Proċedura : 2013/2186(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0107/2014

Testi mressqa :

A7-0107/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2014 - 8.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0233

RAPPORT     
PDF 173kWORD 126k
13.2.2014
PE 522.951v03-00 A7-0107/2014

dwar ir-Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE – Iċ-ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom

(2013/2186(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet

Rapporteur: Nikolaos Salavrakos

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE – Iċ-ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom

(2013/2186(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu ‘Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE’ (COM(2010)0603),

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, li saret bejn id-9 ta’ Mejju u s-27 ta’ Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE(1),

–   wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ organizzata b’mod konġunt mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta’ Frar 2013, ‘L-aħjar użu miċ-ċittadinanza tal-UE’, u s-seduta ta’ smigħ tal-24 ta’ Settembru 2013, ‘L-impatt tal-kriżi fuq iċ-ċittadini tal-Ewropa u t-tisħiħ tal-involviment demokratiku fil-governanza tal-Unjoni’,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2013 bit-titolu ‘Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE - ċittadini tal-UE: id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek’ COM(2013)0269,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–   wara li kkunsidra d-dritt għall-petizzjoni imnaqqax fl-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra t-Tieni Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bit-titolu ‘Nondiskriminazzjoni u ċittadinanza tal-Unjoni’ u t-Titolu V tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0107/2014),

A. billi t-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet li joħorġu minnha;

B.  billi d-dritt għall-petizzjoni fil-Parlament Ewropew huwa wieħed mill-pilastri taċ-ċittadinanza Ewropea, li joħloq mezz ta’ konnessjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej, bil-għan li l-UE titressaq eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha, u tagħmel lill-UE kunċett dejjem iżjed sinifikanti u kredibbli għalihom;

C. billi d-drittijiet li huma inerenti fiċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma inkorporati fit-trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D. billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jirrispettaw ir-regoli tal-UE li dwarhom hemm qbil komuni dwar id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tagħha, in-nondiskriminazzjoni u l-valuri komuni tal-Unjoni Ewropea, prinċipalment ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi; billi għandha tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċittadinanza nazzjonali u lid-drittijiet tal-minoranzi li joħorġu minnha billi l-ksur minn kwalunkwe Stat Membru tad-drittijiet fundamentali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet taċ-ċittadinanza għandhom jiġu eliminati sabiex jiġu evitati standards doppji u/jew diskriminazzjoni; billi l-minoranza tar-Rom għadha tiffaċċja diskriminazzjoni mifruxa ħafna u l-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom għadu limitat;

E.  billi l-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-elementi prinċipali taċ-ċittadinanza tal-UE u jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-diskrepanza ta' bejn l-impjiegi u l-ħiliet fis-suq intern; billi skont Ewrobarometru Flash ta’ Frar 2013 iktar minn żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu jaqblu ġustament li l-moviment liberu tal-persuni fl-UE jġib miegħu benefiċċji ġenerali għall-ekonomija tal-pajjiż tagħhom stess; billi l-kriterji ta’ Schengen għandhom ikunu ta' natura teknika u m'għandhomx jiġu utilizzati biex jillimitaw l-aċċess għall-moviment liberu taċ-ċittadini;

F.  billi d-diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza għadha preżenti f’xi pajjiżi tal-UE;

G. billi l-kwistjoni tal-otteniment u tat-telf taċ-ċittadinanza nazzjonali tqajmet fil-petizzjonijiet, speċjalment mill-perspettiva tal-effetti tagħha fuq iċ-ċittadinanza Ewropea; billi ħafna petizjonanti, inklużi ħafna li jappartjenu għal minoranzi fi Stat Membru, esprimew ix-xewqa tagħhom li jaraw liġijiet aktar koordinati dwar iċ-ċittadinanza fl-Ewropa;

H. billi daħlu diversi lmenti fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali, kif ukoll fir-rigward tat-tneħħija tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali wara perjodu jgħixu barra l-pajjiż;

I.   billi l-fiduċja tal-pubbliku fl-Unjoni Ewropea naqset u ċ-ċittadini Ewropej għaddejjin minn perjodu diffiċli kkawżat minn kriżi ekonomika u soċjali severa;

J.   billi l-elezzjonijiet tal-2014 se jkunu l-ewwel elezzjonijiet li se jinżammu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jwessa’ b’mod sinifikanti l-poteri tal-Parlament Ewropew; billi l-elezzjonijiet Ewropej jirrappreżentaw opportunità biex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fis-sistema politika, tinħoloq sfera pubblika Ewropea u jissaħħu l-vuċi u r-rwol taċ-ċittadini, li hija waħda mill-aktar prekundizzjonijiet importanti biex tissaħħaħ id-demokrazija fl-Istati Membri u fl-UE; billi l-funzjonament demokratiku u trasparenti tal-Parlament Ewropew huwa wieħed mill-assi prinċipali fil-promozzjoni tal-valuri u l-integrazzjoni Ewropej;

K. billi l-Unjoni Ewropea, permezz tat-Trattati tagħha u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tiddefendi Ewropa ta’ drittijiet u ta’ valuri demokratiċi, ta’ libertà, ta’ solidarjetà u ta’ sigurtà u tiggarantixxi protezzjoni aħjar liċ-ċittadini Ewropej;

L.  billi ċ-ċittadini huma direttament rappreżentati fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u għandhom dritt demokratiku li joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, anke meta jkunu joqogħdu fi Stat Membru ieħor li mhux dak tagħhom; billi d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru li mhux tagħhom mhux iffaċilitat biżżejjed u promoss fl-Istati Membri kollha;

M. billi l-Unjoni Ewropea ħolqot dritt ġdid biex iċ-ċittadini Ewropej jorganizzaw u jappoġġaw Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej billi jressqu l-proposti politiċi tagħhom quddiem l-Istituzzjonijiet Ewropej, u dan intuża minn miljuni ta' ċittadini mill-1 ta' April 2012 ’il hawn;

1.  Jilqa’ r-Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE (COM(2013)269) tal-Kummissjoni li jħabbar tnax-il azzjoni ġdida f’sitt oqsma bil-għan li jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;

2.  Jilqa’ l-fatt li maġġoranza kbira tal-25 miżura mħabbra fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE sadanittant tlestew mill-Kummissjoni u minn istituzzjonijiet oħra tal-UE;

3.   Jenfasizza li jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom tat-Trattat u għalhekk għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja, li tiffoka mhux biss fuq drittijiet astratti, iżda wkoll fuq informazzjoni prattika u faċilment aċċessibbli dwar kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, amministrattivi, legali u kulturali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jippromwovu fehim aħjar taċ-ċittadinanza tal-UE u jispjegaw il-benefiċċji prattiċi tagħha għall-individwi;

4.   Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Europe Direct u L-Ewropa Tiegħek u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-isforzi tagħhom biex ixerrdu l-għarfien dwar in-netwerk SOLVIT fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji; jipproponi, f'dan ir-rigward, li tingħata aktar informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea fl-okkazjoni taċ-ċelebbrazzjoni ta' Jum l-Ewropea fid-9 ta' Mejju;

5.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsultazzjonijiet pubbliċi tagħha jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex ma sseħħ l-ebda diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa; jiġbed l-attenzjoni lejn l-attivitajiet tal-Parlament, u b'mod partikolari tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fuq il-pjattaformi tal- midja soċjali bħala mezz eċċellenti biex jinħolqu interazzjoni u djalogu maċ-ċittadini;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu aktar spazju lill-edukazzjoni politika dwar l-affarijiet tal-UE fil-kurrikuli tal-iskejjel tagħhom, jadattaw it-taħriġ tal-għalliema f'dan is-sens u, f'dan ir-rigward, jipprovdu l-kompetenzi u r-riżorsi meħtieġa; jenfasizza li edukazzjoni aċċessibbli taqdi rwol essenzjali fil-formazzjoni taċ-ċittadini futuri billi tagħmilha possibbli għalihom li jiksbu bażi solida tal-għarfien ġenerali, tippromwovi l-għoti tas-setgħa lill-individwu, is-solidarjetà u l-fehim reċiproku u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali; jinnota f'dan ir-rigward li l-edukazzjoni hija essenzjali bħala mezz li jippermetti lill-individwi jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika, soċjali u kulturali u għalhekk jikkunsidra li m'għandux ikun hemm tnaqqis sostanzjali fil-fondi allokati għall-edukazzjoni;

7.  Jemmen li huwa partikolarment importanti li jiġi mħeġġeġ ir-rikonoxximent tal-impenn tal-voluntiera, li jiġu vvalidati l-ħiliet u l-kompetenzi miksuba b'dan il-mod u li jitneħħew l-ostakli marbuta mal-moviment liberu;

8.  Jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tissħiħ ta’ ċittadinanza Ewropea attiva; jikkunsidra li huwa kruċjali, għalhekk, li jiġi ffaċilitat aktar ix-xogħol transkonfinali ta' dawn l-organizzazzjonijiet biex jonqsu l-piżijiet burokratiċi u jiġi fornut finanzjament adegwat; itenni t-talba tiegħu(2) biex jiġi stabbilit Statut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet, peress li dan jista' jiffaċilità l-kostruzzjoni ta’ proġetti bejn iċ-ċittadini ta' Stati Membri tal-UE differenti fi ħdan organizzazzjoni transnazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq qafas strutturat għal djalogu ċivili Ewropew li jkun jagħti sustanza prattika liċ-ċittadinanza parteċipattiva;

9.  Jiddispjaċih għall-esklużjonijiet fakultattivi minn partijiet tat-trattati tal-UE min-naħa ta’ xi Stati Membri li jdgħajfu u jiġġeneraw differenzi de facto fid-drittijiet taċ-ċittadini li huma maħsuba li jkunu ugwali fit-Trattati tal-UE;

10. Jenfasizza r-rwol vitali li għandhom l-Istati Membri fl-implimentar korrett tal-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li għad baqa’ progress xi jsir u li hija meħtieġa kooperazzjoni mtejba bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet lokali u nazzjonali ; jikkunsidra li kooperazzjoni akbar tkun mezz effettiv ta’ kif jissolvew il-problemi b’mod informali, b’mod partikolari l-impedimenti ta’ natura amministrattiva; f’dan ir-rigward, ifaħħar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li mill-2013, u permezz tal-iskema tagħha tal-ġemellaġġ tal-ibliet fil-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini, tappoġġja skambji tal-aħjar prattika bejn il-muniċipalitajiet u l-proġetti mmirati biex itejbu l-għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-implimentazzjoni korretta tagħhom; jemmen li serje ta’ strumenti prattiċi dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE mfassla għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tkompli ttejjeb iktar l-implimentazzjoni korretta;

11. Jiddispjaċih li l-ġenituri u t-tfal ma għandhomx l-istess possibbiltajiet ta’ rimedji f’kull Stat Membru f’każ ta’ separazzjoni jew divorzju, bir-riżultat li mijiet ta’ ġenituri fl-Ewropa kkuntattjaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex iħeġġuħ ikun aktar attiv f’dan il-qasam minkejja li għandu biss kompetenzi limitati ħafna;

12. Jistenna li l-portal il-ġdid tal-internet għall-petizzjonijiet, li se jkun disponibbli fil-bidu tal-2014, se jbiddel il-proċess ta’ petizzjonar fi strument li jkun attraenti, trasparenti u faċli għall-utent, anke għall-persuni b’diżabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra jirrikonoxxu b’mod xieraq il-proċess ta’ petizzjonar fuq il-websajts tagħhom;

13. Jilqa’ l-fatt li, sa Novembru 2013, tliet inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej (ECIs) differenti ħafna minn xulxin kienu laħqu l-livell limitu meħtieġ; jilqa' s-sessjonijiet ta’ smigħ ippjanati mal-organizzaturi ta' inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej li kienu suċċess qabel l-elezzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu d-dritt jiġu organizzati u appoġġjati Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u jimplimentaw ir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (UE 211/2011) b'mod inklussiv, billi jiżguraw li huma lesti li jivvalidaw il-firem kemm taċ-ċittadini tagħhom stess li jgħixu barra mill-pajjiż u kemm taċ-ċittadini minn Stati Membri oħra li qed jgħixu fit-territorju tagħhom;

14. Jistieden lill-Istati Membri kollha li għad m’għandhomx ombudsman nazzjonali, fil-preżent l-Italja u l-Ġermanja, jissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE kollha billi jaħtru wieħed;

15. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja regolarment il-mod kif jiġu pproċessati fl-Istati Membri l-formalitajiet amministrattivi relatati mad-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE u l-qraba tagħhom ; jistieden lill-Kummissjoni taqdi rwol attiv fl-iżgurar li l-proċeduri implimentati mill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri u d-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti mit-Trattati tal-UE; jenfasizza li wieħed mill-pilastri prinċipali tas-Suq Uniku huwa l-mobilità tal-forza tax-xogħol; jenfasizza l-benefiċċji ferm pożittivi tal-forza tax-xogħol migranti tal-UE għall-ekonomija tal-Istati Membri; f’dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u tieħu miżuri xierqa biex tneħħi l-ostakoli potenzjali, bħalma hi l-burokrazija eċċessiva, imposti fil-livell nazzjonali li jxekklu din il-libertà fundamentali;

16. Jirrikonoxxi li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(3), il-kundizzjonijiet biex wieħed jottjeni jew jitlef ċittadinanza tal-Istati Membri huma rregolati esklussivament skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri individwali; jappella, madankollu, għal koordinazzjoni aktar mill-qrib u skambju iżjed strutturat tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-liġijiet taċ-ċittadinanza tagħhom sabiex jiżguraw id-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari ċ-ċertezza tad-dritt għaċ-ċittadini; jitlob għal linji gwida komuni komprensivi li jiċċaraw ir-relazzjoni ta’ bejn iċ-ċittadinanza nazzjonali u dik Ewropea;

17. Jappella lil dawk l-Istati Membri li jneħħu d-dritt tal-vot liċ-ċittadini tagħhom stess li jagħżlu li jgħixu fi Stat Membru ieħor għal perjodu estiż biex itemmu din il-prattika u jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom f’dak is-sens biex jipprovdu drittijiet sħaħ taċ-ċittadinanza tul il-proċess kollu; jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha biex jassistu u jgħinu b’mod effikaċi liċ-ċittadini li jixtiequ jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati fi stat ieħor li mhux tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom mill-Istat Membru li jgħixu fih.

18. Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu u jtejbu t-tifsira ta’ ċittadinanza tal-UE billi jiskoraġġixxu kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza; jiddeplora kwalunkwe retorika populista li timmira li toħloq prattiki diskriminatorji bbażati biss fuq raġunijiet ta’ ċittadinanza;

19. Jistieden lill-partiti politiċi Ewropej u l-affiljati nazzjonali tagħhom jorganizzaw kampanji elettorali trasparenti qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u jindirizzaw b’mod effikaċi l-problema tat-tnaqqis fir-rati ta’ parteċipazzjoni tal-votanti u d-distakk dejjem jikber ta’ bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE; jikkunsidra n-nomina tal-kandidati minn madwar l-Ewropa kollha għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni mill-partiti politiċi Ewropej bħala pass importanti lejn il-bini ta’ spazju pubbliku Ewropew ġenwin, u huwa konvint li l-prospett ta’ Ewropeizzazzjoni tal-kampanja elettorali jista’ jintlaħaq aħjar permezz ta’ attivitajiet panEwropej u netwerks tal-midja lokali u nazzjonali panEwropej, speċjalment il-midja pubblika fl-oqsma tar-radju, it-televiżjoni u l-Internet;

20. Jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini jkunu infurmati li huma intitolati jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej jekk jgħixu barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom u li ssir promozzjoni ta' dan id-dritt b'mezzi differenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tistenniex sa Mejju 2014 biex tvara l-manwal tagħha li jippreżenta dawk id-drittijiet tal-UE ‘b'lingwaġġ ċar u sempliċi’;

21. Jistieden lill-istituzzjonijiet , lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni jtejbu aktar it-trasparenza u jiffaċilitaw l-aċċess għad-dokumenti u jagħmluh faċli għall-utent, għaliex dan jagħmilha possibbli għaċ-ċittadini li jipparteċipaw iżjed mill-qrib fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b'mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea, itejbu l-effiċjenza tal-proċeduri tagħhom biex jissodisfaw it-talbiet leġittimi taċ-ċittadini tal-UE malajr kemm jista’ jkun; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, u b'mod partikolari lill-Parlament, jiżguraw it-trasparenza u l-obbligu tal-għoti ta’ rendikont fuq l-istess livell;

22. Jilqa' l-adozzjoni reċenti taż-żewġ programmi ewlenin tal-UE biex jiffinanzjaw attivitajiet fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-UE mill-2014 sal-2020: il-programmi ‘Drittijiet u Ċittadinanza’ u l-‘Ewropa għaċ-Ċittadini’; iqis li huwa ta’ dispjaċir kbir li l-pakkett finanzjarju għal dan tal-aħħar b’mod speċjali, li jappoġġja proġetti dwar iċ-ċittadinanza Ewropea attiva, ġie mnaqqas b’mod drastiku mill-gvernijiet tal-Istati Membri meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013;

23. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-petizzjonijiet li jiżvelaw il-qagħda delikata ta’ ċerti residenti li, minħabba l-istatus tagħhom, ma jistgħux jibbenifikaw b’mod sħiħ mid-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu jew mid-drittijiet sħaħ għall-vot fl-elezzjonijiet lokali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri kkonċernati jiffaċilitaw ir-regolarizzazzjoni tal-istatus tagħhom f’każijiet bħal dawn;

24. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-ostakoli li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċjaw meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet individwali tagħhom fis-suq intern u jemmen li l-insigurtà ekonomika attwali fl-Ewropa ukoll teħtieġ li tiġi indirizzata b’mod determinat billi jitneħħew dawn l-ostakoli; jilqa’ għalhekk l-inizjattivi l-ġodda mħabbra mill-Kummissjoni biex iċ-ċittadini jissaħħu fir-rwol tagħhom bħala konsumaturi u ħaddiema fl-Ewropa kollha;

25. Jenfasizza l-importanza li jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' taħriġ u ta' apprendistati f'pajjiżi oħra tal-UE permezz tan-netwerk EURES; jinsab allarmat bir-rata tal-qgħad, b'mod speċjali għax din taffettwa liż-żgħażagħ; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati(4) u jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida;

26. Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u jiffaċilitaw il-jedd li dawn id-drittijiet jiġu rispettati b’mod ugwali kemm fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u kemm fi kwalunkwe Stat Membru ieħor;

27. Jiġbed l-attenzjoni għall-ilmenti ta’ xi petizzjonanti, l-aktar ċittadini tal-UE li qed jgħixu barra minn pajjiżhom, li rrapportaw li ltaqgħu ma’ problemi fir-rigward tal-akkwist, it-trasferiment u s-sjieda ta’ proprjetà immobbli f’diversi pajjiżi;

28. Jirrikonoxxi l-problemi li qed jiffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u jitlob għall-introduzzjoni tal-karta tal-UE dwar id-diżabbiltà, li tkun valida fl-UE kollha, għall-persuni b’diżabbiltà;

29. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex jindirizzaw b’mod determinat u effiċjenti l-kwistjonijiet tat-taxxi doppji fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi, it-taxxi diskriminatorji u t-taxxa doppja f’kuntest transkonfinali u jqisu aħjar ir-realitajiet tal-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema; iqis li l-kwistjonijiet tat-taxxa doppja mhumiex qed jiġu indirizzati biżżejjed permezz tal-konvenzjonijiet bilaterali eżistenti tat-taxxa jew permezz ta’ azzjoni unilaterali minn xi Stat Membru u jkunu jeħtieġu azzjoni miftiehma u f’waqtha fil-livell tal-Unjoni;

30. Jiddispjaċih għall-eżistenza ta' ostakoli transkonfinali f'materji ċivili jew soċjali, bħal pereżempju d-dritt tal-familja jew il-pensjonijiet, li lil ħafna ċittadini ma jippermettulhomx li jgawdu ċittadinanza sħiħa tal-UE;

31. Ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, huma intitolati għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, u jenfasizza l-importanza ta’ din id-dispożizzjoni bħala punt ta’ prinċipju;

32. Jistieden lill-Istati Membri joħolqu malajr kemm jista’ jkun punt ta’ kuntatt uniku f’kull Stat Membru sabiex jikkoordinaw il-proġetti b’impatt transkonfinali, pereżempju dawk b’impatt soċjali bħal servizzi ta' emerġenza, b'referenza partikolari għall-proġetti li għandhom impatt ambjentali bħall-proġetti tar-riħ li kultant mhuma suġġett għal ebda konsultazzjoni mar-residenti lokali taż-żewġ naħat tal-fruntiera u ma jsir l-ebda studju ta’ impatt;

33. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-benefiċċji u l-isfidi tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 (SEĊ); jiddipjaċih li, minħabba n-nuqqas ta' finanzjament u nuqqas ta' ambizzjoni politiku, is-SEĊ kellha profil fil-midja fqir u ma rnexxilhiex tiġġenera dibattitu wiesa', pubblikament viżibbli dwar iċ-ċittadinanza Ewropea li kien jista' kkontribwixxa għal strumenti mtejba jew definiti mill-ġdid;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex il-volontarjat jiġi rikonoxxut bħala parti li tikkontribwixxi għaċ-ċittadinanza;

35. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika u xxerred spjegazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini qabel u wara t-Trattat ta’ Lisbona sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini;

36. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 74.

(2)

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet (P7_TA(2011)0101).

(3)

L-iżjed riċenti fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010, C-135/08, Rottmann

(4)

COM(2013) 857 final


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (24.1.2014)

għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet

dwar ir-Rapport 2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE ‒ Iċ-ċittadini tal-UE: id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek

(2013/2186(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Morten Løkkegaard

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni maħsuba biex itejbu s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Europe Direct u l-Ewropa Tiegħek; jinnota, fl-istess waqt, li għad baqa' iżjed xi jsir biex iċ-ċittadini jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, partikolarment permezz ta' pjattaformi ta' midja soċjali; jenfasizza l-kontribut importanti li l-Istati Membri u l-politikanti nazzjonali jistgħu jagħtu b'rabta mas-sensibilizzazzjoni;

2.  Jenfasizza li r-reġjuni transkonfinali huma l-postijiet fejn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-integrazzjoni Ewropea jidhru bl-iktar mod ċar;

3.  Jenfasizza l-bżonn li titrawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-UE u biex jiġu faċilitati u appoġġati bosta espressjonijiet taċ-ċittadinanza attiva u l-isforzi biex din tiġi mobilizzata;

4.  Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-isforzi tagħhom biex ixerrdu l-għarfien dwar in-netwerk SOLVIT fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji;

5.  Ifakkar li d-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali daħlet fis-seħħ f'Ottubru 2013; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, timmonitorja l-implimentazzjoni xierqa ta' dik id-drettiva u tiżgura li l-pazjenti jiġu informati b'mod komprensiv dwar id-drittijiet ġodda tagħhom fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tindirizza l-problemi li l-gradwati jħabbtu wiċċhom magħhom meta japplikaw għal apprendistati jew impjiegi fi Stat Membru ieħor, billi tiżviluppa qafas ta' kwalità li jħares id-drittijiet tal-apprendisti u biex dawn jiġu garantiti salarju ġust; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora wkoll mezzi ġodda sabiex ittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-apprendistati u l-opportunitajiet ta' xogħol fi Stati Membri oħrajn, partikolarment permezz tan-netwerk EURES;

7.  Iħoss li l-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tad-Direttiva 96/71/KE dwar il-ħaddiema kollokati qed iwasslu għal bosta abbużi li joħolqu dannu lill-impjegati koperti minn din id-direttiva, u li n-nuqqas ta' informazzjoni ċara, verifiki u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet mhux qed tippermetti li l-ħaddiema kollokati jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bis-sħiħ; jitlob lill-Kunsill jiżblokka r-riforma ta' din id-direttiva li għaddejja bħalissa sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kollokati u jiġu miġġielda l-abbużi u d-dumping soċjali;

8.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati n-netwerks pan-Ewropej komposti minn midja lokali u nazzjonali fl-oqsma tar-radju, it-televiżjoni u l-internet; isibha inkwetanti ħafna, għalhekk, li l-Kummissjoni, għall-għarrieda u mingħajr ma kkonsultat mal-Parlament, iddeċidiet li tikkanċella sejħa għal proposti dwar netwerks pan-Ewropej fil-qasam tal-internet;

9.  Jenfasizza l-bżonn li jinħoloq qafas strutturat għad-djalogu ċivili Ewropew li jagħti sustanza prattika lil ċittadinanza parteċipattiva u jżid il-kooperazzjoni anke mal-awtoritajiet lokali, nazzjonali u Ewropej u ma' partijiet interessati oħra;

10. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li mill-2013, permezz tal-iskema ta' ġemellaġġ tal-ibliet, tappoġġa l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn il-muniċipalitajiet u l-proġetti maħsuba biex itejbu l-għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, iżda jqis deplorevoli ferm li fl-ambitu tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss il-pakkett finanzjarju għall-programm Ewropa għaċ-Ċittadini, li permezz tiegħu jiġu ffinanzjati dawn il-proġetti, tnaqqas drastikament;

11. Jenfasizza l-importanza ta' soċjetà ċivili organizzata biex tappoġġa ċittadinanza Ewropea attiva, pereżempju billi tinvolvi lill-membri tagħha f'dibattiti dwar il-kwistjonijiet tal-UE li jolqtuhom b'mod dirett jew permezz ta' attivitajiet ta' karità jew volontarjat 'il barra mill-pajjiż; iqis, għalhekk, li huwa kruċjali li jiġi ffaċilitat aktar ix-xogħol transkonfinali ta' dawn l-organizzazzjonijiet biex jonqsu l-piżijiet burokratiċi u billi jkunu pprovduti finanzjament adegwat;

12. Iqajjem l-ikbar tħassib taċ-ċittadini fil-livell Ewropew fir-rigward tad-dħul minimu, il-kura soċjali, it-trasparenza politika u ekonomika, l-involviment f'ħajja kulturali kif ukoll il-bżonn tal-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fl-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru; jenfasizza li ċ-ċittadini kollha għandhom ikunu involuti fil-ħajja tal-komunità tagħhom, inklużi l-iktar gruppi żvantaġġati tas-soċjetà;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu iktar spazju lill-edukazzjoni politika dwar l-affarijiet tal-UE fil-kurrikuli skolastiċi tagħhom; iqis li l-għalliema għandhom rwol essenzjali biex iġibu l-affarijiet tal-UE fl-iskejjel u jħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri biex jipprovduhom bl-għarfien u r-riżorsi li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jwettqu dan ir-rwol;

14. Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tittejjeb is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-UE, u b'mod partikolari dwar id-drittijiet elettorali tagħhom, u b'mod speċfiku biex tinforma liċ-ċittadini li jibqgħu intitolati li jivvotaw f'elezzjonijiet muniċipali u Ewropej anke jekk jgħixu barra minn pajjiżhom, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tistenniex sa Mejju 2014 biex tvara l-manwal tagħha li jippreżenta dawk id-drittijiet tal-UE “b'lingwaġġ ċar u sempliċi”.

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-dritt ta' kull ċittadin tal-UE li jindirizza lill-Istituzzjonijiet tal-UE bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE jiġi rispettat bis-sħiħ u applikat b'tali mod illi l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-konsultazzjonijiet kollha jiġu ttrattati b'mod ekwu u li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa;

16. Jiġbed l-attenzjoni għall-attivitajiet tal-Parlament fuq pjattaformi ta' midja soċjali bħala mezz eċċellenti biex jinħolqu interazzjoni u djalogu maċ-ċittadini.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Emilio Menéndez del Valle, Martina Michels, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Monika Panayotova, Marietje Schaake, Marco Scurria, László Tőkés, Helga Trüpel, Gianni Vattimo, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Nadja Hirsch, Seán Kelly, Georgios Papanikolaou, Joanna Katarzyna Skrzydlewska


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Heinz K. Becker, Victor Boştinaru, Philippe Boulland, Nikolaos Chountis, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Ágnes Hankiss, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Erminia Mazzoni, Chrysoula Paliadeli, Nikolaos Salavrakos, Jarosław Leszek Wałęsa, Angelika Werthmann, Rainer Wieland, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marino Baldini, Sandrine Bélier, Vicente Miguel Garcés Ramón, Axel Voss

Avviż legali - Politika tal-privatezza