RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' materji relatati mar-riammissjoni

3.4.2014 - (05290/2014 – C7‑0046/2014 – 2013/0267A(NLE)) - ***

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Hubert Pirker

Proċedura : 2013/0267A(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0267/2014
Testi mressqa :
A7-0267/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' materji relatati mar-riammissjoni

(05290/2014 – C7‑0046/2014 – 2013/0267A(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05290/2014),

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (06151/2010),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 79(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0046/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 81(2) u l-Artikolu 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7‑0267/2014),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Korea.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-Repubblika tal-Korea hija fost l-aktar sħab importanti tal-Unjoni Ewropea fl-Asja. Iż-żewġ sħab, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, għandhom relazzjonijiet daqstant stretti bejniethom mhux biss għal raġunijiet ekonomiċi, iżda wkoll minħabba li flimkien iħaddnu l-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt.

Dawn ir-rabtiet stretti diġà sabu l-espressjoni tagħhom fil-Ftehim Qafas dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, fuq in-naħa l-oħra, li ġie ffirmat fil-Lussemburgu fit-28 ta’ Ottubru 1996 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2001.

Il-Ftehim Qafas il-ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, ġie konkluż fl-14 ta' Frar 2009 u l-iffirmar konġunt sar fl-10 ta' Mejju 2010 f'Seoul. Dan se jirrevoka l-Ftehim tal-1996 u jsaħħaħ u japprofondixxi r-relazzjoni stretta bejn iż-żewġ Partijiet. Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill għall-konklużjoni tal-Ftehim, bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fit-12 ta’ Frar ta' din is-sena. Ir-rapporteur jiddispjaċih li l-proċess ta' ratifikazzjoni ħa kważi erba' snin biex jiġi ffinalizzat u biex il-Parlament Ewropew jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

Ladarba l-Kunsill fl-10 ta' Frar 2014 iddeċieda li l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas jaqsamha f'żewġ deċiżjonijiet, waħda dwar il-Ftehim Qafas mingħajr id-dispożizzjoni dwar materji ta' riammissjoni, u l-oħra dwar il-klawsola ta' riammissjoni fl-Artikolu 33(2) bl-argument li din tal-aħħar taqa' fl-ambitu tal-Parti III, Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 79(3) tiegħu), l-approvazzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew rigward il-klawsola ta' riammissjoni fl-Artikolu 33(2) għandu jfassalha l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE).

Il-klawsola ta' riammissjoni, kif stabbilita fl-Artikolu 33(2), hija parti ċentrali tal-Ftehim Qafas il-ġdid. Bil-qbil dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini rispettivi tagħhom li jibqgħu illegalment fit-territorju tal-Parti l-oħra u bil-qbil li l-Partijiet jagħtu liċ-ċittadini rispettivi tagħhom dokumenti tal-identità f'każijiet ta' dan it-tip, il-Ftehim se jsaħħaħ u jintensifika l-kooperazzjoni reċiproka bejn iż-żewġ Partijiet biex jipprevjenu u jikkontrollaw il-migrazzjoni irregolari.

Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 33(2) jistabbilixxi biss b'mod ġenerali d-deskrizzjoni ta' tali arranġament dwar ir-riammissjoni, ir-Rapporteur jixtieq jirrakkomanda li ż-żewġ Partijiet jinnegozjaw, jiffirmaw u jirratifikaw Ftehim dwar ir-Riammissjoni ġenwin, u għaldaqstant jixtieq iħeġġeġ liż-żewġ Partjijet biex jagħmlu ħilithom ħalli jikkonkkludu tali ftehim, kif huwa ddikjarat il-Paragrafu 3 tal-Artikolu msemmi.

Ir-Rapporteur japprova l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas il-ġdid rigward il-klawsola ta' riammissjoni, u jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) biex isostni dan ir-rapport u jirrakomanda li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.4.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ioan Enciu, Frank Engel, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu Houillon, Anthea McIntyre, Roberta Metsola, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Nils Torvalds, Axel Voss, Josef Weidenholzer, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Henry William Brons, Jean Lambert, Jan Mulder, Hubert Pirker