RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina

24.3.2014 - (COM(2014)0166 – C7‑0103/2014 – 2014/0090(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Paweł Zalewski


Proċedura : 2014/0090(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0238/2014
Testi mressqa :
A7-0238/2014
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina

(COM(2014)0166 – C7‑0103/2014 – 2014/0090(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0166),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0103/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7‑0238/2014),

1.      Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur jappoġġja din il-proposta leġiżlattiva mingħajr emendi u jipproponi li l-Parlament japprova din il-proposta mingħajr aktar modifiki, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni fl-Ukraina. Tabilħaqq, l-Ukraina għaddiet minn żminijiet politiċi drammatiċi matul dawn l-aħħar xhur u l-gvern il-ġdid tagħha jeħtieġ assistenza qawwija u immedjata biex jirreżisti kontra l-pressjonijiet esterni u jegħleb id-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji.

Il-proposta tal-Kummissjoni tindika appoġġ politiku u ekonomiku qawwi lill-Ukraina u, sabiex tilħaq bis-sħiħ l-għanijiet tagħha, trid tiġi adottata mill-koleġiżlaturi malajr fl-ewwel qari, sabiex tiġi ffirmata u implimentata malajr kemm jista' jkun. Il-preferenzi kummerċjali unilaterali huma għodod b'saħħithom tal-UE (kif wera l-każ tal-inbid mill-Moldova s-sena li għaddiet) u huma l-pedament tal-pakkett ta' għajnuna lill-Ukraina kif ippreżentat mill-Kummissjoni fil-5 ta' Marzu u appoġġjat mill-Kunsill fis-6 ta' Marzu.

Il-proposta hija kemm utli ħafna kif ukoll tagħmel ħafna sens. Billi tnaqqas temporanjament u unilateralment l-ostakoli kummerċjali tal-Unjoni (kemm jekk tariffi, kwoti jew kwoti tariffarji) fuq l-importazzjoni ta' prodotti mill-Ukraina lejn l-UE għal-livell maqbul b'mod bilaterali fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv bejn l-UE u l-Ukraina (DCFTA), il-proposta ser tgħin lill-kumpaniji Ukraini jżidu l-volum ta' esportazzjoni tagħhom u jiddiversifikaw id-destinazzjonijiet tal-esportazzjoni. Fi kliem ieħor, dawn il-preferenzi unilaterali ser jgħinu lill-Ukraina tiffranka fil-livell ta' diversi miljuni ta' euro fix-xhur li ġejjin. (Il-Kummissjoni kienet ivvalutat li, bis-saħħa tad-DCFTA, l-esportaturi Ukraini għandhom jiffrankaw EUR 487 miljun fis-sena minħabba tnaqqis fid-dazji tal-importazzjoni tal-UE, ammont li jirrappreżenta t-tneħħija ta' 98.1 % tad-dazji fil-valur kummerċjali).

Bħala riżultat ta' dan, is-sitwazzjoni prekarja tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Ukraina ser titjieb u aktar muniti barranin ser jidħlu fil-pajjiż, biex b'hekk jikkontribwixxu fir-restawr tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u jtaffu r-riskju ta' żvaluta tal-munita fil-pajjiż. B'azzjoni veloċi u deċiżiva, l-UE tagħti lill-Ukraina l-opportunitajiet kollha biex terġa' tistabbilixi kundizzjonijiet ekonomiċi sodi fl-Ukraina u tipprepara għall-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina / DCFTA.

Barra minn hekk, il-proposta hija bbilanċjata ħafna: l-effett tagħha huwa limitat fiż-żmien u jistabbilixxi l-aspettativi minimi li l-Ukraina jeħtiġilha tissodisfa sabiex tibbenefika mill-preferenzi unilaterali. Dawn il-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm l-UE u l-Ukraina jiffirmaw u japplikaw b'mod provviżorju l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, inizjalat miż-żewġ partijiet fid-19 ta' Lulju 2012, jew l-aktar tard sal-1 ta' Novembru 2014. Sabiex tibbenefika mill-preferenzi unilaterali, l-Ukraina ser ikollha tikkonforma mar-regoli tal-oriġini, li jistabbilixxu li l-prodotti esportati tabilħaqq joriġinaw mill-Ukraina, u tikkoopera mal-UE biex tipprevjeni kull riskju ta' frodi. L-UE ħasbet ukoll għal dispożizzjoni ta' salvagwardja ġenerali fil-każ li, bħala riżultat tal-liberalizzazzjoni tal-importazzjonijiet mill-Ukraina, qabża qawwija u f'daqqa fl-importazzjoni lejn l-UE tikkawża dannu serju lill-produtturi tal-UE f'setturi partikolari.

PROĊEDURA

Titolu

It-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina

Referenzi

COM(2014)0166 – C7-0103/2014 – 2014/0090(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

11.3.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

13.3.2014

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

13.3.2014

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

13.3.2014

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Paweł Zalewski

13.3.2014

 

 

 

Data tal-adozzjoni

20.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, George Sabin Cutaş, Metin Kazak, David Martin, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Robert Sturdy, Henri Weber, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emma McClarkin, Peter Skinner

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Zdravka Bušić, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Anna Ibrisagic, Marusya Lyubcheva, Iosif Matula, Horst Schnellhardt, Alda Sousa

Data tat-tressiq

24.3.2014