RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/008, ES/Comunidad Valenciana – tessuti minn Spanja)
5.3.2014 - (COM(2014)0045 – C7‑0019/2014 – 2014/2013(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Frédéric Daerden
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana – tessuti minn Spanja)
(COM(2014)0045 – C7‑0019/2014 – 2014/2013(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0045 – C7‑0019/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0158/2014),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,
C. billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana – tessili għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 560 sensja f'198 intrapriża li topera fit-Taqsima 13 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' tessuti)[4] fir-reġjun NUTS II ta' Comunidad Valenciana (ES52) bi 300 ħaddiem fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Novembru 2012 sal-1 ta' Awwissu 2013,
D. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati u li, għalhekk, Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fit-8 ta' Ottubru 2013 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2014; jilqa’ l-evalwazzjoni rapida ta' erba' xhur;
3. Iqis li s-sensji fl-intrapriżi tat-tessuti fil-Comunidad Valenciana huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, jirreferu għat-tmiem tal-Ftehim Tranżizzjonali tad-WTO dwar it-Tessuti u l-Ħwejjeġ fl-aħħar tal-2004 u huma esposti aktar għall-kompetizzjoni globali b'mod partikolari miċ-Ċina u pajjiżi oħra tal-Lvant Imbiegħed li twassal għal żieda fl-importazzjonijiet tat-tessuti fl-Unjoni u telf tas-sehem tas-suq tal-Unjoni fis-swieq dinjija tat-tessuti;
4. Jirrimakra li l-Comunidad Valenciana sfat milquta severament mill-globalizzazzjoni b’qgħad li jilħaq id-29,19 % fl-ewwel kwart tal-2013; jilqa’ l-fatt li r-reġjun għal darb’oħra juża l-għajnuna tal-FEG biex itaffi l-qgħad għoli billi jindirizza għat-tieni darba s-sensji fis-settur tat-tessuti;
5. Jifraħ lill-Comunidad Valenciana għall-kapaċità tagħha li tapplika u tuża l-FEG biex tittratta problemi tas-suq tax-xogħol tagħha kkaratterizzat b'perċentwal għoli ta' SMEs; f’dan il-kuntest ifakkar li r-reġjun ta’ Valenciana diġà applika għall-appoġġ tal-FEG għat-tessuti, għaċ-ċeramika, għall-ġebla naturali kif ukoll għas-settur tal-bini;
6. Jenfasizza l-kapaċità tal-FEG li tgħin fl-indirizzar tas-sitwazzjoni fraġli tal-impjiegi fir-reġjuni dipendenti fuq setturi tradizzjonali bħat-tessuti jew is-settur tal-bini; jenfasizza li din il-kapaċità tiddependi fuq kemm huma lesti u effettivi l-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex japplikaw għall-appoġġ tal-FEG;
7. Jinnota li s'issa, il-manifattura tas-settur tat-tessuti kienet is-suġġett ta' 11-il applikazzjoni FEG[5], li kollha huma bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ filwaqt li r-reġjun tal-Comunidad Valenciana diġà ressaq sitt applikazzjonijiet FEG: f’Settembru 2009 (ċeramika)[6], f’Marzu 2010[7] (ġebla naturali), f'Marzu 2010[8] (tessuti), f'Lulju[9] u f'Diċembru 2011[10] (bini u xdud tas-saqajn rispettivament) u fl-2013[11] (materjali tal-bini);
8. Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ FEG għall-pakkett koordinat propost;
9. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni f'impjieg ta' 300 ħaddiem li ngħataw is-sensja bħal tfassil ta' profil, gwida tax-xogħol, konsulenza, taħriġ (taħriġ f'ħiliet trasversali, taħriġ vokazzjonali, taħriġ dwar ix-xogħol, taħriġ lejn intraprenditorija), appoġġ lejn intraprenditorija, assistenza intensiva fit-tiftix tax-xogħol, inċentivi (inċentiv fit-tiftix tax-xogħol, appoġġ għat-twaqqif ta' negozju, inċentivi għar-rikollokament, kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u kontribuzzjoni għal persuni li jassistu persuni dipendenti);
10. Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali, inklużi t-trade unions (UGT-PV, CCOO-PV), ġew ikkonsultati matul il-preparazzjoni tal-applikazzjoni FEG u qablu li jikkontribwixxu 10 % tal-kofinanzjament nazzjonali totali tal-ispejjeż totali tal-miżuri applikati, u li se tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll prinċipju ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji diversi tal-implimentazzjoni u l-aċċess għall-FEG;
11. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali effettiv;
12. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett koordinat jinkludi taħriġ vokazzjonali li jiffoka fuq setturi fejn jeżistu opportunitajiet jew probabbli li jinħolqu kif ukoll fih taħriġ fuq il-post tax-xogħol li jaqbel mal-ħtiġijiet identifikati ta’ impriżi lokali;
13. Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma tispjegax l-istruttura edukattiva tal-forza tax-xogħol li ngħatat is-sensja;
14. Jirrimarka li l-pakkett koordinat jipprevedi inċentivi finanzjarji għat-tfittix ta’ xogħol (somma f’daqqa ta’ EUR 300), allowance ta’ mobilità, inċentiv għar-rikollokament (sa EUR 350) kif ukoll kontribut għal persuni li jindukraw persuni dipendenti fuqhom; jilqa’ l-fatt li l-ammont ġenerali ta’ inċentivi finanzjarji huwa relattivament limitat u dan iħalli l-maġġoranza tal-kontribuzzjoni biex tintefaq fuq it-taħriġ, il-counselling, l-għajnuna għat-tfittix ta’ xogħol u l-appoġġ għall-intraprenditorija;
15. Jirrimarka li l-każ ikkonċernat tipikament jirrifletti x-xenarju soċjali u ekonomiku ta' reġjun b'ekonomija lokali kkaratterizzata minn perċentwal għoli ta' SMEs;
16. Jirrimarka li l-informazzjoni provduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
17. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jenfasizza li fir-Regolament il-ġdid dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)[12] jiġi integrat titjib proċedurali ulterjuri, u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà tal-FEG;
18. Jisħaq fuq il-fatt li, bi qbil mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
19. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rigward ir-Regolament ġdid FEG, għall-perjodu 2014-2020, li jintroduċi mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, iżid il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż stmati total tal-miżuri proposti, iżid l-effiċjenza għat-trattament ta' applikazzjoni tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiżdiedu l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jintroduċu persuni li jaħdmu għal rashom u żgħażagħ, u jiffinanzja inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;
20. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
- [2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [4] Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
- [5] EGF/2007/005 IT Sardegna, COM(2008) 609; EGF/2007/006 IT Piemonte, COM(2008) 609; EGF/2007/007 IT Lombardia, COM(2008) 609; EGF/2008/001 IT Toscana, COM(2008) 609; EGF/2009/003 LT Alytaus Textile, COM(2008) 547; EGF/2009/005 ES Cataluña, COM(2009) 371; EGF/2009/001 PT Norte-Centro, COM(2009) 371; EGF/2009/004 BE Oost en West Vlaanderen Textiel, COM(2009) 515; EGF/2009/005 BE Limburg Textiel, COM(2009) 515, EGF/2010/009 ES Comunidad Valenciana, COM(2010) 613 u EGF/2013/008 Comunidad Valenciana (il-każ attwali).
- [6] EGF/2009/014 ES Comunidad Valenciana ċeramika COM(2010) 216;
- [7] EGF/2010/005 ES Comunidad Valenciana qtugħ, għoti ta’ forma u rfinar tal-ġebla. COM (2010) 617.
- [8] EGF/2010/009 ES Comunidad Valenciana COM(2010) 613;
- [9] EGF/2011/006 ES Comunidad Valenciana kostruzzjoni COM(2012) 053.
- [10] EGF/2011/020 ES Comunidad Valenciana xdud tas-saqajn COM(2012) 204.
- [11] EGF/2013/004 ES Comunidad Valenciana materjali tal-bini COM(2013) 635.
- [12] • Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana – tessuti minn Spanja)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni u biex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG fil-limitu massimu annwali ta' EUR 150 miljun.
(3) Spanja bagħtet applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, fir-rigward tas-sensji li ngħataw f'198 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 13 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' tessuti) fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana (ES52), fit-8 ta' Ottubru 2013 u ssupplimentat din l-applikazzjoni b'informazzjoni addizzjonali sal-5 ta' Novembru 2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 840 000.
(4) Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 840 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Kuntest ġenerali
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali ta' massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti adattati jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, għandu jinbeda trilogu.
II. L-applikazzjoni ta’ Comunidad Valenciana – tessuti u l-proposta tal-Kummissjoni
Fit-28 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Spanja biex tappoġġja r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja f'198 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 13 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' tessuti)[4] fir-reġjun NUTS II ta' Comunidad Valenciana (ES52) fi Spanja minħabba bidliet strutturali ewlenin fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni.
Din hija l-ewwel applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 840 000 mill-FEG għal Spanja. Tirrigwarda 560 sensja f'198 intrapriża tat-tessuti tar-reġjun ta' Comunidad Valenciana fi Spanja, bi 300 ħaddiema fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Novembru 2012 sal-1 ta' Awwissu 2013. Minn dawn is-sensji, 117-il sensja ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006; 284 sensja ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż u 159 sensja oħra ġew ikkalkolati skont it-tielet inċiż tal-istess paragrafu.
L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ottubru 2013, u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-5 ta’ Novembru 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li wara l-għeluq tal-Ftehim Tranżizzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar it-Tessuti u l-Ħwejjeġ fl-aħħar tal-2004, ftehim li dam għaxar snin, is-suq tat-tessuti tal-Unjoni Ewropea huwa espost għal kompetizzjoni[5] globali ferm aktar ħarxa, b'mod partikolari miċ-Ċina u pajjiżi oħra tal-Lvant Imbiegħed. Il-grafika ta' hawn taħt turi li fit-Taqsima 13 tan-NACE kien hemm żieda kbira fl-importazzjonijiet wara t-tmiem tal-ATC. Matul il-perjodu 2004-2012, il-bilanċ tal-kummerċ tal-UE fit-tessuti naqas b'mod sostanzjali. Matul dan il-perjodu, kien hemm żieda ta' 17 % fl-importazzjonijiet tat-tessuti fl-UE filwaqt li l-esportazzjoni tat-tessuti mill-UE għall-bqija kollha tad-dinja naqset bi 3 %. Il-bilanċ kummerċjali għat-tessuti tal-UE naqas minn eċċess ta' EUR 1 107 miljun fl-2004 għal defiċit ta' EUR 3 067 miljun fl-2012. Barra minn hekk, filwaqt li s-sehem fl-esportazzjonijiet dinjija tat-tessuti tal-UE naqas minn 10 % għal 8 % matul il-perjodu 2000-2011, is-sehem fl-esportazzjonijiet dinjija tat-tessuti taċ-Ċina żdied minn 10 % għal 32 %[6].
L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li 11,5 % tal-intrapriżi Spanjoli huma kollha bbażati fir-reġjun NUTS II ta’ Comunidad Valenciana, it-territorju kkonċernat mis-sensji. Is-settur tal-manifattura jirrappreżenta 26 % tal-impjiegi totali, filwaqt li s-settur tas-servizzi jirrappreżenta 60 %, il-kostruzzjoni 10 % u s-settur primarju 4 %. Il-mudell kummerċjali fil-Comunidad Valenciana huwa kkaratterizzat bil-proporzjon għoli ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jispeċjalizzaw l-aktar fil-manifattura tal-għamara, żraben, tessuti, ċeramika u ġugarelli; Dawn l-industriji huma kkonċentrati fid-distretti madwar għadd limitat ta' muniċipalitajiet. Jingħad li s-sensji fis-settur tat-tessuti f'Comunidad Valenciana se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad, billi r-reġjun u b'mod partikolari r-reġjun NUTS 3 tal-Alicante huwa dipendenti ħafna fuq dan is-settur. Mill-ħaddiema kollha fl-industrija tal-manifattura f'Alicanta, 8,24 % biss huma ħaddiema fil-qasam tat-tessuti.
Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 300 ħaddiem bħal tfassil ta' profil, gwida tax-xogħol, konsulenza, taħriġ (taħriġ f'ħiliet trasversali, taħriġ vokazzjonali, taħriġ dwar ix-xogħol, taħriġ lejn intraprenditorija), appoġġ lejn intraprenditorija, assistenza intensiva fit-tiftix tax-xogħol, inċentivi (inċentiv fit-tiftix tax-xogħol, appoġġ għat-twaqqif ta' negozju, inċentivi għar-rikollokament, kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u kontribuzzjoni għal persuni li jassistu persuni dipendenti).
Skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-miżuri mibdija fl-1 ta' Jannar 2014 flimkien jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi għas-suq tax-xogħol bil-għan li jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.
Rigward il-kriterji inklużi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Spanjoli fl-applikazzjoni tagħhom:
• ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;
• urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
• ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.
Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet bħall-Fond Soċjali Ewropew. Id-Direttorat Ġenerali għall-Proġetti u l-Fondi Ewropej tal-Ministeru Reġjonali tal-Finanzi u l-Gvern tal-Comunidad Valenciana[7] se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.
III. Proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 840 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 51).
Sal-lum, din hija l-ewwel proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014. L-ammont propost tal-kontribuzzjoni finanzjarja se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali allokat għall-FEG disponibbli għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, sakemm ma jintlaħaq ebda qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
- [1] ĠU L 347, 30.12.2013, p. 884.
- [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
- [3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [4] Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
- [5] Il-Ftehim dwar it-Tessuti u l-Ħwejjeġ (ATC) u r-restrizzjonijiet kollha taħtu, intemmu fl-1 ta' Jannar 2005. L-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni ta' għaxar snin tal-implimentazzjoni tal-ATC tfisser li l-kummerċ fil-prodotti tat-tessuti u l-ħwejjeġ m'għadux soġġett ta' kwoti taħt reġim speċjali barra r-regoli normali WTO/GATT iżda issa huwa rregolat mir-regoli u dixxiplini ġenerali inkorporati fis-sistema kummerċjali multilaterali.
- [6] Statistika dwar il-Kummerċ Internazzjonali tad-WTO 2012.
- [7] Dirección General de Proyectos y Fondos Europeos de la Consellería de Hacienda y Administraciones Públicas de la Generalitat Valenciana
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
EK/nt
D(2014)5436
Is-Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 13E158
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament (FEG) għall-każ EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana – tessuti minn Spanja (COM(2014)45 final)
Għażiż President,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar l-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana – tessuti u adottaw l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta’ din it-talba. F’dan ir-rgward, il-Kumitat EMPL ressaq xi rimarki mingħajr, madankollu, ma poġġa fid-dubju t-trasferiment ta' pagamenti.
Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) Billi din l-applikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEG u jimmira li jappoġġa 300 ħaddiem minn total ta’ 560 ħaddiem ssensjati minn 198 intrapriża li joperaw fit-Taqsima 52 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (“manifattura ta’ tessuti”) fi ħdan il-perjodu ta’ referenza bejn l-1 ta' Novembru 2012 u l-1 ta’ Awwissu 2013 fir-reġjun tan-NUTS II ta’ Comunidad Valenciana (ES52).
B) Billi l-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li s-sensji ġew ikkawżati mill-globalizzazzjoni li laqtet serjament lis-settur tat-tessuti Spanjol;
C) Billi minħabba l-globalizzazzjoni, il-bilanċ kummerċjali tal-UE fit-tessuti mar għall-agħar matul il-perjodu 2004-2012, b’żieda ta’ 17 % tal-importazzjoni ta’ tessuti lejn l-UE u tnaqqis ta’ 3 % f’esportazzjonijiet ta’ tessuti barra mill-UE;
D) Billi s-sehem fl-esportazzjonijiet dinjija tat-tessuti tal-UE naqas minn 10 % għal -8 % matul il-perjodu 2000-2011, waqt li fl-istess perjodu s-sehem taċ-Ċina żdied minn 10 % għal 32 %;
E) Billi fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni l-560 sensja jistgħu jkunu marbuta mat-tibdil strutturali ewlieni fix-xejriet tal-kummerċ dinji, rifless f’żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet lejn l-UE u tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-UE fis-swieq dinjija;
F) Billi 56,61 % tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel filwaqt li 43,39 % huma nisa; Billi 79,1 % tal-ħaddiema huma bejn il-25 u l-54 sena u 20 % tal-ħaddiema għandhom aktar minn 55 sena;
G) Billi l-forza tax-xogħol issensjata tikkonsisti f’81,25 % ta’ ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati, 10,71 % huma tekniċi u 6,07 % huma f’xogħlijiet elementari;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Spanjola:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEG (1927/2006) ġew rrispettati u li, għalhekk, Spanja intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-regolament;
2. Jirrimarka li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja FEG fit-8 ta' Ottubru 2013 u li l-valutazzjoni tagħha kienet saret fit-28 ta’ Jannar 2014 mill-Kummissjoni Ewropea; jilqa’ pożittivament il-ħeffa tal-perjodu ta' evalwazzjoni;
3. Jirrimakra li l-Comunidad Valenciana sfat milquta severament mill-globalizzazzjoni b’rata ta’ qgħad li tilħaq id-29,19 % fl-ewwel kwart tal-2013; jilqa’ l-fatt li r-reġjun għal darb’oħra juża l-għajnuna tal-FEG biex itaffi l-qgħad għoli billi jindirizza għat-tieni darba s-sensji fis-settur tat-tessuti;
4. Jifraħ lill-Comunidad Valenciana għall-kapaċità tagħha li tapplika u tuża l-FEG biex tittratta problemi tas-suq tax-xogħol tagħha kkaratterizzat b'perċentwal għoli ta' SMEs; f’dan il-kuntest ifakkar li r-reġjun ta’ Valenciana diġà applika għall-appoġġ tal-FEG f’ħames ċirkostanzi għat-tessuti, għaċ-ċeramika, għall-ġebla naturali kif ukoll għas-settur tal-bini (applikazzjonijiet: EGF/2009/0014, EGF/2010/005 u EGF/2010/009, EGF/2011/006 u EGF/2013/004);
5. Jenfasizza l-kapaċità tal-FEG li tgħin fl-indirizzar tas-sitwazzjoni fraġli tal-impjiegi fir-reġjuni dipendenti fuq setturi tradizzjonali bħat-tessuti jew is-settur tal-bini; jenfasizza li din il-kapaċità tiddependi fuq kemm huma lesti u effettivi l-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex japplikaw għall-Fond;
6. Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri fl-1 ta' Jannar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ FEG għall-pakkett koordinat propost;
7. Jirrimarka li l-awtoritajiet Spanjoli informaw li fl-evalwazzjoni tagħhom ibbażata fuq l-esperjenza permezz ta’ applikazzjonijiet FEG preċedenti, huma biss 300 ħaddiem fil-mira tal-appoġġ FEG li se jagħżlu li jipparteċipaw fil-miżuri;
8. Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma tispjegax l-istruttura edukattiva tal-forza tax-xogħol li ngħatat is-sensja;
9. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett koordinat jinkludi taħriġ vokazzjonali li jiffoka fuq setturi fejn jeżistu opportunitajiet jew probabbli li jinħolqu kif ukoll fih taħriġ fuq il-post tax-xogħol li jaqbel mal-ħtiġijiet identifikati ta’ impriżi lokali;
10. Jirrimarka li l-pakkett koordinat jipprevedi inċentivi finanzjarji għat-tfittix ta’ xogħol (somma f’daqqa ta’ EUR 300), allowance ta’ mobilità, inċentiv għar-rikollokament (sa EUR 350) kif ukoll kontribut għal persuni li jindukraw persuni dipendenti fuqhom; jilqa’ l-fatt li l-ammont ġenerali ta’ inċentivi finanzjarji huwa relattivament limitat u dan iħalli l-maġġoranza tal-kontribuzzjoni biex tintefaq fuq it-taħriġ, il-counselling, l-għajnuna għat-tfittix ta’ xogħol u l-appoġġ għall-intraprenditorija;
11. Jilqa’ l-fatt li s-sħab soċjali ġew ikkonsultati f’bosta okkażjonijiet fuq it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati; jirrimarka li s-sħab soċjali jaqblu li jikkontribwixxu 10 % tal-kofinanzjament nazzjonali;
12. Jirrimarka li l-każ ikkonċernat tipikament jirrifletti x-xenarju soċjali u ekonomiku ta' reġjun b'ekonomija lokali kkaratterizzata minn perċentwal għoli ta' SMEs; jenfasizza li l-FEG ġdid 2014-2020, bl-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu se jkun jista' jgħin lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ukoll.
Dejjem tiegħek,
Pervenche Berès
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
4.3.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Věra Flasarová, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, George Lyon, Claudio Morganti, Jan Mulder, Nadezhda Neynsky, Andrej Plenković, Dominique Riquet, Alda Sousa, Helga Trüpel, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Frédéric Daerden, Edit Herczog, Paul Rübig, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis, Nils Torvalds, Catherine Trautmann |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Antonio Cancian, María Auxiliadora Correa Zamora |
||||