RAPPORT bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar l-impenn umanitarju ta' atturi mhux statali armati fil-protezzjoni tat-tfal
5.3.2014 - (2014/2012(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Judith Sargentini
PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL
dwar l-impenn umanitarju ta' atturi mhux statali armati fil-protezzjoni tat-tfal
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Catherine Grèze, Eva Joly, Isabella Lövin, Judith Sargentini, Bart Staes u Keith Taylor f'isem il-Grupp Verts/ALE dwar l-impenn umanitarju ta' atturi mhux statali armati fil-protezzjoni tat-tfal (B7‑0585/2013),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-tfal u l-kunflitti armati u rapporti oħrajn minn atturi rilevanti,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar it-tfal u l-kunflitti armati, l-istrateġija ta’ implimentazzjoni tal-2010 għal-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-Lista ta’ Kontroll tal-2008 għall-Integrazzjoni tal-Protezzjoni tat-Tfal affettwati mill-Kunflitti Armati fl-Operazzjonijiet tal-PSDK,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2008 dwar "il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – id-dimensjoni tal-iżvilupp u dik umanitarja",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar post speċjali għat-tfal fl-azzjoni esterna tal-UE[1], tas-16 ta’ Jannar 2008 intitolata “Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal”[2], tat-3 ta’ Lulju 2003 dwar it-traffikar tat-tfal u s-suldati tfal[3], tas-6 ta’ Lulju 2000 dwar il-ħtif ta’ tfal mil-Lord's Resistance Army[4] u tas-17 ta’ Diċembru 1998 dwar is-suldati tfal[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni 1612 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tal-2002 għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati,
– wara li kkunsidra l-Impenji ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tat-Tfal mir-Reklutaġġ jew l-Użu Illegali mill-Forzi Armati jew il-Gruppi Armati u l-Prinċipji u l-Linji gwida ta’ Pariġi dwar it-Tfal Assoċjati mal-Forzi Armati jew il-Gruppi Armati, li t-tnejn ġew adottati fis-6 ta’ Frar 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 121(3) u Artikolu 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7‑0000/2014),
A. billi l-biċċa l-kbira tal-kunflitti armati attwali jinvolvu attur mhux statali armat wieħed jew iktar li qed jiġġieldu kontra l-gvernijiet jew gruppi armati oħrajn, filwaqt li ċ-ċivili, u b'mod partikolari t-tfal, iġarrbu l-effetti ta' dawn il-gwerer;
B. billi l-ispettru ta' dawn l-atturi mhux statali huwa estensiv ħafna u jħaddan firxa wiesgħa ta' identitajiet u motivazzjonijiet, u kif ukoll diversi gradi ta' rieda u kapaċità ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u standards oħra tad-dritt internazzjonali, imma f'dan ir-rigward kollha kemm huma jeħtieġu skrutinju;
C. billi sabiex tittejjeb il-protezzjoni taċ-ċivili, u b'mod partikolari tat-tfal, għandha tingħata konsiderazzjoni lill-partijiet kollha fil-kunflitt;
D. billi, f’kunflitt armat, in-normi umanitarji internazzjonali japplikaw u huma vinkolanti għall-partijiet kollha;
E. billi l-kunflitti armati għandhom impatt partikolarment devastanti fuq l-iżvilupp fiżiku u mentali tat-tfal, b’konsegwenzi fit-tul għas-sigurtà tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli;
F. billi l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jikkriminalizza l-att tal-lieva jew l-ingaġġ ta’ tfal taħt l-età ta’ 15-il sena f'forzi jew fi gruppi armati, jew li jintużaw biex jipparteċipaw attivament fil-ġlied;
G. billi d-dritt internazzjonali jipprojbixxi l-forom kollha ta’ vjolenza sesswali, anke kontra t-tfal, u billi l-atti ta’ vjolenza sesswali jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew ġenoċidju;
H. billi l-użu ta’ mini antipersuna naqas mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini fl-1997, iżda għadu ta' theddida għat-tfal, speċjalment f’kunflitti armati li ma jkunux ta’ natura internazzjonali;
I. billi l-komunità internazzjonali għandha d-dmir morali li tfittex l-impenn mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitti, kemm tal-istati kif ukoll tal-atturi mhux statali armati, sabiex jiġu protetti t-tfal;
J. billi d-demobilizzazzjoni, ir-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni tas-suldati tfal għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe proċess ta' negozjar u trattat ta' paċi sussegwenti, u kif ukoll għandhom jiġu indirizzati matul il-kunflitt innifsu;
K. billi d-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni b'suċċess ta' suldati tfal jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni taċ-ċiklu kontinwu ta' vjolenza;
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissarju għall-Iżvilupp u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà:
(a) li jitħeġġeġ l-iffirmar ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-protezzjoni tat-tfal f'kunflitti armati mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati mill-istati kkonċernati u l-atturi mhux statali armati, filwaqt li jfakkar li impenn bħal dan ma' atturi mhux statali armati ma jimplikax l-appoġġ għal, jew ir-rikonoxximent tal-leġittimità ta' dawn il-gruppi jew l-attivitajiet tagħhom;
(b) li jiġu rikonoxxuti l-isforzi magħmula min-NU u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jipperswadu lill-atturi mhux statali armati jipproteġu lit-tfal, filwaqt li jtenni l-fatt li dan ma jimplikax l-appoġġ għal-leġittimità tal-attivitajiet ta' dawk l-atturi jew ir-rikonoxximent tagħhom;
(c) li fid-djalogi politiċi ma’ pajjiżi terzi, pereżempju fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou, tiġi inkluża l-mira tal-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u tal-involviment sfurzat ta' tfal taħt l-età ta’ 18-il sena u li jiġu żgurati r-rilaxx kif ukoll ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;
(d) li jittenna l-fatt li l-istati u l-atturi mhux statali armati jeħtieġu jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju, u li jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom li jieħdu miżuri speċjali biex jipproteġu liċ-ċivili, b'mod partikolari t-tfal, filwaqt li jfakkar li attività bħal din ma' atturi mhux statali armati ma timplikax l-appoġġ għal, jew ir-rikonoxximent tal-leġittimità tal-attivitajiet ta' dawn il-gruppi jew l-ativitajiet tagħhom;
(e) li jitfakkar il-fatt li d-dritt umanitarju internazzjonali hu qafas ġuridiku li jorbot lill-gruppi mhux statali armati u li l-Artikolu Komuni 3 tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u t-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-1977 t-tnejn iservu biex jintlaħaq dan l-għan, kif jagħmlu għadd kbir ta' regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju; huwa importanti li jiġi eżaminat jekk ir-regoli eżistenti li jirregolaw id-dritt umanitarju internazzjonali humiex adegwati biex jittrattaw mal-atturi mhux statali jew jekk hemmx bżonn ta' regolamentazzjoni ulterjuri;
(f) li jinbeda djalogu dirett, jew indirett permezz ta’ NGOs u organizzazzjonijiet umanitarji speċjalizzati, ma’ atturi mhux statali armati dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-bniet u s-subien, bl-għan li tittaffa t-tbatija tat-tfal fil-kunflitti armati u li l-atturi mhux statali armati jiġu mħeġġa jiffirmaw l-Att ta’ Impenn fit-Talba ta’ Ġinevra għall-Protezzjoni tat-Tfal mill-Effetti tal-Kunflitti Armati;
(g) li jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet umanitarji li jinvolvu ruħhom fi djalogu ma’ atturi mhux statali armati sabiex jippromwovu r-rispett għan-normi umanitarji internazzjonali fil-kunflitti armati, b’mod partikolari l-protezzjoni tat-tfal permezz ta’ mezzi politiċi, diplomatiċi u finanzjarji;
(h) li jsir appell lill-Istati Membri tal-UE biex jingħaqdu mal-isforzi internazzjonali għall-prevenzjoni ta' attakki kontra l-iskejjel u ta' użu militari tal-iskejjel minn atturi armati billi japprovaw l-abbozz tal-Linji Gwida ta' Lucens għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kummissarju għall-Iżvilupp, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
NOTA SPJEGATTIVA
Fil-kunflitti, it-tfal huma separati mill-familji tagħhom, reklutati bħala suldati, sfurzati joqtlu u huma suġġetti għal sfruttament sesswali fost l-oħrajn, sitwazzjoni li tħalli impatti devastanti tul il-ħajja fuq l-iżvilupp fiżiku u mentali tagħhom.
In-numru stmat ta’ tfal involuti fil-kunflitti armati attwalment ivarja minn 250 000 għal 800 000. Huwa stmat li mill-1996, 6 miljun tifel u tifla ġew midruba minħabba kunflitti armati, u xi 2 miljuni nqatlu. Madwar 20 miljun tifel u tifla ġew spustati minħabba kunflitti armati jew batew ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Kull sena, bejn 8 000 u 10 000 tifel u tifla jinqatlu jew jiġu korruti bil-mini. Spiss it-tfal huma l-agħar li jintlaqtu mill-kunflitti armati u huma f’riskju akbar ta’ ksur multiplu u ripetut tad-drittijiet l-aktar fundamentali tagħhom.
Fl-2010, fir-rapport tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili waqt kunflitti armati, is-Segretarju Ġenerali tan-NU enfasizza "l-ħtieġa għal approċċ komprensiv lejn it-titjib tal-konformità mal-liġi" mill-Atturi Mhux Statali Armati. Is-Segretarju Ġenerali kompla ddikjara li:
“Konformità mtejba mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem ser tibqa’ dejjem prospett imbiegħed fin-nuqqas ta’, u l-aċċettazzjoni assenti tal-ħtieġa għal, impenn sistematiku u konsistenti ma’ gruppi mhux statali armati. Jekk l-impenn huwa mfittex ma’ gruppi armati fl-Afganistan, il-Kolombja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, it-territorji Palestinjani okkupati, il-Pakistan, is-Somalja, is-Sudan, l-Uganda, il-Jemen jew x’imkien ieħor, l-esperjenza turi li jistgħu jiġu salvati ħajjiet billi jiġu impenjati gruppi armati sabiex tinstab konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali fl-operazzjonijiet ta’ taqbid tagħhom u fl-imġiba ġenerali, jinkiseb aċċess sikur għal finijiet umanitarji u jiskuraġġihom milli jużaw ċerti tipi ta’ armi.”
Is-sena li għaddiet, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Użu tas-Suldati Tfal, is-Sinjura Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni, fi stqarrija konġunta mas-Sinjura Leila Zerrougui, Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, iddikjaraw li “ħafna pajjiżi u gruppi armati ffirmaw pjanijiet ta’ azzjoni man-Nazzjonijiet Uniti biex jintemm ir-reklutaġġ taħt l-età li rriżultaw fir-rilaxx u r-reintegrazzjoni ta’ tfal, kif ukoll il-prosekuzzjoni tal-awturi”. Huma ħeġġew partijiet oħra biex jagħmlu l-istess b’effett immedjat.
Għalkemm ir-responsabbiltà primarja għall-protezzjoni tan-nies qiegħda fuq l-Istati, huwa importanti wkoll li tiġi enfasizzata r-responsabbiltà u l-obbligu tal-Atturi Mhux Statali Armati (ANSA), sabiex jipproteġu n-nies skont id-dritt umanitarju internazzjonali (IHL).
Huwa f’dan ir-rigward li t-Talba ta’ Ġinevra tnediet f’Marzu 2000 bħala organizzazzjoni umanitarja newtrali u imparzjali ddedikata biex timpenja l-Atturi Mhux Statali lejn konformità man-normi tad-dritt umanitarju internazzjonali,, konsistenti mal-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra. Rikonoxxuta bħala mudell ta’ suċċess mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, il-ħidma tat-Talba ta’ Ġinevra tikkonsisti mill-involviment mal-ANSA fi djalogu kostruttiv immirat biex jipperswadihom jibdlu l-imġiba tagħhom sabiex jirrispettaw normi umanitarji speċifiċi u biex ikun hemm monitoraġġ u appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ dawk l-impenji.
In-NU ddikjarat it-12 ta’ Frar bħala l-Jum Internazzjonali Kontra l-Użu ta’ Suldati Tfal sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjoni ta’ suldati tfal, tiġbor l-appoġġ għall-kampanja “Zero Under 18” u sabiex tinstab ratifika universali tal-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal f’Kunflitti Armati.
Huwa b’appoġġ għal din il-kampanja internazzjonali li r-rapporteur tipproponi r-rakkomandazzjoni attwali biex tinkoraġġixxi l-iffirmar tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-protezzjoni tat-tfal f’kunflitti armati.
PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI B7-0585/2013
Skont l-Artikolu 121(1) tar-Regoli ta’ Proċedura
dwar l-impenn umanitarju ta’ atturi mhux statali armati fil-protezzjoni tat-tfal
Eva Joly, Catherine Grèze, Keith Taylor, Judith Sargentini, Bart Staes, Isabella Lövin
F’isem il-Grupp Verts/ALE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-tfal u l-kunflitti armati u rapporti oħrajn minn atturi rilevanti,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar it-tfal u l-kunflitti armati, l-istrateġija ta’ implimentazzjoni tal-2010 għal-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-Lista ta’ kontroll tal-2008 għall-Integrazzjoni tal-Protezzjoni tat-Tfal affettwati mill-Kunflitti Armati fl-Operazzjonijiet tal-PSDK,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2008 dwar “il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – id-dimensjoni tal-iżvilupp u dik umanitarja”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar post speċjali għat-tfal fl-azzjoni esterna tal-UE[1], tas-16 ta’ Jannar 2008 intitolata “Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal”[2], tat-3 ta’ Lulju 2003 dwar it-traffikar tat-tfal u s-suldati tfal[3], tas-6 ta’ Lulju 2000 dwar il-ħtif ta’ tfal mil-Lord's Resistance Army[4] u tas-17 ta’ Diċembru 1998 dwar is-suldati tfal[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni 1612 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tal-2002 għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati,
– wara li kkunsidra l-Impenji ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tat-Tfal mir-Reklutaġġ jew l-Użu Illegali mill-Forzi Armati jew il-Gruppi Armati u l-Prinċipji u l-Linji gwida ta’ Pariġi dwar it-Tfal Assoċjati mal-Forzi Armati jew il-Gruppi Armati, li t-tnejn ġew adottati fis-6 ta’ Frar 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 121(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-biċċa l-kbira tal-kunflitti armati attwali jinvolvu attur mhux statali armat wieħed jew iktar li qed jiġġieldu kontra l-gvernijiet jew gruppi armati oħrajn, filwaqt li ċ-ċivili, u b'mod partikolari t-tfal, iġarrbu l-effetti ta' dawn il-gwerer;
B. billi, sabiex tittejjeb il-protezzjoni taċ-ċivili, u b’mod partikolari tat-tfal, trid tingħata kunsiderazzjoni lill-partijiet kollha fil-kunflitt;
C. billi, f’kunflitt armat, in-normi umanitarji internazzjonali japplikaw u huma vinkolanti għall-partijiet kollha;
D. billi l-kunflitti armati għandhom impatt partikolarment devastanti fuq l-iżvilupp fiżiku u mentali tat-tfal, b’konsegwenzi fit-tul għas-sigurtà tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli;
E. billi l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jikkriminalizza l-att ta’ tal-lieva jew l-ingaġġ ta’ tfal taħt l-età ta’ 15-il sena f'forzi jew fi gruppi armati, jew li jintużaw biex jipparteċipaw attivament fil-ġlied;
F. billi d-dritt internazzjonali jipprojbixxi l-forom kollha ta’ vjolenza sesswali, anke kontra t-tfal, u billi l-atti ta’ vjolenza sesswali jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew ġenoċidju;
G. billi l-użu ta’ mini antipersuna naqas mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini fl-1997, iżda għadu ta' theddida għat-tfal, speċjalment f’kunflitti armati li ma jkunux ta’ natura internazzjonali;
H. billi l-komunità internazzjonali għandha d-dmir morali li tfittex l-impenn mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitti, kemm tal-istati kif ukoll tal-atturi mhux statali armati, sabiex jiġu protetti t-tfal;
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissarju għall-Iżvilupp u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà:
(a) li jitħeġġeġ l-iffirmar ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għall-protezzjoni tat-tfal fil-kunflitti armati mal-Uffiċċju tan-NU tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati mill-istati kkonċernati u l-atturi mhux statali armati;
(b) li jiġu rikonoxxuti l-isforzi magħmula min-NU u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jipperswadu lill-atturi mhux statali armati jipproteġu lit-tfal, filwaqt li jittenna l-fatt li dan ma jimplikax l-appoġġ għal-leġittimità tal-attivitajiet ta’ dawk l-atturi jew ir-rikonoxximent tagħhom;
(c) li fid-djalogi politiċi ma’ pajjiżi terzi, pereżempju fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou, tiġi inkluża l-mira tal-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u tal-involviment sfurzat tat-tfal taħt l-età ta’ 18-il sena u li jiġu żgurati r-rilaxx kif ukoll ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;
(d) li jittenna l-fatt li l-istati u l-atturi mhux statali armati jeħtieġu jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju, u li jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom li jieħdu miżuri speċjali biex jipproteġu liċ-ċivili, b’mod partikolari t-tfal;
(e) li jinbeda djalogu dirett, jew indirett permezz ta’ NGOs speċjalizzati, ma’ atturi mhux statali armati dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-bniet u s-subien, bl-għan li tittaffa t-tbatija tat-tfal fil-kunflitti armati u li l-atturi mhux statali armati jiġu mħeġġa jiffirmaw l-Att ta’ Impenn fit-Talba ta’ Ġinevra għall-Protezzjoni tat-Tfal mill-Effetti tal-Kunflitti Armati;
(f) li jiġu appoġġati l-NGOs umanitarji li jinvolvu ruħhom fi djalogu ma’ atturi mhux statali armati sabiex jippromwovu r-rispett għan-normi umanitarji internazzjonali fil-kunflitti armati, b’mod partikolari l-protezzjoni tat-tfal permezz ta’ mezzi politiċi, diplomatiċi u finanzjarji;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kummissarju għall-Iżvilupp, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.3.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
14 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Ricardo Cortés Lastra, Véronique De Keyser, Eva Joly, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Michèle Striffler, Ivo Vajgl |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Kriton Arsenis, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Isabella Lövin, Csaba Őry, Judith Sargentini |
||||