RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni
10.4.2014 - (08219/2014 – C7‑0146/2014 – 2014/2018(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Anne E. Jensen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni
(08219/2014 – C7‑0146/2014 – 2014/2018(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat b'mod definittiv fl-20 ta' Novembru 2013[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[4],
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew għall-Investiment[5],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail[6],
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2014, adottat mill-Kummissjoni fil-11 ta' Frar 2014 (COM(2014)0078),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2014 adottata mill-Kunsill fid-9 ta' April 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-10 ta' April 2014(08219/2014 – C7‑0146/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7‑0276/2014),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2014 għandu x'jaqsam ma' għadd ta' aġġustamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-baġit għall-2014 bi qbil mal-adozzjoni tal-aħħar atti leġiżlattivi u, b'mod partikolari, l-aġġustamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni taż-żieda kapitali proposta għall-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), il-bidliet li jirriżultaw mill-bażi ġuridika tal-programm Orizzont 2020 adottata wara li l-baġit għall-2014 ġie adottat formalment, u l-aġġustamenti marbutin mal-ħolqien tal-istruttura baġitarja għall-proposta għall-Impriża Konġunta Shift2Rail;
B. billi ż-żieda fil-bażi kapitali tal-FEI se tikkontribwixxi biex jittejjeb l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-finanzjament permezz tal-programmi COSME u Orizzont 2020;
C. billi hemm bżonn ta' bidliet għan-nomenklatura tal-programm Orizzont 2020 biex jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet tal-bażi ġuridika adottata f'Diċembru 2013;
D. billi hemm bżonn tal-ħolqien tal-istruttura baġitarja xierqa għall-Impriża Konġunta Shift2Rail u dan diġà sar għall-impriżi konġunti l-oħra waqt il-proċedura baġitarja għall-2014;
E. billi l-għan tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2014 huwa li dawn l-aġġustamenti baġitarji jiddaħħlu b'mod formali fil-baġit tal-2014;
F. billi l-effett tal-bidliet proposti fuq il-baġit qed jiġi ppreżentat bħala wieħed newtrali, bl-ebda bidla għal-livell kumplessiv ta' nfiq għall-2014;
1. Ifakkar li l-programm ta' ħidma għall-attività koperta mil-linja baġitarja 08 02 04 01 "Ix-xjenza għas-Soċjetà u magħha" jindika impenji ta' madwar EUR 53 miljun fl-2014 waqt li l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2014 ma jissuġġerixxi l-ebda allokazzjoni għal din il-linja; ifakkar lill-Kummissjoni rigward l-impenn li ħadet matul it-trilogu baġitarju tat-2 ta' April 2014 li tipproċedi minnufih għal trasferiment intern għal-linja 08 02 04 01 "Ix-xjenza għas-Soċjetà u magħha" b'mod li tiżgura bidu bla intoppi għal din l-attività skont il-programm ta' ħidma u kif previst fil-bażi ġuridika;
2. Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2014, kif ippreżentat mill-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;
3. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2014;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-Baġit Emendatorju Nru 1/2014 ġie adottat b'mod definittiv u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
- [2] ĠU L 51, 20.2.2014.
- [3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [5] COM(2014)0066.
- [6] COM(2013)0922.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.4.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Richard Ashworth, Zuzana Brzobohatá, Isabelle Durant, José Manuel Fernandes, Věra Flasarová, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, George Lyon, Jan Mulder, Dominique Riquet, Alda Sousa, László Surján, Oleg Valjalo, Derek Vaughan |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Paul Rübig, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Zdravka Bušić, Birgit Collin-Langen, Santiago Fisas Ayxela, Cristina Gutiérrez-Cortines, Petra Kammerevert, Annette Koewius, Norbert Neuser, Tadeusz Ross, Peter Simon, Rainer Wieland |
||||