dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0250),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0117/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0102/2014),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 4a (ġdida)
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
(4a) Fit-23 Laqgħa Regolari tagħha f'Novembru 2013, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 13-08 li tikkumplementa r-Rakkomandazzjoni 12-03, sabiex ikunu jistgħu jsiru bidliet fl-istaġuni tas-sajd fil-Lvant tal-Atlantiku li ma jaffettwawx il-protezzjoni taż-żoni fl-ilma fejn kull sena it-tonn ibid. Ir-rakkomandazzjoni tal-ICCAT tiddikjara li l-Partijiet Kontraenti u l-Partijiet non-kontraenti, l-Entitajiet jew l-Entitajiet tas-Sajd li jikkooperaw (CPC) jistgħu jispeċifikaw data ta' bidu differenti għall-istaġuni tas-sajd għall-bastimenti tal-lixka u l-bastimenti tas-sajd bir-rixa tagħhom li joperaw fl-Atlantiku tal-Lvant, filwaqt li jinżamm it-tul kollu tal-istaġun miftuħ għal dan is-sajd.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Artikolu 1
Regolament (KE) Nru 302/2009
Artikolu 7 – paragrafu 3 – subparagrafu 2 (ġdid)
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Minkejja l-ewwel subparagrafu, għas-snin 2014 u 2015, u billi mhijiex affettwata l-protezzjoni taż-żoni fl-ilma fejn kull sena il-ħut ibid, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw, fil-pjanijiet nazzjonali tas-sajd, data ta' bidu differenti għall-bastimenti tal-lixka u l-bastimenti tas-sajd bir-rixa li jtajru l-bandiera tagħhom u joperaw fil-Lvant tal-Atlantiku, filwaqt li jinżamm it-tul totali tal-istaġun miftuħ għal dan is-sajd bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu.
Ġustifikazzjoni
Dan jirrifletti l-bidla li saret fil-laqgħa tal-ICCAT tal-2013 filwaqt li tinżamm il-flessibilità għall-Istati Membri fiż-żoni affettwati.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Artikolu 1
Regolament (KE) Nru 302/2009
Artikolu 7 – paragrafu 6
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
6. Is-sajd għat-tonnu b’tagħmir ieħor apparti dak li jissemma fil-paragrafi minn 1 sa 5 għandu jkun permess matul is-sena kollha.”
6. Is-sajd għat-tonn b’nases, dgħajjes żgħar tat-tkarkir (< 24 m) u xolfa tal-idejn ikun permess matul is-sena kollha.”
Emenda 4
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)
Regolament (KE) Nru 302/2009
Artikolu 24a (ġdid)
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
(1a) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 24a
L-użu ta' kameras sterjoskopiċi waqt operazzjonijiet ta' tqegħid fil-gaġeġ
L-użu ta' sistemi ta' kameras sterjoskopiċi fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' tqegħid fil-gaġeġ għandu jsir bi qbil ma' dan li ġej:
1. L-intensità tal-kampjunar ta' ħut ħaj m'għandhiex tkun inqas minn 20 % tal-ammont ta' ħut li qed jitqiegħed f'gaġġa. Meta jkun teknikament possibbli, il-kampjunar ta' ħut ħaj għandu jkun sekwenzjali, billi jitkejjel wieħed minn kull ħames kampjuni. Kampjun ta' dan it-tip għandu jkun magħmul minn ħut imkejjel f'distanza ta' bejn 2 u 8 metri mill-kamera.
2. Id-dimensjonijiet tal-passaġġ ta' trasferiment li toħloq rabta bejn il-gaġġa tad-donatur u l-gaġġa tar-riċevitur għandhom jiġu stabbiliti b'wisa' ta' 10 metri u għoli massimu ta' 10 metri.
3. Meta l-kejl tat-tul tal-ħut juri distribuzzjoni multimodali (żewġ ko-orti jew iktar ta' daqsijiet distinti), għandu jkun possibbli li jintuża algoriżmu ta' konverżjoni għall-istess operazzjoni ta' tqegħid fil-gaġeġ. L-algoriżmu(i) l-iktar aġġornat(i) mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika (KPRS) tal-ICCAT għandu(hom) jintuża(w) biex it-tul sal-furketta jiġi kkonvertit f'piż totali, skont il-kategorija tad-daqs tal-ħut imkejjel waqt l-operazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ.
4. Il-validazzjoni tal-kejl tat-tul sterjoskopiku għandha ssir qabel kull operazzjoni ta' tqegħid fil-gaġeġ permezz ta' skala grafika f'distanza ta' 2 u 8 m.
5. Meta r-riżultati tal-programm sterjoskopiku jiġu kkomunikati, l-informazzjoni għandha tindika l-marġni ta' żball li jista' jsir inerenti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema tal-kamera sterjoskopika, li m'għandhomx jaqbżu +/- 5 fil-mija.
6. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija hawn fuq, inkluża l-intensità tal-kampjunar, il-mod tal-kampjunar, id-distanza mill-kamera, id-dimensjonijiet tal-passaġġ ta' trasferiment, l-algoriżmi (ir-relazzjoni bejn it-tul u l-piż) għandhom jiġu rieżaminati mis-SCRS fil-laqgħa tiegħu fl-2014, u jekk ikun meħtieġ, jiġu modifikati abbażi ta' rakkomandazzjonijiet tas-SCRS fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni ICCAT 2014."
NOTA SPJEGATTIVA
Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna emenda għall-pjan ta' rkupru li ġie adottat l-ewwel darba għat-tonn tal-pinna blu fl-2006. Dak iż-żmien, kien ġie rikonoxxut li l-ispeċi kienu qed tiġi sfruttata ż-żejjed u mnaqqsa, iżda l-Partijiet Kontraenti tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT - il-korp reġjonali ta' ġestjoni responsabbli mis-sajd) kienu kontra t-tnaqqis fil-qabdiet u fil-profitti. Biż-żmien, iżda, wara snin ta' battalji politiċi u għadd ta' emendi għall-pjan ta' rkupru, l-aktar analiżi xjentifika reċenti tat-tonn tal-pinna blu (2012) issuġġeriet li l-tendenzi reċenti f'bosta indikaturi jindikaw li l-irkupru tal-istokkijiet għandu mnejn beda, għad li x-xjenzati għadhom estremament kawti u jiddikjaraw li "fl-2012, il-Kumitat kellu ftit wisq tagħrif dwar il-kompożizzjoni tal-qabda, l-isforz u d-distribuzzjoni spazjali tas-sajd prinċipali fil-Mediterran biex ikun jista' jasal għal dikjarazzjoni konklussiva."
Barra minn hekk, ma saret l-ebda valutazzjoni ġdida tat-tonn tal-pinna blu fl-2013, u l-kumitat xjentifiku (SCRS) jiddikjara li ma jistax xjentifikament jiġġustifika bidla sostanzjali fit-TAC. B'mod aktar speċifiku, jiddikjara li "B'dana kollu, il-Kumitat jinnota li ż-żamma tal-qabdiet bejn wieħed u ieħor mat-TACs skont l-iskema kurrenti tal-ġestjoni għandha mnejn tippermetti lill-istokk joktor matul dak il-perijodu u hi konsistenti mal-objettiv li jinkisbu FMSY u BMSY sal-2022 b'mill-anqas 60% ta' probabilità, fid-dawl tal-inċertezzi kwantifikati."
B'dana kollu, billi t-tonn tal-pinna blu hu sajda li tħalli ħafna profitt, se jkun hemm pressjoni fil-laqgħa li ġejja tal-ICCAT f'Cape Town f'Novembru 2013 għal żieda fit-TAC.
Hu t-twemmin sod tar-rapporteur li jkun belhani u ekonomikament kontroproduċenti li jkun hemm żieda fit-TAC. L-istokk għadu ferm taħt il-livelli li kapaċi jipproċedu l-MSY u għad hemm enfasi mis-SCRS li għad fadal inċertezzi sinifikattivi dwar l-istatus tal-istokk. L-objettiv il-ġdid tal-ġestjoni tas-sajd fil-PKS jeħtieġ li l-istokkijiet jinġiebu lura għal-livelli ogħla mill-MSY, u jinżammu hemm - u għalhekk il-politika tal-UE tiddetta li rridu nkunu kawti dwar dan is-sajd. L-ekonomija tindika l-istess vijja, billi jekk l-istokk jitħalla jikber, biex ikun żgurat l-irkupru għal livelli aktar abbundanti, il-qabdiet u l-profitti wkoll jikbru. L-aktar stokkijiet ekonomikament produttivi huma dawk ferm ogħla mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY, u t-tonn tal-pinna blu għadu ʼl bogħod milli jasal hemm.
Kwantu għas-sostanza tal-proposta tal-Kummissjoni, din hi li temenda artikolu wieħed mir-Regolament 301/2009, jiġifieri l-pjan ta' bħalissa ta' rkupru. Ġie propost, abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT 12-03, li jkun emendat l-istaġun tas-sajd. L-ewwel nett, li jinbidel minn staġun magħluq għal wieħed miftuħ. Imbagħad jibdel id-dati għas-sajd bil-purse seine, b'bastimenti tal-lixka u b'bastimenti tas-sajd bir-rixa bi ftit jiem. Billi dawn ġejjin minn Rakkomandazzjoni ICCAT, iridu jiġu trasposti fid-dritt tal-UE.
B'dana kollu, hemm it-tielet dispożizzjoni, li żżid sentenza ġdida mar-Regolament tal-UE – "Is-sajd għat-tonnu b’tagħmir ieħor apparti dak li jissemma fil-paragrafi minn 1 sa 5 għandu jkun permess matul is-sena kollha".
Ir-rapporteur jidhirli li din il-frażi hi wisq laxka, ukoll jekk ġejja mil-lingwaġġ tal-ICCAT. Il-Kummissjoni tikkonferma li tliet tagħmiriet biss ikunu involuti fis-sajd oġġett ta' dan ir-regolament - in-nases, id-dgħajjes żgħar tat-tkarkir (< 24 m) u xolfa tal-idejn. Għaldaqstant, billi l-ġestjoni ta' dan is-sajd kienet problematika u kkumplikata għal ħafna snin, sabiex tkun evitata kull għamla ta' konfużjoni dwar liema tagħmir jista' jistad matul is-sena kollha, hu propost li jiġi speċifikat li l-istaġun ta' matul is-sena jkun japplika għal dan it-tagħmir biss. Hu minnu li dan hu differenti mil-lingwaġġ tal-ICCAT imma jservi sempliċement biex jikkjarifikah, ħalli jiżgura li ma jkunx hemm konsegwenzi mhux mixtieqa aktar ʼil quddiem.
PROĊEDURA
Titolu
Pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran
Chris Davies, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Maria do Céu Patrão Neves, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Nils Torvalds
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Jean-Paul Besset, Ole Christensen, Rareş-Lucian Niculescu, Jens Nilsson, Anna Rosbach