RAPPORT li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF)

26.2.2014 - (2013/2166(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Sven Giegold
(Inizjattiva - Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura)


Proċedura : 2013/2166(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0133/2014
Testi mressqa :
A7-0133/2014
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF)\ECON

(2013/2166(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku[1],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea)[2],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol)[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)[4],

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku[5],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)[6],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru .../.... li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu[7],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013 bil-għan tal-adozzjoni ta' regolament tal-Kunsill (UE) Nru .../2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu[8],

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-3 ta' Ġunju 2010 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea[9] u l-pożizzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar dik il-proposta[10],

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-3 ta' Ġunju 2010 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol[11] u l-pożizzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar dik il-proposta[12],

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-3 ta' Ġunju 2010 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq[13] u l-pożizzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar dik il-proposta[14],

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Mejju 2010 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq[15] u l-pożizzjoni tagħha tat-22 ta' Settembru 2010 dwar dik il-proposta[16],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Mejju 2010 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku[17] u l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar dik il-proposta[18],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Mejju 2010 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'kompiti speċifiċi għall-Bank Ċentrali Ewropew rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku[19] u l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar dik il-proposta[20],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-1 ta' Marzu 2013 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-1 ta' Marzu 2013 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-1 ta' Marzu 2013 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-5 ta' Settembru 2013 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tagħha dwar il-Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 - it-taqsimiet kollha,

–   wara li kkunsidra l-"Core Principles for Effective Banking Supervision" approvata fit-13 sal-14 ta' Settembru 2012 mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja[21],

–   wara li kkunsidra l-Karatteristiċi Ewlenin tar-Reġimi ta’ Riżoluzzjoni Effettivi għal Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja ppubblikati f’Ottubru 2011,

   wara li kkunsidra l-"Good practice principles on supervisory colleges" maħruġa mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja[22],

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta' Jannar 2014 fil-Kawża C-270/12 Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0133/2014),

A. billi l-kriżi finanzjarja wriet li ġestjoni mhux adegwata tar-riskji u superviżjoni ineffiċjenti, mhux uniformi u frammentata tas-swieq finanzjarji kkontribwew għal instabilità finanzjarja u għal nuqqas ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji;

B.  billi l-Parlament Ewropew kien favur ħafna l-ħolqien tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, ippreveda aktar setgħat fil-koordinazzjoni u s-superviżjoni diretta għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, u jemmen li huma atturi ewlenin fil-ħolqien ta' swieq finanzjarji aktar stabbli u sikuri u li l-Unjoni teħtieġ superviżjoni aktar b'saħħitha u kkoordinata aħjar fil-livell tal-Unjoni;

C. billi t-twaqqif tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) tejbet il-kwalità u l-konsistenza tas-superviżjoni finanzjarja fis-suq intern; billi dan huwa proċess evoluzzjonarju li fih l-Istati Membri tal-Bord Superviżorju għandhom jiffokaw fuq il-valuri u l-interessi tal-Unjoni;

D. billi sa mit-twaqqif tal-SESF, is-superiżjoni makroprudenzjali fl-Unjoni żviluppat b'pass aktar mgħaġġel mis-sorveljanza makroprudenzjali;

E.  billi s-setgħat għas-superviżjoni mikroekonomika u makroekonomika huma kkonċentrati f'idejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li għandu jieħu miżuri adegwti biex jevita kunflitti ta' interess minħabba l-funzjonijiet tal-BĊE fil-politika monetarja;

F.  billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jipprevjenu l-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni;

G. billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ingħataw l-inkarigu, fost l-oħrajn, ta' konverġenza u biex jgħinu jżidu l-kwalità tas-superviżjoni ta' kuljum, u hemm il-ħtieġa tal-iżvilupp ta' indikaturi tal-prestazzjoni li jiffokaw fuq l-eżitu regolatorju li jintlaħaq fis-superviżjoni ta' kuljum;

H. billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej issodisfaw il-mandat tagħhom li jikkontribwixxu għall-proċeduri leġiżlattivi u li jipproponu standards tekniċi;

I.   billi, għalkemm ir-regolamenti li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej huma kważi identiċi, l-ambitu tagħhom evolva b’mod differenti ħafna;

J.    billi rigward l-istandards tekniċi regolatorji (RTS) u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni (ITS), il-Kummissjoni għandha r-responsabilità li tadotta, b’emenda jew mingħajr emenda, l-abbozzi proposti mill-ASE, iżda għandha tipprovdi raġunijiet dettaljati li jispjegaw għaliex ma jkunux ġew osservati dawk l-abbozzi;

K. billi ntwera li s-superviżjoni diretta tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mill-Awtorità Ewropea tat-Titolu u s-Swieq (ESMA) tista' ttejjeb il-kwalità tas-superviżjoni f’dan il-qasam;

L.  billi l-RTSs huma adottati bħala atti delegati u jiggarantixxu l-involviment tal-ASE fl-oqsma fejn għandhom aktar għarfien espert tekniku għall-abbozzar ta' livelli aktar baxxi ta' leġiżlazzjoni;

M. billi l-paragrafu 2 tal-Fehim Komuni bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-atti delegati jiddikjara li t-tliet istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ atti delegati bil-għan li l-eżerċizzju tas-setgħa delegata jsir bla xkiel u li l-Parlament u l-Kunsill ikollhom kontroll effikaċi fuq din is-setgħa;

N. billi t-twaqqif ta’ Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) kien pass importanti fit-triq lejn is-superviżjoni koerenti tal-banek fiż-żona tal-euro u fi Stati Membri parteċipanti oħra;

O. billi l-ħolqien ta’ MSU għandu implikazzjonijiet serji ħafna għat-twaqqif istituzzjonali ta’ superviżjoni mikroprudenzjali u makroprudenzjali fl-Unjoni meta jiġu kkunsidrati s-setgħat attribwiti lill-BĊE f’dawn l-oqsma;

P.  billi l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) ipprovda rakkomandazzjonijiet makroekonomiċi utli għall-proċess leġiżlattiv li kienu fl-oqsma tal-fondi tas-swieq tal-flus, tar-rekwiżiti tal-kapital, tad-direttiva dwar il-kreditu ipotekarju jew ta’ miżuri simmetriċi ta’ garanzija fil-tul fil-proġett Solvenza II[23] li parti minnhom biss ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni u l-koleġiżlaturi;

Q. billi l-BERS m’għandux rwol mandatorju fil-leġiżlazzjoni, anke fejn huma kkonċernati kwistjonijiet makroekonomiċi;

R.  billi l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv kellu rwol importanti u kostruttiv fl-ixprunar tal-aġenda tal-BERS, b’mod partikolari billi ħeġġeġ lill-BERS jiffoka fuq kwistjonijiet kontroversjali u fundamentali;

S.  billi wħud mill-proposti tal-BERS setgħu ġew ikkunsidrati mill-koleġiżlaturi jew mill-Kummissjoni kieku nħarġu fi stadju aktar bikri tal-proċess leġiżlattiv;

T.  billi l-BERS twaqqaf matul il-kriżi finanzjarja biex jipprevjeni li l-kriżi tmur għall-agħar u jippreserva l-istabilità finazjarja;

U. billi r-riskju sistemiku maħluq minn rati tal-interessi baxxi ħafna li nżammu għal perjodu twil qatt ma ssemma' f'dikjarazzjoni maħruġa mill-BERS;

V. billi l-politika monetarja jista’ jkollha influwenza sinifikanti fuq il-bżieżaq tal-kreditu u tal-prezzijiet tal-assi u għaldaqstant jista’ jinħoloq kunflitt ta’ interessi bejn il-politika monetarja tal-BĊE u l-attività tal-BERS;

W. billi kien mistenni li wara l-ewwel proposti tal-Kummissjoni l-BERS ikollu iktar mid-doppju tal-membri tal-persunal minn dawk li effettivament għandu, u ċ-ċaqliq ta’ persunal ikkwalifikat huwa ta’ ħsara għal xogħlu;

X. billi d-dikjarazzjonijiet tal-BERS dwar ir-Regolament EMIR ma ġewx ikkunsidrati mill-ESMA;

Y. billi t-twaqqif tal-BERS barra l-BĊE jista', minħabba l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ma jippermettix lill-BERS jindirizza l-BĊE b'opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew twissijiet;

Z.  billi l-istruttura tal-BERS u d-daqs tal-korp għat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu jxekklu proċess mgħaġġel ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

Aa. billi r-Rakkomandazzjoni 2011/3 tal-BERS tiddikjara li l-banek ċentrali għandu jkollhom rwol ewlieni fis-superviżjoni makroprudenzjali u, fid-dawl ta’ dan, huwa meħtieġ li r-rappreżentanti tal-banek ċentrali jkunu membri tal-korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BERS;

Ab.     billi s-sħubija tal-BERS hija bbażata ħafna fuq banek ċentrali li għandhom rwol importanti iżda għandhom ukoll perspettivi simili;

Ac. billi partijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni settorjali li jikkonferixxu kompetenzi speċifiċi lill-ASE għadhom ma daħlux fis-seħħ, u b’hekk huwa impossibbli li l-ASE jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod ugwali;

Ad.     billi l-leġiżlazzjoni relatata ma’ swieq finanzjarji, servizzi finanzjarji u prodotti finanzjarji hija frammentata ħafna u l-ammont kbir ta’ testi legali jikkawża lakuni, duplikazzjoni ta’ obbligi ta’ rappurtar, diverġenza istituzzjonali u duplikazzjoni regolatorja u tista' tikkawża konsegwenzi mhux intenzjonati u impatti negattivi fuq l-ekonomija reali;

Ae. billi l-Istati Uniti tal-Amerika ħolqu Bureau għall-Protezzjoni Finanzjarja tal-Konsumaturi f'livell federali (Consumer Financial Protection Bureau) b’mandat qawwi;

Af. billi t-trasparenza u l-indipendenza huma ingredjenti importanti tal-governanza tajba u huwa importanti li tiżdied it-trasparenza tax-xogħol tal-ASE u l-indipendenza tagħhom;

Ag. billi għalkemm l-ASE ġeneralment joperaw b'mod trasparenti permezz ta' informazzjoni fuq il-websajts tagħhom, hemm il-ħtieġa ta' żieda fit-trasparenza rigward ix-xogħol tagħhom u ta' progress dwar il-konsulenza u l-proposti, kif ukoll ta' aktar informazzjoni rigward kwistjonijiet bħal task forces u gruppi ta' ħidma;

Ah. billi l-Kummissjoni hija involuta b’mod formali u informali fl-operazzjonijiet tal-ASE, l-involviment tagħha għadu mhux fuq bażi trasparenti, u r-rwol tagħha għandu jiġi allinjat ma’ dak tal-Parlament u l-Kunsill, sabiex b’hekk ma jitqajjem l-ebda dubju dwar l-indipendenza tal-ASE;

Ai. billi l-benfiċċju tal-kontribuzzjonijiet tal-gruppi tal-partijiet interessati għall-ħidma tal-ASE jidher li kien limitat;

Aj. billi ż-żieda fit-trasparenza hija ta' importanza kbira għal gruppi ta' partijiet interessati biex joħolqu regoli meqjusa tajjeb u li jistgħu jiġu użati fis-swieq finanzjarji, u l-kooperazzjoni mal-parteċipanti tas-suq tista' taħdem ferm aħjar jekk dawk il-gruppi jkunu aktar trasparenti rigward il-kompożizzjoni tal-grupp u l-obbligi dettaljati assenjati lill-grupp;

Ak.     billi l-ASE għandhom jappoġġjaw lill-Kummissjoni billi l-kompetenza tagħhom fis-servizzi finanzjarji ssir disponibbli b'mod trasparenti;

Al. billi l-ASE għandhom jgħinu lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi billi jivvalutaw il-punt safejn il-leġiżlazzjoni qiegħda tilħaq l-objettivi regolatorji tagħha, u għandhom jagħmlu dik il-valutazzjoni disponibbli għall-pubbliku fl-interess tat-trasparenza. L-ASE għandhom jipprovdu opinjonijiet formali dwar il-leġiżlazzjoni proposta tal-Unjoni u jivvalutaw is-saħħa tal-evidenza u tal-analiżi li huma inklużi fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposta leġiżlattiva;

Am.     billi fil-Kawża C-270/12, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea indikat ambitu ta' potenzjal aħjar għal attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta' Superviżuri Finanzjarji taħt l-Artikolu 114 TFUE meta mqabbel mal-interpretazzjoni prevalenti ta' dik is-sentenza fil-Kawża C-9/56 Meroni [24]fiż-żmien meta inħolqot l-SESF, u l-Kummissjoni, għalhekk, għandha tivvaluta l-implikazzjonijiet potenzjali fir-rieżami li ġej tal-SESF;

An. billi s-superviżjoni tal-BĊE ta’ konglomerati finanzjarji attivi fis-sistema ta’ banek u fin-negozju tal-assigurazzjonijiet tinsab limitata mill-bażi legali għall-MSU;

Ao.     billi l-ħolqien ta' MSU jimmodifika l-iskema superviżorja sottostanti tal-SESF u joħloq ċertu grad ta' asimmettrija bejn l-awtoritajiet differenti u l-ambiti ta' superviżjoni tagħhom;

Ap.     billi wara d-dħul fis-seħħ tal-MSU, huwa ta’ importanza partikolari li jiġi evitat arbitraġġ regolatorju, jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi, jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jiġi pprevenut it-tgħawwiġ u jinżammu l-libertajiet fundamentali;

Aq.     billi l-BĊE u l-ASE jużaw standards u intervalli ta’ rappurtar differenti u l-ħolqien tal-MSU jista’ jippreżenta riskju serju ta’ duplikazzjoni ta’ rekwiżiti tar-rappurtar jekk l-awtoritajiet nazzjonali ma jikkooperawx biżżejjed mal-MSU u l-ASE;

Ar. billi d-dritt ta' investigazzjoni kontra l-ksur possibbli tal-liġi tal-Unjoni u l-possibbiltà ta' medjazzjoni vinkolanti rari ġew użati, u l-ASE għandhom biss possibbiltajiet limitati ħafna biex jibdew investigazzjonijiet dwar ksur allegat tal-liġi mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

As. billi fir-rigward ta' ksur possibbli tal-liġi tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet li jaffettwaw l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jittieħdu minn superviżuri nazzjonali fi ħdan il-Bordijiet ta' Superviżuri tal-ESAs;

At. billi taħt l-influwenza tas-setgħat ta’ medjazzjoni vinkolanti tal-ASE, instabu bosta soluzzjonijiet utli permezz ta' medjazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

Au. billi kien diffiċli għar-rappreżentanti nazzjonali li jisseparaw ir-rwol tagħhom ta’ kap ta’ awtorità nazzjonali kompetenti u ta' entità Ewropea għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u dan jikkostitwixxi sfida għall-kapaċità tagħhom li jaderixxu b’mod ġenwin mar-rekwiżit li jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess waħdieni tal-Unjoni b’mod ġenerali skont l-Artikolu 42 tar-regolamenti tal-ASE;

Av. billi l-pressjoni tal-pari ma ħadmitx kif kien previst matul it-tfassil oriġinali tal-ASE u huwa meħtieġ li l-ASE jitħallew jistimulaw l-iżvilupp tagħha;

Aw.     billi wħud mill-ASE għadhom isibuha diffiċli jiġbru l-informazzjoni meħtieġa għal xogħolhom fil-format meħtieġ u billi l-ABE kellha twettaq testijiet tal-istress, iżda f'xi każijiet la kellha s-setgħa legali meħtieġa biex tiġbor id-dejta meħtieġa għat-testijiet u lanqas is-setgħat legali biex tivverifika d-dejta li dehret li ma kinitx preċiża;

Ax. billi l-ASE jistgħu joqogħdu lura minn ċertu talbiet neċessarji għall-informazzjoni peress li jistennew li jiġu rifjutati mill-Bordijiet tas-Superviżuri tagħhom;

Ay. billi l-leġiżlazzjoni li dwarha ntlaħaq ftehim reċentement tejbet is-setgħat tal-ASE biex jinvestigaw ksur allegat jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jipprovdu lill-ASE rilevanti bl-informazzjoni kollha li titqies meħtieġa, inkluż kif il-leġiżlazzjoni tiġi applikata skont il-liġi tal-Unjoni;

Az. billi matul it-twaqqif tal-MSU, kien hemm xi progress fl-għoti tas-setgħat neċessarji lill-ABE għall-ġbir ta’ informazzjoni b’mod dirett iżda jeħtieġ li din il-kapaċità tingħata lil ASE oħra;

Ba. billi l-linji gwida wrew li huma utli u meħtieġa biex jimlew il-lakuni fir-regolazzjoni fejn ma ġiet prevista l-ebda setgħa għall-ASE fil-leġiżlazzjoni settorjali;

Bb. billi l-ASE għandhom il-mandat li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri iżda m’għandhomx ir-riżorsi biex jivvalutaw l-infurzar effettiv;

Bc. billi d-Direttiva MiFID I[25] hija implimentata fl-Istati Membri kollha, iżda ċerti Stati Membri jirrifjutaw li japplikaw u jinfurzaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-prattika;

Bd. billi l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ASE fil-kulleġġi tas-superviżuri tejbet il-funzjonament tal-kulleġġi, iżda l-kulleġġi għamlu biss progress limitat fit-titjib tal-konverġenza supeviżorja;

Be. billi d-drittijiet tal-votazzjoni fil-Bordijiet tas-Superviżuri tal-ASE mhumiex proporzonali mad-daqs tal-Istati Membri rilevanti, bħal ma huwa l-każ fil-BĊE jew f'aġenziji Ewropej oħrajn;

Bf. billi l-bidliet fis-sistema ta' votazzjoni oriġinali tal-ABE, li wriet li tiżgura trattament ġust tal-Istati Membri u kundizzjonijiet ta' xogħol bla intoppi għall-ESAs, kienu konċessjoni għal xi Stati Membri u għamlu l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-Bord ta' Superviżuri aktar onerużi u kkumplikati;

Bg. billi ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi tal-età jew tas-sessi fil-ħatra tal-Presidenti tal-ASE, li hija pożizzjoni li għandha tiġi promossa b’mod wiesa’ fl-Unjoni kollha;

Bh. billi l-President, id-Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-Bord tas-Superviżuri u l-Bordijiet ta’ Ġestjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess biss tal-Unjoni.

Bi. billi xi superviżuri nazzjonali minn Stati Membri kellhom diffikultajiet biex jissodisfaw il-kontribuzzjonijiet mandatorji tagħhom għall-baġits tal-ASE;

Bj. billi kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-Istati Membri huma f'kunflitt mal-indipendenza tal-ASE;

Bk. billi l-ASE iddikjaraw li kellhom diffikultajiet biex jimpjegaw membri tal-persunal ta' ċertu anzjanità u jinsabu limitati fis-sodisfazzjoni tal-mandat tagħhom min-nuqqas ta' riżorsi, il-persunal u r-riżorsi disponibbli ma jirriflettux il-funzjonijiet rikjesti biex jitwettqu;

Bl. billi l-finanzjament attwali tal-ASE, b’arranġament ta’ finanzjament imħallat, mhuwiex flessibbli, joħloq piż amministrattiv, u huwa theddida għall-indipendenza tal-aġenziji;

Bm.     billi l-mandat regolatorju għall-iżvilupp ta' atti ta' implimentazzjoni u delegati kien prijorità għall-ASE fil-fażi ta' twaqqif tagħhom u kellu piż sproporzjonat fil-volum ta' xogħol tagħhom meta mqabbel ma' responabilitajiet oħrajn;

Bn. billi l-ASE ma setgħux jiddedikaw riżorsi biżżejjed għall-funzjoni ewlenija tat-twettiq ta’ analiżi ekonomika tas-swieq finanzjarji (kif preskritt bl-Artikolu 8(1)(g) tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, Nru 1094/2010, u Nru 1095/2010), liema funzjoni tikkostitwixxi pedament essenzjali għall-abbozzar ta’ regoli ta’ kwalità għolja;

Bo. billi l-mandat komuni biex jiġu prodotti rapporti dwar it-tendenzi tal-konsumaturi jirrikjedi li l-Istati Membri kollha jiġbru informazzjoni dwar dawn it-tendenzi;

Bp. billi l-ABE għadha nieqsa minn bażi legali fis-servizzi tal-ħlas u fid-Direttiva dwar il-kreditu tal-konsumatur [26] fost l-oħrajn;

Bq. billi xi rekwiżiti previsti mill-ASE għall-parteċipanti kollha tas-suq ġew ikkunsidrati minn xi parteċipanti tas-suq bħala onerużi, inadegwati u mhux proporzjonali mad-daqs u l-mudell ta' negozju tad-destinatarji u l-leġiżlazzjoni settorali mhux dejjem ipprovdiet biżżejjed flessibilità għall-applikazzjoni tal-liġi tal-UE;

Br. billi l-BĊE għandu d-dritt li jipparteċipa fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill waqt li l-ASE fil-parti l-kbira tal-każijiet ma jkunux preżenti fil-proċess formali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

Bs. billi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, l-isforzi, ir-riżorsi użati u r-riżultati tal-ASE kienu differenti u kienu konsiderevolment baxxi fir-rigward tal-ABE;

Bt. billi governanza korporattiva u sistema ta’ żvelar dgħajfa kienu fatturi sinifikanti li kkontribwew għall-kriżi attwali;

Bu. billi l-prinċipji superviżorji ġodda ta’ Basel jinkludu żewġ prinċipji ġodda dwar il-governanza korporattiva, it-trasparenza u l-iżvelar;

Bv. billi l-bejgħ inadatt, il-kompetizzjoni inġusta u l-imġiba bbażata fuq it-tiftix ta' renta jistgħu ikunu ta' dannu għall-konsumaturi;

Bw.     billi l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-ABE ma pprovdewx rapporti dwar it-tendenzi tal-konsumaturi;

Bx. billi r-Rapport dwar l-Istabilità Finanzjarja tal-BERS kif ġie mwiegħed mill-President tal-BĊE Mario Draghi għad irid jiġi ppubblikat;

By. billi l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi livell ekwivalenti ta' għarfien espert fost il-membri tal-ASE, anke jekk xi wħud minnhom m'għandhomx mandat parallel fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom;

Bz billi l-klawsoli ta' salvagwardja attwali fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 jillimitaw il-possibilitajiet għall-medjazzjoni skont l-Artikoli 18 u 19 tagħhom, partikolarment f'każijiet ta' riżoluzzjoni ta' grupp transkonfinali taħt id-Direttiva tal-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek għax is-setgħat tat-teħid ta' deċiżjonijiet finali jitħallew f'idejn l-Istat Membru li għandu r-responsabilità fiskali għall-istituzzjoni inkwistjoni;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, sal-1 ta’ Lulju 2014, tippreżenta lill-Parlament proposti leġiżlattivi għar-reviżjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1092/2010, (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) Nru 1096/2010, wara r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li saru fl-Anness tagħhom, abbażi tal-esperjenza akkwistata sa minn meta ġew stabbiliti l-ASE u ta’ analiżi dettaljata tal-bażi legali u l-alternattivi disponibbli għall-Artikolu 114 TFUE, inkluż każistika riċenti;

2.  Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-principju ta’ sussidjarjetà;

3.  Jikkunsidra li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposti mitluba jridu jkunu koperti b’allokazzjonijiet baġitarji xierqa mill-baġit tal-Unjoni, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-opzjoni tal-ASE li jnaqqsu tariffi mill-entitajiet taħt is-superviżjoni tagħhom;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

  • [1]  ĠU L 331, 15.12.2010, p.1.
  • [2]  ĠU L 331, 15.12.2010, p.12.
  • [3]  ĠU L 331, 15.12.2010, p.48.
  • [4]  ĠU L 331, 15.12.2010, p.84.
  • [5]  ĠU L 331, 15.12.2010, p.162.
  • [6]  ĠU L 331, 15.12.2010, p.120.
  • [7]     Testi adottati, P7_TA(2013)0371.
  • [8]     Testi adottati, P7_TA(2013)0372.
  • [9]    A7-0166/2010.
  • [10]   Testi adottati, P7_TA(2010)0337.
  • [11]   A7-0170/2010.
  • [12]   Testi adottati, P7_TA(2010)0334.
  • [13]   A7-0169/2010.
  • [14]   Testi adottati, P7_TA(2010)0339.
  • [15]   A7-0163/2010.
  • [16]   Testi adottati, P7_TA(2010)0336.
  • [17]   A7-0168/2010.
  • [18]   Testi adottati, P7_TA(2010)0335.
  • [19]   Testi adottati, P7_TA(2010)0338.
  • [20]   A7-0167/2010.
  • [21]   http://www.bis.org/publ/bcbs230.pdf.
  • [22]   http://www.bis.org/publ/bcbs177.pdf.
  • [23]           Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
  • [24]  Il-Kawża 9/56 Meroni vs High Authority [1957 u 1958] Ġabra 133.
  • [25]           Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).
  • [26]           Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTI MITLUBA

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv jew l-atti leġiżlattivi li se jiġu adottati għandhom jipprovdu dan li ġej:

Is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja għandha tkompli tiġi adattata għall-MSU kif ġej:

–   Jitjieb il-mandat għall-ASE kollha għal medjazzjoni vinkolanti u mhux vinkolanti speċjalment fir-rigward tal-BĊE;

–   ikun iċċarat il-mandat tal-ASE għat-twettiq ta' medjazzjoni vinkolanti f'oqsma li jinvolvu l-eżerċizzju ta' ġudizzju superviżorju;

–   L-ASE jingħataw il-possibilità li jibdew medjazzjoni vinkolanti u mhux vinkolanti fejn tkun prevista fil-leġiżlazzjoni settorjali fuq l-inizjattiva proprja tal-bord ta’ ġestjoni;

–   Jitjiebu s-setgħat tal-ASE biex iwettqu testijiet tal-istress biex talanqas ikollhom possibiltajiet komparabbli ma' dawk mogħtija fl-ABE matul it-twaqqif tal-MSU;

–   Jiġi żgurat li L-ASE, il-BERS, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-BĊE, fil-każ ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-MSU, ikollhom aċċess għall-istess informazzjoni superviżorja li għandha tiġi pprovduta, fejn ikun possibbli, bl-istess frekwenza u f'format elettroniku komuni li jiġi ddeterminat mill-ASE; madankollu, il-format komuni ma jinkludi ebda rekwiżit ġdid għall-provvista ta' dejta skont l-istandards internazzjonali, bħall-IFRS, u se jiġu permessi wkoll perjodi tranżitorji għall-introduzzjoni obbligatorja tal-format komuni;

–   Jiġi żgurat li l-BERS ikun jista’ jkompli jiżviluppa bħala netwerk b’saħħtu li jiżgura monitoraġġ u analiżi permanenti tar-riskji sistemiċi fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, biex jiżviluppa kultura ta’ djalogu bejn is-superviżjoni mikroprudenzjali u l-kontroll makroekonomiku;

–   Jiġu previsti mekkaniżmi li jtejbu l-indipendenza tal-BERS, filwaqt li tiġi żgurata interazzjoni mal-BĊE;

–   Jiġi żgurat it-tibdil operattiv meħtieġ tal-BERS bħala konsegwenza tat-twaqqif tal-MSU, inkluża l-possibilità li l-BERS jindirizza twissijiet u rakkomandazzjonijiet lill-BĊE u l-MSU;

–   Jiġi żviluppat punt ta' dħul wieħed għal kwalunkwe ġbir ta' dejta, li se jkun responsabbli għall-għażla, il-validazzjoni u t-trażmissjoni tad-dejta superviżorja u statistika;

–   Jissaħħaħ ir-rwol tal-kumitat xjentifiku tal-BERS;

–   Jinħatar President eżekuttiv tal-BERS;

–   Jiġi vvalutat u ċċarat il-mandat u l-kompiti tal-BERS sabiex ikunu evitati kunflitti ta’ interess bejn is-superviżjoni mikroprudenzjali u l-għodod superviżorji u l-kontroll makroekonomiku.

–   Jissaħħaħ ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BERS u tiġi aġġustata l-kompożizzjoni tiegħu;

–   Titwessa’ l-lista ta’ destinatarji possibbli ta’ twissijiet u rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS biex tinkludi l-BĊE (fir-rwoli tiegħu kif definiti mill-MSU) u l-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali;

–   Jiġu inklużi r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS fis-Semestru Ewropew permezz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet lill-Unjoni inġenerali;

Fejn l-esperjenza wriet il-ħtieġa għal reviżjoni, atti leġiżlattivi ġodda għandhom itejbu l-funzjonament tas-SESF billi:

Il-Presidenti

–   itejbu s-setgħat tal-Presidenti tat-tliet ASE li jieħdu deċiżjonijiet tekniċi u operazzjonali jew li jitolbu informazzjoni minn awtoritajiet superviżorji oħra konformi mal-mandat tal-ASE rispettiva u tiġi ffaċilitata d-delega ta' kompetenzi ulterjuri mill-Bordijiet tas-Superviżuri lill-President;

–   il-presidenti jingħataw is-setgħa li joħorġu evalwazzjonijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-ASE;

–   jagħtu lill-presidenti u lid-diretturi eżekuttivi d-dritt għall-vot fil-Bord tas-Superviżuri;

–   jiżguraw li l-presidenti tal-ASE jingħataw is-setgħa li jaħtru l-presidenti ta’ kumitati interni u l-gruppi ta' ħidma skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-ASE;

–   jiżguraw li l-Presidenti tal-ASE u tal-BERS jiġu mistiedna formalment għal-laqgħat tal-ECOFIN tal-inqas darbtejn kull sena biex jirrapurtaw dwar l-attivitajiet u l-programm ta’ ħidma tagħhom;

–   jiżguraw li l-bilanċ bejn is-sessi jiġi segwit b'mod attiv fl-ambitu tal-qafas tal-proċeduri ta' għażla ta' presidenti u d-deputati tagħhom, li l-proċess ikun trasparenti u jiġi ppjanat b'mod li jippermetti lill-Parlament jeżerċita r-rwol tiegħu f'tali proċedimenti;

–   jiżguraw, minkejja li jiġi rispettat il-prinċipju fil-paragrafu preċedenti, li l-presidenti tal-ASE jintgħażlu biss abbażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolazzjoni finanzjarji;

Governanza: organizzazzjoni, teħid ta' deċiżjonijiet, indipendenza u trasparenza

–   jemendaw l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u jittrasformaw il-Bordijiet ta’ Tmexxija tat-tliet ASE f’korpi indipendenti, fejn il-membri tal-persunal ikunu tliet professjonisti b’mandat Ewropew, maħtura mill-Parlament, il-president tal-ASE u d-diretturi eżekuttivi, u l-membri tal-Bord ta’ Tmexxija jingħataw id-dritt li jivvutaw fil-Bord tas-Superviżuri biex tiġi żgurata aktar indipendenza mill-interessi nazzjonali; il-President tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jikkoinċidi mal-President tal-Bord tas-Superviżuri u jkollu vot deċiżiv kemm fil-Bord ta’ Tmexxija kif ukoll fil-Bord tas-Superviżuri;

–   jemendaw l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u jimmodifikaw il-kompożizzjoni tal-Bord tas-Superviżuri li għandu jkun kompost mill-kap tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll mill-membri l-oħra tal-Bord ta’ Tmexxija;

–   jallokaw mill-ġdid il-kompiti bejn il-Bord ta’ Tmexxija u l-Bord tas-Superviżuri b’mod li l-Bord tas-Superviżuri jiffoka fuq l-għoti ta’ gwida strateġika lill-ħidma tal-ASE, bl-adozzjoni ta’ standards tekniċi, linji gwida u rakkomandazzjonijiet ġenerali u d-deċiżjonijiet dwar interventi temporanji u deċiżjonijiet oħra jittieħdu mill-Bord ta’ Tmexxija fejn, f’ċerti każijiet, il-Bord tas-Superviżuri jkollu d-dritt li joġġezzjona għall-proposta tal-Bord tat-Tmexxija;

–   jagħtu lill-ASE linja baġitarja indipendenti bħal dik tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li tkun iffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet tal-parteċipanti tas-suq u l-baġit tal-Unjoni;

–   itejbu l-indipendenza tal-ASE mill-Kummissjoni, speċjalment fir-rigward ta' funzjonijiet ta' kuljum;

–   jistabbilixxu proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet simplifikati aktar fi ħdan il-Bordijiet ta' Superviżuri għat-tliet ASE;

–   jissimplifikaw il-mekkaniżmi ta' votazzjoni u jintroduċu mill-ġdid l-istess regoli ta' votazzjoni għat-tliet ASE, abbażi tal-mekkaniżmi ta' votazzjoni attwali tal-ESMA u l-EIOPA;

–   itejbu u jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-ASE mill-Kummissjoni Ewropea billi jistabbilixxu proċeduri formali u obbligi ta' żvelar dwar il-komunikazzjonijiet, l-opinjonijiet legali u konsulenza orali formali jew informali pprovduta mill-Kummissjoni;

–   jiżguraw li dwar kwistjonijiet rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi għal membri tal-Bord tas-Superviżuri li m’għandhomx mandat għall-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Istat Membru tagħhom jiġu akkumpanjati minn rappreżentant tal-awtorità nazzjonali responsabbli fil-laqgħat rilevanti tal-bord;

–   jiżviluppaw proċeduri mgħaġġla u effettivi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kumitat Konġunt biex jippermettu t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mgħaġġel u jitnaqqsu l-possibilitajiet għal oġġezzjonijiet;

–   itejbu l-flessibilità tal-ASE biex jużaw persunal speċjalizzat għal funzjonijiet speċifiċi, anki għal perjodi limitati;

–   itejbu t-trasparenza tal-involviment tal-partijiet interessati u l-kunflitti ta’ interess potenzjali u jiżviluppaw reġim aktar strett ta’ perjodi ta’ żmien biex wieħed jerġa’ jaħsibha, b’mod partikolari permezz ta’ aktar ilħuq tal-gruppi li jbigħu bl-imnut, konsultazzjonijiet effiċjenti u aktar proċessi trasparenti;

–   jirrevedu s-sistema ta' gruppi ta' partijiet interessati inkluż l-istruttura tagħhom, il-kompozizzjoni tagħhom u r-riżorsi u l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-kompożizzjoni tal-gruppi ta' partijiet interessati biex jiżguraw il-kunsiderazzjoni tal-input mill-konsumaturi u mill-partijiet interessati mhux industrijali;

–   jistabbilixxu Unità tal-Analiżi Ekonomika biex tipprovdi analiżijiet dwar il-kostijiet-benefiċċji b’evidenza sħiħa tal-ITS, l-RTS u l-linji gwida proposti, kif ukoll biex tipprovdi input għall-opinjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni, lill-Parlament lill-Kunsill fil-preparazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida kif ukoll fir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

Ġabra unika tar-regoli u suq uniku

–   jirrevedu l-ambitu tal-azzjoni u l-lista tal-leġiżlazzjoni settorjali fl-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tal-ASE;

–   jirrikjedu li l-Kummissjoni u, fejn ikun rilevanti lill-ASE, tagħti risposta f’waqtha għal kummenti minn Membri tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozzi ta’ RTS, b’mod partikolari meta l-fehmiet espressi mill-Membri tal-Parlament Ewropew ma jkunux riflessi fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni;

–   jirrikjedu li l-Kummissjoni, fejn ma tappoġġax l-abbozzi tal-RTS jew tal-ITS proposti mill-ASE, tippubblika r-raġunijiet u l-analiżijiet dwar il-kostijiet-benefiċċji fejn tagħti evidenza sħiħa biex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni;

–   jistabbilixxu metodu formali ta’ komunikazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tappoġġa kompetizzjoni ġusta u sostenibbli fis-suq uniku u tevita żbilanċi antikompetittivi li jseħħu bħala riżultat ta’ leġiżlazzjoni, kemm fil-livell tal-aċċess tal-konsumaturi għal servizzi mibjugħa bl-imnut u d-differenzi tagħhom fl-Unjoni kollha kif ukoll fil-livell tal-kontrapartijiet professjonali u s-swieq tal-bejgħ bl-imnut;

–   jagħtu lill-ASE l-mandat li jirrapurtaw lill-Kummissjoni meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jfixklu l-funzjonament tas-suq uniku;

–   jagħtu l-mandat u s-setgħat lill-ASE biex jidentifikaw differenzi fil-prezzijiet fl-Istati Membri kollha u janalizzaw swieq partikolari fejn tista' tkun evidenti mġiba għat-tiftix ta' renta;

–   itejbu l-mandat tal-ASE biex jikkontribwixxi għat-tixrid ta’ dejta finanzjarja u d-dixxiplina tas-suq billi jirrikjedu li dawn jippubblikaw fuq il-websajts tagħhom informazzjoni dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali li jitqiesu meħtieġa għall-iżgurar tat-trasparenza tas-swieq finanzjarji;

–   jiċċaraw li l-linji gwida għat-titjib ta’ standards komuni għas-suq intern kollu skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 ikunu jistgħu jinħarġu fuq bażi biss tal-għoti ta’ setgħa rispettiv fil-leġiżlazzjoni settorjali u tal-kjarifika tal-premessi rilevanti, li jistgħu jiżguraż il-leġittimazzjoni demokratika;

–   jiċċaraw li l-linji gwida skont l-Artikolu 9(1) tar-regolamenti tal-ASE ikunu identiċi mal-linji gwida skont l-Artikolu 16 tagħhom;

–   jiżguraw kundizzjonijiet ugwali bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fi ħdan l-Unjoni u jirrikjedu li l-ASE jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità speċjalment fir-rigward ta' parteċipanti tas-suq ta' daqs żgħir u medju għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom u jiżviluppaw il-metodi, il-prattiki u l-manwali superviżorji;

–   jeħtieġu li l-ASE iwettqu valutazzjonijiet dwar l-impatt tal-miżuri proposti fuq l-impriżi ż-żgħar u l-ostakli għad-dħul fis-settur finanzjarju;

–   itejbu s-setgħat investigattivi tal-ASE fir-rigward tal-ksur possibbli tal-liġi tal-Unjoni u l-istandards tekniċi regolatorji li abbozzaw;

–   jagħtu lill-ASE mandat ċar fil-qasam tal-governanza, it-trasparenza u l-iżvelar korporattivi sabiex tiżdied il-komparabilità tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha u d-dixxiplina fis-suq, sabiex il-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jifhmu u jqabblu l-profil tar-riskju u tal-prattiki u biex tkun promossa l-fiduċja pubblika.

–   jiżguraw li l-Parlament ikollu tal-inqas tliet xhur biex jikkunsidra ċaħda ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni;

–   jipprovdu l-involviment bikri mandatorju tal-ASE u tal-BERS għall-preparazzjoni ta’ proċessi leġiżlattivi rigward l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom;

–   jiżguraw li l-Parlament ikollu l-possibilità li jibbenefika mill-għarfien espert tal-ASE u l-BERS inkluż fl-iżvilupp u l-għażla taż-żmien tal-istandards tekniċi proposti u li jsaqsi mistoqsijiet;

Kooperazzjoni u Konverġenza superviżorja

–   itejbu l-bilanċ fis-superviżjoni tat-tliet setturi billi jrawmu r-rwol tal-ESMA u l-EIOPA fis-SESF sabiex jiġi evitat li r-regolazzjoni orjentata lejn il-banek tiġi adatta u applikata għal setturi oħra b'mod mhux xieraq filwaqt li jinżammu kundizzjonijiet ugwali;

–   jirrevedu l-mudell ta' reviżjoni minn pari tal-ASE u jiżviluppaw mudell ta’ valutazzjoni aktar indipendenti, bħal dak tal-Fond Montarju Internazzjonali (FMI) (PASF);

–   jistabbilixxu mekkaniżmu xieraq għal, meta titqies bħala meħtieġa, valutazzjoni ta’ prattiki superviżorji fl-Istati Membri fi djalogu mal-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ żjarat fuq il-post u, meta jkun xieraq, b’segwitu ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib;

–   itejbu r-responsabilità tal-ABE biex tiżviluppa u taġġorna manwal superviżorju dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u jagħtu lill-ESMA u l-EIOPA responsabilitajiet simili sabiex itejbu s-superviżjoni konsistenti u kultura superviżorja komuni fl-Ewropa;

–   jiżguraw li l-ħidma għall-protezzjoni tal-konsumaturi tal-ASE ma tiġix imfixkla minn differenzi bejn il-bażijiet legali tal-ASE, fir-regolamenti fundaturi rispettivi tagħhom u fil-mandati assenjati lilhom fil-leġiżlazzjoni settorjali;

–   jiċċaraw li l-kapaċità tal-ASE li jirrisolvu każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil hija setgħa separata mill-kapaċità tagħhom li jinvestigaw ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni u tista’ tintuża biex tippromwovi l-koordinazzjoni tal-konsistenza superviżorja u l-konverġenza tal-prattiki superviżorji mingħajr għoti addizzjonali ta’ setgħat fil-leġiżlazzjoni settorjali;

–   jespandu l-mandat tal-kulleġġi superviżuri fis-superviżjoni u jtejbu r-rwol tal-ASE bħala superviżur ewlieni fil-kulleġġi;

–   jiżguraw, f’każijiet meta l-MSU jkun il-koordinatur assenjat għas-superviżjoni supplimentari ta’ konglomerati finanzjarji, li s-superviżjoni tal-impriża jew tal-grupp tal-assigurazzjoni li jkun parti mill-konglomerat, tipprovdi tal-inqas involviment ugwali tal-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-impriża jew għall-grupp tal-assigurazzjoni;

–   jirrikjedu li l-ASE jidentifikaw id-duplikazzjoni fil-mandati tagħhom u jagħtu rakkomandazzjonijiet għall-ġabra flimkien ta' reviżjonijiet u rieżamijiet tal-leġiżlazzjoni biex jiffaċilitaw koerenza aktar b'saħħitha u approċċ simplifikat lejn il-konsistenza transsettorjali u transleġiżlattiva, partikolarment rigward ir-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiżdied il-koerenza tal-ġabra unika ta' regoli;

–   itejbu r-rwol tal-ASE u tal-BERS fir-rappreżentanza tal-UE f’organizzazzjonijiet internazzjonali u jagħtuhom l-istess status ta’ msieħba bħal dak tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

–   jiżguraw li l-ASE, b’mod konġunt fil-Kumitat Konġunt, jelaboraw politika u strateġija strutturati, billi jelenkaw il-prijoritajiet tagħhom u jiddefinixxu r-rwoli rispettivi tagħhom u l-artikolazzjoni tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u kull sena joħorġu rapport konġunt u orizzontali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi;

Setgħat imtejba

–   itejbu s-setgħat investigattivi tal-ASE u jżidu r-riżorsi tagħhom sabiex jissorveljaw direttament l-implimentazzjoni adegwata ta’ regoli li joriġinaw minn atti legali u l-konformità ma’ deċiżjonijiet oħra adottati taħt il-qafas legali tal-Unjoni;

–   jintroduċu superviżjoni diretta, inklużi testijiet tal-istress, mill-ASE ta' entitajiet jew attivitajiet pan-Ewropej integrati ħafna, filwaqt li l-ESMA u l-EIOPA jingħataw is-setgħa, il-mandat u r-riżorsi biex iwettqu dawn l-attivitajiet u jissorveljaw il-konsistenza tal-irkupru rilevanti u l-ippjanar ta' riżoluzzjonijiet;

–   jagħtu lill-ABE s-setgħa, il-mandat u r-riżorsi biex tiżviluppa miżuri għall-identifikazzjoni ta’ riskji ġodda għall-konsumaturi fis-settur bankarju;

–   isaħħu l-bażi legali għall-ħidma tal-ASE fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi, billi jġibu leġiżlazzjoni li tkun tinkludi miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fl-ambitu tal-azzjoni tal-ASEs; jestendu d-definizzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji biex jiżguraw li l-istess attivitajiet ikunu suġġetti għall-istess regolamentazzjoni u jaġġornaw ir-referenzi għall-awtoritajiet kompotenti għall-iskopijiet tar-regolametn tal-ASE;

–   jagħtu lill-ASE mandat u s-setgħa li jistabbilixxu standards għall-indirizzar ta' ilmenti nazzjonali u l-ġbir ta' data tal-ilmenti;

BERS

–   jiżguraw li l-BERS ikun rappreżentat fil-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju;

–   jippermettu lill-BERS joħroġ gwida madwar l-UE kollha lill-Istati Membri dwar strumenti makroprudenzjali bħal proporzjonijiet ta' lieva, ta' self għall-valur u ta' dejn għad-dħul;

–   jippermettu li BERS jindirizza twissijiet u rakkomandazzjonijiet lill-BĊE fir-rwol tiegħu fil-politika monetarja kif ukoll fil-funzjoni tiegħu bħala superviżur uniku (MSU);

–   jirrevedu u jissemplifikaw l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-BERS sabiex jiffaċilitaw il-ġbir tad-dejta mill-BERS, iwaqqfu mekkaniżmu għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar rapidu u faċli dwar it-talbiet għal dejta għall-BERS u jiżguraw li l-BERS ikollu aċċess għal dejta f’ħin reali;

–   jirrevedu l-istruttura tal-BERS biex jippermettu teħid ta' deċiżjonijiet aktar malajr u aktar responsabilità;

–   isaħħu l-kontribut tal-BERS għal fora regolatorji makroprudenzjali internazzjonali;

–   jespandu r-riżorsi analitiċi disponibbli għas-Segretarjat tal-BERS u jipprovdu l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-BERS b'aktar riżorsi;

–   jiżguraw li l-BERS jiġi kkonsultat fejn jiġu żviluppati reġimi ta’ testijiet tal-istress minn awtoritajiet kompetenti, inklużi l-BĊE jew l-ASE;

–   jiżguraw li r-rappreżentanti mill-BERS jiġu mistiedna bħala osservaturi għal laqgħat u diskussjonijiet rilevanti fil-BĊE, inklużi għal-laqgħat tal-Kumitat għall-Istabilità Finanzjarja;

–   jirrevedu l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-BERS dwar il-pubblikazzjoni ta’ twissijiet u rakkomandazzjonijiet sabiex jissaħħaħ il-profil pubbliku tal-BERS u jsir segwitu tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

Qabel ma jiġu adottati l-atti leġiżlattivi, il-mistoqsijiet li ġejjin għandhom jiġu analizzati fid-dettall, filwaqt li jitqies li anki tul l-agħar żminijiet tal-kriżi finanzjarja, l-Istati Membri ma kinux lesti li jagħtu lill-ASE setgħa superviżorja sostanzjali:

–   jekk il-mudell attwali ta' tliet awtoritajiet superviżorji separati huwiex l-aħjar soluzzjoni għal superviżjoni koerenti;

–   jekk il-Kummissjoni Ewropea marritx lil hinn mir-rwol tagħha ta’ osservatur fuq il-Bord tas-Superviżuri tal-ASE;

–   jekk fid-dawl tal-indipendenza tal-ASE d-dipendenza qawwija tagħhom fuq il-Kummissjoni Ewropea hijiex tfixkel l-iżvilupp tal-ASE u jekk it-trasparenza f’din ir-relazzjoni għandhiex tittejjeb;

–   liema konsegwenzi impliċiti fl-istabbiliment tal-MSU fuq is-superviżjoni finanzjarja fl-Unjoni b’mod ġenerali;

–   jekk, fir-rigward tas-superviżjoni bankarja, il-ħolqien tal-MSU jirrikjedix reviżjoni sħiħa tal-funzjonijiet u l-mandat tal-ABE;

–   jekk il-multitudni u d-duplikazzjoni parzjali fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar ir-regolazzjoni finanzjarja toħloqx lakuni u definizzjonijiet differenti u jekk dan jistax jiġi megħlub minn Kodiċi Finanzjarja Ewropea komprensiva;

–   kif ir-rappurtar lill-ASE u s-superviżuri nazzjonali jistax ikun standardizzat, ottimizzat u simplifikat għall-parteċipanti tas-suq;

–   kif għandhom jinżammu s-setgħat ta’ emerġenza tal-ASE.

–   jekk il-possibiltà li l-ASE jissospendu b’mod temporanju l-applikazzjoni ta’ regola partikolari tistax tkun utli biex tipprevjeni konsegwenzi mhux maħsuba minħabba żviluppi straordinarji tas-suq;

–   jekk l-amalgamazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ASE, jiġifieri għall-protezzjoni tal-konsumaturi fil-kumitati permanenti taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat Konġunt tistax ittejjeb l-effiċjenza u timminimizza d-duplikazzjoni tal-kompiti;

–   jekk Unjoni tal-Assigurazzjoni li ssegwi l-mudell tal-Unjoni Bankarja hijiex meħtieġa u liema rwoli tista’ tassumi s-SESF fl-Unjoni tal-Assigurazzjoni;

–   jekk l-ABE u l-EIOPA għandhomx jirċievu aktar riżorsi biex jissorveljaw u jippromwovu l-konverġenza superviżorja rigward il-mudelli interni għal rekwiżiti ta’ kapital;

–   jekk il-mandat, is-setgħat u r-riżorsi tal-bureau għall-protezzjoni finanzjarja tal-konsumaturi tal-Istati Uniti li nħoloq reċentement jistgħux iservu bħala mudell għas-SESF;

–   jekk tariffi ulterjuri mill-industrija finanzjarja jistgħux ikunu sors addizzjonali ta’ dħul għall-ASE, pereżempju meta jaċċettaw ħlasijiet minn kontrapartijiet ċentrali (CCPs) minn pajjiżi terzi;

–   jekk l-ASE jistgħux jikkontribwixxu b'mod aktar effiċjenti biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju permezz tat-tħaddim ta' Programm finanzjarju Ewropew għal Valutazzjoni Internazzjonali (PISA) b'analoġija ma' PISA tal-OECD;

–   jekk it-tliet ASE u l-BERS għandhomx joħorġu newsletter komuni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marino Baldini, Burkhard Balz, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Sławomir Nitras, Ivari Padar, Anni Podimata, Olle Schmidt, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Zdravka Bušić, Saïd El Khadraoui, Ashley Fox, Emilie Turunen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ana Gomes, Emma McClarkin