RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
21.3.2014 - (COM(2013)0570 – C7‑0278/2013 – 2013/2201(DEC))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Bogusław Sonik
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(COM(2013)0570 – C7‑0278/2013 – 2013/2201(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7‑0278/2013)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet [3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0218/2014),
1. Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2012;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(COM(2013)0570 – C7‑0278/2013 – 2013/2201(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012[7],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (COM(2013)0570 – C7‑0278/2013)[8],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet [9],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[10] dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2012 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[11], u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[12], u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0218/2014),
1. Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;
2. Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha dwar l-2012, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE);
3. Jinnota li fl-2012 il-baġit tal-KESE kien jammonta għal EUR 128 816 588 (EUR 128 600 000 fl-2011), b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 96,8 %; jenfasizza li l-baġit tal-KESE huwa wieħed purament amministrattiv, u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operazzjonali mixxellanji;
4. Jinnota li li r-rata ta' implimentazzjoni baġitarja għall-2012 ta' 96,8 % hija ogħla mir-rata għall-2011 ta' 95,4 %, iżda xorta waħda għadha iktar baxxa mir-rata għall-2010 ta' 98 %; jistieden lill-KESE jiżgura rati ta' implimentazzjoni baġitarja saħansitra aħjar fil-perjodi sussegwenti;
5. Jinnota ż-żieda ta' 0,2 % fil-baġit tal-2012 apparagun tal-baġit annwali preċedenti; jappoġġa l-isforzi tal-KESE biex jillimita l-baġits tas-snin li ġejjin, biex b'hekk jiżgura żieda b'rata fissa;
6. Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ta' segwitu għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza 2011 tal-Parlament mehmuża mar-rapport annwali tal-attività; jitlob li jinżamm infurmat dwar il-miżuri meħuda mill-KESE fis-sena finanzjarja tal-kwittanza għat-twettiq ta' analiżi dettaljata tal-infiq u dwar ir-riżultati ta' dak l-eżerċizzju;
7. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-livell tal-allowances tal-membri tal-KESE f'Settembru 2013 u jinnota b'sodisfazzjon li l-KESE implimenta r-regoli l-ġodda dwar ir-rimborż tal-ispejjeż ta' vjaġġar tal-membri abbażi tal-ispejjeż reali kif irrakkomandat mill-Parlament;
8. Jinnota b'sodisfazzjon li d-deċiżjoni biex id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-membri tal-KESE jsiru pubbliċi ġiet implimentata fl-2012;
9. Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-membri tal-KESE u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikulari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;
10. Jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta dwar l-enerġija użata minn sorsi rinnovabbli; jinnota b'sodisfazzjon li l-elettriku kollu użat mill-KESE ġej minn sorsi rinnovabbli;
11. Huwa sodisfatt bil-kisbiet fil-qasam tat-traduzzjoni wara l-ftehim imġedded ta' kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR); jinnota b'sodisfazzjon li t-tnaqqis fit-traduzzjonijiet esterni bejn wieħed u ieħor kien ta' 1 % fl-2012, apparagun tal-2011; jemmen li dawn iċ-ċifri huma evidenza li għadu possibbli titjib ulterjuri fl-effiċjenza;
12. Jemmen bil-qawwa li għandu jsir xi titjib għar-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi umani fis-Servizzi Konġunti u fit-traduzzjoni; iqis il-kuntatti li għaddejjin bejn il-KESE, il-KtR u l-Parlament f'din il-kwistjoni bħala kontribut pożittiv għar-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi;
13. Jitlob lill KESE jkompli jwettaq monitoraġġ tal-istruttura tal-persunal sabiex jiżgura li l-organizzazzjoni tal-karigi tkun għalkollox effiċjenti u tikkontribwixxi għal infiq aħjar tal-baġit allokat;
14. Jistenna li l-KESE, fit-tħejjija tan-negozjati tal-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni amministrattiva mal-KtR, joħloq skrinjar iktar regolari tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tiegħu, kif iddikjarat fir-rakkomandazzjonijiet tas-sena li għaddiet; jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati ta' din il-kooperazzjoni u dwar l-ammont preċiż ta' ffrankar baġitarju li se jirriżulta minn din il-kooperazzjoni l-ġdida;
15. Jantiċipa li l-ftehim il-ġdid ta' kooperazzjoni amministrattiva mal-KtR se jwassal ukoll għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġestjoni ta' servizzi komuni;
16. Jinnota li reviżjoni ta' nofs it-term tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-KtR hija għodda utli għall-valutazzjoni tal-benefiċċji tal-kooperazzjoni u biex ikun hemm ippjanar għal soluzzjonijiet imtejba fil-futur;
17. Jikkunsidra li l-għodda tal-vidjokonferenzi hija mekkaniżmu utli ħafna għall-iffrankar baġitarju u fl-istess ħin għall-effiċjenza peress li jkun hemm membri minn postijiet differenti li jkunu qed jipparteċipaw fl-istess konferenza; jitlob li jinżamm infurmat dwar il-progress fi ħdan il-KESE rigward l-użu tat-tagħmir eżistenti;
18. Jixtieq jinżamm infurmat dwar l-impatt baġitarju tal-użu tal-għodod tal-vidjokonferenzi, inkluż f'termini ta' ffrankar fuq l-ispejjeż għall-missjonijiet;
19. Jieħu nota tal-iżviluppi mwettqa mill-KESE għall-awtovalutazzjoni tal-ħidma tiegħu bl-assistenza tal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika;
20. Jilqa' l-proġett għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tad-dokumenti fil-KESE;
21. Iqis bħala pożittiv it-tnaqqis tar-rata mhux użata tas-servizzi tal-interpretazzjoni mitluba minn 8,9 % fl-2011 għal 7,6 % fl-2012; jieħu nota tal-miżuri meħuda biex titnaqqas din ir-rata; jenfasizza, madankollu, li r-rata għadha għolja u jitlob tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż ta' interpretazzjoni;
22. Jitlob lill-KESE jikkoopera ma' istituzzjonijiet oħra sabiex joħorġu b'metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni bl-għan li jiġu ssimplifikati l-analiżi u t-tqabbil tal-ispejjeż;
23. Jieħu nota sew tal-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-IT; jitlob sabiex fir-rapport annwali tal-attività tiġi inkluża informazzjoni iktar dettaljata dwar it-titjib;
24. Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapport annwali tagħha li jmiss, tinkludi rieżami tas-segwitu min-naħa tal-KESE għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament f'din ir-riżoluzzjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
18.3.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Inés Ayala Sender, Zuzana Brzobohatá, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Rina Ronja Kari, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Monika Panayotova, Crescenzio Rivellini, Paul Rübig, Bogusław Sonik, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Michael Theurer, Derek Vaughan |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Amelia Andersdotter, Philip Bradbourn, Esther de Lange, Vojtěch Mynář, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Barbara Weiler |
||||
- [1] ĠU L 56, 29.2.2012.
- [2] ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
- [3] ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
- [4] ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
- [5] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
- [6] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
- [7] ĠU L 56, 29.2.2012.
- [8] ĠU C 334, 15.11.2013, p. 1.
- [9] ĠU C 331, 14.11.2013, p. 1.
- [10] ĠU C 334, 15.11.2013, p. 122.
- [11] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
- [12] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.