RAPPORT dwar l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew
17.2.2014 - (2013/2130(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Paulo Rangel
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014[2], u tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta’ organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014[3],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u difiża[5],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7–0120/2014),
A. billi t-Trattat ta' Lisbona japprofondixxi l-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea billi jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-proċedura li twassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u għall-investitura tal-Kummissjoni Ewropea;
B. billi, skont il-proċedura l-ġdida għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea li jipprovdi għaliha t-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea b'maġġoranza tal-membri kollha tiegħu;
C. billi t-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi li l-Kunsill Ewropew għandu jqis ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u għandu jikkonsulta l-Parlament il-ġdid qabel ma jipproponi kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea;
D. billi kull wieħed mill-partiti politiċi Ewropej ewlenin jinsab fil-proċess li jinnomina l-kandidat tiegħu proprju għall-Presidenza tal-Kummissjoni;
E. billi l-President elett tal-Kummissjoni l-ġdida għandu jagħmel użu sħiħ mill-prerogattivi mogħtija lilu fit-Trattat ta’ Lisbona u jieħu l-passi kollha xierqa biex jiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-Kummissjoni li jmiss minkejja d-daqs tagħha, li, minħabba d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew, mhux se jonqos kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona;
F. billi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni lejn il-Parlament għandha tissaħħaħ permezz tal-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni kif ukoll billi tinħoloq simmetrija bejn il-maġġoranzi meħtieġa għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni u għall-mozzjoni ta’ ċensura;
G. billi r-rwol tal-Parlament bħala dak li jistabbilixxi l-aġenda f’materji leġiżlattivi jeħtieġ jissaħħaħ u billi għandu jiġi implimentat b’mod sħiħ il-prinċipju li fil-materji leġiżlattivi l-Parlament u l-Kunsill jaġixxu fuq bażi ta’ ugwaljanza, li huwa mnaqqax fit-Trattat ta’ Lisbona;
H. billi, fl-okkażjoni tal-investitura tal-Kummissjoni l-ġdida, il-ftehimiet interistituzzjonali eżistenti għandhom jiġu riveduti u mtejba;
I. billi l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (Rappreżentant Għoli) għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u tal-politika ta' sigurtà u difiża komuni, u jinfurmah bl-evoluzzjoni ta' dawn il-politiki; ir-Rappreżentant Għoli għandu jassigura li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut;
J. billi d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli dwar ir-Responsabbiltà Politika[7], li saret mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-SEAE, tiddikjara li r-Rappreżentant Għoli għandha teżamina mill-ġdid u fejn meħtieġ tipproponi li jiġu aġġustati d-dispożizzjonijiet eżistenti[8] dwar l-aċċess għall-Membri tal-Parlament Ewropew għal dokumenti u informazzjoni klassifikati fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u difiża;
K. billi l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura għan-negozjar u għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali u billi dik id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-ftehimiet relatati mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;
Leġittimità u responsabbiltà politika tal-Kummissjoni
(Investitura u tneħħija tal-Kummissjoni)
1. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu il-leġittimità demokratika, l-indipendenza u r-rwol politiku tal-Kummissjoni; jistqarr li l-proċedura l-ġdida fejn il-President tal-Kummissjoni jiġi elett mill-Parlament se ssaħħaħ il-leġittimità u r-rwol politiku tal-Kummissjoni u tagħmel l-elezzjonijiet Ewropej aktar importanti, billi torbot b’mod aktar dirett l-għażla tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni;
2. Jenfasizza li l-potenzjalitajiet għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea pprovduti mit-Trattat ta' Lisbona għandhom jiġu implimentati b'mod sħiħ, inter alia permezz tal-ħatra ta' kandidati għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni mill-partiti politiċi Ewropej, u b'hekk l-elezzjonijiet Ewropej jingħataw dimensjoni politika ġdida u jgħaqqdu aktar mill-qrib il-vot taċ-ċittadini mal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew;
3. Iħeġġeġ il-Konvenzjoni li jmiss tikkunsidra l-mod li bih tiġi ffurmata l-Kummissjoni bil-għan li ssaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Kummissjoni; Iħeġġeġ lill-President tal-Kummissjoni li jmiss jikkunsidra b'liema mod il-kompożizzjoni, il-kostruzzjoni u l-prijoritajiet ta' politiċi se jsaħħu politika ta’ qorbien lejn iċ-ċittadini;
4. Jafferma mill-ġdid li l-partiti politiċi Ewropej għandhom jaħtru l-kandidati tagħhom għal President tal-Kummissjoni kmieni biżżejjed qabel id-data skedata għall-elezzjonijiet Ewropej;
5. Jistenna li l-kandidati għal President tal-Kummissjoni jkollhom rwol sinifikanti fil-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej, billi jxerrdu u jippromwovu fl-Istati Membri kollha l-programm politiku tal-partit politiku Ewropew tagħhom;
6. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill Ewropew biex jiċċara, fi żmien xieraq u qabel l-elezzjonijiet, kif ser iqis l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jonora l-għażla taċ-ċittadini meta jressaq kandidat għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni, fil-qafas tal-konsultazzjonijiet li għandhom isiru bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew taħt id-Dikjarazzjoni 11 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona; f'dan il-kuntest, jerġa' jistieden lill-Kunsill Ewropew jiftiehem mal-Parlament Ewropew dwar l-arranġamenti għall-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(7) tat-TUE u jiggarantixxi l-funzjonament bla tfixkil tal-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, kif provdut fid-Dikjarazzjoni 11 tal-Artikolu 17(6) u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
7. Jitlob li għadd kbir kemm jista’ jkun mill-Membri tal-Kummissjoni l-ġdida jintgħażlu minn fost il-Membri eletti tal-Parlament Ewropew;
8. Jesprimi l-opinjoni li l-President elett tal-Kummissjoni għandu jaġixxi b’mod iżjed awtonomu fil-proċess tal-għażla tal-Membri l-oħra tal-Kummissjoni; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jagħmlu proposti bbilanċjati mil-lat tas-sessi rigward il-kandidati; iħeġġeġ lill-President elett tal-Kummissjoni jinsisti mal-gvernijiet tal-Istati Membri li l-kandidati għall-kariga ta' Kummissarju għandhom iħalluh ikun jista’ jibni kulleġġ tal-Kummissarji bbilinċjat mil-lat tas-sessi, u għandhom jippermettulu li jirrifjuta kwalunkwe kandidat propost li jonqos milli juri kompetenza ġenerali, impenn Ewropew u indipendenza li tmur lilhinn minn kull dubju;
9. Jesprimi l-fehma, wara l-qbil politiku li ntlaħaq fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-11 u tat-12 ta' Diċembru 2008 u wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar in-numru ta' Membri tal-Kummissjoni Ewropea, li għandhom jiġu previsti miżuri addizjonali, bħall-ħatra ta’ Kummissarji mingħajr portafoll jew l-istabbiliment ta' sistema ta' Viċi Presidenti tal-Kummissjoni li jkollhom responsabilitajiet ta’ raggruppamenti tematiċi maġġuri u li jkollhom il-kompetenzi biex jikkorrdinaw ix-xogħol tal-Kummissjoni fl-oqsma korrispondenti, għall-funzjonament aktar effettiv tal-Kummissjoni, mingħajr ħsara għad-dritt li jinħatar Kummissarju għal kull Stat Membru u għad-dritt tal-vot tal-Kummissarji;
10. Jistieden lill-Konvenzjoni li jmiss tikkunsidra mill-ġdid il-kwistjoni tad-daqs tal-Kummissjoni, kif ukoll dik tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tagħha;
11. Jikkunsidra li l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura l-istabbiltà fin-numru u fil-kontenut tal-portafolli u fl-istess waqt tiggarantixxi proċess ibbilanċjat tat-teħid ta' deċiżjonijiet;
12. Jenfasizza li, kif imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, il-kandidat għal President tal-Kummissjoni għandu jintalab jippreżenta lill-Parlament Ewropew, wara n-nomina tiegħu mill-Kunsill Ewropew, il-linji gwida politiċi għall-mandat tiegħu, segwiti minn skambju komprensiv ta’ fehmiet, qabel ma l-Parlament jeleġġi l-kandidat propost għal President tal-Kummissjoni;
13. Iħeġġeġ lill-President innominat futur tal-Kummissjoni jikkunsidra kif dovut il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li kienu saru qabel mill-Parlament abbażi ta’ rapporti magħmula fuq inizjattiva proprja jew riżoluzzjonijiet li rċevew l-appoġġ ta’ maġġoranza kbira tal-Membri tal-Parlament Ewropew u li l-Kummissjoni ta’ qabel ma kinitx segwiet b’mod sodisfaċenti sal-aħħar tal-mandat tagħha;
14. Jikkunsidra li, f’reviżjoni futura tat-Trattati, il-maġġoranza li bħalissa hija meħtieġa taħt l-Artikolu 234 tat-TFUE għal mozzjoni ta’ ċensura kontra l-Kummissjoni għandha titnaqqas sabiex tkun teħtieġ biss maġġoranza tal-Membri li jiffurmaw il-Parlament Ewropew, mingħajr ma jitpoġġa f'riskju l-funzjonament tal-istituzzjonijiet;
15. Jikkunsidra li minkejja r-reponsabbiltà kollettiva tal-kulleġġ għall-azzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissarji individwali jistgħu jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tagħhom;
Inizjattiva u attività leġiżlattivi
(Kompetenza u skrutinju parlamentari)
16. Jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona kien maħsub bħala pass 'il quddiem fl-iżgurar li l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet ikunu aktar trasparenti u demokratiċi, li jirriflettu l-impenn tat-Trattat għal unjoni eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod miftuħ kemm jista' jkun u mill-qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin, billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, u b'hekk ikun hemm proċeduri aktar demokratiċi u trasparenti għall-adozzjoni ta' atti tal-Unjoni, li huma essenzjali fid-dawl tal-impatt li dawn l-atti għandhom fuq iċ-ċittadini u n-negozji; jirrimarka, madankollu, li l-ilħiq ta' dan il-għan demokratiku jiddgħajjef jekk l-istituzzjonijiet tal-UE ma jirrispettawx il-kompetenzi ta' xulxin, il-proċeduri stabbiliti fit-Trattati u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura leġiżlattiva fir-rigward tal-iskambju ta' dokumenti, bħalma huma opinjonijiet legali, sabiex ikun jista’ jsir djalogu kostruttiv, sinċier u legalment validu bejn l-istituzzjonijiet;
18. Josserva li, mindu daħal fis-seħħ it-TFUE, il-Parlament wera li huwa koleġiżlatur impenjat u responsabbli, u li l-interazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni kienet, kumplessivament, waħda pożittiva u msejsa fuq komunikazzjoni fluwida u approċċ ta' kooperazzjoni;
19. Huwa tal-fehma li, filwaqt li l-valutazzjoni generali tar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni hija waħda pożittiva, għad hemm numru ta’ kwistjonijiet u nuqqasijiet, li jirrikjedu iżjed attenzjoni u azzjonijiet;
20. Jenfasizza li l-ispinta għall-effiċjenza m’għandhiex tfisser inqas kwalità ta’ leġiżlazzjoni jew li jiġu ċeduti l-objettivi proprji tal-Parlament; huwa tal-fehma li, flimkien mal-ispinta għall-effiċjenza, il-Parlament għandu jżomm standards leġiżlattivi xierqa u jkompli jsegwi l-objettivi tiegħu proprji, filwaqt li jiżgura li l-leġiżlazzjoni hija mfassla b'mod tajjeb, twieġeb għal ħtiġijiet identifikati b'mod ċar u hija konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà;
21. Jenfasizza li l-isfida tat-trasparenza hija preżenti dejjem u hija komuni għall-istituzzjonijiet kollha, speċjalment fil-ftehimiet fl-ewwel qari tagħhom; jinnota li l-Parlament irrisponda għal din l-isfida b'mod xieraq billi adotta l-Artikoli l-ġodda 70 u 70a tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;
22. Jinsab imħasseb dwar il-problemi li għadhom jeżistu fl-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b’mod speċjali fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (il-"Programm ta' Stokkolma") kif ukoll fl-allinjament tal-atti ta’ dak li qabel kien it-Tielet Pilastru mal-ġerarkija tan-normi tat-Trattat ta’ Lisbona u b’mod ġenerali fir-rigward tal-‘asimmetrija’ kontinwa fir-rigward tat-trasparenza tal-involviment tal-Kummissjoni fil-ħidma preparatorja taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza tal-metodi ta’ ħidma tal-Kunsill li qed jiġu adattati sabiex jagħmluha possibbli għar-rappreżentanti tal-Parlament biex jipparteċipaw f’uħud mil-laqgħat tiegħu meta dan ikun ġustifikat kif dovut taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera reċiproka bejn l-istituzzjonijiet;
23. Jindika li l-għażla ta' bażi ġuridika korretta, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hi kwistjoni ta' natura kostituzzjonali, għax tiddetermina l-eżistenza u l-livell ta' kompetenza tal-UE, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kompetenzi rispettivi tal-atturi istituzzjonali involuti fl-adozzjoni ta' att; jiddispjaċih, għaldaqstant, għall-fatt li l-Parlament kellu b'mod ripetut jagħmel kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-annullament ta' atti adottati mill-Kunsill minħabba l-għażla ta' bażi ġuridika, inkluż kontra żewġ atti li ġew adottati fl-ambitu tat-‘tielet pilastru’, li żmienu għadda, ħafna wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona[9];
24. Iwissi kontra li d-dritt ta' leġiferazzjoni tal-Parlament jiġi evitat billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet li għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-proposti għal atti tal-Kunsill, billi jintużaw sempliċi linji gwida tal-Kummissjoni jew atti ta' implimentazzjoni jew delegati mhux applikabbli jew billi tonqos milli tiġi proposta l-leġiżlazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni jew tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment internazzjonali;
25. Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu aħjar mill-fażi pre-leġiżlattiva, b’mod partikolari tal-kontribut utli miġbur abbażi tal-Green u l-White Papers, u tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew bil-ħidma preparatorja mwettqa mis-servizzi tagħha, fuq bażi ugwali mal-Kunsill;
26. Jesprimi l-fehma li l-Parlament għandu jiżviluppa aktar l-istruttura awtonoma tiegħu u jagħmel użu sħiħ tagħha għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ kwalunkwe bidliet jew modifiki sostanzjali fil-proposta oriġinali sottomessa mill-Kummissjoni;
27. Jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu wkoll isaħħaħ il-valutazzjoni awtonoma tiegħu tal-impatt li għandhom fuq id-drittijiet fundamentali l-proposti leġiżlattivi u l-emendi li jkunu qed jiġu kkunsidrati bħala parti mill-proċess leġiżlattiv u jistabbilixxi mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
28. Jiddeplora l-fatt li filwaqt li l-Kummissjoni qiegħda formalment twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha billi twieġeb fi żmien tliet xhur għat-talbiet tal-Parlament għal inizjattivi leġiżlattivi , mhux dejjem ipproponiet azzjoni ta’ segwitu reali u sostanzjali;
29. Jitlob li, fir-reviżjoni tat-Trattati li jmiss, id-dritt tal-Parlament għal inizjattiva leġiżlattiva jkun rikonoxxut bis-sħiħ billi jsir mandatarju li l-Kummissjoni twettaq segwitu tat-talbiet kollha sottomessi mill-Parlament taħt l-Artikolu 225 tat-TFUE billi tippreżenta proposta leġiżlattiva f'limitu ta' żmien xieraq;
30. Jikkunsidra li, fir-reviżjoni tat-Trattati li jmiss, is-setgħa tal-Kummissjoni li tirtira proposti leġiżlattivi għandha tkun limitata għal dawk il-każijiet fejn, wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari, il-Parlament ikun qabel li l-proposta m’għadhiex ġustifikata minħabba ċirkostanzi mibdula;
31. Jindika li l-Parlament laqa', fil-prinċipju, l-introduzzjoni ta' atti delegati fl-Artikolu 290 tat-TFUE li jipprovdu aktar lok ta' sorveljanza, iżda jenfasizza li kemm l-għoti ta' dawn is-setgħat delegati kif ukoll l-għoti tas-setgħat ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291, qatt ma huwa obbligu; jirrikonoxxi li għandu jitqies l-użu ta' atti delegati fejn ikunu meħtieġa l-flessibbiltà u l-effiċjenza u dawn ma jkunux jistgħu jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, sakemm l-objettiv, il-kontenut, il-kamp ta' applikazzjoni u d-durata ta' dik id-delega jkunu ddefiniti b'mod espliċitu u l-kundizzjonijiet li għalihom id-delega tkun soġġetta jkunu stabbiliti b'mod ċar fl-att bażiku; jesprimi tħassib dwar it-tendenza tal-Kunsill li jinsisti fuq l-użu ta' atti ta' implimentazzjoni għal dispożizzjonijiet li għalihom għandom jintużaw biss att bażiku jew atti delegati; jenfasizza li l-leġiżlatur jista' jiddeċiedi li jippermetti atti ta' implimentazzjoni li għandhom jintużaw biss għall-adozzjoni ta' elementi li ma jirriżultawx f’aktar orjentazzjoni politika; jirrikonoxxi li l-Artikolu 290 espliċitament jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti delegati għall-elementi mhumiex essenzjali ta' att leġiżlattiv u li għalhekk l-atti delegati ma jistgħux jintużaw f'relazzjoni mar-regoli li huma essenzjali għall-materja tal-leġiżlazzjoni relevanti;
32. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir distinzjoni xierqa bejn l-elementi essenzjali ta’ att leġiżlattiv, li jistgħu jkunu deċiżi biss mill-awtorità leġiżlattiva fl-att leġiżlattiv innifsu, u l-elementi mhux essenzjali, li jistgħu jkunu ssupplementati jew emendati permezz ta' atti delegati;
33. Jifhem li l-atti delegati jistgħu jkunu għodda flessibbli u effettiva; jenfasizza l-importanza tal-għażla bejn atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni mill-aspett li r-rekwiżiti tat-Trattat jiġu rrispettati filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-prerogattivi ta’ tfassil tar- regolamenti li għandu l-Parlament, u jtenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni u l-Kunsill jaqblu mal-Parlament dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għall-użu tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, sabiex l-atti ta' implimentazzjoni ma jintużawx bħala sostitut għal atti delegati;
34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b’mod adegwat tinvolvi l-Parlament fil-fażi preparatorja tal-atti delegati u tagħti lill-Membri tiegħu l-informazzjoni relevanti kollha, skont il-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;
35. Jitlob lill-Kummissjoni timxi skont il-Ftehim Qafas dwar l-aċċess għall-esperti tal-Parlament għal-laqgħat tal-esperti tal-Kummissjoni billi tipprekludi li jiġu kkunsidrati bħala kumitati ta' ‘komitoloġija’ sakemm dawn jittrattaw kwistjonijiet oħra u mhux miżuri ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament 182/2011;
36. Jenfasizza s-siwi u l-konsegwenzi partikolari tal-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-Trattat ta’ Lisbona; jirrimarka li l-Karta saret legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, u b'hekk il-valuri bażiċi ġew trasformati fi drittijiet speċifiċi;
37. Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa d-dritt il-ġdid li jvara l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI); jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli tekniċi u burokratiċi kollha li għadhom ixekklu l-użu effikaċi tal-ECI, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki tal-UE;
38. Jenfasizza r-rwol akbar mogħti lill-parlamenti nazzjonali fit-Trattat ta' Lisbona u jisħaq li, flimkien mar-rwol li għandhom li jissorveljaw ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, huma jistgħu u qegħdin jagħtu kontributi pożittivi fil-qafas tad-Djalogu Politiku; jikkunsidra li r-rwol attiv li jistgħu jiżvolġu l-parlamenti nazzjonali biex jiggwidaw lill-membri tal-Kunsill tal-Ministri, flimkien ma' kooperazzjoni tajba bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, jista’ jgħin biex jinħoloq kontrobilanċ parlamentari sod għall-eżerċizzju tas-setgħa eżekuttiva fil-funzjonament tal-UE; jirreferi wkoll għall-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2, li jistqarr li l-kamp ta' applikazzjoni wiesa' tad-delega skont l-Artikolu 290 tat-TFUE f'att propost ma jippermettix li ssir valutazzjoni ta' jekk ir-realtà leġiżlattiva konkreta tkunx konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà jew le.
Relazzjonijiet internazzjonali
(Kompetenza u skrutinju parlamentari)
39. Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona żied ir-rwol u s-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali, u jirrimarka li l-ftehimiet internazzjonali issa kulma jmur iżjed qed ikopru oqsma li jikkonċernaw il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u li tradizzjonalment, u fl-ambitu tad-dritt primarju tal-UE, jagħmlu parti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proċeduri leġiżlattivi ordinarji; jikkunsidra li hu imperattiv li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li tistipula li l-Parlament jeħtieġ li jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali tkun applikata b'mod li jkun kompatibbli mal-Artikolu 10 tat-TUE, li skontu l-funzjonament tal-Unjoni hu bbażat fuq demokrazija rappreżentattiva, li tinħtieġ it-trasparenza u dibattiti demokratiċi dwar il-kwistjonijiet li jridu jiġu deċiżi;
40. Jinnota li ċ-ċaħda tal-ftehimiet SWIFT u l-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) kienu turijiet li l-Parlament kien qed juża l-prerogattivi li kien għadu kif kiseb;
41. Jissottolinja, abbażi tal-Artikolu 18 tat-TUE, ir-responsabbiltajiet tal-RGħ/VP li tiżgura l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE; jissottolinja, barra minn hekk, li l-RGħ/VP, skont l-l-Artikoli 17 u 36 tat-TUE, għandha l-obbligu li tagħti rendikont lill-Parlament u għandha obbligi tat-trattat lejn il-Parlament;
42. Ifakkar, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ftehimiet internazzjonali, fil-prerogattiva tal-Parlament li jitlob lill-Kunsill ma jawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati qabel ma l-Parlament ikun iddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar mandat propost ta’ negozjar, u jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni lil Ftehim Qafas mal-Kunsill;
43. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Parlament jiġi infurmat minn qabel mill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha li tagħti bidu għal negozjati internazzjonali, li jkollu opportunità ġenwina li jesprimi opinjoni infurmata dwar il-mandati ta' negozjar, u li l-opinjoni tiegħu tiġi kkunsidrata; jinsisti li l-ftehimiet internazzjonali għandhom jinkludu l-kondizzjonalitajiet xierqa biex ikunu jirrispettaw l-Artikolu 21 tat-TUE;
44. Jagħti importanza kbira lill-inseriment tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali u tal-kapitoli relatati mal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, u jesprimi sodisfazzjon għall-inizjattivi tal-Parlament intiżi biex jiġu adottati pjanijiet direzzjonali rigward il-kundizzjonalitajiet fundamentali; ifakkar lill-Kummissjoni fil-bżonn li jitqiesu l-fehmiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, kif ukoll li jingħata rispons dwar il-mod li bih iddaħħlu fin-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali u fl-abbozzi ta' leġiżlazzjoni; jesprimi t-tama tiegħu li l-istrumenti meħtieġa għall-iżvilupp tal-politika ta' investiment tal-UE se jsiru operattivi meta jkun il-waqt;
45. Huwa tal-fehma, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta' reċiproċità, li l-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew bħala osservaturi fin-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali għandha tiġi kkunsidrata;
46. Jitlob bi dritt li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Parlament jinżamm informat b'mod immedjat, totali u preċiż fl-istadji kollha tal-proċeduri għall-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet konklużi fil-qasam tal-PESK, u jingħata aċċess għat-testi tan-negozjati tal-Unjoni suġġetti għal proċeduri u kundizzjonijiet xierqa, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu b’għarfien eżawrjenti dwar il-materja; jenfasizza li biex din id-dispożizzjoni tkun tagħmel sens, il-membri tal-kumitat ikkonċernati għandu jkollhom aċċess għall-mandati ta' negozjar u dokumenti relevanti oħra tan-negozjar;
47. Jirrimarka, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju li l-approvazzjoni tal-Parlament għall-ftehimiet internazzjonali ma jistax ikun kundizzjonali, li hu intitolat li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni fil-prattika tal-ftehimiet; Jitlob,għal dan il-għan, li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u kundizzjonijiet oħra tal-ftehimiet.
48. Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi evitata l-applikazzjoni proviżorji ta' ftehimiet internazzjonali qabel ma tkun ingħatat l-approvazzjoni tal-Parlament, sakemm il-Parlament ma jaqbilx li jagħmel eċċezzjoni; jenfasizza li r-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni interna ta' ftehimiet internazzjonali ma jistgħux ikunu adottati mill-Kunsill waħdu fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-ftehim u li l-proċeduri leġiżlattivi xierqa skont it-Trattati għandhom jiġu osservati bis-sħiħ;
49. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-Parlament jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali;
50. Jinsisti li l-Parlament għandu jkollu vuċi fid-deċiżjonijiet dwar is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom kienet teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament.
51. Jistieden lill-RGħ/VP ittejjeb, skont id-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika, konsultazzjoni sistematika ex-ante mal-Parlament dwar dokumenti strateġiċi, dokumenti ta' politika u mandati ġodda;
52. Jitlob, skont l-impenn meħud mill-VP/RGħ fid-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika, il-konklużjoni urġenti tan-negozjati dwar Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni;
53. Itenni t-talba tiegħu għal rappurtar politiku min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni lil detenturi ta' karigi ewlenin tal-Parlament taħt aċċess regolat;
54. Jitlob għall-adozzjoni ta' Memorandum ta' Qbil Kwadrig bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE dwar l-għoti koerenti u effikaċi ta' informazzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni;
55. Ifakkar li l-Parlament Ewropew issa huwa attur istituzzjonali sħiħ fil-qasam tal-politiki ta' sigurtà, u għalhekk huwa intitolat li jipparteċipa b'mod attiv fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi u l-prijoritajiet ta' dawk il-politiki u fil-valutazzjoni tal-istrumenti f'dan il-qasam, proċess li għandu jsir b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-Kunsill; jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jaqdi rwol kruċjali fil-valutazzjoni u d-definizzjoni tal-politiki ta' sigurtà interna, minħabba li dawn għandhom impatt profond fuq id-drittijiet fundamentali ta' dawk kollha li jgħixu fl-UE; jenfasizza, għalhekk, li fir-rigward tal-iskrutinju u s-sorveljanza demokratika jeħtieġli jiġi żgurat li politiki bħal dawn jaqgħu taħt il-mandat tal-unika istituzzjoni Ewropea li tiġi eletta direttament;
56. Jirrimarka li t-TFUE wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni, li llum tħaddan mhux biss l-aspetti kollha tal-kummerċ iżda wkoll l-investiment dirett barrani; jenfasizza l-fatt li l-Parlament issa għandu kompetenza totali li jiddeċiedi, flimkien mal-Kunsill, dwar il-leġiferazzjoni u dwar l-approvazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;
57. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni leali u effikaċi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, fi ħdan il-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, meta jkunu qed jikkunsidraw leġiżlazzjoni u ftehimiet internazzjonali bil-għan li jipprevedu t-tendenzi kummerċjali u ekonomiċi, jidentifikaw il-prijoritajiet u l-għażliet, jistabbilixxu strateġiji għal żmien medju u fit-tul, jiddeterminaw il-mandati għal ftehimiet internazzjonali, janalizzaw/jabbozzaw u jadottaw il-leġiżlazzjoni u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ u investiment, kif ukoll l-inizjattivi fit-tul fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni;
58. Jissottolinja l-importanza tat-tkomplija tal-proċess ta' żvilupp ta' kapaċitajiet effikaċi, inkluża l-allokazzjoni tar-riżorsi neċessarji f'dawk li huma finanzji u persunal, bil-għan li jiġu definiti b'mod attiv u jintlaħqu l-objettivi politiċi fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment, filwaqt li jiġu żgurati ċ-ċertezza tad-drittġuridika, l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE u r-rispett tal-prinċipji u tal-objettivi minquxa fit-Trattati;
59. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat fluss kontinwu ta' informazzjoni f’waqtha, preċiża, komprensiva u imparzjali bil-għan li titħalla ssir analiżi ta' kwalità għolja meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' dawk tal-Parlament li jfasslu l-politiki u s-sens ta' sjieda tagħhom, li jwassal għal aktar sinerġija interistituzzjonali fir-rigward tal-Politika Kummerċjali Komuni, u fl-istess ħin jiġi garantit li l-Parlament jinżamm informat b'mod totali u preċiż f'kull fażi, anki permezz tal-aċċess għat-testi tan-negozjati tal-Unjoni skont proċeduri u kundizzjonijiet xierqa, fejn il-Kummissjoni tkun proattiva u tagħmel ħilitha biex tiggarantixxi fluss ta' informazzjoni ta' dan it-tip; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li l-informazzjoni tingħata lill-Parlament bil-ħsieb li jiġi evitat li jinqalgħu sitwazzjonijiet mhux mixtieqa li jafu jwasslu potenzjalment għal nuqqas ta' ftehim bejn l-istituzzjonijiet, u jilqa' f'dan ir-rigward is-sessjonijiet informattivi tekniċi regolari organizzati mill-Kummissjoni dwar għadd ta' temi; jiddispjaċih għall-fatt li, f'għadd ta' okkażjonijiet, l-informazzjoni relevanti waslet għand il-Parlament permezz ta' kanali alternattivi u mhux mill-Kummissjoni;
60. Itenni l-bżonn li l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni tat-Trattati, tal-leġiżlazzjoni sekondarja u tal-Ftehim Qafas u l-bżonn li l-Kummissjoni taħdem b'mod indipendenti u trasparenti matul il-preparazzjoni, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni, u tqis li r-rwol tagħha huwa fundamentali matul il-proċess kollu;
Dinamika kostituzzjonali
(Relazzjonijiet interistituzzjonali u ftehimiet interistituzzjonali)
61. Jenfasizza li, taħt l-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi bil-għan li tikseb ftehimiet interistituzzjonali dwar l-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li mhux biss il-Parlament iżda anke l-Kunsill jiġi involut fi stadju iktar bikri fil-preparazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat programmar realistiku u affidabbli li jista’ jiġi implimentat b’mod effikaċi u jipprovdi l-bażi għal ippjanar interistituzzjonali; huwa tal-fehma li, sabiex tiżdied ir-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni lejn il-Parlament, jista' jiġi previst rieżami ta' nofs it-term biex jiġi vvalutat it-twettiq globali min-naħa tal-Kummissjoni tal-mandat imħabbar ;
62. Jirrimarka li l-Artikolu 17(8) tat-TUE espressament iħaddan il-prinċipju li l-Kummissjoni hi politikament responsabbli lejn il-Parlament Ewropew, li hija ħaġa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema politika tal-UE;
63. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 48(2) tat-TUE, il-Parlament għandu l-kompetenza li jagħti bidu għal tibdiliet fit-Trattati u ser juża dan id-dritt biex jippreżenta ideat ġodda għall-futur tal-Ewropa u tal-qafas istituzzjonali tal-UE;
64. Jikkunsidra li l-Ftehim Qafas konkluż bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, u l-aġġornamenti regolari tiegħu, huma essenzjali għall-għan li tissaħħ u tiġi żviluppata kooperazzjoni strutturata bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;
65. Jilqa’ l-fatt li l-Ftehim Qafas adottat fl-2010 saħħaħ konsiderevolment ir-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni vis-à-vis il-Parlament;
66. Jissottolinja l-fatt li r-regoli dwar id-djalogu u l-aċċess għall-informazzjoni jippermettu iżjed skrutinju parlamentari komprensiv tal-attivitajiet tal-Kummissjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għat-trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill min-naħa tal-Kummissjoni;
67. Jinnota li ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas attwali għad iridu jiġu implimentati u żviluppati; jissuġġerixxi li l-Parlament li se jispiċċa jadotta l-linji ġenerali ta' dan it-tijib sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati proposti xierqa mill-Parlament il-ġdid;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti b'mod kostruttiv flimkien mal-Parlament dwar il-Ftehim Qafas eżistenti u dwar l-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lin-negozjar, lill-adozzjoni u lill-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali;
69. Jesprimi l-fehma li dan il-mandat għandu jesplora bis-sħiħ il-possibbiltajiet taħt it-Trattati attwali għat-tisħiħ tar-responsabbbiltà politika tal-eżekuttiv u għas-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-kooperazzjoni leġiżlattiva u politika;
70. Ifakkar li numru ta’ kwistjonijiet, bħalma huma l-atti delegati, il-miżuri ta’ implimentazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt, it-trattament tal-inizjattivi leġiżlattivi, u l-mistoqsijiet parlamentari, jeħtieġu aġġornament fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul din il-leġiżlatura;
71. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li s-sejħiet ripetuti tiegħu biex jiġi nnegozjat mill-ġdid il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2003 sabiex jitqies l-ambjent leġiżlattiv ġdid li nħoloq bit-Trattat ta’ Lisbona, tiġi kkonsolidata l-aqwa prattika attwali u sabiex il-ftehim jiġi aġġornat skont l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, baqgħu mingħajr risposta;
72. Jistieden lill-Kunsill tal-Ministri jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-possibbiltà li jipparteċipa fi ftehim trilaterali mal-Parlament u l-Kummissjoni bil-għan li jsir iżjed progress fuq il-kwistjonijiet spjegati s’issa fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;
73. Jikkunsidra li l-kwistjonijiet konnessi purament mar-relazzjonijiet ta’ bejn il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ikomplu jkunu s-suġġett ta’ ftehim qafas bilaterali; jenfasizza li l-Parlament mhux se joqgħod għal inqas minn dak li nkiseb taħt il-Ftehim Qafas eżistenti;
74. Jikkunsidra li waħda mill-isfidi ewlenin għall-qafas kostituzzjonali tat-Trattat ta' Lisbona hija r-riskju li l-intergovernamentaliżmu jipperikola l-'metodu komunitarju', u b'hekk jiddgħajjef ir-rwol tal-Parlament u tal-Kummissjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
75. Jirrimarka li l-Artikolu 2 tat-TUE fih lista ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni; jemmen li r-rispett għal dawk il-valuri għandu jiġi żgurat kif xieraq kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri; jirrimarka li għandha tiġi stabbilita sistema leġiżlattiva u istituzzjonali tajba biex jiġu protetti l-valuri tal-Unjoni;
76. Jistieden lill-istituzzjonijet kollha tal-UE u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri biex jibnu fuq il-qafas istituzzjonali u legali l-ġdid maħluq mit-Trattat ta' Lisbona b'tali mod li jfasslu politika tad-drittijiet tal-bniedem interna komprensiva għall-Unjoni li tiżgura mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi fil-livell nazzjonali u tal-UE li bihom ikunu jistgħu jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
77. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 70, 8.3.2012, p. 98.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0462,
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0323.
- [4] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
- [5] ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1.
- [6] ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 37.
- [7] ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.
- [8] Ftehim interistituzzjonali tal-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess tal-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u d-difiża (ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1).
- [9] Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE tas-7 ta' Marzu 2013 li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE tas-7 ta' Ottubru 2013 dwar l-issuġġettar ta’ 5-(2-aminnopropil)indol għal miżuri ta’ kontroll.
NOTA SPJEGATTIVA
L-ambitu ta’ dan ir-rapport huwa li jivvaluta l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, billi janalizza b’mod partikolari l-implikazzjonijiet tal-bidliet ewlenin li introduċa fir-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea minn meta daħal fis-seħħ.
F’dan ir-rigward u meta wieħed iqis li t-Trattat ta’ Lisbona għandu l-għan jirrinforza l-kredenzjali demokratiċi tal-UE, ir-rapporteur jibda jenfasizza l-ħtieġa li l-għażla tal-votanti tkun konnessa b’mod iżjed dirett mal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni. Fil-fatt, minkejja li t-Trattat ta’ Lisbona ma qajjem l-ebda dubju dwar ir-rwol tal-Kummissjoni bħala l-‘magna’ li tmexxi ’il quddiem l-attività Ewropea, fl-aħħar erba’ snin, il-Kummissjoni, fil-prattika, tilfet xi ftit mill-influwenza politika tagħha fi ħdan l-arkitettura istituzzjonali tal-UE. Dan it-tnaqqis fis-setgħa tal-Kummissjoni huwa, fil-biċċa l-kbira tiegħu, marbut mal-kriżi ekonomika u finanzjarja li tivvantaġġja l-intervent u l-awtorità tal-Kunsill Ewropew u tiffavorixxi l-intergovernanza għad-detriment tal-metodu Komunitarju.
F’dan il-kuntest u safejn it-twessigħ tal-integrazzjoni Ewropea u s-salvagwardjar tal-metodu Komunitarju jirrikjedu Kummissjoni iżjed b’saħħitha, li jkollha rwol ewlieni fil-qafas istituzzjonali Ewropew, huwa tal-ikbar importanza li jiġu kkunsidrati s-soluzzjonijiet kollha possibbli sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika, l-influwenza politika u l-effiċjenza tagħha, sew jekk taħt it-Trattati eżistenti jew fil-kuntest ta’ reviżjoni futura ta’ tali Trattati.
Taħt it-Trattati attwali u fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014 għall-Parlament Ewropew, ir-rapporteur jappoġġja l-proposta għall-ħatra ta’ kandidati għall-Presidenza tal-Kummissjoni mill-Partiti Politiċi Ewropej. Madankollu, ir-rapporteur jikkunsidra li din il-kwistjoni tal-leġittimità tal-Kummissjoni għandha tiġi analizzata bir-reqqa f’reviżjoni futura tat-Trattati. F’dan ir-rigward u minkejja l-preferenza għal mudell parlamentari jew approċċ presidenzjali bl-elezzjoni diretta tal-President tal-Kummissjoni, ir-rapporteur jemmen li, mingħajr preġudizzju għar-rinfurzar tas-setgħat tal-iskrutinju tal-Parlament, għandha tiġi evitata parlamentarizzazzjoni eċċessiva tas-sistema u wieħed għandu jżomm f’moħħu l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat. Għal dan il-għan u sabiex jirrinforza s-setgħat ta’ skrutinju tal-Parlament, ir-rapport jipproponi t-tnaqqis tal-maġġoranza attwalment meħtieġa taħt l-Artikolu 234 TFUE għal mozzjoni ta’ ċensura kontra l-Kummissjoni, jitlob lill-kandidat għal President tal-Kummissjoni jippreżenta l-programm politiku tiegħu lill-Parlament Ewropew u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra u sabiex tiġi evitata l-parlamentarizzazzjoni eċċessiva tas-sistema, ir-rapporteur jiddefendi li, taħt il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, għandha tingħata iżjed awtonomija lill-President tal-Kummissjoni biex jagħżel il-membri tat-tim tiegħu u li m’għandux jiġi sfurzat li jitlob ir-riżenja tal-kummissarji. Għaldaqstant, ir-rapport ma jagħmel l-ebda referenza għall-vot ta’ sfiduċja kontra l-kummissarji individwali.
F’dak li jikkonċerna l-effiċjenza tal-Kummissjoni u peress li t-tnaqqis previst tad-daqs tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 17(5) TUE mhux se jseħħ iżjed fl-2014, minħabba d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Ewropew fuq talba tal-Gvern Irlandiż, ir-rapporteur jipproponi t-twaqqif ta’ sistema ta’ rotazzjoni strettament ugwali bejn Kummissarji bil-portafoll u Kummissarji mingħajr portafoll, b’mod li jirrifletti l-firxa demografika u ġeografika tal-Istati Membri kollha. Din is-sistema ttejjeb il-funzjonament tal-Kummissjoni billi tiżgura stabilità relattiva fin-numru u fil-kontenut tal-portafolli u l-iffaċilitar tal-proċeduri ta’ koordinazzjoni interna, filwaqt li fl-istess ħin tiggarantixxi li r-rappreżentazzjoni tal-ispeċifiċitajiet u l-interessi tal-Istati Membri kollha tiġi kkunsidrata fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni. Għal dak il-għan, il-kummissarji kollha għandhom jibqgħu bi status legali ugwali u d-dritt tal-Kummissarji mingħajr portafoll biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet għandu jiġi rikonoxxut b’mod sħiħ.
Barra minn hekk u meta wieħed iqis li t-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ konsiderevolment ir-rwol tal-Parlament Ewropew, billi provdieh b’setgħat ġodda importanti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-ftehimiet internazzjonali, ir-rapporteur jagħmel ukoll valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Parlament u l-Kummissjoni u l-interazzjoni tagħhom f’dawn id-dominji. F’dan ir-rigward, ir-rapporteur jasal għall-konklużjoni li, filwaqt li l-Parlament irnexxielu li s-setgħat ġodda tiegħu u r-rwol tiegħu bħala ko-leġiżlatur responsabbli jiġu rikonoxxuti u filwaqt li nkisbu progressi importanti fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Kummissjoni, għad hemm numru ta’ kwistjonijiet u nuqqasijiet, jiġifieri f’dak li għandu x’jaqsam mal-qsim tal-informazzjoni, l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt, it-trattament tal-inizjattivi leġiżlattivi u d-domandi parlamentari, li jeħtieġu iżjed attenzjoni u azzjoni mill-qrib.
Finalment u meta wieħed iqis il-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera reċiproka bejn l-istituzzjonijiet, ir-rapport jagħmel xi rakkomandazzjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u jistieden lill-Kunsill biex jipparteċipa fi ftehim trilaterali separat mal-Parlament u l-Kummissjoni bl-għan li jsir iżjed progress fuq xi kwistjonijiet tekniċi, stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, fl-arranġament bilaterali bejn il-Parlament u l-Kunsill tal-Ministri u parzjalment fil-ftehim Qafas.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (21.1.2014)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew
Rapporteur għal opinjoni: Vital Moreira
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jindika li l-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, li llum tħaddan mhux biss l-aspetti kollha tal-kummerċ iżda wkoll l-investiment dirett barrani; jenfasizza l-fatt li l-Parlament għandu issa l-kompetenza totali biex jiddeċiedi flimkien mal-Kunsill dwar il-leġiferazzjoni u dwar l-approvazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;
2. Josserva li, mid-dħul fis-seħħ tat-TFUE, il-Parlament wera li huwa koleġiżlatur impenjat u responsabbli, u li l-interazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni rriżultat, kumplessivament, pożittiva u msejsa fuq komunikazzjoni fluwida u approċċ ta' kooperazzjoni;
3. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni leali u effikaċi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, meta jikkunsidraw il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet internazzjonali, bil-għan li jipprevedu t-tendenzi kummerċjali u ekonomiċi, jidentifikaw il-prijoritajiet u l-għażliet, jistabbilixxu strateġiji f'terminu medju u twil, jiddeterminaw il-mandati għall-ftehimiet internazzjonali, janalizzaw/jabbozzaw u jadottaw il-leġiżlazzjoni u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ u investiment kif ukoll l-inizjattivi f'terminu twil fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni;
4. Jissottolinja l-importanza tat-tkomplija tal-proċess ta' żvilupp ta' kapaċitajiet effikaċi, inkluża l-allokazzjoni tar-riżorsi neċessarji f'termini finanzjarji u ta' persunal, bil-għan li jiġu definiti b'mod attiv u jintlaħqu l-objettivi politiċi fil-qasam tal-kummerċ u tal-investimenti, filwaqt li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE u r-rispett tal-prinċipji u tal-objettivi minquxa fit-Trattati;
5. Jagħti importanza kbira lill-inseriment tal-klawsoli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali u tal-kapitoli relatati mal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, u jesprimi sodisfazzjon għall-inizjattivi tal-Parlament intiżi li jadottaw il-pjanijiet direzzjonali rigward il-kundizzjonalitajiet fundamentali; ifakkar lill-Kummissjoni fil-bżonn li jitqiesu l-fehmiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, kif ukoll li jingħata riskontru dwar il-mod li bih iddaħħlu fin-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali u fl-abbozzi ta' leġiżlazzjoni; jesprimi t-tama tiegħu li l-istrumenti meħtieġa għall-iżvilupp tal-politika ta' investiment tal-UE se jsiru operattivi fi żmien debitu;
6. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat fluss kontinwu ta' informazzjoni fil-ħin, akkurata, komprensiva u imparzjali bil-għan li titħalla ssir analiżi ta' kwalità għolja meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' dawk li jfasslu l-politiki tal-Parlament u s-sens ta' sjieda tagħhom, u dan iwassal għal aktar sinerġija interistituzzjonali fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni, u fl-istess ħin jiġi garantit li l-Parlament jinżamm totalment u akkuratament informat f'kull fażi, anki permezz ta' aċċess għat-testi tan-negozjati tal-Unjoni skont proċeduri u kundizzjonijiet adegwati, b'Kummissjoni proattiva u disposta tagħmel ħilitha biex tiggarantixxi fluss ta' informazzjoni ta' dan it-tip; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li l-informazzjoni tingħata lill-Parlament bil-ħsieb li jiġi evitat li jinqalgħu sitwazzjonijiet mhux mixtieqa li jafu jwasslu potenzjalment għal nuqqas ta' qbil bejn l-istituzzjonijiet, u jilqa' pożittivament f'dan ir-rigward is-sessjonijiet informattivi tekniċi regolari organizzati mill-Kummissjoni dwar għadd ta' temi; jiddispjaċih bil-fatt li, f'għadd ta' okkażjonijiet, l-informazzjoni relevanti waslet għand il-Parlament permezz ta' kanali alternattivi aktar milli mill-Kummissjoni;
7. Itenni l-bżonn li l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni tat-Trattati, tal-leġiżlazzjoni sekondarja u tal-Ftehim Qafas[1] u l-bżonn li l-Kummissjoni taħdem b'mod indipendenti u trasparenti matul il-preparazzjoni, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni; tqis li r-rwol tagħha huwa fundamentali matul il-proċess kollu;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti b'mod kostruttiv, flimkien mal-Parlament, dwar il-Ftehim Qafas attwali u dwar l-implimentazzjoni tiegħu, u tagħti attenzjoni partikolari lin-negozjar, lill-adozzjoni u lill-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali;
9. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien mill-qrib fir-rigward tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni; jifhem kif l-atti delegati jafu jkunu strumenti flessibbli u effikaċi, iżda jisħaq fuq il-bżonn ta' rispett totali tal-prerogattivi u tar-responsabilitajiet tal-Parlament, inkluż permezz tal-ottemperanza mal-att bażiku u l-għoti ta' informazzjoni fil-ħin u kompluta lill-Parlament bil-għan li jitħalla skrutinju adegwat tal-atti delegati; jindika, f'dan il-kuntest, li l-adozzjoni tal-atti delegati mingħajr l-informazzjoni adegwata jew suġġetta għal limiti ta' żmien tista' tikkomprometti l-iskrutinju tal-Parlament; jilqa' pożittivament, min-naħa l-oħra, il-preżenza tal-Parlament fil-laqgħat tal-esperti, kif previst fil-Ftehim Qafas bil-għan li jiġi żgurat li l-abbozzi ta' atti kollha adottati mill-Kummissjoni jkunu f'forma xierqa sabiex tiġi evitata l-possibilità ta' oġġezzjonijiet tekniċi mil-leġiżlatur fir-rigward tal-kwalifika ġuridika tagħhom; jinsisti li l-użu tal-atti ta' implimentazzjoni jkun limitat għall-każijiet li jkunu ġuridikament ġustifikati, u mhumiex jirrappreżentaw alternattiva għall-atti delegati; jesprimi t-tama tiegħu li fil-futur id-dewmien għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam kummerċjali ma jkunx tant twil daqs dak fil-każ tar-reġim il-ġdid tal-atti delegati/ta' implimentazzjoni;
10. Iwissi kontra li d-dritt ta' leġiferazzjoni tal-Parlament jiġi evitat billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet li suppost ikunu suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-proposti għal atti tal-Kunsill, billi jintużaw sempliċi linji gwida tal-Kummissjoni jew atti ta' implimentazzjoni jew delegati mhux applikabbli jew billi jonqos milli tiġi proposta l-leġiżlazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni jew tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment internazzjonali;
11. Ifakkar, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ftehimiet internazzjonali, fil-prerogattiva tal-Parlament li jitlob lill-Kunsill ma jawtorizzax il-ftuħ tan-negozjati sa meta l-Parlament ikun esprima l-pożizzjoni tiegħu dwar mandat għan-negozjati propost, u jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni għal Ftehim Qafas mal-Kunsill; ifakkar lill-Kummissjoni bil-bżonn li tastjeni mill-applikazzjoni provviżorja tal-ftehimiet kummerċjali qabel ma l-Parlament ikun ta l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tagħhom, ħlief f'każijiet meta l-Parlament ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu, bil-għan li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali u tevita l-inċertezza tad-dritt; jemmen li l-Parlament għandu jadotta l-miżuri neċessarji għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali u tal-obbligi stabbiliti fihom;
12. Jemmen li, minħabba l-interess taż-żewġ naħat f'dak li jirrigwarda l-iskambju tal-informazzjoni u l-aqwa prattika dwar ftehimiet imħalltin u skrutinju tal-eżekuttiv, għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa li l-parlamenti nazzjonali u l-esperti nazzjonali jkunu involuti fil-ħidma tal-Parlament.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
21.1.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
27 0 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Jan Zahradil, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Catherine Bearder, Béla Glattfelder, Syed Kamall, Elisabeth Köstinger, Katarína Neveďalová, Tokia Saïfi, Peter Skinner, Jarosław Leszek Wałęsa |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sophie Auconie, Franco Frigo |
||||
- [1] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (23.1.2014)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew
(2013/2130(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Eva Lichtenberger
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona kien maħsub bħala pass 'il quddiem fl-iżgurar ta' proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti u demokratiċi, li jirriflettu l-impenn tat-Trattat għal unjoni eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod miftuħ kemm jista' jkun u mill-qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin, billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, u b'hekk ikun hemm proċeduri aktar demokratiċi u trasparenti għall-adozzjoni ta' atti tal-Unjoni, li huma essenzjali fid-dawl tal-impatt li dawn l-atti għandhom fuq iċ-ċittadini u n-negozji; jindika, madankollu, li l-kisba ta' dan l-għan demokratiku tiddgħajjef jekk l-istituzzjonijiet tal-UE ma jirrispettawx il-kompetenzi ta' xulxin, il-proċeduri stipulati fit-Trattati u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali;
2. Jindika li l-għażla ta' bażi ġuridika korretta, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hi kwistjoni ta' natura kostituzzjonali, għax tiddetermina l-eżistenza u l-livell ta' kompetenza tal-UE, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kompetenzi rispettivi tal-atturi istituzzjonali involuti fl-adozzjoni ta' att; jiddispjaċih, għaldaqstant, dwar il-fatt li l-Parlament kellu b'mod ripetut iressaq każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal annullament ta' atti adottati mill-Kunsill minħabba l-għażla ta' bażi ġuridika, inkluż kontra żewġ atti adottati fl-ambitu tat-'tielet pilastru' li m'għadux validu, ħafna wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona[1];
3. Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona żied ir-rwol u s-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali u jindika li llum il-ftehimiet internazzjonali kulma jmur ikopru oqsma li jikkonċernaw il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u li tradizzjonalment, u fl-ambitu tad-dritt primarju tal-UE, jagħmlu parti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proċeduri leġiżlattivi ordinarji; jikkunsidra li hu imperattiv li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li tistipula li l-Parlament jeħtieġ li jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali tkun applikata b'mod li hu kompatibbli mal-Artikolu 10 tat-TUE, li skontu l-funzjonament tal-Unjoni hu bbażat fuq demokrazija rappreżentattiva, li tinħtieġ it-trasparenza u dibattiti demokratiċi dwar il-kwistjonijiet li jridu jiġu deċiżi;
4. Jenfasizza li billi fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali, il-Parlament jista' biss jagħti jew jirrifjuta l-approvazzjoni tiegħu, għandu jingħata l-opportunità li jesprimi opinjoni infurmata dwar l-objettivi li għandhom jiġu segwiti mill-Unjoni Ewropea fin-negozjati qabel ma jitfassal il-mandat tan-negozjar; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar id-diffikultajiet li nqalgħu, pereżempju, fin-negozjati għal Trattat WIPO dwar l-eċċezzjonijiet għall-jeddijiet tal-awtur għall-benefiċċju ta’ dawk neqsin mid-dawl, u jindika li l-għoti ta' informazzjoni f'waqtha u l-kunsiderazzjoni tal-fehmiet tal-Parlament jagħmluha aktar faċli li tinkiseb l-approvazzjoni sussegwenti tal-Parlament;
5. Jinnota li meta t-Trattat ta' Lisbona stabbilixxa l-Kunsill Ewropew bħala istituzzjoni, il-kompiti tiegħu ġew definiti fl-Artikolu 15 tat-TUE li jgħid li dan għandu 'jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha', u jeskludi b'mod espliċitu l-eżerċizzju ta' funzjonijiet leġiżlattivi; jindika li l-Kunsill Ewropew intervjena fil-proċedura leġiżlattiva billi ddeċieda li jneħħi elementi speċifiċi minn testi diġà miftiehma mill-Parlament u l-Kunsill; ifakkar, f'dan ir-rigward, li t-tħassir de facto tal-Artikoli 6 sa 8 tat-test miftiehem dwar il-proposta għal regolament dwar privattiva Ewropea b'effett unitarju u jqis li intervenzjonijiet ta' dan it-tip min-naħa tal-Kunsill Ewropew huma illeġittmi[2];
6. Jindika li l-Parlament laqa', fil-prinċipju, l-introduzzjoni ta' atti delegati fl-Artikolu 290 tat-TFUE li jipprovdu aktar lok ta' sorveljanza, iżda jenfasizza li kemm l-għoti ta' dawn is-setgħat delegati, kif ukoll l-għoti tas-setgħat ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291, qatt ma huma obbligu; jirrikonoxxi li l-użu ta' atti delegati għandu jitqies meta jkun jeħtieġ flessibbiltà u effiċjenza u ma jistgħux jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, sakemm l-objettiv, il-kontenut, il-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien ta' dik id-delega jkunu speċifikati b'mod espliċitu u l-kundizzjonijiet li għalihom id-delega tkun soġġetta jkunu stabbiliti b'mod ċar fl-att bażiku; jesprimi tħassib dwar it-tendenza tal-Kunsill li jinsisti fuq l-użu ta' atti ta' implimentazzjoni għal dispożizzjonijiet li għalihom għandom jintużaw biss att bażiku jew atti delegati; jenfasizza li l-leġiżlatur jista' biss jiddeċiedi li jippermetti atti ta' implimentazzjoni li jkunu se jintużaw għall-adozzjoni ta' elementi li ma jirriżultawx għal orjentazzjoni politika oħra; jirrikonoxxi li l-Artikolu 290 jillimita l-ambitu tal-atti delegati b'mod espliċitu għal dawk l-elementi ta' att leġiżlattiv li mhumiex essenzjali u li għalhekk atti delegati ma jistgħux jintużaw f'relazzjoni mar-regoli li huma essenzjali għas-suġġett tal-leġiżlazzjoni relevanti;
7. Jenfasizza r-rwol akbar mogħti lill-parlamenti nazzjonali fit-Trattat ta' Lisbona u jisħaq li, flimkien mar-rwol li għandhom li jissorveljaw ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, huma jistgħu u qegħdin jagħtu kontributi pożittivi fil-qafas tad-Djalogu Politiku; iqis li r-rwol attiv li jistgħu jiżvolġu l-parlamenti nazzjonali biex jiggwidaw il-membri tal-Kunsill tal-Ministri u kooperazzjoni tajba bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jistgħu jgħinu biex jinħoloq kontrobilanċ parlamentari sod għall-eżerċizzju tas-setgħa eżekuttiva fil-funzjonament tal-UE; jirreferi wkoll għall-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2, li jistqarru li l-kamp ta' applikazzjoni wiesa' tad-delega skont l-Artikolu 290 tat-TFUE f'att propost ma jippermettix li ssir evalwazzjoni ta' jekk ir-realtà leġiżlattiva konkreta tkunx konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà jew le.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
21.1.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Eva Lichtenberger, Angelika Niebler, Axel Voss |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
María Irigoyen Pérez |
||||
- [1] Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE tas-7 ta' Marzu 2013 li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE tas-7 ta' Ottubru 2013 dwar l-issuġġettar ta’ 5-(2-aminnopropil)indol għal miżuri ta’ kontroll.
- [2] Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li effettivament ineħħi l-Artikoli msemmija hawn fuq mill-abbozz ta' regolament ittieħdet fid-29 ta' Ġunju 2012.
OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (31.1.2014)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew
(2013/2130(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Nuno Melo
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jirrimarka li s-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew ġew imsaħħa permezz taż-żieda fl-użu tal-proċedura ta' kodeċiżjoni sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); jenfasizza li l-atti legali li għandhom x’jaqsmu mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u fil-kooperazzjoni tal-pulizija issa huma, bħala regola ġenerali, adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jiddispjaċih li, iktar minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, qed jibqgħu jintużaw proċeduri għall-implimentazzjoni ta' dawk l-atti li kienu jagħmlu parti mit-tielet pilastru, li ħafna drabi jeskludu lill-Parlament Ewropew jew jitħalla jipprovdi biss konsultazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-programm ta' ħidma tagħha tinkludi proposti biex tallinja dawk l-atti li kienu jagħmlu parti mit-tielet pilastru mat-Trattat ta' Lisbona, jiġifieri tadattahom skont il-ġerarkija normattiva l-ġdida ta' atti bażiċi, delegati u ta' implimentazzjoni;
2. Jirrimarka li l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) fih lista tal-valuri komuni li fuqhom hija mibnija l-Unjoni; jemmen li r-rispett għal dawk il-valuri għandu jiġi żgurat kif xieraq kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri; jirrileva li għandha tiġi stabbilita sistema leġiżlattiva u istituzzjonali tajba biex jiġu protetti l-valuri tal-Unjoni;
3. Ifakkar li l-Parlament Ewropew issa huwa attur istituzzjonali sħiħ fil-qasam tal-politiki ta' sigurtà, u għalhekk huwa intitolat jipparteċipa b'mod attiv fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi u l-prijoritajiet ta' dawk il-politiki u fil-valutazzjoni tal-istrumenti f'dan il-qasam, proċess li għandu jsir b'mod konġunt bejn il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-Kunsill; jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol kruċjali fil-valutazzjoni u d-definizzjoni ta' politiki ta' sigurtà interni, minħabba li dawn għandhom impatt qawwi fuq id-drittijiet fundamentali ta' dawk kollha li jgħixu fl-UE; għalhekk, fir-rigward tal-iskrutinju u s-superviżjoni demokratika jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li politiki bħal dawn jaqgħu taħt il-mandat tal-unika istituzzjoni Ewropea li tiġi eletta direttament;
4. Jenfasizza s-siwi u l-konsegwenzi partikolari tal-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-Trattat ta’ Lisbona; jirrimarka li l-Karta saret torbot legalment lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, b'hekk il-valuri bażiċi ġew trasformati fi drittijiet konkreti;
5. Jistieden lill-istituzzjonijet kollha tal-UE u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri biex jibnu fuq il-qafas istituzzjonali u legali l-ġdid maħluq mit-Trattat ta' Lisbona b'tali mod li jfasslu politika għad-drittijiet tal-bniedem interna komprensiva għall-Unjoni li tiżgura mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa d-dritt il-ġdid li jniedi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI); jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli tekniċi u burokratiċi kollha li għadhom ixekklu l-użu effikaċi tal-ECI, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva miċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki tal-UE;
7. Jirrimarka, li skont it-Trattat, att leġiżlattiv jista' jiddelega s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti mhux leġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel distinzjoni xierqa bejn l-atti delegati u dawk ta' implimentazzjoni meta tipproponi leġiżlazzjoni, biex b'hekk tiżgura li jkun applikat it-tip xieraq ta' att; jemmen li miżuri li jimplikaw devjazzjoni temporanja urġenti mir-regoli stabbiliti mill-att bażiku għandhom jiġu adottati permezz ta' atti delegati, fejn att bażiku jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
8. Jinnota l-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-Parlament Ewropew b'mod immedjat u sħiħ matul l-istadji kollha tan-negozjati li għaddejjin għal ftehimiet internazzjonali, speċjalment meta dawn il-ftehimiet jaffettwaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE (Artikolu 218 TFUE);
9. Jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu wkoll isaħħaħ l-evalwazzjoni awtonoma tiegħu dwar l-impatt ta' proposti leġiżlattivi u emendi li qed jiġu kkunsidrati fuq id-drittijiet fundamentali bħala parti mill-proċess leġiżlattiv u jistabbilixxi mekkaniżmi għall-monitoraġġ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Ifakkar lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar l-Artikolu 17(1) TUE, li jgħid li l-Kummissjoni tibda l-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni bl-għan li jintlaħqu ftehimiet interistituzzjonali;
11. Iħeġġeġ lill-Kunsill, bl-għan li jiżgura kooperazzjoni sinċiera u miftuħa u djalogu kontinwu bejn l-istituzzjonijiet involuti fil-proċess leġiżlattiv, jikkunsidra li jagħmilha possibbli għar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew li jipparteċipaw f'xi wħud mil-laqgħat tiegħu (bħal dawk tal-gruppi ta' ħidma u tal-COREPER), kif diġà hu l-każ għar-rappreżentanti tal-Kummissjoni;
12. Jilqa' l-fatt li skont it-Trattat ta' Lisbona demokratizzazzjoni akbar hija wkoll marbuta ma' parteċipazzjoni akbar mill-parlamenti nazzjonali fil-proċedura għall-adozzjoni ta' atti leġiżlattivi, b'mod partikolari dawk relatati mal-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà;
13. Jirrimarka li l-Artikolu 17(8) TUE espressament jistabbilixxi l-prinċipju li l-Kummissjoni hi politikament responsabbli għall-Parlament Ewropew, li hu kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistemi politiċi tal-UE;
14. Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura leġiżlattiva fir-rigward tal-iskambju ta' dokumenti, bħal opinjonijiet legali, sabiex ikun hemm djalogu kostruttiv, frank u legalment validu bejn l-istituzzjonijiet.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
30.1.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Philipp Albrecht, Edit Bauer, Rita Borsellino, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Salvatore Caronna, Philip Claeys, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Cornelia Ernst, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Svetoslav Hristov Malinov, Nuno Melo, Claude Moraes, Georgios Papanikolaou, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Renate Sommer, Axel Voss, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Auke Zijlstra |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Cashman, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Mariya Gabriel, Stanimir Ilchev, Iliana Malinova Iotova, Ulrike Lunacek, Marian-Jean Marinescu, Jan Mulder, Hubert Pirker, Raül Romeva i Rueda, Carl Schlyter, Joanna Senyszyn |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Zuzana Brzobohatá, Erik Bánki, Santiago Fisas Ayxela, Jens Geier, María Irigoyen Pérez, Evelyn Regner, Bart Staes, Tadeusz Zwiefka |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
11.2.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 4 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrew Henry William Brons, Zdravka Bušić, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Sandra Petrović Jakovina, Paulo Rangel, Tadeusz Ross, Algirdas Saudargas, Indrek Tarand, Luis Yáñez-Barnuevo García |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elmar Brok, Zuzana Brzobohatá, Vital Moreira, Helmut Scholz, György Schöpflin, Rainer Wieland |
||||