Proċedura : 2013/2182(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0249/2014

Testi mressqa :

A7-0249/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/04/2014 - 17.17
CRE 15/04/2014 - 17.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0395

RAPPORT     
PDF 207kWORD 118k
25.3.2014
PE 524.493v01-00 A7-0249/2014

dwar teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħa

(2013/2182(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Cătălin Sorin Ivan

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 EXPLANATORY STATEMENT
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħa

(2013/2182(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

       wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

–       wara li kkunsdira l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2013 bl-isem ‘Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa’ (COM(2013)0654) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha dwar l-analiżi u l-immappjar ta’ tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa fl-Ewropa (SWD(2013)0341),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2013 bl-isem ‘L-edukazzjoni ogħla Ewropea fid-dinja’ (COM(2013)0499),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Frar 2014 dwar edukazzjoni u taħriġ effiċjenti u innovattivi biex isir investiment f'ħiliet – b'appoġġ għas-Semestru Ewropew 2014(2),

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(3),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020(4),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ(5),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar reviżjoni tal-edukazzjoni(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-aġenda diġitali għat-tkabbir, il-mobbiltà u l-impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u Ewropa 2020(9),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 dwar il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa(10),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2011 dwar l-aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda(11),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar Żgħażagħ Attivi – qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni u taħriġ(12),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-26 ta’ Frar 2014(13),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Jannar 2014(14),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7–0249/2014),

A.     billi s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jkunu mmirati lejn il-kisba ta’ opportunitajiet indaqs fit-tagħlim u l-issodisfar tal-ħtieġa li qed tiżdied għall-aġġornar kontinwu tal-għarfien u l-ħiliet u suq tax-xogħol dejjem iktar internazzjonali filwaqt li wieħed jimmira lejn effiċjenza u opportunitajiet inqas ikbar;

B.     billi l-Istrateġija Ewropa 2020 timmira lejn it-tisħiħ tal-innovazzjoni, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg, it-titjib tal-koeżjoni soċjali u l-bini ta’ pedamenti sodi għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-UE permezz ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli li tgawdi minn aċċess indaqs għall-edukazzjoni;

C.     billi livelli għolja ta’ qgħad, partikolament fost iż-żgħażagħ, inklużi l-gradwati mill-università, jikkoinċidu ma’ numru sinifikanti ta’ postijiet vakanti fl-Ewropa li ma jistgħux jimtlew, filwaqt li dan juri li hemm vojt qawwi fil-ħiliet li jista' jimtela bl-aħjar mod, inter alia, permezz ta' mudelli ta' taħriġ vokazzjonali doppju; billi fl-2012 15.8 % taż-żgħażagħ fl-UE la kienu f’impjieg u lanqas f’edukazzjoni jew taħriġ (NEET) u b’hekk kienu f’riskju li jiġu esklużi mis-suq tal-impjiegi minħabba nuqqas ta’ tqabbil tal-ħiliet li dejjem qed jiżdied;

D.     billi hu mistenni li sal-2020 90 % tal-impjiegi se jirrikjedu ħiliet diġitali, u billi sal-2015 se jkun hemm sa 900 000 post vakanti relatati mat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni (TIK) fl-UE li mhux se jimtlew;

E.     billi n-numru ta’ gradwati minn istituzzjonijiet universitarji hu mistenni li jikkwadrupla sas-sena 2030;

F.     billi bejn 18 u 28 % tal-istudenti fl-UE għandhom ftit possibilitajiet li jaċċessaw jew jużaw l-internet jew fl-iskola jew id-dar; billi 30 % biss tal-istudenti fl-UE jistgħu jitqiesu li huma kompetenti fil-qasam diġitali; billi 20 % biss tal-istudenti fl-UE jiġu mgħallma minn għalliema li huma diġitalment kapaċi u jappoġġjaw xogħolhom diġitalment. billi 70 % mill-għalliema fl-UE ma jqisux ruħhom kompetenti diġitalment u jixtiequ jkabbru l-ħiliet tagħhom fil-qasam tat-TIK; billi 40 % taċ-ċittadini Ewropej ta’ bejn is-16 u l-74 sena għandhom ftit jew xejn ħiliet fit-TIK;

G.     billi r-riżorsi edukattivi miftuħa (REM) jista’ jkollhom rwol kruċjali fl-iffaċilitar tat-tagħlim tul il-ħajja għal dawk kollha li qed jitgħallmu u fit-titjib tal-kwalità tal-kontenut u t-tixrid tal-fornituri tal-edukazzjoni kemm formali kif ukoll dik mhux formali, u billi, fl-istess ħin, sistema edukattiva mhux adegwata mil-lat diġitali tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet tal-istudenti;

H.     billi l-UE għadha ma evalwatx biżżejjed il-potenzjal li joffru t-TIK f’termini ta’ rikkezza u diversità kulturali u edukattiva, ta’ aċċess għall-informazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajba;

I.      billi l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi fl-Ewropa teħtieġ investimenti fl-istrutturi tat-tagħlim b’tagħmir ta’ livell għoli tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

J.      billim, għalhekk, hu fattur vitali li l-aċċess għall-broadband jinxtered iktar, anke fiż-żoni rurali, muntanjużi u periferiċi tal-Istati Membri;

K.     billi jqis li l-iskola għandha wkoll tħarreġ lill-minuri fl-użu prattiku u kritiku tat-teknoloġiji diġitali u l-internet;

L-opportunitajiet u l-isfidi

1.      Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi aġenda tal-Unjoni fil-qasam tar-REM, u li tiffoka fuq il-potenzjal ta’ dawn ir-riżorsi biex iwessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza fiha u jiddiversifikawh iktar, u jirrikonoxxi r-rilevanza tar-REM f'soċjetà li qed issir dejjem aktar diġitali; iqis li l-ħolqien ta’ qafas Ewropew għall-iżvilupp tar-REM jista’ jippermetti t-titjib tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri;

2.      Jinnota li, sabiex jiġu rrealizzati l-benefiċċji tar-REM, għandhom jiġu appoġġati azzjoni li jwasslu għal edukazzjoni diġitali universali, b’attenzjoni fuq il-prattiki tajbin u l-promozzjoni tagħhom f’ambjenti differenti;

3.      Jenfasizza li r-REM joħolqu opportunitajiet kemm għall-individwi, bħall-għalliema, l-istudenti u l-istudenti tal-etajiet kollha, kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex dawn jgħallmu u jitgħallmu b’modi innovattivi; jistieden lill-istituzzjonijiet edukattivi biex jivvalutaw iktar il-benefiċċji potenzjali tar-REM fis-sistemi edukattivi rispettivi u fid-dawl tal-possibilità li jinħoloq ambjent organizzattiv li fih tali innovazzjoni tkun milqugħa, internalizzata, applikata u promossa; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri u r-reġjuni, bħala parti minn strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, jistabbilixxu ċentri ta’ eċċellenza ta’ innovazzjoni u negozji li għadhom jibdew li jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tat-TIK;

4.      Jiddeplora n-nuqqas ta’ differenzjazzjoni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bejn il-livelli tal-iskejjel fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda u l-kontenut diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim; jenfasizza li l-istudenti jiksbu ħiliet u kompetenzi differenti li jiddependu fuq l-età tagħhom u li l-kurrikuli u l-metodi ta’ tagħlim konsegwentament ivarjaw skont il-livell tal-iskola;

5.      Jinnota li l-assikurazzjoni tal-kwalità għandha rwol kruċjali biex tiżdied il-fiduċja fir-REM u l-użu tagħhom; iħeġġeġ ir-riċerka u t-tixrid ta’ prattiki tajba li jiffavorixxu sfruttament effettiv tar-REM, b’investiment b’mod partikolari fl-oqsma tal-esperimentazzjoni metodoloġika, tal-applikazzjoni tal-ħiliet (riflessivi, proattivi u tal-ħsieb kritiku) u tal-ħiliet soft (soft skills); jinnota li r-riċerka għandha titħeġġeġ fir-rigward tal-metodi ta' valutazzjoni tal-ħiliet miksuba fi ħdan tali l-mogħdijiet, li ma jistgħux jiġu limitati għal valutazzjoni bejn il-pari, jew għal sistemi awtomatizzati, bħalma jiġri fil-prattika komuni;

6.      Jirrikonoxxi l-fatt li r-REM ġeneralment jiġu prodotti f’numru limitat ta’ lingwi u prinċipalment, anke jekk mhux eslużivament, minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla (speċjalment fir-rigward tal-korsijiet onlajn miftuħa massivi (massive open online courses MOOC)); iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha fl-Istati Membri kollha kif ukoll lill-partijiet interessati rilevanti l-oħrajn biex jipproduċu REM bil-lingwi proprji tagħhom sabiex jieħdu vantaġġ mill-potenzjal sħiħ tat-teknoloġija diġitali u l-multilingwiżmu; ifakkar li d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-innovazzjoni tal-materjal għandhom rwol ewlieni fl-użu ta’ materjal tat-tagħlim elettroniku fl-edukazzjoni;

7.      Jirrimarka li t-TIK u r-REM bħalissa qed jintużaw prinċipalment fl-edukazzjoni ogħla; jinkoraġġixxi, meta jkun xieraq, l-użu tagħhom fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, kif ukoll fl-edukazzjoni vokazzjonali u f'sitwazzjonijiet oħra ta' tagħlim informali, fejn it-tagħlim iffukat fuq l-istudent flimkien mat-TIK għandu potenzjal kbir ukoll;

8.      Jinnota li t-tqegħid f’kuntest xieraq huwa fattur kritiku biex is-softwer edukattiv isir effettiv; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dan il-proċess għandu jiġi inkluż b’mod xieraq fil-proċessi ta’ tagħlim u għandu jikkunsidra l-objettivi ta’ pedagoġija u tal-kurrikulu, l-għodod u r-rotot individwali tat-tagħlim;

9.      Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent ta’ għarfien u ħiliet miksuba permezz tar-REM permezz ta’ djalogu ulterjuri mal-partijiet interessati, u jistieden lill-Istati Membri biex jinkorporaw miżuri xierqa fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom għall-validazzjoni ta’ tagħlim bħal dan;

10.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li r-rikonoxximent ta’ kompetenzi miksuba f'pajjiż barrani għandu jiġi faċilitat, sabiex jiżdied u jiġi ffaċilitat l-użu tar-REM u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi permezz tat-tnaqqis tal-istrutturi burokratiċi;

11.    Jenfasizza l-fatt li d-disponibbiltà u l-aċċess għall-materjal ta’ tagħlim onlajn bla ħlas, ta’ kwalità għolja u xieraq huma kruċjali;

12.    Jenfasizza l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet attwali fid-drittijiet tal-awtur għal skopijiet tal-illustrazzjoni fit-tagħlim mhux kummerċjali, sabiex jiġi ffaċilitat ir-REM u t-tagħlim mill-bogħod transfruntier u biex il-pjattaformi Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu globalment billi joħolqu ekonomiji tal-kobor;

13.    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tirrivedi d-Direttiva 2001/29/KE, bil-għan li tistabbilixxi sistema armonizzata u flessibbli ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fl-UE li tkun xierqa għall-era diġitali u li tirrikonoxxi l-valur pubbliku tal-aċċess għall-għarfien;

14.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jesploraw il-potenzjal previst tar-REM li jnaqqsu l-ispejjeż pubbliċi u privati tal-edukazzjoni, partikolarment l-ispejjeż tal-materjal tal-edukazzjoni, mingħajr ma tiġi injorata l-kwalità;

15.    Jinnota l-importanza li jiġu żgurati mudelli sostenibbli għall-ħolqien tar-REM u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka ulterjuri dwar l-iżvilupp, l-użu u l-fehim tagħhom, fi djalogu mal-partijiet interessati;

16.    Jirrikonoxxi li l-adozzjoni tar-REM għandha ssir b’mod li trawwem l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet ta’ tagħlim tas-seklu 21 u toħloq opportunitajiet ta’ negozju ġodda għall-fornituri innovattivi żgħar u ta’ daqs medju Ewropej ta’ soluzzjonijiet ta’ tagħlim;

17.    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-edukazzjoni informali fir-rigward tas-sigurtà onlajn u jipprevedu politiki ta’ sigurtà onlajn fl-iskejjel billi joffru taħriġ adegwat għall-għalliema;

18.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw edukazzjoni koordinata u progressiva dwar is-sigurtà fl-internet fl-iskejjel; jinnota li l-ġenituri u l-gwardjani legali għandhom jiġu meqjusa bħala sħab fl-iżgurar tas-sikurezza tal-internet u jirrakkomanda li jiġu żviluppati strateġiji kumplimentari mmirati lejhom, u b’hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-medjazzjoni tal-ġenituri; jenfasizza l-fatt li dawn l-isforzi għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-indipendenza taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jassumu r-responsabilità tal-azzjonijiet tagħhom u responsabbiltajiet onlajn u biex jiżviluppaw il-ħiliet diġitali; jinsisti li lgħandhom jiġu assigurati l-protezzjoni tal-integrità fiżika u psikoloġika u l-privatezza tal-għalliema u l-istudenti li jużaw ir-REM;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri fis-setturi tal-edukazzjoni formali u informali fir-rigward tas-sigurtà onlajn, il-ħolqien ta’ kontenut edukattiv rilevanti u l-istabbiliment ta’ sħubijiet pubbliċi-privati bil-għan li jinvolvu liż-żgħażagħ, lill-ġenituri u lill-għalliema tagħhom u lil dawk kollha li jieħdu ħsieb liż-żgħażagħ, inklużi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi involuti fin-netwerk Safer Internet;

Ħiliet għall-għalliema u l-istudenti

20.    Jinnota li t-teknoloġiji ġodda u r-REM jippermettu esperjenza ta’ tagħlim iktar interattiva u huma strumenti ta’ valur biex l-istudent jitpoġġa fiċ-ċentru tal-proċess edukattiv;

21.    Jenfasizza li l-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni għandhom rwol fundamentali fl-iffaċilitar tal-aċċess u l-użu ta' materjal ta’ tagħlim onlajn mill-istudenti kollha u biex jassistuhom fil-kisba tal-ħiliet diġitali;

22.    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti tat-tagħmir tekniku l-aktar rapidu u tal-aħjar kwalità possibbli għall-istudenti kollha kif ukoll l-aċċess essenzjali għall-internet bi broadband;

23.    Ifakkar dwar l-importanza kbira ta’ taħriġ bi kwalità għolja tal-għalliema, li jrid jiġi supplimentat b’taħriġ professjonali obbligatorju matul il-karriera b’attenzjoni fuq metodi innovattivi ta' tagħlim u t-tagħlim tal-istudenti dwar approċċi għall-edukazzjoni (“tgħallem kif titgħallem”);

24.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw lill-għalliema fl-iżvilupp professjonali tagħhom billi joffrulhom kurrikuli moderni fl-edukazzjoni inizjali tagħhom, u billi jipprovdulhom taħriġ matul is-servizz immirat biex jgħammruhom bil-kompetenzi meħtieġa għall-użu ta’ metodi ta’ tagħlim diġitalment appoġġati;

25.    Jenfasizza b'mod espliċitu l-benefiċċji magħrufa tal-esperjenzi f'pajjiżi barranin Ewropej għall-għalliema u dawk li jħarrġu, pereżempju fil-kuntest tal-programm Erasmus+, u jitlob li jkun hemm estensjoni qawwija ta' dawn il-programmi u oħrajn relatati;

26.    Jirrimarka li ħiliet bażiċi ta’ litteriżmu u numeriżmu, flimkien mal-ħiliet meta u soft, kif ukoll il-ħiliet transversali, bħall-ħsieb kritiku u t-tagħlim dwar kif titgħallem, huma prerekwiżit għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-użu tal-materjal edukattiv onlajn, inklużi r-REM, b’mod effettiv; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tivvaluta iktar l-impatt tal-materjal ta’ tagħlim diġitali u/jew onlajn fuq il-prestazzjoni tat-tagħlim tal-istudenti skont l-età u l-livell ta’ skola;

27.    Jirrikonoxxi l-importanza tal-modi tradizzjonali ta’ tagħlim, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa aktar riċerka dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-REM u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi jistgħux itejbu r-riżultati tat-tagħlim tal-individwi flimkien ma' metodi tradizzjonali ta' tagħlim jew bħala parti integrali minnhom;

28.    Ifakkar li l-metodi ta’ tagħlim innovattiv iffaċilitati permezz tat-TIK u r-REM jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet soft u dawk trasversali, bħall-ħsieb kritiku, it-teħid ta' deċiżjonijiet, il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi, li huma kruċjali għall-impjegabbiltà u r-realizzazzjoni tas-suq tax-xogħol;

29.    Jenfasizza li l-politiki edukattivi għandhom primarjament jimmiraw biex jassistu lill-istudenti fl-iżvilupp ta’ ħiliet konjittivi u soċjali kruċjali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta iktar l-impatt tal-implimentazzjoni ta’ tagħmir u kontenut diġitali għal skopijiet ta’ tagħlim fuq l-istudenti, filwaqt li tiżgura l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom;

30.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-REM immirati lejn il-ħtiġijiet tal-istudenti adulti jeħtieġ li jiġu żviluppati biex jiġu żgurati opportunitajiet ikbar ta’ tagħlim tul il-ħajja għaċ-ċittadini Ewropej b’ħiliet baxxi, b’kont meħud tal-fatt li ħafna studenti għandhom ħiliet baxxi fit-TIK;

31.    Jenfasizza l-fatt li l-ħiliet u l-għarfien diġitali għandhom importanza vitali għaċ-ċittadini f’soċjetà bbażata fuq l-informazzjoni li timmira li ssir l-iktar ekonomija bbażata fuq l-għarfien dinamika fid-dinja;

32.    Jinnota li l-litteriżmu diġitali, billi jiftaħ kanali ġodda għall-komunikazzjoni u l-edukazzjoni għandu impatt pożittiv f'termini tat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp personali, id-djalogu interkulturali u ċ-ċittadinanza attiva;

33.    Jenfasizza l-fatt li l-TIK u l-materjal edukattiv onlajn, inklużi r-REM, jistgħu jappoġġaw it-tagħlim tal-lingwi barranin fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza li l-interazzjoni soċjali hija prerekwiżit għat-tagħlim ta’ lingwa barranija;

34.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu u japprofondixxu l-ħiliet diġitali billi jinkludu wkoll il-kodifika u l-ipprogrammar fil-kurrikuli rispettivi tagħhom, sabiex irawmu l-kompetittività ekonomika u jagħtu lill-istudenti l-ħiliet it-tajba għas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni;

35.    Itenni li l-aġġornament kontinwu tal-għarfien u l-ħiliet huwa essenzjali għall-integrazzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol, u jinnota li r-REM jistgħu jikkontribwixxu biex jiffaċilitaw it-tagħlim permanenti meħtieġ biex dak li jkun jibqa’ kompetittiv fis-suq tax-xogħol; jinkoraġġixxi użu iktar ibbilanċjat bejn il-ġeneri tat-TIK bil-għan li jiġi żgurat li anke n-nisa li jibqgħu barra mis-suq tax-xogħol għal perjodu partikolari, pereżempju għall-maternità jew kuri oħra tal-ġenituri, ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dan it-tip ta’ taħriġ għall-aġġornament waħedhom u t-tagħlim waħedhom u b’hekk itejbu l-possibbiltajiet futuri tagħhom ta’ rilokazzjoni fis-suq tax-xogħol;

36.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-libreriji pubbliċi u ċ-ċentri ta’ edukazzjoni jistgħu joffru aċċess liberu għall-kompjuters u l-internet u taħriġ dwar ir-riżorsi tal-internet;

It-twessigħ l-kamp ta’ applikazzjoni

37.    Jenfasizza l-importanza ta’ aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ u tagħmir tat-TI għall-istudenti kollha fil-gruppi tal-etajiet kollha, kif ukoll għal dawk b’diżabilità, dawk minn ambjenti żvantaġġati, iż-żgħażagħ li attwalment mhux qed jistudjaw, mhux qed jaħdmu jew mhux qed isegwu xi taħriġ u dawk minn reġjuni ġeografikament imbiegħda, kiif ukoll għal kulmin jixtieq itejjeb il-kwalifiki tiegħu;

38.    Jirrimarka, għal darb’oħra, li mhux kulħadd għandu aċċess għat-TIK b'arranġamenti ta’ pprezzar ekwivalenti u f'termini ta' kwalità tas-servizzu li, b'mod ġenerali, ir-reġjuni urbani għandhom servizz aħjar mir-reġjuni rurali, u b'hekk jinħoloq distakk diġitali li jippreġudika l-opportunitajiet indaqs taċ-ċittadini kollha, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fit-territorju tal-UE;

39.    Jenfasizza l-importanza li qed tikber tal-edukazzjoni tal-adulti, partikolarment fil-kuntest tat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, u jappella għal rikonoxximent, tisħiħ u promozzjoni fl-Ewropa kollha tal-organizzazzjonijiet kollha tal-edukazzjoni tal-adulti;

40.    Jenfasizza l-vantaġġi tat-tagħlim interġenerazzjonali u jirreferi għall-potenzjal kbir tat-tagħlim li jiġi offrut permezz tat-tagħlim diġitali u l-REM, anke fir-rigward tal-aċċess estiż għall-edukazzjoni ġenerali u professjonali għall-etajiet kollha;

41.    Jirrikonoxxi li t-teknoloġiji l-ġodda u r-REM, partikolarment il-korsijiet onlajn miftuħa massivi, għamluha possibbli li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jilħqu eluf ta’ studenti fl-Unjoni, inklużi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, u fid-dinja kollha; jirrikonoxxi li l-edukazzjoni u l-għarfien issa jgħaddu faċilment bejn il-fruntieri, ħaġa li żżid il-potenzjal għal kooperazzjoni internazzjonali u jgħinu biex jiġu promossi l-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej bħala ċentri għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda;

42.    Jinnota li huwa importanti li jinżamm bilanċ ġust bejn il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni; jenfasizza l-fatt li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jintużaw biex jiġi żgurat li edukazzjoni iktar aċċessibbli ma tkunx tfisser tnaqqis fil-kwalità tal-edukazzjoni;

43.    Jinnota li l-UE qed tirriskja li taqa’ wara reġjuni oħra tad-dinja, bħall-Istati Uniti jew l-Asja, fejn qed isiru investimenti kbar fir-riċerka u l-iżvilupp, fit-teknoloġiji l-ġodda u fir-REM; jinnota li l-Unjoni trid tibni fuq is-saħħa tagħha fid-diversità kulturali u lingwistika u tadatta investimenti fil-materjal tat-tagħlim elettroniku, inklużi r-REM, u fit-teknoloġiji l-ġodda biex tappoġġa bl-aħjar mod il-popolazzjoni tagħha;

44.    Ifakkar li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-edukazzjoni Ewropea fil-livell globali, joffru opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea, u, bħala riżultat, iżidu l-attrattività tal-Ewropa bħala destinazzjoni edukattiva;

45.    Jenfasizza li r-REM jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni Ewropea; jinkoraġġixxi, f’dak il-kuntest, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi fid-dinja kollha, b’mod partikolari fl-Istati Uniti;

46.    Itenni li strateġiji REM ta’ suċċess u l-korsijiet onlajn miftuħa massivi jistgħu jappoġġaw l-istrateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni billi jtejbu l-kwalità u l-viżibilità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni (ogħla) Ewropej u jattiraw studenti u riċerkaturi f’kompetizzjoni għat-talent li qed issir dejjem aktar globali;

47.    Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari għall-faċilitazzjoni massima tal-aċċess għat-tagħlim u biex jiġi adattat u mmodernizzat il-kurrikulu tal-istituzzjonijiet edukattivi għall-possibilitajiet u l-offerti li jevolvu b’mod rapidu tat-tagħlim diġitali u r-REM, sabiex jiġu indirizzati bl-aħjar mod possibbli l-isfidi l-ġodda tad-dinja tal-lum;

48.    Jinkoraġġixxi kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u mal-organizzazzjonijiet u l-partijiet interessati internazzjonali, sabiex jiġi ffaċilitat fehim aħjar ta’ metodi ġodda ta’ tagħlim u l-impatt tat-TIK fuq l-edukazzjoni; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ pjattaformi komuni għal tali kooperazzjoni;

49.    Jenfasizza li l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda fl-edukazzjoni għandu jkun immirat sew biex iwieġeb għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jegħleb il-vojt attwali fil-ħiliet; jenfasizza l-ħtieġa ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni mtejba bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ u s-settur tan-negozju;

50.    Jinnota li t-teknoloġiji l-ġodda u t-tagħlim elettroniku għandhom il-valur miżjud li jipprovdu esperjenza ta’ tagħlim internazzjonali għal dawk li ma jipparteċipawx fl-iskemi ta’ mobilità;

51.    Jirrimarka li t-teknoloġiji diġitali mhumiex qed jiġu sfruttati għal kollox fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni kollha; jibża’ li din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal iktar frammentazzjoni tal-approċċi tat-tagħlim; jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs għas-swieq il-ġodda peress li r-REM għandhom jibqgħu għodda biex jitwessa’ l-aċċess għall-edukazzjoni u mhux isiru sforz purament ekonomiku;

52.    Jenfasizza li t-teknoloġija diġitali hija għodda ta’ taħriġ importanti għaċ-ċittadinanza, li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ għadd kbir ta’ ċittadini li jgħixu f’żoni periferiċi u b’mod partikolari taż-żgħażagħ, biex ikunu jistgħu japprofittaw bis-sħiħ mil-libertà ta’ espressjoni u ta’ komunikazzjoni onlajn;

Il-kontribut tal-programmi tal-UE

53.    Jilqa’ t-tnedija tal-portal Open Education Europa bil-lingwi kollha tal-UE, li jipprovdi bieb wieħed għar-REM Ewropej, u jitlob li l-portal jiġi żviluppat u promoss b’mod vigoruż fl-Istati Membri;

54.    Jinnota li infrastruttura diġitali xierqa bbażata fuq teknoloġiji popolari użati b’mod komuni, hija prerekwiżit biex jintlaħqu l-ogħla numru possibbli ta’ studenti bir-REM;

55.    Jistieden lill-Kummissjoni torganizza konferenza Ewropea annwali dwar l-ippjanar reġjonali biex tiżgura li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għas-servizzi tat-TIK jkunu fejn ikunu fl-UE;

56.    Jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-iżvilupp tal-infrastrutturi, fit-tixrid u t-tagħrif tad-diversi inizjattivi lil pubbliku iktar wiesa’, fl-involviment ta’ atturi oħra tat-territorju, u fit-tixrid u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi Ewropej rilevanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali;

57.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-fondi disponibbli permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment biex inaqqsu d-distakk diġitali tat-territorji permezz tat-titjib tal-infrastruttura u n-netwerks u jiffavorixxu t-taħriġ fit-TIKu l-użu tajjeb tagħhom, b’kont meħud tal-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi, b’mod partikolari fir-reġjuni rurali u dawk imbiegħda; jinnota li l-użu intelliġenti u komprensiv tal-fondi mill-UE jirrikjedi sinerġija bejn il-programmi u l-istrumenti differenti, inklużi Erasmus+, Orizzont 2020 u l-fondi strutturali u ta’ investiment;

58.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi, filwaqt li tislet mill-proġetti u l-esperjenzi eżistenti;

59.    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiżviluppa indikaturi li jimmonitorjaw mill-qrib l-integrazzjoni tat-TIK fl-istituzzjonijiet tat-tagħlim u t-taħriġ, u biex tappoġġa stħarriġ kwantitattiv fl-Unjoni kollha;

60.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u testendi n-netwerk u l-azzjonijiet tal-Ischoolnet Ewropew;

61.    Japprezza l-fatt li l-materjal edukattiv kollu mħejji bl-appoġġ ta' Erasmus+ se jkun disponibbli għall-pubbliku taħt liċenzji miftuħa; jinkoraġġixxi prattiki simili għal programmi oħra tal-Unjoni, inkluża t-tnedija wiesgħa tal-aċċess miftuħ taħt il-programm Orizzont 2020;

62.    Jenfasizza l-fatt li Erasmus+ u Orizzont 2020 jista’ jkollhom rwol importanti biex jiġġeneraw r-REM permezz ta’ komunitajiet ta’ prattika, bħal dik tal-għalliema fl-iskejjel li jużaw il-pjattaforma eTwinning; jinkoraġġixxi estensjoni tal-użu ta’ dawn il-pjattaformi għal setturi edukattivi oħra;

°

°         °

63.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(2)

ĠU C 62, 4.3.2014, p. 4.

(3)

ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(4)

ĠU C 70, 4.3.2011, p. 1.

(5)

ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.

(6)

ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0433.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2013)0377.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2012)0323.

(10)

ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 55.

(11)

ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 87.

(12)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 77.

(13)

Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(14)

Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


EXPLANATORY STATEMENT

Fil-25 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni preżentat il-komunikazzjoni tagħha bl-isem ‘Niftħu l-edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa’. Id-dokument jidentifika sfidi fi tliet oqsma:

o (1) l-innovazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

o (2) l-użu tar-r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (REM);

o (3) id-disponibbiltà ta’ infrastrutturi u tagħmir tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni (TIK).

Is-suġġerimenti tal-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jinkludu:

o (1) li jiżdied ir-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba onlajn u li jiġi appoġġat l-akkwist ta’ kompetenzi diġitali mill-għalliema;

o (2) li jiġi promoss aċċess miftuħ għall-materjal edukattiv iffinanzjat pubblikament;

o (3) li jitjiebu l-konnettività broadband u t-tagħmir tat-TIK fil-livell tal-klassijiet.

Ir-rapporteur jemmen li, fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali, u fl-isfond tal-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, sfida dejjem aktar importanti li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri hija li jipprovdu liż-żgħażagħ edukazzjoni ta’ kwalità.

Id-disponibbiltà irregolari tal-infrastruttura diġitali fl-Unjoni kollha tippreżenta t-tieni sfida. Ir-rapporteur jemmen li s-soluzzjoni għal din il-problema tinsab fl-użu ta’ programmi tal-UE u fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni.

Barra minn hekk, ir-rapporteur jibża’ li l-Unjoni tista' taqa’ aktar lura wara l-Istati Uniti u l-Asja fil-kompetenza diġitali tal-forza tax-xogħol tagħha. Is-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ għadhom mhux kapaċi jintegraw it-TIK fil-prattiki prinċipali tagħhom. Hemm differenza kbira bejn l-użu ta’ kuljum tat-teknoloġiji diġitali u l-użu tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandh titħeġġeġ biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tar-REM.

Qed iseħħu bidliet rivoluzzjonarji fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Qed naraw tkabbir enormi fil-korsijiet edukattivi u riżorsi oħra disponibbli permezz tal-internet, jew bla ħlas bħala REM jew bil-ħlas għar-riżorsi: l-għarfien kulma jmur qed ikun disponibbli iktar għal kulħadd, u spiss bla ħlas.

Barra minn hekk, il-ħajja tagħna qed issir dejjem aktar diġitali. Dan jippreżenta kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għas-settur tal-edukazzjoni: il-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda għandhom jiġu sfruttati mingħajr ma jiġi ttraskurat il-valur tal-metodi tradizzjonali.

Iktar użu tat-teknoloġiji diġitali qed joħloq opportunitajiet għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-għalliema u l-istudenti biex jgħallmu u jitgħallmu b'modi innovattivi. L-istituzzjonijiet edukattivi se jkollhom l-opportunità li jagħżlu riżorsi individwali u jimmodifikawhom skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u b'hekk tinħoloq diversità akbar ta’ ambjenti ta’ tagħlim. Ir--REM jistgħu jgħinu biex jitjiebu l-approċċi kollaborattivi u biex jiġi personalizzat il-proċess tat-tagħlim.

Filwaqt li qed titfaċċja b’pass mgħaġġel ġenerazzjoni ‘diġitali nattiva’, l-edukaturi tal-lum iridu jitħarrġu kif xieraq biex idaħħlu t-TIK fil-prattiki pedagoġiċi tagħhom. Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-għalliemafil-qasam tat-TIK u jippromwovu l-użu tar-REM.

Ħafna istituzzjonijiet qed jużaw materjal mir-REM. Filwaqt li l-liċenzji miftuħa jippermettu l-iskambju ħieles ta’ riżorsi edukattivi diġitali, għad hemm xi isfidi li jridu jiġu ffaċċjati relatati mad-drittijiet tal-awtur tal-materjal tat-tagħlim. Huwa importanti li dawn il-kwistjonijiet jiġu mmonitorjati u analizzati kif xieraq.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, huwa essenzjali li jkomplu jitjiebu u jiġu promoss metodi innovattivi ta’ tagħlim. Ir-REM jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-kisba tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u b’hekk jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja realtà.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zoltán Bagó, Piotr Borys, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Emilio Menéndez del Valle, Marek Henryk Migalski, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Monika Panayotova, Gianni Pittella, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Iosif Matula, Isabelle Thomas

Avviż legali - Politika tal-privatezza