RAPPORT dwar l-evalwazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt
17.2.2014 - (2014/2006(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Kinga Göncz
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-evalwazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,
– wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 70, 85, 258, 259 u 260 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 intitolata"It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – Għodda għall-promozzjoni ta' ġustizzja u tkabbir effettivi" (COM(2013)0160),
– wara li kkunsidra l-ittra tas-6 ta’ Marzu 2013 mibgħuta mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Pajjiżi l-Baxxi lill-President tal-Kummissjoni, is-Sur José Barroso, fejn jitolbu li jinħoloq mekkaniżmu li jrawwem il-konformità mal-valuri fundamentali fl-Istati Membri,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534) li jindirizza l-ħtieġa li tinħoloq żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet, ir-rapporti annwali u l-istudji tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet u r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja), b'mod partikolari r-rapport tagħha dwar l-Istat tad-Dritt (CDL-AD(2011)003rev), ir-rapport tagħha dwar l-Indipendenza tas-Sistema Ġudizzjarja – Taqsima I: L-Indipendenza tal-Imħallfin (CDL-AD (2010) 004), u r-rapport tagħha dwar l-Istandards Ewropej f'dak li għandu x'jaqsam mal-Indipendenza tas-Sistema Ġudizzjarja - Taqsima II: Is-Servizz ta' Prosekuzzjoni (CDL-AD (2010)040),
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Istatut Rivedut tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2013 bit-titolu “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014” (COM(2013)0800),
– wara li kkunsidra l-attivitajiet u r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropej għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ), b'mod partikolari l-aktar rapport ta' evalwazzjoni reċenti dwar is-sistemi ġudizzjarji Ewropej (2012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni, l-istandards u l-pratttiki tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet kollha relevanti mal-qasam tal-istat tad-dritt u l-ġustizzja, inklużi dawk dwar il-korruzzjoni u l-mandat ta' arrest Ewropew[1]
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0122/2014),
A. billi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali l-evalwazzjoni ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka, u billi l-fiduċja reċiproka hija fundamentali biex ikun hemm implimentazzjoni effiċjenti tal-għodod ta' rikonoxximent reċiproku; billi, skont il-Programm ta' Stokkolma, l-evalwazzjoni hija elenkata bħala waħda mill-għodod ewlenin għall-integrazzjoni fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;
B. billi t-Trattati jipprovdu s-sies meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-politiki fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, kif ukoll ir-rispett għall-valuri fundamentali tal-Unjoni, inkluż l-istat tad-dritt; billi l-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji huma wkoll prijoritajiet imsemmija fil-qafas tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali l-ġdid tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;
C. billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja bħalissa qed tiġi trattata fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u għaldaqstant hemm enfasi żżejjed fuq il-valur ekonomiku tal-ġustizzja; billi l-ġustizzja hija valur fiha nnifisha u għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd irrispettivament mill-interessi ekonomiċi;
D. billi hemm il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u fehim komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tad-dritt kriminali;
E. billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja għas-sena 2013 għandha x'taqsam b'mod esklużiv mal-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva, iżda li għandha wkoll tinkludi l-ġustizzja kriminali, peress li l-funzjonament u l-integrità tal-ġustizzja kriminali għandhom ukoll riperkussjonijiet importanti fuq id-drittijiet fundamentali u barra minn hekk għandhom rabta qawwija mal-istat tad-dritt;
F. billi r-rapport annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena 2012, fil-kapitolu dwar 'l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti’, esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, u b'mod partikolari l-indipendenza ġudizzjarja, f'ċerti Stati Membri u, f'dan ir-rigward, dwar id-dritt fundamentali tal-aċċess għall-ġustizzja, li ntlaqat b'mod serju mill-kriżi finanzjarja;
G. billi t-tul eċċessiv ta' żmien li jikkaratterizza l-proċeduri ġudizzjarji jibqa' r-raġuni ewlenija li għaliha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkundanna lill-Istati Membri tal-UE;
H. billi, mindu nħolqot fl-2002, il-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) żviluppat speċjalizzazzjoni diretta ta' sistemi ġudizzjarji nazzjonali differenti u pprovdiet bażi ta' għarfien bla preċedent b'valur miżjud reali, u għenet lill-Istati Membri jtejbu l-evalwazzjoni u l-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom; billi l-iskema ta' evalwazzjoni tagħha, li issa tinsab fil-ħames ċiklu, tkopri l-oqsma kollha tal-ġustizzja u tinkludi kategoriji differenti għall-analiżi, bħad-dejta demografika u ekonomika, proċess ġust, aċċess għall-ġustizzja, il-karrieri tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-avukati, eċċ.;
I. billi l-Kummissjoni ta' Venezja, fl-aktar rapport reċenti tagħha dwar l-istat tad-dritt, għamlet lista ta' sitt elementi li fuqhom kien hemm kunsens u li jirrappreżentaw il-pilastri fundamentali tal-istat tad-dritt: il-legalità, inkluż proċess trasparenti, responsabbli u demokratiku li jippromulga l-liġi; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà; l-aċċess għall-ġustizzja quddiem qrati indipendenti u imparzjali, inkluż l-istħarriġ ġudizzjarju ta' atti amministrattivi; ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; u n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza quddiem il-liġi;
J. billi l-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE għandha tkun imsejsa fuq kooperazzjoni u interazzjoni mill-qrib, u għandha tibni fuq l-aqwa prattiki u l-ispeċjalizzazzjoni ta' korpi internazzjonali oħra, inklużi l-korpi speċjalizzati tal-Kunsill tal-Ewropa sabiex tevita li attività tirkeb fuq oħra jew li jkun hemm attività identika għal oħra u tiżgura li jkun hemm użu effiċjenti tar-riżorsi;
K. billi l-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'oqsma ta' interess komuni, b'mod partikolari l-promozzjoni u l-ħarsien tad-demokrazija pluralista, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; biex jagħmlu użu mill-korpi speċjalizzati bħall-Kummissjoni ta' Venezja; u biex jiżviluppaw forom xierqa ta' kooperazzjoni bi tweġiba għall-isfidi l-ġodda;
L. billi l-Parlament talab ripetutament biex jissaħħu l-mekkaniżmi eżistenti sabiex jiġi żgurat li l-valuri tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE jiġu rispettati, prottetti u promossi, u sabiex is-sitwazzjonijiet ta' kriżi fl-Unjoni u l-Istati Membri jiġu indirizzati b'mod rapidu u effiċjenti; billi bħalissa għaddej dibattitu fi ħdan il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' 'mekkaniżmu ġdid';
M. billi l-indipendenza tal-ġudikatura kif ukoll dik tal-imħallfin u l-prosekuturi fl-Istati Membri għandha tiġi protetta minn kwalunkwe intereferenza politika;
N. billi kwalunkwe deċiżjoni f'dan ir-rigward għandha tiggarantixxi, mill-aktar fis possibbli, l-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 2 tat-TUE u tiżgura li d-deċiżjonijiet kollha meħuda jkunu bbażati fuq kriterji u evalwazzjoni oġġettivi, sabiex jingħelbu l-kritiki tal-istandards doppji, tad-differenzi fit-trattament u ta' parzjalità politika;
O. billi l-applikazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, inkluż, f'dan ir-rigward, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-iżvilupp ta' settur tal-ġustizzja kriminali, jiddependu mill-funzjonament effikaċi tas-sistemi nazzjonali ta' ġustizzja kriminali;
P. billi hemm il-ħtieġa ta' amministrazzjoni tal-ġustizzja koerenti u komprensiva minħabba l-fatt li d-differenzi bejn is-sistemi tad-dritt kriminali tal-Istati Membri m'għandhomx jiġu sfruttati mill-kriminali li jaqsmu l-fruntieri;
L-iżvilupp ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja fi kwistjonijiet marbuta mad-dritt kriminali
1. Jilqa' t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja mfassla mill-Kummissjoni; jiddispjaċih, madankollu, li tiffoka biss fuq il-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva;
2. Jisħaq fuq il-fatt li l-ħolqien ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja fi kwistjonijiet kriminali se jservi ta' kontribut fundamentali għall-ħolqien ta' fehim komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali fost l-imħallfin u l-prosekuturi, u għaldaqstant isaħħaħ il-fiduċja reċiproka;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tespandi b'mod gradwali l-kamp ta' applikazzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni, sabiex din issir tabella ta' valutazzjoni tal-ġustizzja separata u komprensiva li tivvaluta, permezz tal-użu ta' indikaturi oġġettivi, l-oqsma kollha tal-ġustizzja u l-kwistjonijiet orizzontali kollha marbuta mal-ġustizzja, bħall-indipendenza, l-effiċjenza u l-integrità tal-ġudikatura, il-karriera tal-imħallfin u r-rispett għad-drittijiet proċedurali; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi l-atturi kollha relevanti u tibni fuq l-esperjenza u t-tagħlim li kisbu, kif ukoll il-ħidma li diġà twettqet mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-valutazzjoni tal-istat tad-dritt u s-sistemi tal-ġustizzja, u mill-Agenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali;
Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jiġu involuti fil-proċess kif stabbilit fit-Trattati u li r-riżultati tal-evalwazzjonijiet jiġu ppreżentati lihom b'mod regolari;
Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri
5. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' dejta disponibbli dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u għaldaqstant isejjaħ lill-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa u jiġbru u jipprovdu fuq bażi regolari dejta imparzjali, affidabbli, oġġettiva u komparabbli dwar is-sistema tal-ġustizzja tagħhom;
L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali
6. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza t-talba mtennija tal-Parlament u tipproponi:
- mekkaniżmu effikaċi għal valutazzjoni regolari tal-konformità ta' Stat Membru mal-valuri fundamentali tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, biex b'hekk tipprovdi bażi għal għodda ta' twissija bikrija; kif ukoll
- mekkaniżmu għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi li jinkludi mezzi xierqa ta' intervent, proċeduri ta' ksur aktar effettivi u l-possibilità ta' sanzjonijiet f'każ li jkun hemm ksur sistematiku tal-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u f'każ li l-kontrolli u l-bilanċji xierqa jonqsu milli jaħdmu fi Stat Membru;
7. Itenni li kwalunkwe mekkaniżmu bħal dan għandu jiġi applikat għall-Istati Membri kollha fuq bażi trasparenti, uniformi u ugwali, u li għandu jimmira biex il-ħidma tiegħu tkun komplementari ma' dik ta' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Kunsill tal-Ewropa u, b'mod partikolari, il-Kummissjoni ta' Venezja li waqqaf huwa stess; jitlob li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali jkollha rwol f'din il-valutazzjoni;
8. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni ta' Venezja, jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill tal-Ewropa jiżviluppaw mekkaniżmu xieraq għall-preżentazzjoni ta' talbiet ta' opinjoni dwar suġġetti li huma ta' tħassib partikolari għall-Kummissjoni ta' Venezja u jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-Parlament bħala osservatur fil-ħidma tal-Kummissjoni ta' Venezja;
9. Iqis li hu neċessarju li tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni bejn il-kumitati kompetenti tal-Parlament u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f'konformità mal-Artikolu 199, b'mod partikolari f'sura ta' laqgħat regolari u ad hoc, kif ukoll billi jintgħażlu l-punti fokali miż-żewġ naħat; iressaq stedina permanenti lir-rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ewropa (kumitati kompetenti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni ta' Venezja, is-CEPEJ, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem) biex jattendu għal-laqgħat relevanti tal-kumitati tal-PE;
10. Jitlob li jsir aġġornament tal-Ftehim tal-2007 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewroprew sabiex jitqiesu bl-aqwa mod l-iżviluppi li saru minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona; jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti, abbażi tal-Artikolu 199 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, tistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tagħti bidu għad-diskussjonijiet bl-għan li f'dan il-qafas ġenerali jiġu inklużi miżuri ta' kooperazzjoni prattiċi bejn il-korpi rispettivi;
11. Josserva li l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea għandu jkun soġġett ukoll għal evalwazzjonijiet regolari;
12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex iwettqu r-responsabilitajiet tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet fundamentali, kif minqux fil-Karta u l-artikoli relevanti tat-Trattati, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE; jemmen li dan huwa essenzjali jekk l-UE trid tindirizza b'mod effettiv sitwazzjonijiet li fihom il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma mxekkla mill-Istati Membri;
13. Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tressaq lil Stat Membru li jonqos milli jissodisfa l-obbligi stabbiliti fit-Trattati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Eworpea;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati P7_TA(2012)0500, P7_TA(2013)0315, P7_TA(2011)0388 u P7_TA(2013)0444; A7-0051/2014 u A7-0039/2014.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (11.2.2014)
għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar l-evalwazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt
(2014/2006(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Tadeusz Zwiefka
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 70 u l-Artikoli 82 sa 84 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bit-titolu "It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – Għodda għall-promozzjoni ta' ġustizzja u tkabbir effettivi" (COM(2013)0160),
– wara li kkunsidra l-attivitajiet, ir-rapporti annwali u l-istudji tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – il-ġustizzja ċivili u amministrattiva fl-Istati Membri[1]
A. billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja għall-2013 tiffoka esklużivament fuq il-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva, li huma ta' importanza għas-Semestru Ewropew fir-rigward tal-għoti ta' spinta lill-kompetittività u t-tkabbir, u ma tkoprix il-ġustizzja kriminali, li aktar għandha dimensjoni nazzjonali;
B. billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja bħalissa qed tiġi trattata fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; billi l-ġustizzja hija valur fiha nnifisha u għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd;
C. billi kwalunkwe evalwazzjoni tal-ġustizzja kriminali għandha tqis il-prerogattivi tal-Istati Membri u l-liġi nazzjonali f'dan il-qasam, u tibqa' fil-limiti tar-responsabilità tal-Unjoni għall-koordinazzjoni biss; billi kwalunkwe ġudizzju ta' valur rigward sistemi nazzjonali ta' ġustizzja kriminali għandu jiġi evitat;
D. billi l-indipendenza tal-ġudikatura u tas-sistema tal-ġustizzja għandhom jiġu rispettati, u l-fergħat leġiżlattivi u eżekuttivi tal-gvern għaldaqstant għandhom jaġixxu bl-akbar attenzjoni huma u jivvalutaw il-prestazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva, kif ukoll il-ġustizzja kriminali;
E. billi, fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità, l-Artikolu 84 TFUE jeskludi l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri; billi jistieden ukoll lill-UE tippromwovi u tappoġġa l-azzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri f'dan il-qasam;
F. billi l-prinċipju tal-istat tad-dritt m'għandux jiġi limitat għal kwistjoni ta' effiċjenza ġudizzjarja fil-qasam tad-dritt kriminali;
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jirrispettaw bis-sħiħ il-limiti b'rabta mal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali;
2. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kwalunkwe estensjoni futura tal-kamp ta' applikazzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja għandha titwettaq f'konformità mat-Trattati u b'konsultazzjoni mal-Istati Membri;
3. Jenfasizza li l-iskop reali tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja huwa li jsir il-ġbir u tqabbil tad-dejta statistika bl-għan li tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom; jenfasizza, għaldaqstant, li t-tqabbil tad-dejta fil-qasam tal-ġustizzja kriminali huwa operazzjoni kumplessa fid-dawl tad-differenzi konsiderevoli bejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, u li l-ġustizzja kriminali mhux dejjem tista' tiġi vvalutata permezz ta' paramentri li jistgħu jiġu kwantifikati statistikament;
4. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tal-Kunsill tal-Ewropa fit-tqabbil tad-dejta u fil-promozzjoni tal-aqwa prattika fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt, u jemmen li għandu jiġi evitat xogħol identiku għal ieħor; f'dan ir-rigward, jinnota wkoll il-ħidma tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali f'dan il-qasam;
5. Ifakkar li l-korp ewlieni fuq livell Ewropew responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet b'rabta mad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, inkluż il-qasam tal-ġustizzja kriminali, huwa l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li diġà tipprovdi qafas għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi;
6. Jemmen li l-istat tad-dritt huwa kunċett wiesa' li jirrikjedi li l-azzjonijiet tal-korpi pubbliċi jikkonformaw mal-qafas legali stabbilit mill-kostituzzjonijiet, liġijiet u regolamenti nazzjonali mnisslin minnhom, u m'għandux jiġi limitat għal kwistjoni marbuta mad-dritt kriminali; huwa tal-fehma li l-valutazzjoni tas-sistemi ta' ġustizzja kriminali waħidha ma tippermettix li jissieltu konklużjonijiet li japplikaw għall-każijiet kollha fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tal-istat tad-dritt; jenfasizza, għaldaqstant, li kwalunkwe evalwazzjoni tal-ġustizzja m'għandhiex tintrabat mal-ħolqien possibbli ta' mekkaniżmu ġdid tal-istat tad-dritt.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
11.2.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
16 6 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Eva Lichtenberger, Angelika Niebler, József Szájer, Axel Voss |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sylvie Guillaume, Jan Mulder, Jaroslav Paška |
||||
- [1] Testi adottati, P7–TA(XXXX)XXXX
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
12.2.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 16 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Philipp Albrecht, Roberta Angelilli, Rita Borsellino, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Philip Claeys, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Monika Flašíková Beňová, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Louis Michel, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Axel Voss, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Anna Maria Corazza Bildt, Monika Hohlmeier, Stanimir Ilchev, Iliana Malinova Iotova, Jean Lambert, Marian-Jean Marinescu, Jan Mulder, Siiri Oviir, Salvador Sedó i Alabart |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Phil Bennion, Françoise Castex, Jürgen Creutzmann, Knut Fleckenstein, Anne E. Jensen, Evelyn Regner, Gabriele Zimmer |
||||