ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sa 2033 u t-tneħħija tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE

10.4.2014 - (05793/1/2014 – C7‑0132/2014 – 2012/0199(COD)) - ***II

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Marco Scurria


Proċedura : 2012/0199(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0275/2014
Testi mressqa :
A7-0275/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sa 2033 u t-tneħħija tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE

(05793/1/2014 – C7‑0132/2014 – 2012/0199(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05793/1/2014‑C7-0132/2014,

–       wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Frar 2012[1] u tat-30 ta' Novembru 2012[2],

–       wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[3] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0407),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat FUE,

         wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomondazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0275/2014),

1.      Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.      Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat FUE;

4.      Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

  • [1]  ĠU C 113, 18.4.2012, p. 17.
  • [2]  ĠU C 17, 19.1.2013, p. 97.
  • [3]  Testi adottati tat-12.12.2013, P7_TA(2013)0590.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Sa mill-bidu tagħha fl-1985, l-inizjattiva tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura kibret f'waħda mill-azzjonijiet l-aktar magħrufin tal-UE. Aktar minn 40 belt ingħatalhom dan it-titlu, li jiswa biex jevidenzja r-rikkezza tal-kulturi tal-Ewropa u għall-promozzjoni ta' komprensjoni reċiproka akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej.

Għall-bidu, l-inizjattiva kienet azzjoni purament intergovernattiva. Saret azzjoni tal-UE fl-1990, meta ġie adottat att li ffissa l-ordni li fih l-Istati Membri kienu intitolati jinnominaw il-Kapitali sal-2019. Dan kien ġie mmodifikat fl-2006 biex jittieħed kont tat-tkabbir tal-UE li sar fl-2004: fl-istess waqt, il-kriterji għall-għażla tal-Kapitali ġew ikkjarifikati u l-mekkaniżmu tal-għażla rfinut. Kull Kapitali rċeviet premju Melina Mercouri (imsemmi għall-Ministru Griega tal-kultura li pproponiet l-inizjattiva): filwaqt li l-premju fi flus mogħti mill-UE kien żgħir (madwar miljun ewro u nofs), il-premjazzjoni u n-nomina ta' belt bħala Kapitali tal-Kultura kellha effett kbir ta' leverage, billi mmobilizzat investiment ferm akbar pubbliku u privat.

Ir-regoli tal-2006 għall-għażla tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura se jiskadu fl-2019. Billi l-proċedura preżenti tal-għażla ġġib magħha żmien twil ta' tħejjija, hu neċessarju li jsiru regoli ġodda għall-perijodu ta' wara l-2020, u dan sal-2013.

Il-proposta tal-Kummissjoni

F'Lulju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex din l-inizjattiva tkompli lil hinn mill-2020.

Din żammet l-istruttura u l-kontenut tal-inizjattiva ta' bħalissa, inkluża tabella kronoloġika li tiffissa l-ordni li fih l-Istati Membri huma intitolati jospitaw Kapitali, għażla msejsa fuq preżentazzjoni mill-ibliet konkorrenti ta' programmi kulturali li jtulu sena mfasslin b'mod speċifiku għall-avveniment, u l-possibilità ta' bliet kandidati li jinkludi reġjun ċirkostanti.

Il-bidliet ewlenin proposti mill-Kummissjoni kellhom x'jaqsmu ma' (i) l-għażla tal-ibliet (għażla mill-Kummissjoni pjuttost milli mill-Kunsill kif propost); (ii) sħubija f'pannell ta' għażla u monitoraġġ (sħubija iżgħar tal-maħturin Ewropej, b'ebda rappreżentanti nazzjonali mill-pajjiż li jkun se jospita l-Kapitali) u (iii) ftuħ tal-inizjattiva għal pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati (s'issa kienu biss żewġ Kapitali barra mill-UE – Stavanger fl-2008 u Istanbul fl-2010).

L-istadju ta' kumitat u l-ewwel qari fil-Parlament

Il-Kumitat CULT adotta r-rapport tiegħu dwar din il-proposta fit-28 ta' Mejju 2013. Il-Kunsill kien ġa laħaq l-'approċċ ġenerali parzjali' tiegħu f'Novembru 2012.

Kien hemm grad sostanzjali ta' konverġenza bejn l-approċċi taż-żewġ istituzzjonijiet, ngħidu aħna dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-rappreżentanza nazzjonali fil-pannell tal-għażla u monitoraġġ: barra mill-membri maħturin mill-Parlament (3), Kunsill (3), Kummissjoni (3) u Kumitat għar-Reġjuni (1), iż-żewġ leġiżlaturi ftehmu li l-Istat Membru li jkun qed jospita l-Kapitali għandu jkun jista' jaħtar żewġ rappreżentanti tiegħu.

Saru żewġ trilogi matul il-presidenza Litwana tal-Kunsill. Dawn għamlu progress tajjeb fuq gamma wiesgħa ta' materji, bħalma huma:

-               it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-programmi li jtulu sena ta' dawk li jistgħu jkunu Kapitali;

-               is-sostenibilità fit-tul tal-investiment infrastrutturali;

-               l-iffaċilitar tal-aċċess għal għejun oħrajn ta' finanzjament tal-UE (l-aktar il-Fondi Strutturali).

Imma kien fadal materja waħda li dwar ma kienx possibbli jintlaħaq ftehim – l-għażla formal tal-Kapitali (Artikolu 11):

-               Il-PE appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li, wara li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-pannell tal-esperti, il-Kummissjoni trid taħtar uffiċjalment il-Kapitali, permezz ta' att ta' implementazzjoni (Artikolu 290 tat-Trattat).

-               Il-Kunsill insista li hu jrid jissokta jaħtar il-Kapitali (skont l-azzjoni ta' bħalissa), abbażi tal-argument li l-għażla mill-Kunsill kienet possibbli skont it-termini tal-Artikolu 290, rifless fl-oriġini intergovernattivi tal-azzjoni u r-responsabilità għall-finanzjament tal-Kapitali, u kien neċessarju li jkun żgurat l-impenn tal-Istati Membri għall-proċess.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tfittex is-sostenn tal-Parlament kollu kemm hu qabel ma tissokta bin-negozjati dwar din il-materja diffiċli.

Nhar it-12 ta' Diċembru 2013, il-plenarja vvotat b'maġġoranza kbira ħafna (577 favur; 26 kontra; 25 astensjoni) li tadotta bħala l-ewwel qari tagħha l-pożizzjoni tar-rapport CULT kif emendat ħalli jkunu inkorporati l-punti kollha li dwarhom kien intlaħaq ftehim fl-ewwel żewġ trilogi, filwaqt li tinżamm il-proposta tal-Kummissjoni għall-Artikolu 11.

Qbil fit-tieni qari bikri

Wara l-vot dwar l-ewwel qari tal-Parlament, sar it-tielet trilogu mal-presidenza Griega f'Jannar 2014 u ntlaħaq ftehim dwar l-Artikolu 11 li permezz tiegħu:

-               L-Istat Membru li jagħmilha ta' ospiti tal-Kapitali (mhux il-Kunsill) jagħżel il-belt, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-pannell ta' esperti.

-               Il-Kummissjoni tagħti l-element istituzzjonali Ewropew fil-proċess tal-għażla bil-pubblikazzjoni tal-isem tal-beda fil-Ġurnal Uffiċjali.

-               Fil-każ tal-Irlanda u l-Kroazja, li se jospitaw il-Kapitali fl-2020, l-iskadenzi fil-proċess tal-għażla ġew prorogati.

Il-ftehim komprensiv kien ikkonfermat mill-COREPER I nhar id-29 ta' Jannar 2014 u approvat unanimament b'maġġoranza assoluta mill-Membri tal-Kumitat CULT f'laqgħa straordinarja li saret nhar is-6 ta' Frar 2014. Is-sostenn tal-Kumitat għall-ftehim imbagħad ġie kkomunikat lill-presidenza Griega tal-Kunsill nhar it-12 ta' Frar permezz ta' ittra standard ta' ftehim "tat-tieni qari bikri". Nhar l-24 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

Valutazzjoni u rakkomandazzjoni

Il-ftehim laħaq ammonti għal kompromess realistiku u ekwilibrat. Jagħti lok għal razzjonalizzazzjoni tal-proċess tal-għażla, sostenibilità tal-investimenti infrastrutturali, aċċess għall-għejun addizzjonali tal-finanzjament tal-UE, u l-possibilità li belt tressaq kandidatura reġjonali. Jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti tal-Istat Membru li jkun qed jospita l-Kapitali, filwaqt li jkun issalvagwardjat il-karattru Ewropew tal-inizjattiva.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-plenarja tapprova l-eżitu tan-negozjati li saru sa issa u japprova l-pożizzjoni tal-ewwel qari tal-Kunsill, li tinkorpora perfettament it-test kif miftiehem, mingħajr ma saritlu ebda emenda.

* * *

PROĊEDURA

Titolu

Azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

Referenzi

05793/1/2014 – C7-0132/2014 – 2012/0199(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

12.12.2013                     T7-0590/2013

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2012)0407 - C7-0198/2012

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

2.4.2014

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CULT

2.4.2014

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Marco Scurria

3.10.2012

 

 

 

Data tal-adozzjoni

10.4.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Malika Benarab-Attou, Piotr Borys, Santiago Fisas Ayxela, Petra Kammerevert, Emilio Menéndez del Valle, Martina Michels, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Hannu Takkula, Marie-Christine Vergiat, Milan Zver

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marino Baldini, Birgit Collin-Langen, Malcolm Harbour, Vittorio Prodi

Data tat-tressiq

10.4.2014