Proċedura : 2013/2256(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0237/2014

Testi mressqa :

A7-0237/2014

Dibattiti :

PV 02/04/2014 - 24
CRE 02/04/2014 - 24

Votazzjonijiet :

PV 03/04/2014 - 7.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0299

RAPPORT     
PDF 223kWORD 189k
21.3.2014
PE 521.682v02-00 A7-0237/2014

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2013/2256(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Petri Sarvamaa

ERRATA/ADDENDA
PROPOSTA GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

PROPOSTA GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2013/2256(DEC)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-26 ta' Settembru 2013 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta' rilaxx għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2013)0668) u l-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta' akkumpanjament (SWD(2013)0348 u SWD(2013)0349),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta' Lulju 2012,

–       wara li kkunsidra l-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tad-19 ta' Lulju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali dwar is-segwitu mogħti lill-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE, adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Diċembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Komuni tal-10 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fl-aġenziji deċentralizzati tal-UE tal-10 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "L-aġenziji Ewropej – Il-mixja 'l quddiem" (COM(2008)0135),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2013 dwar il-kwittanza tal-2011: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-Aġenziji tal-UE(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) (ir-"Regolament Finanzjarju ta' Qafas"), u b'mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 15/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-ġestjoni ta' kunflitti ta' interessi f'aġenziji magħżula tal-UE",

–   wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi(6) tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali definittivi tal-aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2012,

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bit-titolu "Opportunity and feasibility of establishing common support services for EU Agencies" (Opportunità u fattibilità tal-ħolqien ta' servizzi ta' sostenn komuni għall-aġenziji tal-UE), ippubblikat fis-7 ta' April 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu "L-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni"(7), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(8), u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308);

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0237/2014),

A. billi din ir-riżoluzzjoni fiha, għal kull korp skont l-Arikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-osservazzjonijiet orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

B.   billi f'dawn l-aħħar għaxar snin in-numru ta' aġenziji żdied b'mod sostanzjali,

C.     billi, bħala parti mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, l-aġenziji għandhom jimxu mal-ogħla standards, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza,

Riflessjoni dwar l-aġenziji: approċċ komuni

1.  Ifakkar fl-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett tagħhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini; ifakkar li l-aġenziji deċentralizzati nħolqu bl-iskop ewlieni, b'mod partikolari, li jwettqu kompiti tekniċi, xjentifiċi jew superviżorji b'tali mod li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-UE jfasslu u jimplimentaw il-politiki tal-Unjoni; jirrimarka li r-rwol tal-aġenziji eżekuttivi huwa li jgħinu lill-Kummissjoni tiġġestixxi l-programmi tal-Unjoni f'isem l-Unjoni stess;

2.  Jirrikonoxxi li nħolqu numru kbir ta' aġenziji fil-qasam ta' politika tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, iżda jissottolinja li l-aġenziji ġodda kollha nħolqu b'reazzjoni għal ħtieġa reali; jinsab konvint li l-aġenziji kollha f'dan il-qasam ta' politika jiżvolġu rwol distint u meħtieġ, li jipprovdi valur miżjud Ewropew;

3.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-aġenziji fl-appoġġ tagħhom għall-politiki tal-Unjoni mill-fażi inizjali sal-implimentazzjoni tagħhom; jitlob li jkun hemm użu aktar wiesa' ta' dan l-għarfien espert u l-kapaċità fl-istadji rilevanti tal-proċess ta' politika tas-Semestru Ewropew; jenfasizza l-kontribut tal-aġenziji fil-ħidma tagħhom lejn il-kisba tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

4.  Jemmen li sabiex ikun hemm operat effiċjenti tal-aġenziji u bil-ħsieb li jinkiseb dak kollu possibbli mir-riżorsi tagħhom, huma jridu jfittxu sinerġiji, jiskambjaw l-aħjar prattiki u jikkondividu s-servizzi; jilqa' pożittivament l-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-Kummissjoni u jemmen li hemm marġni ta' titjib ulterjuri f'dan ir-rigward;

5.  Ifakkar li f'Lulju 2012 il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati (''l-Approċċ Komuni"), ftehim politiku dwar il-ġestjoni futura u r-riforma tal-aġenziji; jilqa' l-konklużjoni ta' dan il-ftehim; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari lejn il-kapitolu dwar is-sedi tal-aġenziji; jappella f'dan ir-rigward għal soluzzjonjiet fil-pront b'rabta ma' kwalunkwe kwistjoni pendenti dwar il-kwartieri ġenerali tal-aġenziji, sabiex ikun żgurat operat mingħajr tfixkil;

6.      Jiddispjaċih li l-Istati Membri ma rnexxielhomx jikkonkludu ftehimiet dwar il-kwartieri ġenerali ma' għaxar aġenziji fit-territorji tagħhom, inklużi tlieta fi Franza, waħda fl-Estonja, waħda fl-Irlanda, waħda fil-Lussemburgu, waħda fil-Polonja, waħda fi Spanja u waħda fir-Renju Unit; jesprimi tħassib dwar il-fatt li dan jista' jkollu implikazzjonijiet serji għall-persunal tal-aġenziji u jappella lill-Istati Membri kkonċernati jikkonkludu tali ftehimiet qabel il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza tal-baġit li ġejja;

7.  Jilqa' r-regoli finanzjarji semplifikati l-ġodda applikabbli għall-aġenziji u jistenna li l-introduzzjoni tagħhom se tippermetti tnaqqis fin-nefqa amministrattiva għall-persunal tal-aġenziji; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-aġenziji jirrikorru għall-possibilità ta' semplifikazzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta' reklutaġġ fil-każ li l-proċedura standard tkun imfassla għal organizzazzjoni fuq skala akbar u tippreżenta piż eċċessiv għall-aġenziji;

8.  Jivvaluta pożittivament ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri; jirrikonoxxi li r-rapporti tal-Qorti saru saħansitra aktar komprensivi matul l-aħħar proċeduri ta' kwittanza; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri tiżviluppa ulterjorment l-elementi tal-awditjar tal-prestazzjoni, kemm fir-rapporti annwali ta' awditjar tagħha kif ukoll fir-rapporti speċjali ddedikati tagħha dwar l-aġenziji; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri timmonitorja u tirrapporta fuq is-segwitu għar-rapporti ta' kwittanza preċedenti;

9.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri sabiex, fir-rapport annwali tagħha li jmiss, tinkludi rieżami tas-segwitu mill-aġenziji għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament f'din ir-riżoluzzjoni;

Il-Pjan direzzjonali tal-Kummissjoni

10. Jilqa' pożittivament il-Pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar is-segwitu mogħti lill-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE (il-"Pjan direzzjonali") u jistieden lill-partijiet kollha involuti jħaddnu l-ideat espressi fih;

11. Jappoġġa l-objettivi prinċipali tal-Kummissjoni stabbiliti fil-Pjan direzzjonali, b'mod partikolari l-kisba ta' governanza aktar ibbilanċjata, it-tisħiħ tal-effiċjenza u tal-obbligu ta' rendikont tal-aġenziji u l-introduzzjoni ta' koerenza akbar fil-funzjonament tagħhom; jilqa' l-azzjonijiet proposti f'dan ir-rigward, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mas-semplifikazzjoni tal-bordijiet amministrattivi, l-isforzi biex jinstabu sinerġiji bejn l-aġenziji u l-possibilità li ssir fużjoni ta' xi wħud minnhom;

12. Jirrikonoxxi mir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni, li s-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji deċentralizzati rnexxilhom iwettqu għadd ta' azzjonijiet b'mod partikolari, li l-Kummissjoni żviluppat dispożizzjonijiet standard għall-ħolqien ta' aġenziji ġodda, linji gwida għall-ftehimiet dwar il-kwartieri ġenerali u linji gwida għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u żviluppat, flimkien mal-aġenziji, manwal fil-qasam tal-komunikazzjoni; josserva li għadd ta' kompiti għadhom mhux magħluqa, fosthom l-iżvilupp ta' mudell għar-rapporti annwali konsolidati li għaddejjin u linji gwida fil-qasam tal-evalwazzjoni;

13. Jappella lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha u tirrapporta dwar il-progress tagħha fuq bażi annwali, fost l-oħrajn billi tirrapporta dwar il-progress fir-rigward tat-twettiq tal-azzjonijiet, l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet konklużi u l-eżitu u l-effikaċja tagħhom u tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar meta u kif l-aġenziji deċentralizzati kkontribwixxew għal dawk l-azzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi wkoll analiżi dwar kif il-bidla fir-rekwiżiti ta' rapportar tikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv;

14. Jenfasizza li b'mod koerenti mal-Pjan direzzjonali, l-aġenziji huma responsabbli li jiżguraw li s-siti elettroniċi tagħhom jindikaw li huma aġenziji tal-Unjoni; jinnota li għad hemm bosta li jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ (il-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u jinnota barra minn hekk li l-websajts tal-aġenziji għandhom jiżguraw il-viżibilità meta jiġu utilizzati fondi mill-baġit tal-Unjoni, kif jiġri fil-każ ta' impenji fuq awtoritajiet pubbliċi oħra;

Ir-responsabilità demokratika

15. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-varjetà kbira ta' rwoli, funzjonijiet u riżorsi tad-diversi aġenziji, li huma suġġetti għall-proċedura uniformi tal-kwittanza tal-aġenziji; josserva li f'ċerti każijiet l-esiġenzi imposti mill-funzjonijiet fundamentali tal-aġenziji mhuwiex faċli jew loġiku li jissottomettu ruħhom għall-proċedura ta' kwittanza tradizzjonali, filwaqt li f'każijiet oħrajn irriżulta diffiċli li tiġi garantita l-uniformità tal-proċedura minħabba għadd limitat ħafna ta' persunal u/jew baġit ċkejken; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tqis dan kollu fil-ħidma futura tagħha fl-awditjar;

16. Ifakkar li l-aġenziji huma indipendenti u li l-Kummissjoni tista' tiggwida lill-aġenziji permezz tal-iżvilupp ta' linji gwida; huwa tal-opinjoni, madankollu, li huma l-aġenziji li għandhom jiddeċiedu dwar is-segwitu; jemmen li l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni li tista' tesprimi parir politiku dwar l-aġenziji; huwa tal-opinjoni, għalhekk, li s-sistema ta' rapportar lill-awtorità tal-kwittanza hija tal-akbar importanza u għandha tissaħħaħ;

17. Jemmen li abbażi tal-mudell provdut mir-rapport dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li tinkludi l-attività u l-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aġenziji fir-rapport annwali li jmiss dwar il-korruzzjoni;

18. Iqis, għal dak li għandu x'jaqsam mal-modi li bihom l-aġenziji jirrapportaw lill-awtorità tal-kwittanza, li r-responsabilità demokratika tal-aġenziji għandha tkun semplifikata ulterjorment u jemmen li r-relazzjoni bejn il-Parlament u l-aġenziji tislet vantaġġ minn sistema aktar soda u strutturata aħjar ta' rapportar lill-Parlament; jipproponi t-twaqqif ta' grupp ta' ħidma dwar din il-kwistjoni sabiex iressaq proposti għat-titjib tas-sistema ta' rapportar, kemm min-naħa tal-aġenziji kif ukoll mill-Parlament;

19. Huwa tal-opinjoni li t-tendenza li ssir enfasi akbar fuq l-effikaċja u r-riżultati fit-tfassil tar-rapporti hija waħda pożittiva; jitlob li tissaħħaħ aktar is-sistema ta' rapportar f'dan ir-rigward sabiex titjieb ir-responsabbiltà demokratika tal-aġenziji;

20. Jitlob li l-aġenziji jsaħħu l-ħidma tagħhom u r-rapportar dwar ir-responsabbiltà soċjali, fatt li se jwassal għal aktar viżibbiltà tal-attivitajiet tal-aġenziji għall-pubbliku ġenerali;

21. Ifakkar lill-aġenziji kollha fl-obbligu li għandhom li jressqu lill-awtorità tal-kwittanza rapport imfassal mid-direttur tagħhom, li jkun jiġbor fil-qosor l-għadd u t-tip ta' awditjar intern imwettaq mill-awditur intern tagħhom, ir-rakkomandazzjonijiet formulati u s-segwitu mogħti lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002;

22. Jitlob lill-aġenziji kollha suġġetti għall-proċedura ta' kwittanza 2012 jippreżentaw lill-awtorità tal-kwittanza sal-15 ta' Ottubru 2014, ir-rapporti ta' segwitu tagħhom previsti mill-Artikolu 110(2) tal-Regolament Finanzjarju ta' qafas;

23. Jirrikonoxxi li, bil-għan li jtaffi l-piż tal-aġenziji fil-qasam tar-rapportar, il-Kummissjoni antiċipat li, konformement mar-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid, l-aġenziji se jkunu jistgħu jagħtu l-informazzjoni attwalment mitluba f'diversi kuntesti b'mod semplifikat u konsolidat, biex b'hekk tiġi garantita konsistenza u komparabilità aħjar bejn id-dokumenti prodotti mid-diversi aġenziji; josserva li s-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin jaħdmu mal-aġenziji biex jiddefinixxu l-linji gwida relatati ma' mudell ta' rapporti annwali tal-attività konsolidati adattat għar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid, u jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li r-rapportar konsolidat iwassal għal semplifikazzjoni u tnaqqis fil-piż amministrattiv;

24. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qiegħda tieħu l-azzjonijiet meħtieġa favur koordinament aħjar tal-varji eżerċizzji ta' awditjar, li b'mod partikolari, is-Servizz tal-Awditjar Intern jippreżenta lill-bordijiet amministrattivi tal-aġenziji għall-approvazzjoni l-aspetti li għandhom ikunu sottoposti għal awditjar, li għal aġenzija waħda l-attività ta' awditjar tieħu ħamest ijiem ta' xogħol fis-sena filwaqt li l-kalendarju jiġi miftiehem mal-aġenziji tal-anqas erba' ġimgħat qabel, bil-koordinament tal-Qorti tal-Awdituri;

25. Jenfasizza l-importanza tal-iskrutinju parlamentari tal-abbozz ta' programmi ta' ħidma annwali tal-aġenziji min-naħa tal-kumitati parlamentari responsabbli, qabel l-adozzjoni tal-programmi finali ta' ħidma; ifakkar li din il-prattika tgħin biex tiżgura li l-programmi ta' ħidma jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali u tiffaċilita l-monitoraġġ u l-iskrutinju mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma; jistenna li l-aġenziji jikkooperaw mill-qrib ma' dawn il-kumitati u mal-Kummissjoni, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tad-19 ta' Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati, fl-ambitu tal-abbozzar tal-programmi ta' ħidma annwali tagħhom;

Ir-rwol ta' koordinatur tan-netwerk tal-aġenziji

27. Ifaħħar il-kooperazzjoni tajba bejn il-kumitat parlamentari responsabbli u n-Netwerk tal-Aġenziji tal-Unjoni (in-"Netwerk"), u jilqa' t-tisħiħ tan-Netwerk; josserva b'sodisfazzjon l-atteġġjament disponibbli u miftuħ tad-diretturi tal-aġenziji kkuntattjati fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza annwali;

28. Jilqa' pożittivament is-suġġerimenti utli li n-Netwerk ta lill-Kummissjoni dwar il-possibilitajiet ta' titjib inġenerali fis-servizzi offruti minnha lill-aġenziji kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet aktar speċifiċi formulati dwar is-sistema ta' kontabilità bbażata fuq id-dovuti (ABAC), l-amministrazzjoni tal-intitolamenti finanzjarji tal-persunal tal-aġenziji min-naħa tal-Uffiċċju tal-Ħlas u l-akkwist;

Kwistjonijiet komuni fil-qasam tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

29. Jinnota bi tħassib li, bħal fis-snin li għaddew, il-Qorti tal-Awdituri identifikat għadd ta' problemi fir-rigward ta' diversi aġenziji, partikolarment dwar:–

  dgħufijiet fl-ippjanar tal-baġit,–

  kunflitti ta' interess potenzjali,–

  ġestjoni tal-akkwist u tal-kuntratti,–

  nuqqas ta' trasparenza jew dixxiplina fir-reklutaġġi,–

  riporti mhux appoġġati minn impenji jew li huma eċċessivament għoljin,

–            nuqqasijiet fil-verifika tat-tranżizzjonijiet relatati ma' għotjiet;

30. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni biħsiebha tkompli taħdem biex tiżviluppa gwida fil-qasam tal-ippjanar intern u tat-tbassir tad-dħul, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki, bil-għan li l-aġenziji jingħataw għajnuna biex inaqqsu r-rati ta' riporti u ta' kanċellazzjoni, meta neċessarju, u jistenna bil-ħerqa r-rapport tal-Kummissjoni dwar dawn l-aspetti, li huwa mistenni fl-2014;

31. Jirrikonoxxi wkoll li l-Kummissjoni rrevediet ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas applikabbli għall-aġenziji deċentralizzati billi allinjat it-test mar-Regolament Finanzjarju l-ġdid, u solviet il-problemi rikorrenti ffaċċjati mill-aġenziji u mill-Kummissjoni, u implimentat id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati u l-Approċċ Komuni anness ma' dik id-Dikjarazzjoni Konġunta; josserva li r-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid, fis-seħħ mill-2014, jissemplifika r-regoli finanzjarji li jikkonċernaw it-trattament tal-eċċessi tal-baġit, il-kompiti supplementari fdati lill-aġenziji, l-awditjar intern, ir-rekwiżiti dwar ir-rapportar, il-programm ta' ħidma annwali, il-pjan ta' ħidma pluriennali u l-pjan pluriennali fil-qasam tal-politika tal-persunal, il-kontabilità kif ukoll il-pagamenti pluriennali; josserva b'sodisfazzjon li fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni pproponiet bosta modifiki bil-ħsieb għal semplifikazzjoni;

32. Jisħaq fuq l-importanza tal-effikaċja u tat-trasparenza fl-eżerċizzju ta' kwittanza u jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kunsill, lill-aġenziji u lin-Netwerk jadottaw approċċ għall-kwittanza b'dan il-mod; iqis madankollu li l-enfasi fuq il-prestazzjoni ma tridx tieħu post ir-regolarità u l-ġestjoni finanzjarja tajba;

33. Iħeġġeġ lill-aġenziji jeżaminaw il-proċeduri interni amministrattivi tagħhom bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, li huma ġeneralment wisq għoljin għal dak li jikkonċerna t-totalità tal-aġenziji;

Possibilitajiet ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib u ta' fużjoni ta' ċerti aġenziji

34. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni u l-aġenziji eżaminaw bir-reqqa l-possibilità ta' miżuri strutturali intiżi li jirrazzjonalizzaw il-funzjonament tal-aġenziji fil-kuntest ta' riżorsi finanzjarji u umani limitati;

35. Jindika li għandhom jitkomplew il-prattiki tajba eżistenti ta' effetti ta' sinerġija fost l-aġenziji, bħal memoranda ta' qbil u pjanijiet ta' azzjoni annwali relatati, proġetti ta' riċerka konġunti, rieżami bejn il-pari ta' abbozz ta' rapporti ta' riċerka, skambju dwar il-metodoloġija tal-istħarriġ u konsultazzjoni minn qabel dwar programmi ta' ħidma, bil-ħsieb li jiġu evitati sovrapożizzjonijiet u repetizzjonijiet ta' attivitajiet, u b'hekk ikun hemm riżultati aktar effikaċi;

36. Jirrikonoxxi li skont ir-riżultati ta' stħarriġ imwettaq mill-aġenziji dwar is-servizzi li jikkondividu bejniethom, teżisti diġà kooperazzjoni bejniethom u li kampanja ta' sensibilizzazzjoni tista' tgħin biex jiġu żviluppati ulterjorment dawk il-prattiki tajba; jilqa' l-eżempju tajjeb li tagħti pereżempju l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (b'sede f'Lisbona), li taqsam il-kapaċità tal-awditjar intern tagħha mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (b'sede f'Vigo), filwaqt li l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (b'sede f'Valenciennes) qiegħda tħejji ftehim dwar il-kondiviżjoni tas-servizzi tal-uffiċjal tal-kontabilità mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (b'sede f'Pariġi);

37. Ifakkar li l-proposta tal-Kummissjoni għal Aġenzija Ewropea għall-infurzar tal-liġi u t-taħriġ, li tipproponi l-fużjoni tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) mal-Europol kienet tippermetti ffrankar fin-nefqa amministrattiva (partikolarment f'termini ta' spejjeż tal-persunal) li setgħu jiġu riallokati; jirrikonoxxi li l-proposta kienet kompletament konformi mal-Approċċ Komuni fil-kunsiderazzjoni ta' fużjonijiet ta' aġenziji għall-kisba ta' sinerġiji u effiċjenzi; jinnota madankollu li l-proposta tal-Kummissjoni la assigurat lill-Parlament u lanqas lill-Kunsill għal fużjoni jew rilokazzjoni tas-CEPOL fl-Aja; jenfasizza li b'segwitu għal din id-deċiżjoni, għandu jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti tal-aġenzija;

38. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li fejn xieraq tgħaqqad aġenziji flimkien, u li hija lesta li tkompli tivvaluta l-possibilitajiet ta' fużjoni ta' ċerti aġenziji eżistenti, kif ukoll li tikseb sinerġiji ulterjuri mill-kondiviżjoni tas-servizzi bejn l-aġenziji nfushom u fi ħdan il-Kummissjoni u li teżamina bir-reqqa l-kwistjoni dwar l-infiq inutli dovut għad-distanza u l-multipliċità tas-siti u qed jistenna bil-ħerqa proposti ulterjuri f'dan ir-rigward;

39. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tivvaluta l-potenzjal għas-sinerġiji bejn l-aġenziji, skont il-Pjan direzzjonali, fil-każ taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol u l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol;

40. Iqis li jeħtieġ li jissaħħaħ il-koordinament bejn ċerti aġenziji, b'riferiment partikolari għad-deċiżjonijiet li għandhom implikazzjonijiet fuq il-mandat ta' aġenzija oħra; jipproponi li l-aġenziji kkonċernati jilħqu qbil bejniethom, bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti, biex tiġi evitata leġiżlazzjoni kontrastanti; jistieden lill-aġenziji, f'dawn il-każijiet, jinformaw f'kull mument lill-kumitati responsabbli tal-Parlament;

Il-ġestjoni tar-riżorsi baġitarji

41. Itenni li l-prinċipju tal-annwalità huwa wieħed mit-tliet prinċipji kontabilistiċi bażiċi (l-unità u l-preċiżjoni, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kont, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba u t-trasparenza), indispensabbli biex tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-aġenziji deċentralizzati mhux dejjem jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-annwalità;

42. Jieħu nota tal-ispjegazzjonijiet tal-aġenziji fir-rigward tad-diffikultà li jevitaw riporti fin-nefqa operattiva; jemmen, madankollu, li f'għadd ta' każijiet għad hemm lok għal titjib, partikolarment permezz ta' ġestjoni aħjar tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, ippjanar intern u tbassir tad-dħul aħjar u dixxiplina baġitarja aktar rigoruża;

43. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni, konformement mal-Pjan direzzjonali tagħha, se tivvaluta s-servizzi li tipprovdi lill-aġenziji abbażi tal-ispunt li jagħtu u, jekk neċessarju, se ttejjeb, tiċċara, testendi jew tadatta tali servizzi;

44. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qiegħda tiddiskuti Regolament li jemenda dwar it-tariffi u l-ħlasijiet bl-iskop li jiġu stabbiliti tariffi u ħlasijiet li jippermettu lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) torganizza xogħolha għal kemm idum proġett, filwaqt li jiġu evitati eċċessi jew nuqqasijiet fuq perjodu ta' żmien medju/twil; josserva li l-Kummissjoni se terġa' tivvaluta l-mod kif jitnaqqsu r-riporti tal-approprjazzjonijiet li jirriżultaw mid-dħul miċ-ċertifikazzjonijiet permezz ta' reviżjoni fuq bażi regolari tal-livell tat-tariffi u tal-ħlasijiet;

45. Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skontha jeżistu ftit elementi li jiġġustifikaw il-ħolqien ta' fond ta' riżerva għall-aġenziji li jiffinanzjaw lilhom infushom parzjalment kif ukoll tal-proposta tagħha biex iżżomm il-prassi attwali; iqis, madankollu, li din mhijiex soluzzjoni sodisfaċenti għas-sitwazzjoni;

46. Ifakkar lill-Kummissjoni li r-Regolament Finanzjarju mhuwiex adegwat għall-aġenziji li jiġġeneraw eċċessi; jenfasizza li huwa essenzjali li fl-ambitu tar-reviżjoni jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet għal din il-problema, pereżempju permezz tal-ħolqien ta' fond ta' riżerva limitat;

47. Iħeġġeġ lill-Bordijiet Maniġerjali ta' dawk l-aġenziji li huma kompletament jew parzjalment kofinanzjati minn tariffi sabiex jiżguraw li l-iffissar ta' tariffi jkun trasparenti u li s-servizzi mill-aġenziji jitwettqu kemm jista' jkun b'mod effiċjenti sabiex tingħata l-aħjar rata ta' tariffi possibbli;

48. Itenni li n-nuqqas ta' flessibilità fi ħdan il-baġit ġiet rikonoxxuta bħala dgħufija minn ċerti aġenziji, u dan jissuġġerixxi li jista' jsir iffrankar kieku kien hemm biżżejjed flessibilità bejn it-titoli fi ħdan il-baġit; josserva li r-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid jipprevedi l-istess regoli bħal dawk applikabbli għall-istituzzjonijiet skont ir-Regolament Finanzjarju ġenerali, għalhekk id-direttur ta' aġenzija se jkollu l-possibilità li jittrasferixxi approprjazzjonijiet minn titolu għall-ieħor sa massimu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet għas-sena murija fil-linja li minnha jsir it-trasferiment, u trasferiment minn kapitolu għall-ieħor u minn artikolu għall-ieħor mingħajr l-ebda limitu;

49. Jinnota li xi aġenziji kompetenti fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma operattivi u li l-implementazzjoni tal-baġit tagħhom tiddependi wkoll minn fatturi esterni;

50. Itenni t-talba tiegħu lill-aġenziji u lill-impriżi konġunti kollha biex jehmżu sistematikament mudell standardizzat rigward il-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali definittivi tagħhom li jinkludi d-data mressqa fir-rapporti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-baġit u fir-rapporti tagħhom dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja; jirrakkomanda li l-aġenżiji u l-impriżi konġunti kollha jfornu din l-informazzjoni b'mod komprensiv, trasparenti u faċilment aċċessibbli (pereżempju fajls Excel u/jew fajls f'format CSV), biex jiġi aġevolat it-tqabbil bejn l-eżekuzzjonijiet baġitarji tagħhom, u b'hekk il-Parlament u l-pubbliku jkunu jistgħu jqabblu b'mod komprensiv in-nefqa tagħhom;

51. Jirrikonoxxi li r-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid fih sensiela ta' dispożizzjonijiet li għandhom jissemplifikaw ir-regoli applikabbli għall-aġenziji, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mar-rapporti annwali tal-attività konsolidati, it-tfassil ta' dokument ta' programmazzjoni uniku li jkun fih il-komponenti annwali u pluriennali u l-possibilità ta' kondiviżjoni jew trasferiment tas-servizzi orizzontali (partikolarment il-kontabilità) fejn ikun hemm il-possibilità ta' effiċjenza f'termini ta' kostijiet;

Il-prestazzjoni

52. Jirrikonoxxi min-Netwerk li kull aġenzija żviluppat is-sistema ta' ġestjoni tal-prestazzjoni tagħha stess abbażi tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki kondiviżi bejn l-aġenziji fl-ambitu tan-Netwerk, u li nħoloq subnetwerk speċifiku biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-aġenziji f'dan ir-rigward;

53. Jivvaluta pożittivament il-fatt li l-Kummissjoni qiegħda taħdem biex telabora linji gwida għall-evalwazzjoni u li kien hemm konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta' linji gwida għall-evalwazzjoni riveduti bejn it-12 ta' Novembru 2013 u l-25 ta' Frar 2014, u li warajha l-Kummissjoni qed tipprevedi li tadotta l-linji gwida ġodda sa nofs l-2014; jinnota wkoll li attwalment tinsab għaddejja ħidma sabiex jiġu żviluppati linji gwida relatati ma' indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi biex jivvalutaw ir-riżultati miksuba mid-diretturi tal-aġenziji, li l-ewwel abbozz tagħhom diġà ġie diskuss mal-aġenziji, u jistenna bil-ħerqa li jirċievi d-dokument definittiv fil-bidu tal-2014, skont kif previst;

54. Jindika li l-ibbaġitjar skont l-attività għadu prinċipju fundamentali fit-tfassil tal-baġit tal-Unjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport annwali tagħha tal-2012, ikkonkludiet li għal ħafna oqsma tal-baġit tal-Unjoni, il-qafas leġiżlattiv huwa kumpless u li ma hemmx enfasi suffiċjenti fuq il-prestazzjoni; jilqa' l-passi meħuda mill-aġenziji biex jiffokaw aktar fuq ir-rapportar tal-prestazzjoni;

55. Jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi evalwazzjoni tal-prestazzjoni u r-riżultati tal-aġenziji fi żmien biżżejjed qabel għar-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali fl-2016 bil-għan li tiġi vvalutata l-possibbiltà tat-tisħiħ ta' kooperazzjoni jew saħansitra ta' fużjoni bejn l-aġenziji u jiġi evalwat jekk ċerti aġenziji jistgħux jiġu xolti jew jistgħux ikomplu taħt aspett istituzzjonali ieħor li jkun aktar kosteffiċjenti;

Indipendenza

56. Jenfasizza l-importanza tal-indipendenza tal-aġenziji; ifakkar li l-aġenziji għandhom ikunu jistgħu jeżegwixxu l-mandat tagħhom b'mod indipendenti u jiddispjaċih li attwalment dan mhux dejjem qed ikun hekk; jemmen li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għandhom jitqiesu bħala sħab tal-aġenziji;

57. Jirrikonoxxi li l-aġenziji qegħdin jikkontribwixxu għall-inizjattivi intiżi li jtejbu l-effiċjenza tagħhom, il-kosteffikaċja tagħhom u r-responsabilità tagħhom; jieħu nota tar-rwol tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni fi ħdan il-bordijiet tal-aġenziji favur tali proċess, pereżempju billi jagħtu segwitu lill-implimentazzjoni tal-Pjan direzzjonali f'kull aġenzija, jeżaminaw mill-ġdid il-progress b'mod dettaljat u fuq bażi regolari, javżaw lis-servizzi ċentrali f'każ ta' diffikultà kif ukoll billi jgħinu jiżguraw il-konsistenza fl-attivitajiet tal-aġenziji rigward l-objettivi tal- politika tal-Unjoni kollha kemm hi, inkluż għal dak li għandu x'jaqsam mal-ippjanar tar-riżorsi baġitarji u umani;

Kunflitti ta' interess u t-trasparenza

58. Ifakkar lill-aġenziji u lill-Kummissjoni fir-Rapport Speċjali Nru 15/2012 tal-Qorti tal-Awdituri, imfassal wara l-istedina mill-Parlament lill-Qorti biex twettaq analiżi komprensiva tal-approċċ tal-aġenziji għall-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom jeżistu kunflitti ta' interess potenzjali;

59. Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tissorvelja l-progress tal-aġenziji f'dik li hija l-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess; itenni l-appell tiegħu lill-Qorti tal-Awdituri biex tagħti segwitu ulterjuri lil din il-kwistjoni billi testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-awditjar tagħha lil aġenziji oħrajn u tippreżenta s-sejbiet tagħha f'rapport speċjali futur dwar din il-kwistjoni;

60. Ifakkar li l-kunflitti ta' interess huma sors ta' korruzzjoni, frodi, ġestjoni ħażina tal-fondi u tar-riżorsi umani u favoritiżmu u għandhom impatt negattiv fuq l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet u l-kwalità tax-xogħol u jippreġudikaw il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi l-aġenziji;

61. Ifakkar li, skont is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 15/2012 tagħha, fil-mument meta lestiet il-ħidma tagħha fuq il-post (Ottubru 2011), l-ebda aġenzija mill-erbgħa magħżula ma kellha ġestjoni adegwata tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess; josserva li filwaqt li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) kienu żviluppaw politiki aktar avvanzati għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, il-politiki tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ma kinux kompluti u l-EASA ma kellhiex stabbiliti politiki f'dan ir-rigward;

62. Jilqa' l-fatt li ħafna mill-aġenziji għamlu sforzi kbar sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiki tagħhom fil-qasam tal-kunflitti ta' interess u jirrikonoxxi li hemm ħafna prattiki tajba fis-seħħ attwalment, u b'mod partikolari jilqa', bħala eżempju ta' prattika tajba li għandha tiġi kkunsidrata mill-aġenziji l-oħra, il-''perjodu ta' tranżizzjoni'' ta' sena implimentat mill-EASA, sabiex kwalunkwe persuna li tibda taħdem mal-organizzazzjoni ma tiġix assenjata xogħol fuq fajls li kienet ħadmet direttament fuqhom fil-ħames snin preċedenti;

63. Jirrikonoxxi li sa nofs l-2012, l-EASA adottat sensiela komprensiva ta' miżuri fil-qasam tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta' interess, fosthom partikolarment l-adozzjoni ta' Kodiċi tal-Kondotta għall-persunal tal-EASA;

64. Jirrikonoxxi li l-ECHA forniet informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politika tagħha fil-qasam tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess bħala parti mir-rapport ta' segwitu tal-kwittanza 2011 (skont l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-ECHA);

65. Jirrikonoxxi li mill-2011 l-EFSA għamlet sforzi biex issaħħaħ il-qafas tagħha sabiex tevita l-kunflitti ta' interess potenzjali permezz tal-adozzjoni tal-politika riveduta tagħha rigward l-indipendenza u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-ambitu xjentifiku; josserva madankollu bi tħassib li, minkejja din ir-reviżjoni, il-proċedura ta' valutazzjoni tal-kunflitti ta' interess possibbli tal-EFSA hija oneruża u suġġetta għall-kritika; jistieden għalhekk lill-EFSA telabora proċedura semplifikata li tippermetti s-semplifikazzjoni tal-proċess inkwistjoni, mingħajr, madankollu ma tippreġudika l-istandards stabbiliti reċentement għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess;

66. Jieħu nota tal-introduzzjoni u tal-implimentazzjoni ta' politiki u proċeduri dwar il-kunflitti ta' interess anke għall-membri tal-Bord Amministrattiv, il-membri tal-kumitat xjentifiku, l-esperti u l-persunal tal-EMA;

67. Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tistieden lill-istituzzjonijiet u lill-korpi deċentralizzati kollha tal-Unjoni jeżaminaw jekk ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport Speċjali Nru 15/2012 tagħha humiex rilevanti u applikabbli għalihom; jistieden lill-aġenziji jirrapportaw lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-kwistjoni qabel tmiem l-2014;

68. Ifakkar lill-aġenziji fid-Dikjarazzjoni Konġunta interistituzzjonali tad-19 ta' Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati u, b'mod partikolari, fid-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess (paragrafi 11 u 18) u dwar l-indipendenza tal-esperti xjentifiċi tagħhom (paragrafu 20);

69. Jirrikonoxxi mill-Kummissjoni li l-qafas ġuridiku globali tagħha fil-qasam tal-kunflitti ta' interess huwa sod u konformi mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u li, skont il-Kummissjoni, mhu meħtieġ l-ebda strument ġuridiku ġdid ewlieni, u li l-Kummissjoni qatt ma impenjat ruħha li tressaq proposti leġiżlattivi u li bħalissa mhijiex biħsiebha tagħmel hekk;

70. Jinnota b'sodisfazzjon li fl-10 ta' Diċembru 2013 il-Kummissjoni adottat linji gwida, indirizzati speċifikament lill-aġenziji, fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, skont l-Approċċ Komuni; josserva li dawn il-linji gwida jirrigwardaw il-membri tal-bordijiet amministrattivi (diretturi eżekuttivi, esperti, membri tal-bordijiet tal-appell, persunal tal-aġenziji u benefiċjarji tal-għotjiet u tal-kuntratti tal-Unjoni); josserva li dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jipprovdu referenza għall-politiki li jridu jiġu adottati u implimentati minn kull aġenzija;

71. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni qieset ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin indirizzati lill-aġenziiji f'dan l-ambitu mill-Parlament (fil-qafas tal-kwittanza), mill-Qorti tal-Awdituri (fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 15/2012), mill-Ombudsman (fl-okkażjonijiet taż-żjarat tiegħu lid-diversi aġenziji fil-qafas ta' programm imniedi f'Mejju 2011) u mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (l-awditur intern tal-aġenziji wkoll), kif ukoll ir-regoli tal-Kummissjoni stess fil-qasam tal-etika;

72. Jirrikonoxxi li, matul it-tħejjija ta' dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-aġenziji permezz tan-netwerk tal-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Unjoni, u li dan ta kontribut siewi lill-proċess;

73. Iqis li, wara l-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni, l-aġenziji jaf ikun jeħtieġilhom jabbozzaw mill-ġdid il-politiki tagħhom fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess biex jallinjawhom mill-aktar fis mal-linji gwida tal-Kummissjoni u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; jirrikonoxxi li l-maġġoranza tal-aġenziji ppjanaw li jeżaminaw mill-ġdid il-politika rispettiva dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess abbażi ta' dawk il-linji gwida, u jistieden lill-aġenziji jirrapportaw lill-awtorità tal-kwittanza dwar din il-kwistjoni kif ukoll dwar l-azzjonijiet meħuda fil-qafas tas-segwitu għall-kwittanza 2012 qabel tmiem l-2014;

74. Josserva li l-esperti nazzjonali sekondati u l-persunal estern u interim mhumiex speċifikament imsemmija fil-linji gwida; jitlob lill-aġenziji jieħdu kont ta' dawn il-kategoriji tal-persunal meta jevalwaw u jabbozzaw mill-ġdid il-politiki tagħhom dwar il-kunflitti ta' interess;

75. Jistenna li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni kontinwa tal-effetti tal-implimentazzjoni tal-linji gwida u tadattahom konsegwentement skont kif tqis opportun għar-riżultati tal-valutazzjoni msemmija, u jfakkar lill-Kummissjoni tqis il-bżonn li żżomm bilanċ adegwat bejn ir-riskji u l-benefiċċji f'dik li hi l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, min-naħa, u l-objettiv li tinkiseb l-aqwa konsulenza xjentifika possibbli, min-naħa l-oħra;

76. Jiddispjaċih li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi u s-CVs tal-maġġoranza tal-membri tal-bordijiet amministrattivi tal-Aġenziji, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti esterni u interni mhumiex disponibbli għall-pubbliku; itenni l-fehma tiegħu li livell għoli ta' trasparenza huwa element fundamentali biex jonqsu r-riskji tal-kunflitti ta' interess; jistieden għaldaqstant lill-aġenziji li għadhom ma għamlux dan, jippubblikaw fis-siti elettroniċi tagħhom sal-1 ta' Diċembru 2014 il-politiki u/jew l-arranġamenti tagħhom dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u tar-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll il-lista tal-membri tal-bord maniġerjali tagħhom, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti esterni u interni, flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta' interessi u s-CVs rispettivi tagħhom;

Is-sistema ta' kontroll intern u l-ġlieda kontra l-frodi

77. Jirrikonoxxi li l-modalitajiet u r-rwoli tal-funzjonijiet ta' kontroll intern u tas-servizzi tal-awditjar intern tal-aġenziji ġew iċċarati mir-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mar-rwoli rispettivi tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u tal-Kapaċitajiet tal-Awditjar Intern (IACs); josserva li r-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid jantiċipa l-koordinament tax-xogħol u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-IACs u l-IAS u jissostitwixxi wkoll l-obbligu ta' awditjar annwali wieħed min-naħa tal-IAS għal kull aġenzija kull sena b'approċċ ibbażat fuq ir-riskju;

78. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) elabora linji gwida relatati mal-istrateġiji kontra l-frodi tal-aġenziji, billi qies il-kontributi li rċieva mill-aġenziji, u li l-OLAF kellu jorganizza wkoll żewġ workshops għall-aġenziji f'Jannar 2014 biex jagħtihom appoġġ addizzjonali;

Ir-riżorsi umani u l-proċeduri ta' reklutaġġ

79. Jirrikonoxxi mill-Kummissjoni li fil-qafas tar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni pproponiet ir-riformulazzjoni tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-għan li tinkiseb semplifikazzjoni u flessibilità fir-rigward tar-regoli ta' implimentazzjoni adottati biex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Aġenti oħra;

80. Ifakkar lill-Kummissjoni fit-tħassib li esprima dwar il-fatt li l-proċeduri ta' reklutaġġ tal-persunal tal-aġenziji rrappreżenta problema rikorrenti sa minn meta nħolqu l-aġenziji, u jistenna li l-linji gwida tal-Kummissjoni jindirizzaw din is-sitwazzjoni fil-futur;

81. Jirrikonoxxi li l-aġenziji żviluppaw il-linji gwida tagħhom stess biex jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipji stabbiliti fir-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom dwar l-impjieg ta' aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali, u jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-aġenziji hija u tiżviluppa l-linji gwida tagħha għalihom;

82. Jistieden lill-aġenziji u lill-Kummissjoni jilħqu ftehim dwar l-użu tar-riżorsi għat-trattament ta' proċedimenti dixxiplinarji;

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE)

83. Jirrikonoxxi mill-Kummissjoni li l-mekkaniżmu għall-prinċipju tal-kontribut lejn il-bilanċ previst mir-Regolament Finanzjarju ta' qafas il-ġdid jirrispetta l-mezzi ta' finanzjament tal-aġenziji permezz ta' finanzjament imħallat u li fl-imgħoddi l-applikazzjoni tiegħu ggarantixxa korrettezza u trattament indaqs għall-kontributuri kollha tal-baġit tal-ASE; jesprimi d-dubji tiegħu dwar ir-raġunijiet għalfejn għadu ma ġiex stabbilit Memorandum ta' Qbil speċifiku bejn l-ASE u l-Kummissjoni biex jiġu żgurati l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-baġit tal-ASE;

84. Jieħu nota f'dan il-kuntest tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid it-trasparenza matul il-proċedura u li tiċċara ulterjorment sa liema punt immodifikat it-talbiet tal-aġenziji fl-abbozz tal-baġit u r-raġunijiet korrispondenti mill-abbozz ta' baġit 2014 'il quddiem;

85. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni attwalment qiegħda taħdem fuq l-evalwazzjoni tal-ASE, li kellha tkun lesta f'Jannar 2014, u qiegħda tikkunsidra l-possibilità li tressaq proposta intiża li tiggarantixxi li l-baġits tat-tliet ASE jkunu ffinanzjati totalment mill-baġit tal-Unjoni;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneru

86. Itenni l-importanza li jiġu stabbiliti politiki intiżi li jiggarantixxu r-rappreżentanza adegwata tan-nisa u tal-irġiel fil-korpi amministrattivi tal-aġenziji; jistieden lid-diretturi eżekuttivi tal-aġenziji jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-ġeneru kemm fil-livell tal-persunal tal-aġenziji kif ukoll fost il-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet ta' responsabilità; jistieden ukoll lill-bordijiet amministrattivi tal-aġenziji u lill-Kummissjoni jirrispettaw il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru u jieħdu kont tal-istrateġija mnedija mill-Kummissjoni fl-2010 biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-ġeneru fil-pożizzjonijiet ta' responsabilità;

87. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tagħti każ tal-aspetti tal-ġeneru sa mill-ewwel fażijiet tal-proċedura ta' selezzjoni u matulha; josserva li dan japplika wkoll għall-proċeduri li jwasslu għall-ħatra ta' direttur eżekuttiv mill-Kummissjoni;

Sistemi tat-teknoloġija tal-informatika kumplessi

88. Jirrikonoxxi l-kjarifika tal-Kummissjoni dwar l-użu tas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika finanzjarja ċentrali (ABAC) tal-Kummissjoni, li skont din: -

  aktar minn 40 entità esterna jużaw l-ABAC, fosthom iż-żewġ Kumitati,

l-aġenziji tradizzjonali, l-impriżi konġunti u l-aġenziji eżekuttivi;-

  l-entitajiet esterni u d-dipartimenti interni tal-Kummissjoni jingħatalhom l-istess livell ta' servizz,

-

  hemm stabbilit mekkaniżmu ta' kumpens bil-għan li jirkupra l-ispejjeż addizzjonali għall-forniment tas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika, u partikolarment, is-servizzi relatati li jingħataw,

-    l-awtorità tal-baġit ma għamlet l-ebda mezz baġitarju disponibbli lill-Kummissjoni biex taffaċċja l-ammont ta' xogħol li jinqala' fl-ambitu tal-appoġġ lill-entitajiet esterni,

-          l-ABAC ma tipprovdix funzjonalità mfassla partikolarment apposta li tkun rilevanti biss għal negozji vertikali (pereżempju fondi strutturali, FAEG, ...); bl-istess mod, il-kumplessità u ż-żamma tas-sistema ċentrali ma tistax tiġi kompromessa biż-żieda ta' rikjesti speċifiċi skont l-aġenzija,

-

  il-Kummissjoni hija lesta li tiddiskuti t-teħid tal-kompiti ta' kontabilità mill-entitajiet esterni, jekk tali ċentralizzazzjoni twassal għal effetti ta' ekonomija ta' skala, tnaqqas ir-riskju finanzjarju jew ta' kontinwità tan-negozju u tillibera riżorsi interni għal aktar kompiti operattivi;

89. Josserva bi tħassib ir-risposta tal-Kummissjoni li l-użu tas-sistema ta' ġestjoni tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni (SYSPER 2) min-naħa tal-aġenziji tkun ġustifikabbli mil-lat ekonomiku biss jekk l-aġenziji jadottaw l-istess regoli u l-istess proċessi tal-Kummissjoni billi nkella, l-adattamenti tekniċi u l-ispejjeż ta' manutenzjoni jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi potenzjali;

90. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda soluzzjoni għad-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-aġenziji f'dawk li huma sistemi kumplessi tat-teknoloġija tal-informatika bħall-ABAC u SYSPER2, minħabba l-fatt li tali sistemi huma mfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-Kummissjoni, pjuttost milli dawk tal-aġenziji; jilqa' l-azzjonijiet li ħadu s-subnetwerks li jieħdu ħsieb il-konsegwenzi ta' din il-problema u, b'mod partikolari, is-subnetwerk tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni (ABAC u SYSPER2) u jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera aktar mill-qrib mal-aġenziji dwar din il-kwistjoni;

91. Huwa tal-fehma li l-pubblikazzjoni tad-dejta tal-Unjoni tagħmel possibbli l-innovazzjonijiet, iġġib benefiċċji konsiderevoli għall-ekonomija kollha kemm hi u tagħti lok għal amministrazzjoni aktar effiċjenti; jitlob li d-data tal-aġenziji tkun disponibbli b'mod permanenti f'format li jinqara elettronikament, mingħajr ħlas, sabiex tkun tista' tintuża mill-ġdid liberament;

o

o o

92. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji suġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

13.2.2014

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll.

(2013/2256(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Pervenche Berès

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jindika l-importanza li l-abbozz tal-programmi ta' ħidma annwali tal-aġenziji jiġi ppreżentat fil-kumitati responsabbli qabel ma jiġi adottat il-programm ta' ħidma finali; ifakkar li din il-prattika tgħin biex tiżgura li l-programmi ta' ħidma jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali u tiffaċilita l-monitoraġġ u l-iskrutinju mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma;

2.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-aġenziji fl-appoġġ tagħhom għall-politiki tal-UE mill-fażi inizjali sal-implimentazzjoni tagħhom; jitlob għall-użu aktar wiesa' ta' dan l-għarfien espert u l-kapaċità fl-istadji rilevanti tal-proċess ta' politika tas-Semestru Ewropew; jenfasizza l-kontribuzzjoni tal-aġenziji fil-ħidma tagħhom għall-ksib tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-aġenziji; jindika li għandhom jitkomplew il-prattiki tajba eżistenti ta' effetti ta' sinerġija fost l-aġenziji, bħal pereżempju memoranda ta' ftehim u pjanijiet ta' azzjoni annwali relatati, proġetti ta' riċerka konġunta, rieżami bejn pari tal-abbozzi tar-rapporti ta' riċerka, skambju dwar il-metodoloġija tal-istħarriġ u konsultazzjoni minn qabel dwar il-programmi ta' ħidma, sabiex jiġu evitati l-elementi duplikati u r-ripetizzjoni ta' attivitajiet, biex b'hekk l-eżitu jkun aktar effikaċi;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-ġestjoni futura tal-aġenziji deċentralizzati u l-approċċ komuni anness magħha(9), partikolarment il-kapitolu dwar is-sede tal-aġenziji; jappella, f'dan ir-rigward, għal soluzzjonjiet f'waqthom għal kwalunkwe kwistjoni pendenti marbuta mas-sede tal-aġenziji sabiex ikun żgurat operat mingħajr tfixkil;

5.  Itenni l-appell tiegħu għal preżentazzjoni armonizzata u standardizzata tal-kontijiet annnwali li jkun fihom għadd ta' elementi komuni bl-għan li jkun iffaċilitat it-tqabbil tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Philippe Boulland, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Elisabeth Schroedter, Gabriele Stauner, Jutta Steinruck

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Philippe De Backer, Edite Estrela, Sergio Gutiérrez Prieto, Anthea McIntyre, Paul Murphy, Antigoni Papadopoulou, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Timothy Kirkhope, George Lyon, Jarosław Leszek Wałęsa

24.2.2014

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2013/2256(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Véronique Mathieu Houillon

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Korpi u organi tal-Unjoni fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

1.  Jirrikonoxxi n-numru kbir ta' aġenziji li nħolqu f'dan il-qasam iżda jissottolinja li l-aġenziji ġodda kollha nħolqu b'reazzjoni għal ħtieġa reali; jinsab konvint li l-aġenziji kollha f'dan il-qasam jiżvolġu rwol distint u meħtieġ, li jipprovdi valur miżjud Ewropew;

2.  Jinkoraġġixxi lill-aġenziji kollha jagħmlu kull ma jkun possibbli biex jimmaniġġjaw il-baġits tagħhom b'mod responsabbli u, b'mod partikolari, jitlob li jkun hemm titjib fl-ipprogrammar baġitarju, li m'għandux jissopravvaluta l-ħtiġijiet tagħhom; jistieden lill-aġenziji jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-aktar livell għoli ta' trasparenza;

3.  Jinnota li xi aġenziji kompetenti fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma operattivi u li l-implementazzjoni tal-baġit tagħhom tiddependi wkoll minn fatturi esterni;

4.  Iħeġġeġ lill-aġenziji u lill-Kummissjoni Ewropea jaslu għal qbil dwar l-użu tal-istrutturi għat-trattament tal-każijiet dixxiplinari;

5.  Iqis li, b'mod ġenerali, għandha titkompla ssir enfasi fuq l-awditjar tal-ġestjoni finanzjarja tajba, speċifikament l-ekonomija, l-effikaċja u l-prestazzjoni li bihom l-aġenziji jkunu użaw l-approprjazzjonijiet tagħhom fl-eżerċitar tar-responsabilitajiet tagħhom.

6.  Jixtieq li tal-anqas ir-rapporti annwali tal-attivitajiet tal-aġenziji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mhux biss bl-Ingliż imma bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, jew anke inizjalment bil-Ġermaniż u bil-Franċiż.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Roberta Angelilli, Rita Borsellino, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Kinga Gál, Kinga Göncz, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Nuno Melo, Roberta Metsola, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Nils Torvalds, Kyriacos Triantaphyllides, Wim van de Camp, Axel Voss, Tatjana Ždanoka, Auke Zijlstra

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Silvia Costa, Franco Frigo, Mariya Gabriel, Siiri Oviir, Zuzana Roithová, Salvador Sedó i Alabart, Sir Graham Watson

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Knut Fleckenstein, Anne E. Jensen, Luis Yáñez-Barnuevo García

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Zuzana Brzobohatá, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Derek Vaughan

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Markus Pieper

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Thomas Ulmer

(1)

     ĠU L 308, 16.11.2013, p. 374.

(2)

     ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)

     ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

        ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)

      ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(6)

        ĠU C 365, 13.12.2013.

(7)

     ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 62.

(8)

     ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 121.

(9)

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/headlines/news/2012/07/2012_07_17_joint_agreement_agencies_en.htm

Avviż legali - Politika tal-privatezza