RAPPORT dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2013
19.2.2014
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Jarosław Leszek Wałęsa
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-sinifikat tad-dritt ta' petizzjoni u l-importanza li l-korpi parlamentari jkunu immedjatament konxji mit-tħassib speċifiku u mill-fehmiet taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, kif previst fl-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u partikolarmentl-Artikolu 44 tagħha dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-proċedura ta’ ksur, partikolarmentl-Artikoli 258 u 260,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 202(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7‑0131/2014),
A. b'kont meħud li l-petizzjonijiet riċevuti fis-sena 2013, li kienet “is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini”, kienu jammonatw għal 2 885, li jirrappreżentaw żieda ta' kważi 45 % fuq is-sena 2012; u jinnota li kważi 10 000 petizzjoni ġew reġistrati s’issa fil-leġiżlatura attwali;
B. billi għalkemm tali ċifra tibqa’ modesta meta mqabbla mal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija madankollu indikattiva taż-żieda notevoli fis-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini individwali, il-komunitajiet lokali, l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet volontarji u n-negozji privati dwar id-dritt ta’ petizzjoni u l-istennijiet leġittimi dwar l-utilità tal-proċess ta’ petizzjonijiet bħala mezz biex tinġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri għat-tħassib tagħhom;
C. billi ċ-ċittadini Ewropej huma direttament rappreżentati mill-unika istituzzjoni tal-UE eletta minnhom – il-Parlament Ewropew; b'kont meħud li d-dritt ta' petizzjoni joffrilhom iċ-ċans li jindirizzaw, direttament, lir-rappreżentanti tagħhom;D. b'kont meħud li d-dritt ta' petizzjoni jtejjeb ir-rispons tal-Parlament Ewropew fir-rigward taċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni, fl-istess waqt jipprovdi lin-nies b’mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti għall-ksib, meta leġittimu u ġustifikat, ta’ rimedju mhux ġudizzjarju għall-ilmenti tagħhom, notevolment fir-rigward ta' problemi dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea; billi l-petizzjonijiet jipprovdu feedback importanti lil-leġiżlaturi u lill-korpi eżekuttivi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;
E. billi għandu jiġi evitat iktar telf irreparabbli tal-bijodiversità, speċjalment fis-siti nominati Natura 2000; billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiżguraw il-protezzjoni ta’ żoni ta’ konservazzjoni speċjali skont id-Direttiva tal-Ħabitats (92/43/KEE) u d-Direttiva dwar l-Għasafar (79/409/KEE); billi, minkejja li l-Kummissjoni tista’ tikkontrolla bis-sħiħ il-konformità mad-dritt tal-UE biss meta tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa importanti – partikolarment, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali – li jkun vverifikat fi stadju bikri li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali japplikaw b’mod korrett ir-rekwiżiti proċedurali rilevanti kollha taħt id-dritt tal-UE, inkluż l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-prekawzjoni;
F. billi jeħtieġ li tikber il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, bl-għan li tissaħħaħ il-leġittimità u r-responsabbiltà tagħha; billi l-proċess ta’ petizzjonijiet jikkostitwixxi wkoll mezz li jistabbilixxi verifika fattwali fir-rigward tat-tensjonijiet li jeżistu fi ħdan is-soċjetajiet Ewropej, partikolarmentwaqt żminijiet ta’ kriżi ekonomika u tqanqil soċjali, bħal kif irriżulta mill-impatt tal-waqgħa tas-swieq finanzjarji u s-sistemi bankarji dinjin fuq il-popli tal-Ewropa; ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza seduta pubblika bl-involviment tal-petizzjonanti dwar dan is-suġġett f’Settembru 2013; billi ħafna petizzjonijiet dwar prattiċi ħżiena u abbużi finanzjarji relatati mad-drittijiet tal-konsumaturi fis-settur bankarju ġibdu l-attenzjoni tal-kumitat, u partikolarment il-konsegwenzi drammatiċi tal-evizzjonijiet mid-dar għal familji sħaħ b’riżultat ta’ klawżoli abbużivi fl-ipoteki;
G. billi dawn il-petizzjonijiet hekk kif indirizzati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet spiss ipprovdew input siewi lil kumitati oħra tal-Parlament Ewropew li huma responsabbli għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni li tkun imfassla biex tistabbilixxi bażi soċjoekonomika u ambjentali aktar sigura, soda, ġusta u prosperuża għall-futur taċ-ċittadini u r-residenti kollha Ewropej;
H. billi kull petizzjoni hija valutata u trattata bil-mertu tagħha, anke meta tkun indirizzata minn ċittadin jew resident Ewropew wieħed, u kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi tweġiba fil-lingwa tiegħu, jew fil-lingwa li uża biex issottometta l-petizzjoni, sakemm din tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni;
I. b'kont meħud li, skont it-tip u l-kumplessità tal-petizzjoni riċevuta, iż-żmien tal-ipproċessar u tat-tweġiba għaliha jvarja, imma li għandu jsir kull sforz sabiex tingħata tweġiba xierqa għat-tħassib tal-petizzjonanti f'limitu ta'żmien raġonevoli, mhux biss f’termini ta’ proċedura imma anke ta’ sustanza;
J. billi dawk il-petizzjonanti li jkollhom il-petizzjonijiet tagħhom diskussi sussegwentement waqt il-laqgħat regolari tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-proċess, u għandhom id-dritt li jressqu l-petizzjoni tagħhom flimkien ma’ aktar informazzjoni dettaljata u b'hekk jikkontribwixxu b’mod attiv għax-xogħol tal-kumitat, bl-għoti ta' informazzjoni addizzjonali u diretta lill-membri tal-Kumitat u lill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jistgħu jkunu preżenti; u billi fl-2013 attendew 185 petizzjonant u kienu involuti b’mod attiv fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat;
K. b'kont meħud li l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati kompletament fuq l-input u l-kontribuzzjonijiet riċevuti mingħand il-petizzjonanti, flimkien mar-riżultati tal-investigazzjonijiet proprji, u f’kull każ kif supplementati fejn meħtieġ b’kompetenza esperta addizzjonali mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri jew minn entitajiet oħra; u billi l-aġendi tiegħu huma pprijoritizzati u organizzati abbażi tad-deċiżjonijiet meħuda b’mod demokratiku mill-membri tiegħu;
L. b'kont meħud li l-kriterji stabbiliti għall-ammissibiltà tal-petizzjonijiet, skont it-termini tat-Trattat u r-regoli tal-Parlament, jindikaw li petizzjoni għandha tikkonċerna kwistjoni li taqa’ taħt l-oqsma tal-attività tal-Unjoni u li taffettwa l-petizzjonant b’mod dirett; u billi b’riżultat ta’ dan, numru ta’ petizzjonijiet riċevuti jiġu dikjarati inammissibbli minħabba li ma jikkorrispondux għal dawn il-kriterji;
M. billi l-jedd ta' petizzjoni huwa għodda ewlenija għall-parteċipazzjoni u l-kontroll demokratiku miċ-ċittadini, u l-implimentazzjoni xierqa tiegħu għandha tiġi żgurata mill-bidu sal-aħħar tal-proċess; billi dan id-dritt għandu jibqa’ ggarantit bis-sħiħ, indipendentement mill-interessi governattivi; billi dan il-prinċipju għandu jkun promoss b'mod eżemplari fil-livell tal-UE fl-immaniġġjar tal-petizzjonijiet fi ħdan il-Parlament u mill-Kummissjoni;
N. billi l-kriterji msemmija hawn fuq ġew ittestjati quddiem il-qrati u billi d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, pereżempju fil-Kawża T-308/07, ikkonfermaw il-kriterji relatati mad-dritt ta' petizzjoni u l-fatt li dikjarazzjonijiet rigward petizzjonijiet inammissibbli għandhom ikunu sustanzjati u ġustifikati mill-Kumitat fil-korrispondenza sussegwenti tiegħu mal-petizzjonant; u billi pereżempju fil-Kawżi T-280/09 u T-160/10, fir-rigward ta’ petizzjonijiet li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala impreċiżi wisq fil-kontenut tagħhom;
O. billi flimkien ma’ petizzjonijiet riċevuti relatati mal-impatt tal-kriżi fuq iċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, kwistjonijiet ewlenin oħra ta’ tħassib għall-petizzjonanti huma dawk relatati mal-liġi ambjentali - partikolarment kwistjonijiet li jikkonċernaw l-immaniġġjar tal-iskart, id-drittijiet fundamentali - partikolarment kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tan-nies b’diżabilità u oħrajn relatati mas-saħħa, id-dritt ta’ proprjetà personali u immobbli, kwistjonijiet li jikkonċernaw il-moviment ħieles ta’ persuni, forom differenti ta’ diskriminazzjoni u partikolarment għal raġunijiet etniċi, kulturali jew ta’ lingwa, viżi, immigrazzjoni u impjiegi, u petizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-ġustizzja, il-korruzzjoni allegata, id-dewmien fil-proċessi legali u bosta oqsma oħra ta’ attività;
P. b'kont meħud li billi ħafna petizzjonanti, speċjalment fost is-setturi żgħażagħ tal-popolazzjoni, jagħmlu użu kbir mill-midja soċjali bħala mezz ta' komunikazzjoni, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet żviluppa n-netwerk tiegħu stess taħt l-awspiċi tal-Parlament Ewropew u qed jiġi segwit b’mod regolari minn numru dejjem akbar ta’ persuni fuq midja soċjali prinċipali, li huma attivi b’mod speċjali u utli waqt il-ħinijiet tal-laqgħat tal-Kumitat; u billi żviluppa wkoll il-bullettin tal-Kumitat, Péti Journal, li għandu numru sinifikanti ta’ abbonati regolari, attwalment 1 500;
Q. billi, f’dan l-istess kuntest, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien qiegħed jaħdem flimkien mas-servizzi rilevanti fi ħdan il-Parlament Ewropew biex jiżviluppa portal tal-web multilingwali ġdid li jissostitwixxi l-faċilità elettronika, ferm aktar limitata ta’ qabel, għas-sottomissjoni ta' petizzjoni fuq il-websajt tal-Europarl; billi l-portal il-ġdid huwa mfassal sabiex iżid l-effiċjenza amministrattiva filwaqt li jtejjeb it-trasparenza u l-interattività tal-proċess għall-petizzjonijiet għall-benefiċċju tal-petizzjonanti u tal-membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-pubbliku ġenerali; u billi t-tnedija tiegħu f’dan il-mandat leġiżlattiv żgur li tirrappreżenta kontribuzzjoni notevoli għat-trawwim taċ-ċittadinanza Ewropea, bi qbil mal-objettivi istituzzjonali tal-2013 bħala “s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini”;
R. ifakkar, f’dan il-kuntest, il-pożizzjoni li kkonferma abbażi tar-Rapport Annwali 2012 li ddeċieda li jkabbar l-effikaċja, it-trasparenza u l-imparzjalità tal-proċedura tal-petizzjoni, filwaqt li jippreserva d-drittijiet parteċipatorjii tal-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex il-ġestjoni tal-petizzjonijiet tissodisfa l-iskrutinju ġudizzjarju, anke f'livell proċedurali;
S. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għad għandu interess attiv fil-mod li bih ir-Regolament li jikkonċerna l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej qed jiġi applikat u huwa konxju tad-dgħufijiet u n-natura pjuttost burokratika tal-qafas legali eżistenti li ma jirriflettix bis-sħiħ l-ispirtu tad-dispożizzjoni tat-Trattat, dan minkejja l-isforzi tal-Kumitati AFCO u PETI fit-tfassil tiegħu; u billi, skont it-termini tal-klawżola ta’ reviżjoni, il-Parlament għandu jipparteċipa fid-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tar-Regolament wara tliet snin mit-tħaddim tiegħu;
T. billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ICI rigward l-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika fil-bini tal-Parlament Ewropew għal Inizjattiva ta’ suċċess se jiġu implimentati dalwaqt, bl-involviment tal-kumitat ewlieni b’kompetenza leġiżlattiva dwar is-suġġett tal-Inizjattiva, flimkien mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, skont it-termini tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mill-Bureau;
U. b'kont meħud tar-rwol siewi ta’ żjarat għal ġbir ta’ informazzjoni dwar il-petizzjonijiet li jkunu qed jiġu investigati, li l-Kumitat jorganizza b’mod regolari dwar kwistjonijiet li jkunu ngħataw prijorità speċifika, u l-bżonn li r-rapporti dwar dawn iż-żjarat jkunu tal-ogħla livell ta’ kwalità u kredibilità u li għandhom jitfasslu f’kooperazzjoni leali li twassal għal kunsens mixtieq fost il-parteċipanti; ifakkar fiż-żjarat li saru fl-2013 fi Spanja (darbtejn), fil-Polonja, fid-Danimarka, u fil-Greċja; billi aktar flessibilità fl-arranġamenti prattiċi ta’ dawn il-missjonijiet, partikolarmentfil-ġimgħat eliġibbli, għandha tikkontribwixxi għal suċċess anke akbar ta’ dawn iż-żjarat, partikolarment fir-rigward tad-disponibilità tal-membri u t-tnaqqis tar-riskju li jitħassru;
V. b'kont meħud tar-responsabbiltajiet tal-Kumitat fir-rigward tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, li hu responsabbli mill-investigazzjoni ta' lmenti minn ċittadini tal-UE dwar il-possibilità ta' amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, u li dwarhom joħroġ ukoll ir-Rapport Annwali, ibbażat fuq ir-Rapport Annwali proprju tal-Ombudsman Ewropew; u jfakkar li fl-2013 il-Kumitat kien involut b’mod attiv fl-organizzazzjoni tal-elezzjoni ta’ Ombudsman Ewropew ġdid wara l-irtirar tas-Sur Nikiforos Diamandouros minn din il-kariga;
W. billi għalkemm l-Ombudsman Ewropew ġdid, is-Sinjura Emily O’Reily, ġiet eletta b’suċċess sabiex isservi mill-1 ta’ Ottubru 2013 mill-Membri tal-Parlament Ewropew, għandha ssir elezzjoni ġdida fil-bidu tal-leġiżlatura li jmiss, kif previst fir-Regola 204 tar-Regoli ta’ Proċedura u billi jkun għaqli li jiġi żgurat li regoli ċari u trasparenti għall-proċess ikunu ppubblikati fi żmien xieraq, li jiċċaraw aktar ir-responsabbiltà tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet f’dan il-proċess u li jiżguraw trasparenza adegwata għall-elezzjoni, partikolarment permezz ta’ faċilità tal-web dedikata u mtejba;
X. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi xi Kumitati għall-Petizzjonijiet minn parlamenti nazzjonali, fejn dawn jeżistu, u billi jidher li huwa importanti li l-kooperazzjoni bejn il-Kumitati għall-Petizzjonijiet infushom tkun aktar enfasizzata u, fejn prattiku, imsaħħa aktar u billi l-Parlament Ewropew jista' jwettaq rwol ċentrali f’dan l-iżvilupp fl-interess taċ-ċittadini Ewropej;
Y. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu l-ħsieb li jkun għodda utli u trasparenti għas-servizz taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, li jeżerċità kontroll demokratiku u skrutinju fuq ħafna aspetti ta’ attività tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali; u billi jista’ jikkontribwixxi aktar, abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti, min-naħa waħda għal applikazzjoni iżjed koerenti u koordinata tal-leġiżlazzjoni tal-UE u minn naħa l-oħra għat-titjib fil-leġiżlazzjoni futura tal-UE billi jiġbed l-attenzjoni għal-lezzjonijiet li għandhom jittieħdu mis-sustanza tal-petizzjonijiet riċevuti.
Z. billi dan ir-rapport huwa l-aħħar Rapport annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tas-7 leġiżlatura tal-Parlament Ewropew u li għalhekk qed jiddeskrivi l-attivitajiet tal-Kumitat fl-2013, kif ukoll jagħti ħarsa lejn il-leġiżlatura kollha u jivvaluta sa liema punt il-Kumitat PETI rnexxielu jilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona;
1. Jirrikonoxxi r-rwol sostanzjali u fundamentali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, billi jiżgura li permezz tal-proċess ta’ petizzjonijiet it-tħassib tal-petizzjonanti jiġi rikonoxxut aħjar u l-ilmenti leġittimi tagħhom jiġu riżolti fejn possibbli, fi żmien raġonevoli;
2. Huwa determinat li jagħmel il-proċedura ta' petizzjoni aktar effiċjenti, trasparenti u imparzjali filwaqt li jippreserva d-drittijiet parteċipattivi tal-Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex il-ġestjoni tal-petizzjonijiet tissodisfa l-iskrutinju ġudizzjarju anke fil-livell proċedurali;
3. Jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, flimkien ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra, bħall-kumitati ta’ inkjesta u l-Ombudsman Ewropew, għandu jkollu rwol indipendenti u definit biċ-ċar bħala punti ta’ kuntatt għal kull ċittadin individwali; jenfasizza l-fatt li dawn il-korpi, flimkien mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huma għodda fundamentali għal UE demokratika u l-ħolqien ta’ demos Ewropej, u li l-aċċess xieraq u l-funzjonament affidabbli tagħhom għandhom jiġu ggarantiti;
4. Jenfasizza li matul il-leġiżlatura attwali, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien qed jegħleb l-isfidi sabiex jilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-involviment dirett taċ-ċittadini fl-attività tal-Parlament u li jkollhom it-tħassib, il-proposti jew l-ilmenti tagħhom indirizzati b'mod speċifiku mill-membri tal-Kumitat; jirrimarka l-ammont ta’ xogħol li kien sar biex ikun riżolt il-ksur possibbli tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġijiet Ewropej; filwaqt li jżomm ir-rwol importanti li jerġa’ joħloq rabta maċ-ċittadini Ewropej u jsaħħaħ il-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE;
5. Ifakkar ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni fl-għoti ta' assistenza għat-trattament tal-każijiet mqajma mill-petizzjonijiet; iqis li l-investigazzjoni tal-petizzjonijiet mill-Kummissjoni għandha tkun approfondita u għandha tiffoka fuq is-sustanza tal-każijiet fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza f’dawn il-proċessi u ta’ aċċess pubbliku xieraq għad-dokumenti rilevanti u l-informazzjoni relatata mal-każ;
6. Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ proattiv u azzjoni korrettiva preventiva fil-ħin mill-Kummissjoni, anke meta jkun hemm evidenza sostanzjata li ċertu proġetti ppjanati u ppubblikati setgħu kisru l-leġiżlazzjoni tal-UE;
7. Josserva l-varjetà ta’ oqsma tematiċi ewlenin ikkonċernati fil-petizzjonijiet taċ-ċittadini, bħad-drittijiet fundamentali, is-suq intern, il-liġi ambjentali, kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika, il-kura tat-tfal, it-trasport u l-kostruzzjonijiet, il-Liġi Kostali Spanjola, ir-Regolament il-ġdid dwar amministrazzjoni tajba, il-persuni b’diżabilità, id-dsikriminazzjoni abbażi tal-età, l-aċċess pubbliku għal dokumenti, l-Iskejjel Ewropej, l-Unjoni Fiskali, u l-Industrija tal-Azzar, id-drittijiet tal-annimali u bosta oħrajn;
8. Jikkunsidra li l-petizzjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma tematiċi msemmija jixhdu li l-frekwenzi ta’ sitwazzjonijiet mifruxa ta’ traspożizzjoni mhux sodisfaċenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE jew applikazzjoni żbaljata tal-liġi għadha problema;
9. Jikkunsidra l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, fuq bażi ta’ reċiproċità, u, fejn hu meħtieġ, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġu inkoraġġiti sabiex jittrasponu u japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bi trasparenza sħiħa; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istati Membri u jiddeplora t-traskuraġni ta’ ċerti Stati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni sħiħa u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea, partikolarment dwar kwistjonijiet ambjentali;
10. Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jikkunsidra l-petizzjonijiet ammissibbli relatati mal-prinċipji u l-kontenut tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħala parti inerenti tal-attività tiegħu, u jsegwi l-investigazzjonijiet tiegħu skont il-merti ta’ kull każ, u jfakkar li, minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 51 tal-Karta, il-Kummissjoni ħafna drabi ħasset li mhix kapaċi taġixxi meta mitluba tagħmel dan mill-Kumitat; jenfasizza l-fatt li l-aspettattivi taċ-ċittadini huma ħafna akbar minn dawk previsti mid-dispożizzjonijiet strettament legali tal-Karta;
11. Jifraħ lill-Kumitat għax-xogħol li wettaq fir-rigward ta’ petizzjonijiet riċevuti dwar kwistjonijiet relatati ma’ diżabilità, u li dwarhom kien hemm żieda sinifikanti fl-2013; jinnota l-isforzi li saru sabiex tkun żgurata tnedija b’suċċess tal-qafas tal-UE skont it-termini tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien assoċjat mal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, u jinnota r-rieda tal-Kumitat li jkompli jappoġġja din l-attività; jiddispjaċih għat-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan il-Qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u għal fatt li dan kien sostitwit minn kumitati leġiżlattivi li għandhom ukoll responsabbiltà f’dan il-qasam, u jikkunsidra li din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet ibbażata fuq miżinterpretazzjoni tal-funzjonijiet attribwiti skont il-Qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) ;
12. Jinnota l-livell għoli ta’ attenzjoni li ngħataw ċertu petizzjonijiet ewlenin riċevuti rigward l-iżvilupp propost ta’ ajruport ġdid f’Notre-Dame-des-Landes, qrib Nantes; jirrikonoxxi li ġew kontribuzzjonijiet sinifikanti riċevuti minn petizzjonanti li opponew l-iskema għal raġunijiet ambjentali u li petizzjoni sostanzjali ġiet riċevuta wkoll minn dawk favur il-proġett u li dan wassal għal dibattitu intensiv fil-Kumitat bl-involviment tal-awtoritajiet Franċiżi u d-Direttur Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni flimkien mal-petizzjonanti ewlenin; iqis li din it-tip ta' diskussjoni serja mhux biss ittejjeb l-għarfien pubbliku u tippermetti liċ-ċittadini li jipparteipaw b’mod attiv u leġittimu, imma jagħmluha wkoll possibbli li ħafna fatturi kontroversjali assoċjati mal-proġett li allegatament huma f’konflitt mal-liġi tal-UE jiġu ċċarati u li jiġu identifikati rimedji li jippermettu rispett xieraq għal-leġiżlazzjoni Ewropea kif għandha tapplika f’dawn iċ-ċirkostanzi;
13. Jirrikonoxxi li fl-2013, ħafna petizzjonanti esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom għall-inġustizzji li jidher li qegħdin iseħħu fid-Danimarka rigward il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati ma’ separazzjoni tal-ġenituri u divorzju u l-kustodja sussegwenti ta’ tfal żgħar; jinnota f’dan il-kuntest, li fil-każ ta’ koppji binazzjonali li jkun hemm eżempji ċari ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità favur il-konjuġi tal-Istat Membru fejn għaddejjin il-proċeduri u kontra l-konjuġi li ma jkunx ċittadin ta’ dak l-Istat, b’riperkussjonijiet severi u ħafna drabi negattivi u drammatiċi fuq id-drittijiet tat-tfal; jinnota f’dan il-kuntest ksur serju tad-Drittijiet Fundamentali kemm tal-petizzjonant kif ukoll tat-tfal; jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel żjara għal ġbir ta’ informazzjoni fid-Danimarka biex jinvestiga dawn it-talbiet direttament fil-post fejn jidher li s-sitwazzjoni hi partikolarment gravi; jinnota li ġew reġistrati wkoll xi każijiet f’pajjiżi oħra, partikolarmentfil-Ġermanja (speċjalment f'każijiet li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Jugendamt), fi Franza u fir-Renju Unit;
14. Ifakkar fl-investigazzjonijiet imwettqa abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti matul it-terminu parlamentari, dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u r-Rapport adottat fuq dak is-suġġett; ifakkar dwar ir-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta' teħid ta' deċiżjoni fir-rigward tal-miżbliet u l-effett li dawn għandhom fuq il-popolazzjonijiet lokali; jenfasizza li s-sitwazzjoni għadha ’l bogħod milli tkun solvuta, hekk kif il-petizzjonijiet ġew diskussi aktar tard, partikolarment fir-rigward tal-persistenza tan-nirien tossiċi kkawżati minn skart industrijali li jniġġes ħafna f’xi żoni tal-Campania, u fil-Lazio minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza dwar il-pjanijiet u l-ġestjoni istituzzjonali ta' dawn l-aħħar xhur wara l-għeluq skedat tal-miżbla ta’ Malagrotta, li llum hija suġġetta għal inkjesti ġudizzjarji ta’ livell għoli; ifakkar dwar iż-żjara intensiva għal ġbir ta’ informazzjoni fil-Greċja li saret fil-ħarifa tal-2013 fuq l-istess suġġett, li ġibdet l-attenzjoni għan-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Direttivi rilevanti relatati mal-iskart, in-nuqqas ta’ progress fl-immaniġġjar tal-iskart f’dak li jirrigwarda l-pjanijiet u s-sistemi li jinsabu ’l fuq fil-ġerarkija tal-iskart, kif ukoll għall-impatt fuq saħħet il-popolazzjonijiet f’ċertu żoni tal-Greċja; jinnota li diversi petizzjonijiet oħra dwar nuqqasijiet fl-immaniġġjar tal-iskart ġew sottomessi reċentement rigward Stati Membri oħra, u partikolarmentfir-reġjun ta’ Valenzja fi Spanja u fir-Renju Unit;
15. Jirrikonoxxi r-rapport dwar iż-żjara għal ġbir ta’ informazzjoni fil-Polonja fejn ġie investigat sit propost ta’ minjiera miftuħa fis-Sileżja t’Isfel; laqa’ wkoll id-diskussjonijiet intensivi li saru f'din l-okkażjoni mal-petizzjonanti u mal-awtoritajiet nazzjonali rigward l-esplorazzjoni possibbli u l-isfruttament tar-riżervi tal-gass tax-shale, li dwarhom il-Kumitat kien diġà għamel sessjoni ta’ ħidma fl-2012;
16. Jenfasizza x-xogħol kostruttiv ferm li twettaq mill-Kumitat kollu fir-rigward ta’ petizzjonijiet riċevuti rigward il-liġi Spanjola dwar il-ġestjoni tal-kosta (Ley de Costas) kemm fir-rigward tar-riżultati u l-konklużjonijiet taż-żjara għal ġbir ta’ informazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-kooperazzjoni kemm mal-petizzjonanti kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli; ifakkar li grupp ta’ ħidma speċjali ad hoc ġie stabbilit mill-Kumitat biex jinvestiga din il-kwistjoni kumplessa f’aktar dettall u biex jiżgura kollaborazzjoni man-numru kbir ta’ petizzjonanti kkonċernati; jirrikonoxxi li għalkemm inkisbu xi avvanzi għall-petizzjonanti fil-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata mill-Parlament Spanjol, hemm xi tħassib pendenti kemm fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, li parti minnu issa ġie indirizzat lill-Qorti Kostituzzjonali Spanjola; jitlob lill-Kummissjoni sabiex b’mod attiv tkompli ssegwi din il-kwistjoni;
17. Jilqa’ l-fatt li, waqt iż-żjara għal ġbir ta’ informazzjoni fil-Galicia, li saret fi Frar 2013, saru diskussjonijiet estensivi mal-petizzjonanti u l-awtoritajiet reġjonali dwar kwistjonijiet li jirrelataw man-nuqqas ta’ faċilitajiet xierqa ta’ trattament tal-ilma mormi fir-reġjun u li dan kellu impatt sever fuq is-saħħa tan-nies tal-lokal u fuq l-attività ekonomika f’ċertu żoni li huma kontaminati minn ħama u residwi li fihom sustanzi li jipperikolaw is-saħħa pubblika, l-ambjent u potenzjalment il-produzzjoni kontinwa ta’ frott tal-baħar f’ċertu żoni; jistenna li l-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom b'mod definittiv li jaġixxu b’mod aktar diliġenti biex isolvu dawn il-kwistjonijiet u li l-pjan integrat għat-trattament tal-ilma mormi u l-faċilitajiet meħtieġa għal dak il-għan jitħaddmu b’mod effettiv fir-rías kollha kkonċernati; jiddispjaċih għall-proċedura twila u anormali fl-abbozzar tal-konklużjonijiet taż-żjara; jiddeplora l-fatt li r-rapport minoritarju taż-żewġ membri tad-delegazzjoni ma ġiex anness mar-rapport innifsu;
18. Jenfasizza r-rwol ta’ obbligu ta’ rapportar tal-Kumitat; jiġbed l-attenzjoni għal diversi riżoluzzjonijiet li ġew adottati fl-2013 f’forma ta’ rapporti bħar-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew dwar l-immaniġġjar mill-Kummissjoni ta’ nuqqasijiet fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fil-proġett ta’ tkabbir tal-ajruport ta’ Vjenna, minbarra r-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet kollha tal-Ombudsman Ewropew; jenfasizza l-input rilevanti li mogħti mill-Kumitat grazzi għall-għarfien espert miksub matul iż-żmien permezz tal-immaniġġjar ta’ ħafna każijiet konkreti fis-sura ta' opinjonijiet lill-kumitati ewlenin u partikolarment għar-reviżjoni tad-Direttiva VIA kif ukoll l-opinjoni dwar il-postijiet ta' ħidma tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea; jemmen li grazzi għal dawn id-dokumenti, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista’ jressaq lill-plenarja l-kwistjonijiet ta’ importanza għaċ-Ċittadini Ewropej;
19. Ifakkar li skont l-Artikolu 202(2), il-Kumitat għall-Petizzjonijiet hu ntitolat li jressaq mhux biss rapporti mhux leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati ma' bosta petizzjonijiet, iżda ukoll mozzjonijiet qosra għal riżoluzzjonijiet li għandha ssir votazzjoni dwarhom fil-plenarja fir-rigward ta' kwistjonijiet urġenti;
20. Jemmen li l-organizzazzjoni ta’ seduti pubbliċi hija għodda importanti ħafna biex ikunu eżaminati l-problemi mqajma mill-petizzjonanti; jiġbed l-attenzjoni għas-seduta pubblika li saret dwar l-impatt tal-kriżi fuq iċ-ċittadini Ewropej u dwar l-infurzar mill-ġdid tal-parteċipazzjoni demokratika fil-governanza tal-Unjoni, kif ukoll dwar is-seduta pubblika dwar l-aħjar użu miċ-ċittadinanza tal-UE, li analizzat it-tħassib mqajjem fiż-żewġ aspetti miċ-ċittadini tal-UE abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti; iqis li l-informazzjoni pprovduta fil-petizzjonijiet turi l-impatt personali tal-awsterità fuq id-drittijiet tal-petizzjonanti kif ukoll biex turi r-rwol akbar u l-impenn tas-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi li sabiex ikunu indirizzati l-isfidi finanzjarji ta’ għada, l-Ewropa għandha bżonn governanza ekonomika kredibbli, viżibbli u responsabbli; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-ostakoli li fadal sabiex iċ-Ċittadini tal-UE jgawdu d-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE kif ukoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tal-UE;
21. Jikkunsidra importanti ħafna għax-xogħol tiegħu l-użu ta’ forom oħra ta’ attività bħal pereżempju mistoqsijiet parlamentari għal tweġibiet orali li jiġu trattati matul seduti plenarji; ifakkar li huma forma diretta ta’ skrutinju parlamentari ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE; jirrimarka li uża d-dritt tiegħu 9 darbiet fl-2013 fejn ressaq mistoqsijiet dwar, pereżempju, id-diżabilitajiet, it-trattament xieraq tal-annimali, l-immaniġġjar tal-iskart u l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej; jiddispjaċih bil-kbir għall-fatt li xi uħud mill-inizjattivi proposti mill-Kumitat qed jinżammu milli jiġu implimentati għal bosta xhur qabel ma jiġu diskussi fil-plenarja, biex b'hekk ma jħallux it-tressiq ta' tħassib rikorrenti miċ-ċittadini tal-UE u milli dawn jirċievu risposta diretta mill-Kummissjoni;
22. Jinnota l-influss kostanti ta’ korrispondenza minn ċittadini li jduru fuq il-Parlament għal rimedju għal kwistjonijiet li jaqgħu 'l barra mill-oqsma ta’ kompetenza tal-UE skont l-Artikolu 227 tat-Trattat kif ukoll l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jitlob biex jinstabu soluzzjonijiet aħjar biex ikunu indirizzati dawn is-sottomissjonijiet miċ-ċittadini waqt li jitqiesu l-obbligazzjonijiet tal-Parlament fir-rigward tal-korrispondenza tiegħu maċ-ċittadini;
23. Jirrikonoxxi li l-kwistjonijiet ambjentali jibqgħu prijorità għall-petizzjonanti, u għaldaqstant jenfasizza l-fatt li f’dan il-qasam l-Istati Membri għadhom ’il bogħod; josserva li ħafna mill-petizzjonijiet jiffokaw fuq is-saħħa pubblika, pereżempju l-immaniġġjar tal-iskart, is-sikurezza tal-ilma, l-enerġija nukleari u l-annimali protetti; jirrimarka li ħafna petizzjonijiet jirrigwardjaw proġetti ġodda u li se jsiru aktar ’il quddiem li jżidu l-periklu li jaffettwaw l-oqsma msemmija hawn fuq; ifakkar li waqt li l-Istati Membri jistinkaw sabiex jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, huwa ċar li għad hemm ostakoli sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli; jinnota l-każ tal-impjant tal-azzar ILVA f'Taranto li hu wieħed ta' tħassib serju, minħabba d-deterjorazzjoni qawwija ta' kundizzjonijiet ambjentali u fis-sitwazzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-mekkaniżmi disponibbli lilha biex tiżgura, kemm jista' jkun, il-konformità immedjata tal-awtoritajiet Taljani mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;
24. Jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikompli jeżamina l-effetti tal-każistika ERT dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-konsegwenzi tagħha dwar il-petizzjonijiet u biex tinvestiga l-mistoqsija dwar liema ostakli attwali ċ-ċittadini tal-UE jiffaċċjaw meta japplikaw għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex jiksbu interpretazzjonijiet affidabbli ta’ kwistjonijiet ċentrali taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-każijiet quddiem il-qrati nazzjonali;
25. Jilqa’ l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ICI) fl-1 ta’ April 2012, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-ewwel ICI, iddedikata għall-politiki għaż-Żgħażagħ tal-Ewropa – Fraternità 2020, u l-ICI ta’ suċċess reċenti ddedikata għad-Dritt għall-Ilma; jemmen li l-ICI tikkostitwixxi l-ewwel strument ta’ demokrazija parteċipattiva transnazzjonali u se tagħti liċ-ċittadini l-possibilità li jkunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej; jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta’ seduti pubbliċi għal Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess bl-involviment attiv tal-kumitati parlamentari kkonċernati kollha; jenfasizza l-bżonn għal reviżjoni regolari tas-sitwazzjoni attwali tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, bl-għan li tittejjeb il-proċedura waqt li tiġi limitata l-burokrazija u ostakoli oħra; huwa konxju li l-eżitu tal-ewwel seduti parlamentari tal-ewwel ICIs b’suċċess li qed iseħħu fl-2014 huma kruċjali biex jiġu stabbiliti standards proċedurali għolja u l-aspettattivi taċ-ċittadini dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fil-ġejjieni, u jimpenja ruħu biex jagħti prijorità istituzzjonali li tiżgura l-effikaċja tal-proċess parteċipattiv.
26. Japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-2013 bħala s-’Sena Ewropea taċ-Ċittadini’ u li tipprovdi informazzjoni u għarfien importanti għaċ-Ċittadini tal-UE rigward id-drittijiet tagħhom u dwar l-istrumenti demokratiċi disponibbli għalihom biex jasserixxu dawk id-drittijiet; jikkunsidra li s-’Sena Ewropea taċ-Ċittadini’ għandha tintuża għad-disseminazzjoni wiesgħa ta’ informazzjoni dwar l-'Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej', u għalhekk jipprovdi linji gwida ċari u li jistgħu jinftiehmu sabiex titnaqqas ir-rata għolja ta’ inammissibiltà meta mqabbla mar-rata li għadha trid tinstab fil-qasam tal-'petizzjonijiet'; jinsab konvint li l-portal elettroniku tal-petizzjonijiet jirrappreżenta kontribut reali u ta' valur mill-Parlament liċ-ċittadinanza Ewropea;
27. Jistieden lill-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattat tiżgura li jinstab rimedju għan-nuqqas attwali ta’ implimentazzjoni tal-liġi tal-UE kif muri mill-għadd ta’ petizzjonijiet sottomessi lill-Parlament, sabiex iċ-ċittadini tal-UE jitħallew jieħdu vantaġġ sħiħ mid-drittijiet tagħhom;
28. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex issolvi l-kwistjonijiet marbuta mar-rikonoxximent reċiproku ta’ dokumenti dwar l-istat ċivili u l-effetti tagħhom mill-Istati Membri, u fl-istess waqt jibqa’ jkun hemm rispett għall-politiki soċjali tal-Istati Membri.
29. Jiddeplora li ċ-ċittadini Ewropej ikomplu jesperjenzaw problemi frekwenti li jiġu kkawżati minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-liġi dwar is-Suq Intern minn awtoritajiet pubbliċi waqt li jeżerċitaw il-moviment ħieles tagħhom;
30. Jiddeplora li reċentement ir-rapporti dwar il-missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni u dokumenti oħra ma ġewx tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-UE, b’mod speċjali fil-lingwi nazzjonali tal-petizzjonanti;
31. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li ta’ sikwit jikxef u jsolvi problemi marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern; iħeġġeġ għar-rinfurzar ta’ din l-għodda; ifakkar li l-2013 kienet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u jagħti rikonoxximent kemm lill-istituzzjonijiet u l-korpi kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Membri li, fid-dawl tal-prinċipji preżenti fit-Trattati u l-fatti li ġew rivelati f’dan ir-rapport, irreklamaw b’mod aktar intensiv is-servizz tagħhom liċ-ċittadini u r-residenti Ewropej matul din is-sena;
Orizzonti ġodda u relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħra
32. Jirrimarka l-importanza li dan ix-xogħol tal-Kumitat ikun aktar sostanzjali fil-Kamra billi jtella’ l-profil tiegħu fil-livell ta’ Kumitat ta’ skrutinju; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet li għadu kemm ġie elett biex jinnomina Rapporteurs Annwali interni dwar il-politiki ewlenin, li huma ta’ tħassib għall-petizzjonanti Ewropej, u jtejjeb il-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari l-oħra billi b’mod sistematiku jistieden lill-membri tagħhom għal dawk id-dibattiti fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jikkonċernaw l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza leġiżlattiva tagħhom ; jistieden lill-kumitati parlamentari l-oħra jinvolvu aktar lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala kumitat li jista’ jagħti opinjoni dwar rapporti ta’ implimentazzjoni u strumenti oħra li jimmonitorjaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea fl-Istati Membri; jenfasizza l-importanza, anke minħabba l-ammont dejjem akbar ta’ petizzjonijiet riċevuti u l-impenji relatati magħhom, li l-Kumitat igawdi minn status denewtralizzat fil-portafoll tal-kumitat tal-Parlament; jistieden lis-Seduta Plenarja tal-Parlament Ewropew tiddedika aktar ħin għal dibattiti dwar il-petizzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej u x-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;
33. Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u mal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri; jikkunsidra l-importanza tagħha sabiex jitjieb id-djalogu strutturat u l-kooperazzjoni sistematika mal-Istati Membri speċjalment mal-Kumitati għall-Petizzjonijiet tal-Parlamenti Nazzjonali, eż. billi jinżammu laqgħat regolari mal-presidenti tal-Kumitati kollha għall-Petizzjonijiet; il-ħolqien ta’ din is-sħubija jippermetti l-aħjar skambju ta’ esperjenza u prattiċi u ukoll prattika iżjed sistemika u effiċjenti ta’ riferiment tal-petizzjonijiet fil-livell u lill-korp kompetenti u fl-aħħar mill-aħħar iqarreb aktar lill-Parlament Ewropew lejn it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej; jilqa’ l-istabbiliment fl-Irlanda tal-Kumitat Konġunt ta’ Oireachtas dwar Investigazzjoni, Sorveljanza u Petizzjonijiet, u r-rabtiet utli li stabbilixxa mal-Parlament Ewropew matul din is-sena sabiex jipprovdi servizz anke aqwa liċ-ċittadini; jinnota li l-parlamenti fi Stati Membri oħra bħalissa qed jikkunsidraw li joħolqu kumitati għall-petizzjonijiet jew korpi simili, jew li xi wħud għandhom proċessi oħra biex jittrattaw il-petizzjonijiet;
34. Jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi kif jixraq ir-rwol li għandhom il-petizzjonijiet fil-kontroll tal-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE minħabba li l-petizzjonijiet sikwit ikunu l-ewwel indikaturi li l-Istati Membri jkunu waqgħu lura fl-implimentazzjoni tal-miżuri legali; jistieden lill-Parlament Ewropew sabiex fil-Ftehim Interistituzzjonali tiegħu mal-Kummissjoni jirrakkomanda li jitnaqqas il-ħin li jittieħed biex twieġeb għat-talbiet tal-Kumitat u biex iżżomm ukoll lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet infurmat dwar l-iżviluppi fil-proċeduri ta’ ksur li għandhom rabta diretta mal-petizzjonijiet; jemmen, f’termini ġenerali l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jipprovdu iżjed informazzjoni u għandhom ikunu iżjed trasparenti fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE, sabiex tiġi miġġielda l-perċezzjoni dejjem akbar ta’ nuqqasijiet demokratiċi;
35. Jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri hija essenzjali għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkollhom rwol proattiv rigward it-tweġibiet għal petizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi Ewropea, u jikkunsidra importanti ħafna l-preżenza u l-kooperazzjoni attiva tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; huwa determinat li jżomm kooperazzjoni mill-qrib u kommunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini;
36. Jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni msaħħa mal-Ombudsman Ewropew billi jiġi stabbilit ftehim interistituzzjonali ġdid; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-Parlament Ewropew fin-netwerk tal-Ombudsmen Nazzjonali; ifaħħar ir-relazzjonijiet eċċellenti fil-qafas istituzzjonali bejn l-Ombudsman u dan il-Kumitat; japprezza b’mod speċjali l-kontribuzzjonijiet regolari mill-Ombudsman għax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul il-leġiżlatura; ifakkar li xorta waħda mhux iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom Ombudsman nazzjonali, li jfisser li mhux iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom aċċess ugwali għal rimedju; huwa tal-opinjoni li l-uffiċċju tal-Ombudsman nazzjonali f’kull Stat Membru fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jista’ jkun ta’ appoġġ sostanzjali għall-Ombudsman Ewropew;
Metodi ta’ ħidma
37. Jistieden lill-Membri Parlamentari Ewropej fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet jadottaw regoli interni finali biex jiżguraw l-effiċjenza u t-trasparenza fix-xogħol tal-Kumitat u biex jagħmlu proposti sabiex ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropej jiġu riveduti kif xieraq biex ikunu kkonsolidati t-tentattivi kontinwi tagħhom matul is-seba’ leġiżlatura kollha ħalli jkunu mtejba l-metodi ta’ ħidma; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jadotta dati ta’ skadenza ċari fil-proċess tal-petizzjonijiet sabiex iċ-ċiklu tal-ħajja tal-petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew ikun aktar mgħaġġel u l-proċess kollu jkun anke aktar trasparenti u demokratiku; jenfasizza li dan jista’ jistabbilixxi ċiklu tal-ħajja definit tal-petizzjoni mir-reġistrazzjoni sal-għeluq finali tagħha fil-Parlament Ewropew, bl-istess mod bħad-dati ta’ skadenza eżistenti għax-xogħol fil-proċess fuq fajls leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi; jikkunsidra li dawn il-limiti ta' żmien għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ twissija li awtomatikament jiġbed l-attenzjoni tal-membri dwar petizzjonijiet fejn ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni jew ma tkun saret l-ebda korrispondenza għal żmien konsiderevoli, sabiex jiġi evitat li petizzjonijiet antiki jibqgħu miftuħin tul is-snin mingħajr raġuni sostanzjali; ifakkar li ż-żjarat għal ġbir ta’ informazzjoni huma wieħed mill-istrumenti investigattivi ewlenin tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, għaldaqstant hemm bżonn ta’ reviżjoni urġenti tar-regoli rilevanti sabiex il-Membri ġodda li nħatru jkunu jistgħu jagħmlu żjarat effiċjenti u jirrappurtaw lura malajr lill-petizzjonanti u lill-Kumitat dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.
38. Jilqa’ il-preżenza ta’ awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll ta’ partijiet interessati oħra fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ; jenfasizza l-fatt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa l-uniku Kumitat li sistematikament jipprovdi pjattaforma għaċ-ċittadini biex jesprimu t-tħassib tagħhom direttament lill-Membri tal-Parlament Ewropew u li jippermetti djalogu fost ħafna partijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u l-petizzjonanti; jissuġġerixxi li sabiex tkun iffaċilitata l-organizzazzjoni tal-laqgħat kif ukoll biex fil-futur jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-amministrazzjoni tal-Parlament għandhom jesploraw il-possibilità għall-parteċipazzjoni tal-petizzjonanti jew tal-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ vidjokonferenza jew faċilità simili;
39. Jinnota n-numru li dejjem qed jikber ta’ petizzjonijiet tul il-leġiżlatura u jibqa’ mħasseb ħafna minħabba li, fil-proċess matul il-fażi ta’ reġistrazzjoni u l-fażi ta’ ammissibiltà, id-dewmien u ż-żmien ta’ tweġiba għadu twil wisq; jitlob biex is-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun ipprovdut b’aktar esperti ġuridiċi u b’appoġġ amministrattiv, sabiex joħorġu rakkomandazzjonijiet relatati dwar jekk il-petizzjoni taqax fil-kompetenza tal-liġi Ewropea; jikkunsidra li sabiex jitħaffu d-deċiżjonijiet inizjali dwar l-ammissibilità, dawn ir-rakkomandazzjonijiet flimkien mas-sommarji tal-petizzjonijiet għandhom jingħataw lill-Membri l-ewwel bl-Ingliż u wara għandhom jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha mal-pubblikazzjoni; jistenna li t-tnedija tal-portal tal-web il-ġdid għall-petizzjonijiet inaqqas in-numru ta’ sottomissjonijiet dubjużi li xi drabi jiġu rreġistrati bħala petizzjonijiet;
40. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Ombudsman Ewropew, u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-kumitati tagħhom għall-petizzjonijiet u l-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew korpi kompetenti simili.
NOTA SPJEGATTIVA
Is-seba' leġiżlatura kienet ikkaratterizzata mill-introduzzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, f'Diċembru 2009, Trattat li kważi rdoppja l-kompetenzi leġiżlattivi u saħħaħ is-setgħa relattiva tal-Parlament Ewropew fil-konfront ta' istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-maġġorparti kien affettwat mill-konsolidament fi ħdan it-Trattat dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-aċċettazzjoni finali tal-mekkaniżmu ta' parteċipazzjoni l-ġdid għall-poplu tal-Ewropa - l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.
Fir-rigward ta' din tal-aħħar, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien involut bil-kbir fil-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej f'Diċembru 2010. Huwa kien assoċjat mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura. Barra minn hekk, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ġie identifikat fi ħdan il-Parlament bħala l-kumitat li għandu jkun assoċjat awtomatikament mal-kumitat leġiżlattiv kompetenti fi ħdan l-organizzazzjoni tal-Laqgħa tal-organizzaturi għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta' suċċess, kompitu mwettaq mill-Parlament skont l-Artikolu 10 paragrafu 1 punt a tar-Regolament 211/2011. Dan tqies bħala suċċess għall-Kumitat tagħna, li fir-rigward tiegħu ġie rikonoxxut l-għarfien espert kbir u profond li għandu b'rabta mar-relazzjonijiet maċ-ċittadini.
Bħalma ħa naraw f'dan ir-rapport, l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali wriet li għal bosta ċittadini, din ma kinitx ċara, u sa ċertu punt kienet diżappuntanti. L-Artikolu 51 jipprevedi li l-Karta tapplika għall-qasam ta' kompetenza tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea applikat interpretazzjoni stretta ta' dan l-Artikolu. Dan il-fatt jeħtieġ li jiġi indirizzat.
Tul din il-leġiżlatura, din l-istess fiduċja ddgħajfet f'għajnejn bosta ċittadini Ewropej minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li għarrqet bil-kbir il-kunfidenza fl-euro u fis-sistema bankarja inġenerali fuq livell dinji. Għalhekk, mhuwiex ta' stagħġib li dan ix-xenarju devastanti li affettwa l-ħajja tal-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini Ewropej wassal ukoll għal bosta petizzjonijiet.
Għalhekk sa issa, il-Kumitat irċieva madwar 10 000 petizzjoni mill-2009 'l hawn li ġew reġistrati; madwar sittin fil-mija minnhom ġew iddikjarati ammissibbli, billi dawn jaqgħu fil-qasam ta' attività tal-Unjoni Ewropea. Fl-2013, l-għadd ta' petizzjonijiet reġistrati qarreb it-tlitt elef, billi dawn żdiedu b'aktar minn ħamsa u erbgħin fil-mija mill-2012 'l hawn, u rdoppja mill-2011. Biex inkunu aktar preċiżi, fl-2013 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva 2885 petizzjoni b'kollox. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet irnexxielu jipproċessa madwar 989 petizzjoni li minnhom 654 kienu ammissibbli, 335 mhux ammissibbli u 538 ingħalqu. 199 ġew rikonoxxuti bħala ammissibbli, ikkunsidrati u magħluqa.
In-numru għoli ta' petizzjonijiet mhux ammissibbli huwa ta' tħassib kbir għar-Rapporteur, li jemmen li fil-mument tar-reġistrazzjoni mid-DĠ Presidenza, għandu jiġi ntrodott mill-ġdid filtru tal-ewwel kif kien il-każ fl-2012. Ta' min jinnota wkoll li l-iżvilupp tal-portal fuq l-internet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mistenni jiffunzjona bħala filtru importanti għall-petizzjonijiet mhux ammissibbli.
Fl-2013 ġie rreġistrat għadd kbir ta' petizzjonijiet b'lura, li minnhom fi żmien tal-adozzjoni ta' dan ir-rapport kienu vvalutati biss 30 %. Tali dewmien huwa ta' dispjaċir u jeħtieġlu valutazzjoni u evalwazzjoni dettaljati, speċjalment bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet u jiġu evitati sitwazzjonijiet simili fil-futur. Hemm diversi raġunijiet għal dawn il-petizzjonijiet b'lura. L-għadd ta' petizzjonijiet li wasal żdied bil-kbir, kważi rdoppja mill-2012 'l hawn. Fl-2013, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien responsabbli għall-organizzazzjoni tal-elezzjoni tal-Ombudsman il-ġdid u ttratta għadd relattivament ogħla ta' żjarat ta' tiftix ta' fatti u opinjonijiet meta mqabbel ma' dak li kien jiġri fil-passat. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha flimkien, kif ukoll il-fatt li l-mod tradizzjonali ta' kif jiġu ttrattati l-petizzjonijiet wera li ma kienx suffiċjenti, wasslu għall-konklużjoni li l-proċess kollu ta' trattament tal-petizzjonijiet jeħtieġlu li jiġi rivedut. Il-Koordinaturi, min-naħa tagħhom, adottaw metodi ta' ħidma u skadenzi għas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bil-ħsieb li jiġi evitat id-dewmien ulterjuri inaċċettabbli li ġie reġistrat fl-2013. Madankollu, il-Membri kollha tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ħadmu qatigħ f'din il-leġiżlatura biex iservu lill-petizzjonanti kollha u jittrattaw kull petizzjoni skont il-merti tagħha.
Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li l-maġġorparti assoluta tal-35 Membru tal-Kumitat qed isejħu b'urġenza l-ħtieġa li tiġi kkonsolidata l-kapaċità amministrattiva u li jiġu infurzati skadenzi ċari għall-ipproċessar tal-petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew. Fil-kuntest ta' dewmien deplorabbli fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet fl-2013 u l-ħidma kostanti matul il-perjodu kollu min-naħa tal-Koordinaturi tal-gruppi politiċi u mill-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiġu suġġeriti rimedji għal dan, ir-Rapporteur iddeċieda li jiddedika żewġ sottokapitoli speċifiċi għall-metodi ta' ħidma fis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u għall-orizzonti ġodda u r-relazzjonijiet interistituzzjonali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-leġiżlatura li jmiss.
In-numru dejjem jiżdied ta' petizzjonijiet li waslu fl-2013 huwa fatt. Dan seta' seħħ b'riżultat tas-setgħat leġiżlattivi msaħħa tal-Parlament Ewropew fis-seba' leġiżlatura. Dan seta' rriżulta wkoll mis-sens ta' falliment u n-nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi, li ssedqu bil-kriżi ekonomika u finanzjarja ħarxa li l-Ewropej esperjenzaw mill-2008 'l hawn. Fil-fatt, meta titqies is-sustanza ta' bosta mill-petizzjonijiet ammissibbli, u l-proporzjon mdaqqas ta' petizzjonijiet mhux ammissibbli, huwa ċar li ħafna persuni jemmnu li huma mhumiex mismugħa mill-parlamenti u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħhom.
Fl-aħħar nett, ta' min ninnutaw il-profil u l-viżibilità dejjem tiżdied tal-Parlament Ewropew innifsu u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jinsab fi ħdanu. Kemm il-Parlament u kemm il-Kumitat saħħew il-prattiki komunikattivi tagħhom b'mod magħqud u bil-ħsieb, u l-viżibilità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fuq il-midja soċjali esperjenzat żieda kostanti fil-preżenza interattiva.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-Rapporteur jinsab konvint li fil-futur se jkun hemm aktar u aktar Ewropej li se jindirizzaw il-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew. Għaldaqstant, bil-ħsieb li jindirizzaw l-aspettattivi tagħhom, ir-Rapporteur jistieden lill-Parlament Ewropew jieħu miżuri urġenti biex jiżgura pproċessar effiċjenti u trasparenti tal-petizzjonijiet. Il-portal fuq l-internet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li għadu f'fażi pilota, jista' jikkostitwixxi pjattaforma onlajn sensittiva ħafna biex jinforma aħjar liċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom li jagħmlu petizzjoni. Billi dan jista' jwassal għal żieda ulterjuri fl-għadd ta' petizzjonijiet; it-tnedija uffiċjali tiegħu għandha tiġi akkumpanjata minn kapaċità amministrattiva miżjuda proporzjonalment. Il-portal fuq l-internet ċertament se jtejjeb il-kwalità tal-petizzjonijiet reġistrati permezz ta' kwestjonarju qasir li għandu jwieġeb il-petizzjonant. Fi kliem ieħor, jista' jkun mistenni li d-dokumenti reġistrati jkunu petizzjonijiet veri f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u mhux biss kummenti jew rikjesti sempliċi għal informazzjoni li ma jaqgħux fl-ambitu tat-tifsira ta' petizzjoni. Dan se jassisti wkoll liċ-ċittadini fis-sejbien ta' sorsi alternattivi ta' assistenza fil-każ li l-Kumitat ma jkunx f'qagħda li jirrispondi għat-tħassib tagħhom minħabba nuqqas ta' kompetenza ġuridika.
Fl-2013, aktar minn 200 petizzjonant attendew il-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, ħdax-il laqgħa b'kollox, kif ukoll għadd ta' rappreżentanti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, li pprovdew kjarifika dwar l-allegazzjonijiet. Bosta mijiet ta' persuni oħra setgħu josservaw il-proċedimenti permezz ta' streaming tal-laqgħat fuq l-internet. Ir-Rapporteur jirrakkomanda bil-qawwa l-użu ta' informazzjoni ġdida u faċilitajiet bil-vidjo għal-laqgħat futuri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li se jġibu magħhom aktar iffrankar fl-ispejjeż għall-organizzazzjoni tal-laqgħat tiegħu.
Id-drittijiet fundamentali
Il-Kumitat ilu jirċievi għal bosta snin petizzjonijiet li jikkonċernaw l-aktar lill-Ġermanja u l-uffiċċju għas-sigurtà soċjali taż-żgħażagħ (Jugendamt), u aktar reċentement dwar kwistjonijiet fid-Danimarka, kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tat-tfal, u b'mod aktar speċifiku, l-ulied ta' ġenituri separati jew divorzjati. Il-Kumitat għamilha ċara li, għal serje ta' raġunijiet, huwa ma jistax jittratta tali petizzjonijiet individwalment ħlief permezz tal-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati dwarhom. Dan għaliex pereżempju, il-Kumitat ma jistax iħassar deċiżjonijiet meħuda mill-qrati lokali minħabba kwistjonijiet ta' kompetenza u qsim tas-setgħat. Il-maġġoranza tal-petizzjonijiet fl-2013 mid-Danimarka kienu jittrattaw privileġġi speċifiċi li jidhru li ngħataw mis-servizzi soċjali, il-qrati jew il-pulizija lil konjuġi Daniżi kontra s-sieħeb/sieħba li kellhom qabel u li mhumiex Daniżi, u li f'xi każijiet kienu vittmi ta' priġunerija u detenzjoni, ħtif tat-tfal u diversi allegazzjonijiet ta' abbuż. Matul iż-żjara ta' tiftix ta' fatti tal-Kumitat f'Kopenħagen, il-Membri ma setgħux jiksbu aċċess għal statistiki ġenerali minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni mill-awtoritajiet Daniżi u rifjut ċar mill-Ministri tal-Gvern li jiltaqgħu mal-Membri. Il-Membri kkonkludew li hemm nuqqas sistemiku fi ħdan il-Gvern Daniż biex tiġi iffaċċjata l-problema, u l-fatt li d-Danimarka għażlet li ma tipparteċipax għal għadd ta' dispożizzjonijiet tat-Trattat, b'dispożizzjoni minnhom tikkonċerna l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, jiggrava s-suspett li hemm xi ħaġa verament ħażina.
Il-Kumitat tenna wkoll l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu standards komuni fis-settur tas-saħħa favur nisa tqal u trabi li għadhom jitwieldu u joffru inizjattivi ta' trattament preventivi u effettivi favur in-nisa tqal matul it-twelid tat-trabi bil-ħsieb li titħares ħajjithom.
It-tħassib tal-petizzjonanti huwa ta' natura differenti ħafna, iżda xorta jaqa' fi ħdan il-kategorija tad-drittijiet fundamentali, b'rabta mad-dritt għal proprjetà miksuba b'mod leġittimu. Diġà matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Kumitat kien investiga l-impatt tal-urbanizzazzjoni għalja fi Spanja fuq id-drittijiet tal-persuni għall-proprjetà tagħhom kif ukoll l-impatt ambjentali ta' tali każijiet. F'din il-leġiżlatura, l-attenzjoni tal-Kumitat kienet fuq il-valutazzjoni ta' għadd kbir ta' petizzjonijiet li kienu jikkonċernaw il-Ley de Costas. Wara t-twaqqif ta' grupp speċjali ta' ħidma dwar il-Ley de Costas magħmul minn Membru tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fil-bidu tal-2013 saret laqgħa ta' tiftix ta' fatti f'Madrid. Il-Membri rrapurtaw dwar is-sejbiet tagħhom wara laqgħat ma' uffiċjali għolja tal-Gvern fi Spanja u ma' bosta petizzjonanti u NGOs li kkontribwew għas-sejbiet tal-Kumitat.
L-ambjent
Il-maġġorparti tal-ħin tal-Kumitat kien iddedikat għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta' importanza ambjentali. L-oqsma leġiżlattivi ewlenin ta' tħassib kienu l-ġestjoni tal-iskart u l-impatt ambjentali ta' proġetti infrastrutturali kbar.
Il-petizzjonanti esprimew it-tħassib tagħhom dwar problemi b'rabta mal-ġestjoni tal-iskart li huma ta' natura serja ħafna fl-Italja - partikolarment fir-reġjuni tal-Lazio u l-Campania (li kienu s-suġġett ta' żjara ta' tiftix ta' fatti fl-2012), u fil-Greċja, fejn saret żjara ta' tiftix ta' fatti f'Mejju 2013. Ġew diskussi wkoll petizzjonijiet sinifikanti dwar il-miżbla ta' Houghton-le Spring fir-Renju Unit u f'bosta siti fi Franza u Spanja. Wara dawn iż-żjarat ta' tiftix ta' fatti, il-Membri adottaw ir-rapporti tagħhom u vvutaw dwar rakkomandazzjonijiet. Huma identifikaw dewmien sostanzjali fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni Ewropea ewlenija, relatata mal-ambjent u s-saħħa pubblika, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Għal dak li jirrigwarda lill-Kummissjoni Ewropea, il-Membri jixtiequ li l-informazzjoni pprovduta tintuża aħjar biex tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata b'mod adegwat f'dan il-qasam.
Il-Kumitat iddedika ammont ta' ħin kunsiderevoli fl-2013 għall-valutazzjoni ta' tliet petizzjonijiet li wasslu minn petizzjonanti fi Franza dwar l-ajruport il-ġdid propost f'Notre Dame des Landes, qrib Nantes. Tnejn mill-petizzjonijiet tressqu mill-assoċjazzjonijiet ambjentali lokali u kienu appoġġati minn għarfien espert kunsiderevoli li oppona l-proġetti, proġetti li kienu jgawdu mill-appoġġ tal-Gvern Franċiż favur l-ajruport il-ġdid, flimkien mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġi ambjentali tal-UE. It-tielet petizzjoni tressqet minn bosta persuni lokali, li appoġġaw bis-sħiħ il-proġett u sostnew l-appoġġ tagħhom b'dokumentazzjoni estremament dettaljata. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ma kienx awtorizzat jibgħat delegazzjoni għat-tiftix ta' fatti u għalhekk organizza dibattitu bejn il-petizzjonanti u uffiċjali ta' livell għoli mill-Ministeru Franċiż għat-Trasport u d-Direttur Ġenerali għad-DĠ Ambjent fil-KE. Deher ċar li hemm numru ta' nuqqasijiet fil-pjanijiet għall-kostruzzjoni tal-ajruport li jeħtiġilhom jiġu rrettifikati biex ikunu konformi mal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni tabilħaqq indikat li xorta kien għad hemm każ miftuħ ta' ksur kontra Franza għan-nuqqas ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali b'rabta mal-valutazzjonijiet tal-impatt.
Il-Kumitat irraporta wkoll dwar Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew b'rabta ma' lmenti dwar nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali matul il-proċess li jwassal għall-espansjoni tal-Ajruport ta' Vjenna.
Ħafna mill-ħidma tal-Kumitat relatata mal-investigazzjoni tiegħu dwar il-petizzjonijiet fil-qasam ambjentali tat il-frott meta dan ipprovda opinjoni lill-Kumitat għall-Ambjent dwar id-Direttiva riveduta b'rabta mal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, fejn għadd ta' emendi proposti mill-Kumitat, ibbażati fuq l-esperjenzi tagħna u eżempji speċifiċi, finalment ġew approvati mill-Kumitat kompetenti u inklużi fin-negozjati mal-Kunsill. Fosthom kien hemm proposti dwar valutazzjonijiet tal-impatt transkonfinali li rriżultaw mill-investigazzjoni tal-Kumitat b'rabta ma' proġett eoliku fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka.
Kwistjoni oħra li kienet teħtieġ ammont kunsiderevoli ta' analiżi kienet tittratta l-petizzjonijiet li waslu minn Galicia u l-punt safejn ċerti 'Rias' kienu qed ibatu minn faċilitajiet inadegwati tat-trattament tal-ilma u t-tnixxija li tirriżulta ta' dranaġġ urban mhux trattat f'ilmijiet protetti, b'effetti potenzjali f'ċerti żoni għall-industrija tal-frott tal-baħar. Is-sitwazzjoni ġiet investigata minn żjara ta' tiftix ta' fatti fil-bidu tal-2013, li matulha saru diskussjonijiet dettaljati ma' gruppi differenti ta' petizzjonanti u mal-Gvern tal-Galicia u sindki lokali. Minħabba diverġenzi sinifikanti li nqalgħu fost il-membri tad-delegazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet finalment ġew approvati f'Diċembru, madankollu kien hemm opinjoni kuntrarja minn minoranza.
Il-Kumitat organizza wkoll żjara ta' tiftix ta' fatti fil-Polonja bil-ħsieb li jindirizza t-tħassib tal-petizzjonanti, u dawk tal-komunitajiet lokali fis-Silesia ta' Isfel dwar il-pjanijiet ta' żvilupp ta' minjiera miftuħa tal-linjite fiż-żona. Fl-istess ħin il-membri setgħu jiddiskutu mal-petizzjonanti u l-awtoritajiet dwar il-politiki tal-gvern b'rabta mal-iżvilupp ta' riżervi ta' gass tax-shale - kwistjoni li għadha qed toħloq nuqqas ta' qbil kbir fil-Parlament.
Ġew diskussi bosta petizzjonijiet oħra dwar kwistjonijiet ambjentali, iżda huwa neċessarju wkoll li tissemma' l-petizzjoni li tappella għal aktar azzjoni urġenti mill-UE biex jiġi evitat it-tnaqqis drammatiku fil-popolazzjoni tan-naħal minħabba użu tal-pestiċidi trinicotinoid. Wara d-diskussjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tipproponi projbizzjoni tas-sustanzi kkonċernati. Il-membri kellhom ukoll dibattiti sinifikanti dwar l-impatt tal-OĠM fl-agrikolutura u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u l-bijodiversità.
Iċ-ċittadinanza, id-dritt tal-vot u l-libertà ta' moviment
Ħafna mill-ħidma u mill-isforzi li saru mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'rabta mad-drittijiet taċ-ċittadinanza jinsabu fir-rapport eċċellenti li sar mill-kollega tiegħi Nikos Salavrakos. Madankollu, hemm kwistjonijiet li jispikkaw u li jeħtiġilhom li jiġu elenkati aktar f'dan ir-rapport.
Hekk kif qed nersqu aktar lejn l-Elezzjonijiet Ewropej, qed niġu mfakkra dwar l-importanza li l-proċeduri tar-reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE jkunu sempliċi kemm jista' jkun, sabiex l-għadd ta' persuni fir-reġistru elettorali jkun kemm jista' jkun kbir. Seduta pubblika dwar iċ-ċittadinanza, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fi Frar 2013 iffukat fuq kwistjonijiet relevanti, pereżempju, li ċ-ċittadini jiċċaħdu wkoll mid-dritt li jivvutaw meta dawn ikunu qed jgħixu barra minn pajjiżhom, kemm fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom kif ukoll f'dawk tal-pajjiż tar-residenza l-ġdida tagħhom.
Wasal proporzjon kunsiderevoli ta' petizzjonijiet mingħand persuni li, wara li jagħmlu użu mil-libertà ta' moviment u ta' stabbiliment, imorru lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u jsibu li l-pensjoni jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom ma tqiesux adegwatament mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kalkolu ta' dak li huma intitolati għalih. F'bosta każijiet jdher li dawn fil-fatt huma vvitimizzati minħabba li dawn qattgħu parti mill-ħajja professjonali tagħhom f'pajjiż ieħor tal-UE u dan mhux biss ikollu effett negattiv fuqhom bħala individwi iżda jaġixxi wkoll ta' deterrent għal oħrajn li jistgħu ikunu qed jikkontemplaw jgħixux jew jaħdmux barra minn pajjiżhom. Il-Kumitat qies li għandha ssir iżjed ħidma sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam tiġi kkoordinata u allinjata.
L-indirizzar tal-kriżi
Tressqu bosta petizzjonijiet dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-ħajja taċ-ċittadini lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, li qies dan it-tħassib qawwi fl-attività leġiżlattiva tiegħu. Uħud mill-petizzjonijiet kienu l-enfasi tal-laqgħa pubblika dwar l-Impatt tal-Kriżi Ekonomika, li kienet organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'Settembru 2013. Il-kritika l-aktar frekwenti kienet dwar il-fatt li bosta banek mhumiex lesti jipprovdu finanzjament għal investiment lin-negozji ż-żgħar filwaqt li madankollu xorta jkomplu jħallsu bonuses mhux ġustifikati u salarji għoljin lill-maniġment tagħhom jew, f'ċerti każijiet, lill-maniġment li kellhom qabel.
Id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità
Matul l-2013, il-Kumitat kompla jagħti l-attenzjoni tiegħu u ċertament il-prijorità lill-petizzjonijiet li jirrigwardaw il-persuni b'diżabilità. Il-Kumitat inħatar permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li jipparteċipa flimkien mal-Kummissjoni, l-FRA u l-EDF fil-Qafas tal-UE - korp ta' monitoraġġ stabbilit skont it-termini tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità. Dan kien attiv f'erba' laqgħat relatati matul is-sena. Madankollu, il-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet li tikkonferixxi dan ir-rwol lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-PE, b'kollaborazzjoni ma' kumitati oħra, inkluż il-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
Saru għadd ta' laqgħat f'dan il-kuntest b'petizzjonanti li jirrappreżentaw id-drittijiet ta' persuni għomja li kienu qed jiġġieldu d-dritt ta' aċċess għal materjal tal-qari skont it-termini tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali li kienet qed tiġi nnegozjata fl-2012, u li wara pressjoni mill-Parlament Ewropew fuq il-Kummissjoni u l-Istati Membri, eventwalment ġiet konkluża u ffirmata.
Il-Kumitat kellu dibattiti dwar il-kwistjoni perpetwa b'rabta mas-sede tal-istituzzjonijiet Ewropej (suġġetta għal petizzjonijiet iffirmati minn kważi miljun u nofs persuna), u b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, fejn għamel votazzjoni dwar opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u b'maġġoranza ffavorixxa sede unika stabbilita fi Brussell, filwaqt li rrikonoxxa li teħtieġ unanimità fost l-Istati Membri kollha biex ikun jista' jkun hemm tibdil.
Ir-relazzjonijiet interistituzzjonali
Il-Kumitat diġà għandu relazzjonijiet tajbin ma' bosta parlamenti nazzjonali u f'bosta każijiet il-kuntatti huma pjuttost frekwenti, bħalma huma dawk mal-Ombudsman Ewropew u membri oħra tal-Qafas Ewropew tal-Ombudsman li nħoloq fuq inizjattiva ta' Nikiforos Diamandouros. Din is-sena, il-Kumitat kien involut b'mod attiv fl-organizzazzjoni tal-elezzjoni tas-suċċessur tiegħu, is-Sa Emily O’Reilly, li ġiet eletta biex isservi l-bqija tal-mandat attwali.
Ir-Rapporteur jappella għall-istabbiliment ta' djalogu annwali bejn il-Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Membri Parlamentari mill-Kumitati għall-Petizzjonijiet fil-parlamenti nazzjonali. Din l-inizjattiva tista' twassal għal sħubija soda, fejn dawk li jfasslu l-liġi fil-livell Ewropew u nazzjonali jistgħu jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fit-trattament tal-petizzjonijiet.
Ir-Rapporteur jemmen bil-qawwa li kull petizzjonant għandu jiġi ttrattat b'rispett u li l-petizzjoni li jippreżenta tingħata l-integrità li jistħoqqilha. Huwa jappella għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE dwar id-dritt fundamentali li għandhom li jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew u li dan jistgħu jagħmluh bil-fiduċja kollha li t-tħassib tagħhom se jinstema'.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
11.2.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Heinz K. Becker, Victor Boştinaru, Philippe Boulland, Nikolaos Chountis, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Ágnes Hankiss, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Erminia Mazzoni, Chrysoula Paliadeli, Nikolaos Salavrakos, Jarosław Leszek Wałęsa, Angelika Werthmann, Rainer Wieland, Zbigniew Zaleski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marino Baldini, Sandrine Bélier, Vicente Miguel Garcés Ramón, Axel Voss |
||||
«««