RAPPORT dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi

    20.3.2014 - (2013/2132(INI))

    Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
    Rapporteur: Inés Ayala Sender

    Proċedura : 2013/2132(INI)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0195/2014
    Testi mressqa :
    A7-0195/2014
    Testi adottati :

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi

    (2013/2132(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

    –       wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2013 bit-titolu “Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Il-ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2012” (COM(2013)0548) u d-dokumenti li jakkumpanjawh (SWD(2013)0283, SWD(2013)0284 , SWD(2013)0285 u SWD(2013)0286) u SWD(2013)0287),

    –       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2012 tal-OLAF,

    –       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[1],

    –       wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2013 bit-titolu “It-titjib tal-governanza tal-OLAF u t-tisħiħ tas-salvagwardji proċedurali fl-investigazzjonijiet: Approċċ pass pass li jimxi id f'id mal-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew” (COM(2013)0533),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2013 bit-titolu “Protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni: L-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u r-riforma tal-Eurojust” (COM(2013)0532),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Mejju 2011 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi – Politika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti (COM(2011)0293),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2011 dwar l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011)0376),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa” (COM(2012)0722),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2013, bit-titolu “Protezzjoni tal-Baġit Ewropew sa tmiem l-2012” (COM(2013) 0682),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2013 bit-titolu “Applikazzjoni għal korrezzjonijiet finanzjarji netti fuq l-Istati Membri għall-Politika tal-Agrikoltura u l-Koeżjoni” (COM(2013)0934),

    –       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni” (COM(2014)0038),

    –       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat-22 ta’ Lulju 2013 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward ta' fornimenti ta' ċerti prodotti u servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal frodi[2]1,

    –       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/42/UE tat-22 ta’ Lulju 2013 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT[3],

    –       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

    –       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru XXX/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-XX/XX/2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni tal-attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE[4],

    –       wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999[5],

    –       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni[6],

    –       wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 1/2014 tal-Kumitat tas-Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) dwar il-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF,

    –       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea[7],

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi[8],

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni[9],

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni[10], u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu “Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 taʼ Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu[11],

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0195/2014),

    A.     billi, skont l-estimi tal-Kummissjoni, kull sena fl-UE jintilef l-ammont stmat ta' EUR 1 triljun fi dħul ta' taxxa potenzjali minħabba l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, li jirrappreżenta spiża ta' madwar EUR 2 000 fis-sena għal kull ċittadin Ewropew;

    B.     billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE hija element ewlieni tal-aġenda politika tal-Unjoni biex issaħħaħ u żżid il-fiduċja taċ-ċittadini u tiżgura li l-flus tagħhom jintużaw b’mod korrett;

    C.     billi t-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ b’mod sinifikanti l-istrumenti disponibbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u jitlob li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha jiġġieldu kontra l-forom kollha ta’ attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE;

    D.     billi d-diversità wiesgħa ta’ sistemi u tradizzjonijiet legali fl-UE tfisser li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra hija sfida partikolarment eżiġenti u inevitabbli;

    E.     billi huwa meħtieġ approċċ integrat li jinkludi strateġiji ta’ ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni permezz ta’ miżuri legali, effettivi, konsistenti u ekwivalenti fl-Unjoni kollha sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tiġi miġġielda l-frodi; billi din hija responsabbiltà bejn l-UE u l-Istati Membri u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija saħansitra aktar essenzjali fi żmien ta' restrizzjoni baġitarja;

    F.     billi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu r-responsabbiltà li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra u peress li l-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu ġie stabbilit sabiex tissaħħaħ u tkun garantita l-indipendenza tal-OLAF permezz tas-sorveljanza regolari tal-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF;

    G.     billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni ta' madwar 80 % tal-baġit tal-Unjoni;

    H.     billi l-Istati Membri huma responsabbli għall-kalkolu tal-bażi armonizzata tal-valutazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), għat-tibdil fir-rati applikati għall-VAT u l-ġbir tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, u billi dawn it-tliet funzjonijiet għandhom impatt fuq il-baġit tagħha;

    I.      billi l-Kummissjoni riċentement ħadet għadd ta' inizjattivi importanti rigward miżuri strateġiċi kontra l-frodi fuq talba tal-Parlament;

    J.      billi l-iskala tal-frodi u tal-evitar tat-taxxa fi kwalunkwe forma u tal-korruzzjoni fl-UE ddgħajjef il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-Unjoni; billi jinħtieġu garanziji akbar ta' integrità u trasparenza fir-rigward tal-infiq pubbliku;

    It-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-ġlieda kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea

    1.      Jenfasizza r-responsabbiltà kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiġġieldu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe tip ieħor ta’ attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li kooperazzjoni mill-qrib u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma essenzjali biex jiżguraw l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li għaldaqstant huwa importanti ħafna li kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-koordinazzjoni għandhom jissaħħu u jsiru kemm jista’ jkun effettivi; ifakkar li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kemm għall-parti tar-riżorsi kif ukoll għall-infiq, teħtieġ l-istess livell ta' viġilanza;

    2.      Ifakkar li l-frodi hija att illegali volontarju li f'ċerti każijiet tista' tinkludi reat kriminali filwaqt li n-nuqqas ta' konformità ma' regola hija kkunsidrata bħala irregolarità; jiddispjaċih li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jonqos li jqis il-frodi fid-dettall u jittratta l-irregolaritajiet b’mod wiesa’ ħafna; ifakkar li l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa relatat mal-frodi u mhux mal-irregolaritajiet u jitlob li ssir distinzjoni bejn il-frodi u l-iżbalji jew l-irregolaritajiet;

    3.      Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi – Ir-Rapport Annwali 2012 (minn issa 'l quddiem, “Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni”); jinnota, wara talba tal-Parlament Ewropew, li r-rapport jinkludi żewġ elementi ġodda:

    (i)  il-valutazzjoni mill-ġdid tar-rabta bejn l-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-irregolaritajiet mill-Istati Membri u,

    (ii)  analiżi aktar profonda tal-irregolaritajiet indikati bħala frodulenti;

    jinnota li dan l-approċċ għandu l-għan li jifhem aħjar l-iskop u n-natura tal-irregolaritajiet kif ukoll il-mod li bih huma ġestiti fl-Istati Membri;

    4.      Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ħin tal-bidu tal-proċedura għas-sottomissjoni tar-rapport annwali dwar il-PIF, tippreżenta rapport lill-Parlament dwar il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament wara r-rapport PIF tas-sena preċedenti, u biex tagħti spjegazzjoni raġunata fir-rigward ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx ikkunsidrati jew li ma setgħatx tkun konformi magħhom; jistieden lill-OLAF iwettaq l-istess eżerċizzju fir-rigward tal-miżuri li ġew mitluba mill-Parlament f'dan ir-rapport;

    5.      Jilqa’ l-inizjattivi ewlenin immexxija mill-Kummissjoni, fuq talba tal-Parlament, fid-dawl tad-definizzjoni ta’ kamp leġiżlattiv Ewropew ġdid fir-rigward ta’ politika kontra l-frodi u, b’mod partikolari, il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali li għandha l-għan li tiċċara u tarmonizza l-liġi kriminali tal-Istati Membri rigward ksur marbut mal-baġit tal-UE (COM(2012)363), il-Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)534) u l-Proposta għal regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM (2013)535) kif ukoll l-implimentazzjoni tal-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u t-tisħiħ tad-drittijiet ġuridiċi tal-persuni involuti f’investigazzjonijiet tal-OLAF; jirrikonoxxi l-importanza li dawn il-partijiet differenti ta’ leġiżlazzjoni jkunu kkalibrati sew u vvalutati bir-reqqa; jistieden lill-Kunsill biex jieħu ż-żmien meħtieġ u ma jiffinalizzax in-negozjati bl-għaġġla, sabiex jiżviluppa qafas legali Ewropew robust u jissaħħu l-għodod istituzzjonali eżistenti tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jenfasizza li għandha tiġi evitata tranżizzjoni prematura fuq il-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa; jilqa’ wkoll il-pjan ta’ azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u r-riforma tas-sistema tal-VAT fl-UE li t-tnejn bdew fl-2011;

    6.      Jinnota li fl-2012, in-numru ta’ irregolaritajiet frodulenti baqa’ stabbli meta mqabbel mal-2011 b’1 231 każ ta' irregolarità indikati bħala frodulenti, filwaqt li l-impatt finanzjarju tagħhom naqas bi ftit għal total ta’ EUR 392 miljun; jinnota li l-inċidenza tal-frodi kien l-ogħla fl-oqsma tal-politika ta’ koeżjoni u tal-agrikoltura - prinċipalment fir-rigward tal-iżvilupp rurali u s-sajd - li jibqgħu ż-żewġ setturi kbar kritiċi, b’impatt finanzjarju stmat li hu ta’ EUR 279 miljun u EUR 143 miljun rispettivament; jenfasizza, madankollu, li b'mod ġenerali, l-għadd ta' irregolaritajiet frodulenti rappurtat u l-ammonti tal-flus li jikkorrispondu miegħu jaqgħu taħt id-definizzjoni l-aktar wiesgħa tal-frodi u m'għandhomx ikunu kkunsidrati bħala indikaturi affidabbli tal-livell tal-frodi; jitlob li ssir distinzjoni ċara bejn każijiet ta' frodi, każijiet ta' żball u każijiet ta' irregolaritajiet fir-Rapport Annwali 2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi;

    7.      Jinnota li fl-2012, l-għadd ta' każijiet ta' irregolaritajiet mhux frodulenti rrapurtati lill-Kummissjoni żdiedu b'madwar 6 % meta mqabbla mal-2011, b'impatt finanzjarju assoċċjat ta' madwar EUR 2,9 biljun (aktar mid-doppju taċ-ċifra korrispondenti tal-2011 u li jaffettwaw partikolarment l-oqsma tal-politika ta' koeżjoni u l-infiq dirett); jinsab imħasseb dwar il-fatt li filwaqt li ż-żieda hija prinċipalment riżultat tal-impatt tal-irregolaritajiet li jinvolvu ammonti importanti ta' flus, din tirrifletti wkoll l-irregolaritajiet sistematiċi indikati wara l-għeluq tal-programmi;

    8.      Jinnota li fl-2012 il-miżuri korrettivi adottati mill-Kummissjoni għall-Istati Membri żdiedu b'mod sinifikanti - partikolarment fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni - li jlaħħqu l-valur ta' EUR 3,7 biljun, li huwa wkoll kawża tal-għeluq tal-perjodu ta' programmar 2000‒2006;

    9.      Josserva li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri fl-2011 – partikolarment dwar l-irregolaritajiet frodulenti u dawk mhux frodulenti indikati, l-irkupru tal-ammonti mhux mħallsa kif xieraq, il-monitoraġġ tar-riżultati tal-investigazzjonijiet kriminali u t-titjib tal-istatistika tal-frodi nazzjonali – kienu ġeneralment xierqa u jiddispjaċih li ċertu tħassib ma kienx kompletament indirizzat; jitlob lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni indirizzatilhom fl-2011 u fl-2012 u biex jiżguraw li dawk li indirizzatilhom fir-rapport tagħha tal-2012 ikunu segwiti bis-sħiħ u jagħtu spjegazzjoni motivata fil-każ fejn ma setgħux jaġixxu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

    10.    Jipproponi li tiġi studjata l-possibbiltà tat-twaqqif ta’ tim ta’uffiċjali doganali Ewropej li jkun speċjalizzat fil-ġlieda kontra l-frodi li jaħdem flimkien mal-awtoritajiet doganali nazzjonali;

    11.    Jirrikonoxxi li fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali l-ammont li għandu jiġi rkuprat b’segwitu għall-frodi u każijiet oħra ta’ irregolaritajiet li ġew skoperti fl-2012 laħaq EUR 444 miljun, li minnhom EUR 208 miljun diġà ġew irkuprati mill-Istati Membri; jinnota li EUR 83 miljun oħra relatati ma’ każijiet skoperti bejn l-1989 u l-2011 ġew irkuprati fl-2012;

    Dħul ‒ Riżorsi proprji

    12.    Jiddispjaċih li għalkemm ir-riżorsi proprji m’għadhomx is-sors ewlieni tad-dħul tal-baġit tal-UE, dawn għadhom jikkostitwixxu 20 % minnu, bir-riżultat li l-ġbir kif suppost tal-VAT u tad-dazji doganali għandhom effetti diretti mhux biss fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u fuq il-baġit tal-Unjoni, iżda wkoll fuq il-kontribwenti Ewropej; ifakkar li skont l-estimi tal-Kummissjoni, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa qed jiswew lill-UE madwar EUR 1 triljun kull sena, li jirrappreżenta madwar EUR 2 000 għal kull ċittadin tal-UE;

    13.    Jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa; jenfasizza li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħtu prijorità assoluta lill-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa li għaliha huwa meħtieġ l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa u multidimensjonali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jippermettu użu aħjar tal-istrumenti eżistenti, il-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, l-adozzjoni tal-proposti pendenti u l-kooperazzjoni amministrattiva; jinnota li hija essenzjali wkoll il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, tal-pulizija u dawk legali fi ħdan l-istess pajjiż; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp ta’ mekkaniżmi għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija, lill-evalwazzjoni tar-riżultati, it-titjib tas-sistemi ta’ ġbir tad-dħul u l-monitoraġġ aktar effettiv tat-tranżitu doganali peress li jibqa’ wieħed mill-oqsma milquta mill-ogħla rati ta’ korruzzjoni sistematika fl-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar attivi fil-livell internazzjonali sabiex jiġu stabbiliti standards ta’ kooperazzjoni bbażati prinċipalment fuq il-prinċipji ta’ trasparenza, governanza tajba u skambju ta’ informazzjoni;

    14.    Jitlob lill-Kummissjoni biex regolarment tagħmel analiżi komparattiva tad-differenzi fl-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali, inklużi l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-proċess tal-irkupru effiċjenti fl-Istati Membri kollha u biex tipproponi l-miżuri xierqa fejn meħtieġ;

    15.    Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li fir-rigward tal-introjtu minn riżorsi proprji tradizzjonali, għalkemm l-għadd ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti rrappurtat fl-2012 baqa’ stabbli, l-ammont totali jibqa' 20 % ogħla mill-medja għall-perjodu 2008-2012;

    16.    Jitlob li ssir analiża aktar profonda tad-differenzi fil-livelli stmati tad-dħul u l-livelli tad-dħul reali miġbur għall-VAT u li din tkun integrata fir-rapport tal-Kummissjoni sabiex ikollha idea aktar ċara tat-telf tal-qligħ sabiex tingħata stampa aktar ċara tat-telf ta' introjti finanzjarji imġarrab mill-Unjoni; itenni li l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ekonomija sottoterranja għandha tibqa' objettiv permanenti għall-Kummissjoni u l-Istati Membri;

    Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli Intrakomunitarji ta’ Prodotti Soġġetti għas-Sisa (EMCS)

    17.    Jinsab sodisfatt dwar il-fatt li 98 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali li ġew totali identifikati jinġabru skont ir-regoli iżda jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha għal dawk it-2 % li huma affettwati mill-frodi u mill-irregolaritajiet;

    18.    Jinnota li l-abbuż miżjud tas-Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli Intrakomunitarji ta’ Prodotti Soġġetti għas-Sisa (EMCS) mill-gruppi kriminali ġie osservat mill-aġenziji tal-infurzar; jemmen li hemm nuqqas ta’ kontrolli fiżiċi tal-prodotti li qed jiġu trasportati skont l-EMCS; jenfasizza li investiment addizzjonali fil-kontrolli jista’ jirriżulta f’żieda fit-taxxi miġbura, u f’żieda fil-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa; jinnota barra minn hekk li skont l-Artikoli 21(3) u  24(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' dispaċċ u ta' destinazzjoni se jwettqu verifika elettronika tad-data fl-abbozz ta’ e-AD u fir-rapport tal-irċevuta; jemmen bis-sħiħ li għandu jkun hemm kriterji stabbiliti li skonthom, prodotti li huma lesti għad-dispaċċ u/jew li ġew irċevuti għandhom ikunu spezzjonati fiżikament mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru;

    19.    Jifhem li l-ispezzjonijiet miżjuda jistgħu jkollhom ukoll il-benefiċċju addizzjonali li jeliminaw dawk in-negozji, jew kumpaniji li jservu ta’ faċċata, li ġew maħluqa mill-kriminali biex jiffaċilitaw il-frodi tagħhom; jinnota li informazzjoni aġġornata dwar id-dispaċċ u l-wasla tal-prodotti tas-sisa hija kkonfermati fl-EMCS mill-atturi kummerċjali nnifishom; jitlob li l-Kummissjoni tieħu inizjattiva biex jiġu ristretti d-drittijiet tal-aċċess tal-EMCS, sabiex tinkludi storja komprensiva ta’ konformità qabel in-negozju biex l-atturi kummerċjali jkunu jistgħu jingħataw l-istatus ta’ “operatur ekonomiku awtorizzat” (“atturi kummerċjali fdati”) biex dawn l-atturi biss ikunu jistgħu joperaw waħedhom direttament skont l-EMCS; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tal-investigazzjonijiet attwali fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi emendata d-Direttiva 2008/118/KE;

    20.    Jeżiġi li l-kontrolli tal-verifika mwettqa mill-Istati Membri fuq il-persuni u l-kumpaniji li japplikaw għar-reġistru jeħtieġu li jkunu aktar robusti u komprensivi; jifhem li l-prodotti jistgħu faċilment jiġu ddikjarati b’mod mhux korrett sabiex jevadu d-dazji tas-sisa; jeżiġi f'dan il-kuntest, grad ta’ kooperazzjoni ogħla mal-awtoritajiet tat-taxxa;

    21.    Iqis li l-limiti ta’ żmien permessi għall-movimenti tas-sisa bejn l-imħażen awtorizzati huma twal iżżejjed; jifhem li dan jippermetti li jsiru bosta movimenti fuq l-istess dikjarazzjoni u diverżjoni qabel ma tiddaħħal id-data tal-kunsinna fis-sistema; jeżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ddikkjarat bħala d-destinazzjoni u d-destinazzjoni l-ġdida għandhom immedjatament jiġu infurmati dwar it-tibdiliet mill-ispeditur; jeżiġi barra minn hekk li ż-żmien massimu permess għas-sottomissjoni tar-rapport tal-wasla tal-prodotti tas-sisa għandu jkun ta’ ġurnata ta’ ħidma waħda u barra minn hekk li ż-żmien tal-vjaġġ għandu jiġi kkalkulat u stabbilit għal kull trasportazzjoni f’konformità mat-tip ta’ mezz ta’ trasport użat u d-distanza bejn il-postijiet ta’ dispaċċ u d-destinazzjoni;

    22.    Jemmen li l-garanziji meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-imħażen doganali huma baxxi wisq meta mqabbla mal-valur tal-prodotti tas-sisa; jemmen li għandha tkun stabbilita varjabbli li tiddependi fuq it-tip ta’ prodotti u l-livell ta’ kummerċ li qed iseħħ fir-realtà;

    23.    Jinsab imħasseb peress li l-Istati Membri implimentaw is-sistemi tal-EMCS tagħhom stess skont rekwiżiti definiti b’mod wiesa’ mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex f'dan il-kuntest tieħu inizjattiva għal sistema aktar uniformi madwar l-UE;

    VAT

    24.    Jieħu nota tal-fatt li, skont studju ġdid ippubblikat fl-2013 dwar id-diskrepanza fil-VAT u ffinanzjat mill-Kummissjoni fil-qafas tal-ħidma bl-għan li tirriforma s-sistema tal-VAT fl-Unjoni u twaqqaf l-evitar tat-taxxa, fl-2011 intilfu EUR 193 000 000 000 fi dħul tal-VAT (1,5 % tal-PDG) kawża tan-nonkonformità jew tan-nuqqas ta' rkupru; jenfasizza madankollu li d-diskrepanza fil-VAT mhijiex biss kawża tal-frodi iżda wkoll ta' fatturi oħra, inklużi l-falliment u l-insolvenza, l-iżbalji statistiċi, id-dewmien fil-ħlas u l-evażjoni tat-taxxa; jirrimarka f'dan il-kuntest li, azzjoni affettiva biex tingħeleb id-diskrepanza fil-VAT teħtieġ approċċ miftiehem u multidixxiplinarju; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati strateġiji ġodda u li jsir użu aktar effiċjenti mill-istrutturi eżistenti tal-UE sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT;

    25.    Jilqa' l-fatt li l-proċess tar-riforma tal-VAT li tnieda f'Diċembru 2011 diġà provdiet għodod importanti biex tiżgura protezzjoni aħjar kontra l-frodi tal-VAT; jilqa, f'dan ir-rigward, il-fatt li d-direttivi dwar il-mekkaniżmu tar-reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT u dwar l-applikazzjoni fakultattiva u temporanja tar-reverse charge tal-konsenji ta' ċerti prodotti u servizzi li huma ta' riskju għall-frodi fl-aħħar ġew adottati f'Lulju tal-2013 u jitlob lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni rapida tagħhom;

    26.    Jemmen ukoll li għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa li s-sistema tal-VAT tiġi ssimplifikata għall-intrapriżi fl-Ewropa kollha; jilqa' f'dan ir-rigward, il-miżuri l-ġodda mfassla biex jiffaċilitaw il-fatturar elettroniku kif ukoll id-dispożizzjonijiet speċjali għall-intrapriżi żgħar li daħlu fis-seħħ fl-2013, u jistenna l-introduzzjoni tal-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT standard għall-UE kollha; jispera li l-one-stop shop li se jidħol fis-seħħ għas-servizzi elettroniċi u l-intrapriżi tat-telekomunikazzjoni fl-2015 se jkollu effett reali għall-promozzjoni tal-konformità billi jissimplifika l-proċeduri tal-VAT għall-intrapriżi;

    27.    Jistieden lill-Istati Membri jirriformaw is-sistemi nazzjonali tat-taxxa tagħhom biex jagħmluhom aktar sempliċi, ġusti u effiċjenti u b’hekk jiffaċilitaw il-konformità, jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jissanzjonaw l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u jsaħħu l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxi; jitlob ukoll lill-Istati Membri biex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' kull pajjiż imwettqa mill-Kummissjoni fl-2013; jilqa' b'mod favorevoli l-appell ripetut tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jestendu l-bażi nazzjonali tat-taxxa u jillimitaw l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis tat-taxxa, li jippermetti lill-Istati Membri mhux biss biex jissimplifikaw is-sistemi tat-taxxa iżda wkoll jevitaw iż-żieda tar-rati standard tal-VAT;

    Irregolaritajiet indikati bħala frodulenti u li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni Ewropea

    28.    Jinnota li, fir-rigward tan-numru ta' irregolaritajiet frodulenti indikati fl-2012 u l-impatt tagħhom prattikament baqgħu fl-istess livelli tas-sena preċedenti;

    29.    Jinnota li tittieħed medja ta’ sentejn u seba’ xhur mill-bidu ta’ prattika frodulenti sal-mument li fih tiġi skoperta; jinnota barra minn hekk li jgħaddu seba’ jew tmien xhur oħra qabel ma l-irregolarità tiġi rrappurtata lill-Kummissjoni; jinsab imħasseb peress li l-linji gwida dwar il-mumenti fejn l-Istati Membri jirrappurtaw irregolaritajiet frodulenti u/jew irregolaritajiet oħra lill-OLAF, jekk tali linji gwida jeżistu fi Stat Membru, huma differenti mhux biss fl-Istati Membri individwali, iżda wkoll fl-oqsma tal-politika; jistenna li l-Kummissjoni tfassal linji gwida għall-Ewropa kollha għar-rappurtar tal-irregolaritajiet frodulenti u/jew irregolaritajiet oħra lill-OLAF; ifakkar li l-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej huwa meħtieġ li jinnotifika lill-OLAF, mingħajr dewmien u mingħajr ma r-responsabbiltà tiegħu tkun tista’ tiġi ssuspettata minħabba dan l-iżvelar, dwar kwalunkwe frodi li jsir jaf bih waqt it-twettiq tad-doveri tiegħu;

    30.    Jinnota li f'dak li għandu x'jaqsam mad-dħul, in-numru ta' każijiet ta' frodi indikati fl-2012 jaqbeż l-20 % tal-medja għas-snin 2008‒2012; jilqa' l-fatt li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni juru xejra ċara ta' tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' frodi għal dan il-perjodu;

    31.    Josserva li fir-rigward tal-infiq, iż-żieda fin-numru ta' irregolaritajiet iddikkjarati bħala frodulenti hija ċkejkna fl-għadd u fil-valur filwaqt li jinvolvu forom ta' irregolaritajiet diġà identifikati u li għall-perjodu 2008‒2012, 5 % tal-każijiet indikati juru frodi; jinnota li, bħas-snin preċedenti, il-politika ta' koeżjoni kienet il-qasam li fih ġiet identifikata l-maġġoranza tal-irregolarità frodulenti – 50 % tal-każijiet kollha u 63 % fir-rigward tal-valur; jenfasizza li mill-1 194 każ ta’ irregolaritajiet indikati bħala frodulenti, disgħa jikkonċernaw każijiet ta’ korruzzjoni u l-każijiet kollha ġew skoperti fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni; jinsab imħasseb li n-numru tagħhom qed jiżdied; jenfasizza bi tħassib l-evoluzzjoni lejn frodi aktar sempliċi li, bla dubju ta' xejn jista' jirrifletti tentattivi frodulenti kawża tal-kriżi ekonomika minn naħa tal-benefiċjarji li ma kinux iwettqu ksur f'ċirkostanzi normali; jemmen li dawn ix-xejriet għandhom ikunu ssorveljati u studjati fis-snin li ġejjin;

    32.    Jitlob li l-korruzzjoni li jkollha impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE tiġi kkunsidrata bħala frodi f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 325(5) tat-TFUE u tiġi inkluża fir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni – Il-ġlieda kontra l-frodi;

    33.    Jinnota li fil-qasam tar-riżorsi naturali (l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u s-sajd), il-każijiet tal-irregolaritajiet indikati bħala frodulenti żdiedu bi kważi 50 % fl-2012 meta mqabbla mal-2011 minħabba r-rappurtar ta' 56 każ minn pajjiż wieħed, li kollha jippreżentaw l-istess modus operandi u huma marbuta mal-istess investigazzjoni u jikkonċernaw esklussivament il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija; jinnota li r-rata ta' frodi stabbilita hija kemmxejn ogħla fl-agrikoltura – madwar 6 % tal-każijiet kollha rrappurtati fil-perjodu 2008-2012 – meta mqabbla mar-rata ġenerali;

    34.    Jirrikonoxxi li fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-Istati Membri rkupraw EUR 169.4 miljun mill-benefiċjarji matul is-sena finanzjarja 2012 filwaqt li EUR 1 216.8 miljun għad irid jiġi rkuprat mill-benefiċjarji fit-tmiem ta’ dik is-sena finanzjarja; jinnota li r-rata tal-irkupru ta’ 43 % hija affettwata b’mod sinifikanti mir-rati ta’ rkupru baxxi (inqas minn 30 %) murija minn sitt Stati Membri[12]; jistieden lil dawk l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jiżguraw rata ta’ rkupru aktar għolja b’mod sinifikanti;

    35.    Jagħraf li l-politika ta' koeżjoni ilu s-settur l-aktar kritiku għal bosta snin finanzjarji, b'mod partikolari l-politika tal-iżvilupp reġjonali, iżda li għall-inqas l-għadd ta' irregolaritajiet indikati bħala frodulenti baqa' stabbli għal dawn l-aħħar tliet snin; jinnota li r-rata ta' każijiet ta' frodi stabbilita hija inqas mill-medja ġenerali, jew madwar 4 % għall-perjodu 2008‒2012; jilqa' l-fatt li l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni fl-aħħar snin ma' awtoritajiet nazzjonali biex tinħoloq kuxjenza dwar il-frodi f'dan is-settur li jidher li ħallew effett pożittiv u li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkontribwiet f'59 % tal-każijiet għall-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet frodulenti; jitlob lill-Kummissjoni tintensifika u tikkonsolida l-istrateġija konġunta tagħha kontra l-frodi li bdiet fl-2008; jilqa' wkoll it-tnaqqis fid-dewmien ta' indikazzjoni tal-frodi wara li din tkun identifikata;

    36.    Jiddispjaċih madankollu dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati u r-rati ta’ rkupru relatati mal-politika ta’ koeżjoni għas-sena finanzjarja 2012; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata f’dan ir-rigward fir-rapport annwali futur tagħha;

    37.    Jilqa' b'mod favorevoli t-tnaqqis kostanti minn tliet snin ilu, fl-għadd ta' irregolaritajiet indikati fir-rigward tal-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u jinnota li tnax-il Stat Membru ħarġu mill-programmi tal-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, li issa prattikament ntemmu; josserva madankollu żieda sinifikanti fl-ammont minħabba żewġ każijiet notifikati minn Stat; jinnota wkoll li fir-rigward tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali, l-irregolaritajiet frodulenti indikati li jikkonċernaw l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) irreġistraw tnaqqis żgħir, probabbilment minħabba dewmien fl-implimentazzjoni;

    38.    Jenfasizza li l-approċċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-frodi jibqgħu jiżdiedu fid-diverġenzi tagħhom, essenzjalment minħabba differenzi ġuridiċi u ta’ organizzazzjoni li jeżistu kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-amministrazzjonijiet fl-istess pajjiż, iżda wkoll minħabba approċċi differenti fl-identifikazzjoni tal-frodi; huwa notevolment imħasseb li f’każijiet ta’ irregolaritajiet frodulenti xi Stati Membri jillimitaw l-azzjonijiet tagħhom għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji minflok ma jinvestigaw ir-reati kriminali potenzjali; jenfasizza li dan in-nuqqas li jiġu investigati reati kriminali jista’ jinkoraġġixxi mġiba frodulenti u b’hekk tiġi mfixkla l-ġlieda kontra l-frodi u l-frodisti; jistieden lil dawk l-Istati Membri biex jinvestu aktar riżorsi biex jiġġieldu l-frodi, inkluż permezz ta’ proċedimenti kriminali; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli ssegwi mill-qrib l-funzjonament u l-effettività tas-sistemi ta’ sorveljanza u tal-kontroll fl-Istati Membri u jenfasizza kemm hu importanti li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi prinċipji uniformi ta’ notifika fl-Istati Membri kollha; jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-identifikazzjoni bikrija, is-simplifikazzjoni tar-regoli u r-rappurtar rapidu;

    39.    Jirrimarka, barra minn hekk, li l-Istati Membri għadhom jonqsu milli jibagħtu d-data fiż-żmien jew qed jipprovdu data mhux preċiża; ifakkar, barra minn hekk li l-Istati Membri jużaw definizzjonijiet differenti għal tipi simili ta' reati u mhux kollha jiġbru data statistika simili u ddettaljata li ssegwi kriterji komuni, u b'hekk ikun aktar diffiċli li jinġabru statistiċi affidabbli u kumparabbli fil-livell tal-UE u għaldaqstant dan ifixkel il-paragun l-evalwazzjoni objettiva ta' pajjiż pajjiż tal-iskala tal-frodi; itenni d-dispjaċir tiegħu li konsegwenza ta' dan, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-OLAF ma jistgħux iwettqu l-kompiti tagħhom kif xieraq meta jevalwaw l-iskala ġenerali ta' irregolaritajiet u frodi fi Stati Membri individwali u fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet; jiddispjaċih li din is-sitwazzjoni twaqqaf l-identifikazzjoni u d-dixxiplina ta' dawn l-Istati Membri bl-ogħla livell ta' irregolaritajiet u frodi, kif kien ripetutament mitlub mill-Parlament; jinnota li l-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex itejbu l-istatistika tagħhom dwar il-frodi u impenjat ruħha li tiddedika aktar ħin għal din il-kwistjoni; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Kummissjoni tistabbilixxi prinċipji uniformi tar-rappurtar fl-Istati Membri kollha sabiex tiżgura li d-data miġbura hija komparabbli, affidabbli u suffiċjenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar il-miżuri mnedija biex jiġi introdott livell ogħla ta’ uniformità u komparabbiltà bejn id-data tal-istatistika miġbura fil-livell nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissottomettu fil-ħin informazzjoni eżawrjenti li tirrifletti b’mod adegwat il-livell attwali tal-frodi; jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex tagħti segwitu lir-rapporti speċjali preċedenti dwar il-prestazzjoni tal-OLAF sabiex tiddetermina l-effetti tar-riorganizzazzjoni;

    40     Jenfasizza l-fatt li aktar trasparenza li tippermetti skrutinju xieraq hija fundamentali biex jiġu skoperti l-iskemi ta’ frodi; ifakkar li fis-snin li għaddew il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura sors uniku tat-trasparenza rigward il-benefiċjarji kollha ta’ fondi tal-UE mill-Istati Membri kollha billi tippubblika fuq il-websajt tal-Kummissjoni l-benefiċjarji kollha, b’mod indipendenti mill-amministratur tal-fondi u li tkun ibbażata fuq kategoriji standard ta’ informazzjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu, b’mill-inqas waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni u jipprovdulha informazzjoni kompluta u affidabbli fir-rigward tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE ġestiti mill-Istati Membri; jiddispjaċih li din il-miżura ma ġietx implimentata u jistieden lill-Kummissjoni timplimentaha b’mod urġenti;

    41.    jinnota li fl-2012 l-OLAF għamel 54 rakkomandazzjoni għal azzjoni ġudizzjarja li ntbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali u madwar EUR 284 miljun ġew rakkomandati għall-irkupru; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-għadd ta’ proċedimenti ġudizzjarji mnedija u l-ammonti li huma fil-fatt irkuprati bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF kif ukoll ir-rata ta’ kundanni fil-każijiet li jinvolvu reati ta' detriment għall-baġit tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru ladarba l-każijiet ikunu ġew investigati mill-OLAF;

    42.    Jinsab madankollu serjament imħasseb li f’xi każijiet l-OLAF ċaħad każijiet u bagħathom lura lejn id-Direttorati Ġenerali għall-azzjoni xierqa meta dawn m’għandhom ebda kompetenzi investigattivi;

    OLAF

    43.    Jesprimi sodisfazzjon li r-riforma tar-regoli dwar il-funzjonament tal-OLAF fl-aħħar ġiet adottata u jilqa' b'mod favorevoli l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “It-titjib tal-governanza tal-OLAF u t-tisħiħ tas-salvagwardji proċedurali fl-investigazzjonijiet: Approċċ pass pass li jimxi id f'id mal-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew”; jinnota l-effetti inizjali tal-organizzazzjoni mill-ġdid u r-ristrutturar tal-proċeduri investigattivi tal-OLAF li mistennija jwasslu għal kjarifika tad-drittijiet proċedurali ta' dawk li huma soġġetti għall-investigazzjoni, il-kooperazzjoni mtejba u d-djalogu mas-sħab tal-OLAF, il-proċeduri ta' investigazzjoni aktar effiċjenti u n-nuqqas ta' dewmien fit-tul taż-żmien medju għall-ipproċessar tal-investigazzjonjiet, b'mod partikolari fl-istadju tal-għażla tal-każ; jinnota, madankollu li fl-1 ta’ Frar 2012 total ta’ 421 każ ġew miftuħa f’daqqa u reġgħu ngħalqu matul l-2012, ħafna minnhom mingħajr rakkomandazzjoni; jinnota li barra minn hekk, ħafna każijiet li kienu ilhom miftuħa aktar minn 24 xahar ġew magħluqa fl-2012 u jista’ jkun li ma sarux rakkomandazzjonijiet dwarhom fiż-żmien tal-għeluq; jinnota barra minn hekk li dan l-effett ta’ darba huwa responsabbli għal medja iqsar ta’ dewmien tal-investigazzjonijiet;

    44.    Jinnota li mill-2012 l-OLAF stabbilixxa l-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni fuq bażi annwali sabiex itejjeb il-proċedura tas-selezzjoni investigattiva tiegħu; josserva bidliet sinifikanti bejn il-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni magħżula fl-2012, l-2013 u l-2014 u għalhekk jinsab imħasseb dwar ir-riskju li jinvolvi n-nuqqas ta’ konsistenza fil-proċedura ġenerali tas-selezzjoni investigattiva; huwa tal-fehma li l-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-futur għandhom dejjem ikunu soġġetti għal evalwazzjoni bir-reqqa bbażata fuq ħtiġijiet konkreti, l-indikaturi li jistgħu jitkejlu u l-lezzjonijiet meħuda mill-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-passat; jistieden lill-OLAF biex jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-mod li bih jiddeċiedi fuq il-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni;

    45.    Jieħu nota tar-Rapport Annwali tal-OLAF għas-sena 2012 u li f’dan il-perjodu, l-OLAF fetaħ 431 investigazzjoni, 287 każ ta’ koordinazzjoni u għalaq 465 każ, bagħat 54 rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali għal prosekuzzjoni u rrakkomanda l-irkupru ta’ kważi EUR 284 miljun (EUR 165.8 miljun mid-dħul u EUR 118.2 miljun mill-ispejjeż), u:

    (i)     jitlob għal analiżi aktar profonda tas-sorsi ta' informazzjoni li jaslu fil-fażi tas-selezzjoni tal-każ sabiex jinftiehem aħjar it-tqassim ta' din l-informazzjoni li ġejja mis-settur pubbliku u dak privat, u biex tinftiehem ir-raġuni vera wara l-varjabbiltà kbira fl-għadd ta' denunzji minn Stat Membru għal ieħor;

    (ii)     jagħraf li ż-żieda fl-ammont ta’ informazzjoni maħruġa mis-settur pubbliku tista’ tkun sinjal pożittiv ta’ kooperazzjoni mtejba mal-Istati Membri; jinnota li l-OLAF bidel il-mod li bih jgħodd l-informazzjoni li tkun dieħla; jinnota li minħabba ċ-ċiklu tal-ħajja tal-perjodu ta’ programmar, fl-2012 ġie rrappurtat numru ikbar ta' irregolaritajiet frodulenti minn awtoritajiet pubbliċi minħabba li ntemmu l-programmi;

    itenni t-talba tiegħu biex jirċievi informazzjoni eżawrjenti dwar it-tip ta’ segwitu li jsir fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF, inkluż dwar l-għadd ta' każijiet tal-OLAF li ma setgħux jiġu segwiti mill-qrati nazzjonali minħabba (a) provi insuffiċjenti, (b) prijorità baxxa, (c) nuqqas ta’ bażi legali, (d) assenza ta’ interess pubbliku, (e) limitazzjoni tal-azzjonijiet, (f) żbalji proċedurali, (g) raġunijiet oħrajn;

    (iv)    itenni t-talba tiegħu li jirċievi aktar informazzjoni dwar l-għadd ta’ kontrolli fuq il-post li saru f’kull wieħed mill-Istati Membri;

    (v)    itenni t-talba tiegħu li jirċievi informazzjoni dwar l-għadd ta’ investigazzjonijiet li saru f’kull qasam tal-investigazzjoni (l-agrikoltura, is-sigaretti, id-dwana, il-politiki interni tal-UE, l-għajnuna esterna, l-investigazzjonijiet interni, il-fondi strutturali, il-VAT) għal kull Stat Membru

    (vi)    itenni t-talba tiegħu li jinkludi fir-rapporti annwali informazzjoni dettaljata dwar it-tul ta' żmien tal-investigazzjonijiet, imqassma skont każijiet ta' assistenza esterni, interni, dawk ta' koordinazzjoni u kriminali, u miġbura aktar f'każijiet li għaddejjin bħalissa u dawk li jingħalqu fi tmiem is-sena;

    (vii)   itenni t-talba tiegħu li jirċievi informazzjoni dwar l-għadd ta’ investigazzjonijiet li għaddejjin f’kull istituzzjoni tal-UE;

    46.    Jieħu nota tal-Opinjon 1/2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar il-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF u jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-istabbiliment ta’ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-indikaturi finanzjarji bħala kriterju ta’ proporzjonalità li jistgħu jagħtu gwida aktar ċara lill-unità responsabbli mis-selezzjoni ta’ każ; jistenna, barra minn hekk, li l-evoluzzjoni futura fil-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tinvolvi djalogu regolari bejn id-Direttur Ġenerali tal-OLAF u d-Diretturi Ġenerali li l-oqsma tagħhom huma koperti mill-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni u l-indikaturi finanzjarji tagħhom;

    47.    Jieħu nota tal-kummenti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza fir-rigward tal-politika de minimis tal-OLAF; ifakkar li l-politika de minimis mhijiex l-uniku kriterju għas-selezzjoni tal-każijiet u li l-objettiv tagħha huwa li tiżgura li l-OLAF jikkonċentra l-isforzi u r-riżorsi tiegħu fuq każijiet iktar serji u kumplessi u li r-riżorsi umani jiġu allokati sabiex jiżdied għall-massimu l-irkupru tal-ammonti minfuqa b’mod mhux korrett mill-baġit tal-UE; jistieden lid-Direttur Ġenerali biex jikkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza waqt ir-reviżjoni tal-politika de minimis tal-OLAF; jistenna li jkun informat dwar id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali f’dan ir-rigward;

    48.    Jitlob għal titjib fil-governanza tal-OLAF billi titkompla r-reviżjoni u l-konsolidazzjoni tal-proċessi investigattivi ewlenin; jenfasizza f'dan ir-rigward, l-importanza partikolari mogħtija mill-Parlament Ewropew lir-rispett tal-garanziji proċedurali u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-persuni affettwati minn investigazzjonijiet;

    Dehra ġdida tal-Politika Ewropea kontra l-Frodi u l-programmi

    49.    Jilqa' b'mod favorevoli l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-frodi b'mod ġenerali aktar effettiv, billi jittieħdu azzjonijiet innovattivi fir-rigward ta' sanzjonijiet, li jikkumplimentaw l-isforzi mmirati lejn il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi; jikkunsidra li l-introduzzjoni ta' klawżoli kontra l-frodi fil-ftehimiet internazzjonali, ta' kooperazzjoni amministrattiva u fil-qasam tas-swieq pubbliċi tinkludi wkoll titjib sinifikanti fir-rigward tad-difiża tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    50.    Ifakkar li skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-bidu jew l-abbandun ta’ kwalunkwe proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali relatati mal-irregolaritajiet notifikati kif ukoll tar-riżultati ewlenin ta’ dawn il-proċeduri; ifakkar barra minn hekk li din l-informazzjoni għandha tindika wkoll il-karattru tas-sanzjonijiet li ġew applikati u/jew jekk is-sanzjonijiet inkwistjoni humiex relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u/jew nazzjonali, inkluż referenza għall-Komunità u/jew regoli nazzjonali li fihom huma stabbiliti s-sanzjonijiet; jitlob li jkun infurmat fid-dettall b'analiżi komprensiva dwar ir-rapporti rċevuti skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006; jinnota li l-Istati Membri għandhom jintroduċu proċeduri ta’ monitoraġġ kontra l-frodi u li l-istatistika dwar il-każijiet kriminali u l-eżitu tagħhom mhumiex kompluti, li jagħmilha diffiċli biex jiġu evalwati l-investazzjoni dwar il-frodi u l-proċeduri ta’ prosekuzzjoni fl-Istati Membri u l-effettività ta’ politiki bażiċi futuri;

    51.    Jilqa' l-pubblikazzjoni fi Frar 2014 tal-ewwel rapport kontra l-frodi tal-UE imħejji mill-Kummissjoni, li jindika li l-korruzzjoni taffettwa l-Istati Membri kollha b'modi differenti ħafna u din tiswa' lill-ekonomija tal-UE madwar EUR 120 biljun fis-sena, u jilqa' wkoll s-suġġerimenti kollha għal aktar skambji ta' prattika tajba attwali u għall-identifikazzjoni ta' miżuri ġodda rilevanti li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE; jenfasizza f'dan ir-rigward li ċ-ċittadini Ewropej jeħtieġu garanziji ta’ integrità u trasparenza totali fl-infiq pubbliku, speċjalment minħabba l-isfidi attwali li huma riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja bħala sfond; jaqbel mal-Kummissjoni li r-riżultati tal-inizjattivi huma irregolari ħafna u li għandu jsir aktar xogħol biex tiġi evitata u kkastigata l-korruzzjoni; jiddispjaċih madankollu li l-kontenut tar-rapport jippreżenta deskrizzjoni limitata tal-korruzzjoni fl-UE; jitlob li jsiru aktar sforzi li jikkorrispondu mal-kwistjonijiet ewlenin soċjali u ekonomiċi biex jipprevjenu u jippenalizzaw b'mod effiċjenti l-korruzzjoni li tkisser l-ekonomija u l-mudell soċjali Ewropej u tagħmel ħsara lid-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri u xxekkel il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom;

    52.    Jenfasizza f’dan il-kuntest li ċ-ċittadini Ewropej, quddiem l-isfidi attwali riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja bażika, qed jitolbu għall-garanziji ta’ integrità u trasparenza totali fl-infiq pubbliku;

    53.    Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tistudja l-problema u tipproponi rakkomandazzjonijiet mill-perspettiva u l-esperjenza tagħha fil-forma ta’ rapport wieħed jew aktar dwar il-kwistjonijiet prinċipali identifikati mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar il-korruzzjoni, li tqis, b’mod partikolari, ir-riżultati għall-pajjiżi individwali;

    54.    Jilqa' l-proposta għal regolament dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa li tkun stabbilita sistema konsistenti u kumplimentari għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti definizzjoni ċara fil-livell tal-UE, tar-rwoli u l-parametri tal-attivitajiet rispettivi tal-Prosekutur Pubbliku futur Ewropew, il-Eurojust u l-OLAF;

    55.    Jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-istudju tal-Kummissjoni “L-Identifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Korruzzjoni fl-Akkwist Pubbliku fl-UE” (Identifying and Reducing Corruption in Public Procurement in the EU) fuq talba tal-Parlament, li jiżviluppa metodoloġija biex jiġu mkejla l-ispejjeż tal-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku dwar il-fondi tal-UE; jinnota li l-ispejjeż ġenerali diretti tal-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku fl-2010 kienu stmati li huma bejn EUR 1.4 u 2.2 biljun għall-ħames setturi studjati fi tmien Stati Membri[13]; jenfasizza l-fatt li l-istudju rrakkomanda, fost l-oħrajn, aktar trasparenza fl-akkwist pubbliku, awditjar u mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni mtejba, l-iżvilupp tal-ġbir ċentrali tad-data tal-akkwist pubbliku, aġġornament tal-bażi tad-data Tenders Electronic Daily kif ukoll il-protezzjoni tal-informaturi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri implimentati sabiex jiġu indirizzati dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

    56.    Jinnota li skont l-estimi uffiċjali, l-Istati Membri jitilfu aktar minn EUR 11-il biljun kull sena fi dħul mit-taxxa, riżultat tat-traffikar tas-sigaretti għall-benefiċċju tan-netwerks tal-kriminalità organizzata, u jinsisti li għandhom jerġgħu jintlaħaqu l-livelli ta' riżorsi u kompetenzi applikati f'dan il-qasam fil-passat fl-OLAF; jappoġġja bis-saħħa lill-Kummissjoni u lill-OLAF fl-introduzzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti; jeżiġi f'dan il-kuntest, kooperazzjoni aħjar bejn l-OLAF u l-Europol;

    57     Iqis li l-iżvilupp tan-netwerk tal-uffiċjali ta' kollegament fl-OLAF fir-rigward tal-pajjiżi bl-ogħla riskju tal-kuntrabandu bħala indispensabbli;

    58.    Jitlob li jiġi infurmat bi kwalunkwe żvilupp fid-diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ negozjati mill-ġdid tal-ftehimiet eżistenti u jitlob li jsir studju indipendenti dwar il-ftehimiet mal-industrija tat-tabakk bil-għan li jikkwantifika l-impatt tal-bejgħ illegali tat-tabakk dwar ir-riżorsi proprji u li jfassal estensjoni possibbli għall-ftehimiet eżistenti biex jinkludu l-produtturi li mhumiex attwalment koperti minnhom bil-għan li t-traċċabbiltà tal-prodotti tat-tabakk issir aktar faċli, mill-fażi tal-produzzjoni sa meta jiġu distribwiti;

    59.    Jilqa’ l-adozzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-Hercule III għall-perjodu finanzjarju 2014-2020; jinnota li b’baġit ta’ aktar minn EUR 104 miljun il-programm se jikkofinanzja miżrui bħat-tagħmir għall-iscanning biex jiġu identifikati l-prodotti li jiddaħħlu bil-kuntrabandu fit-trakkijiet, sistemi ta’ għarfien awtomatiċi tal-kodiċi tal-kontejners u tal-pjanċa tan-numru sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ trasparenza osservat matul l-implimentazzjoni tal-programm Hercule II dwar ix-xiri u l-użu ta' tagħmir tekniku mill-benefiċjarji u jfakkar li s-sitwazzjoni wasslet biex il-Parlament iżomm f’riżerva xi ftit mill-approprjazzjonijiet tal-OLAF mill-baġit tal-Unjoni tal-2013 u l-2014 fl-istennija tal-wasla tal-informazzjoni xierqa dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-OLAF ikompli jipprovdi din l-informazzjoni inklużi d-dettalji dwar l-istatus attwali u l-impatt tat-tagħmir iffinanzjat u biex juri aktar trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Hercule III;

    o

    o       o

    60.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat tas-Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.

    • [1] ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
    • [2] 1 ĠU C 201, 26.7.2013, p. 4.
    • [3]  ĠU L 201, 26.7.2013, p. 1.
    • [4]  Għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.
    • [5]  ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
    • [6]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
    • [7]  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
    • [8]  Testi adottati, P7_TA(2013)0318.
    • [9]  ĠU C 51 E/15, 22.2.2013, p. 121.
    • [10]  Testi adottati, P7_TA(2010)0176.
    • [11]  Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
    • [12]  il-Belġju (23 %), il-Bulgarija (4 %), il-Greċja (18 %), Franza (22 %), is-Slovenja (25 %) u s-Slovakkja (26 %)
    • [13]  Toroq u ferroviji, ilma u skart, kostruzzjoni urbana u utilitarja, taħriġ u riċerka u żvilupp fi Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija u Spanja.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    17.3.2014

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    20

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Zuzana Brzobohatá, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Derek Vaughan

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Amelia Andersdotter, Philip Bradbourn, Markus Pieper

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Thomas Ulmer