RAPPORT dwar ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE

17.2.2014 - (2013/2168(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Boris Zala

Proċedura : 2013/2168(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0117/2014
Testi mressqa :
A7-0117/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE

(2013/2168(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan[1],

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), kif adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta’ Ġunju 2012[2],

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, Ewropa sikura f'dinja aħjar, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha Nipprovdu s-Sigurtà f’Dinja li qed Tinbidel, approvat mill-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jipprevedi, b'mod partikolari, arranġament ta' inċentiv speċjali għal ‘żvilupp sostenibbli u governanza tajba’ (‘GSP+’),

–   wara li kkunsidra l-Anness VIII tar-Regolament imsemmi hawn fuq li jelenka l-konvenzjonijiet tan-NU/ILO dwar id-drittijiet ewlenin tal-bniedem u tax-xogħol u dawk marbuta mal-ambjent u mal-prinċipji ta’ governanza, li l-Pakistan irratifika u qabel li jimplimenta b’mod effettiv,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Pakistan tal-11 ta' Marzu 2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Frar 2013 dwar attakki riċenti fuq il-ħaddiema tal-għajnuna medika fil-Pakistan[3], tat-13 ta’ Settembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi preferenzi kummerċjali awtonomi ta’ emerġenza għall-Pakistan[4] u tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan[5], kif ukoll iż-żjara fil-Pakistan minn delegazzjoni tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Awwissu 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU Ben Emmerson tat-18 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU Christof Heyns tat-13 ta' Settembru 2013 dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/178 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0117/2014),

A. billi r-rwol strateġiku tal-Pakistan fir-reġjun, ir-relazzjonijiet mal-ġirien tiegħu u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan huma ta’ importanza fundamentali dejjem tiżdied għall-UE, fid-dawl tal-pożizzjoni ċentrali tal-pajjiż fil-qalba ta’ viċinat instabbli, iċ-ċentralità tiegħu għas-sigurtà u l-iżvilupp fl-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar, u r-rwol kruċjali tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u theddidiet transnazzjonali oħrajn, li lkoll jaffettwaw is-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej;

B.  billi l-elezzjonijiet parlamentari f'Marzu 2013 immarkaw l-ewwel trasferiment ta' setgħa minn gvern ċivili elett għall-ieħor fl-istorja moderna tal-Pakistan; billi l-proċess demokratiku tal-Pakistan huwa sostnut minn bidliet usa' fis-soċjetà, inkluża l-klassi urbana tan-nofs li qed tiżdied u soċjetà ċivili dejjem aktar vibranti u midja indipendenti;

C. billi l-progress politiku u ekonomiku tal-pajjiż huwa mfixkel minn problemi ta’ sigurtà interni u reġjonali mifruxa, bħall-estremiżmu, kunflitti bejn is-setet, qtil suwiċida u mmirat, u anarkija fiż-żoni tat-tribujiet, flimkien mad-dgħufija tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sistema tal-ġustizzja kriminali;

D. billi l-Pakistan għandu waħda mill-ogħla popolazzjonijiet ta’ tfal li ma jmorrux skola fid-dinja fejn huwa stmat li 12-il miljun tifel u tifla ma jmorrux skola u madwar żewġ terzi tan-nisa Pakistani u nofs l-irġiel Pakistani ma jafux jaqraw u jiktbu; billi l-pajjiż għadu kklassifikat fil-pożizzjoni 134 minn 135 pajjiż fir-rapport dwar id-‘disparità bejn is-sessi’ tal-Forum Ekonomiku Dinji;

E.  billi, skont l-Indiċi tar-Riskju għall-Klima Globali (Global Climate Risk Index), il-Pakistan huwa fost it-tnax-il pajjiż l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima f’dawn l-aħħar għoxrin sena, kien il-vittma ta’ għargħar u nuqqas ta’ ilma serji u huwa affettwat b’mod dirett mill-irtirar glaċjali fil-meded muntanjużi tal-Himalayas u Karakorum;

F.  billi l-Pakistan huwa pajjiż parzjalment industrijalizzat bi dħul medju baxx, u madwar terz tal-popolazzjoni tiegħu qed tgħix taħt il-livell tal-faqar; billi l-Pakistan huwa kklassifikat fil-146 post minn fost 187 pajjiż elenkat fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2012 (HDI), li huwa pass lura mill-145 post tal-elenku għall-2011; billi s-sitwazzjoni ekonomika tal-Pakistan kienet affettwata ħażin minħabba sensiela ta' diżastri naturali, u billi livell għoli ta’ nuqqas ta' sigurtà, instabbiltà u korruzzjoni mifruxa fil-pajjiż qed idgħajjef it-tkabbir ekonomiku tiegħu u jillimita l-abbiltà tal-gvern li jiżviluppa l-istat;

G. billi l-Pakistan huwa vulnerabbli għal firxa wiesgħa ta’ perikli, speċjalment għargħar u terremoti; billi s-sitwazzjoni instabbli b'rabta mas-sigurtà, flimkien mal-isfidi soċjali tal-Pakistan, qed jaħdmu bħala katalist għaż-żieda fil-vulnerabbiltà tiegħu; billi bosta snin ta’ diżastri eżawrew l-istrateġiji tal-komunitajiet li huma diġà fqar biex ikampaw mas-sitwazzjoni u naqqsu bil-kbir ir-reżiljenza tagħhom għal diżastri futuri;

H. billi l-kontribut kostruttiv tal-Pakistan huwa essenzjali sabiex jinkisbu r-rikonċiljazzjoni, il-paċi u l-istabilità politika fil-viċinat tiegħu u, prinċipalment, fl-Afganistan, speċjalment fil-kuntest tal-irtirar ippjanat tat-truppi ta’ kumbattiment tan-NATO fl-2014;

I.   billi l-Pakistan huwa wieħed mill-akbar riċevituri ta’ għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja tal-UE, u billi l-UE hija l-akbar suq tal-esportazzjoni tal-Pakistan;

J.   billi l-Pakistan huwa sieħeb dejjem aktar importanti tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-proliferazzjoni nukleari, it-traffikar tal-bnedmin u tad-droga u l-kriminalità organizzata, u fit-tentattiv lejn il-kisba ta' stabilità reġjonali;

K. billi dan l-aħħar l-UE u l-Pakistan għażlu li japprofondixxu u jwessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, pereżempju permezz tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin, imniedi fi Frar 2012, u l-ewwel Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f’Ġunju 2012;

L.  billi l-għan tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin tal-2012 bejn l-UE u l-Pakistan huwa li tinbena relazzjoni strateġika u li tissawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

M. billi mill-1 ta’ Jannar 2014 il-Pakistan huwa integrat fl-iskema speċjali ta’ preferenzi kummerċjali ġeneralizzati tal-UE (GSP+);

N. billi f'Settembru 2012 il-fabbrika Ali Enterprises li tinsab f'Karachi u li tipproduċi l-jeans għas-suq Ewropew inħakmet min-nirien, li wassal għall-mewt ta' 286 ħaddiem li sfaw maqbuda hemm ġew; billi l-integrazzjoni tal-Pakistan fl-iskema GSP+ tista' tagħti spinta lill-produzzjoni fis-settur tat-tessuti u sseddaq l-importanza tat-titjib fid-drittijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni;

1.  Jenfasizza s-sinifikat tal-elezzjonijiet ta’ Marzu 2013 għall-konsolidament tad-demokrazija u tal-liġi ċivili fil-Pakistan; iħeġġeġ lill-klassi politika Pakistana tutilizza dan il-momentum sabiex issaħħaħ ulterjorment l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-kontroll ċivili fuq l-oqsma kollha tal-amministrazzjoni pubblika, b’mod speċjali l-forzi tas-sigurtà u l-ġudikatura, tippromwovi s-sigurtà interna u reġjonali, tippromulga r-riformi tal-governanza biex jitqajjem it-tkabbir ekonomiku, tissaħħaħ it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jittaffew l-inġustizzji soċjali, u biex twaqqaf l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u ssib rimedju għalihom;

2.  Jirrikonoxxi madankollu, li l-istabbiliment ta' demokrazija sostenibbli u soċjetà pluralistika, kif ukoll il-kisba ta’ aktar ġustizzja soċjali, il-qerda tal-faqar u l-malnutrizzjoni akuti f’partijiet tal-pajjiż, iż-żieda fil-livell ta’ edukazzjoni bażika u t-tħejjija tal-pajjiż għall-effetti tat-tibdil fil-klima se jirrikjedu riformi profondi u diffiċli għall-ordni politika u soċjoekonomika tal-Pakistan, li għadha kkaratterizzata minn strutturi fewdali ta’ sjieda tal-art u alleanzi politiċi u żbilanċi fil-prijoritajiet bejn in-nefqa militari min-naħa, u l-għoti ta’ għajnuna soċjali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku min-naħa l-oħra, u sistema ta’ ġbir ta’ dħul li ma tiffunzjonax tajjeb u li ddgħajjef b’mod sistematiku l-kapaċità tal-istat li jforni beni pubbliċi;

3.  Jappoġġa u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jiżviluppa mezzi effettivi għall-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-possibilità ta’ diżastri naturali futuri u għal koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar effettivi tal-għajnuna umanitarja mal-atturi lokali, l-NGOs internazzjonali u dawk li jiġbru l-fondi;

4.  Itenni li l-governanza tajba, istituzzjonijiet responsabbli u inklużivi, id-diviżjoni tas-setgħat u r-rispett għad-drittijiet fundamentali huma elementi importanti biex tiġi indirizzata r-rabta bejn l-iżvilupp u s-sigurtà fil-Pakistan; jemmen ulterjorment li gvernijiet ċivili eletti mogħnija b’leġittimità demokratika, id-devoluzzjoni tas-setgħat lill-provinċji, u gvern lokali effettiv huma l-aħjar mod biex titrażżan il-mewġa ta’ vjolenza u estremiżmu, jerġgħu jdaħħlu mill-ġdid l-awtorità tal-istat fiż-żoni FATA, u biex jiżguraw is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Pakistan;

5.  Jappoġġa f’dan il-kuntest l-intenzjoni tal-Gvern tal-Pakistan li jidħol fi djalogu ta’ paċi mat-Tehreek-e-Taliban Pakistan (TTP), ġaladarba dan iwitti t-triq lejn soluzzjoni politika u fit-tul għar-ribelljoni u lejn ordni demokratiku stabbli, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem; jappella madankollu lin-negozjaturi biex jikkunsidraw li l-livell edukattiv – b’mod partikolari tan-nisa – huwa element assolutament deċiżiv biex isir progress fis-soċjetajiet u biex l-edukazzjoni tal-bniet issir element essenzjali fin-negozjati;

6.  Japprezza l-impenn kontinwu tal-Pakistan li jiġġieled it-terroriżmu fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tiegħu, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu passi iżjed kuraġġużi biex jillimitaw ulterjorment il-possibilità ta’ reklutaġġ u taħriġ ta’ terroristi fit-territorju tal-Pakistan, li jikkostitwixxi fenomenu li qed jittrasforma ċerti żoni tal-Pakistan f'rifuġju sigur għall-organizzazzjonijiet terroristiċi li l-għan tagħhom huwa li jiddestabbilizzaw il-pajjiż u r-reġjun, speċjalment l-Afganistan;

7.  Jinnota li l-mexxej Pakistani tat-Taliban Hakimullah Mehsud inqatel minn drone operat mill-Istati Uniti fl-4 ta' Novembru 2013 u li l-Parlament tal-Pakistan u l-gvern il-ġdid opponew formalment tali interventi; ikompli li l-limiti għall-użu ta' attakki bid-drones għandhom jiġu stabbiliti b'mod aktar ċar fil-liġi internazzjonali;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jissodisfa l-obbligi u r-responsabilitajiet tiegħu b'rabta mas-sigurtà billi jidħol aktar fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, it-terroriżmu u r-radikaliżmu, bl-implimentazzjoni ta' miżuri tas-sigurtà u infurzar tal-liġi stretti u mingħajr kompromessi, kif ukoll billi jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza u dawk soċjoekonomiċi li jistgħu jħeġġu r-radikalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ Pakistani;

9.  Jinnota li l-Gvern tal-Pakistan esprima b’mod ċar l-oppożizzjoni tiegħu għall-attakki bid-drones min-naħa tal-Istati Uniti fit-territorju tiegħu; jilqa’ r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li titlob kjarifika ulterjuri dwar il-qafas legali applikabbli għall-użu ta’ attakki bid-drones;

10. Jilqa’ l-kontribut tal-Pakistan lejn il-bini tal-istat u l-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni fl-Afganistan, inkluża l-għajnuna biex tiġi ffaċilitata t-tnedija mill-ġdid ta’ taħdidiet ta’ paċi; jistenna li l-attitudni pożittiva tal-Pakistan tkompli tul il-kampanja lejn l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Afganistan u lil hinn minn dan; jesprimi tħassib dwar il-kompetizzjoni ġeopolitika fuq l-influwenza fl-Afganistan fost il-forzi tal-viċinat wara l-irtirar tat-truppi ta’ kumbattiment tan-NATO;

11. Jittama fir-rwol kostruttiv tal-Pakistan fil-promozzjoni tal-istabilità reġjonali, inkluż rigward il-preżenza tan-NATO u tal-Istati Membri tal-UE fl-Afganistan wara l-2014, billi jiżviluppa ulterjorment l-impenn f’format ta’ trilogu fl-Afganistan mal-Indja, it-Turkija, iċ-Ċina, ir-Russja u r-Renju Unit, u jippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin, droga u prodotti;

12. Jinsab kunfidenti dwar il-progress tanġibbli riċenti fid-djalogu bejn il-Pakistan u l-Indja, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ u l-kuntatti interpersonali, progress li sar possibbli permezz tal-attitudni kostruttiva taż-żewġ partijiet; jiddispjaċih li l-kisbiet tad-djalogu jibqgħu vulnerabbli għal avvenimenti kontinġenti, bħall-inċidenti li għadhom għaddejjin fuq il-Linja ta’ Kontroll li tifred il-partijiet tal-Kashmir okkupati mill-Pakistan u l-partijiet okkupati mill-Indja; jitlob liż-żewġ gvernijiet jiżguraw li jkun hemm ktajjen ta’ kmand adegwati, li l-persunal militari jagħti kont ta' għemilu, u djalogu bejn is-servizzi militari, bil-ħsieb li jiġu evitati inċidenti simili fil-futur;

13. Jirrikonoxxi l-interess leġittimu tal-Pakistan fil-bini ta’ rabtiet strateġiċi, ekonomiċi u tal-enerġija maċ-Ċina; iqis importanti li relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn il-Pakistan u ċ-Ċina jsaħħu l-istabilità ġeopolitika fin-Nofsinhar tal-Asja;

14. Jinnota l-isforzi tal-Pakistan għal sħubija sħiħa mal-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO) bħala sinjal apprezzabbli tal-ambizzjoni tal-pajjiż li jkun aktar involut f’inizjattivi multilaterali; jinnota madankollu n-nuqqas ta’ kwalunkwe mekkaniżmu formali ta’ kooperazzjoni bejn l-SCO u l-UE, u jissottolinja d-diverġenzi fil-bażijiet normattivi u fl-opinjonijiet ġenerali rispettivi tagħhom rigward kwistjonijiet globali;

15. Jinsab imħasseb dwar rapporti li l-Pakistan qed jikkunsidra jesporta armi nukleari lejn pajjiżi terzi; jistenna li l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmluha ċara lill-Pakistan, minkejja ċaħdiet uffiċjali tar-rapporti, li l-esportazzjoni tal-armi nukleari mhijiex aċċettabbli; jistieden lill-Pakistan, bħala stat bl-armi nukleari, jipprojbixxi legalment l-esportazzjoni tal-materjal kollu relatat mal-armi nukleari jew tal-għarfien espert, u jikkontribwixxi b'mod attiv fl-isforzi internazzjonali ta' nonproliferazzjoni; iqis li l-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni mill-Pakistan kif ukoll mill-Indja jkunu jfissru impenn b'saħħtu lejn koeżistenza reġjonali paċifika u jikkontribwixxu bil-kbir lejn is-sigurtà fir-reġjun kollu;

16. Jemmen li l-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikaliżmu hija marbuta b’mod dirett ma’ proċess demokratiku aktar b’saħħtu u jafferma mill-ġdid l-interess qawwi li għandha l-UE u l-appoġġ tagħha sabiex il-Pakistan isir pajjiż demokratiku, sikur u mmexxi tajjeb b’sistema ġudizzjarja indipendenti u governanza tajba, li jirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u li jkollu relazzjonijiet tajba mal-ġirien u li jipproġetta influwenza li tagħti stabilità lir-reġjun;

17. Ifakkar li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan żviluppaw tradizzjonalment fi ħdan qafas li jiffoka fuq l-iżvilupp u l-kummerċ; japprezza l-kontribut sinifikanti u permanenti tal-kooperazzjoni umanitarja u tal-iżvilupp tal-UE, u jilqa’ d-deċiżjoni li l-Pakistan jibbenefika mill-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (GSP+) tal-UE mill-2014 ’il quddiem; jistieden lill-Pakistan jikkonforma bis-sħiħ mal-kundizzjonijiet rilevanti relatati mal-GSP+ u jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li t-tisħiħ fil-monitoraġġ jiġi applikat strettament, kif previst skont ir-Regolament GSP il-ġdid u jenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-istabbiliment tad-demokrazija u l-adattament għat-tibdil fil-klima, għandha tibqa' tirċievi attenzjoni primarja;

18. Jinsab konvint li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan iridu jsiru aktar profondi u usa’ permezz tal-iżvilupp ta’ djalogu politiku biex b’hekk tinżamm relazzjoni ta’ interess reċiproku fost sħab ugwali; jilqa’ f’dan il-kuntest l-adozzjoni tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin u l-bidu tad-Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-Pakistan, li jirrifletti l-piż akbar tal-kooperazzjoni politika u ta’ sigurtà, inklużi l-politika kontra t-terroriżmu, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, kif ukoll il-politika dwar il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura; jistenna madankollu aktar progress fl-oqsma kollha tal-pjan ta’ impenn;

19. Iħeġġeġ kemm lill-UE kif ukoll lill-Pakistan jikkooperaw fil-proċess ta’ implimentazzjoni u jimmonitoraw il-progress fuq bażi regolari billi jsaħħu d-djalogu bejniethom fit-tul;

20. Iqis li t-tranżizzjoni demokratika tal-Pakistan ħolqot opportunità għall-UE li ssegwi approċċ espliċitament aktar politiku fir-relazzjonijiet bilaterali u l-għoti ta’ għajnuna; jemmen li l-appoġġ tal-UE lill-Pakistan għandu jagħti prijorità lill-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-livelli kollha, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-istat u l-governanza tajba, il-bini ta’ strutturi tal-infurzar tal-liġi u strutturi ċivili effettivi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż ġudikatura indipendenti, u l-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili u lil mezzi tax-xandir ħielsa;

21. Jilqa’ f’dan ir-rigward il-programmi komprensivi ta’ appoġġ għad-demokrazija li diġà jeżistu b’rabta mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2008 u l-2013 tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE;

Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsegwu politika divrenzjata u multidimensjonali fil-konfront tal-Pakistan li tagħti sinerġija lill-istrumenti rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-UE, bħad-djalogu politiku, il-kooperazzjoni tas-sigurtà, il-kummerċ, u l-għajnuna, f'konformità mal-approċċ komprensiv tal-UE għall-azzjoni esterna u fid-dawl tat-tħejjijiet għas-samit li jmiss bejn l-UE u l-Pakistan;

23. Jitlob lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-politika tal-UE għall-Pakistan tkun fil-kuntest u fi ħdan strateġija usa’ għar-reġjun, biex b’hekk jissaħħu l-interessi tal-UE tul in-Nofsinhar tal-Asja kif ukoll fl-Asja Ċentrali; iqis li huwa importanti li r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Pakistan u l-pajjiżi tal-viċinat, b’mod partikolari l-Indja, iċ-Ċina u l-Iran, iservu wkoll biex jiġu diskussi u kkoordinati politiki rigward is-sitwazzjoni fl-Afganistan, biex jiġi żgurat approċċ immirat; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni politika bejn l-UE u l-Istati Uniti u djalogu dwar kwistjonijiet reġjonali;

24. Jemmen li l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest tal-għodod istituzzjonali li qed jevolvu tal-UE b'rabta mal-impenn ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari permezz ta' format ta' sħubiji strateġiċi; itenni t-talba tiegħu għal irfinar kunċettwali tal-format, u għal parametri ta' referenza aktar ċari u konsistenti biex ikun valutat, fost l-oħrajn, jekk il-Pakistan jistax jikkwalifika bħala sħab strateġiku tal-UE fil-futur u taħt liema kundizzjonijiet;

25. Itenni bil-qawwa li l-progress fir-relazzjonijiet bilaterali huwa marbut mat-titjib fir-rekord tal-Pakistan b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-eliminazzjoni tax-xogħol servili għall-ħlas tad-dejn, it-tmiem tat-tħaddim tat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin, it-trażżin tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, it-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, inklużi l-aċċess għall-edukazzjoni, il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u midja indipendenti, il-promozzjoni tat-tolleranza u l-ħarsien ta' minoranzi vulnerabbli permezz ta' ġlieda effettiva kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni; jirrikonoxxi li dan jitlob it-tmiem ta’ kultura ta’ impunità u l-iżvilupp ta’ sistema legali u ġudizzjarja affidabbli fil-livelli kollha, li tkun aċċessibbli għal kulħadd;

26. Jibqa’ mħasseb sew dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u bl-istess mod dwar is-sitwazzjoni allarmanti tan-nisa f’ħafna partijiet tal-Pakistan;jitlob miżuri konkreti u viżibbli li jinfurzaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa fis-soċjetà, inklużi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza domestika, it-teħid ta’ miżuri biex jitjiebu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-qtil tal-unur u attakki bl-aċtu, kif ukoll reviżjoni tal-leġiżlazzjoni li tiffaċilita l-impunità;jirrimarka dwar il-bżonn li jkun żgurat aċċess aħjar għall-edukazzjoni, integrazzjoni aħjar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, kif ukoll kura tas-saħħa materna aħjar;

27. Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar il-fatt li l-liġijiet Pakistani dwar id-dagħa ‑ li jistgħu jġorru magħhom il-piena tal-mewt u li ta’ spiss jintużaw biex jiġġustifikaw iċ-ċensura, il-kriminalizzazzjoni, il-persekuzzjoni u, f’ċerti każijiet, il-qtil ta’ membri ta' minoranzi politiċi u reliġjużi ‑ huma suxxettibbli għal użu ħażin li jaffettwa l-popli tar-reliġjonijiet kollha fil-Pakistan; jenfasizza li r-rifjut li jiġu rriformati jew imħassra l-liġijiet dwar id-dagħa joħloq ambjent ta’ vulnerabbiltà persistenti għall-komunitajiet ta’ minoranzi; jitlob lill-Gvern tal-Pakistan jimplimenta moratorju dwar l-użu ta’ dawn il-liġijiet, bħala l-ewwel pass lejn ir-reviżjoni jew ir-revoka tagħhom u jwettaq investigazzjoni u prosekuzzjoni, kif xieraq, ta’ kampanji ta’ intimidazzjoni, theddid u vjolenza kontra Insara, Ahmadis u gruppi vulnerabbli oħra;

28. Jistieden b’mod partikolari lill-awtoritajiet Pakistani: biex jarrestaw u jħarrku lil dawk li jinċitaw il-vjolenza, jew dawk responsabbli għal attakki vjolenti fuq skejjel jew gruppi ta’ minoranza bħax-Xi'iti, inklużi l-komunità Hazara, l-Ahmadis u l-Insara, u biex jagħtu istruzzjonijiet lill-forzi tas-sigurtà biex jipproteġu b’mod attiv lil dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ attakki minn gruppi estremisti; biex jippromulgaw liġijiet kontra l-vjolenza domestika; biex itemmu l-għejbien furzat ta’ persuni, il-qtil extraġudizzjarju u d-detenzjonijiet arbitrarji prinċipalment fil-Baluchistan;

29. Jikkundanna l-attakki kollha fuq l-Insara u minoranzi reliġjużi oħra li jgħixu fil-Pakistan, u jistenna li l-Pakistan jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jippreserva l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, inkluż billi jrattab il-leġiżlazzjoni stretta kontra d-dagħa u jersaq lejn it-tmiem tal-piena tal-mewt;

30. Jilqa’ l-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi għall-ħolqien ta’ Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2012 u jħeġġeġ lill-Gvern iwaqqafha sabiex din tibda tiffunzjona;

31. Jinnota li l-UE hija sħab ewlieni tal-esportazzjoni tal-prodotti Pakistani (22.6 % fl- 2012); hu tal-fehma li l-appoġġ relatat mal-kummerċ min-naħa tal-UE lill-Pakistan għandu jgħin jippromwovi d-diversifikazzjoni u l-iżvilupp ta' modalitajiet ta' produzzjoni, inklużi l-ipproċessar, l-għoti ta' għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali u t-trasferimenti teknoloġiċi, jgħin jiffaċilita l-istabbiliment jew l-iżvilupp tal-kapaċità produttiva domestika u jnaqqas l-inugwaljanza fid-dħul;

32. Ifakkar li l-GSP+ tal-UE, li l-Pakistan ilu jibbenefika minnu mill-2014 'l hawn, jingħata biss lill-pajjiżi li jkunu qablu b’mod vinkolanti li jimplimentaw id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u l-konvenzjonijiet dwar l-ambjent u l-governanza tajba internazzjonali; jenfasizza partikolarment l-obbligi tal-Pakistan skont il-konvenzjonijiet imniżżla fl-Anness VIII u jfakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha li tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tagħhom; ifakkar ukoll li f’każ li pajjiż “ma jirrispettax l-impenji vinkolanti tiegħu” il-GSP+ se jiġi rtirat temporanjament;

33. Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jieħdu passi effettivi lejn l-implimentazzjoni tas-36 konvenzjoni tal-ILO li l-pajjiż irratifika biex, primarjament, jippermettu li t-trejdjunjins joperaw, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-sikurezza, itemmu t-tħaddim tat-tfal u jiġġieldu kontra l-iktar forom severi ta’ sfruttament ta' madwar tliet miljun ħaddiema domestiċi nisa;

34. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiffirma, kif kien wiegħed, il-Programm ta’ Xogħol Aħjar immexxi mill-ILO/IFC, sabiex jagħti spinta lit-titjib fl-istandards tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema; jistieden lil dawk kollha responsabbli b’mod dirett jew indirett għan-nirien li ħakmu lill-fabbrika tal-ħwejjeġ Ali Enterprises, inklużi l-kumpanija tal-awditjar għar-responsabbiltà soċjali u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej involuti, biex finalment iħallsu kumpens sħiħ, fit-tul u ġust lil dawk li ħelsuha min-nirien;

35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  http://eeas.europa.eu/pakistan/docs/2012_feb_eu_pakistan_5_year_engagement_plan_en.pdf
  • [2]  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131181.pdf
  • [3]  Testi adottati, P7_TA(2013)0060.
  • [4]  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 323.
  • [5]  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 119.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (2.12.2013)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE
(2013/2168(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jan Zahradil

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-Pakistan huwa pajjiż semiindustrijalizzat, bi dħul medju baxx b'madwar terz tal-popolazzjoni tiegħu tgħix taħt il-livell tal-faqar; billi l-Pakistan ikklassifika fil-146 post minn fost 187 pajjiż elenkati fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2012 (HDI), u li niżel mill-145 post tal-elenku 2011; billi s-sitwazzjoni ekonomika tal-Pakistan batiet minħabba diżastri naturali suċċessivi, u billi livell għoli ta’ insigurtà, instabbiltà u korruzzjoni mifruxa fil-pajjiż qed idgħajfu t-tkabbir ekonomiku tiegħu u jillimitaw l-abbiltà tal-gvern li jiżviluppa l-istat;

B.  billi l-Pakistan huwa vulnerabbli għal firxa wiesgħa ta’ perikli, speċjalment għargħar u terremoti; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà volatili, flimkien mal-isfidi soċjali tal-Pakistan, qed jaħdmu bħala katalist biex tiżdied il-vulnerabbiltà tiegħu; billi snin multipli ta’ diżastri eżawrew l-istrateġiji biex komunitajiet li huma diġà fqar ikampaw u naqqsu severament ir-reżiljenza tagħhom għal diżastri fil-futur;

C. billi l-għan tal-pjan ta’ impenn ta’ 5 snin bejn l-UE u l-Pakistan tal-2012 huwa li tinbena relazzjoni strateġika u tissawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

1.  Ifakkar li s-sjieda tal-art fewdalistika u mhux ugwali fiż-żoni rurali tal-Pakistan għadha mhux indirizzata, b’aktar minn 40 % tal-art f’idejn 2.5 % tal-popolazzjoni u bi kważi nofs il-popolazzjoni rurali li ma tipposjedi assolutament xejn; jenfasizza li n-nuqqas ta’ sjieda tal-art u n-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma għall-irrigazzjoni u faċilitajiet oħrajn ta’ produzzjoni jipperpetwaw il-faqar rurali u l-instabbiltà soċjali; jenfasizza li l-aċċess għal enerġija sigura, affordabbli, nadifa u sostenibbli, ilma tajjeb għax-xorb, servizzi sostenibbli għas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll is-sigurtà, għandhom rwol kruċjali biex titjieb il-ħajja tal-poplu tal-Pakistan u biex jiżguraw l-iżvilupp fit-tul tal-pajjiż;

2.  Jenfasizza li aġenda proattiva tad-drittijiet tal-bniedem - li tinkludi, fost l-oħrajn, miżuri biex jitwaqqfu l-attakki settarji, jiġu mħarsa d-drittijiet ta' minoranzi reliġjużi u tan-nisa, tiġi żgurata l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, jitwaqqfu l-abbużi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u jerġa’ jinkiseb il-moratorju fuq il-piena tal-mewt – hija essenzjali għall-iżvilupp tal-Pakistan;

3.  Huwa mħasseb dwar id-dħul mit-taxxa estremament baxx tal-pajjiż, li fl-2011 ammonta għal 9.1 % biss tal-PDG, u li huwa wieħed mill-iktar proporzjonijiet baxxi fid-dinja; huwa tal-fehma li hemm bżonn riforma tat-taxxa fundamentali biex tingħata spinta lill-finanzi pubbliċi, speċjalment l-infiq fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u l-benessri;

4.  Jibqa’ mħasseb sew dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u bl-istess mod dwar is-sitwazzjoni allarmanti tan-nisa f’ħafna partijiet tal-Pakistan; jitlob għal miżuri konkreti u viżibbli li jinfurzaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa fis-soċjetà, inklużi l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni kontra l-vjolenza domestika, it-teħid ta’ miżuri biex jitjiebu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ qtil għall-unur u attakki bl-aċtu, kif ukoll reviżjoni tal-leġislazzjoni li tiffaċilita l-impunità; jirrimarka dwar il-bżonn li jkun assigurat aċċess aħjar għall-edukazzjoni u integrazzjoni aħjar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, kif ukoll kura tas-saħħa materna aħjar;

5.  Jinnota li l-UE, bħala donatur ewlieni, tibqa’ impenjata biex tgħin lill-Pakistan ħalli jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ żvilupp fit-tul u jiżgura t-tkabbir ekonomiku sostnut u wiesa’; ifakkar fil-pjan ta' impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan, li jinkludi prijoritajiet bħall-governanza tajba, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-għoti tas-setgħa lin-nisa, l-enerġija, l-agrikoltura sostenibbli u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jilqa’ l-konsolidazzjoni demokratika li ġiet murija fit-tranżizzjoni paċifika ta’ poter, li qatt ma kien hemm bħalha, minn gvern elett b’mod demokratiku għal ieħor wara l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Mejju 2013, imma jqajjem tħassib dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà instabbli, ir-riskju ta’ radikaliżmu Islamiku u l-attakki terroristiċi kontinwi li jimmiraw il-Musulmani moderati kif ukoll komunitajiet ta’ minoranzi reliġjużi bħall-Ahmadis, ix-Xi'iti u l-Insara;

7.  Jistieden lill-Gvern Pakistani jissodisfa l-obbligi tas-sigurtà u r-responsabilitajiet tiegħu billi jidħol aktar fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, it-terroriżmu u r-radikaliżmu, bl-implimentazzjoni ta' miżuri tas-sigurtà u infurzar tal-liġi mingħajr kompromessi u stretti, kif ukoll billi jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza u dawk soċjoekonomiċi li jistgħu jħeġġu r-radikalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ;

8.  Itenni t-tħassib profond tiegħu li l-liġijiet Pakistani dwar il-blasfemija - li jistgħu jġorru magħhom il-piena tal-mewt u li ta’ spiss jintużaw biex jiġġustifikaw iċ-ċensura, il-kriminalizzazzjoni, il-persekuzzjoni u f’ċerti każijiet il-qtil ta’ membri ta' minoranzi politiċi u reliġjużi - huma suxxettibbli għal użu ħażin li jaffettwa l-popli tar-reliġjonijiet kollha fil-Pakistan; jenfasizza li r-rifjut li jiġu rriformati jew imħassra l-liġijiet dwar il-blasfemija joħloq ambjent ta’ vulnerabbiltà persistenti għall-komunitajiet ta’ minoranzi; jitlob lill-gvern Pakistani jimplimenta moratorju dwar l-użu ta’ dawn il-liġijiet, bħala l-ewwel pass lejn ir-reviżjoni jew ir-revoka tagħhom u jwettaq investigazzjoni u prosekuzzjoni, kif xieraq, ta’ kampanji ta’ intimidazzjoni, theddid u vjolenza kontra Insara, Ahmadis u gruppi vulnerabbli oħra.

9.  Jinnota li l-kap Pakistani tat-Taliban Hakimullah Mehsud inqatel fl-4 ta’ Novembru 2013 minn vettura tal-ajru mingħajr ekwipaġġ operata mill-Istati Uniti u li l-Parlament Pakistani u l-gvern il-ġdid opponew dawn l-interventi b’mod formali; jenfasizza li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, attakki minn vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ bħal dawn – li skont rapporti, qatlu mijiet ta’ persuni ċivili fil-Pakistan biss – iridu jiġu kkunsidrati li jiksru l-liġi internazzjonali, u għandhom jitwaqqfu, u li l-limiti għall-użu ta’ attakki minn vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ għandhom jiġu inkwadrati b’mod aktar ċar fil-liġi internazzjonali;

10. Jenfasizza li huwa essenzjali li jkun żgurat li jiżdied it-tnaqqis fir-riskju tad-diżastri u l-istat tat-tħejjija għad-diżastri u integrati fir-rispons umanitarju, u b’hekk tiżdied ir-reżiljenza tal-benefiċjarji għal diżastri fil-futur; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi approċċ u rispons koordinati ma’ mekkaniżmi umanitarji eżistenti fil-livell internazzjonali u lokali;

11. Iħeġġeġ lill-Pakistan biex ikollu rwol kostruttiv f’reġjun li qed jaffaċċja sfidi ġeopolitiċi serji; jilqa’ t-titjib fir-relazzjonijiet bejn l-Indja u l-Pakistan matul dawn l-aħħar 12-il xahar u l-ftehim dwar il-visa l-ġdid, li jirrapreżenta pass importanti lejn interazzjoni dejjem akbar bejn iż-żewġ pajjiżi u jitlob għal sforzi kontinwi miż-żewġ naħat għar-rikonċiljazzjoni;

12. Jenfasizza l-importanza reġjonali ta’ relazzjonijiet stabbli bejn il-Pakistan u l-Afganistan u jitlob lill-Pakistan biex jinnormalizza r-relazzjonijiet tiegħu mal-Afganistan; jitlob lill-Pakistan jirtira l-patrunaġġ tiegħu tat-Taliban Afgan, jieqaf jagħti kenn u sosteniment lir-ribelli Afgani u jerġa’ jistabbilixxi kontroll fir-reġjun fil-fruntiera mal-Afganistan, peress li l-interessi ta’ sigurtà nazzjonali fit-tul tiegħu huma moqdija l-aħjar minn Afganistan paċifiku, moderat u prosperuż;

13. Jinnota li l-UE hija sħab ewlieni tal-esportazzjoni tal-prodotti Pakistani (22.6 % fl- 2012); hu tal-fehma li l-appoġġ relatat mal-kummerċ min-naħa tal-UE lill-Pakistan għandu jgħin jippromwovi d-diversifikazzjoni u l-iżvilupp ta' modalitajiet ta' produzzjoni, inklużi l-ipproċessar, il-provvista ta' għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali u t-trasferimenti tekonoloġiċi, jgħin jiffaċilita l-istabbiliment jew l-iżvilupp tal-kapaċità produttiva domestika u jnaqqas l-inugwaljanza fid-dħul;

14. Jitlob lill-awtoritajiet Pakistani jieħdu passi effettivi lejn l-implimentazzjoni tas-36 konvenzjoni tal-ILO li l-pajjiż irratifika biex, primarjament, jippermettu li t-trejdjunjins joperaw, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-sigurtà, jeradikaw it-tħaddim tat-tfal u jiġġieldu kontra l-iktar forom severi ta’ sfruttament ta' xi madwar tliet miljun ħaddiema domestiċi nisa;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ricardo Cortés Lastra, Charles Goerens, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Jean Roatta, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Patrice Tirolien

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emer Costello, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Fiona Hall, Eduard Kukan, Bart Staes

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fabrizio Bertot, Tanja Fajon, Miroslav Mikolášik

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

1

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Bastiaan Belder, Hiltrud Breyer, Elmar Brok, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Richard Howitt, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Marusya Lyubcheva, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Werner Schulz, Sophocles Sophocleous, Laurence J.A.J. Stassen, Davor Ivo Stier, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Geoffrey Van Orden, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kinga Gál, Doris Pack, Sampo Terho, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivari Padar, Dubravka Šuica