RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

20.3.2014 - (16651/2013 – C7‑0020/2014 – 2013/0375(NLE)) - ***

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Maria do Céu Patrão Neves

Proċedura : 2013/0375(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0201/2014
Testi mressqa :
A7-0201/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

(16651/2013 – C7‑0020/2014 – 2013/0375(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (16651/2013),

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (16648/2013),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0020/2014),

–       wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (COM(2013)0765),

–       wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (COM(2013)0766),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 81(2) u l-Artikolu 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd dwar l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0201/2014),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.      Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni relevanti dwar il-laqgħat xjentifiċi konġunti previsti fl-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-laqgħat tal-kumitat konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija, b’mod partikolari l-minuti u l-konklużjonijiet korrispondenti, flimkien ma’ rapport annwali dwar l-implimentazzjoni prattika tal-programm multiannwali ta’ appoġġ settorjali msemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll;

3.   Jistieden lir-rappreżentanti tal-Kumitat għas-Sajd tiegħu, li jaġixxu bħala osservaturi, ikunu jistgħu jattendi l-laqgħat t’hawn fuq tal-kumitat konġunt previsti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, matul l-aħħar sena tal-validità tal-Protokoll u qabel il-ftuħ tan-negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport ta' valutazzjoni ex post dwar l-implimentazzjoni tiegħu, li jkun fih analiżi tal-użu tal-opportunitajiet tas-sajd u analiżi tal-ispiża f’relazzjoni mal-benefiċċju tal-Protokoll, flimkien ma' rapport dwar ir-restrizzjonijiet possibbli fuq l-operazzjonijiet tas-sajd u l-ħsara kkawżata lill-flotta tal-Unjoni li topera fiż-Żona Ekonomika Esklużiva tas-Seychelles bħala riżultat tal-piraterija f'din il-parti tal-Oċean Indjan;

5.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Seychelles.

NOTA SPJEGATTIVA

L-importanza tal-industrija tas-sajd tas-Seychelles

Ir-Repubblika tas-Seychelles hija pajjiż li fih 115-il gżejjer fl-Oċean Indjan, madwar 1 500 km Grigal tal-Madagaskar u madwar 1 600 km fil-Lvant tal-Afrika kontinentali. It-territorju terrestri tagħha jkopri erja ta’madwar 455 km2 u l-kosta tagħha hija madwar 500 km fit-tul. Il-blata kontinentali tal-arċipelagu għandha medda ta’ 10 334 km2, filwaqt li ż-Żona Ekonomika Esklużiva (ŻEE) tas-Seychelles tkopri erja ta’ 1 374 000  km². Hija għandha popolazzjoni ta’ madwar 90 000, li madwar 80 % minnha huma kkonċentrati fuq il-gżira ta' Mahé, li hija l-akbar gżira. Il-belt kapitali Victoria tinsab hawn, b'madwar 30 000 abitant.

L-ekonomija tas-Seychelles hija prinċipalment ibbażata fuq is-sajd u t-turiżmu. L-ekonomija bbażata fuq is-sajd kibret fis-snin 1980 billi ngħatat spinta mill-iffirmar ta’ ftehimiet dwar is-sajd mal-UE u l-Ġappun. Fl-aħħar għaxar snin l-attività tas-sajd, prinċipalment is-sajd tat-tonn, għaddiet l-industrija tat-turiżmu bħala s-sors prinċipali ta’ munita barranija tal-pajjiż. Fl-2012, is-setturi tas-sajd u oħrajn relatati ġġeneraw introjtu li ammonta għal 4 864.600 rupee tas-Seychelles (SCR), madwar EUR 296.6 miljun, u kkontribwew 31.4 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Madwar 5 000 persuna huma impjegati f'impjiegi marbuta direttament jew indirettament mas-settur tas-sajd u dawk relatati (tiswija tal-bastimenti, tagħmir, servizzi tal-port, ipproċessar tal-ħut, attivitajiet ta' esportazzjoni – 4 000 marbuta direttament u 1 000 indirettament), ammont li jirrappreżenta madwar 10 % tal-impjiegi formali fis-Seychelles. Fl-2012 kien hemm bejn 1 300 u 1 400 sajjied mis-Seychelles jaħdmu full jew part time.

Il-produzzjoni domestika tal-ħut u l-prodotti tal-ħut hija ftit aktar minn 109 000 tunnellata (t), u l-flotta lokali tat-tonn tħott 70 777 t tonn. Wara tendenza ta’żieda li kien hemm fl-1990, il-profitti mis-sajd tat-tonn fis-Seychelles fl-2009 u l-2010 naqsu minħabba l-piraterija f'din il-parti tal-Oċean Indjan, iżda reġgħu żdiedu ftit fl-2011, u laħqu l-SCR 1 456 miljun (» EUR 88.8 miljun). Fl-2012, it-tonn tal-bott ammonta għal 92 % tal-produzzjoni totali tal-prodotti tal-ħut, b'valur ta’ SCR 697.6 miljun (» EUR 42.5 miljun), u l-esportazzjonijiet tat-tonn tal-bott ammontaw għal 90 % tal-esportazzjonijiet tas-Seychelles, li jiddependu ħafna mill-esportazzjonijiet lejn l-UE.

Is-sajd ta’ speċijiet migratorji ħafna fl Seychelles u l-ġestjoni tagħhom

Is-sajd fl-Oċean Indjan prinċipalment jimmira lejn grupp żgħir ta’ speċi migratorji, primarjament it-tonn u b'mod partikolari l-palamit (Katsuwonus pelamis), it-tonna safra (Thunnus albacares) u t-tonn għajnu kbira (Thunnus obesus). Iż-ŻEE tas-Seychelles tinsab fiċ- ċentru taż-żona tat-tonn tas-sajd tal-Lbiċ tal-Oċean Indjan, fejn proporzjon sinifikanti tal-qabdiet totali tat-tonn f'dan ir-reġjun, madwar 25 %, jittieħed mill-flotta tal-UE. Il-port ta’ Victoria huwa l-port ewlieni tal-pajjiż, u madwar 80 % tal-qabdiet tat-tonn fl-Oċean Indjan tal-Lbiċ jinħattu jew jiġu ttrażbordati hemmhekk.

Fl-2011, il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun liċenzjati biex joperaw fiż-ŻEE tas-Seychelles qabdu 258 361 t tonn b’medja fix-xahar ta’33 bastiment attiv, li jikkorrispondu għal sforz tas-sajd li jammonta għal 9 558 jum ta’ sajd, b’qabdiet li kienu magħmula minn 49 % palamit, 43 % tonna safra u 8 % tonn għajnu kbira. Ħafna minn dawn il-qabdiet saru minn bastimenti bit-tartarun minn Spanja (126 009 t) segwit mis-Seychelles (63 212 t), Franza (42 530 t) u pajjiżi oħra (26 610 t). Il-massa ta’dawn il-qabdiet saru bl-użu ta’ tagħmir ta’ konċentrazzjoni tal-ħut (fish aggregating devices – FADs). Fl-istess sena, il-bastimenti tas-sajd bil-konz liċenzjati biex joperaw fiż-ŻEE tas-Seychelles qabdu 8 257 t tonn, bi sforz tas-sajd li jikkorrispondi għal 17.7 miljun ganċ u l-qabdiet kienu magħmula 54 % tonn għajnu kbira, 17 % tonna safra, 5 % pixxispad u 24 % speċijiet oħra, prinċipalment marlin, sailfish u klieb il-baħar. Dawn il-qabdiet saru minn bastimenti tas-sajd bil-konz mis-Seychelles (7 566 t), it-Tajwan (650 t), l-Oman (33 t) u l-Filippini (8 t). Il-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-UE gradwalment abbandunaw ir-reġjun u l-qabdiet tagħhom waqgħu taħt il-5 % tal-qabdiet totali li saru mill-bastimenti tal-konz tal-wiċċ fl-Oċean Indjan.

Il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan, li hija responsabbli għall-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ 16-il speċi migratorja (prinċipalment it-tonn) f'dan ir-reġjun, ikklassifikat l-istokkijiet tat-tonna safra, it-tonn għajnu kbira u l-pixxispad bħala li qed jiġu sfruttati bis-sħiħ u l-istokk tal-palamit bħala li mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed. Il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan esprimiet xi tħassib dwar il-qabdiet tat-tonna safra li għadha żgħira mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun li jużaw tagħmir ta’ konċentrazzjoni tal-ħut, kif ukoll is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) għat-tonn għajnu kibra, u din illimitat l-isforz tas-sajd f'dan ir-reġjun għall-level tal-2003.

Analiżi u tqabbil tal-protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u s-Seychelles

Is-Seychelles iffirma ftehimiet dwar is-sajd dwar il-qabdiet ta’ speċijiet migratorji mal-UE, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u t-Tajwan. Il-ftehim bejn l-UE u s-Seychelles huwa wieħed minn sensiela ta’ ftehimiet dwar is-sajd iffirmati mill-UE ma' pajjiżi fl-Oċean Indjan, inklużi l-Komoros, il-Madagaskar u l-Możambik, u l-fatt li dan jikkonċerna speċijiet migratorji jfisser li jrid jiġi avviċinat minn perspettiva reġjonali. L-ewwel ftehim ta’ sajd bejn l-UE u s-Seychelles imur lura għall-1984, u dan issa evolva fi Ftehim ta’Sħubija dwar is-Sajd. Il-ftehimiet oriġinali fil-bidu kienu jiġġeddu kull tliet snin, filwaqt li l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd jiġġedded awtomatikament sakemm il-protokoll ma jiġix sospiż jew terminat fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet.

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u s-Seychelles ġie ffirmat fil-5 ta’ Ottubru 2006. Protokoll ġdid għal dan il-ftehim dwar is-sajd ġie inizjalat fl-10 ta’ Mejju 2013, li jkopri perjodu ta' sitt snin mill-applikazzjoni proviżorja tiegħu. Minħabba li l-protokoll attwali skada fis-17 ta’ Jannar 2014, il-protokoll il-ġdid jeħtieġ li jiġi applikat proviżorjament mit-18 ta’ Jannar 2014 sabiex tkun garantita l-kontinwità għall-attività tal-flotta tal-UE fis-Seychelles.

Il-protokoll il-ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u s-Seychelles ikopri perjodu ta’ sitt snin mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu u jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għal 40 bastiment tas-sajd bit-tartarun u sitt bastiment tas-sajd bil-konz. L-opportunitajiet tas-sajd għall-40 bastiment tas-sajd bit-tartarun se jinqasmu bejn 22 bastiment Spanjoli, 16-il bastiment Franċiż u żewġ bastimenti Taljani, filwaqt li l-opportunitajiet tas-sajd għas-sitt bastimenti tas-sajd bil-konz se jinqasmu ndaqs bejn il-flotot Spanjol, Franċiżi u dawk Portugiżi. Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali hija ta’ EUR 30.7 miljun u hija maħsuba bħala ħlas għall- aċċess għaż-ŻEE u appoġġ għall-politika settorjali tas-sajd tas-Seychelles. L-ammont għall-aċċess għaż-ŻEE għal tunnellaġġ ta’ referenza ta' 50 000 t huwa EUR 2.75 miljun fl-ewwel u t-tieni sena u EUR 2.5 miljun sa tmiem il-protokoll. L-ammont għall-appoġġ settorjali jammonta għal EUR 2.6 miljun fl-ewwel u t-tieni sena u għal EUR 2.5 miljun sa tmiem il-protokoll.

L-ispiża tal-liċenzji tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun se tiżdied gradwalment matul il-kors ta’ validità tal-protokoll, minn EUR 38 500 fl-ewwel sena għal EUR 52 500 fl-aħħar sena, għal qabda annwali ta' 700 t. Il-liċenzji tas-sajd għall-bastimenti bil-konz taħt il-250 tunnellata grossa rreġistrata (TGR) jvarjaw minn EUR 4 950 fl-ewwel sena għal EUR 6 750 fl-aħħar sena, għal qabda annwali ta’ 90 t, filwaqt li l-liċenzji għall-bastimenti tas-sajd bil-konż ta’ iktra minn 250 TGR jvarjaw minn EUR 6 600 fl-ewwel sena għal EUR 9 000 fl-aħħar sena, għal qabda annwali ta’120 t. Il-prezz imħallas għall-qabdiet li jaqbżu t-tunnellaġġ ta’referenza annwali ta' 50 000 t ivarja minn EUR 55/t fl-ewwel sena EUR 75/t fl-aħħar sena tal-protokoll.

Paragun mal-protokoll preċedenti, li jkopri perjodu ta’ tliet snin, juri li kien hemm tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd allokati preċedentement lil 48 bastiment tas-sajd bit-tartaur u 12-il bastiment tas-sajd bil-konz, kif ukoll fil-tunnellaġġ ta' referenza annwali, li qabel kien ta’ 52 000 t. Fir-rigwars tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali, kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-ammont għall-aċċess għaż-ŻEE, li qabel kien EUR 3.38 miljun, u żieda żgħira fl-ammont għall-appoġġ settorjali, li qabel kien EUR 2.22 miljun. Kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-ispiża tal-liċenzji għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun, li preċedentement kienet EUR 61 000 fis-sena, filwaqt li l-ispiża tal-liċenzji għall-bastimenti tas-sajd bil-konz, li qabel kienet EUR 3 150 fis-sena (għall-bastimenti b'inqas minn 250 TGR) jew EUR 4 200 fis-sena (għall-bastimenti b’iktar minn 250 TGR), żdiedet konsiderevolment. L-ammont li għandu jitħallas għall-qabdiet iktar mit-tunnellaġġ ta’ referenza annwali, li qabel kien EUR 35 għal kull tunnellata żejda, żdied b'mod sinifikanti.

 

Protokoll preċedenti

Protokoll preżenti

Bidla

Tul ta’ żmien

3 snin

6 snin

­

Opportunitajiet tas-sajd

 

- Tartarun

48

40

¯

- Konz

12

6

¯

Tunnellaġġ ta' referenza

52 000 t/sena

50 000 t/sena

¯

Kontribuzzjoni finanzj.

 

- Total

EUR 16.8 m (3 snin)

EUR 30.7 m (6 snin)

¯

- Annwali

EUR 5.6 miljun

EUR 5.0 - 5.35 miljun

¯

- Aċċess għaż-ŻEE

EUR 3.38 m/sena

EUR 2.5 - 2.75 m/sena

¯

- Appoġġ settorjali

EUR 2.22 m/sena

EUR 2.5 - 2.6 m/sena

­

Liċenzji tas-sajd

 

- Tartarun

EUR 61 000/sena

EUR 38 500 - 52 500/sena

¯

- Konz < 250 TGR

EUR 3 150/sena

EUR 4 950 - 6 750/sena

­

- Konz > 250 TGR

EUR 4 200/sena

EUR 6 600 - 9 000/sena

­

Qabdiet addizzjonali

EUR 35/t

EUR 55 - 75/t

­

Kummenti ġenerali tar-rapporteur

Is-settur tas-sajd u l-attivitajiet relatati fis-Seychelles jiddependu ħafna mill-ftehim dwar is-sajd mal-UE, peress li l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-ftehim dwar is-sajd u l-introjtu prodott mill-attività tal-flotta barranija huma sorsi kruċjali ta’ dħul għall-ekonomija tal-pajjiż. Il-ftehim dwar is-sajd bejn l-UE u s-Seychelles huwa wkoll vitali biex tinżamm il-preżenza strateġika tal-flotta Ewropea f'dan ir-reġjun importanti għas-sajd tat-tonn fl-Oċean Indjan, fejn joperaw ukoll flotot barranin kbar oħra, notevolment il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel, il-Filippini u t-Tajwan.

Dan il-protokoll huwa bilanċjat u favorevoli għaż-żewġ naħat. Hu jimmira li jiggarantixxi sajd sostenibbli mill-flotta tal-UE fl-ilmijiet tas-Seychelles, u dan l-għan jiġi salvagwardjat permezz ta’ serje ta' klawsoli fil-protokoll u l-ftehim dwar is-sajd maħsuba biex jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u l-ispezzjoni tal-attività tas-sajd, inklużi kooperazzjoni xjentifika, sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita, sistema ta’ rrekordjar u rappurtar elettroniku tal-qbid, ġestjoni tal-tunnellaġġ ta' referenza annwali u imbark tal-osservaturi. Minbarra l-impatt pożittiv sinifikanti tiegħu fuq l-ekonomija u l-impjiegi diretti u indiretti fis-setturi li jiddependu mis-sajd fis-Seychelles, dan il-protokoll se jaffettwa wkoll l-impjiegi abbord, peress li kull bastiment tas-sajd bit-tartarun jrid jieħu abbord mill-inqas żewġ baħrin mis-Seychelles kwalifikati jew inkella, meta jkun possibbli, żewġ apprendisti. Hemm ukoll madwar 760 impjieg fl-Ewropa li huma marbuta mal-flotta li topera taħt dan il-ftehim dwar is-sajd, fid-diversi partijiet tas-settur.

Sar numru ta’ aġġustamenti f’paragun mal-protokoll preċedenti, prinċipalment fir- rigward tat-tul ta’ żmien tiegħu, l-opportunitajiet tas-sajd, it-tunnellaġġ ta' referenza u l-ispiża tal-qabdiet addizzjonali, il-kontribuzzjoni finanzjarja u l-ispiża tal-liċenzji tas-sajd. It-tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd u t-tnaqqis żgħir fit-tunnellaġġ ta' referenza huma akkumpanjati minn tnaqqis żgħir fil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE, b'mod partikolari l-ammont imħallas għall-aċċess għaż-ŻEE tas-Seychelles. Dawn il-modifiki huma ġġustifikati mit-tnaqqis fil-livell ta’użu tal-ftehim u l-fatt li t-tunnellaġġ ta' referenza ma ntlaħaqx fl-aħħar ftit snin. Il-ftehim ta’ sajd intuża aktar mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun milli minn dawk tas-sajd bil-konz, li gradwalment abbandunaw dan il-qasam tas-sajd u bħalissa qed jagħmlu ftit użu mill-opportunitajiet tas-sajd disponibbli. Il-fatt li l-qabdiet ma laħqux it-tunnellaġġ ta’ referenza fl-aħħar ftit snin, partikolarment bejn l-2008 u l-2010, jista' jiġi spjegat mill-fatt li l-flotta Ewropea (partikolarment il-bastimenti Spanjoli u Franċiżi tas-sajd bit-tartatun) imxiet għal sajd ieħor sabiex tevita l-piraterija f’din il-parti tal-Oċean Indjan.

Il-livell ta’ piraterija beda jiżdied fl-2004, u fl-2008 l-UE nediet l-operazzjoni navali Atalanta maħsuba biex tiġġieled il-piraterija f'din il-parti tal-Oċean Indjan. Mill-2009 ’l hawn, il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun bdew jieħdu abbord persunal militari jew gwardji armati tas-sigurtà privata, ħaġa li wasslet għal tnaqqis fin-numru ta' bastimenti maqbuda imma żieda fl-ispejjeż operattivi tal-flotta. Il-protokoll attwali fih klawsola li tiddikjara li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-piraterija li jisforzaw lill-flotta tħalli l-Oċean Indjan, iż-żewġ partijiet se janalizzaw il-possibbiltà li japplikaw ħlas pro rata temporis fuq talbiet individwali mis-sidien.

Il-protokoll il-ġdid jaqbel mal-objettivi tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd, ħaġa li tagħmilha possibbli li tinżamm preżenza Ewropea fis-sajd fl-ibħra mbiegħda u li jinżammu l-opportunitajiet tas-sajd f'din il-parti tal-Oċean Indjan, filwaqt li jingħata kontribut għas-sajd sostenibbli u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u s-Seychelles. Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, ir-rapporteur tqis li l-protokoll il-ġdid huwa bilanċjat u favorevoli għaż-żewġ naħat, u hi, għalhekk, tirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (4.3.2014)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles
(16651/2013 – C7‑0020/2014 – 2013/0375(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: François Alfonsi

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Abbażi tal-mandat rilevanti mogħti mill-Kunsill, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat mar-Repubblika tas-Seychelles bil-għan li jiġġedded il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunita` Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles.

Wara dawn in-negozjati, fl-10 ta’ Mejju 2013 ingħata bidu għall-Protokoll il-ġdid li jkopri perjodu ta’ sitt snin li jibda minn meta tiġi adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll u wara li jiskadi l-Protokoll attwali fis-17 ta’ Jannar 2014.

Il-Protokoll il-ġdid huwa konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li jimmira lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles, u l-promozzjoni ta' qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika sostenibbli tas-sajd u għall-isfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles, fl-interess taż-żewġ Partijiet.

Iż-żewġ Partijiet qablu li jikkooperaw bil-għan li jimplimentaw il-politika settorjali tas-sajd tas-Seychelles u għal dak il-għan huma se jkomplu d-djalogu politiku dwar l-ipprogrammar rilevanti.

Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja totali ta’ EUR 30 700 000 għall-perjodu kollu. Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali mħallsa mill-baġit tal-Unjoni hi għalhekk EUR 5 350 000 fis-sena għall-ewwel sentejn u EUR 5 000 000 fis-sena għas-snin li jifdal.

Skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jista' jew japprova jew jirrifjuta li japprova.

Tip ta' nfiq

2014

2015

2016

2017

2018

2019

TOTALI

Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali

5 350 000€

5 350 000€

5 000 000€

5 000 000€

5 000 000€

5 000 000€

30 700 000€

Totali

5 350 000€

5 350 000€

5 000 000€

5 000 000€

5 000 000€

5 000 000€

30 700 000€

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill- Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Věra Flasarová, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, George Lyon, Claudio Morganti, Jan Mulder, Nadezhda Neynsky, Andrej Plenković, Dominique Riquet, Alda Sousa, Helga Trüpel, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Frédéric Daerden, Edit Herczog, Paul Rübig, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis, Nils Torvalds, Catherine Trautmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Antonio Cancian, María Auxiliadora Correa Zamora

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Antonello Antinoro, Alain Cadec, Chris Davies, Pat the Cope Gallagher, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Jens Nilsson, Mario Pirillo