RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' materji relatati mar-riammissjoni

3.4.2014 - (05287/2014 – C7‑0044/2014 – 2013/0267B(NLE)) - ***

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Norica Nicolai

Proċedura : 2013/0267B(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0265/2014
Testi mressqa :
A7-0265/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' materji relatati mar-riammissjoni

(05287/2014 – C7‑0044/2014 – 2013/0267B(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (05287/2014),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, minn naħa oħra (06151/2010),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 91, 100, 191(4), 207, 212, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0044/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Artikolu 81(2) u l-Artikolu 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0265/2014),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.      Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Korea.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Ir-Rwol tal-Parlament Ewropew fil-proċess

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea bħalissa huma bbażati fuq il-Ftehim Qafas għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, minn naħa oħra, li daħal fis-seħħ fl-2001.

Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat Ftehim Qafas ġdid mar-Repubblika tal-Korea, wara li ġie approvat mandat mill-Kunsill fis-7 ta’ Mejju 2008.

In-negozjati mal-Korea kienu konklużi u t-test tal-abbozz ta’ ftehim ġie inizjalat fl-14 ta’ Ottubru 2009. Iż-żewġ Partijiet iffirmaw il-Ftehim fl-10 ta’ Mejju 2010 f’Seul u d-deċiżjoni li l-Ftehim jiġi applikat b’mod provviżorju ġiet approvata mill-Kunsill fl-istess jum.

Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill biex tikkonkludi l-Ftehim, bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, fil-25 ta’ Lulju 2013.

Ir-rapporteur tinnota li l-Kunsill iddeċieda fl-10 ta’ Frar 2014 li jaqsam il-konklużjoni tal-ftehim f’żewġ deċiżjonijiet u jżid xi bażijiet ġuridiċi, biex b’hekk jaqsam ukoll il-proċedura tal-approvazzjoni fil-Parlament Ewropew f’żewġ partijiet: il-parti prinċipali, li teskludi kwistjonijiet tar-riammissjoni u oħra purament dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni, li fil-fehma tal-Kunsill huma koperti bit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-abbozz ta’ Deċiżjoni separat huwa relatat mal-Artikolu 33(2) tal-Ftehim u għaldaqstant huwa soġġett għal proċedura ta’ approvazzjoni separata.

Il-Kunsill għadda ż-żewġ abbozzi ta’ deċiżjoni lill-PE fit-12 ta’ Frar ta’ din is-sena.

Ir-rapporteur tilqa’ l-fatt li l-proċeduri ta’ ratifika fil-livell tal-Istati Membri kollha ġew ikkompletati sa Frar 2014.

Ir-rapporteur tiddeplora l-fatt li laħqu għaddew kważi erba’ snin mill-iffirmar sa ma ġiet ikkonsultata din il-Kamra, b'tali mod li ma tħalliex żmien qabel it-tmiem tal-mandat attwali tal-PE għal riżoluzzjoni ta’ akkumpanjament sħiħa minn kull lat dwar ir-relazzjonijiet UE-Korea, bħalma hija t-tradizzjoni tajba f’każ ta’ ftehimiet internazzjonali. Ir-rapporteur tagħti parir lill-Parlament biex jikkunsidra riżoluzzjoni ta’ segwitu fil-mandat li jmiss tiegħu sabiex jabbozza bis-sħiħ l-evalwazzjoni tiegħu tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas, inklużi rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lis-SEAE.

Waqt li tirrispetta l-prerogattivi tal-Istati Membri fil-proċess ta’ ratifika, ir-rapporteur jiddispjaċiha li l-Kunsill għadu qed jeżerċita l-prattika tiegħu li jdewwem il-konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew, f’każijiet ta’ ftehimiet imħallta, bħall-Ftehim Qafas UE-Korea, sal-mument fejn kważi l-parlamenti tal-Istati Membri kollha rratifikawh, minkejja n-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tat-trattati jew bażi ġuridika oħra għal tali dewmien.

Ir-rapporteur tfakkar li, skont l-Artikolu 218(6) TFUE, il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal ftehimiet internazzjonali wara li dawn jiġu ffirmati u qabel ma l-Kunsill jadotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħhom. Il-Parlament jista’ jipproċedi bi proċedura ta’ approvazzjoni biss wara li n-negozjatur tal-Unjoni (il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli) jippreżenta lill-Kunsill proposta biex jikkonkludi l-ftehim, u l-Kunsill jibgħat sussegwentement it-talba korrispondenti lill-Parlament. Fil-prattika, il-preżentazzjoni ta’ dawn il-proposti u t-talbiet ħafna drabi tiġi mdewma għal perjodi twal, li jista’ jwassal biex il-pożizzjoni tal-Unjoni lejn il-pajjiżi terzi ma tidhirx ċara, u jista’ jdgħajjef il-leġittimità tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-approvazzjoni tal-Parlament hija indipendenti mir-ratifika tal-Istati Membri u ma tridx tkun subordinata għaliha.

2. Valutazzjoni qasira tal-Ftehim Qafas UE-Korea

B’mod ġenerali, ir-rapporteur turi sodisfazzjoni dwar is-sħubija strateġika mill-2010 'l hawn, dwar il-kooperazzjoni politika u ekonomika sinifikanti, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni kulturali li qed tiżdied bejn l-UE u l-Korea, kif intwera fis-Seba’ Summit UE-Korea f’Novembru 2013, organizzat fl-okkażjoni tal-50 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi.

L-importanza tar-relazzjonijiet hija enfasizzata mill-fatt li l-Korea t’Isfel kien l-ewwel pajjiż Asjatiku li ffirma l-Ftehimiet Qafas u ta’ Kummerċ Ħieles mal-UE.

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Korea, li jikkumplementa l-Ftehim Qafas, ġie ffirmat fl-2010 u daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-2011. Ir-rapporteur hija tal-fehma li l-implimentazzjoni provviżorja tiegħu kienet suċċess kbir.

Il-Ftehim Qafas ġdid huwa bbażat fuq prinċipji kondiviżi bħall-ugwaljanza, ir-rispett reċiproku, il-benefiċċju reċiproku kif ukoll ir-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Il-Ftehim huwa l-ftehim sovrastanti li jsaħħaħ il-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali fl-oqsma ta’ politika li ġejjin:

•   il-paċi u s-sigurtà, il-prevenzjoni tal-kunflitt, u l-immaniġġar tal-kriżijiet,

•   il-kummerċ,

•   l-ambjent,

•   l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija,

•   il-governanza tajba,

•   it-turiżmu u l-kultura,

•   il-migrazzjoni,

•   il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Il-Ftehim se jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni bħala reazzjoni għall-isfidi globali, fejn kemm il-Korea kif ukoll l-UE għandhom rwol dejjem iktar importanti, bħal fil-G20.

Ir-rapporteur tilqa’ l-kapitolu dwar it-theddidiet ċibernetiċi, fejn il-kooperazzjoni stabbilita mill-Ftehim Qafas se tkun vitali għal żvilupp futur sigur tal-ispazju ċibernetiku.

Skont it-termini tal-Ftehim se jiġi stabbilit djalogu politiku regolari msaħħaħ, inkluż l-issuktar ta' skambji ta’ delegazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Korea.

Il-Ftehim Qafas ġdid se jippermetti lill-UE tassumi responsabbiltà u influwenza ikbar fil-Peniżola Koreana. F’dan il-kuntest, ir-rapporteur tixtieq tenfasizza l-kooperazzjoni msaħħa għall-paċi u s-sigurtà fil-peniżola, inkluż fil-qasam tan-nonproliferazzjoni ta’ armi tal-qerda tal-massa. Ir-rapporteur tilqa’ wkoll il-ftehim separat li ġej bejn il-Korea u l-UE li jippermettilha tipparteċipa f’operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE, l-ewwel pajjiż Asjatiku li se jkun għamel dan.

Fid-dawl tal-fatti u l-argumenti msemmija hawn fuq, ir-rapporteur tirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-Kunsill biex jikkonkludi l-Ftehim f’isem l-UE.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (27.1.2014)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika tal-Korea minn naħa oħra
(COM(2013)0551 – C7‑0000/2014 – 2013/0267(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Robert Sturdy

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-"Ftehim Qafas" ġdid għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea (minn hawn 'il quddiem "il-Korea") ġie ffirmat fl-10 ta' Mejju 2010 f'Seul. Il-ftehim għandu jiġi ratifikat fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u implimentat bir-reqqa mingħajr dewmien;

Dan il-Ftehim Qafas isaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Korea lil hinn mill-ambitu tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011, u hu mistenni li jsaħħaħ il-kwalità ġenerali tal-ambjent imprenditorjali bil-ħsieb li jiġu promossi flussi kummerċjali u ta' investiment li jkunu vantaġġużi għat-tnejn;

L-UE u l-Korea permezz tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles eliminaw ostakoli mhux tarriffarji għall-kummerċ u l-investiment li ma kinux iġġustifikati, u għandhom ikomplu jikkooperaw sabiex jevitawhom. Iż-żewġ Partijiet għandhom jibqgħu attivament involuti fi djagolu regolatorju frekwenti sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs ibbażati fuq standards miftiehma internazzjonalment, biex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità għan-negozji u tiġi protetta l-kapaċità ta' xiri taċ-ċittadini tagħhom;

It-titjib tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi ewlenin tal-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, u huwa mod vijabbli ta' kif jinkisbu t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żewġ naħat. Għalhekk għandhom jibqgħu għaddejjin sforzi konġunti sabiex jitnaqqsu l-attivitajiet antikompetittivi u prattiki kummerċjali żleali oħra li jikkontradixxu l-iskop komuni ta' kummerċ ħieles u ġust fl-interess tal-iżvilupp sostenibbli.

Is-sinerġiji bejn l-UE u l-Korea għandhom jitrawmu f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim Qafas. Fil-kuntest tan-negozjati plurilaterali u multilaterali li għaddejjin bħalissa bħal, iżda mhux esklussivament, dawk dwar il-Ftehim Plurilaterali tas-Servizzi (TiSA) u l-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) tad-WTO, dan jista' jispira kompromessi vijabbli bejn ekonomiji żviluppati għall-benefiċċju globali tas-sistema kummerċjali multilaterali;

Iż-żieda fl-investimenti diretti barranin hi importanti għall-bini u l-modernizzar tal-infrastruttura relatata mal-kummerċ, il-promozzjoni tat-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi ambjentali, inklużi sistemi għall-immaniġġjar tal-ambjent u tikkettjar ambjentali, sabiex il-kummerċ miftuħ u ġust jikkontribwixxi għal ġestjoni responsabbli tar-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika;

Iż-żewġ Partijiet għandhom jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali bħall-indikaturi ġeografiċi, u jżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u t-tranżazzjonijiet illegali. Il-konklużjoni ta' ftehim bilaterali dwar il-kummerċ ta' prekursuri tad-droga tikkontribwixxi wkoll għal dan l-għan.

******

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, Béla Glattfelder, Syed Kamall, Elisabeth Köstinger, Katarína Neveďalová, Tokia Saïfi, Peter Skinner, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.3.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Hiltrud Breyer, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Krzysztof Lisek, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, György Schöpflin, Marek Siwiec, Davor Ivo Stier, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Nikola Vuljanić, Sir Graham Watson

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Christa Klaß, Gabriel Mato Adrover, Vittorio Prodi, Czesław Adam Siekierski, Ioannis A. Tsoukalas, Luis de Grandes Pascual