RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali

27.3.2014 - (2013/2185(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Carlo Casini

Proċedura : 2013/2185(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0255/2014
Testi mressqa :
A7-0255/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali

(2013/2185(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikolari l-preambolu tiegħu u l-Artikolu 4(3) (il-kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri), l-Artikolu 5 (l-għoti tal-kompetenzi u s-sussidjarjetà), l-Artikolu 10(1) (demokrazija rappreżentattiva) u 10(2) (rappreżentanza taċ-ċittadini tal-UE) u l-Artikolu 12 (ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali) tiegħu,

–    wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-preambolu u Titolu II dwar il-kooperazzjoni interparlamentari, u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, mehmuża mat-Trattat ta' Lisbona,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 1997 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali[1], tas-7 ta’ Frar 2002 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-integrazzjoni Ewropea[2], u tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta’ Liżbona[3],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-4 ta’ Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità - id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011[4]

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-20 ta’ Diċembru 2011 tal-grupp ta’ tmexxija dwar il-parlamenti nazzjonali fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona,

–    wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali, b’mod partikolari r-rapport għall-2012 (COM(2013)0565),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi tal-iSpeakers tal-Parlamenti tal-UE fil-laqgħat tagħha mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona[5], b'mod partikolari dik ta' Varsavja fl-2012 u f'Nikosija fl-2013,

–    wara li kkunsidra l-kontributi u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej (COSAC) sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari il-laqgħa L COSAC f’Vilnjus fl-2013, u r-rapporti semiannwali tagħha[6],

–    wara li kkunsidra l-20 rapport semiannwali tal-COSAC, b'mod partikolari t-taqsimiet relatati mal-leġittimità demokratika fl-UE u r-rwol tal-parlamenti u dwar id-djalogu politiku u l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014,

–    wara li kkunsidra l-kontribut tal-parlamenti nazzjonali waqt il-laqgħa tal-presidenti tal-COSAC organizzata mill-Parlament Grieg f’Ateni fis-26 u s-27 ta’ Jannar 2014,

–    wara li kkunsidra l-linji gwida dwar il-kooperazzjoni interparlamentari adottati mill-Konferenza tal-iSpeakers tal-UE f’Lisbona fil-21 ta’ Lulju 2008,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tad-9 u l-10 ta’ Settembru 2012 f’Paphos (Ċipru), tal-24 sas-26 ta’ Marzu f’Dublin (Irlanda) u tal-4 sas-6 ta’ Settembru 2013 f’Vilnjus (il-Litwanja), u l-kontribut tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-Governanza Ekonomika u Finanzjarja tal-UE prevista fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) tas-16 u s-17 ta’ Ottubru 2013 f’Vilnjus (il-Litwanja),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea [7] dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali[8],

–    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “Lejn Unjoni ekonomika u monetarja ġenwina”, imressaq fil-5 ta’ Diċembru 2012 mill-Presidenti Van Rompuy, Juncker, Barroso u Draghi,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-13 u t-14 ta’ Diċembru 2012, tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2013 u tad-19 u l-20 ta’ Diċembru 2013,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 130 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-implementazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew[9],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7‑0255/2014),

A.  billi skont it-TUE, l-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea trid titqies bħala stadju fil-proċess lejn il-ħolqien ta’ unjoni dejjem iżjed mill-qrib, proċess li beda bit-twaqqif tal-Komunitajiet Ewropej;

B.   billi skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali l-Unjoni u l-Istati Membri jgħinu lil xulxin, b'rispett reċiproku sħiħ, fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-trattati u billi l-Istati Membri jgħinu lill-Unjoni twettaq il-kompiti tagħha u jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni;

C.  billi l-Artikolu 12 tat-TUE li jkopri l-attivitajiet tal-parlamenti nazzjonali, ilaħħam il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali billi jistabbilixxi li l-parlamenti nazzjonali jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni;

D.  billi l-prinċipju ta’ għoti ta' kompetenzi jiddefinixxi l-kompetenzi tal-Unjoni, li huma eżerċitati skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, u billi l-istituzzjonijiet tal-UE kollha flimkien mal-parlamenti nazzjonali jiżguraw li l-atti leġiżlattivi jkunu konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

E.   billi l-leġittimità demokratika u l-obbligu ta' rendikont jeħtieġ jiġu żgurati fil-livelli kollha li fihom jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet, kif ukoll fl-interazzjonijiet reċiproċi bejn dawk il-livelli;

F.   billi l-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, u fuq leġittimità demokratika doppja li ġejja mill-Parlament Ewropew, li huwa elett direttament miċ-ċittadini, u mill-Istati Membri, kif rappreżentati fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li min-naħa tagħhom għandhom obbligu ta' rendikont demokratiku lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom u lejn iċ-ċittadini tagħhom;

G.  billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali huma, kull wieħed fl-ambitu proprju tiegħu, il-pedamenti tal-leġittimità demokratika doppja tal-Unjoni; l-ewwel wieħed bħala istituzzjoni fejn iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fuq il-livell tal-Unjoni u t-tieni bħala istituzzjonijiet nazzjonali li għalihom huma direttament responsabbli l-gvernijiet rispettivi rrappreżentati fil-Kunsill;

H.  billi, għaldaqstant, il-parlamenti nazzjonali ma jiffurmawx it-“tielet kamra” tal-leġiżlatura tal-UE, iżda pjuttost jirrappreżentaw l-istrument li jżomm responsabbli t-tieni kamra tal-Unjoni, jiġifieri l-Kunsill;

I.    billi s-setgħat tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jintużaw mill-maġġoranza tal-parlamenti nazzjonali aktar bħala strument ta’ 'djalogu politiku' mal-istituzzjonijiet Ewropej;

J.    billi huwa għaldaqstant xieraq li naċċettaw dan l-approċċ kostruttiv mill-parlamenti nazzjonali, espress fil-komunikazzjoni ta' kontributi ta' dan it-tip;

K.  billi l-parlamenti nazzjonali għandhom jiżviluppaw strutturi relatati mal-UE qawwija u koerenti bil-għan li jtejbu r-rabtiet mal-istituzzjonijiet Ewropej u sabiex jiksbu aktar kompetenza fuq kwistjonijiet relatati ma' kwistjonijiet Ewropej;

L.   billi fl-istadju ta' integrazzjoni attwali, il-parlamenti nazzjonali għandhom ir-rwol speċjali tagħhom fit-tisħiħ tal-kuxjenza Ewropea fl-Istati Membri u biex iqarrbu liċ-ċittadini lejn l-UE;

M.  billi l-kooperazzjoni interparlamentari jista' jkollha rwol essenzjali li tmexxi 'l quddiem il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea billi tippermetti l-iskambji tal-informazzjoni, l-analiżi komuni tal-kwistjonijiet, djalogu ta' benefiċċju reċiproku u l-faċilitazzjoni tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fid-dritt nazzjonali;

N.  billi wara t-twaqqif tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u tal-Konferenza Interparlamentari dwar il-governanza ekonomika u finanzjarja, u l-konsolidazzjoni tar-rwol tal-laqgħat interparlamentari tal-kumitati bħala l-mezz preferut għall-kooperazzjoni, il-COSAC għandha tibqa' l-forum għal skambju regolari ta' fehmiet, informazzjoni u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-aspetti prattiki tal-iskrutinju parlamentari, u tiffoka b'mod partikolari fuq diskussjoni tal-qagħda ġenerali tal-proċess ta' integrazzjoni;

O.  billi l-Parlament Ewropew għandu jkun involut aktar fil-qrib fid-'djalogu politiku'– b'mod partikolari l-verżjoni mtejba li hu involut fiha bħala parti mis-semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika – li l-Kummissjoni ħolqot mal-parlamenti nazzjonali, fuq kollox fid-dawl tal-interdipendenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-parlamenti nazzjonali;

P.   billi l-proċedura ta’ karta safra ġiet attivata f’żewġ okkażjonijiet s'issa, b’rabta mal-proposti Monti II u dik tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew rispettivament;

Q.  billi l-bidliet fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu iqisu d-dispożizzjonijiet ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE;

R.   billi għandu jiġi nnutat ir-rwol tal-Konferenza tal-iSpeakers tal-UE fil-kooperazzjoni interparlamentari fl-istadju attwali;

S.   billi, kważi ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u fil-perspettiva ta' Konvenzjonijiet futuri, ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jeħtieġ jiġu żviluppati kontinwament fid-dawl ta' sfidi ġodda; billi dan joħloq il-ħtieġa ta' riflessjoni dwar l-esperjenza miksuba mill-forom differenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali bil-għan li tingħata aktar leġittimità demokratika lill-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u jiġi żgurat li l-iskrutinju demokratiku jitwettaq f’waqtu u fil-livell fejn jiġu adottati u implimentati d-deċiżjonijiet, u li l-partijiet kollha fil-proċess leġiżlattiv jirċievu l-informazzjoni li jeħtieġu;

T.   billi din ir-riflessjoni għandha titwettaq wara l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali

I.    Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea

1.   Jilqa’ d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprevedu għall-parlamenti nazzjonali serje ta’ drittijiet u dmirijiet li jippermettulhom li jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni; jemmen li tali drittijiet u dmirijiet jirrigwardaw:

(a)  il-parteċipazzjoni attiva fil-kwistjonijiet tal-UE (setgħat ta’ ratifika tat-Trattati, parteċipazzjoni fil-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 48 tat-TUE, skrutinju tal-gvernijiet nazzjonali, skrutinju tas-sussidjarjetà, possibilità eċċezzjonali ta’ oppożizzjoni għal leġiżlazzjoni, traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fid-dritt nazzjonali);

(b)  id-djalogu politiku (kooperazzjoni interparlamentari u l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew);

2.   Jinnota li l-leġittimità demokratika doppja tal-Unjoni, bħala unjoni ta' ċittadini u ta' Stati Membri – hija inkorporata, fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill; jemmen li sabiex l-Istati Membri jkunu rappreżentati b'mod unitarju u għalkollox demokratiku fl-UE, il-pożizzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali fil-Kunsill għandhom jikkunsidraw il-fehmiet tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u b'hekk isaħħu n-natura demokratika tal-Kunsill;

3.   Jenfasizza li leġittimità u responsabbiltà xierqa jeħtieġ li jiġu żgurati fl-livell nazzjonali u tal-UE mill-parlamenti nazzjonali u mill-Parlament Ewropew rispettivament; ifakkar il-prinċipju, stipulat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2012 li 'matul il-proċess, l-objettiv ġenerali jibqa’ li jiġu żgurati l-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika fil-livell li fih jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet';

4.   Ifaħħar lill-parlamenti nazzjonali għall-passi li ħadu biex:

(a)  itejbu l-proċeduri ta' gwida u ta' skrutinju bl-għan li jkun hemm aktar konsistenza;

(b)  jipprovdu lill-ministri u lill-gvernijiet nazzjonali bi gwida minn qabel dwar ix-xogħol tagħhom fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, skont il-qafas kostituzzjonali nazzjonali tagħhom;

(c)  iwettqu skrutinju tal-pożizzjonijiet tal-ministri u tal-gvernijiet nazzjonali fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, skont il-qafas kostituzzjonali nazzjonali tagħhom;

(d)  ikollhom rwol effettiv li jipprovdu gwida u li jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni tad-direttivi u r-regolamenti;

(e)  iħeġġu lill-Kunsill itejjeb it-trasparenza tad-deliberazzjonijiet tiegħu dwar l-atti leġiżlattivi, b'mod partikolari waqt l-istadju ta' tħejjija tal-proċess leġiżlattiv, biex tonqos l-assimetrija tal-informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

(f)   jevalwaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumitati tal-Parlament Ewropew u dawk tal-parlamenti nazzjonali;

5.   Jirrikonoxxi r-rwol tal-kumitati tal-Parlament Ewropew u tal-kumitati tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE kollu;

6.   Jiddeplora għaldaqstant in-nuqqas ta’ trasparenza ta' tali deliberazzjonijiet u n-nuqqas ta' bilanċ fil-fluss tal-informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill; jitlob lill-Kunsill jadatta l-livelli ta’ trasparenza tiegħu għal dawk garantiti mill-Parlament Ewropew, b’mod partikolari fil-fażijiet ta’ preparazzjoni tal-proċess leġiżlattiv;

7.   Jemmen li n-nuqqas ta’ trasparenza fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill, b'mod partikolari fir-rigward ta' atti leġiżlattivi, jagħmilha diffiċli għall-gvernijiet li jkunu ġenwinament responsabbli lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom;

8.   Jinnota li l-livelli ta' limitu previsti fl-Artikolu 7(3) tal-Protokoll Nru 2 s'issa intlaħqu darbtejn fil-proċess ta' skrutinju tas-sussidjarjetà; ifakkar li l-iskop tal-mekkaniżmu ta' twissija bikrija mhux li jweħħel il-proċess Ewropew tat-teħid ta' deċiżjonijiet, iżda li jtejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE billi jiżgura, b'mod partikolari, li l-UE topera fi ħdan il-kompetenzi tagħha;

9.   Jemmen għaldaqstant li s-superviżjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u tal-istituzzjonijiet tal-UE m'għandhiex titqies bħala restrizzjoni żejda iżda bħala mekkaniżmu biex jiġu garantiti l-kompetenzi tal-parlamenti nazzjonali billi tgħin it-tiswir tal-forma u s-sustanza tal-attività leġiżlattiva benefiċjali tal-UE;

10. Jemmen li l-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija għandu jitqies u jintuża bħala waħda mill-għodod biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istituzzjonijiet nazzjonali;

11.  Jilqa' l-fatt li fil-prattika dan il-mekkaniżmu qed jintuża wkoll bħala kanal għall-konsultazzjoni u djalogu kooperattiv bejn id-diversi istituzzjonijiet fi ħdan is-sistemi b'ħafna livelli tal-UE;

12. Jemmen li l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali għandhom jitqiesu mill-istituzzjonijiet anke bħala opportunità biex tinkiseb stampa aktar ċara tal-aħjar mezz għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti għall-atti leġiżlattivi u jistieden lill-Kummissjoni twieġeb rapidament u b'mod dettaljat l-opinjonijiet motivati u l-kontributi tal-parlamenti nazzjonali;

II.  Ir-relazzjonijiet interparlamentari fil-kuntest tal-integrazzjoni Ewropea progressiva

13. Itenni li l-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE ma tiħux post l-iskrutiju parlamentari normali li jwettaq il-Parlament Ewropew fl-ambitu tal-kompetenzi mogħtija lilu mit-Trattati u li l-parlamenti nazzjonali jwettqu fuq il-gvernijiet rispettivi tagħhom fir-rigward ta' attivitajiet relatati mal-UE; jemmen li din għandha l-għan li:

(a)  tiffavorixxi l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, bl-għan li tagħtihom lok li jeżerċitaw skrutinju aktar effettiv u jikkontribwixxu b'mod aktar sħiħ, mingħajr ma jdgħajfu l-kompetenzi rispettivi tagħhom;

(b)  tiżgura li l-parlamenti jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ is-setgħat tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet tal-UE;

(c)  tippromwovi l-ħolqien ta' kultura parlamentari u politika ġenwinament Ewropea;

14. Iqis il-laqgħat interparlamentari bħala lok fejn il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali jiltaqgħu u jieħdu minn xulxin, b'mod li jgawdu ż-żewġ naħat; jemmen li funzjoni ewlenija ta' tali laqgħat hi li tippermetti lill-parlamenti nazzjonali li jqisu l-perspettiva Ewropea fid-dibattiti nazzjonali, u lill-Parlament Ewropew li jqis il-perspettiva nazzjonali f'dibattiti Ewropej;

15. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li s-sistema interparlamentari ġdida Ewropea għadha qed tieħu s-sura u jeħtieġ li tirrifletti approċċ imsejjes fuq il-kunsens skont it-Titolu II, Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 tat-Trattat ta' Lisbona, li skontu l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom il-kompitu konġunt li jistabbilixxu b'kunsens l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni interparlamentari fi ħdan l-Unjoni, għalkemm kwalunkwe attentat li jinħoloq qafas komuni għall-kooperazzjoni interparlamentari għadu prematur;

16. Jilqa' l-azzjonijiet meħuda – skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ tmexxija dwar ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali– sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għall-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, b'mod partikolari rigward l-ippjanar tal-laqgħat interparlamentari tal-kumitati, iż-żieda fl-għadd ta' laqgħat ta' dan it-tip (50 sa mill-2010), l-għoti lill-membri tal-parlamenti nazzjonali u korpi politiċi relevanti tas-sottomissjonijiet tal-parlamenti nazzjonali (opinjonijiet motivati u kontributi), l-introduzzjoni tal-vidjokonferenzi, il-promozzjoni ta' żjarat bilaterali, titjib tekniku fin-netwerk ta' skambju ta’ informazzjoni interparlamentari tal-UE (IPEX), iż-żieda fl-għadd ta' proġetti kollaborattivi mwettqa taħt il-patroċinju taċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni Parlamentari (ECPRD), żjarat minn uffiċjali amministrattivi u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki; jemmen li dawn l-azzjonijiet jgħinu biex ir-relazzjonijiet interparlamentari jsiru aktar effiċjenti u aktar iffokati, filwaqt li jikkontribwixxu għad-demokratizzazzjoni parlamentari;

17. Jenfasizza li l-laqgħat interparlamentari jeħtieġ li jkunu organizzati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali sabiex tissaħħaħ l-effettività tagħhom u l-kwalità tagħhom; għaldaqstant jirrakkomanda l-inklużjoni tagħhom fl-iktar stadju bikri possibbli fl-abbozzar tal-aġenda tal-laqgħat interparlamentari;

18. Jemmen li l-iżvilupp tal-laqgħat interparlamentari għandu jkun ibbażat fuq arranġamenti prattiċi li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull tip ta' laqgħa;

19. Jitlob, bl-għan li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied l-effikaċja, li jkun hemm aktar koordinazzjoni interna u esterna bejn il-programm propost mill-parlament tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill u l-programmi ta’ ħidma tal-kumitati tal-Parlament Ewropew;

20. Jieħu nota tar-rwol tal-Konferenza tal-iSpeakers tal-UE fil-kooperazzjoni interparlamentari;

21. Ifaħħar l-effikaċja tal-laqgħat interparlamentari tal-kumitati u jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ir-rapporteurs fir-rigward ta' kwistjonijiet leġiżlattivi speċifiċi;

22. Jilqa' l-laqgħat effettivi bejn il-gruppi politiċi u l-partiti politiċi Ewropej bħala parti mill-arranġamenti tal-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE; jitlob li jkun hemm aktar approvazzjoni ta' dawn il-laqgħat bħala mezz effettiv għall-iżvilupp ta' kuxjenza politika Ewropea awtentika;

23. Jemmen li fid-dawl tal-konferenzi interparlamentari ġodda dwar il-PESK/PSDK u l-governanza ekonomika, COSAC tista' sservi ta' forum għal diskussjoni dwar il-qagħda ġenerali tal-proċess ta' integrazzjoni;

24. Jilqa’ r-rwol tal-IPEX, speċjalment bħala pjattaforma ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ skrutinju parlamentari, minkejja d-diffikultajiet lingwistiċi li jistgħu jinqalgħu; jitlob, bl-għan li d-djalogu bejn il-parlamenti jsir effettiv kemm jista' jkun, li tingħata attenzjoni partikolari mill-parlamenti nazzjonali lill-prinċipju tal-multilingwiżmu;

25. Jenfasizza li l-kooperazzjoni interparlamentari għandha tkun miftuħa u inklużiva, u jesprimi tħassib dwar laqgħat interparlamentari ristretti li jeskludu ċerti parlamenti u li jiġu organizzati mingħajr konsultazzjoni xierqa biex jiġu adottati pożizzjonijiet rigward kwistjonijiet tal-UE li ma jkunux imsejsa fuq kunsens;

26. Jinnota li d-'djalogu politiku' stabbilit fl-ambitu tal-Inizjattiva Barroso fl-2006 u l-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija huma żewġ naħat tal-istess munita; jinnota l-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ relazzjonijiet bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni u l-ħolqien ta’ 'djalogu politiku msaħħaħ' bħala parti mis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi;

III. Żviluppi u proposti

27. Jipproponi l-iżvilupp ta’ ftehim bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, li jista' jkun il-bażi għal kooperazzjoni effiċjenti skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 tat-Trattat ta’ Lisbona u l-Artikolu 130 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

28. Jitlob li fil-qafas tal-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE jsiru laqgħat strutturati tematikament u effettivi bejn il-gruppi politiċi u l-partiti politiċi Ewropej;

29. Jenfasizza li l-kooperazzjoni interparlamentari għandha timmira dejjem li tgħaqqad il-persuni tajba fil-mument it-tajjeb biex jindirizzaw il-kwistjonijiet it-tajba b’mod sinifikanti, biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fid-diversi oqsma ta’ responsabilità jibbenefikaw mill-'valur miżjud' ta' djalogu reali u dibattitu xieraq;

30. Jemmen li l-COSAC għandha tibqa' l-forum għal skambji regolari ta' fehmiet, informazzjoni u prattiki tajba dwar aspetti prattiċi tal-iskrutinju parlamentari;

31. Jipproponi li l-COSAC twettaq eżami dettaljat tad-diffikultajiet esperjenzati mill-parlamenti nazzjonali fl-eżerċizzju tal-prerogattivi mogħtija lilhom mit-Trattat ta’ Lisbona; ifakkar li l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali fi ħdan il-COSAC għandhom ikunu komplementari;

32. Ifakkar li fir-rigward tal-konferenza dwar il-governanza ekonomika, li hija bbażata fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, ftehim milħuq mill-iSpeakers tal-parlamenti tal-UE fil-Konferenza tagħhom f’Nikosija f’April 2013 jipprevedi għadd ta’ arranġamenti għal dik il-konferenza u għal rieżami ta’ dawn l-arranġamenti, li għandhom jitlestew fl-2015 fil-Konferenza tal-iSpeakers tal-parlamenti tal-UE f'Ruma; jemmen għaldaqstant li kwalunkwe proċedura għall-adozzjoni ta’ arranġamenti prattiċi għall-konferenza dwar il-governanza ekonomika qabel dak ir-rieżami tkun prematura u għalhekk għandha tiġi evitata;

33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jiġbed attenzjoni partikolari lejn aspett deċiżiv fil-progress lejn integrazzjoni akbar tal-UE. Fil-fatt hemm bżonn li tiġġedded ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-Ewropa: x’jistgħu jagħmlu l-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward? Fost l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiġu involuti wkoll il-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE. Fil-fatt, dawn jagħmlu parti minn “sistema parlamentari Ewropea”. Dak li jkun jista’ saħansitra jgħid li dawn mhumiex biss korpi tal-Istat tagħhom, iżda anke tal-UE. Fil-fatt, ir-rwol tagħhom huwa li jagħmlu kompletament demokratika dik li tista’ titqies bħala t-tieni kamra tal-UE, jiġifieri l-Kunsill, u li “jqarrbu ċ-ċittadini lejn l-Ewropa”.

Il-Parlament Ewropew (PE) ta ħafna attenzjoni lir-rwol tal-parlamenti nazzjonali (PN) bl-għan li jwieġeb għat-teorija dwar l-eżistenza ta’ “nuqqas demokratiku” fl-UE u li jinsabu alleati validi għall-ħolqien ta’ kuxjenza Ewropea. Ftit jiem wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, twaqqaf Grupp ta’ Tmexxija għar-relazzjonijiet mal-PN. Fil-passat, il-PE tkellem dwar din il-kwistjoni tliet darbiet, fl-1997 bir-rapport Neyts-Uyttebroeck, fl-2002 bir-rapport Napolitano u fl-2009 bir-rapport Brok. Saru bosta laqgħat tal-COSAC dwar ir-rwol tal-PN f’din il-leġiżlatura u l-kwestjonarju mħejji għall-21 rapport semiannwali li għandu jitressaq fil-COSAC li jmiss ta’ Ġunju f’Ateni għandu kapitolu ddedikat għall-kooperazzjoni bejn il-PN u l-PE.

F’din ir-riflessjoni vasta dwar ir-relazzjonijiet bejn il-PE u l-PN dan ir-rapport jintroduċi ruħu f’mument ta’ kriżi u ta’ nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-Ewropa b’mod li tidher urġenti l-“Ewropizzazzjoni tal-PN” ulterjuri.

Essenzjalment, wieħed għandu jistaqsi sa fejn ġie implimentat it-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tar-rwol tal-PN, x’għandu jiġi korrett jew integrat fih u, fuq kollox, kif għandhom jiġu inklużi l-PN fil-livell tal-istituzzjonijiet Ewropej.

L-idea ta’ “sistema parlamenti Ewropea” tidher sostenibbli abbażi tal-ewwel kliem tal-Artikolu 12 tat-TUE li jgħid li “il-Parlamenti nazzjonali għandhom jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni”. Anke fil-Protokoll Nru 1 il-funzjoni tal-PN titqies bħala attiva fl-integrazzjoni Ewropea, tant hu hekk li l-partijiet kontraenti għandhom l-għan li “jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni akbar tal-Parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet tal-UE”. Naturalment il-qafas tar-rwol tal-PN jiddependi ħafna mill-idea li dak li jkun għandu tal-integrazzjoni Ewropea. Jekk, kif jgħid l-Artikolu 1 tat-TUE, is-sitwazzjoni leġiżlattiva attwali tal-UE ma tiddeskrivix għan milħuq, iżda biss “pass” fi proċess li għadu għaddej, il-perċezzjoni tar-rwol attiv tal-PN għandu jitqies bħala kontribut għall-progress lejn “għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa” (Artikolu 1 tat-TUE) u jekk il-kostruzzjoni tal-Unjoni titqies bħala proġett politiku kbir indispensabbli sabiex “tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha” (Artikolu 3 tat-TUE), allura huwa xieraq li tiġi diskussa dimensjoni Ewropea neċessarja ta’ kull attività parlamentari, u r-relazzjoni bejn il-PE u l-PN ma tistax tkun waħda ta’ kompetizzjoni jew oppożizzjoni, iżda ta’ kollaborazzjoni.

Is-sentenza famuża tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża tat-30 ta’ Ġunju 2009, li wasslet għar-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona mill-Ġermanja, tgħid li l-Istati jibqgħu “is-sidien tat-Trattati”. Din hija dikjarazzjoni loġika, iżda jekk id-dimensjoni Ewropea hija karatteristika neċessarja tal-PN, għandu jinftiehem li l-parteċipazzjoni tagħhom għas-sovranità tal-Istati fir-rigward tal-passi li għandhom jittieħdu lejn l-integrazzjoni permezz ta’ trattati ġodda timplika involviment li jmur lil hinn mis-setgħa mhux mibdula ta’ intervent fir-ratifika. Minn hawn tirriżulta l-parteċipazzjoni tal-PN fil-Konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 48 tat-TUE u d-dritt tagħhom għal notifika minn qabel speċifika dwar kull talba ta’ tkabbir tal-UE.

Jidher, madankollu, li dawn l-aġġustamenti tas-setgħat oriġinali tal-PN bħala korpi statali, imsemmija fl-ittri d) u e) tal-Artikolu 12 tat-TUE ma jbiddluhomx f’korpi “latu sensu” tal-istrutturi Ewropej. Min-naħa l-oħra, il-preambolu tal-Protokoll Nru 1 jidentifika sew iż-żewġ kategoriji ta’ kompiti tal-PN fl-istruttura tal-UE: il-kontroll fuq il-gvernijiet nazzjonali u l-kontribut konsultattiv.

Il-verifika ta’ jekk u kif għandu jitwettaq l-ewwel aspett hija ta’ importanza enormi għall-idea li diġà teżisti fl-UE tal-preżenza ta’ żewġ kmamar: flimkien mal-PE bħala rappreżentant tal-popli hemm il-Kunsill bħala rappreżentant konġunt tal-Istati. Iżda, sabiex sabiex l-Istati jkunu rrappreżentati fid-dimensjoni unitarja u demokratika tagħha, huwa neċessarju li l-pożizzjoni tal-gvernijiet tirrifletti l-orjentazzjoni tal-Parlamenti. Dawn għandhom, għaldaqstant, joħolqu djalogu mal-ministri rispettivi qabel u wara l-laqgħa ta’ kull Kunsill. Tali attività mhijiex biss neċessità interna għal Stati individwali, iżda dimensjoni ġenwinament Ewropea. B’hekk għandu jerġa’ jiġi enfasizzat li l-PN ma jirrappreżentawx it-tielet kamra fl-istruttura kostituzzjonali Ewropea, iżda huma l-korpi li jwasslu sabiex it-tieni kamra, jiġifieri l-Kunsill, issir demokratika.

Madankollu, setgħa ta’ rieda awtonoma, li tiġi direttament minn effetti legali jidher li hija attribwita lill-PN fil-kontroll tas-sussidjarjetà. Però tali kontroll jista’ jiġi interpretat mhux bħala strument ta’ restrizzjoni u ta’ limitazzjoni, iżda, minkejja d-diversi limiti deskritti fil-Protokoll Nru 2, pjuttost bħala okkażjoni ta’ kollaborazzjoni promozzjonali u attiva, anke jekk fuq il-livell konsultattiv u mhux fuq il-livell ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Meta tiġi meqjusa aktar mill-qrib, is-sussidjarjetà hija r-raġuni tal-UE, mhux limitu. L-UE teżisti għaliex l-Istati waħedhom ma jistgħux jiksbu l-objettivi ta’ paċi u prosperità indikati fl-Artikolu 2 tat-TUE. Għalhekk id-diversi “opinjonijiet motivati” għandhom forsi jitqiesu mhux bħala indikazzjoni negattiva ta’ dak li l-UE ma għandhiex tagħmel, iżda pjuttost bħala suġġeriment pożittiv ta’ dak li għandha tagħmel.

Fil-qasam tal-hekk imsejħa “funzjoni ta’ konsulenza”, iżda li forsi jista’ jiġi ddefinit aħjar bħala “djalogu politiku”, ir-relazzjoni bejn il-PE u l-PN hija partikolarment intensa u forsi għandha tiġi rregolata b’aktar preċiżjoni, u mibnija fuq loġika mhux ta’ sostituzzjoni jew integrazzjoni deċiżjonali, iżda pjuttost ta’ valur miżjud fl-attività politika u leġiżlattiva tal-PE. Din hija t-tema tal-kooperazzjoni interparlamentari stipulata fl-Artikolu 12(f) u, b’mod aktar dettaljat, fil-Protokoll Nru 1, partikolarment fl-Artikoli 9 u 10.

L-għadd ta’ konferenzi parlamentari kiber progressivament, kemm fuq livell ta’ laqgħat ġenerali, kif ukoll fuq livell ta’ kumitati. L-aktar żvilupp importanti kien il-bidu ta’ laqgħat regolati fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u fil-qasam tal-governanza ekonomika u finanzjarja skont l-Artikolu 13 tat-TSGC (l-hekk imsejjaħ Fiscal compact), filwaqt li diġà qed titnieda l-idea ta’ konferenza interparlamentari sistematika fir-rigward tal-kontroll tal-Europol.

Din il-proliferazzjoni ta’ laqgħat tippreżenta l-problema ta’ simplifikazzjoni sabiex jiġi evitat trikkib u dik tal-konkretezza tar-riżultati. Għandu jinftiehem ukoll liema hija l-funzjoni li fadlilha l-COSAC, jekk teżisti. Huma preferibbli l-laqgħat li għandhom objettiv speċifiku. Dawn huma dejjem utli sa fejn jippermettu għarfien reċiproku bejn il-leġiżlaturi u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar prattiki parlamentari tajbin. Iżda kooperazzjoni effikaċi, kif mitluba mill-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1, titlob ħafna aktar. Għandhom jitfasslu opinjonijiet dwar abbozzi leġiżlattivi speċifiċi jew dwar għażliet politiċi preċiżi, għalhekk huma prefereibbli l-laqgħat tal-kumitati. Il-valur miżjud tagħhom, fir-rigward tad-demokrazija, jippermetti aktar kobor u profondità fir-riflessjoni preleġiżlattiva.

L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 mehmuż mat-TUE jissuġġerixxi “koperazzjoni interparlamentari” sabiex tiġi rregolata din il-kwistjoni u l-Artikolu 130 tar-Regolament tal-PE, kif emendat, jipprevediha b’mod espliċitu. Din hija indikazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona li għadha ma twettqitx li l-leġiżlatura li jmiss għandha tittratta.

Ir-rapport semiannwali li jmiss li se jitressaq quddiem il-COSAC ta’ Ġunju se jkun dwar il-futur tal-COSAC. Il-konferenzi dwar il-PESK/PSDK u dwar il-governanza ekonomika u finanzjarja qed jagħtu riżultati tajbin, iżda jkun żball jekk dak li jkun jimmaġina li permezz tagħhom il-COSAC titlef il-funzjonijiet tagħha. Jekk l-UE attwali mhuwiex objettiv miksub, iżda stadju lejn l-integrazzjoni, jeħtieġ disinjatur li perjodikament jivverifika l-istat ta’ żvilupp tax-xogħlijiet. Il-COSAC għandha titqies bħala l-post fejn jiżviluppa d-diskors dwar l-istat tal-Unjoni.

Għandu jinftiehem ukoll is-sinifikat tal-intensifikazzjoni u l-istituzzjonalizzazzjoni notevoli tal-messaġġi ta’ informazzjoni bejn il-PE u l-PN. Huwa evidenti li l-informazzjoni reċiproka teħtieġ li l-PN jipprovdu lill-PE valutazzjonijiet iktar profondi u li l-PE jadotta deċiżjonijiet aktar konġunti, għalhekk għandu jkun iktar sempliċi anke għall-PN li jittrasponu b’mod rapidu u effikaċi d-dispożizzjonijiet Ewropej fil-liġi nazzjonali. Għandu jitqies madankollu li n-netwerk informattiv intens għandu wkoll il-kompitu li jagħmel permanenti “l-mentalità Ewropea” f’kull attività tal-PN. Wieħed jista’ jitkellem dwar speċi ta’ “sussidjarjetà bil-maqlub”: il-ħolqien ta’ kuxjenza Ewropea tista’ tinkiseb aħjar mill-PN milli mill-PE. Issa li qed joqorbu l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, li jistgħu jkunu deċiżivi għall-futur tal-UE, dak li jgħidu l-politiċi nazzjonali lill-popli tagħhom għandu rwol ewlieni. F’dan il-kuntest hija ta’ importanza kbira l-formazzjoni ta’ partiti politiċi li jkunu tassew Ewropej.

SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

Membri favur: 13

ALDE : Andrew Duff, Stanimir Ilchev

 

PPE : Zdravka Bušić, Carlo Casini, Marietta Giannakou, Constance Le Grip, Andrej Plenković, Tadeusz Ross, Algirdas Saudargas, György Schöpflin, Rainer Wieland

 

Verts/ALE : Gerald Häfner, Indrek Tarand

Membri kontra: 4

ECR : Ashley Fox, Daniel Hannan

 

EFD : Morten Messerschmidt

 

NI : Andrew Henry William Brons

Membri li astjenew: 7

GUE/NGL : Helmut Scholz

 

S&D : Marino Baldini, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, David Martin, Sandra Petrović Jakovina, Luis Yáñez-Barnuevo García

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

4

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Henry William Brons, Zdravka Bušić, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, David Martin, Morten Messerschmidt, Sandra Petrović Jakovina, Tadeusz Ross, Algirdas Saudargas, Indrek Tarand, Luis Yáñez-Barnuevo García

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marino Baldini, Marietta Giannakou, Anneli Jäätteenmäki, Andrej Plenković, Helmut Scholz, György Schöpflin, Rainer Wieland