RAPPORT dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant

5.3.2014 - (2013/2149(INI)),

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Paweł Robert Kowal

Proċedura : 2013/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0157/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant

(2013/2149(INI)),

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-bidu tal-attivitajiet mill-Assemblea Parlamentari Euronest fit-3 ta’ Mejju 2011 matul is-seba’ leġiżlatura tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-istabbiliment tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u x-xogħol li għamel s'issa, li jinkludi rakkomandazzjonijiet u dokumenti oħra abbozzati minn ħames gruppi ta’ ħidma jew waqt il-laqgħat annwali tiegħu, li jinkludu: Brussell, il-Belġju, 16-17 ta’ Novembru 2009; Berlin, il-Ġermanja, 18-19 ta' Novembru 2010; Poznań, il-Polonja, 28-30 ta' Novembru 2011; Stokkolma, l-Isvezja, 28-30 ta' Novembru 2012; u Chișinău, il-Moldova, 4-5 ta' Novembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-istabbiliment mill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), li l-laqgħa inawgurali tagħha saret fit-8 ta' Settembru 2011 f’Poznań, il-Polonja, u l-opinjonijiet abbozzati s'issa minn CORLEAP,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit ta’ Varsavja li sar fid-29 u t-30 ta’ Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit ta’ Vilnjus li sar fit-28 u d-29 ta’ Novembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2003 bl-isem 'Ewropa Estiża – Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar' (COM(2003)0104), tat-12 ta' Mejju 2004 bl-isem 'Politika Ewropea tal-Viċinat – Dokument ta’ Strateġija' (COM(2004)0373), tal-4 ta' Diċembru 2006 bl-isem 'It-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat' (COM(2006)0726), tal-5 ta' Diċembru 2007 bl-isem 'Politika Ewropea tal-Viċinat b’Saħħitha' (COM(2007)0774), tat-3 ta' Diċembru 2008 bl-isem 'Is-Sħubija tal-Lvant' (COM(2008)0823), u tat-12 ta' Mejju 2010 bl-isem 'Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat' (COM(2010)0207),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta’ Marzu 2013 bl-isem 'Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn Sħubija aktar b'Saħħitha (JOIN(2013)0004), u tal-25 ta' Mejju 2011 bl-isem 'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni' (COM(2011)0303),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-26 ta' Lulju 2010 u tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u tat-18 u d-19 ta’ Novembru 2013 dwar is-Sħubija tal-Lvant, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Kummerċ) tas-26 ta' Settembru 2011 u tal-Kunsill Ewropew tas-7 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sħubija tal-Lvant tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-15 ta' Mejju 2012 bl-isem 'Politika Ewropea tal-Viċinat: Pjan Direzzjonali għas-Samit tal-ħarifa tal-2013' (JOIN(2012)0013) u 'Inwettqu Politika ġdida Ewropea tal-Viċinat' (JOIN(2012)0014) u d-dokumenti konġunti ta' ħidma tal-persunal ta' akkumpanjament tal-20 ta' Marzu 2013 ('Rapporti reġjonali', SWD(2013)0085 u 0086) ,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-12 ta' Diċembru 2011 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu 'Id-drittijiet tal-bniedem u demokrazija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE – Lejn approċċ aktar effettiv' (COM(2011)0886),

–   wara li kkunsidra r-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat 2014-2020,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-28 ta' Mejju 2013 dwar is-sigurtà tal-enerġija b'rabta mas-suq tal-enerġija u l-armonizzazzjoni bejn is-sieħeb Ewropew tal-Lvant u l-pajjiżi tal-UE (2013/C 338/03),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar 'Politika Ewropea tal-Viċinat, naħdmu lejn sħubija aktar b’saħħitha – il-Pożizzjoni tal-PE dwar ir-Rapporti ta’ progress tal-2012’[1], tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat[2], u tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, li jinkludu, b'mod partikolari, ir-riżoluzzjonijiet l-aktar riċenti dwar l-avvenimenti fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE, jiġifieri: ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem[7]; ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2011 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[8]; u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2012 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[9];

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli ta' Dotazzjoni Ewropew għad-Demokrazija (EED)[10] u l-istabbiliment fl-2012 u l-bidu tal-attivitajiet kollha tal-EED fl-2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE[12],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[13],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0157/2014),

A. billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), b'mod partikolari s-Sħubija tal-Lvant (SL), hi bbażata fuq komunità ta' valuri u fuq impenn kondiviż lejn id-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali u lejn il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, l-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba; billi s-SL għandha l-għan li testendi, tikkondividi u tippromwovi l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hi bbażata l-UE, primarjament dawk tal-paċi, il-ħbiberija, is-solidarjetà u l-prosperità, sabiex tikkontribwixxi għall-bini u l-konsolidazzjoni ta' demokraziji b'saħħithom, filwaqt li ssegwi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ġestjoni tal-konnessjonijiet transkonfinali, bl-għan li tħaffef l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-pajjiżi tas-sħubija mal-UE; billi, fis-Samit ta’ Vilnjus dwar is-Sħubija tal-Lvant, il-parteċipanti kollha kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn dawn il-prinċipji ta' gwida;

B.  billi t-tkabbir suċċessiv tal-UE ressaq l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova, l-Ukraina u l-Bjelorussja iktar qrib tal-UE, u b’hekk, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tagħhom għandhom impatt dejjem jikber fuq dawk tal-UE u viċi versa;

C.  billi l-libertajiet, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiżviluppaw biss f’ambjent xieraq ikkaratterizzat minn stabbiltà ekonomika u soċjali, kif ukoll mis-sigurtà nazzjonali u internazzjonali, kif muri mill-istorja tal-UE nnifisha;

D.  billi, filwaqt li l-prinċipji sottostanti u l-objettivi tal-PEV japplikaw għas-sħab kollha, ir-relazzjoni tal-UE ma’ kull wieħed minn sħabha hija unika, u l-istrumenti tal-PEV huma mfassla apposta biex iservu kull waħda minn dawn ir-relazzjonijiet;

E.  billi s-Samit ta’ Vilnjus dwar is-Sħubija tal-Lvant wera l-ħtieġa li ssir riflessjoni fuq il-politiki tal-UE lejn is-sħab tal-Lvant;

F.  billi s-SL hija mmirata lejn pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant kif mifhum mill-Artikoli 8 u 49 tat-Trattati; billi hija għandha tappoġġja t-tranżizzjonijiet demokratiċi u l-proċess ta' riforma u hija risposta għall-aspirazzjonijiet Ewropej tas-soċjetajiet u tal-pajjiżi sħab;

G.  billi l-pajjiżi tas-SL għandhom aspirazzjonijiet Ewropej b'għeruq fil-fond u għadhom għaddejjin minn proċessi ta' trasformazzjoni diffiċli lejn sistema demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili, wara għexieren ta' snin ta' eżistenza fi ħdan l-Unjoni Sovjetika; billi f'xi wħud mill-pajjiżi tas-SL hemm nuqqas ta' kunsens dwar il-kwistjoni tal-futur Ewropew tagħhom;

H.  billi l-momentum attwali fir-relazzjonijiet mas-Sħab tal-Lvant għandu jintuża biex jinkoraġġixxi lill-popli tal-pajjiżi tas-SL biex jaħdmu għal aktar riformi demokratiċi; billi l-proċess tal-assoċjazzjoni mal-UE għandu preċiżament dan l-objettiv u għandu jiġi segwit minkejja l-intoppi attwali f’xi pajjiżi tas-SL;

I.   billi s-SL għandha tippromwovi d-dimensjonijiet politiċi, ekonomiċi, ta' sigurtà ġeopolitika, soċjali u kulturali tal-kooperazzjoni;

J.   billi l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat huwa l-għodda ewlenija biex jitwasslu l-appoġġ u l-assistenza tal-Unjoni lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; billi jirrifletti d-divrenzjar u l-approċċ ta’ 'aktar b'aktar', u jipprovdi inċentivi finanzjarji sinifikanti lil dawk il-pajjiżi ġirien li qed iwettqu riformi demokratiċi;

K.  billi l-pajjiżi tas-SL għadhom qed ifittxu żvilupp politiku, u s-sħubija offruta mill-UE ġiet ibbażata fuq ir-rieda politika tagħhom stess, iżda wriet li kienet mutur insuffiċjenti għall-bidla u r-riformi, minkejja l-aspirazzjonijiet Ewropej ċari tal-popli tal-pajjiżi tas-SL; billi l-iżviluppi riċenti tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll l-eżitu tas-Samit ta' Vilnjus, jenfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ il-karattru strateġiku tas-Sħubija tal-Lvant u li jsir aktar sforz għall-promozzjoni u t-tkattir tal-għarfien dwar il-benefiċċji reċiproċi tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, u huma indikazzjoni li dawn il-pajjiżi għadhom esposti għal pressjoni qawwija u rikatti minn partijiet terzi fid-deċiżjonijiet sovrani tagħhom; billi l-pajjiżi tas-SL għandhom ikunu ħielsa u sovrani biex jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom li jiddeterminaw il-futur tagħhom mingħajr ma jkunu soġġetti għal pressjoni esterna, theddid jew intimidazzjonijiet mhux dovuti; billi kull pajjiż għandu d-dritt sovran li jingħaqad ma’ kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali u li jiddefinixxi l-ġejjieni tiegħu stess mingħajr l-ebda influwenza esterna;

L.  billi l-iżviluppi riċenti wrew li l-politika tas-SL tal-UE hija meqjusa ħażin minn xi atturi ġeopolitiċi bħala logħba li fiha hemm biss min jirbaħ u min jitlef, u b’hekk għandu jitqies ir-rwol negattiv tagħhom;

M. billi s-Sħubija tal-Lvant ma għandha b’ebda mod il-mira li tagħmel ħsara jew tfixkel ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa iżda, għall-kuntrarju, hija miftuħa għall-iżvilupp ta' sinerġiji ma’ Moska sabiex jinħolqu l-iktar kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp sostenibbli tal-ġirien komuni;

1.  Ifakkar fl-iskop tas-SL, li huwa t-tisħiħ tal-integrazzjoni politika, ekonomika u kulturali fuq livell Ewropew tas-Sħab tal-Lvant, imsejsa fuq valuri u interessi reċiproċi, u l-impenn lejn id-dritt internazzjonali, il-valuri fundamentali, il-governanza tajba u l-ekonomija tas-suq u bbażata fuq sjieda kondiviża u responsabbiltà konġunta; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment tal-partijiet interessati tas-SL u l-ħidma tagħhom – l-Assemblea Parlamentari Euronest, il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-SL u l-CORLEAP – kif ukoll inizjattivi oħra, bħall-Kungress għall-Inizjattivi tal-Ewropa tal-Lvant; jinnota, madankollu, li l-iżviluppi reċenti f’xi pajjiżi tas-SL ġibdu l-attenzjoni għall-fraġilità tal-proċess ta’ integrazzjoni politika, ekonomika u soċjali; jenfasizza l-importanza tal-involviment mas-soċjetà usa’ bħala mezz ta’ trasformazzjoni; jinkoraġġixxi iżjed involviment frekwenti u effettiv mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll mal-parlamenti, il-mexxejja tan-negozji u s-soċjetà ċivili sabiex jinbnew kostitwenzi għar-riforma li kapaċi jinfluwenzaw it-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-SL b’mod ġenerali ġiet serjament sfidata minn partijiet terzi, u jistieden lill-parteċipanti kollha involuti biex iżommu l-impenn u l-involviment tagħhom fil-proġett;

3.  Jenfasizza li perspettiva Ewropea, li tinkludi d-dritt għall-applikazzjoni għal adeżjoni skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista’ tikkostitwixxi impetu għar-riformi f’dawn il-pajjiżi u ssaħħaħ ulterjorment l-impenn tagħhom favur valuri u prinċipji komuni bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba, u li l-pajjiżi tas-SL l-aktar impenjati li japprofondixxu r-relazzjonijiet mal-UE u li għandhom ir-rieda li jniedu u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa kemm fil-livell politiku kif ukoll fil-livell ekonomiku għandhom jiġu kkunsidrati u appoġġati, biex b'hekk jinħoloq inċentiv għal integrazzjoni Ewropea ulterjuri;

4.  Jirrikonoxxi li issa aktar minn qatt qabel is-soċjetajiet tas-SL favur l-integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea jeħtieġu appoġġ b’saħħtu, proattiv u immedjat mill-UE, li għandu jingħata permezz ta’ kanali u setturi tal-politika differenti, li jvarjaw mill-assistenza finanzjarja sal-iskemi ta’ faċilitazzjoni tal-viżi;

5.  Iqis li l-proġett tas-Sħubija tal-Lvant jeħtieġ valutazzjoni bir-reqqa tal-effettività tiegħu, inkluż evalwazzjoni preċiża tas-suċċessi u l-fallimenti tiegħu u li għandu bżonn riflessjoni ulterjuri, impetu ġdid u viżjoni ċara għall-ġejjieni, filwaqt li jiffoka bl-istess mod fuq il-kooperazzjoni politika u s-sħubija mas-soċjetajiet tal-pajjiżi tas-SL u fuq l-għan li jipprovdi għażla Ewropea għal dawk is-soċjetajiet; iħeġġeġ l-UE, għaldaqstant, tiffoka b’mod partikolari fuq l-investiment fi żviluppi immedjati għaċ-ċittadini u f’dan il-kuntest twaqqaf reġimi mingħajr viża, tappoġġa liż-żgħażagħ u l-mexxejja tal-futur, u tiddedika aktar attenzjoni għall-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza tas-settur tal-enerġija, tat-trasport u tar-riċerka għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiżi tas-SL;

6.  Jemmen li l-eżitu tas-Samit ta’ Vilnjus jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-karattru strateġiku tas-Sħubija tal-Lvant; jirrakkomanda, għaldaqstant, li jsir użu flessibbli tal-għodod disponibbli għall-UE, bħall-assistenza makroekonomika, it-tħaffif tar-reġimi kummerċjali, il-proġetti biex titjieb is-sigurtà tal-enerġija u l-modernizzazzjoni ekonomika, u l-implimentazzjoni rapida tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, b'konformità mal-valuri u l-interessi Ewropej;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi green paper dwar il-futur tas-Sħubija tal-Lvant wara Vilnjus;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jirriflettu fuq il-lezzjonijiet tal-evoluzzjonijiet riċenti tas-Sħubija tal-Lvant fir-rigward tad-definizzjoni tal-prijoritajiet bilaterali u multilaterali tal-Unjoni kif ukoll il-finanzjament taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat;

9.  Iqis li l-proċessi ta’ tranżizzjoni demokratika bbażati fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma indispensabbli biex tinbena sħubija b'saħħitha u dewwiema mal-pajjiżi tas-SL;

10. Jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-tranżizzjoni u r-riforma u fid-djalogu politiku fil-pajjiżi tas-SL; jistieden lill-UE biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u tipprovdilha appoġġ permezz ta’ firxa ta’ strumenti differenti ta’ finanzjament;

11. Jilqa’ l-allokazzjonijiet tal-2013 taħt il-programm 'Integrazzjoni u Kooperazzjoni fis-Sħubija tal-Lvant' (EaPIC), (li jaqa' taħt l-ENPI), imqassam bejn il-Moldova, il-Ġeorġja u l-Armenja bħala finanzjament addizzjonali lil dawk il-pajjiżi tas-SL li qed jagħmlu progress fir-riformi għal demokrazija profonda u d-drittijiet tal-bniedem;

12. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi permess l-ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen għaċ-ċittadini tal-Moldova; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-viżi għandha tkun prijorità, u jitlob aktar sforzi f'dan ir-rigward; jinnota f’dan ir-rigward li l-liberalizzazzjoni tal-viżi hija biss waħda minn numru ta’ proċessi mmirati biex iqarrbu lis-soċjetajiet aktar lejn xulxin, u jeħtieġ li jkun hemm aktar sforzi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żieda fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, ix-xjenza, il-kultura u l-isport; jenfasizza li l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ riċerka, studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u ħidma bħala au pair hija għodda li se jkollha impatt kbir fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura; jitlob adozzjoni immedjata ta’ din id-direttiva li toffri viżi għal permanenza fit-tul u permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskopijiet imsemmija hawn fuq;

13. Jenfasizza l-importanza tal-investiment fiż-żgħażagħ u fil-mexxejja tal-futur, billi jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju taħt il-programm ‘Erasmus +’ sabiex jitrawmu l-iskambji ta’ studenti u l-għalliema bejn pajjiżi tas-SL u l-Istati Membri tal-UE, billi jitkompla l-appoġġ finanzjarju għall-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej li tinsab f’eżilju, u tiġi stabbilita Università tas-Sħubija tal-Lvant u l-Kulleġġ Ewropew tal-Baħar l-Iswed, li kieku jipprovdu opportunitajiet għall-iżvilupp ta' programmi edukattivi fuq livelli differenti, bl-għan li jsawru mexxejja futuri minn pajjiżi tas-SL u mill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll jippromvowu ulterjorment il-proġetti akkademiċi u edukattivi li diġà wrew il-valur tagħhom f’dan il-qasam, bħall-Kulleġġ tal-Ewropa;

14. Iħeġġeġ l-organizzazzjoni ta’ iżjed skambji skolastiċi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL, u jqis li għal dan il-għan għandu jkun ipprovdut finanzjament speċjali;

15. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ fi ħdan il-qafas tat-Tieqa għaż-Żgħażagħ fis-SL tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, biex b’hekk tissaħħaħ iċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ, tiġi żviluppata s-solidarjetà u ssir promozzjoni għat-tolleranza fost iż-żgħażagħ; jilqa’ f’dan ir-rigward is-Samit taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant li sar f’Ottubru 2013 li ffaċilita d-djalogu politiku u n-netwerking ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ż-żgħażagħ mill-UE u mill-pajjiżi tas-SL;

16. Jikkunsidra li d-diffikultajiet fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant jistgħu jiġu megħluba minn impenn tal-UE ibbalanċjat mill-ġdid u msaħħaħ li jmur lil hinn mid-djalogu politiku biex jindirizza u jiżviluppa wkoll l-isferi soċjali, ekonomiċi u kulturali; jistieden lill-UE biex iżżid il-preżenza tagħha fil-pajjiżi sħab bl-użu ta’ aktar mezzi interattivi awdjoviżivi u midja soċjali fil-lingwi tal-post rispettivi sabiex tilħaq is-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija ta’ komunikazzjoni ċara għas-soċjetajiet fil-pajjiżi tas-SL biex tispjegalhom il-benefiċċji tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni inkluż iż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (ŻKĦAK), bħala għodda għall-immodernizzar tas-sistemi politiċi u l-ekonomiji tagħhom;

17. Jenfasizza li l-UE u s-sħab tal-Ewropa tal-Lvant jaffaċċjaw sfidi politiċi komuni fir-rigward tal-iżgurar ta’ provvista ta’ enerġija affidabbli u sikura; ifakkar li l-kooperazzjoni fis-sigurtà tal-enerġija hija identifikata b’mod ċar bħala prijorità taħt is-Sħubija tal-Lvant u l-PEV; ifakkar li t-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija joħloq il-bażi biex jiġi stabbilit suq tal-enerġija reġjonali integrat kompletament li huwa favur it-tkabbir, l-investiment u qafas regolatorju stabbli; iqis li progress ulterjuri fl-integrazzjoni tan-netwerks tal-gass u tal-elettriku fir-reġjun, inklużi l-flussi bil-kontra, bħala essenzjali għall-kisba tal-għanijiet tal-Komunità tal-Enerġija; jissottolinja l-importanza li tingħata aktar attenzjoni għall-konsolidazzjoni, it-titjib u l-effiċjenza tas-settur tal-enerġija, bħala waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija, u għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività kif ukoll għall-iżvilupp ta' strateġiji tal-enerġija b’konformità mal-obbligi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija u l-miri tal-UE; jitlob tkomplija tar-riformi fis-suq tal-gass u tal-elettriku u sehem xieraq tal-enerġija minn riżorsi rinnovabbli, f’konformità mal-politiki u l-istandards tal-UE; jirrikonoxxi li d-dipendenza enerġetika tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fuq il-pajjiżi terzi u d-diversifikazzjoni mhux adegwata tal-provvista jikkumplikaw id-dinamika tal-integrazzjoni Ewropea, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħaġġlu l-proġetti li ser jgħinu biex tittaffa s-sitwazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu s-solidarjetà prinċipju fundamentali tal-Komunità tal-Enerġija li jkun mistenni li jiġi rrispettat bis-sħiħ mill-parteċipanti kollha attivi fis-suq tal-UE;

18. Jitlob biex tiddaħħal klawżola dwar is-sigurtà tal-enerġija f’kull ftehim mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, biex jiġi ggarantit rispett sħiħ lejn il-liġijiet tas-suq intern tal-enerġija tal-UE kif ukoll l-inklużjoni ta’ Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija f’tali ftehimiet biex tiġi ggarantita evalwazzjoni bikrija tar-riskji u l-problemi potenzjali relatati mat-transitu u l-provvista tal-enerġija minn pajjiżi terzi, kif ukoll jiġi stabbilit qafas komuni għall-assistenza reċiproka, is-solidarjetà u s-soluzzjoni tat-tilwim;

19. Jitlob approċċ iktar mirqum għall-pajjiżi sħab individwali, ukoll billi jiġu meqjusa aħjar il-vulnerabbiltajiet ġeopolitiċi speċifiċi tagħhom, jiġu implimentati l-prinċipji ta’ divrenzjar u ta’ 'aktar b'aktar' iżda b’koordinazzjoni ġenerali; jemmen bis-saħħa li l-profondità u l-ambitu tar-relazzjonijiet ma’ kull pajjiż sieħeb għandhom jirriflettu l-ambizzjoni Ewropew tiegħu stess, l-impenn għall-valuri kondiviżi, u l-progress fl-allinjament mal-leġiżlazzjoni tal-UE, ivvalutat abbażi ta’ parametri referenzjarji ċari u tal-merti tiegħu stess; huwa tal-fehma li l-arkitettura tas-Sħubija tal-Lvant għandha tkun progressiva u flessibbli - istituzzjonalment u kunċettwalment - biex tipprovdi inċentivi fuq perjodu twil ta’ żmien lis-sħab kollha, inklużi dawk l-aktar avvanzati, biex b'hekk tintensifika ulterjorment ir-relazzjonijiet mal-UE; jemmen barra minn hekk li s-SL għandha tiffoka mhux biss fuq l-objettivi normativi iżda wkoll tilħaq liċ-ċittadini permezz ta’ approċċi minn isfel għal fuq biex tankra l-benefiċċji tal-assoċjazzjoni prospettiva għall-opinjoni pubblika; ifakkar li l-avvanz tas-sħubija jiddependi fuq il-progress u l-isforzi sostanzjali li qed isiru fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma fil-ġudikatura, ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u ż-żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi;

20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja aktar il-possibilitajiet li jiġu mnaqqsa l-ostakoli għall-kummerċ, fejn dan ikun xieraq u anke qabel ma jiġu ffirmati u implimentati ż-ŻKĦAK, biex is-soċjetajiet u n-negozji tal-pajjiżi rispettivi tas-SL jkunu jistgħu jesperjenzaw benefiċċji ekonomiċi b'mod aktar immedjat tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-UE;

21. Jirrikonoxxi l-importanza tal-inklussività biex jiġi żgurat li s-Sħubija tavvanza bil-parteċipazzjoni tas-sitt imsieħba kollha, jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ iżjed titjib fid-dimensjoni multilaterali, u jinkoraġġixxi ż-żamma ta’ laqgħat regolari fil-livell ministerjali madwar l-ispettru tal-politiki kollha;

22. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, bħal fil-każ tal-Ukraina, l-importanza li l-Kunsill jieħu azzjoni immedjata, inkluż żieda fil-pressjoni diplomatika u l-introduzzjoni ta’ miżuri individwali mmirati, il-projbizzjoni fuq vjaġġar u l-iffriżar tal-assi u l-proprjetà diretti għall-uffiċjali, il-leġiżlaturi u l-isponsors kummerċjali tagħhom li jkunu responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li jżid l-isforzi sabiex iwaqqaf il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa mill-kumpaniji u n-negozjanti tal-pajjiż ikkonċernat fil-banek Ewropej;

23. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ fehim komuni dwar l-essenza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL; jinnota bi tħassib li l-UE ta' spiss titqies bħala donatur u l-pajjiżi sħab bħala benefiċjarji, waqt li kulħadd għandu jkollu rwol doppju; iwissi li dan it-tip ta’ perċezzjoni pubblika jista’ joħloq aspettattivi mhux realistiċi fost is-soċjetajiet tas-Sħubija tal-Lvant;

24. Jiddispjaċih li l-Istati Membri ħafna drabi jkollhom opinjonijiet diverġenti u ma jeħdux pożizzjoni komuni fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tas-SL, u fl-iżviluppi f'dawn il-pajjiżi; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ fehim fost l-Istati Membri dwar l-importanza ġeopolitika tal-kooperazzjoni u ta’ pożizzjoni komuni dwar xi kwistjonijiet; jitlob eżami komprensiv tal-PEV, speċjalment fir-rigward tal-Viċinat tal-Lvant, fid-dawl tal-avvenimenti riċenti kif ukoll f’termini ta’ miżuri konkreti u tanġibbli, speċjalment fir-rigward taċ-ċittadini tas-SL;

25. Jirrakkomanda li tissaħħaħ ulterjorment id-direzzjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant sabiex titrawwem klima ta’ kooperazzjoni, ħbiberija u relazzjonijiet tajbin mal-viċinat li jkunu ta’ appoġġ għall-objettivi ta’ assoċjazzjoni politika u b’mod partikolari l-integrazzjoni ekonomika u li jiġu mħeġġa inizjattivi multilaterali għall-kooperazzjoni u proġetti konġunti, speċjalment f’oqsma bħat-trasport, il-kuntatti interpersonali, l-ambjent, is-sigurtà tal-fruntieri, u s-sigurtà tal-enerġija, u jfakkar fl-importanza kbira li tagħti l-UE lill-Assemblea Parlamentari Euronest f'dan ir-rigward; jemmen li l-kooperazzjoni madankollu għandha tkompli, fejn possibbli, fuq bażi bilaterali bejn l-UE minn naħa u l-pajjiżi sħab mill-oħra;

26. Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm aktar sforzi fil-kondiviżjoni ta’ esperjenzi ta’ riformi demokratiċi, li tkun tislet mill-esperjenza kbira li l-pajjiżi Ewropej għandhom fil-proċess tal-istabbiliment u l-protezzjoni tar-reġimi demokratiċi bbażati fuq ir-rispett għall-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt,speċjalment minn Stati Membri li jistgħu jibnu kemm fuq l-esperjenza tagħhom tal-integrazzjoni tal-UE kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet mill-qrib tagħhom mal-pajjiżi tas-SL, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiżi individwali, bl-enfasi fuq il-benefiċċji reċiproki u l-ilħuq ta’ bilanċ bejn il-kondizzjonalità u s-solidarjetà, fl-interess ukoll tal-iżvilupp ulterjuri tal-UE stess; jissuġġerixxi li jiġu eżaminati l-possibiltajiet ta’ tagħlim bejn il-pari kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq livell tekniku li kieku jżid il-kuxjenza u l-għarfien dwar il-bini tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

27. Huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tinkoraġġixxi b’mod iżjed proattiv lill-pajjiżi sħab biex jiġġieldu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jfakkar li fil-każ ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, l-UE nnifisha tista’, b’konformità mat-Trattati, tqis l-introduzzjoni ta’ miżuri jew sanzjonijiet restrittivi fil-qafas tal-PESK, inkluż embargo fuq l-armi, projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tat-tagħmir għar-ripressjoni interna, u r-restrizzjonijiet fuq il-viżi jew il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar għal persuni, direttament jew indirettament, responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom b’mod ieħor jimminaw b’mod serju d-demokrazija jew l-istat tad-dritt, kif ukoll l-iffriżar tal-assi u r-riżorsi finanzjarji tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikunu selettivi u mmirati sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett fuq il-ħajja taċ-ċittadini ordinarji;

28. Jilqa', bħala konklużjoni pożittiva tas-Samit ta' Vilnjus, l-inizjalar ta’ Ftehimiet tal-Assoċjazzjoni inkluż ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensivmar-Repubblika tal-Moldova u mal-Ġeorġja; jiddispjaċih, madankollu li l-eżitu tas-Samit ta' Vilnjus ma laħaqx l-aspettattivi kollha, u jħeġġeġ biex il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jiġu ffirmati mingħajr dewmien u implimentati bis-sħiħ, malajr u b'mod effikaċi, fejn applikabbli, mal-pajjiżi sħab, biex jappoġġaw il-modernizzazzjoni u l-proċess ta’ riforma f’dawk il-pajjiżi, b’mod partikolari fl-oqsma relatati mal-konsolidazzjoni tal-governanza tajba, l-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u biex jiġi appoġġat il-bini u l-immodernizzar tal-ekonomiji tas-soċjetajiet sħab, kif ukoll leġiżlazzjoni li tiffaċilita n-negozju; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw żoni u oqsma ta' kooperazzjoni taħt l-aġenda ta’ assoċjazzjoni li fihom l-implimentazzjoni tista’ tibda minn issa fuq żmien qasir u medju;

29. Jiddeplora l-pressjoni kontinwa eżerċitata fuq il-pajjiżi tas-SL permezz ta’ għodod ekonomiċi, politiċi u militari mill-Federazzjoni Russa, li tqis it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL bħala azzjonijiet kontra l-interessi tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li din tiġi indirizzata fid-diskussjonijiet mar-Russja kif ukoll il-ħtieġa għal diskussjoni serja fost l-Istati Membri tal-UE dwar modi ġodda kif tiġi involuta r-Russja b’mod kostruttiv f’inizjattivi li jirriflettu l-interessi komuni fil-kuntest ta’ viċinat Ewropew sikur, stabbli u prosperuż, u b’hekk jingħeleb il-ħsib f’termini ta’ sferi ta’ influwenza li hu skadut u perikoluż; jistieden lill-UE tieħu miżuri konkreti, inklużi l-assistenza ekonomika, it-tħaffif tar-reġimi kummerċjali, il-proġetti biex itejbu s-sigurtà tal-enerġija u l-modernizzazzjoni ekonomika, biex tappoġġa l-pajjiżi tas-SL fl-aspirazzjonijiet Ewropej tagħhom, u biex tadotta strateġija komuni vis-à-vis il-Federazzjoni Russa; jitlob, barra minn hekk, djalogu onest u miftuħ mal-pajjiżi terzi biex jiġu mmassimizzati l-isforzi għall-iżvilupp ta' sinerġiji mmirati għall-benefiċċju tal-pajjiżi tas-SL;

30. Ifakkar li l-objettivi tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL għandhom ikunu l-istabbiliment ta’ sħubija strateġika aktar mill-qrib, it-tisħiħ tal-kuntatti interpersonali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, l-istabbiliment ta’ netwerks ta’ rabtiet soċjali bl-għan li tiżdied l-integrazzjoni, u l-appoġġ għall-modernizzazzjoni u l-orjentazzjoni pro-Ewropea aktar minn sempliċi stabbilizzazzjoni;

31. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kuxjenza dwar l-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi tas-SL; jenfasizza li d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tas-SL għandu jkollhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-kampanji ta’ viżibilità tal-UE;

32. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi sħab u l-promozzjoni tal-istabilità u l-bini tal-fiduċja multilaterali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li tiġi żviluppata dimensjoni ġenwinament multilaterali fis-Sħubija tal-Lvant bl-għan li jitjiebu r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, titjieb il-kooperazzjoni reġjonali u jiġu megħluba l-kontroversji bilaterali;

33. Itenni l-opinjoni tiegħu li l-kunflitti ffriżati jfixklu l-iżvilupp sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant u jkabbru l-mibegħda, l-animożità u t-tensjonijiet fost il-popli ta’ għadd ta' pajjiżi tas-SL; jinnota l-importanza li jinkisbu soluzzjonijiet ekwi u paċi dejjiema abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali; għal dan il-għan, jistieden lill-partijiet kollha joħolqu kundizzjonijiet favorevoli billi joqogħdu lura mir-retorika tal-mibegħda u t-tbeżżigħ bil-gwerra u billi jimplimentaw miżuri ta’ bini tal-fiduċja biex jindirizzaw kwistjonijiet umanitarji, ekonomiċi u oħrajn fuq in-naħat kollha tal-linji diviżivi attwali; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali u inizjattivi tal-bini tal-fiduċja fost il-partijiet jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ il-prinċipju tar-relazzjonijiet tajbin mal-ġirien bħala element kruċjali għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jesprimi t-tħassib li l-isforzi u r-riżorsi ddedikati mill-UE ma kinux suffiċjenti biex jinkisbu riżultati tanġibbli sa issa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-programmi ta’ bini tal-fiduċja fiż-żoni ta’ kunflitt bl-għan li jiġi restawrat id-djalogu u jiġu ffaċilitati l-iskambji interpersonali; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jiżviluppaw miżuri u approċċi innovattivi, inklużi strateġiji ta’ komunikazzjoni pubblika, kunsiderazzjoni ta' inizjattivi prammatiċi u kuntatti u konsultazzjonijiet informali, sabiex jiġu appoġġati l-kultura ċivika u d-djalogu komunitarju;

34. Huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi sħab hums ta’ importanza sinifikanti għall-avvanzament tal-politika tas-SL; jenfasizza li l-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni attiva tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant fil-livelli kollha tal-pjattaforma multilaterali hija apprezzata u għandha tiġi msaħħa ulterjorment;

35. Huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni bejn l-OSĊ hija bażi tajba għal kuntatt interpersonali ġenwin li m’għandux ikun limitat mill-fruntieri tal-istati; jirrakkomanda kooperazzjoni u koordinazzjoni iktar mill-qrib bejn il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-ekwivalent tiegħu bejn l-UE u r-Russja;

36. Iqis li l-istrumenti ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu definiti b’mod preċiż, bil-kunsiderazzjoni tal-istrumenti u l-programmi disponibbli u jiffokaw b’mod partikolari fuq skambji edukattivi u akkademiċi; jitlob biex ikunu provduti riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-implimentazzjoni tas-SL u għall-appoġġ għar-riformi, l-inizjattivi ewlenin u l-proġetti; jitlob parteċipazzjoni sħiħa tas-sitt pajjiżi sħab tas-SL fil-programmi tal-Unjoni;

37. Jenfasizza li r-rispett għall-istat tad-dritt, inkluż l-istabbiliment ta’ ġudikatura indipendenti u effiċjenti, u d-deterrenza tal-korruzzjoni fis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat huma essenzjali għall-protezzjoni tal-valuri demokratiċi;

38. Jenfasizza li l-korruzzjoni għadha mifruxa fil-pajjiżi tas-SL u hija kwistjoni importanti li jeħtieġ li tiġi indirizzata;

39. Jirrikonoxxi l-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jenfasizza l-importanza li titrawwem kooperazzjoni ekonomika sabiex tressaq ’il quddiem il-proġett tas-SL, inter alia billi titqajjem kuxjenza dwar il-kumplessità tal-problemi ekonomiċi, issir promozzjoni għall-governanza tajba fis-settur finanzjarju u l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, jiġi adottat approċċ settorjali, u tiġi inkoraġġita leġiżlazzjoni li twassal għall-iżvilupp tas-settur tal-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa għall-konklużjoni u l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv bħala l-għodda ewlenija għall-immodernizzar tal-ekonomiji tal-pajjiżi tas-SL u li tippermetti l-irkupru mill-kriżi finanzjarja;

40. Jitlob għal sforzi ikbar għat-tisħiħ tad-dimensjoni kummerċjali tas-Sħubija tal-Lvant inkluż permezz ta’ titjib fl-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi sħab għall-benefiċċju tal-SMEs u n-negozji lokali, reġjonali u Ewropej u l-promozzjoni tas-sħubijiet kummerċjali bejn l-UE u s-SL;

41. Iqis, barra minn hekk, li l-promozzjoni tal-attivitajiet konġunti ma’ sħab strateġiċi oħra u l-kooperazzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej ikunu ta’ benefiċċju għal kull min huwa involut;

42. Jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni tar-rabtiet soċjali u kulturali, biex b’hekk jiġi implimentat fil-prattika l-motto tal-UE 'magħqudin fid-diversità';

43. Jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-informazzjoni u dak kulturali bejn il-pajjiżi tas-SL u l-UE għall-finijiet li jinbnew soċjetajiet kontemporanji u infurmati tajjeb u li jiġu promossi l-valuri Ewropej;

44. Jenfasizza l-fatt li l-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) għandu rwol importanti fil-pajjiżi tas-SL billi jsaħħaħ, b’mod rapidu, effettiv u flessibbli, is-soċjetà ċivili u jippromwovi l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u billi jappoġġja jew jiżviluppa movimenti favur id-demokrazija f’pajjiżi li għadhom ma għamlux it-tranżizzjoni demokratika jew li qegħdin fil-proċess li jagħmlu hekk; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u l-Istati Membri biex jappoġġjaw il-ħidma tal-EED, u jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal għall-kooperazzjoni u s-sinerġiji; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'dan il-kuntest, biex jiżguraw li jkun disponibbli finanzjament adegwat u stabbli għall-attivitajiet tal-EED;

45. Iqis li, biex titjieb il-koperazzjoni bejn is-Sħab tal-Lvant, l-UE għandha toqgħod lura milli timponi restrizzjoni li fil-proġetti konġunti tintuża lingwa waħda, u għandha tippromwovi l-multilingwiżmu, b’mod partikolari fl-inizjattivi tal-gvern lokali, u f'dawk ċiviċi u edukattivi;

46. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-appoġġ għall-isforzi konġunti fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż programmi ta’ skambji għall-istudenti, fi proġetti multilingwistiċi virtwali, fi djalogu bejn il-kulturi permezz ta’ produzzjonijiet konġunti ta’ films u riżorsi konġunti għat-traduzzjonijiet letterarji, f’riċerka konġunta dwar il-legat tan-Nazziżmu u tal-Kommuniżmu u ta’ reġimi totalitarji u dwar l-istorja komuni fl-Ewropa, inter alia permezz tal-programm 'L-Ewropa għaċ-Ċittadini' u bil-promozzjoni tal-kooperazzjoni mal-Pjattaforma ta’ Memorja u Kuxjenza Ewropea;

47. Jitlob żvilupp gradwali ta’ Spazju Komuni għall-Għarfien u l-Innovazzjoni, sabiex jiġbed flimkien diversi truf eżistenti ta’ kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni;

48. Jinkoraġġixxi iżjed approssimazzjoni regolatorja fl-oqsma kollha tat-trasport u fl-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali tat-trasport, madwar in-netwerk kollu tat-trasport tas-Sħubija tal-Lvant permezz tal-programmi u l-istrumenti eżistenti tal-UE, filwaqt li jitfittex ukoll involviment iżjed mill-qrib tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali u prijoritizzazzjoni tal-proġetti li jtejbu l-konnessjonijiet man-netwerk ewlieni tat-TEN-T;

49. Jitlob fehim li s-SL huwa programm ambizzjuż li r-riżultati tiegħu jistgħu jsiru aktar evidenti meta titqies il-perspettiva fit-tul; jenfasizza li, filwaqt li s-SL qed tiġi kkritikata b’mod wiesa’, is-suċċess tal-inizjattiva jiddependi fuq l-involviment u r-rieda politika kemm tal-UE kif ukoll tal-ġirien tagħha tal-Lvant; jinnota wkoll li huwa essenzjali li kwalunkwe kritika tas-SL għandha tkun ta' natura kostruttiva u għandha tkun immirata lejn t-titjib tagħha aktar milli bl-għan li tiġi skreditata;

50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Pajjiżi tas-SL, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.

NOTA SPJEGATTIVA

Dan id-dokument li fih proposti għall-futur qed jirriżulta f’mument partikolari: waqt il-kriżi ekonomika fl-Ewropa, wara s-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnjus, fl-aħħar tal-leġiżlatura tal-UE għall-2009-2014, meta r-rwol tagħha jiżdied. Għalhekk, il-PE għandu jippreżenta proposta ambizzjuża li turi l-ftuħ u l-impenn tagħna għall-iżvilupp tal-proġett Ewropew. F’dan is-sens, il-kriżi m’għandhiex tillimitana, anzi għandha tkun inċentiv biex immorru lil hinn minn sempliċement l-impenn politiku u niffokaw fuq iċ-ċittadini tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li niffokaw fuq politiki li jġibu riżultati tanġibbli, bħal reġim mingħajr viżi. L-UE għandha wkoll tiffoka fuq iż-żgħażagħ u l-mexxejja żgħażagħ, filwaqt li tiżgura li tankra l-futur tagħhom fl-UE. Barra minn hekk, l-UE għandha tiffoka wkoll fuq is-sigurtà tal-enerġija, u tikkoopera flimkien mas-Sħab tal-Lvant dwar din il-kwistjoni. Dan id-dokument għandu jipprovdi inċentiv għall-approċċ politiku kuraġġuż għall-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll biex iwitti t-triq għall-ideat tagħna.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Elmar Brok, Mário David, Susy De Martini, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Davor Ivo Stier, Charles Tannock, Nikola Vuljanić, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emine Bozkurt, Andrew Duff, Kinga Gál, Elisabeth Jeggle, Emilio Menéndez del Valle, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Zdravka Bušić, Carmen Fraga Estévez, Czesław Adam Siekierski, Wim van de Camp