RAPPORT dwar il-miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea
7.4.2014 - (2014/2020(INI))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Jean-Luc Dehaene, Anne E. Jensen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (05600/2014),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill (COM(2011)0740),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0047/2014),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva[2]",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar Perspettivi Finanzjarji Multiannwali u r-riżorsi proprji[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0270/2014),
A. billi, f'konformità mal-Artikolu 311 tat-TFUE, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skont proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni safejn ikun previst fid-deċiżjoni li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni;
B. billi l-Artikolu 311 tat-TFUE jistabbilixxi wkoll li l-baġit għandu jkun ffinanzjat kompletament minn riżorsi proprji u jippermetti lill-Kunsill jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti, biex b'hekk iforni l-bażi ġuridika għal riforma radikali tas-sistema tar-riżorsi proprji;
C. billi l-Parlament ma waqafx jitlob li l-finanzjament tal-baġit tal-UE jerġa' lura għal sistema ta' riżorsi proprji awtentiċi, kif stabbilit fit-Trattat; billi enfasizza regolarment in-nuqqasijiet u l-limiti tas-sistema tar-riżorsi proprji attwali, li n-nuqqas ta' trasparenza u l-kumplessità għolja tagħha jagħmluha totalment inkomprensibbli għaċ-ċittadini Ewropej, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jġarrbu l-konsegwenzi;
D. billi l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE, ibbażati fuq l-ING, li llum jirrappreżentaw madwar 74 % tad-dħul totali tal-UE, ma jistgħux jitqiesu riżorsi proprji awtentiċi billi huma sempliċement trasferimenti mit-teżor nazzjonali lejn il-baġit tal-UE; billi r-riżorsa bbażata fuq il-VAT, li tirrappreżenta madwar 11 % tad-dħul totali tal-UE, żviluppat b'tali mod li issa titqies ukoll bħala kontribuzzjoni nazzjonali għall-baġit tal-UE; billi din is-sitwazzjoni saħħet, tul għexieren ta' snin, il-loġika tar-"redditu ġust", li pprevaliet b'mod ċar ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-QFP 2014-2020 u li impediet fil-biċċa l-kbira riforma strutturali tal-baġit tal-UE;
E. billi, minħabba l-miżuri ta' awsterità, l-Istati Membri jsibuha bi tqila jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE, minkejja l-vantaġġi indiskussi li jieħdu mill-programmi ffinanzjati mill-baġit tal-UE, u billi sistema ta' riżorsi proprji diretti għall-UE tirrappreżenta l-unika soluzzjoni fattibbli;
F. billi l-Parlament sistematikament wera l-appoġġ tiegħu għall-proposti tal-Kummissjoni ppreżentati f'Ġunju 2011, li, permezz tat-tnaqqis tas-sehem tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE għal perċentwal massimu ta' 40 %, tal-abolizzjoni tal-kontribuzzjoni attwali purament statistika bbażata fuq il-VAT u s-sostituzzjoni tagħha b'riżorsa tal-UE awtentika bbażata fuq il-VAT, tal-ħolqien ta' riżorsa proprja awtentika ġdida u tas-sostituzzjoni tar-ribassi u tal-mekkaniżmi ta' korrezzjoni kollha b'sistema ta' somom f'daqqa għall-perjodu 2014-2020, għamlu pass fid-direzzjoni t-tajba billi adattaw il-parti korrispondenti għad-dħul tal-baġit tal-UE għall-ispirtu u għall-ittra tat-Trattat u li, minħabba f'hekk, kisbu sa mill-bidu nett l-appoġġ ta' maġġoranza wiesgħa fi ħdan il-Parlament;
G. billi, minkejja l-iskuntentizza tiegħu minħabba l-inkapaċità tal-Kunsill li jagħmel progress fir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, eventwalment il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu lir-Regolament QFP 2014-2020 f'Novembru 2013, insegwitu tal-ftehim mal-Kunsill dwar dikjarazzjoni konġunta dwar il-kostituzzjoni tal-Grupp ta' Livell Ġħoli dwar ir-Riżorsi Proprji; billi, f'din l-okkażjoni, il-Presidenza Litwana impenjat ruħha li torganizza l-laqgħa inawgurali ta' dan il-Grupp fit-18 u fid-19 ta' Diċembru 2013; billi, minħabba d-dewmien min-naħa tal-Kunsill fil-ħatra tat-tliet nominati tiegħu f'dan il-Grupp ta' Livell Ġħoli, din il-laqgħa issa se ssir f'April 2014;
H. billi l-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji biħsiebu jippreżenta l-ewwel valutazzjoni tan-nuqqasijiet tas-sistema attwali sa tmiem l-2014, b'riżultat finali fl-2016 li jiġi sottopost għall-valutazzjoni ta' konferenza interistituzzjonali bil-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali; billi l-Grupp ta' Livell Għoli għandu jeżamina l-aspetti kollha tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji bil-ħsieb li jforni lill-Kummissjoni bil-mezzi neċessarji biex tivvaluta jekk l-inizjattivi l-ġodda tar-riżorsi proprji humiex adegwati parallelament mar-rieżami/reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020 (li se j/titnieda sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016) u tipproponi riforma li tirnexxi għall-perjodu kopert mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2020;
1. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill qabel li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw ir-riżorsi proprji tal-Unjoni konformement ma' kif previst fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa;
2. Jiddispjaċih, madankollu, bid-deċiżjoni tal-Kunsill li jittrasferixxi d-dispożizzjonijiet relatati mal-kalkolu tar-riżorsi bbażati fuq l-ING lura lejn id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; huwa tal-fehma li din tirrappreżenta opportunità li ntilfet biex jingħaqdu flimkien id-dispożizzjonijiet kollha ta' natura implimentattiva f'test uniku, u li l-Artikolu 311 tat-Trattat ta' Lisbona ma fihx ġustifikazzjoni oġġettiva għal din il-firda;
3. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma kien kapaċi jagħmel l-ebda progress fir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji abbażi tal-proposti leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni;
4. Jibqa' jappella għal riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea bl-iskop li ssir sempliċi, trasparenti, ġusta, viżibbli u komprensibbli għaċ-ċittadini tal-UE, biex b'hekk tissaħħaħ ir-rabta tagħhom mal-proġett Ewropew filwaqt li fl-istess ħin jonqos il-piż fuq it-teżori nazzjonali tal-Istati Membri;
5. Jistenna ħafna mill-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, li, fil-fehma tiegħu, joffri opportunità unika biex tiġi żblukkata r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji; jilqa' l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Livell Għoli tat-3 ta' April 2014; jistenna li, minkejja d-dewmien fl-organizzazzjoni ta' din il-laqgħa inawgurali, li kien konsiderevoli u ta' min jiddispjaċih minnu, il-Grupp ta' Livell Għoli xorta se jikkonforma mal-objettivi u l-kalendarju stabbiliti fid-dikjarazzjoni konġunta li tistabbilixxi l-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 214.
- [2] ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.
- [3] ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 42.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2012)0360.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2013)0078.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2013)0304.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
1.4.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Zuzana Brzobohatá, Jean Louis Cottigny, Göran Färm, Věra Flasarová, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Jan Mulder, Juan Andrés Naranjo Escobar, Andrej Plenković, László Surján, Helga Trüpel, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Paul Rübig |
||||