-tisħiħ tal-kompetittività, il-produttività, is-sostenibbiltà u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-SMEs Ewropej u jinnota l-fokus sinifikanti li jagħtu l-programm Orizzont 2020 u l-EIT lill-ħolqien u l-appoġġ ta’ SMEs innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir;
6. Jenfasizza l-potenzjal għall-impjieg tal-ekonomija ekoloġika li skont l-istimi tal-Kummissjoni tista’, fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biss, toħloq 5 miljun impjieg sal-2020, bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti politiki ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw livelli suffiċjenti ta’ investiment f’dawn is-setturi, jantiċipaw il-ħtieġa għall-ħiliet futuri għall-ħaddiema u jiggarantixxu l-kwalità tal-"impjiegi ħodor";
7. Jinnota r-rwol importanti tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles tal-UE fil-ħolqien u ż-żamma tal-investiment u l-impjiegi tal-Istati Membri tal-UE;
8. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp kontinwu u l-espansjoni tas-suq intern tal-UE qed joħolqu ħafna opportunitajiet ġodda sostanzjali għan-negozji ta’ kull daqs, li b’mod ċar jeħtieġu dispożizzjonijiet qafas flessibbli biex jiġu promossi l-intraprenditorija u l-impjiegi indipendenti, filwaqt li l-funzjonament bla xkiel tagħhom jeħtieġ sett ta’ standards regolatorji minimi, b’mod partikolari fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza pubblika, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni ambjentali;
Kompetenzi
9. Jemmen li l-UE qed tħabbat wiċċha ma' nuqqas ta’ kompetenzi u nuqqas ta’ tlaqqigħ f’ċerti reġjuni u setturi, li qed ixekklu t-tkabbir ekonomiku u l-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jinnota li fl-UE hemm iktar minn 1.85 miljun post tax-xogħol battal; huwa mħasseb li l-aħħar riżultati tal-Istħarriġ dwar il-Ħiliet tal-Adulti (PIAAC) immexxi mill-OECD u appoġġjat mid-DĠ Edukazzjoni u Kultura tal-Kummissjoni juru li 20 % tal-popolazzjoni għandha ħiliet baxxi ta’ litteriżmu u numeriċi u 25 % tal-adulti m’għandhomx il-ħiliet li jużaw effettivament l-ICTs;
10. Jinnota t-tendenza lejn aktar impjiegi li jesiġu aktar kompetenzi, fejn kważi 90 % tal-impjiegi mistennija li jinħolqu jew li jsiru vakanti sal-2020 jirrikjedu kwalifi medji jew għolja;
11. Iqis li politiki attivi għall-promozzjoni tal-korsijiet tat-taħriġ u t-taħriġ ulterjuri tal-ħaddiema, l-edukazzjoni li tkompli għaddejja, is-sħubijiet bejn l-iskejjel u n-negozji u l-apprendistati, jistgħu jippermettu tlaqqigħ aħjar tal-kompetenzi mfittxija min-negozji;
12. Jirrikonoxxi, fid-dawl tan-nuqqas ta' ħiliet, il-benefiċċji li t-tagħlim tul il-ħajja u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE jistgħu joffru biex tiġi indirizzata d-domanda tas-suq tax-xogħol;
13. Jenfasizza li, filwaqt li l-eċċellenza, l-innovazzjoni u r-riżorsi umani huma dawk li jikkostitwixxu l-vantaġġi kumparattivi tal-Unjoni, l-investiment dejjem jonqos fir-riċerka, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, flimkien mar-rati ta’ diżokkupazzjoni partikolarment għoljin fl-Istati Membri individwali u fiż-żona tal-Euro, qed iwasslu lil ħafna Ewropej biex ifittxu l-impjiegi f’swieq tax-xogħol oħrajn; jenfasizza li l-eżodu tal-imħuħ huwa ostakolu ewlieni għat-tkabbir, kompetittività ikbar fl-Unjoni u miżuri għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;
14. Jemmen li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ ċerti Stati Membri għandhom ikunu adattati aħjar għall-ħtiġijiet futuri ta’ kompetenzi tan-negozji u għandhom jikkonverġu lejhom; jinnota bi tħassib li fl-2015 in-nuqqas stmat ta’ persunal tal-ICT ikkwalifikat fl-UE se jiżdied għal bejn 384 000 u 700 000 u li l-provvista ta’ kompetenzi tal-STEM (fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika) mhux se tissodisfa d-domandi dejjem jiżdiedu tan-negozji fis-snin li ġejjin, filwaqt li r-rata li qed tonqos ta’ nisa li jipparteċipaw f’dawk is-suġġetti ma ġietx indirizzata kif suppost; huwa favur li l-Istati Membri jitħeġġew jistabbilixxu sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ duwali li jiffukaw fuq suġġetti STEM u jippromwovu t-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ ulterjuri tal-ħaddiema, b'mod partikolari ta' dawk bi ftit li xejn ħiliet jew b'ħiliet mhux imfittxija.
15. Jenfasizza l-importanza tas-sistema duwali ta’ edukazzjoni u taħriġ, iffukata b'mod partikolari fuq suġġetti STEM u li tikkombina l-edukazzjoni bbażata fuq il-prattika fl-iskejjel vokazzjonali ma' tagħlim fuq il-post tax-xogħol, minħabba li din tat prova li hi l-aktar mezz effettiv biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel mill-iskola għas-suq tax-xogħol;
16. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-ftuħ tal-edukazzjoni” li għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet diġitali;
17. Jemmen li huwa indispensabbli li,fis-sistemi edukattivi bażiċi, jiġi introdott it-tagħlim ta' ħiliet u programmi ta' intraprenditorija biex wieħed jitgħallem kif is-suq, l-ekonomija u s-sistema finanzjarja joperaw, jiffunzjonaw u jinteraġixxu f'sistemi edukattivi bażiċi; jemmen li pjan ta' negozju mħejji tajjeb huwa l-ewwel pass lejn aċċess aħjar għall-finanzi u l-vijabilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni finanzjarja u konsulenza dwar start-ups tan-negozju fil-programmi edukattivi tagħhom u biex iqisu l-investiment fit-tagħlim intraprenditorjali bħala riżors; jappoġġa, f’dan ir-rigward, il-programm “Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ”, imfassal sabiex jippromwovi kultura intraprenditorjali u jiżviluppa s-suq uniku u l-kompetittività;
18. Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-pass tat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol li jippermetti liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol malajr kemm jista’ jkun u jiġi evitat ir-riskju tal-fenomenu NEET ("mhux f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ");
19. Jinnota li l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI) jipprovdu appoġġ għall-awtoritajiet u l-partijiet interessati fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali biex jitrawmu fost l-oħrajn it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u biex tittejjeb il-kompetittività tal-mikrointrapriżi (speċjalment in-negozji magħmula minn persuna waħda) u l-SMEs, permezz ta' kooperazzjoni ma' faċilitajiet xjentifiċi u ta' riċerka, u b'hekk jingħelbu l-isfidi ekonomiċi u soċjali attwali, b'mod partikolari r-rata għolja tal-qgħad;
20. Jenfasizza li l-isforzi b'appoġġ għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi f'ekonomija sostenibbli għandhom jiggarantixxu standards ta' saħħa u sikurezza u jiżguraw bilanċ bejn il-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, filwaqt li jappoġġaw, fost l-oħrajn, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, ir-rispett tal-ekosistema u jwasslu għal impjiegi ta' kwalità u mħallsin kif xieraq fir-reġjuni kollha tal-UE; jenfasizza, b'rabta ma' dan, ir-rwol importanti tan-negozji u tas-settur tal-edukazzjoni permezz ta' proġetti transkonfinali, kooperazzjoni bejn l-universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi oħra ta' kwalità għolja u l-ħolqien ta' 'clusters' innovattivi; jitlob biex jiġu faċilitati l-programmi lokali u reġjonali ta' finanzjament għal taħriġ ta' apprendisti;
21. Iqis li l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali se jiffavorixxi l-appoġġ u l-iżvilupp ta’ SMEs; iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-persunal ikkwalifikat meħtieġ tal-ICT ikun disponibbli u li l-pubbliku Ewropew ikollu l-ħiliet diġitali meħtieġa biex jagħmel użu mit-teknoloġija tal-ICT;
22. Jenfasizza li, biex jingħeleb in-nuqqas ta’ ħiliet li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha miegħu bħalissa, jeħtieġ li tittieħed azzjoni b'urġenza biex tħaffef l-aċċess tan-nisa għal taħriġ u impjiegi xjentifiċi u teknoloġiċi, partikolarment fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);
23. Jitlob inizjattivi li jrawmu s-sħubijiet bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet, u jipprovdu l-ħiliet neċessarji sabiex l-Ewropej jkollhom aċċess għal impjiegi fil-manifattura relatati mal-ICT, mal-enerġija u mat-teknoloġija avvanzata;
Intraprenditorija
24. Huwa mħasseb li l-għadd ta’ ċittadini tal-UE li jixtiequ jaħdmu għal rashom naqas minn 45 % għal 37 % fl-aħħar 3 snin, fejn kważi nofshom jibżgħu li jfallu u aktar minn 50 % jgħidu li huwa diffiċli biex tikseb informazzjoni suffiċjenti dwar kif tibda negozju; iqis li t-tkabbir tal-SMEs huwa marbut mal-intraprenditorija; jenfasizza li l-istart-ups u l-impjieg indipendenti joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi u jgħinu jibnu setturi industrijali u tas-servizzi b'saħħithom, u huwa favur, għalhekk, li l-Istati Membri jitħeġġew jippromwovu l-inklinazzjonijiet intraprenditorjali u l-ħiliet fil-livelli differenti tal-edukazzjoni u biex iwaqqfu konsulenza dwar start-ups tan-negozju fl-universitajiet u l-kulleġġi ta' taħriġ vokazzjonali; jinnota bi tħassib li n-nisa jirrappreżentaw biss 30 % tal-imprendituri kollha fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-intraprenditorija tan-nisa billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal netwerks ta’ appoġġ tekniku, xjentifiku u kummerċjali, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ/gwida għal imprendituri nisa;
25. Jinnota li l-fattur “tar-riskju” fir-rigward tal-impjiegi indipendenti u l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika riċenti fuq il-kundizzjonijiet ta' self huwa deterrent għall-involviment f’dawn l-attivitajiet intraprenditorjali; jirrakkomanda, għaldaqstant, li titqies l-adozzjoni ta' miżuri mill-Istati Membri li jibbilanċjaw il-xibka ta' sigurtà soċjali għal dawk impjegati għal rashom mingħajr ma jnaqqsu mill-flessibbiltà ta' dan it-tip partikolari ta' attività;
26. Jinnota bi tħassib li l-kriżi finanzjarja u r-reċessjoni sussegwenti laqtu ferm ħażin lil ħafna SMEs Ewropej u li għadd sinifikanti minnhom spiċċaw f’likwidazzjoni, minflok ma taw bidu ġdid lill-kumpanija. jenfasizza l-importanza ta' qafas regolatorju favorevoli li jiffavorixxi ristrutturar b'saħħtu u, b'konsegwena, iż-żamma tal-impjiegi; jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija tal-Kummissjoni li jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jagħmluha aktar faċli għal negozji sodi li jkomplu għaddejjin u għal imprendituri onesti li jingħataw ċans ieħor, peress li dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet kollha meħudin mill-Istati Membri differenti sabiex itejbu l-klima għall-intraprenditorija; jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jużaw bis-sħiħ l-appoġġ offrut mill-Kummissjoni għat-titjib tal-klima għall-imprendituri; jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinfurma liċ-ċittadini u n-negozji dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament permezz ta' pubblikazzjonijiet bħal "Ħarsa ġenerali tar-regoli finanzjarji" u "Opportunitajiet ta' finanzjament 2007-2013";
27. Jilqa’ l-Programm għall-Kompettività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-istrument tal-SMEs previst fil-programm Orizzont 2020; madanakollu, jilmenta għall-fatt li l-baġit għall-COSME u għall-SMEs f’Orizzont 2020 skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), huwa limitat;
28. Jilqa’ b’mod partikolari l-azzjonijiet speċifiċi skont il-COSME, li tfasslu biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas tal-intrapriżi, b’mod partikolari għall-SMEs, biex jġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi u s-swieq u għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u tal-kultura intraprenditorjali; jenfasizza li ambjent regolatorju prevedibbli u ċar huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-intraprenditorja fl-Ewropa; jistenna li l-miżuri u l-azzjonijiet li jippromwovu l-intraprenditorija fil-livell Ewropew jew nazzjonali għandhom ikopru t-tipi kollha ta’ mudelli ta’ intrapriżi, inklużi kooperattivi, negozji artiġjanali, professjonijiet liberi u intrapriżi soċjali; jilqa’ b’mod partikolari l-appoġġ kontinwu għall-finanzjament ta' dejn jew ekwità skont il-programmi Orizzont 2020 u COSME;
29. Jemmen li l-intraprendituri żgħażagħ jaġevolaw l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li mentors ta' esperjenza jingħaqdu ma' intraprendituri żgħażagħ aspiranti u jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' strutturi ta' appoġġ fi start-ups innovattivi; jilqa’ l-iskemi, bħall-Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ, li għandhom l-għan li jgħinu lill-imprendituri ġodda jiksbu l-kompetenzi rilevanti għall-ġestjoni ta’ negozju, u jemmen li tali programmi għandhom jiġu promossi aktar sabiex jgħinu lil aktar imprendituri jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aspetti prattiċi tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali fi skemi bħal proġetti bejn skejjel u kumpaniji u tqegħid fuq post tax-xogħol partikolari għal raġunijiet ta' taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kont ta’ dan waqt l-implimentazzjoni tal-COSME; jilqa’ t-tisħiħ tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) li jikkonċentra b’mod ċar biex jipprovdi ħiliet imprenditorjali u innovattivi lil 10 000 student tal-Masters u 10 000 student tal-Ph.D sal-2020;
30. Jitlob l-appoġġ għall-programmi ta’ mobilità tal-UE għall-intraprendituri, bħall-Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ, u l-integrazzjoni tal-edukazzjoni tal-intraprenditorija fil-kurrikuli nazzjonali tal-iskejjel permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;
31. Jinnota l-importanza tal-istabbiliment u l-appoġġ ta’ inkubaturi tan-negozju li jipprovdu l-opportunità lill-imprendituri żgħażagħ biex jittestjaw l-ideat tagħhom, jiffamiljarizzaw ruħhom mal-oqfsa kummerċjali u jgħinuhom jikkuntattjaw sħab, klijenti u investituri potenzjali. jemmen li l-finanzjament tal-UE jista’ jkollu rwol essenzjali, u jenfasizza s-suċċess tal-proġetti u l-prorammi universitarji ffinanzjati mill-UE bħan-Netwerk ta’ Kompetenzi għall-Intrapriżi u l-Impjegabbiltà ta’ Birmingham (BSEEN) fir-Renju Unit, li jrawwem l-intrapriżi u l-kompetenzi intraprenditorjali billi jipprovdi gwida, appoġġ intensiv għall-istart-ups, u spazju ta' inkubazzjoni għal impriżi ġodda, u huma, għaldaqstant, essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi fil-futur;
32. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, quddiem il-possibbiltà li intrapriżi Ewropej jagħlqu, il-ħaddiema f'ħafna minn dawn l-intraprizi jkunu jistgħu jsiru s-sidien ta' dawk l-impriżi permezz ta' soċjetajiet kooperattivi; jistieden sabiex jiġu studjati linji ta’ appoġġ ġodda possibbli permezz tal-Fond Ewropew ta’ Adattament għall-Globalizzazzjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment għal dawk l-intrapriżi involuti fis-setturi ewlenin skont l-Istrateġija Ewropa 2020;
33. Huwa mħasseb dwar l-fenomenu dejjem jikber ta' xogħol indipendenti fittizju fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki speċifiċi li jipprevjenu dan, bħal opportunitajiet ta' impjieg suffiċjenti jew ispezzjoni tax-xogħol aħjar;
34. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-kultura tal-internazzjonalizzazzjoni permezz tal-informazzjoni, il-preżentazzjoni ta’ prassi tajba u l-provvista ta’ pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni; iħeġġiġhom jipprovdu żvilupp tal-ħiliet fil-qasam tal-intraprenditorija b'fokus internazzjonali, u jippromwovu it-trasparenza fir-rigward tal-għodda ta' appoġġ disponibbli għal "start-ups", jappoġġaw netwerking u skambji li jikkollegaw l-intraprendituri żgħażagħ ma’ investituri u sħab kummerċjali potenzjali; u jipprovdu pariri operazzjonali u appoġġ anke wara l-fażi ta' “start up” sabiex jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ jegħlbu l-ewwel snin kritiċi u jipprovdu inċentivi għall-impjieg;
35. Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ Ewropej jingħataw edukazzjoni intraprenditorjali u li l-attitudnijiet intraprenditorjali jiġu inkoraġġiti; f’dan il-kuntest, jinnota r-rwol importanti li għandu l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) fil-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-prattika; jinnota li l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni kollha tal-EIT jippromwovu attivament l-intraprenditorija fl-oqsma rispettivi tagħhom permezz tal-iżvilupp ta’ kurrikuli li jikkombinaw xjenza u innovazzjoni eċċellenti ma’ ħiliet u esperjenzi intraprenditorjali, u b’hekk jippreparaw lill-intraprendituri tal-ġejjieni u jittrażmettu lin-negozji eżistenti mentalità innovattiva u intraprenditorjali;
36. Jiddikjara li huwa tal-akbar importanza għall-koeżjoni soċjali tal-UE li jingħelbu r-rati għolja tal-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u gruppi vulnerabbli oħrajn fl-UE , billi jiżdiedu l-kompetittività u l-impjieg reġjonali u billi jitrawwem spirtu intraprenditorjali; jitlob għalhekk biex l-Istati Membri jużaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment biex jiffukaw fuq il-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli u opportunitajiet għan-negozji billi jipprovdu ambjent ospitabbli u l-qafas regolatorju t-tajjeb għall-mikrointrapriżi, l-SMEs, in-negozji u n-negozji ġodda żgħar;
37. Jirrimarka li l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-impjieg u proġetti konkreti bl-għan li jittejbu l-ħiliet intraprenditorjali, ta' negozju u kreattivi, inklużi dawk taż-żgħażagħ; jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri u r-reġjuni kollha jagħmlu użu sħiħ minn din l-opportunità sabiex jingħeleb il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li, permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-intraprenditorija fil-livell lokali u reġjonali, inkluż billi jiffokaw fuq in-negozji ġodda mnedija miż-żgħażagħ;
38. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tkabbir tal-ekonomija soċjali f’dawn l-aħħar snin bħala forma ġdida ta’ intraprenditorija fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji u programmi li jippromwovu l-ekonomija soċjali;
Demografija
39. Jemmen li, minħabba l-fenomenu mifrux ta' popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu, l-Istati Membri għandhom jitħeġġew, fost affarijiet oħra fil-kuntest tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, jippromwovu ż-żamma fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema akbar fl-età, kemm nisa u rġiel, billi jagħtu valur lill-esperjenza; jenfasizza li forza tax-xogħol akbar fl-età u ħajja tax-xogħol itwal, jistgħu jagħtu kontribut pożittiv lill-irkupru u t-tkabbir fil-futur; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari għall-ħaddiema aktar anzjani; jenfasizza, fl-aħħar, li l-persuni aktar anzjani huma indispensabbli sabiex l-għarfien u l-esperjenza jitwasslu lill-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ;
40. Jemmen fl-importanza tal-promozzjoni tal-intraprenditorija anzjana bħala mezz ta’ kif il-popolazzjoni anzjana li għandha esperjenza sinifikanti fin-negozju tiġi involuta fil-proċess ta’ innovazzjoni, u b’hekk jittawwlu l-ħajjiet tax-xogħol u ħiliet indispensabbli jinżammu fis-suq tax-xogħol;
41. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw effettivament il-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi legalment id-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol minħabba età, diżabilità, orjentazzjoni sesswali jew reliġjon jew twemmin;
42. Jirrikonoxxi l-importanza li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ta' persuni li jridu jirrikonċiljaw ix-xogħol tagħhom mal-ħajja tal-familja tagħhom;
Aċċess għas-suq
43. Jenfasizza li l-opportunitajiet mogħtija mis-suq uniku tal-UE jridu jintużaw biex jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomiji tal-Ewropa billi jiftħu l-fruntieri, ineħħu l-ostakli eżistenti li jfixklu l-mobilità tal-ħaddiema u joħolqu opportunitajiet ta’ negozju ġodda;
44. Jitlob li jiżżarmaw l-ostakli li fadal għall-forniment transkonfinali tas-servizzi, biex b'hekk jkunu jistgħu joħolqu aktar impjiegi;
45. Jenfasizza li fil-każ ta' SMEs, l-kobor tabilħaqq jagħmel differenza, u li skala akbar tippermetti lill-SMEs jirreżistu aktar faċilment iċ-ċikli ekonomiċi, jibnu kompetenza iktar fil-fond, isibu klijenti u swieq ġodda, jiġu konnessi ma’ ktajjen ta’ provvista globali u jiksbu aċċess aktar faċli għal finanzjament bankarju u jwessgħu is-sorsi ta’ finanzjament u b’hekk joħolqu aktar impjiegi. jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-provvista ta’ edukazzjoni fil-ġestjoni u l-istrateġija kummerċjali għas-sidien ta’ SMEs li jixtiequ jespandu n-negozji tagħhom. jenfasizza l-importanza tal-għajnuna lill-SMEs sabiex jiżviluppaw konnessjonijiet ma’ swieq barranin mhux sfruttati billi jdawwru lill-aġenziji pubbliċi eżistenti biex jaħdmu ma’ banek u assoċjazzjonijiet tal-SMEs lejn dak l-għan;
46. Jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet qafas xierqa u flessibbli għas-suq intern biex jippromwovu l-intraprenditorijt u jappoġġjaw l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jiffurmaw is-sinsla ekonomika tal-Unjoni m’għandhomx, taħt l-ebda ċirkostanza, jinkisbu għad-dannu tal-istandards minimi Ewropej tax-xogħol u tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol;
47. Jinnota li huwa kruċjali li jiġi żgurat li jingħata appoġġ għall-SMEs li jixtiequ jsiru internazzjonali permezz ta’ self ta’ terminu medju jew twil jew investimenti ta’ ekwità, u li l-SMEs jiġu mgħallma kif jiksbu aċċess għal finanzjament kummerċjali;
48. Jinnota l-importanza li għandha l-ekonomija diġitali għall-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment meta jkunu marbutin ma’ setturi fejn l-Ewropa hija tradizzjonalment b’saħħitha, bħall-industriji kreattivi, il-patrimonju kulturali u t-turiżmu;
49. Jenfasizza li l-kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq uniku, imsejsa fuq standards soċjali komuni, hija ta’ importanza kruċjali biex it-tkabbir u l-innovazzjoni jingħataw spinta, u b’hekk jiżdiedu l-impjiegi fl-Unjoni;
Finanzi
50. Jinnota li s-self bankarju għadu l-aktar sors komuni ta’ finanzjament fl-Ewropa; jemmen, madankollu, li hemm benefiċċji reali fil-forom ġodda ta’ finanzjament permezz ta’ skemi innovattivi u rotot mhux bankarji, bħall-finanzjament kollettiv (crowdfunding), l-investituri informali tal-SMEs, is-self bejn il-pari, il-mikroself, l-aġenziji ta' mikrokreditu faċilment aċċessibbli u għodod oħra, li jistgħu jipprovdu investiment vitali għall-impriżi li għadhom jibdew u joħolqu l-impjiegi; jemmen li forom ġodda ta’ finanzjament jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal negozji żgħar u dinamiċi li għandhom diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal sorsi iktar tradizzjonali ta’ finanzjament minħabba "l-istat ġdid" tagħhom. jenfasizza li dawn il-forom ġodda ta' finanzjament m'għandhomx ikunu limitati għall-fażjiet ta' start-up u ta' tkabbir u li t-trawwim ta' swieq kapitali alternattivi jkun ta' benefiċċju wkoll għal-materjalizzazzjoni ta' riżultati pożittivi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-impjegati tagħhom, pereżempju f'każijiet ta' ristrutturar;
51. Iqis importanti ferm għall-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, skont liema, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi, il-perjodu tal-ħlas kuntrattwali m’għandux jaqbeż il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 4(3) sakemm mhux miftiehem espressament mod ieħor fil-kuntratt u bil-kundizzjoni li jkun iġġustifikat b’mod oġġettiv fid-dawl tan-natura jew il-karatteristiċi partikolari tal-kuntratt, u li fi kwalunkwe każ ma jaqbiżx is-60 ġurnata kalendarja;
52. Jenfasizza li l-SMEs mhux innovattivi u stabbiliti diġà li qed ifittxu li jespandu fi swieq ġodda jew li jittrasferixxu s-sjieda tagħhom ta' spiss jeħtieġu wkoll appoġġ pubbliku sabiex jiksbu l-finanzjament meħtieġ;
53. Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 hija strument importanti u effettiv għall-ħolqien ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għall-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020 filwaqt li, permezz ta' firxa wiesgħa ta' miżuri u strumenti finanzjarji innovattivi, tappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), inklużi l-mikrointrapriżi, li huma fost il-ħallieqa ewlenin tal-impjiegi fl-UE;
54. Jilqa’ inizjattivi li jagħmluha aktar faċli għaċ-ċittadini, għall-organizzazzjonijiet, u għan-negozji, partikolarment l-SMEs, li jkollhom aċċess għall-appoġġ tal-UE permezz ta’ portal uniku li joffri informazzjoni dwar il-Fondi Strutturali, inkluż il-programmi FSE Orizzont 2020 u COSME; jilqa’ wkoll bi pjaċir l-isforzi tan-Netwerk Enterprise Europe f'dan il-qasam; jemmen li, madankollu, irid isir aktar biex intraprendituri stabbiliti jew potenzjali jkunu infurmati b’mod ċar u b’mod komprensiv, permezz ta' 'one-stop shops' fir-reġjuni kollha, dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament u biex intermedjarji finanzjarji jiġu mħeġġa jagħmlu użu akbar tal-istrumenti finanzjarji;
55. Jitlob koordinazzjoni aħjar tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali, il-FEŻR, l-Orizzont 2020 u l-investimenti tal-BEI, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament ta’ SMEs innovattivi, u jitlob valutazzjoni tal-ostakoli attwali li nħalqu minħabba li f’bosta Stati Membri l-banek ma jittrasferux fondi u garanziji għal self lil SMEs u lill-ekonomija reali;
56. Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni għat-titjib tal-kompetittività, il-produttività, is-sostenibbiltà u l-potenzjal għall-ħolqien tax-xogħol tal-SMEs Ewropej u jinnota l-enfasi sinifikanti li l-programm Orizzont 2020 u l-EIT jqiegħdu fuq il-ħolqien u l-appoġġ ta’ SMEs innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir;
57. Jilqa’ l-ħolqien ta’ strument SME taħt il-programm Orizzont 2020 li jippermetti l-aċċess għall-SMEs għall-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju biex jimplimentaw ideat innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex mill-2014 tintroduċi l-istrument bl-aktar mod favorevoli għall-SMEs, jiġifieri permezz ta’ aġenzija unika apposta, b'tali mod li tippermetti l-preżentazzjoni reali tal-proġetti “minn isfel għal fuq” u tappoġġa t-tipi kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni mhux teknoloġika u soċjali;
58. Jirrimarka li l-kumpaniji, madankollu, ta' spiss jaffrontaw problemi biex isibu l-fondi meħtieġa għall-finanzjament tar-riċerka tagħhom, biex jiżviluppaw prodotti ġodda jew ikollhom aċċess għal swieq ġodda;
59. Jappoġġa l-inizjattivi tal-UE li jgħinu lill-SMEs jaċċedu b'aktar faċilità għal riżorsi finanzjarji, minħabba l-fatt li dawn l-inizjattivi jwasslu għal finanzjament aktar faċli u rapidu għal kumpaniji ġodda u innovattivi, iħeġġu lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmi li jħeġġu l-innovazzjoni (eż. mekkaniżmi ta' kreditu fiskali għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni) u joffru rimedju għal inugwaljanzi bejn Stat Membru u ieħor; jappoġġa wkoll l-inizjattivi li jinkoraġġixxu lill-intraprendituri li n-negozju tagħhom ikun falla, b'mod li jagħtuhom ċans ieħor u ma jiskoraġġixxux it-teħid tar-riskji;
60. Jilqa’ s-simplifikazzjoni tal-metodi ta’ rimborż bħala parti mill-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Strutturali, minħabba r-rwol importanti li għandhom dawn l-istrumenti f’ħafna reġjuni biex jippromwovu l-intraprenditorija u l-ħiliet; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament Komunitarju u biex tirrapporta lill-Parlament dwar il-kwistjoni;
61. Huwa tal-fehma li l-investiment pubbliku u l-appoġġ tal-istat għat-twaqqif u l-operazzjoni kontinwa tal-impriżi huma kruċjali; jemmen li l-Istati Membri għandhom jitolbu salvagwardji u garanziji minn kumpaniji li jiġu stabbiliti f’kull Stat Membru u li jirċievu appoġġ pubbliku; bil-għan li jiġu ppreservati l-impjiegi;
62. Jemmen li l-kompetizzjoni fiskali inġusta bejn l-Istati Membri taffettwa b'mod negattiv l-iżvilupp tal-intrapriżi, li ta' spiss l-SMEs jinsabu żvantaġġati fis-sistemi fiskali b'paragun ma' kumpaniji akbar, u li għalhekk, it-tkabbir u l-investiment potenzjali tal-SMEs qegħdin jisfaw maħnuqa; huwa favur koordinazzjoni aħjar tas-sistemi fiskali tal-kumpaniji fl-UE permezz tal-introduzzjoni ta' bażi tat-taxxa armonizzata, akkumpanjata b'azzjoni biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u ppjanar fiskali aggressiv;
Is-suq tax-xogħol
63. Jemmen bis-sħiħ li n-negozji jistgħu joħolqu aktar impjiegi jekk ikunu jeżistu l-kundizzjonijiet it-tajba, inklużi l-aċċess għal forza tax-xogħol ikkwalifikata u kompetenti ħafna, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, spejjeż u taxxi raġonevoli, u li l-piżijiet amministrattivi u regolatorji jkunu minimi;
64. Jinnota l-importanza tal-flessigurtà fuq il-post tax-xogħol biex minn naħa waħda jingħata grad raġonevoli ta' sigurtà lill-impjegati u, min-naħa l-oħra sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jirreaġixxu b'mod flessibbli għall-iżviluppi tas-swieq;
65. Huwa tal-fehma li l-introduzzjoni tal-hekk imsejħa "kowċis għaż-żgħażagħ" fl-aġenziji tas-suq tax-xogħol huwa pass importanti, sabiex jintilfu ħafna inqas żgħażagħ fit-tranżizzjoni bejn l-iskola u s-suq tax-xogħol;
66. Jemmen li l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar fil-kapital uman u joffru reazzjoni aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiżguraw li jkun hemm rabtiet qawwija bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol, jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra b'informazzjoni, konsulenza u gwida tajba biex jagħmlu għażliet ta' karriera tajbin, u biex irawmu apprendistati tat-tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, kif ukoll iħarrġu mill-ġdid lill-impjegati u jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja;
67. Iqis li hemm skop ewlieni għaż-żieda tal-involviment tas-sħab soċjali u l-korpi involuti fil-formulazzjoni ta’ strateġija fuq żmien twil għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, peress li dan huwa l-uniku mod kif jiġi identifikat dak li mhux qed jaħdem sewwa, tiġi ifformulata leġiżlazzjoni intelliġenti u flessibbli, tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u jiġu promossi l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità;
68. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu skemi tranżitorji vijabbli mill-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol, speċjalment għal professjonisti żgħażagħ li jidħlu għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol;
69. Jistieden lill-Istati Membri jibqgħu jimplimentaw miżuri tal-politika, akkumpanjati b’mekkaniżmi li jinċentivaw l-ekonomija u r-regolamentazzjoni, li jsawru l-kultura u s-sistemi edukattivi permezz tal-ħolqien tas-sħubijiet u netwerks ta’ skambju bejn id-diversi livelli kollha tal-edukazzjoni u l-kumpaniji, sabiex jingħalaq id-distakk attwali bejn id-dinja tal-edukazzjoni universitarja u s-suq, bl-għan li tiġi ffaċilitatata t-tranżizzjoni tar-riċerkaturi mill-universitajiet għall-kumpaniji, u b'hekk titrawwen l-innovazzjoni;
70. Iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ definizzjoni Ewropea tal-“awtoimprenditur” għal attivitajiet relatati mal-ekonomija diġitali Ewropea;
L-SMEs u mikroimpriżi
71. Iqis li l-SMEs huma l-muturi ewlenin tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku fl-UE u għandhom rwol kruċjali biex jipprovdu mogħdijiet li jwasslu lil persuni ta' kwalunkwe età, kemm nisa u rġiel, għad-dinja tax-xogħol; jiddispjaċih li f'ħafna Stati Membri dawn huma esklużi mill-politika ta' riċerka pubblika, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;
72. Jenfasizza l-importanza tal-SMEs mhux biss fil-ħolqien iżda wkoll fiż-żamma tal-impjiegi;
73. Jirrimarka li aktar minn 20 miljun SME fl-UE jirrappreżentaw 99 % tan-negozji, u jservu ta' mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali;
74. Jemmen li l-miżuri tal-politika pubblika għandhom rwol importanti fl-appoġġ u l-istimolu li jagħtu lill-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs (eż. self li jifilħu għalih, servizzi ta’ konsulenza dwar l-inizjattivi pubbliċi u l-leġiżlazzjoni, inkubaturi u aċċeleraturi tan-negozju, clusters, l-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, skemi ta' kkowċjar u tal-mentoring eċċ.); iqis li n-netwerking u l-iskambju tal-aħjar prassi għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward; jemmen li l-appoġġ mhux tanġibbli u mhux finanzjarju bħall-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni, l-edukazzjoni finanzjarja, u n-netwerks tan-negozju huma essenzjali għall-intraprendituri u l-SMEs il-ġodda biex jiżviluppaw in-negozji tagħhom; iqis li, biex jiġi stimulat is-suq intern u l-kummerċ bejn in-negozji żgħar, huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki okkupazzjonali u l-interoperabbiltà ta’ sistemi regolatorji kummerċjali differenti;
75. Jemmen li l-innovazzjoni fl-SMEs hija rotta importanti li twassal għall-ħolqien tal-impjiegi; huwa essenzjali li, sabiex jipparteċipaw b’suċċess fis-sistema ta’ innovazzjoni, iridu jkunu l-SMEs stess li jmexxu l-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom u li l-appoġġ għalihom ikun mfassal aħjar skont il-ħtiġijiet reali tagħhom;
76. Jenfasizza l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”; jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku fil-provvediment ta’ opportunitajiet ġodda għall-SMEs biex ikollhom aċċess għas-suq uniku, joħolqu opportunitajiet ta' impjieg, inaqqsu l-ispejjeż u jikkompetu globalment;
77. Jenfasizza l-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji tal-ICT fit-tkabbir tal-produttività u l-kompetittività; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-suq uniku diġitali u jfakkar li l-ispiża biex jitnieda negozju innovattiv tal-ICT naqset b’fattur ta’ 100 fl-aħħar għaxar snin, primarjament minħabba teknoloġiji bħall-broadband ultraveloċi u minn kullimkien, cloud computing, softwer ta’ sors miftuħ, dejta miftuħa u aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku;
78. Jenfasizza li l-Gvern Elettroniku huwa ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-intraprendituri (b’mod partikolari għall-SMEs, li spiss jiffaċċjaw ostakoli li ma jistgħux jgħelbu meta joperaw b’mod transkonfinali fi ħdan l-UE), peress li dan iġib miegħu spejjeż u piżijiet amministrattivi mnaqqsa, aktar produttività, effiċjenza, kompetittività, trasparenza, ftuħ, effikaċja tal-politika, aċċessibilità u simplifikazzjoni tal-proċeduri;
79. Jemmen li n-nuqqas ta’ protezzjoni adegwata għall-SMEs tista’, f’ħafna każijiet, iddgħajjef lill-impriżi u twaqqaf it-tkabbir ekonomiku, u tista’ wkoll tiskoraġġixxi lill-imprendituri milli jieħdu riskji, li jolqot l-kapaċità tagħhom li jikbru u joħolqu l-impjiegi;
80. Jinnota li l-ostakli prinċipali li jiffaċċjaw l-impriżi li għadhom jibdew u li jaffettwaw l-iżvilupp ta’ SMEs b’rata għolja ta’ tkabbir huma l-aċċess diffiċli għall-finanzjament u l-kost assoċjat miegħu, ir-regolamentazzjoni ta' piż, in-nuqqas ta’ għarfien tar-regolamenti, il-kostijiet indiretti, l-aċċess ristrett għas-swieq tal-esportazzjoni, iż-żminijiet ta’ pagamenti medji u n-nuqqas ta’ kompetenzi;
81. Jilqa’ l-introduzzjoni tat-“test SME” u l-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi reġimi regolatorji eħfef għall-SMEs u eżenzjonijiet għall-mikroimpriżi skont il-każ, mingħajr ma jiġu kompromessi l-istandards tas-saħħa, is-sigurtà u l-impjieg; jemmen li għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ mitigazzjoni f’firxa ta’ proposti leġiżlattivi, eż. żmien ta’ implimentazzjoni itwal, spezzjonijiet aktar effiċjenti u effettivi, jew linji gwida li jissimplifikaw l-amministrazzjoni tal-kumpaniji, imma mingħajr ma jinħoloq suq tax-xogħol fuq żewġ livelli;
82. Jilqa’ inizjattivi bħall-proġett CREATE li jindirizza l-ostakli għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività li jesperjenzaw l-SMEs fiż-żoni rurali;
83. Jemmen li l-Istati Membri jridu jiġu mħeġġa, pereżempju permezz tan-Netwerk Ewropew tar-Rappreżentanti tal-SMEs, jikkondividu l-aħjar prattiki dwar mezzi innovattivi biex jinħolqu l-impjiegi, titnaqqas il-burokrazija u tittejjeb il-komunikazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs u l-mikroimpriżi;
84. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs jippromwovu l-produzzjoni lokali u l-eċċellenza tal-prodotti, anke permezz tal-aggregazzjoni tal-impriżi għall-proġetti komuni ta’ riċerka u żvilupp;
85. Jemmen li anke l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil SMEs għandhom jiġu mħeġġa jaqsmu l-aħjar prattiki transkonfinali dwar modi innovattivi ta’ kif titnaqqas il-burokrazija;
86. Jiddispjaċih li r-riformi tax-xogħol li qed isiru f’diversi Stati Membri qed iwasslu biex għadd kbir ta’ ħaddiema ma baqgħux ikunu protetti minn ftehimiet kollettivi, speċjalment fl-SMEs. iqis li kwalunkwe titjib fil-flessibbiltà tax-xogħol għandu jiġi akkumpanjat minn protezzjoni tax-xogħol adegwata;
87. Jemmen li għandu jitjieb il-qafas għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku;
88. Jinnota li f'ħafna Stati Membri jonqos l-appoġġ adegwat u/jew il-qafas regolatorju suffiċjenti għall-iżgurar ta' kundizzjonijiet xierqa għall-kumpaniji ġodda u innovattivi u għal "start ups", u jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-istrumenti u l-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali rigward l-SMEs;
89. Jisħaq il-ħtieġa li jiġu msaħħa r-regolamenti Komunitarji fir-rigward tat-traċċabilità tal-prodotti, bl-għan li tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni u jinħoloq strument validu biex jiġi stimolat it-tkabbir tal-SMEs;
Regolamentazzjoni aħjar
90. Jenfasizza l-ħtieġa għal regolamenti aktar effiċjenti u mfissra b'mod aktar ċar li jistgħu jiġu implimentati b’mod sempliċi u li jistgħu jgħinu lill-atturi kollha inklużi lill-imprendituri joperaw skont l-istat tad-dritt u jippermettu li kemm l-imprendituri kif ukoll l-impjegati jibbenefikaw mill-opportunitajiet u l-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg u s-saħħa u s-sikurezza;
91. Jenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni akbar tal-politiki tal-Unjoni favur l-SMEs fir-rigward tal-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kompetittività, l-internazzjonalizzazzjoni, l-intraprenditorija, il-produttività tar-riżorsi, it-tnaqqis tal-burokrazija, il-kwalità tar-riżorsi umani, u r-responsabbiltà soċjali u ambjentali;
92. Jilqa’ l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati r-riżultati tar-rieżami tal-10 liġijiet l-aktar ta’ piż għall-SMEs, li se jgħinu lin-negozji joħolqu aktar opportunitajiet ta' impjieg; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti prijorità urġenti lit-titjib ta’ dawn ir-regolamenti b’modi li jindirizzaw it-tħassib tal-SMEs; jemmen li hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-UE tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji, b'mod partikulari l-SMEs u l-mikroimpriżi, u tqis miżuri ta’ appoġġ għalihom, fil-proċess ta’ politika;
93. Jinnota li l-kumpaniji ġodda li jsiru internazzjonali b’mod rapidu u intensiv wara l-fażi ta' “start up” jagħtu kontributi siewja lill-ekonomija billi joħolqu l-innovazzjoni, jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f’kumpaniji oħra, jipparteċipaw fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali u joħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja. jenfasizza, madankollu, li dawn il-kumpaniji jaffaċċjaw sfidi sinifikanti fil-fażi tal-“istart up” minħabba l-livelli baxxi ta’ kapital, u għalhekk, proċeduri rħas, sempliċi u rapidi ta' “start up” ikunu ta’ benefiċċju għalihom;
94. Jenfasizza li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ħarsien tal-ħaddiema ma jistgħux jitqiesu regolamenti ta’ piż; jitlob lill-Kummissjoni tissimplifika l-piżijiet amministrattivi eċċessivi filwaqt li dejjem tiżgura s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tiggarantixxi li l-SMEs jipprovdu għarfien u riżorsi adegwati biex l-ambjent tax-xogħol tal-impjegati jiġi amministrat kif xieraq;
95. Jinnota li l-ftehimiet tas-sħab soċjali japplikaw għal firxa kbira ta’ negozji u impjegati; huwa mħasseb li n-negozjati mhumiex fuq l-istess livell tal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar tal-UE; jemmen li l-ftehimiet tas-sħab soċjali għandhom jgħaddu minn valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti;
96. Jinnota l-istrateġija dwar is-saħħa u s-sikurezza l-ġdida; jittama li se tiffoka fuq il-prevenzjoni, l-użabbiltà, il-kjarifika, is-simplifikazzjoni, il-prevenzjoni, u l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tiżgura s-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema;
97. Jilqa’ t-tnaqqis tat-tariffi tar-reġistrazzjoni REACH għall-SMEs, anke jekk it-tariffi jirrappreżentaw parti żgħira biss mill-ispejjeż ġenerali ta’ konformità; huwa ferm imħasseb, madankollu, li l-istimi inizjali tal-ispejjeż mir-REACH ġew sottovalutati u din id-differenza diġà tammonta għal aktar minn EUR 1 biljun u li ser tkompli tiżdied;
98. Jinnota l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-intrapriżi, permezz ta’ proġetti u strumenti li jippermettu li tiġi indirizzata l-isfida tal-irkupru enerġetiku bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija;
99. Jirrimarka li d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għall-perjodu tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 għandhom l-għan li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq il-mikrointrapriżi u l-SMEs, b'mod partikolari meta jimpjegaw persuni diżokkupati, u b'hekk jikkontribwixxu għal titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli għal implimentazzjoni mtejba tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-benefiċċju tal-mikrointrapriżi u l-SMEs;
Rakkomandazzjonijiet
100. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu malajr u b’ambizzjoni biex inaqqsu l-piż regolatorju fuq l-SMEs, filwaqt li jiżguraw li kull soluzzjoni proposta tkun ibbażata fuq l-evidenza, tirrispetta s-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll l-Artikolu 9 TFUE;
101. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tax-xogħol tal-ekonomija l-"ħadra" billi jiżviluppaw strateġija ta’ Rinaxximent tal-Industrija għal Ewropa Sostenibbli (RISE) li timmira għal innovazzjoni teknoloġika, kummerċjali u soċjali lejn it-tielet rivoluzzjoni industrijali inkluża mira għal modernizzazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju; jargumenta li l-istrateġija RISE se toħloq swieq, mudelli kummerċjali u imprendituri kreattivi ġodda, impjiegi ġodda u xogħol deċenti, u b’hekk iġġib magħha tiġdid industrijali b’dinamiżmu ekonomiku, fiduċja u kompetittività; jemmen li l-effiċjenza enerġetika u l-effiċjenza fir-riżorsi huma pilastri ewlenin ta’ tali strateġija;
102. Iqis li l-proposta tal-Kummissjoni li l-mikroentitajiet għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi futuri sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa li dawn ikunu koperti, tista’ toffri approċċ xieraq;
103. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-SMEs ikunu parti min-netwerk li għadu kif twaqqaf għar-Rappreżentanti tal-SMEs u l-Assemblea tal-SMEs, u jkunu infurmati tajjeb dwar l-inizjattivi u l-proposti ta' politika tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol daqstant importanti taċ-Ċentri Ewropej ta' Informazzjoni (EICs), li s'issa ma rnexxilhomx jipprovdu servizz li jlaħħaq mal-aspettattivi u l-ħtiġijiet tan-negozji Ewropej;
104. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja (taħriġ vokazzjonali), għall-impjegati tal-SMEs u l-mikroentitajiet, bħala mezz li jsaħħaħ l-aċċess u l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji fis-Suq Uniku;
105. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura aċċess aktar faċli għall-SMEs għal fondi strutturali, l-aktar billi tnaqqas il-ħtiġijiet għal proġetti prefinanzjati, tnaqqas ir-rekwiżiti għall-kofinanzjar, tiffoka aħjar fuq tipi ta’ SMEs differenti, tagħlaq id-distakk finanzjarju bejn iċ-ċikli ta’ sejħa, u tappoġġja l-bini ta’ kapaċità għall-iffinanzjar tal-SMEs;
106. Isostni li l-miżuri kollha li jappoġġjaw lill-SMEs għandhom ikunu applikabbli għall-ħaddiema indipendenti, l-aktar fir-rigward ta' forom differenti ta' sistemi ta' sigurtà soċjali, ta' benefiċċji pprovduti taħt dawn is-sistemi u l-prevenzjoni ta' perikli fuq ix-xogħol;
107. Jirrakkomanda lill-MEPs jagħmlu użu sħiħ mid-Diurettorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u tal-Valur Miżjud Ewropew sabiex jiskrutinizzaw l-ispiża, il-benefiċċji u implikazzjonijiet oħra tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni proposta dwar l-SMEs u, partikolarment, dwar il-ħolqien tal-impjiegi;
108. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi fil-valutazzjoni tal-impatt tar-regolamentazzjoni futura u attwali dwar l-SMEs u l-kompetittività b’mod ġenerali;
109. Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom taħt is-“Small Business Act” li jkunu kapaċi jibdew negozju fi żmien ta' mhux aktar minn 48 siegħa; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jagħmlu kull sforz biex jilħqu din il-mira sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' impjieg li jinsabu fl-istrateġija Ewropa 2020;
110. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza kwalunkwe effett negattiv identifikat li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha fir-rigward tan-negozji u l-kapaċità tagħhom li joħolqu l-impjiegi, partikolarment rigward l-aspetti ta' nuqqas ta' għarfien, perċezzjoni ġenerali u nuqqas ta' appoġġ għall-applikazzjoni fil-prattika tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-fluss ta' informazzjoni lill-SME;
111. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programm REFIT, tivverifika li l-leġiżlazzjoni kollha qed tagħmel dak li kienet maħsuba li tagħmel u tidentifika oqsma fejn hemm inkonsistenzi jew miżuri ineffettivi li jaffettwaw l-opportunitajiet ta' impjiegi;
112. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw l-impjiegi indipendenti, possibbilment fuq livell transkonfinali u speċjalment fost in-nisa u ż-żgħażagħ, permezz tal-ħolqien ta' ambjent u bl-iżvilupp ta' sistema edukattiva u għall-protezzjoni soċjali li tħeġġeġ lill-imprendituri jwaqqfu u jiżviluppaw in-negozji tagħhom u joħolqu impjiegi ġodda, pereżempju, bil-promozzjoni tal-intraprenditorija fost l-istudenti u l-professjonisti;
113. Jistieden lis-sħab soċjali jilqgħu l-għodda ta’ regolamentazzjoni intelliġenti, iżidu l-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt fin-negozjati tagħhom u jressqu ftehimiet li jipproponu azzjoni leġiżlattiva lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni;
114. Jinsisti fuq approċċ ibbilanċjat tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data fil-protezzjoni tal-privatezza tad-dejta filwaqt li jiġu stimulati l-ekonomija diġitali, il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir;
115. Jistieden lill-UE taħdem mal-Istati Membri, l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka u n-negozji biex jikkoordinaw u jagħmlu użu sħiħ mis-sorsi ta’ finanzjament tal-UE (eż. il-FSE, il-FEŻR, il-COSME, l-Orizzont 2020 u Erasmus+), sabiex jippromwovu kultura intraprenditorjali, b’mod partikolari fost in-nisa uż-żgħażagħ, jiżviluppaw u jaġġornaw il-kwalifiki u l-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol u jappoġġjaw il-ħolqien ta’ impriżi ġodda;
116. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkooperaw għall-introduzzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali fil-kurrikuli fl-istadji kollha ta’ edukazzjoni;
117. Jistieden lill-UE taħdem mal-Istati Membri, l-iskejjel u l-universitajiet fuq l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni miftuħa bbażata fuq it-teknoloġija;
118. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0036.
- [2] http://www.ceemet.org/en/News/News/CEEMET-Survey-Flexible-employment-contracts-responding-to-changing-market-circumstances-and-meeting-employee-needs.htm
NOTA SPJEGATTIVA
Il-qgħad huwa l-ikbar sfida soċjali li l-Ewropa qed tiffaċċja bħalissa. F’Lulju 2013, ir-rata tal-qgħad għall-Ewropa kollha kienet ta’ 11 %, u għal għadd ta’ Stati Membri kienet aktar minn 20 %. L-UE2020 stabbilixxiet mira ta’ 75 % f’impjieg attiv sal-2020, u jekk irridu li jkollna ċans realistiku li nilħqu dan l-għan, jeħtieġ li niffukaw dwar kif l-Ewropa tista’ toħloq l-ambjent it-tajjeb għall-ħolqien tal-impjiegi.
Irridu niftakru wkoll fil-prinċipju globali li huma n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, il-mikroimpriżi, l-imprendituri u l-innovaturi li joħolqu l-impjiegi, mhux il-pjanijiet ta’ tkabbir tal-UE. L-SMEs u l-mikroimpriżi attwalment jipprovdu 90 miljun impjieg fis-settur privat fl-UE. Huwa hawnhekk li hawn potenzjal kbir għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir u l-innovazzjoni. Jekk nikkunsidraw li 85 % tal-impjiegi l-ġodda kollha matul l-aħħar 10 snin ġew mill-SMEs, irridu niżguraw li l-ħtiġijiet tal-SMEs jitqiegħdu fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika.
L-UE u b’mod partikolari l-Istati Membri għandhom ir-rwol importanti li jappoġġjaw in-negozji billi jtejbu l-aċċess għall-finanzi, iħeġġu l-intraprenditorija, u aktar minn hekk billi jesploraw mezzi ġodda biex jinħoloq l-ambjent regolatorju t-tajjeb.
In-negozji jistgħu biss joħolqu l-impjiegi u jħaddmu aktar nies jekk is-suq jippermetti dan, jekk ikunu jistgħu jserrħu fuq forza tax-xogħol ikkwalifikata, jekk is-swieq tax-xogħol ikunu flessibbli b’mod suffiċjenti, jekk il-kostijiet lavorattivi, inklużi l-pagi, ikunu f’konformità mal-produttività, jekk is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jagħmlu x-xogħol attraenti u jekk ir-regolamentazzjoni tkun proporzjonata u bbażata fuq l-evidenza.
Xi sfidi kbar jridu jiġu indirizzati u filwaqt li jirrikonoxxi l-ispettru wiesa’ tal-perspettivi politiċi dwar din il-kwistjoni, dan ir-rapport ifittex li jindirizza għadd ta’ kwistjonijiet li jinkludu kif l-UE u l-Istati Membri jistgħu jtejbu l-aċċess għall-finanzi, jippromwovu l-intraprenditorija u jiżviluppaw regolamentazzjoni aħjar.
Ġew enfasizzati għadd ta’ punti ewlenin, l-ewwel nett, li n-negozji u b’mod partikolari l-SMEs u l-mikroimpriżi għandu jkollhom l-għarfien u l-kompetenza dwar kif ikollhom aċċess għall-appoġġ tal-UE pereżempju permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz u portali tal-web.
It-tieni, minħabba li n-numru ta’ ċittadini tal-UE li jixtiequ jaħdmu għal rashom naqas minn 45 % għal 37 % fl-aħħar 3 snin, huwa importanti li jitrawwem spirtu intraprenditorjali minn età żgħira li jibqa’ sejjer sal-Università u li jsir kull sforz biex ikun aktar faċli għal negozji tajba li jżommu sodi u għal imprendituri onesti li jkollhom ċans ieħor.
Ir-rapport b’mod partikolari jilqa’ inizjattivi innovattivi li jgħinu lill-imprendituri jinkludu l-programme CREATE, l-Erasmus għall-imprendituri żgħażagħ u l-Istrateġija Intraprenditorjali 2020.
It-tielet, jenfasizza li kompetizzjoni internazzjonali li qed tikber li ġejja minn forzi tax-xogħol b’kompetenzi dejjem akbar wasslet biex l-UE tiffaċċja nuqqasijiet serji ta’ kompetenzi u nuqqas ta’ tlaqqigħ ta’ kompetenzi li qed idewmu t-tkabbir ekonomiku. Hemm tendenza ċara lejn aktar impjiegi b’kompetenzi intensivi. Il-maġġoranza l-kbira ta’ impjiegi li huma mistennija li jinħolqu jew li jsiru vakanti sal-2020 se jkunu jeħtieġu kwalifiki medji jew għolja.
B’mod aktar partikolari, sal-2015, in-nuqqas stmat ta’ persunal tal-ICT ikkwalifikat fl-UE se jiżdied bejn wieħed u ieħor għal bejn 384 000 u 700 000. Il-provvista tal-kompentenzi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika mhux se titlaqqa’ mad-domanda li qed tiżdied tal-kumpaniji.
Ċentrali għal dan hija l-ħtieġa li jinħoloq l-ambjent regolatorju t-tajjeb, billi jitneħħew l-ostakli mhux neċessarji li jimponu spejjeż mhux proporzjonati fuq in-negozji u jillimitaw l-abbiltà tagħhom li jikbru, joħolqu l-impjiegi u jikkompetu globalment.
Jenfasizza għadd ta’ inizjattivi inklużi l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, it-“test SME”, il-programm REFIT, l-ewwel għaxar liġijiet l-aktar ta’ piż tal-Kummissjoni (li identifikaw id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u d-Direttiva dwar il-Ħaddiema Temporanji permezz ta’ Aġenzija bħala jew kumplessi żżejjed jew li fihom rekwiżiti mhux proporzjonati fuq l-SMEs) li kollha kemm huma jgħinu biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni qed tagħmel dak li kienet maħsuba li tagħmel.
Il-leġiżlaturi għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li kull regolamentazzjoni jew proposta li jressqu tħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi u ma timponix piżijiet mhux proporzjonati jew ħżiena fuq in-negozji
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (4.12.2013)
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar l-Unjoni Ewropea kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?
(2013/2176(INI)),
Rapporteur għal opinjoni(*): Josefa Andrés Barea
(*)Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni akbar tal-politiki tal-Unjoni favur l-SMEs fir-rigward tal-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kompetittività, l-internazzjonalizzazzjoni, l-intraprenditorija, il-produttività tar-riżorsi, it-tnaqqis tal-burokrazija, il-kwalità tar-riżorsi umani, u r-responsabbiltà soċjali u ambjentali;
2. Jinnota li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ Ewropej (ta' età bejn 15-24 sena) laħqet ir-rata mhux sostenibbli ta’ 23 % u hija 'l fuq minn 50 % f’dawk l-Istati Membri li nlatqtu l-aktar ħażin mill-kriżi; jindika li dawn ir-rati estremament għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ qegħdin iwasslu għal eżodu kbir ta' mħuħ u qegħdin idgħajfu b'mod sinifikanti l-kapaċità tagħna għal tkabbir sostenibbli fil-futur;
3. Jenfasizza li l-kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq uniku, imsejsa fuq standards soċjali komuni, hija ta’ importanza kruċjali biex jiġu xprunati t-tkabbir u l-innovazzjoni u b’hekk jiżdiedu l-impjiegi fl-Unjoni;
4. Jirrimarka li aktar minn 20 miljun SME fl-UE jirrappreżentaw 99 % tan-negozji, u jservu ta' mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tkabbir tal-ekonomija soċjali fis-snin riċenti bħala forma ġdida ta’ intraprenditorija fl-Unjoni Ewropea. jistieden lill-Istati Membri japprofondixxu l-programmi li jippromwovu l-ħolqien u l-iżvilupp tagħha;
6. Jirrimarka li l-kumpaniji, madankollu, ta' spiss jaffrontaw problemi biex isibu l-fondi meħtieġa għall-finanzjament tar-riċerka tagħhom, biex jiżviluppaw prodotti ġodda jew ikollhom aċċess għal swieq ġodda;
7. Jinnota li, fl-Ewropa, il-proċess biex dak li jkun jistabbilixxi negozju jieħu bejn erbat ijiem (fil-Belġju) u erbgħin jum (f'Malta)[1];
8. Jilqa’ l-Programm għall-Kompettività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-istrument tal-SMEs previst fil-programm Orizzont 2020; madanakollu, jilmenta għall-fatt li l-baġit għal COSME u għall-SMEs f’Orizzont 2020 skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF), huwa limitat;
9. Jilqa’ b’mod partikolari l-azzjonijiet speċifiċi skont COSME, li tfasslu biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas tal-intrapriżi, b’mod partikolari għall-SMEs, biex jġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi u s-swieq u għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-kultura intraprenditorjali; jisħaq fuq il-ħtieġa tal-promozzjoni ta’ dawn il-kompetenzi, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ minn età żgħira u n-nisa; jenfasizza li ambjent regolatorju prevedibbli u ċar huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-intraprenditorja fl-Ewropa; jistenna li l-miżuri u l-azzjonijiet li jippromwovu l-intraprenditorija fil-livell Ewropew jew nazzjonali għandhom ikopru t-tipi kollha ta’ mudelli ta’ intrapriżi, inklużi kooperattivi, negozji artiġjanali, professjonijiet liberi u intrapriżi soċjali; jilqa’ b’mod partikolari l-appoġġ kontinwu għall-finanzjament ta' dejn jew ekwità skont il-programm Orizzont 2020 u COSME;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aċċess aħjar tal-SMEs għall-Fondi Strutturali, b’mod partikolari billi terħi r-rekwiżiti għal proġetti ffinanzjati preċedentament, tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ kofinanzjament, toffri gwida aħjar għal tipi differenti ta' SMEs u toħloq kapaċità ta’ appoġġ għall-finanzjament tal-SMEs;
11. Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-tisħiħ tal-kompetittività, il-produttività, is-sostenibbiltà u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-SMEs Ewropej u jinnota l-fokus sinifikanti li jagħtu l-programm Orizzont 2020 u l-EIT lill-ħolqien u l-appoġġ ta’ SMEs innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir;
12. Jilqa’ l-inizjattiva REFIT tal-Kummissjoni li tabolixxi ċerta leġiżlazzjoni tal-UE li rriżulta li toħloq piżijiet sproporzjonati għall-intrapriżi Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs;
13. Iqis li l-programm Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ se jħeġġeġ l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi;
14. Jenfasizza l-importanza tal-SMEs mhux biss fil-ħolqien iżda wkoll fiż-żamma tal-impjiegi;
15. Jitlob koordinazzjoni aħjar tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali, il-FEŻR, il-programm Orizzont 2020 u l-investimenti tal-BEI, speċjalment fejn jidħol il-finanzjament ta’ SMEs innovattivi, u jitlob valutazzjoni tal-ostakoli attwali li jwasslu biex il-banek f’bosta Stati Membri jonqsu milli jipprovdu fondi u garanziji fuq is-self lill-SMEs u lill-ekonomija reali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi fil-valutazzjoni tal-impatt tar-regoli futuri u attwali dwar l-SMEs u l-kompetittività b’mod ġenerali;
17. Jitlob l-appoġġ għall-programmi ta’ mobilità tal-UE għall-intraprendituri, bħall-Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ, u l-integrazzjoni tal-edukazzjoni tal-intraprenditorija fil-kurrikuli tal-iskejjel nazzjonali permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;
18. Jemmen li l-miżuri tal-politika pubblika għandhom rwol importanti biex jappoġġaw u jistimulaw il-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs (eż. self li jifilħu għalih, servizzi ta’ konsulenza dwar l-inizjattivi pubbliċi u l-leġiżlazzjoni, inkubaturi u aċċeleraturi tan-negozju, ir-raggruppamenti, l-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, skemi ta' kkowċjar u tal-mentoring eċċ.); iqis li n-netwerking u l-iskambju tal-aħjar prassi għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward; jemmen li l-appoġġ mhux tanġibbli u mhux finanzjarju bħall-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni, l-edukazzjoni finanzjarja, u n-netwerks tan-negozju huma essenzjali għall-intraprendituri u l-SMEs il-ġodda biex jiżviluppaw in-negozji tagħhom; iqis li, biex jiġi stimulat is-suq intern u l-kummerċ bejn in-negozji żgħar huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki okkupazzjonali u l-interoperabbiltà ta’ sistemi regolatorji kummerċjali differenti;
19. Jinnota li l-kumpaniji ġodda li jsiru internazzjonali b’mod rapidu u intensiv wara l-fażi ta' “start up” jagħtu kontributi siewja għall-ekonomija billi joħolqu l-innovazzjoni, jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f’kumpaniji oħra, il-parteċipazzjoni fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja. Jenfasizza, madankollu, li dawn il-kumpaniji jaffaċċjaw sfidi sinifikanti fil-fażi tal-“istart up” minħabba livelli baxxi ta’ kapital, u għalhekk, proċeduri rħas, sempliċi u rapidi ta' “start up” ikunu ta’ benefiċċju għalihom;
20. Jenfasizza li l-importanza tal-ħolqien u l-appoġġ “integrali” għall-intraprendituri żgħażagħ permezz ta’ dawk li jissejħu l-inkubaturi tan-negozju jagħtu l-opportunità li jittestjaw l-ideat tagħhom, li jsiru familjari mal-istrutturi tan-negozju u jgħinuhom jagħmlu kuntatt ma’ sħab, klijenti u investituri potenzjali. jenfasizza li l-mentoring mhuwiex biss meħtieġ fil-fażi inizjali, iżda wkoll b’mod kontinwu matul is-snin kritiċi wara l-fażi ta' “start up”;
21. Jemmen li l-SMEs huma fost l-aktar negozji li għandhom potenzjal ta’ innovazzjoni fl-ekonomija Ewropea, u għandhom rwol kruċjali f'li joffru rotot għax-xogħol. Jiddispjaċih li f’ħafna Stati Membri huma esklużi mill-politiki pubbliċi ta’ riċerka, innovazzjoni u żvilupp u jitlob li ssir bidla radikali f’dik it-tendenza;
22. Jinnota li f'ħafna Stati Membri jonqos appoġġ adegwat u/jew qafas regolatorju suffiċjenti għall-iżgurar ta' kundizzjonijiet xierqa għall-kumpaniji ġodda u innovattivi u għal "start ups" u jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-istrumenti u l-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali rigward l-SMEs;
23. Josserva li strateġija fit-tul għat-titjib tal-kompetittività ta’ negozju u l-protezzjoni ta’ impjieg tista’ tesiġi ristrutturar; itenni l-importanza tal-għoti ta' informazzjoni u tal-konsultazzjoni tal-ħaddiema meta jinħaseb li jsir ristrutturar, u li tingħata għajnuna għall-ġestjoni tiegħu; jitlob li l-Kummissjoni, malajr kemm jista’ jkun, fuq il-bażi tal-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tippreżenta proposta għal att legali f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet dettaljati li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2013;
24. Jilqa’ l-introduzzjoni tat-“test tal-SMEs”. jiddispjaċih, madankollu, li biss uħud mill-Istati Membri integrawh fil-proċess nazzjonali tagħhom għat-teħid tad-deċiżjonijiet;
25. Jemmen li l-kompetizzjoni fiskali inġusta bejn l-Istati Membri taffettwa b'mod negattiv l-iżvilupp tal-intrapriżi, li ta' spiss l-SMEs jinsabu żvantaġġati fis-sistemi fiskali b'paragun ma' kumpaniji akbar, u li għalhekk, it-tkabbir u l-investiment potenzjali tal-SMEs qegħdin jisfaw maħnuqa; huwa favur koordinazzjoni aħjar tas-sistemi fiskali tal-kumpaniji fl-UE permezz tal-introduzzjoni ta' bażi tat-taxxa armonizzata, akkumpanjata b'azzjoni biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u ppjanar fiskali aggressiv;
26. Jistieden lill-Istati Membri jibqgħu jimplimentaw miżuri tal-politika, akkumpanjati b’mekkaniżmi li jinċentivaw l-ekonomija u r-regolamentazzjoni, li jsawru l-kultura u s-sistemi edukattivi permezz tal-ħolqien tas-sħubijiet u netwerks ta’ skambju bejn id-diversi livelli kollha ta' edukazzjoni u kumpaniji, sabiex jingħalaq id-distakk attwali bejn id-dinja tal-edukazzjoni u s-suq bl-għan li tiġi ffaċilitatata l-mobbiltà tar-riċerkaturi mill-universitajiet għall-kumpaniji, u b'hekk titrawwen l-innovazzjoni; jemmen li l-Istati Membri għandhom jirreaġixxu aktar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jrawmu tagħlim u apprendistati msejsa fuq ix-xogħol, kif ukoll permezz ta' taħriġ mill-ġdid tal-impjegati u l-għoti ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim matul il-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu skemi vijabbli ta' tranżizzjoni mill-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol, speċjalment għal professjonisti żgħażagħ li qegħdin jidħlu fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba; jitlob l-introduzzjoni ta' korsijiet tal-intraprenditorija fis-sistemi edukattivi sa mil-livell sekondarju, u biex l-intraprenditorija tiġi elenkata bħala kompetenza ewlenija fil-programmi edukattivi u ta’ taħriġ;
27. Jenfasizza li, biex jingħeleb in-nuqqas ta’ ħiliet li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha miegħu bħalissa, jeħtieġ li tittieħed azzjoni b'urġenza biex tħaffef l-aċċess tan-nisa għal taħriġ u impjiegi xjentifiċi u teknoloġiċi, partikolarment fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);
28. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-kultura tal-internazzjonalizzazzjoni permezz tal-informazzjoni, il-preżentazzjoni ta’ prassi tajba u l-provvista ta’ pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni; iħeġġiġhom jipprovdu żvilupp tal-ħiliet fil-qasam tal-intraprenditorija b'fokus internazzjonali, u jippromwovu it-trasparenza fir-rigward tal-għodda ta' appoġġ disponibbli għal "start-ups", jappoġġaw netwerking u skambji li jikkollegaw l-intraprendituri żgħażagħ ma’ investituri u sħab kummerċjali potenzjali; u jipprovdu pariri operazzjonali u appoġġ anke wara l-fażi ta' “start up” sabiex jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ jegħlbu l-ewwel snin kritiċi u jipprovdu inċentivi għall-impjieg;
29. Jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-ħiliet fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fl-UE bħala mezzi neċessarji biex jiġu sodisfatti d-domandi dejjem jiżdiedu tan-negozji fis-snin li ġejjin u jiġu żviluppati l-innovaturi u l-intraprendituri tal-ġejjieni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata r-rata dejjem tonqos tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suġġetti STEM u li r-riserva tat-talenti tal-UE tkompli titwessa';
30. Jinnota l-impatt pożittiv fuq l-użu ta’ sistemi tal-edukazzjoni vokazzjonali li jikkombinaw taħriġ teoretiku ma’ esperjenza prattika; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn is-settur privat u dak pubbliku u l-involviment tas-sħab soċjali;
31. Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ Ewropej jingħataw edukazzjoni intraprenditorjali u li l-attitudnijiet intraprenditorjali jiġu inkoraġġiti; f’dan il-kuntest, jinnota r-rwol importanti li għandu l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) fil-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-prattika. jinnota li l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni kollha tal-EIT jippromwovu attivament l-intraprenditorija fl-oqsma rispettivi tagħhom permezz tal-iżvilupp ta’ kurrikuli li jikkombinaw xjenza u innovazzjoni eċċellenti ma’ ħiliet u esperjenzi intraprenditorjali, u b’hekk jippreparaw lill-intraprendituri tal-ġejjieni u jittrażmettu lin-negozji eżistenti mentalità innovattiva u intraprenditorjali;
32. Jemmen fl-importanza tal-promozzjoni tal-intraprenditorija anzjana bħala mezz ta’ kif il-popolazzjoni anzjana li għandha esperjenza sinifikanti fin-negozju tiġi involuta fil-proċess ta’ innovazzjoni, u b’hekk jittawwlu l-ħajjiet tax-xogħol u ħiliet indispensabbli jinżammu fis-suq tax-xogħol;
33. Jappoġġa l-inizjattivi tal-UE li jgħinu lill-SMEs jaċċedu b'aktar faċilità għal riżorsi finanzjarji, minħabba l-fatt li dawn l-inizjattivi jwasslu għal finanzjament aktar faċli u rapidu għal kumpaniji ġodda u innovattivi, iħeġġu lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmi li jħeġġu l-innovazzjoni (eż. mekkaniżmi ta' kreditu fiskali għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni) u joffru rimedju għal inugwaljanzi bejn Stat Membru u ieħor; jappoġġa wkoll l-inizjattivi li jinkoraġġixxu lill-intraprendituri li jkkunu ġarrbu falliment, b'tali mod li jagħtuhom ċans ieħor u ma jiskoraġġixxux it-teħid tar-riskji;
34. Iqis li l-SMEs Ewropej huma dipendenti ħafna fuq il-finanzjament bankarju u li dan iżid il-vulnerabbiltà tagħhom. jinnota li hemm benefiċċji reali fil-forom ġodda ta’ finanzjament permezz ta’ programmi innovattivi u rotot mhux bankarji bħas-self peer-to-peer, finanzjament kollettiv, mudelli ta' negozju kooperattivi, mikrokrediti u għodod oħra, li jistgħu jipprovdu l-investiment vitali biex l-SMEs joħolqu impjiegi ġodda; iqis li forom ġodda ta’ finanzjament jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-kumpaniji ġodda u dinamiċi li jsibu diffikultà biex ikollhom aċċess għas-sorsi aktar tradizzjonali tal-finanzjament minħabba li jkunu daqstant ġodda; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-potenzjal ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament għall-bidu jew l-akkwist ta’ SMEs u li qiegħda tinvestiga kemm hu f'loku li jiġi stabbilit qafas għal dawn l-approċċi, u li jingħataw appoġġ; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga kif dawn is-sorsi ta' finanzjament jistgħu jiġu ingranati aktar biex jgħinu lill-mikrointrapriżi u l-SMEs, u biex tindirizza l-ħtiġijiet tar-regolamentazzjoni, l-edukazzjoni u r-riċerka f’dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u partijiet interessati oħra fl-livell reġjonali u lokali, jidentifikaw setturi strateġiċi adattati għall-proġetti b’finanzjament alternattiv, partikolarment fir-reġjuni fejn l-ekonomija konvenzjonali ma tistax tissodisfa sew il-ħtiġijiet speċifiċi ekonomiċi u soċjali;
35. Iqis importanti ferm għall-Istati Membri li jimplimentaw id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, skont liema, fir-rigward tat-transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi, il-perjodu tal-ħlas kuntrattwali m’għandux jaqbeż il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 4(3) sakemm mhux miftiehem espressament mod ieħor fil-kuntratt u bil-kundizzjoni li jkun iġġustifikat b’mod oġġettiv fid-dawl tan-natura jew il-karatteristiċi partikolari tal-kuntratt, u li fi kwalunkwe każ ma jaqbiżx is-60 ġurnata kalendarja;
36. Jenfasizza l-ħtieġa għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli, u li inċentivi finanzjarji u fiskali għandhom jingħataw bil-għan li investituri "angel", investituri fi stadju ta’ tnissil ta’ kumpaniji u investituri ta' kapital ta' riskju jiffinanzjaw b'mod transkonfinali negozji u start-ups innovattivi, filwaqt li jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-istabbiliment ta' żona Ewropea ta' kapital ta' riskju. jisħaq l-importanza tat-tnaqqis tat-taxxi fuq il-profitti kapitali mill-investiment f'SMEs innovattivi u xprunati mir-riċerka;
37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-awtoritajiet lokali u lill-assoċjazzjonijiet tal-SMEs jippromwovu l-produzzjoni lokali u l-kwalità tal-prodotti, pereżempju permezz tal-aggregazzjoni tal-impriżi għall-proġetti konġunti ta’ riċerka u żvilupp;
38. Jemmen li l-innovazzjoni fl-SMEs hija rotta importanti li twassal għall-ħolqien tal-impjiegi; huwa essenzjali li, sabiex jipparteċipaw b’suċċess fis-sistema ta’ innovazzjoni, ikunu l-SMEs stess li jmexxu l-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom u li l-appoġġ għalihom ikun mfassal aħjar skont il-ħtiġijiet reali tagħhom;
39. Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod trasparenti u xieraq twettaq testijiet għall-SMEs meta tkun qed tiżviluppa l-leġiżlazzjoni u biex tipproponi b'urġenza sistemi eħfef u eżenzjonijiet fuq firxa aktar wiesgħa ta’ proposti leġiżlattivi sabiex l-ispejjeż tal-SMEs jitnaqqsu b’mod sinifikanti;
40. Jenfasizza li l-SMEs mhux innovattivi u stabbiliti diġà li qed ifittxu li jespandu fi swieq ġodda jew li jittrasferixxu s-sjieda tagħhom ta' spiss jeħtieġu wkoll appoġġ pubbliku sabiex jiksbu l-finanzjament meħtieġ;
41. Jilqa’ l-ħolqien ta’ strument SME taħt il-programm Orizzont 2020 li jippermetti l-aċċess għall-SMEs għall-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju biex jimplimentaw ideat innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex mill-2014 tintroduċi l-istrument bl-aktar mod favorevoli għall-SMEs, permezz ta’ aġenzija unika apposta, b'tali mod li tippermetti l-preżentazzjoni reali tal-proġetti “minn isfel għal fuq” u tappoġġa t-tipi kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni mhux teknoloġika u soċjali;
42. Jenfasizza li l-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-SMEs għandhom ikunu applikabbli għal min jaħdem għal rasu, speċjalment fir-rigward tat-tipi differenti tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, il-benefiċċji mistennija minnhom u l-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol;
43. Jemmen li għandhom jittieħdu azzjonijiet biex jiġu ssimplifikati u mnaqqsa l-piżijiet imposti minn kull wieħed mill-aktar għaxar regoli ta’ piż għall-SMEs;
44. Jilqa’ t-tnaqqis tat-tariffi tar-reġistrazzjoni REACH għall-SMEs, anke jekk it-tariffi jirrappreżentaw frazzjoni tal-ispejjeż ġenerali ta’ konformità; huwa ferm imħasseb madankollu li l-istimi inizjali tal-ispejjeż mir-REACH ġew sottovalutati u din id-differenza diġà tammonta għal aktar minn EUR 1 biljun u li ser tkompli tiżdied;
45. Jenfasizza l-fatt li, flimkien mar-rwol tiegħu bħala pjattaforma għall-komunikazzjoni soċjali, ir-rwol tal-internet bħala pjattaforma li biha ċ-ċittadini kollha jistgħu jniedu servizz jew prodott ġdid immirat lejn kwalunkwe ċittadin ieħor, filwaqt li jgħin biex jinkiseb il-finanzjament meħtieġ, biex b’hekk jinħolqu l-impjiegi u l-SMEs, huwa prinċipju ewlieni għas-Suq Uniku Diġitali, u jiltob li jitneħħew kemm jista' jkun l-ostakoli li għad baqa' għall-kummerċ transkonfinali. jinnota l-importanza tal-ekonomija diġitali għall-ħolqien tal-impjiegi u tal-SMEs, speċjalment f'setturi li fihom l-Ewropa hija tradizzjonalment b'saħħitha, bħall-industriji kreattivi, il-wirt kulturali u t-turiżmu; iqis li l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali se jiffavorixxi l-appoġġ u l-iżvilupp tal-SMEs;.jenfasizza li l-integrità u l-protezzjoni personali tad-dejta kummerċajli dejjem għandha tiġi ggarantita;
46. Jenfasizza l-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji tal-ICT fit-titjib tal-produttività u l-kompetittività; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-suq uniku diġitali u jfakkar li l-ispiża biex jitnieda negozju innovattiv tal-ICT naqset b’fattur ta’ 100 fl-aħħar għaxar snin, primarjament minħabba teknoloġiji bħall-broadband ultraveloċi u minn kullimkien, cloud computing, softwer ta’ sors miftuħ, dejta miftuħa u aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku;
47. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li jitqiegħdu piżijiet regolatorji sproporzjonati fuq l-SMEs; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel aktar biex tissodisfa l-impenn tagħha tal-2011 li tipproponi sistemi regolatorji eħfef għall-SMEs;
48. Iqis li l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali se jiffavorixxi l-appoġġ u l-iżvilupp ta’ SMEs; iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-persunal ikkwalifikat meħtieġ tal-ICT ikun disponibbli u li l-pubbliku Ewropew ikollu l-ħiliet diġitali meħtieġa biex jagħmel użu mit-teknoloġija tal-ICT;
49. Jinnota l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-intrapriżi, permezz ta’ proġetti u strumenti li jippermettu li tiġi indirizzata l-isfida tal-irkupru enerġetiku bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija;
50. Jemmen li l-mikrointrapriżi għandhom jibbenefikaw minn eżenzjonijiet awtomatiċi u għandhom jiġu inklużi biss fir-regoli li huma ta’ benefiċċju għalihom;
51. Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu skemi li jippermettu aċċess aktar faċili għall-professjonisti ġodda fis-suq tax-xogħol, speċjalment billi jitnaqqsu l-kumplessità u l-ispiża biex jibdew jaħdmu għal rashom, inkluż it-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol indiretti; f’dan l-ispirtu, iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ definizzjoni Ewropea tal-“awtoimprenditur” għal attivitajiet relatati mal-ekonomija diġitali Ewropea;
52. Jinnota l-ħtieġa li jiġu msaħħa r-regolamenti Komunitarji fir-rigward tat-traċċabilità tal-prodotti, bl-għan li tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni u jinħoloq mezz effettiv biex jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-SMEs;
53. Jenfasizza li d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol m’għandhomx jitqiegħdu f’periklu minħabba tnaqqis fl-obbligi ta' dokumentazzjoni u rappurtar;
54. Jenfasizza li l-Gvern Elettroniku huwa ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-intraprendituri (b’mod partikolari għall-SMEs, li spiss jiffaċċjaw ostakoli li ma jistgħux jgħelbu meta joperaw b’mod transkonfinali fi ħdan l-UE), peress li dan iġib miegħu spejjeż u piżijiet amministrattivi mnaqqsa, aktar produttività, effiċjenza, kompetittività, trasparenza, ftuħ, effikaċja tal-politika, aċċessibilità u simplifikazzjoni tal-proċeduri;
55. Jemmen li l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) għandha tkun il-bidu ta’ spinta aktar ambizzjuża biex tinbena UE aktar kompetittiva billi jitnaqqsu l-ispejjeż tar-regolamentazzjoni tan-negozju permezz tas-simplifikazzjoni tal-inizjattivi, il-kontrolli fuq l-idoneità u l-irtirar u t-tħassir tal-leġiżlazzjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 7 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Jan Březina, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Ioannis A. Tsoukalas, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Rachida Dati, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Seán Kelly, Holger Krahmer, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Alajos Mészáros, Vladimír Remek, Silvia-Adriana Ţicău |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (28.11.2013)
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"
(2013/2176(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Karin Kadenbach
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 hija strument importanti u effettiv għall-ħolqien ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għall-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020 filwaqt li, permezz ta' firxa wiesgħa ta' miżuri u strumenti finanzjarji innovattivi, tappoġġa t-tnedija u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), inklużi l-mikrointrapriżi, li huma fost il-ħallieqa ewlenin tal-impjiegi fl-UE;
2. Jitlob lill-Istati Membri u lir-reġjuni jistabbilixxu informazzjoni effettiva u sistemi ta' appoġġ sabiex jippermettu lill-SMEs jibbenefikaw mill-finanzjament tal-UE, u wkoll biex jadottaw miżuri ambizzjużi bħala parti mill-mekkaniżmu ta' kondiviżjoni tar-riskju billi jingħaqdu r-riżorsi baġitarji tal-UE, jiġifieri mill-COSME, Orizzont 2020 u l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment; Jinnota wkoll li l-kriżi ekonomika u finanzjarja għamlitha diffiċli biex il-mikrointrapriżi u l-SMEs jiksbu self mill-banek, u jenfasizza għalhekk ir-rwol ta' strumenti finanzjarji bħala mezz ġdid ta' appoġġ lill-SMEs fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;
3. Jenfasizza l-possibilitajiet għall-mikrointrapriżi u l-SMEs li jiksbu aċċess għall-finanzjament permezz ta' strumenti finanzjarji u skemi innovattivi previsti mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u jirrimarka dwar il-bżonn li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni u li tiġi ggarantita ċ-ċarezza legali ta' dawn l-istrumenti, inklużi strumenti flessibbli ta' mikrofinanzjament, u l-qsim tal-aħjar prattiki, meta jitqies il-fatt li d-diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tkabbir tal-mikrointrapriżi u l-SMEs; Ifakkar li r-rwol imsaħħaħ tal-istrumenti finanzjarji jista' jissaħħaħ biex jiggarantixxi fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw, irawwem sħubijiet pubbliċi-privati u jikseb effett multiplikatur flimkien mal-baġit tal-UE; Jilqa' f'dan ir-rigward l-estensjoni tal-ambitu tal-istrumenti finanzjarji biex jiġu inklużi l-objettivi tematiċi kollha u għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment kollha fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;
4. Jiddikjara li huwa ta' importanza enormi għall-koeżjoni soċjali tal-UE li jingħelbu r-rati għolja ta' qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u gruppi vulnerabbli oħrajn fl-UE , billi jiżdiedu l-kompetittività u l-impjieg reġjonali u billi jitrawwem spirtu intraprenditorjali; jitlob għalhekk biex l-Istati Membri jużaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment biex jiffukaw fuq il-ħolqien tal-impjiegi u l-opportunitajiet sostenibbli għan-negozji billi jipprovdu ambjent ospitabbli u l-qafas regolatorju t-tajjeb għall-mikrointrapriżi, l-SMEs, in-negozji u n-negozji ġodda żgħar;
5. Jinnota li dawn il-Fondi jipprovdu appoġġ għall-awtoritajiet u l-partijiet interessati fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali biex jitrawmu fost l-oħrajn it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u biex tittejjeb il-kompetittività tal-mikrointrapriżi (speċjalment in-negozji magħmula minn persuna waħda) u l-SMEs, permezz ta' kooperazzjoni ma' faċilitajiet xjentifiċi u ta' riċerka, u b'hekk jingħelbu l-isfidi ekonomiċi u soċjali attwali, b'mod partikolari r-rata għolja ta' qgħad;
6. Jenfasizza li l-isforzi b'appoġġ għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi f'ekonomija sostenibbli għandhom jiggarantixxu standards ta' saħħa u sigurtà u jiżguraw bilanċ bejn il-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, filwaqt li jappoġġaw, fost l-oħrajn, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, ir-rispett tal-ekosistema u jwasslu għal impjiegi ta' kwalità, imħallsin kif xieraq fir-reġjuni kollha tal-UE; Jenfasizza b'rabta ma' dan ir-rwol importanti tan-negozji u tas-settur tal-edukazzjoni permezz ta' proġetti transkonfinali, kooperazzjoni bejn l-universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi oħra ta' kwalità għolja u l-ħolqien ta' 'clusters' innovattivi; Jitlob biex jiġu faċilitati l-programmi lokali u reġjonali ta' finanzjament għal taħriġ ta' apprendistati;
7. Jirrimarka li l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-impjieg u proġetti konkreti bl-għan li jittejbu l-ħiliet intraprenditorjali, ta' negozju u kreattivi, inklużi dawk taż-żgħażagħ; Jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri kollha u r-reġjuni jagħmlu użu sħiħ minn din l-opportunità sabiex jingħeleb il-qgħad fost iż-żgħażagħ; Jenfasizza li, permess tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-intraprenditorija fil-livell lokali u reġjonali, inkluż billi jiffokaw fuq in-negozji ġodda mnedija miż-żgħażagħ;
8. Jirrimarka li d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għall-perjodu tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 għandhom l-għan li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq il-mikrointrapriżi u l-SMEs, b'mod partikolari meta jimpjegaw persuni diżokkupati, u b'hekk jikkontribwixxu għal titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi; Jitlob lill-Istati Membri biex jeliminaw l-ostakli għal implimentazzjoni mtejba tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-benefiċċju tal-mikrointrapriżi u l-SMEs.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.11.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
31 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Luís Paulo Alves, Victor Boştinaru, Nikos Chrysogelos, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Vincenzo Iovine, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Hermann Winkler, Joachim Zeller |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Karin Kadenbach, James Nicholson, Elisabeth Schroedter |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jill Evans, Carmen Romero López |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.2.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 2 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Sari Essayah, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Ádám Kósa, Jean Lambert, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Jutta Steinruck, Andrea Zanoni |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Claudette Abela Baldacchino, Edite Estrela, Sergio Gutiérrez Prieto, Jan Kozłowski, Anthea McIntyre, Evelyn Regner |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Salvatore Caronna, Emilio Menéndez del Valle |
||||