RAPPORT dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012
21.2.2014 - (2013/2131(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Marian-Jean Marinescu
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2012 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2012 dwar strumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss[1],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu dwar il-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, il-pożizzjoni tiegħu dwar dan tad-19 ta' April 2012[2] u b'mod partikolari l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 tal-Bank Ewropew tal-Investiment[3],
– wara li kkunsidra r-rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2012, intitolat “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina”,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012, li b’mod partikolari, jipprevedu żieda fil-kapital tal-BEI ta’ EUR 10 biljun,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013, li jsejħu għall-ħolqien ta’ pjan ġdid ta’ investiment li jappoġġja l-SMEs u jagħti spinta lill-finanzjament tal-ekonomija,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013, li jistabbilixxu l-objettiv li jiġu mobilizzati l-politiki kollha tal-UE b’appoġġ għall-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi: ‘Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji innovattivi’ (COM(2011)0662) u ‘Pilota għall-Inizjattiva bonds Ewropa 2020 għall-proġetti’ (COM(2011)0660),
– wara li kkunsidra ż-żieda fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-BEI u l-BERŻ,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-BERŻ għaż-żona tal-Mediterran,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil il-ġdid bejn il-BEI u l-BERŻ iffirmat fid-29 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 1080/2011/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013[4],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0137/2014),
A. billi l-BEI ġie stabbilit bit-Trattat ta’ Ruma u, skont l-Artikolu 309 TFUE, il-kompitu tiegħu hu li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-swieq kapitali u juża r-riżorsi proprji tiegħu, għall-iżvilupp bilanċjat u regolari tas-suq intern bil-għan li jgħin iwettaq il-prijoritajiet tal-Unjoni billi jagħżel proġetti ekonomikament vijabbli għall-investiment mill-UE;
B. billi f’dawn iċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi partikolarment diffiċli, ikkaratterizzati b’restrizzjonijiet baġitarji pubbliċi, ir-riżorsi u l-politiki kollha tal-UE, inklużi dawk tal-BEI, jeħtieġ li jiġu mobilizzati fi sforz biex jiġi sostnut l-irkupru ekonomiku u jiġu identifikati sorsi ġodda ta’ tkabbir;
C. billi l-BEI jaġixxi wkoll bħala l-fergħa għall-finanzjament ta’, u jikkomplementa sorsi oħra ta’ investiment billi jissostitwixxi jew jikkoreġi l-lakuni fis-suq;
D. billi l-BEI qed jgħin lill-UE biex iżżomm u tirrinforza l-vantaġġ kompetittiv tagħha fuq skala globali;
E. billi l-BEI se jkompli jkun il-pedament u l-katalist għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE, billi jipprovdi għall-preżenza kontinwa tas-settur pubbliku, u joffri kapaċitajiet ta’ investiment, filwaqt li jiżgura l-aħjar integrazzjoni u implimentazzjoni possibbli tal-inizjattivi emblematiċi tal-Istrateġija UE 2020;
F. billi l-BEI, bħala strument ewlieni ta’ stabbiltà, se jiffoka fuq ir-rwol kontroċikliku tiegħu, billi jaġixxi bħala sieħeb affidabbli għal proġetti sodi fl-UE u lil hinn minnha;
G. billi l-BEI qed jappoġġja l-muturi ewlenin wara l-objettivi tat-tkabbir u l-impjiegi tal-istrateġija Ewropa 2020, bħal infrastruttura li tixpruna t-tkabbir, l-aktar innovazzjonijiet moderni u l-kompetittività;
H. billi hemm ħtieġa kruċjali li jiġi żgurat li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA, sabiex jippreżerva l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta’ finanzjament, b’impatti pożittivi sussegwenti fuq il-ħajja tal-proġett u għall-partijiet interessati;
I. billi f’Ġunju 2012 il-Kunsill Ewropew nieda Patt għal Tkabbir u Impjiegi li fih firxa ta’ politiki mmirati biex jistimulaw it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli, inklużiv, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u li joħloq l-impjiegi;
J. billi l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi hu meqjus bħala mod wieħed ta' kif jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodod eżistenti, bħall-għotjiet, u kif titjieb l-effettività ġenerali tal-baġit tal-UE;
K. billi huwa kruċjali li jiġi restawrat is-self normali lill-ekonomija u jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-investiment;
L. billi l-istrumenti finanzjarji internazzjonali jipprovdu spazju ġdid għal opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fost l-atturi istituzzjonali kollha u joffru ekonomiji ta’ skala reali;
M. billi l-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE jitwettqu b’appoġġ għall-politiki ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni u għandhom ikunu konformi ma’, u jippromwovu, l-objettivi tal-UE skont l-Artikoli 208 u 209 tat-TFUE;
N. billi l-attivitajiet tal-BEI huma kkomplementati minn strumenti speċifiċi pprovduti mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) li jiffokaw fuq il-forniment kemm ta’ finanzjament ta’ riskju għall-benefiċċju tal-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom jibdew, kif ukoll il-mikrofinanzjament;
O. billi ż-żieda fil-kapital saħħet il-karta tal-bilanċ tal-BEI, peress li ppermettiet miri ambizzjużi ta’ self operattiv;
P. billi sar sforz speċifiku biex jitwettqu aktar interventi konġunti (billi l-garanziji tal-FEI jingħaqdu mas-self tal-BEI għall-SMEs);
Qafas ta’ politika u prinċipji ta’ gwida għall-interventi tal-BEI
1. Jilqa’ r-Rapport Annwali 2012 tal-BEI u l-ksib tal-pjan operattiv miftiehem għall-finanzjament ta’ madwar 400 proġett f’iżjed minn 60 pajjiż għal ammont ta’ EUR 52 biljun;
2. Jilqa’ l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI għal żieda kapitali ta’ EUR 10 biljun, li tiffaċilita EUR 60 biljun addizzjonali (li jammontaw għal espansjoni ta’ 49 % fil-miri tas-self) għal self fuq żmien twil għal proġetti fl-UE matul il-perjodu 2013-2015;
3. Jitlob lill-BEI jżomm il-miri antiċipati fir-rigward tal-attività addizzjonali tiegħu u juża EUR 180 biljun għal iżjed investimenti fl-UE kollha matul il-perjodu msemmi qabel;
4. Ifakkar li għal proġetti fl-UE, il-prospetti huma partikolarment interessanti għal għadd ta’ oqsma tematiċi prijoritarji taħt l-istrateġija “Ewropa 2020”: innovazzjoni u ħiliet, inkluża infrastruttura b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, investiment fl-SMEs, koeżjoni u ‘pakketti’ ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u fl-enerġija (inkluża l-bidla lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju); jinnota li dawn l-oqsma fokali ġew identifikati kif xieraq fil-Pjan Operattiv tal-Gruppi tal-BEI għall-perjodu 2013-2015, u jilqa’ l-allokazzjoni ta’ EUR 60 biljun addizzjonali fil-kapaċità ta’ self sabiex tkun iffinanzjata l-implimentazzjoni tagħhom;
5. Jemmen b'qawwa bis-sħiħ, madankollu, li f’dawn il-prijoritajiet wiesgħa għandha tingħata iżjed attenzjoni fuq l-investiment fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq żmien twil u fuq il-ġenerazzjoni ta’ impatt viżibbli fl-ekonomija reali, u għalhekk jitlob għal evalwazzjoni komprensiva li tipprovdi ċifri vijabbli dwar il-ħolqien ta’ impjiegi fuq żmien twil permezz tas-self tal-BEI, u l-impatt fuq l-ekonomija b’riżultat tiegħu, fl-oqsma kollha, wara l-kriżi finanzjarja;
6. Jilqa’ t-tnedija tal-Faċilità għat-Tkabbir u l-Impjiegi (GEF), li tippermetti lill-BEI jimmonitorja f'aktar dettall l-impatt fuq l-impjiegi u t-tkabbir tal-proġetti li jiffinanzja;
7. Jistieden lill-BEI jkompli jappoġġja l-prijoritajiet fuq żmien twil tal-UE għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, it-tkabbir u l-impjiegi, is-sostenibbiltà ambjentali, l-azzjoni dwar il-klima u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, permezz ta’ iżjed żvilupp ta’ strumenti finanzjarji u mhux finanzjarji ġodda mfassla biex jindirizzaw kemm l-ineffiċjenzi tas-suq fuq żmien qasir kif ukoll il-lakuni strutturali iżjed fit-tul tal-ekonomija tal-UE;
8. Iħeġġeġ lill-BEI jinnegozja u jikkonkludi Memoranda ta' Qbil (MtQ) mal-banek għall-iżvilupp reġjonali attivi fir-reġjuni fejn jopera biex irawmu s-sinerġiji, jikkondividu r-riskji u l-ispejjeż, u jiżguraw self suffiċjenti lill-ekonomija reali;
9. Iqis il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi bħala tweġiba importanti iżda mhux biżżejjed għall-isfidi li tiffaċċja l-UE, filwaqt li jinnota li ż-żieda kapitali tal-BEI u l-fatt li qed jirrikorri aktar għall-istrumenti konġunti għall-kondiviżjoni tar-riskji tal-Kummissjoni u l-BEI, flimkien ma’ sinerġiji bejn l-attivitajiet speċjalizzati tal-BEI u l-FEI, huma elementi kruċjali għas-suċċess tiegħu;
10. Jitlob lill-BEI jagħti prijorità lill-finanzjament tiegħu għall-proġetti li jikkontribwixxu bil-qawwi għat-tkabbir ekonomiku;
11 Ifakkar li l-Kummissjoni, flimkien mal-BEI, ippreżentat rapport dwar l-opportunitajiet u l-prijoritajiet fil-mira li għandhom jiġu identifikati permezz tal-implimentazzjoni tal-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, speċjalment fir-rigward tal-infrastruttura, l-effiċjenza tal-enerġija u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-ekonomija diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-SMEs; jitlob, abbażi ta' dan ir-rapport, għal dibattitu politiku fil-Parlament li għalih jattendu l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment;
12. Jinsab partikolarment imħasseb li l-finanzjament fil-Pajjiżi tal-Programm (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Ċipru) baqa’ baxx matul l-2012, u jirrappreżenta madwar +/- 5 % tal-investiment kumplessiv tal-BEI; jinnota li l-miri tal-BEI għall-investiment fil-Pajjiżi tal-Programm għall-2013 jirrappreżentaw sa EUR 5 biljun, minn mira globali tal-UE ta’ EUR 62 biljun;
13. Jinsab imħasseb li l-BEI żamm politika kemmxejn avversa għar-riskji fis-self tiegħu, biex b’hekk illimita l-possibilitajiet ta’ mutwatarji potenzjali li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-self tal-BEI u, sussegwentement, ostakola l-valur miżjud tas-self;
14. Jitlob lill-BEI jżid il-kapaċità interna tiegħu għat-teħid ta’ riskji billi jiżgura li s-sistemi tiegħu tal-ġestjoni tar-riskji jiġu adattati għall-ambjent attwali;
15. Jirrikonoxxi li huwa fundamentali għall-BEI li jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA sabiex jippreżerva s-saħħa finanzjarja tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jinjetta l-flus fl-ekonomija reali; iħeġġeġ, madankollu, lill-BEI flimkien mal-FEI biex jikkunsidra li jżid l-involviment tiegħu f’attivitajiet relatati ma' iżjed riskju, sabiex jissalvagwardja proporzjon raġonevoli bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji;
16. Jinnota ż-żieda fil-miri tal-attività speċjali b’riskju ogħla tal-BEI għal EUR 6 biljun fl-2013, iż-żieda fil-finanzjament tal-inizjattivi għall-kondiviżjoni tar-riskji u t-titjib tal-kreditu għal EUR 2.3 biljun, kif ukoll it-tnedija riċenti tal-Inizjattiva ta’ Finanzjament għat-Tkabbir (GFI) li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament ta’ kumpaniji innovattivi b’kapitalizzazzjoni medja;
17. Jistieden lill-BEI iżid l-attività tiegħu taħt il-Mandat għall-Kapital ta' Riskju u l-mandat tal-Finanzjament Intermedju għat-Tkabbir (MFG) ipprovduti mill-BEI lill-FEI;
18. Jilqa’ ż-żieda mill-FEI tal-mandat tagħha għar-riżorsi tal-kapital għar-riskji ffinanzjat mill-BEI b’EUR 1 biljun, b’attenzjoni partikolari fuq il-finanzjament intermedju b’riskju ogħla bħala parti mill-azzjonijiet konġunti tal-BEI u l-FEI biex jittrattaw ir-restrizzjonijiet tal-finanzjament għal pjanijiet ġodda ta’ innovazzjoni u tkabbir ta’ negozji Ewropej ta’ daqs medju;
19. Jistieden lill-BEI ikun iżjed proattiv fil-forniment tal-kompetenzi tekniċi tiegħu fl-oqsma ewlenin kollha tal-attivitajiet b’potenzjal għoli ta’ tkabbir fl-Istati Membri kollha; ifakkar li l-parir tekniku u finanzjarju huwa mod effiċjenti biex jgħin fit-twettiq ta’ proġett u biex jitħaffu l-iżborżamenti u l-investiment reali; jemmen, għalhekk, li l-kompetenzi tal-BEI għandhom jiżdiedu u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fl-istadji bikrija tal-proġetti kofinanzjati mill-UE u l-BEI, u fl-evalwazzjoni ex ante tal-proġetti fuq skala kbira, inkluż permezz tal-istrument Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS);
20. Iħeġġeġ lill-BEI, fil-kuntest attwali ta’ rati ta’ assorbiment baxxi b’mod kritiku f’ħafna Stati Membri, itejjeb l-isforzi biex jappoġġja l-kapaċità ta’ assorbiment tal-Istati Membri ta’ riżorsi tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali, billi jiżviluppa iżjed l-istrumenti konġunti addizzjonali għall-kondiviżjoni tar-riskji u billi jadatta dawk eżistenti li diġà huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE;
21. Jistieden lill-Istati Membri, fejn xieraq, biex jaħdmu mal-Kummissjoni billi jużaw parti mill-allokazzjonijiet tagħhom tal-Fondi Strutturali sabiex jikkondividu r-riskju tas-self tal-BEI u jipprovdu garanziji għal self għall-għarfien u l-ħiliet, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, l-infrastruttura strateġika u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;
22. Japprezza li l-fondi strutturali mhux użati issa jistgħu jintużaw bħala fond ta' garanzija speċjali għal self mill-BEI, speċjalment fil-Ġreċja;
23. Jinnota li fl-2012 il-Bank iffirma Self għall-Programmi Strutturali għall-valur ta’ EUR 2.2 biljun, li jippermetti appoġġ għal diversi skemi żgħar u ta’ daqs medju f’konformità mal-prijoritajiet tal-Politika ta’ Koeżjoni f’diversi setturi;
24. Jistieden lill-BEI, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji differenti li jeżistu fl-UE, jiżviluppa f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, pjanijiet ta’ investiment ibbażati fuq ir-riżultati li jiġu aġġustati b’mod xieraq għall-prijoritajiet ta’ tkabbir nazzjonali, reġjonali u lokali, billi jqisu kif xieraq il-prijoritajiet orizzontali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u s-Semestru Ewropew għall-governanza ekonomika;
25. Iħeġġeġ lill-Bank jesplora l-possibbiltajiet li jestendi l-involviment tiegħu billi jipparteċipa b’mod proattiv fil-ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;
26. Jinnota x-xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ sħubijiet pubbliku-privat matul u wara l-kriżi, u jfakkar, fl-istess ħin, fir-rwol partikolarment importanti li jiżvolġu fl-investiment, b’mod speċjali fin-netwerks tat-trasport u fir-riċerka u l-innovazzjoni; jinnota li filwaqt li s-suq tas-sħubijiet pubbliku-privatfl-UE kiber fil-valur, ġie reġistrat livell sinifikanti ta' inqas tranżazzjonijiet;
27. Jemmen li l-garanziji tal-Istat huma strumenti prezzjużi biex jindirizzaw l-imperfezzjonijiet tas-suq li jistgħu jostakolaw it-twettiq tal-programmi u l-proġetti tas-sħubijiet pubbliku-privat; abbażi tal-kompetenzi tal-BEI f’dan il-qasam, jitlob għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tiegħu fil-garanziji għal self ipprovduti lis-sħubijiet pubbliku-privat permezz tal-garanziji tal-Istat;
28. Jemmen, barra minn hekk, li l-kapaċità ta’ konsulenza tal-BEI, ibbażata fuq il-kompetenzi miġbura fiċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza Esperta fuq is-sħubija pubblika-privata, tista’ tintuża biex tingħata għajnuna teknika u speċjalizzata mmirata fil-livell governattiv u fejn xieraq fil-livell reġjonali wkoll, sabiex tiffaċilita l-valutazzjonijiet xierqa rigward il-benefiċċji tal-involviment tal-garanziji tal-Istat fi programm ta' sħubija pubblika-privata;
29. Ifakkar fit-tnedija fl-2012, mill-BEI u l-Kummissjoni u bl-appoġġ tal-Istati Membri, tal-fażi pilota tal-Inizjattiva ta’ Bonds għall-Proġetti, li għandha l-għan li tagħti spinta lill-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali ewlenin billi tattira investituri istituzzjonali;
30. Jilqa’ r-rapport għall-ewwel sitt xhur tal-Fażi Pilota tal-Bonds għall-Proġetti li jindika l-approvazzjoni ta’ disa’ proġetti f’sitt pajjiżi; jitlob l-użu ta' tali bonds jitkompla u jiżdied u għal reviżjoni regolari tal-effiċjenza tagħhom sabiex tingħata spinta lill-investiment vijabbli fi strumenti tad-dejn li jgħaddu kapital privat fi proġetti infrastrutturali meħtieġa fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u l-ICT, speċjalment dawk b'dimensjoni transkonfinali; jemmen, madanakollu, li l-BEI għandu jwettaq valutazzjonijiet aħjar fir-rigward tal-proġetti li fihom jixtieq jinvesti, inklużi evalwazzjonijiet tal-profili tas-sikurezza u tar-riskju tagħhom; ifakkar li l-baġit tal-UE qed jipprovdi EUR 230 miljun f’appoġġ għal attività ta’ titjib fil-kreditu tal-BEI għall-investiment infrastrutturali fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjonijiet;
31. Jeżiġi li jiġi infurmat dwar il-proġetti magħżula b’mod xieraq u fiż-żmien dovut;
32. Jinnota bi tħassib li l-isfidi ewlenin (pereżempju, il-bidla ta’ interess f’impenji, l-esperjenza limitata fis-soluzzjonijiet ta’ bonds tal-awtoritajiet tal-akkwist, l-eżitazzjoni tal-investituri istituzzjonali biex jinvolvu ruħhom, it-tħassib tal-isponsers dwar l-ispejjeż) jibqgħu; jistieden lill-Bank jivvaluta sew il-possibbiltà ta' koinvestiment fit-tranżazzjonijiet bikrija tal-bonds sabiex jerġa’ jassigura lill-investituri u lill-isponsers; jistieden lill-BEI jiżgura li l-Inizjattiva ta’ Bonds għall-Proġetti tkun konsistenti mal-mira fuq żmien twil tal-UE fir-rigward tal-klima, jiġifieri, billi tiffoka fuq infrastrutturi b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;
33. Jinsab imħasseb dwar il-prestazzjoni fqira tal-proġett fir-rigward tal-Proġett Castor; jitlob li l-Bank jipprovdi dettalji dwar is-solidità tad-diliġenza dovuta tiegħu u jagħti informazzjoni dwar jekk l-istudji ġeoloġiċi mwettqa jindikawx il-possibbiltà jew le ta’ riskju sismiku, x’kien il-perċentwal u kif ġie indirizzat;
34. Jistenna r-rapport finali ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-Fażi Pilota tal-Inizjattiva ta' Bonds għall-Proġetti, mistenni fl-2015;
35. Jilqa’ l-politika l-ġdida tal-BEI dwar l-enerġija, li tintroduċi kriterji ġodda dwar is-self fil-qasam tal-enerġija li jirriflettu l-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima kif ukoll ix-xejriet attwali tal-investiment; jitlob li l-investimenti tal-enerġija tal-BEI jsiru pubbliċi u jiġu analizzati fuq bażi annwali, filwaqt li juru liema sorsi ta’ enerġija huma appoġġjati mill-BEI; jixtieq jenfasizza, madanakollu, li jkun xieraq li l-politika ta' investiment tal-BEI tiffoka aktar fuq proġetti sostenibbli; ifakkar madanakollu, il-ħtieġa li jitressaq pjan komprensiv għal eliminazzjoni gradwali tas-self għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux rinnovabbli.
36. Jilqa’ l-introduzzjoni mill-BEI ta’ Standard ġdid ta' Rendiment għall-Emissjonijiet, li għandu jiġi applikat għall-proġetti kollha tal-ġenerazzjoni tal-karburanti fossili sabiex jiġu eliminati l-investimenti b'emissjonijiet ta' ammont ta' karbonju li jaqbeż il-livell ta' limitu minimu; jistieden lill-Bord tal-BEI jżomm l-Istandard ta' Rendiment għall-Emissjonijiet taħt rieżami u fil-ġejjieni jqis impenji iżjed restrittivi;
37 Iħeġġeġ lill-Bank, fid-dawl tal-pakkett dwar il-klima 2030, inklużi l-prijoritajiet tiegħu tad-dekarbonizzazzjoni, iżid l-isforzi tiegħu tal-investiment b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u jaħdem fuq il-politiki li jwasslu għal miri aktar ambizzjużi fir-rigward tal-klima; jitlob lill-BEI jagħmel valutazzjoni tal-klima u rieżami tal-attivitajiet kollha tiegħu fl-2014, li jwasslu għal politika mġedda dwar il-protezzjoni tal-klima, pereżempju permezz tal-valutazzjoni tal-proġetti u approċċ integrat biex jikkombina b'mod intelliġenti l-politiki speċifiċi għas-settur fir-rigward tas-setturi ewlenin; jistieden lill-BEI jehmeż dan ir-rieżami mar-rapport annwali tiegħu li jmiss;
38. Ifakkar fir-rwol importanti li żvolġa l-BEI fil-finanzjament tal-investiment tas-settur pubbliku u privat fl-infrastruttura tal-enerġija u fl-appoġġ għal proġetti li jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2007 li titlob għall-waqfien tal-finanzjament pubbliku għal proġetti tal-ġenerazzjoni tal-karburanti fossili u bidla favur l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli; jemmen li l-BEI, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu, f’konformità mal-objettivi tal-Unjoni u dawk internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u l-aħjar standards internazzjonali, jaġġorna l-istrateġija tiegħu tat-tibdil fil-klima fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu qabel it-tmiem tal-2015;
39. Jitlob li r-riżorsi u l-kompetenza esperta tal-BEI jingħataw spinta biex jiġi previst adattament għat-tibdil fil-klima;
40. Jitlob lill-BEI jinforza l-aħjar standards internazzjonali dwar l-idroenerġija, jiġifieri l-prinċipji gwida tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi u l-Protokoll għall-Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Idroenerġija, li jfisser li jinvesti biss f'pajjiżi li jkunu implimentaw qafas legali li jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ ppjanar tal-enerġija (inklużi żoni pprojbiti) u jeħtieġ li l-impatti negattivi fuq l-ekosistemi u l-komunitajiet lokali jiġu valutati, evitati, mitigati u sorveljati b’mod xieraq, u li l-proġetti ma jistgħux jiġu lokalizzati f'żoni protetti jew xmajjar li għandhom status ekoloġiku tajjeb jew qrib tagħhom;
41. Jistieden lill-BEI biex, fil-proġetti tiegħu, jinkludi b’attenzjoni l-viżjoni u l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna”;
Tisħiħ fil-firxa ta’ appoġġ għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja
42. Ifakkar li l-SMEs huma meqjusa bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u l-mutur ewlieni wara t-tkabbir u l-impjiegi Ewropej, u jirrappreżentaw iżjed minn 80 % tal-impjiegi fis-settur privat;
43. Jilqa’ l-attenzjoni partikolari (fil-kuntest taż-żieda fl-attività tas-self fl-UE) biex tingħata għajnuna sabiex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal SMEs, u jilqa’, sussegwentement, il-mira tal-Grupp tal-BEI għall-2013 biex jiġi approvat iżjed minn EUR 19-il biljun f’self għall-SMEs fl-UE;
44. Jistieden ukoll lill-Kunsill, f'dan il-kuntest, jaqbel mill-aktar fis dwar l-inizjattivi konġunti bejn il-Kummissjoni u l-BEI u biex jintegra r-riżorsi tal-baġit tal-UE maħsuba għall-SMEs, kif ukoll biex jieħu azzjoni aktar determinata fl-implimentazzjoni tal-koperazzjoni mal-BĊE b'mod li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet ta' finanzjament imposti fuq l-SMEs; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-problema ewlenija f'bosta Stati Membri hija li l-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji tirriżulta f'nuqqas ta' finanzjament u fi spejjeż ta' finanzjament ogħla, speċjalment għall-SMEs; jitlob li l-isforzi tal-BEI jiġu diretti mill-ġdid lejn id-deframmentazzjoni għall-promozzjoni tal-finanzjament għall-SMEs, l-intraprenditorija, l-esportazzjonijiet u l-innovazzjoni, li lkoll huma vitali għall-irkupru ekonomiku;
45. Jilqa’ t-titjib fis-self mill-banek għall-SMEs permezz tar-rivitalizzazzjoni tas-suq tat-titolizzazzjoni għall-SMEs permezz tal-inizjattiva l-ġdida ABS tal-Grupp tal-BEI; jistieden lill-BEI jipprevedi analiżi tas-suq bil-ħsieb li din l-offerta tal-BEI tiġi kkalibrata aħjar għall-bżonnijiet tal-partijiet interessati; jilqa’ t-titjib tal-kapaċità ta’ kreditu tal-FEI permezz ta' żieda tal-kapital u l-mandat, u jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni jiffinalizzaw il-proċess sal-bidu tas-sena d-dieħla;
46. Jappoġġja l-inizjattivi tal-Grupp tal-BEI dwar il-finanzjament innovattiv għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja permezz tat-tnedija tal-istrumenti finanzjarji Orizzont 2020 u COSME u l-Istrumenti għall-Kondiviżjoni tar-Riskji sabiex il-banek jiġu mħeġġa jipprovdu riżorsi finanzjarji permezz ta’ self u garanziji, u sabiex jiġi żgurat il-forniment tal-kapital għar-riskji fuq żmien twil;
47. Jappoġġja l-Inizjattiva konġunta tal-SMEs bejn il-Kummissjoni u l-BEI taħt il-QFP il-ġdid, li tgħaqqad il-fondi tal-UE disponibbli taħt il-programmi COSME u Orizzont 2020, ma’ mhux aktar minn EUR 8.5 biljun ta’ riżorsi ddedikati għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej , bil-ħsieb li jiġi ġġenerat self addizzjonali għall-SMEs;
48. Jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw b’mod attiv, billi jikkontribwixxu għall-Istrumenti Konġunti mill-allokazzjonijiet tagħhom tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, sabiex jappoġġjaw iż-żieda fis-self għall-SMEs fit-territorju tagħhom, u b’hekk jiżdiedu l-effetti globali ta' lieva;
49. Iħeġġeġ lill-BEI jespandi l-Inizjattiva ta' Finanzjament għall-Kummerċ; iqis li dan il-mekkaniżmu ta’ garanzija għall-SMEs huwa ta’ importanza kruċjali u għandu jitwessa’ fuq l-iskala tal-UE, kull fejn jitqies li huwa l-iżjed meħtieġ; jistieden lill-BEI jiżviluppa l-programm proprju tiegħu għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ; jistieden lill-BEI biex bħala l-ewwel pass, jistabbilixxi miżuri li jiżguraw l-għoti tal-garanziji meħtieġa biex il-kumpaniji jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom għall-esportazzjoni;
50. Jappoġġja l-attenzjoni tal-BEI fuq id-dimensjoni reġjonali u lokali u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn strumenti ta’ inġinerija finanzjarja b'ġestjoni kondiviża bħall-programm JEREMIE u l-iskemi reġjonali minn fond għal fond li jipprovdu finanzjament tal-ekwità u d-dejn lill-SMEs lokali;
51. Jilqa’ l-evalwazzjoni ex post tas-self intermedjat tal-BEI lill-SMEs fl-UE għall-perjodu 2005-2011; jirrikonoxxi li f’dan il-qasam, matul il-perjodu 2005-2012, il-BEI iffirma EUR 64 biljun f’self lil madwar 370 istituzzjoni finanzjarja fl-UE 27; jinnota li sal-aħħar tal-2012, EUR 53 biljun minn dawn il-flus kienu tħallsu lil dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li, minn naħa tagħhom, kienu sellfu kważi EUR 48 biljun lill-SMEs permezz ta’ madwar 300,000 operazzjoni ta' self sekondarju;
52. Jinnota li l-evalwazzjoni turi li s-self intermedjat bejn il-BEI u l-SMEs (permezz tal-prodott L4SME) huwa konsistenti mal-objettivi tal-UE; jitlob, madankollu, għal valutazzjoni aħjar tal-komplementarjetà bejn il-prodott tal-BEI u t-taħlitiet tal-politika nazzjonali, sabiex tkompli titjieb ir-rilevanza tal-operazzjonijiet; jitlob lill-BEI jressaq proposti għal titjib fl-effett tal-prodott L4SME sabiex ikun jista’ jiġi mobilizzat biex jimla lakuni speċifiċi, minflok il-finanzjament ta’ spettru wiesa’ ta’ SMEs, u b’hekk jottimizza l-kontribuzzjoni tal-BEI għat-tkabbir u l-impjiegi;
53. Jinnota bi tħassib li matul il-perjodu li qed jiġi analizzat, is-self tal-BEI kellu ‘xi’ impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi, iżda b’varjazzjonijiet kbar bejn il-pajjiżi (1/3 biss tal-SMEs attribwew it-tkabbir tal-fatturat għall-finanzjament tal-BEI); jinsab imħasseb dwar il-fatt li teżisti biss evidenza limitata li s-self tal-BEI għen fiż-żamma tal-impjiegi; jinnota li l-impatt relattiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi nstab li huwa ogħla fl-Istati Membri l-ġodda; jirrikonoxxi madankollu li l-perjodu li qed jiġi analizzat jinkludi l-kriżi finanzjarja u ekonomika u li l-livell relattivament modest ta' impjiegi ġodda maħluqa nkiseb minkejja sfond ta’ livelli ta’ impjieg li dejjem jonqsu;
54. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-finanzjament tal-BEI, għall-maġġoranza tal-operazzjonijiet, jidher li ntuża f’appoġġ għall-‘aqwa’ SMEs, u mhux għall-‘finanzjament tal-lakuni’; madankollu jinnota li aktar minn 80 % tal-SMEs milħuqa kienu kumpaniji b’anqas minn 50 impjegat, fatt li juri li l-BEI jgħin lill-parti iżgħar tal-univers tal-SMEs;
55. Jitlob li l-BEI jagħmel użu sħiħ mill-kriterji ta' eliġibbiltà sabiex jinfluwenza l-benefiċjarji finanzjarji fil-mira b’mod iżjed effettiv;
56. Jistieden lill-BEI jidentifika u jagħżel proġetti b’valur miżjud u riskju ogħla, prinċipalment billi jidentifika l-intrapriżi li għadhom jibdew, il-mikrointrapriżi, il-kooperattivi, ir-raggruppamenti ta’ intrapriżi, l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja li jwettqu proġetti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni f’oqsma teknoloġiċi ta’ prijorità;
57. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-livell ta’ sensibilizzazzjoni u fehim fost l-investituri potenzjali u l-benefiċjarji dwar l-eżistenza ta’ għodod finanzjarji innovattivi; iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ politika ta’ komunikazzjoni li tippromwovi l-viżibbiltà ta’ diversi azzjonijiet imwettqa mill-UE, permezz ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji ġodda, permezz tal-BEI; jenfasizza barra minn hekk li aċċess estensiv u sistematiku għall-informazzjoni tal-proġetti, kif ukoll involviment akbar min-naħa tal-benefiċjarji tal-proġetti u s-soċjetà ċivili lokali – li jistgħu jittejbu permezz ta' investimenti ffinanzjati mill-BEI – għandhom jiġu żgurati;
58. Jistieden lill-BEI jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex jissemplifika l-aċċess għall-informazzjoni u l-finanzjament għall-SMEs, b’attenzjoni partikolari lill-formalitajiet amministrattivi relatati mal-aċċess għall-finanzjament;
59. Ifakkar li s-self intermedju jirrappreżenta iżjed minn 20 % tas-self annwali totali tal-BEI;
60. Itenni bi tħassib li għadd konsiderevoli ta’ kwistjonijiet pendenti jibqgħu bla soluzzjoni f’dan il-qasam, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ trasparenza (speċjalment fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali), id-diffikultà fil-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tas-self (li jirriżulta f’approċċ immirat b’mod żbaljat) u d-dipendenza, permezz tal-esternalizzazzjoni tar-responsabbiltajiet, fuq intermedjarji finanzjarji għat-twettiq tad-diliġenza dovuta; iħeġġeġ lill-Bank jipprovdi dettalji dwar l-approċċ tiegħu biex jitħaffu l-miżuri li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u jitlob għal lista strinġenti ta’ kriterji għall-għażla ta’ dawn l-intermedjarji finanzjarji li għandha tkun stabbilita b’mod konġunt mill-BEI u l-Kummissjoni u li tkun disponibbli għall-pubbliku;
61. Iħeġġeġ lill-BEI jagħmel evalwazzjoni aġġornata u komprensiva dwar kif il-kriżi finanzjarja affettwat il-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-BEI, u jipprovdi valutazzjoni bir-reqqa tal-effetti u l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-istatus attwali tal-intermedjarji finanzjarji użati mill-Bank, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;
62. Jitlob li l-BEI jiżgura li jintlaħaq l-għan tiegħu li jiġġenera l-impjiegi għal madwar nofs miljun persuna fl-2013 biss, permezz tas-self għall-proġetti tal-infrastruttura, tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u dawk fl-ekonomija tal-għarfien;
63. Jinnota li, minħabba l-ambjent ekonomiku diffiċli u s-swieq tal-kreditu aktar stretti, ir-restrizzjonijiet tal-finanzjament fuq il-kumpaniji u s-settur pubbliku jkomplu jżommu lura l-impjiegi fost iż-żgħażagħ u jillimitaw l-ambitu tat-titjib fit-taħriġ vokazzjonali;
64. Jemmen li l-programm tal-BEI għall-Impjieg taż-Żgħażagħ (b’volum ta’ self ta’ EUR 6 biljun), li jikkonsisti fil-komponenti l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ u Ninvestu fil-Ħiliet, huwa ta’ importanza kbira biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet; jilqa’ r-rapport interim dwar l-implimentazzjoni li juri kisbiet importanti f’dan is-settur, bħas-self ta' EUR 4.9 biljun li ngħata permezz tas-sottoprogramm Ninvestu fil-Ħiliet, ikkomplementati bi EUR 2.7 biljun ipprovduti taħt il-pilastru Impjiegi għaż-Żgħażagħ; jirrikonoxxi l-ksib bikri tal-objettivi tiegħu;
65. Jappoġġja l-objettiv tal-Bank li jkompli jkabbar kemm jista' s-self immirat lejn l-SMEs sabiex jistabbilixxi rabta ċara bejn is-self tal-BEI u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ;
66. Jistieden lill-Bank iwessa’ l-kamp ta’ azzjoni tiegħu u jagħmel użu minn strumenti addizzjonali sabiex jipprovdi inċentivi vijabbli għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, speċjalment fl-Istati Membri magħrufa għar-rati għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;
Il-kontribuzzjoni tal-BEI għall-politiki esterni tal-UE
67. Jitlob lill-BEI, f’konformità mar-rieżami tal-mandat tal-BEI għall-operazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea, jappoġġja l-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea kif konċeputi mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
68. Jilqa’ l-Garanzija tal-UE għal self estern, mogħtija lill-BEI mill-baġit tal-UE, ta' daqs simili għal dik attwali, iffissata għal limitu massimu ta’ EUR 30 biljun (maqsum f’Mandat Ġenerali ta’ EUR 27 biljun u EUR 3 biljun fakultattivi soġġetti għar-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu) għall-perjodu finanzjarju li jmiss bl-użu ta’ rimborżi li ġejjin minn operazzjonijiet mhux użati tal-FEMIP (Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija) datati qabel l-2007;
69. Jitlob lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) twettaq rapport speċjali dwar ir-rendiment u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta’ self estern tal-BEI qabel ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI kif ukoll tqabbel il-valur miżjud fir-rigward tar-riżorsi proprji użati mill-BEI; jitlob barra minn hekk lill-QEA biex tagħmel distinzjoni fl-analiżi tagħha bejn il-garanziji mogħtija mill-baġit tal-UE, il-faċilità ta’ investiment garantita mill-FEŻ, id-diversi forom ta’ taħlit użati fil-fond fiduċjarju infrastrutturali bejn l-UE u l-Afrika, il-fond tal-investiment tal-Karibew u l-faċilità ta’ investiment għall-Paċifiku u l-użu ta’ rimborżi għal dawn l-investimenti;
70. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet dwar iż-żieda fil-flessibbiltà previsti taħt il-mandat il-ġdid ta’ self estern tal-BEI; jistieden lill-BEI jżid kemm jista' jkun l-appoġġ tiegħu għall-politiki u l-objettivi tal-UE;
71. Jitlob lill-BEI jagħmel użu flessibbli addizzjonali mill-Fond ta’ Garanzija, u jiffoka iżjed fuq is-self b’riskju għalih stess, billi jestendi l-firxa tiegħu fuq proġetti li jagħmlu l-qligħ; jinsisti li l-BEI jiżgura livell għoli ta’ viżibbiltà għall-benefiċjarji finali tal-proġetti tal-appoġġ finanzjarju Ewropew li jipprovdi;
72. Jinnota li l-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni u l-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar huma fil-quċċata tal-oqsma ta’ prijorità tal-BEI; jenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jinżamm l-appoġġ għat-tranżizzjonijiet demokratiċi u ekonomiċi wara r-Rebbiegħa Għarbija, b’attenzjoni speċifika fuq l-appoġġ għall-komponenti tas-soċjetà ċivili, il-ħolqien tal-impjiegi u l-irkupru ekonomiku fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u l-pajjiżi sħab tal-Lvant; jinnota b’sodisfazzjon l-attenzjoni fuq l-SMEs u l-aċċess għall-finanzjament;
73. Jappoġġja, fil-kuntest tal-politiki esterni tal-UE, l-iżvilupp progressiv ta’ prodotti finanzjarji ġodda mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, bħal prodotti li jħalltu l-għotjiet, is-self u l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji tal-UE sabiex jintlaħqu kategoriji ġodda ta’ ditti; jitlob li jiġu ddefiniti l-aħjar prattiki u kriterji ta’ eliġibbiltà definiti sew għall-użu ta’ dawk l-istrumenti, akkumpanjati minn kundizzjonijiet strutturati ta’ rapportar, monitoraġġ u kontroll; jitlob għall-finalizzazzjoni tal-politika tal-allokazzjoni;
74. Jistenna, għaldaqstant, ir-rapport ta' governanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjattforma għall-kooperazzjoni bi strumenti finanzjarji internazzjonali dwar it-taħlit li jinkludi informazzjoni dettaljata u konsistenti f'dan ir-rigward u jiżgura rwol adegwat għall-BEI; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapport sħiħ komplut dwar l-impatt u r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-faċilitajiet finanzjarji fil-kuntest tal-pjattaforma għall-kooperazzjoni dwar it-taħlit;
75. Jilqa’ l-appoġġ tal-BEI għal proġetti, f’diversi setturi tal-enerġija, li jimmiraw għat-tkabbir u l-impjiegi; ifakkar fil-ħtieġa li tinżamm konsistenza mal-iżviluppi l-ġodda fil-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima; jinkoraġixxi lill-BEI, fil-kuntest tal-politika mġedda tiegħu dwar l-enerġija, ikompli jappoġġja, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, proġetti ddedikati għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli sostenibbli, u b’hekk titwitta t-triq lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;
Il-kooperazzjoni tal-BEI ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra
76. Ifakkar li l-kooperazzjoni strutturata bejn il-korpi tal-UE (il-Kummissjoni u l-BEI) u istituzzjonijiet finanzjarji oħra hija l-uniku mod effiċjenti kif jiġu evitati l-attivitajiet b'elementi duplikati;
77. Jilqa’ l-Memorandum ta’ Qbil aġġornat maqbul bejn il-BEI u l-BERŻ li jirrifletti r-rieda minn naħa tal-UE li tintensifika l-livell ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin; iħeġġeġ lill-BEI jinnegozja u jikkonkludi wkoll Memoranda ta' Qbil (MtQ) ma' banek għall-iżvilupp reġjonali attivi fir-reġjuni ta' operazzjoni tiegħu biex irawwmu sinerġiji, jikkondividu r-riskji u l-ispejjeż, u jiżguraw self suffiċjenti lill-ekonomija reali;
78. Jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jinvolvu ruħhom fl-aħjar koordinament operattiv possibbli f’termini ta’ komplementarjetà u diviżjoni tax-xogħol, sabiex jirriċerkaw b’mod sistematiku l-aħjar opportunitajiet u sinerġiji, u biex jinstabu l-aħjar effetti ta' lieva fl-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE filwaqt li jiġu rrispettati l-vantaġġi u l-ispeċifiċitajiet komparattivi rispettivi tagħhom;
79. Iħeġġeġ lill-BEI u lill-BERŻ isaħħu, fl-istadju l-aktar bikri possibbli (il-fażijiet ta’ azzjoni ta’ evalwazzjoni ex ante jew ta' identifikazzjoni), il-kompetenzi tagħhom, l-approċċi strateġiċi u tal-ipprogrammar tagħhom fid-diversi oqsma ta’ intervent u partikolarment, il-kooperazzjoni tagħhom fl-istrumenti tal-ġestjoni tar-riskju (riskji finanzjarji, operattivi jew tal-pajjiż), sabiex itejbu s-superviżjoni tar-riskju;
80. Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ġdid maqbul f’Novembru 2012 bejn il-BEI, il-BERŻ u l-Grupp tal-Bank Dinji, immirat lejn l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, u jinnota li l-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi iżjed minn EUR 30 biljun f’impenji konġunti għall-perjodu 2013-2014; jistieden lill-BEI jimpenja minimu ta’ EUR 20 biljun, kif maqbul;
81. Itenni l-proposta tiegħu li l-Unjoni Ewropea ssir membru tal-BEI;
Il-qafas ta’ governanza, konformità u kontroll tal-BEI
82. Jistieden lill-BEI u lis-sħab assoċjati u partijiet interessati oħra jkomplu jtejbu l-mekkaniżmi tagħhom ta’ governanza permezz, inter alia, tal-iżvilupp ta’ sistemi eżawrjenti u sodi ta’ monitoraġġ, rapportar u kontroll;
83. Jilqa’ r-rinfurzar tal-BEI tal-impenn tiegħu għat-trasparenza billi jingħaqad fl-Inizjattiva Internazzjonali dwar it-Trasparenza fl-Għajnuna;
84. Jitlob li l-Bank jiżgura indipendenza sħiħa u funzjonalità vijabbli tal-mekkaniżmu tiegħu għall-ilmenti;
85. Jistieden lill-BEI jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi jistabbilixxi Reġistru pubbliku ta’ dokumenti, sabiex ikun garantit id-dritt għall-aċċess ta’ dokumenti kif stipulat fit-Trattati tal-UE; jitlob lill-Bank iżomm l-impenn tiegħu u jagħmel ir-Reġistru pubbliku mill-2014;
86. Jitlob li r-rapport annwali li jmiss jiġi kkomplementat minn sett ta’ indikaturi tal-prestazzjoni trasversali dwar l-impatt tal-operazzjonijiet tal-finanzjament għad-dominji ewlenin tal-interventi tal-BEI, l-effett multiplikatur mistenni meta xieraq u t-trasferiment ta’ vantaġġi finanzjarji fil-programmi ffinanzjati;
87. Itenni u jenfasizza r-responsabbiltà tal-Bank għat-titjib fil-livell ta’ trasparenza fl-għażla tal-intermedjarji finanzjarji u tas-sħab fil-proġetti kofinanzjati u fir-rigward tal-benefiċjarji finali;
88. Jenfasizza li l-BEI għandu jnaqqas il-burokrazija sabiex ikun jista' jalloka fondi b'mod aktar effettiv u malajr;
89. Jistieden lill-BEI jkompli jżid it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji billi kull sena jirrapporta dwar is-self tiegħu lill-SMEs, jipprovdi data aggregata dwar il-livell ta' żborżamenti għall-SMEs, in-numru ta' SMEs fil-mira, l-ammont ta' self medju u s-setturi appoġġjati, inkluża evalwazzjoni tal-aċċessibilità tas-self għall-SMEs u l-effikaċja tagħhom.
90. Jistieden lill-BEI joqgħod lura milli jikkoopera ma' intermedjarji finanzjarji b’rekord negattiv f’termini tat-trasparenza, frodi, korruzzjoni u impatti ambjentali u soċjali; iħeġġeġ lill-BEI jifforma sħubijiet ma' intermedjarji finanzjarji trasparenti u responsabbli li għandhom rabtiet stabbiliti fl-ekonomija lokali f'kull pajjiż ta' operazzjoni; jistieden lill-BEI, f'dan il-kuntest, jiżgura trasparenza akbar, speċjalment fl-attività tas-self intermedjat, kif ukoll biex jeżerċita diliġenza dovuta msaħħa fil-prevenzjoni tal-użu tar-rifuġji fiskali, il-prezzijiet ta' trasferimenti, il-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, u l-evitar jew l-ippjanar tat-taxxa aggressivi; jitlob għall-istabbiliment ta' lista stretta u pubblikament disponibbli ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu ma' istituzzjonijiet nazzjonali tal-kreditu pubbliku sabiex ikabbar kemm jista' jkun l-impatt pożittiv tal-programmi ta' finanzjament tiegħu għall-SMEs;
91. Jistieden lill-BEI immedjatament jissieħeb fi proċess inklużiv ta’ reviżjoni tal-politika tiegħu dwar Ġurisdizzjonijiet li Ma Jikkooperawx, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-iżviluppi riċenti f’dan ir-rigward fil-livell tal-UE u dak internazzjonali; jitlob għaldaqstant lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha involuti fil-proġetti tiegħu pubblikament jiżvelaw is-sjieda benefiċjarja ta’ kwalunkwe struttura legali relatata direttament jew indirettament mal-kumpanija, inklużi fiduċjarji, fondazzjonijiet u kontijiet tal-bank;
92. Jitlob ukoll lista pubblika ta’ esklużjoni għal intermedjarji finanzjarji li tkun żviluppata b’mod konġunt mal-Kummissjoni, ibbażata fuq ir-rekord tagħhom fir-rigward ta’ trasparenza, frodi, konnessjonijiet ma’ ġurisdizzjonijiet offshore u impatti soċjali u ambjentali;
93 Iqis li huwa fundamentali li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA li bih seta' jissellef EUR 71 biljun minn fuq is-swieq kapitali internazzjonali matul l-2012 b’rati favorevoli; iħeġġeġ lill-BEI, madankollu, biex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jipprijoritizza proġetti b’valur miżjud ogħla u b’riskju ogħla;
94. Ifakkar u jenfasizza, bħal fis-snin ta’ qabel, il-ħtieġa tas-superviżjoni bankarja prudenzjali tal-BEI u jitlob li jsir studju ġuridiku biex jesplora l-mezzi biex tinstab soluzzjoni possibbli għal din il-kwistjoni;
95. Jipproponi li din is-superviżjoni regolatorja:
(i) tiġi eżerċitata mill-BĊE abbażi tal-Artikolu 127(6) TFUE, jew
(ii) tiġi eżerċitata fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja futura prevista fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2012 jew
(iii) fin-nuqqas ta' dan, u abbażi ta’ approċċ volontarju mill-BEI, titwettaq mill-Awtorità Bankarja Ewropea, bil-parteċipazzjoni ta’ wieħed jew diversi superviżuri nazzjonali jew mingħajrha, jew inkella minn awditur indipendenti;
jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponiet xejn f’dan ir-rigward, minkejja t-talbiet tal-Parlament, li jmorru lura għall-2007;
96. Jilqa’ l-iżviluppi interni ġodda fil-BEI relatati mal-konformità ġenerali mal-aħjar prattiki bankarji; jitlob li s-sħabbankarji tal-BEI jkunu konformi wkoll mal-aħjar prattiki bankarji li huma kompatabbli mad-dritt tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji u mal-istabbiltà tas-suq finanzjarju, fil-kuntest tal-operazzjonijiet tiegħu kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE; jitlob li l-BEI, fil-pjan ta’ ħidma annwali tiegħu, jinkludi eżerċizzju ta' awditjar ta’ qasam wieħed ta’ attività sabiex jagħti assigurazzjoni li l-aħjar prattiki bankarji huma parti mill-proċeduri interni miktuba tal-Bank;
97. Jistieden lill-BEI jżid aktar it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-attivitajiet, l-evalwazzjonijiet u l-eżiti tiegħu permezz ta' aċċess aħjar għall-informazzjoni, kemm internament għall-persunal tal-BEI, billi jinkorpora l-parteċipazzjoni fil-laqgħat interni rilevanti tal-BEI, kif ukoll esternament, pereżempju fuq il-websajt tiegħu;
98. Jilqa’ l-fatt li l-BEI ħa miżuri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, u saħħaħ r-riżorsi tal-funzjoni tal-konformità tiegħu permezz tal-ħatra ta’ Uffiċjal Kap għall-Konformità tal-Grupp; jitlob li l-Parlament jiġi aġġornat b’mod regolari dwar ir-riżultati ppreżentati fir-rapport tal-Uffiċjal Kap għall-Konformità tal-Grupp;
99. Jistieden lill-BEI jsegwi r-rapportar għal kull pajjiż individwali sabiex ikun miġġieled il-finanzjament ta’ attivitajiet illegali; iqis li, sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-BEI, il-benefiċjarji kollha, kemm jekk huma korporazzjonijiet jew intermedjarji finanzjarji, li huma inkorporati f’ġurisdizzjonijiet differenti għandhom ikunu obbligati li jiżvelaw informazzjoni fil-livell tal-pajjiż dwar il-bejgħ, l-assi, l-impjegati, il-profitti u l-pagamenti tat-taxxa tagħhom f’kull pajjiż li joperaw fih fir-rapporti annwali awditjati tagħhom; iqis ukoll li l-benefiċjarji jridu jagħmlu l-kuntratti mal-gvernijiet ospitanti disponibbli għall-pubbliku u b’mod partikolari jiżvelaw ir-reġim fiskali f’kull pajjiż li joperaw fih;
Jitlob li l-ambjent tal-kontrolli jiġi adattat biex jakkomoda żidiet futuri fil-volum tat-talbiet għall-finanzjament iġġenerati bħala riżultat taż-żieda fil-kapital tal-BEI u fi sħubiji finanzjarji oħra, prinċipalment għall-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju;
Is-segwitu tal-BEI tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament
101. Jistieden lill-BEI jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa mill-Parlament f'kull rapport annwali, speċjalment fir-rigward tal-impatt tal-attivitajiet ta' self tiegħu fid-diversi reġjuni tal-operazzjonijiet għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fihom u fl-UE, u għall-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati u dawk tal-viċinat;
°
° °
102. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0404.
- [2] ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 131.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0057.
- [4] ĠU L 280, 27.10.2011, p.1.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (18.12.2013)
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012
(2013/2131(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Thijs Berman
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' r-rwol tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) stipulat skont il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, kif ukoll iż-żieda fis-self mill-BEI fl-oqsma tal-infrastruttura, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien; jesprimi t-tama, f'din ir-rabta, li l-potenzjal sħiħ taż-żieda reċenti fil-kapital ta' EUR 10 biljun jagħti lok għal self ġdid għat-tkabbir u l-impjiegi fis-setturi sostenibbli, speċjalment fl-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); ifakkar li l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment, jenfasizza li “żieda ulterjuri f'kapital [...] tkun ta' benefiċċju kbir...';
2. Jiddispjaċih, madanakollu, li l-għadd ta' firmatarji baqa' taħt dak potenzjali; jiddispjaċih ukoll għall-fatt li f'għadd ta' pajjiżi hemm nuqqas ta' proġetti sostenibbli u vijabbli eliġibbli għal finanzjament mill-BEI; jistieden lill-BEI, f'dan il-kuntest, jevalwa mill-ġdid il-politika tiegħu dwar l-użu tal-fondi proprji f'operazzjonijiet u jfittex opportunitajiet għal proġetti b'mod aktar proattiv u jħeġġeġ l-iżvilupp tagħhom, għall-promozzjoni ta' proġetti sostenibbli fl-Istati Membri kollha, sabiex il-BEI ikun jista' jżid l-attivitajiet ta' self tiegħu – speċjalment fil-pajjiżi tal-programm – bħala fornitur tal-kapital kontraċikliku, u jkollu impatt katalitiku fuq l-ekonomija reali; jitlob lill-BEI jiżviluppa l-programm proprju tiegħu għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ; bħala l-ewwel pass, jitlob lill-BEI jistabbilixxi miżuri li jiżguraw l-għoti tal-garanziji meħtieġa biex il-kumpaniji jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom għall-esportazzjoni;
3. Japprezza li l-fondi strutturali li ma ntużawx, issa jistgħu jintużaw bħala fond ta' garanzija speċjali għal self mill-BEI, speċjalment fil-Ġreċja; jenfasizza, barra minn hekk, is-suċċess tal-bonds tal-proġetti pilota tal-BEI; jitlob użu kontinwu u akbar ta' tali bonds, u għal rieżami regolari tal-effiċjenza tagħhom sabiex tingħata spinta lill-investiment vijabbli fi strumenti tad-dejn li jferrgħu kapital privat f'proġetti tal-infrastruttura meħtieġa tat-trasport, tal-enerġija u tal-ICT, speċjalment dawk b'dimensjoni transkonfinali; jemmen, madanakollu, li l-BEI għandu jwettaq aħjar il-valutazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-proġetti li fihom jixtieq jinvesti, inklużi evalwazzjonijiet tal-profili tas-sikurezza u tar-riskju tagħhom;
4. Jistieden lill-BEI jibqa' jimplimenta l-aktar prattiki bankarji prudenzjali; jistieden lill-BEI, f'din ir-rabta, jiżgura li s-sħab tiegħu jkunu konformi mal-prattiki bankarji li huma kompatabbli mad-dritt tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji u mal-istabbiltà tas-suq finanzjarju, fil-kuntest tal-operazzjonijiet tiegħu kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE;
5. Jistieden lill-BEI joqgħod lura milli jikkoopera ma' intermedjarji finanzjarji b’rekord negattiv f’termini tat-trasparenza, frodi, korruzzjoni u impatti ambjentali u soċjali; iħeġġeġ lill-BEI jifforma sħubijiet ma' intermedjarji finanzjarji trasparenti u responsabbli li għandhom rabtiet stabbiliti fl-ekonomija lokali f'kull pajjiż ta' operazzjoni; jistieden lill-BEI, f'dan il-kuntest, jiżgura trasparenza akbar, speċjalment fin-negozju tas-self intermedjat, kif ukoll biex jeżerċita diliġenza dovuta msaħħa fil-prevenzjoni tal-użu tar-refuġji fiskali, l-ipprezzar tat-trasferimenti, il-frodi fiskali, l-evażjoni u evitar jew l-ippjanara tat-taxxa aggressivi; jitlob l-istabbiliment ta' lista stretta u pubblikament disponibbli ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji; jistieden lill-BEI isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu ma' istituzzjonijiet nazzjonali tal-kreditu pubbliku sabiex jimmassimizza l-impatt pożittiv tal-programmi ta' finanzjament tiegħu għall-SMEs;
6. Jistieden lill-BEI iżid aktar it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-attivitajiet, l-evalwazzjonijiet u l-eżiti tiegħu permezz ta' aċċess aħjar għall-informazzjoni, kemm internament għall-persunal BEI, billi jinkorpora l-parteċipazzjoni fil-laqgħat interni relevanti tal-BEI, u esternament, pereżempju fuq il-websajt tiegħu; jistieden lill-BEI, b'mod partikolari, jippubblika l-kisbiet tad-Direttorat tal-Konformità fir-rapport ta' attività annwali tiegħu;
7. Jenfasizza li l-BEI għandu jnaqqas il-burokrazija sabiex ikun jista' jalloka fondi b'mod aktar effettiv u malajr;
8. Jilqa' ż-żieda fil-fokus fuq l-appoġġ għall-SMEs; jinnota, madanakollu, li t-trasparenza u r-responsabbilità fir-rigward tal-impatt reali ta' dawn l-operazzjonijiet tal-BEI għandhom jittejbu, pereżempju permezz ta' użu aħjar tal-indikaturi tal-prestazzjoni; jistieden ukoll lill-Kunsill, f'dan il-kuntest, jaqbel mill-aktar fis dwar l-inizjattivi konġunti bejn il-Kummissjoni u l-BEI u biex jintegra r-riżorsi tal-baġit tal-UE maħsuba għall-SMEs, kif ukoll biex jieħu azzjoni aktar determinata fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni mal-BĊE b'mod li jnaqqsu r-restrizzjonijiet ta' finanzjament imposti fuq l-SMEs; jirrimarka li l-problema ewlenija f'bosta Stati Membri hija li l-frammentazzjoni tar-riżultati tas-swieq finanzjarji tirriżulta f'nuqqas ta' finanzjament u fi spejjeż ta' finanzjament aktar għoljin, speċjalment għall-SMEs; jitlob li l-isforzi tal-BEI jkunu indirizzati mill-ġdid lejn id-deframmentazzjoni, għall-promozzjoni tal-finanzjament għal SMEs, l-intraprenditorija, l-esportazzjonijiet u l-innovazzjoni, li lkoll huma vitali għall-irkupru ekonomiku; jilqa' investiment addizzjonali fil-ħiliet u impjiegi ġodda, b'mod partikolari il-programm "Impjiegi għaż-Żgħażagħ – Investiment fil-Ħiliet" li se jgħaqqad il-finanzjament tal-BEI mal-impjieg taż-żgħażagħ fl-SMEs, kif ukoll jipprovdi investiment għall-edukazzjoni u l-faċilitajiet tar-riċerka, għal taħriġ professjonali, u programmi ta' self għall-istudenti u għall-mobbiltá tagħhom;
9. Jistieden lill-BEI ikompli jżid it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji billi kull sena jirrapporta dwar is-self tiegħu lill-SMEs, billi jipprovdi data aggregata dwar il-livell ta' ħruġ ta' flus għall-SMEs, l-ammont ta' self medju u s-setturi appoġġjati, inkluża evalwazzjoni tal-aċċessibilità tas-self għall-SMEs u l-effikaċja tagħhom.
10. Jistieden lill-BEI jistabbilixxi, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji relevanti, għodda ta' informazzjoni u kummerċjalizzazzjoni adegwati u msaħħa mmirati biex jissensibilizzaw l-SMEs għall-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli permezz tal-BEI, biex b'hekk jiġi ottimizzat it-tislif min-naħa tal-SMEs; barra minn hekk, jenfasizza li aċċess estensiv u sistematiku għall-informazzjoni tal-proġetti, kif ukoll involviment akbar tal-benefiċjarji tal-proġetti u s-soċjetà ċivili lokali – li jistgħu jiġu affettwati minn investimenti ffinanzjati mill-BEI – għandhom jiġu żgurati;
11. Jilqa' l-fatt li, bħala wieħed mill-akbar entitajiet ta' self fid-dinja fil-qasam tal-enerġija, il-BEI adotta, f'Lulju tal-2013, linji gwidi ġodda biex issaħħaħ l-appoġġ għall-investiment fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-grids tal-enerġija; huwa sodisfatt li l-proġetti li jużaw enerġija ġġenerata mill-faħam ma għadhomx jirċievu appoġġ; jixtieq jenfasizza, madanakollu, li jkun xieraq li l-politika ta' investiment tal-BEI tiffoka aktar fuq proġetti sostenibbli; madanakollu, ifakkar il-ħtieġa li jitressaq pjan komprensiv ta' tneħħija gradwali tas-self għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux rinnovabbli.
12. Iħeġġeġ lill-BEI jinnegozja u jikkonkludi Memoranda ta' Ftehimiet (MtQ) ma' banek għall-iżvilupp reġjonali attivi fir-reġjuni ta' operazzjoni tiegħu biex irawwmu sinerġiji, jikkondividwu r-riskji u l-ispejjeż, u jassiguraw self suffiċjenti lill-ekonomija reali;
13. Jitlob li r-riżorsi u l-kompetenza esperta tal-BEI jingħataw spinta għall-adattament għat-tibdil tal-kliima;
14. Jiltob li l-BEI jirrapporta sistematikament dwar il-progress miksub fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Parlament, speċjalment fir-rigward tal-impatt tal-attivitajiet ta' self tiegħu fid-diversi reġjuni tal-operazzjonijiet tiegħu fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, u fuq l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati u dawk tal-viċinat.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.12.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marino Baldini, Burkhard Balz, Elena Băsescu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Ivana Maletić, Arlene McCarthy, Marlene Mizzi, Ivari Padar, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Fabrizio Bertot, Zdravka Bušić, Herbert Dorfmann, Bas Eickhout, Vicky Ford |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Wim van de Camp |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
18.2.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Jan Mulder, Monika Panayotova, Crescenzio Rivellini, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Theodoros Skylakakis, Georgios Stavrakakis, Michael Theurer |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philip Bradbourn, Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu, Olle Schmidt |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Peter Jahr, Iosif Matula, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Theodor Dumitru Stolojan |
||||