RAPPORT dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015
14.7.2014 - (COM(2014)0324 – C8‑0026/2014 – 2014/0170(NLE)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Werner Langen
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015
(COM(2014)0324 – C8‑0026/2014 – 2014/0170(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2014)0324),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0026/2014),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konverġenza 2014 tal-Kummissjoni (COM(2014)0326) u r-Rapport ta' Konverġenza tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Ġunju 2014,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' tkabbir ulterjuri taż-żona euro[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 100 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0001/2014),
A. billi l-ewwel tentattiv tal-Litwanja li tintroduċi l-euro kien fl-2006, u l-Gvern Litwan fil-25 ta' Frar 2013 iddeċieda li jiskeda l-introduzzjoni tal-euro għall-1 ta' Jannar 2015, u billi l-Parlament Litwan (Seimas) fis-17 ta' April 2014 approva l-Att dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Litwanja b'maġġoranza kbira;
B. billi r-rekwiżiti ġuridiċi għall-introduzzjoni tal-euro huma stabbiliti fl-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fil-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza, u billi jridu jkunu ssodisfati l-erba' kriterji ta' konverġenza li ġejjin: il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà tal-prezzijiet, qagħda finanzjarja tal-gvern sostenibbli, osservanza tal-marġnijiet ta' fluttwazzjoni normali previsti fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju, kif ukoll id-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju Ewropew kif jidher fil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul;
C. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tas-Seba' Parlament Ewropew adotta b'maġġoranza kbira r-Rapport dwar l-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja fil-laqgħa tiegħu tas-7 ta' April 2014, u b'hekk approva l-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja;
D. billi l-Litwanja, skont ir-Rapport ta' Konverġenza ppubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-4 ta' Ġunju 2014, issodisfat il-kriterji ta' konverġenza kollha;
E. billi l-euro hija l-munita tal-Unjoni u, bħala prinċipju, l-Istati Membri kollha li jissodisfaw il-kriterji ta' konverġenza għandhom l-obbligu li jadottaw l-euro, u huma biss id-Danimarka u r-Renju Unit li huma eżenti minn dan l-obbligu;
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Huwa favur l-adozzjoni tal-euro fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jilqa' l-fatt li l-Litwanja, skont ir-rapport ta' konverġenza, tul il-perjodu ta' sena sa April 2014 kellha medja tar-rata ta' inflazzjoni ta' 0,6 % u b'hekk issodisfat dan il-kriterju ta' konverġenza;
5. Jilqa' l-fatt li l-Litwanja, skont ir-rapport ta' konverġenza, fis-sena ta' referenza 2013 kellha defiċit baġitarju ta' 2,1 % u dejn ta' 39,4 % tal-prodott domestiku gross, u b'hekk issodisfat dan il-kriterju ta' konverġenza;
6. Jilqa' l-fatt li, skont ir-Rapport ta' Konverġenza, ma kienx hemm tensjonijiet fir-rata tal-kambju bejn il-litas u l-euro matul il-perjodu ta' valutazzjoni ta' sentejn, u l-Litwanja b'hekk issodisfat dan il-kriterju ta' konverġenza;
7. Jilqa' l-fatt li l-imgħaxijiet fit-tul, skont ir-Rapport ta' Konverġenza, fil-perjodu ta' referenza minn Mejju 2013 sa April 2014 irreġistraw medja ta' 3,6 %, u l-Litwanja b'hekk issodisfat dan il-kriterju ta' konverġenza;
8. Jilqa' l-fatt li, skont ir-Rapport ta' Konverġenza, il-leġiżlazzjoni fil-Litwanja hi kompletament kompatibbli mad-dmir ta' konverġenza skont l-Artikolu 131 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
9. Jilqa', b'mod partikolari, f'dan ir-rigward il-kompatibbiltà tad-dritt dwar il-Lietuvos bankas mal-prinċipju tal-indipendenza tal-bank ċentrali kif stabbilit mill-Artikolu 131 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u kif rifless fl-Artikolu 7 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew;
10. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sostanzjali;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Grupp tal-euro u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Litwanja oriġinalment riedet tintroduċi l-euro fl-1 ta' Jannar 2007. Madankollu, dan il-pjan falla fl-2006 minħabba r-rata għolja tal-inflazzjoni fil-Litwanja. Minn dakinhar 'l hawn, il-pajjiż kompla jiżviluppa u għamel sforzi kbar biex jissodisfa r-rekwiżiti għall-introduzzjoni tal-euro. Fil-25 ta' Frar 2013, il-Gvern Litwan iddeċieda li jiskeda l-introduzzjoni tal-euro għall-1 ta' Jannar 2015.
Ir-rekwiżiti ġuridiċi għall-adozzjoni tal-euro huma mniżżla fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll fil-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta' konverġenza.
Il-Litwanja hija wieħed mill-pajjiżi b'deroga dwar l-adozzjoni tal-euro. Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom jirrapportaw lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar mill-Istati Membri b'deroga fit-twettiq tal-obbligi tagħhom għat-twettiq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Ir-rapport ta' konverġenza ġie ppubblikat, skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), f'Ġunju 2014. Dan ir- rapport ta' konverġenza jikkonferma li l-Litwanja ssodisfat il-kriterji ta' Maastricht.
L-Artikolu 140(2) TFUE jipprovdi li, abbażi tar-rapporti mill-Kummissjoni u l-BĊE u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 140(1) TFUE u jneħħi d-deroga tal-Istat Membru kkonċernat.
Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina l-proposta leġiżlattiva u jadotta pożizzjoni dwarha, qabel ma l-Kunsill Ewropew jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-euro. Minħabba l-elezzjonijiet Ewropej ta' Mejju 2014, din is-sena dan il-proċess irid iħabbatha ma' sfidi speċjali rigward iż-żmien, għax minn naħa waħda l-Istat Membru kkonċernat (il-Litwanja) irid jingħata sitt xhur sabiex jipprepara ruħu b'mod effikaċi għall-adozzjoni tal-euro, filwaqt li, min-naħa l-oħra, is-sessjoni kostituttiva tal-Parlament Ewropew il-ġdid se ssir f'Lulju 2014.
Fid-dawl ta' dawn l-isfidi, il-Parlament Ewropew se jappoġġja deċiżjoni rapida. Il-Kumitat ECON u r-Rapporteur, għalhekk, bdew ix-xogħol tagħhom fl-aħħar perjodu tal-leġiżlatura li għaddiet, bil-ħsieb li jagħtu rakkomandazzjoni politika provviżorja, anki jekk mhux legalment vinkolanti, lill-Parlament li se jiġi kkostitwit f'Lulju 2014. Qabel ma ntemm it-tfassil tar-rapport informali, f'Marzu 2014 saru seduti ta' smigħ tal-awtoritajiet Litwani (tal-Ministru tal-Finanzi u tad-Direttur tal-Bank Ċentrali), kif ukoll tal-Kummissjoni.
Għaldaqstant, biex l-euro jkun jista' jiġi introdott fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015, jeħtieġ li l-Parlament il-ġdid jikkompleta l-proċess ta' smigħ preskritt mit-trattati qabel l-aħħar ta' Lulju 2014. Il-Parlament il-ġdid, għalhekk, jeħtieġlu jadotta l-pożizzjoni tiegħu bi proċedura ta' urġenza, bħalma sar f'każijiet preċedenti.
Rigward il-konformità mal-kriterji ta' konverġenza skont l-Artikolu 140(1) tat-TFUE, ir-Rapporteur jagħmel dawn l-osservazzjonijiet:
1. Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikoli 130 u 131 u mal-Istatut tal-BĊE
Jeħtieġ li tkun issodisfata l-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE li ġejjin (l-Artikoli 123, 124 u 130) u mal-Istatut tal-BĊE (l-Artikoli 7, 12(1), 14(2), 14(3) u 37).
Fit-23 ta' Jannar 2014, il-Parlament Litwan (Seimas) adotta emendi għal diversi liġijiet li jippermettu li l-Bank Ċentrali Litwan ikun jiddisponi liberament mill-assi tiegħu u li jiġu modifikati l-kompetenzi tal-uffiċċju tal-awditjar nazzjonali rigward l-awditjar tal-Bank Ċentrali. L-emendi jipprevedu li l-assi kollha fil-karta tal-bilanċ tal-Bank Ċentrali, inkluża l-proprjetà immobbli, jappartjenu lill-Bank Ċentrali (sjieda) u li dan jista' jiddisponi minnhom b'mod ħieles. Skont id-dispożizzjonijiet ġuridiċi attwali, l-assi huma proprjetà tal-Istat u jiġu ġestiti biss mill-Bank Ċentrali taħt id-dritt fiduċjarju Litwan. Is-sitwazzjoni ġuridika li ġiet deċiża u d-dispożizzjonijiet rigward il-konformità mal-Artikolu 130 u l-Artikolu 131 kif ukoll mal-Istatut tal-BĊE, ikun jeħtieġ li jiġu vverifikati mal-adozzjoni tal-euro.
Il-Parlament Litwan (Seimas) beda jiddiskuti l-abbozz ta' liġi dwar l-adozzjoni tal-euro fir-rebbiegħa (Marzu 2014). L-abbozz jiddefinixxi l-proċedura għat-tħejjija tal-adozzjoni tal-euro, il-bidla mil-litas għall-euro, it-tneħħija tal-munita nazzjonali, kif ukoll aspetti prattiċi oħra tal-introduzzjoni tal-euro. L-Att ġie adottat f'April 2014, b'maġġoranza kbira. B'hekk anke dawn ir-rekwiżiti ġuridiċi ġew issodisfati.
2. Il-kisba ta' livell għoli ta' stabbiltà tal-prezzijiet
Fil-perjodu ta' referenza, jiġifieri minn Mejju 2013 sa April 2014, il-medja fuq tnax-il xahar tal-inflazzjoni tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur għal-Litwanja kienet 0,6 %, livell apprezzabbilment taħt il-valur ta' referenza ta' 1,7 %. Il-valur ta' referenza ġie kkalkolat abbażi tat-tliet Stati Membri li għandhom l-aħjar riżultati, f'dan il-każ il-Latvja, il-Portugall u l-Irlanda. Il-Greċja, il-Bulgarija u Ċipru ma ġewx ikkunsidrati fil-kalkolu, minħabba l-valuri estremi tagħhom. Huwa mistenni li politika baġitarja prudenti żżomm livell sostenibbli ta' stabbiltà tal-prezzijiet fit-tul.
3. Is-sostenibbiltà tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi
Skont ir-Rapport ta' Konverġenza 2014 (ta' Ġunju 2014) jirriżulta li, fis-sena ta' referenza 2013, id-defiċit tal-gvern kumplessiv tal-Litwanja laħaq 2,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG, valur ta' referenza: 3%); skont il-Kummissjoni, ix-xejra hija li d-defiċit ikompli jonqos. Il-kwota ta' dejn gross ta' 39,4 % tal-PDG ukoll tinsab sewwa taħt il-valur ta' referenza ta' 60 %. Mill-21 ta' Ġunju 2013 'l hawn, il-Litwanja m'għadhiex tinsab fi proċedura ta' defiċit eċċessiv. Madankollu, fil-bidu ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill, fil-bidu ta' Lulju, għandu jirrakkomanda li l-Litwanja "ssaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 (bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet regolari speċifiċi għall-pajjiż) fid-dawl li t-tkabbir fin-nefqa qed jaqbeż il-kriterju ta' referenza (benchmark) u tad-diskrepanza emerġenti ta' 0,3 % tal-PDG fir-rigward tal-isforz strutturali abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni, li jindikaw riskju ta' devjazzjoni sinifikanti meta mqabbla mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Ġie propost li l-Litwanja, fl-2015, issaħħaħ l-istrateġija baġitarja biex jiġi żgurat l-aġġustament rikjest ta' 0,5 % tal-PDG lejn l-objettiv f'terminu ta' żmien medju."
4. Iż-żamma tal-marġnijiet ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea għal tal-anqas sentejn
Il-munita Litwana litas daħlet fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju fit-28 ta' Ġunju 2004; ir-rata ċentrali tal-kambju mal-euro hija ta' 3,45280 u minħabba s-sistema ta' currency board, il-marġni standard possibbli ta' ± 15 % ma ntużax u ma ġiet osservata l-ebda fluttwazzjoni. Bid-dħul tal-Litwanja fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju II, l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jżommu s-sistema ta' currency board ta' dak iż-żmien anke fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju. F'sistema ta' currency board, ir-riservi monetarji għandhom rwol importanti ħafna, peress li fuqhom tissejjes il-kredibbiltà ta' din is-sistema. Anki f'dan ir-rigward, ma ġiet osservata l-ebda problema fil-Litwanja. B'hekk dan il-kriterju kien issodisfat.
5. Id-durabbiltà tal-konverġenza, kif jidher mil-livell tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul
L-iżvilupp tar-rati ta' mgħax fit-tul huwa vvalutat abbażi tar-rendimenti fis-suq sekondarju ta' bond tal-gvern ta' referenza b'maturità residwa ta' ftit anqas minn 10 snin. Fl-aħħar rapport ta' konverġenza, diġà fl-2012, ir-rati ta' mgħax nominali fit-tul kienu jinsabu ġewwa l-limiti ta' tolleranza u b'hekk issodisfaw il-kriterji ta' konverġenza rispettivi.
Mir-rapport ta' konverġenza 2014 jirriżulta li, fil-perjodu ta' referenza minn Mejju 2013 sa April 2014, il-medja fuq tnax-il xahar għal-Litwanja kienet 3,6 %, u b'hekk taħt il-valur ta' referenza ta' 6,2 %, li huwa kkalkolat fuq l-istess pajjiżi li ntużaw għall-kalkolu tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, jiġifieri l-Latvja, il-Portugall u l-Irlanda.
6. L-istabbiltà finanzjarja
F'Settembru 2013, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) stabbilixxa li s-sistema finanzjarja Litwana għandha likwidità u kapitalizzazzjoni tajba. Il-banek Skandinavi għadhom jiddominaw is-settur finanzjarju Litwan u jikkontrollaw madwar 90 % tas-suq. Sadanittant, il-Litwanja, skont l-aktar data riċenti tal-Bank Ċentrali Litwan, għandha rata ta' likwidità ta' 38,3 % li qed tonqos bil-mod (fit-tielet trimestru tal-2013), tnaqqis tas-self mhux produttiv, kif ukoll tnaqqis tal-proporzjon bejn is-self u d-depożiti.
Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil-Litwanja tagħti aktar attenzjoni lil offerta ta' kreditu suffiċjenti għal impriżi żgħar u medji. Il-Litwanja għandha wkoll tkompli tappoġġa l-investiment u t-tkabbir: fl-2012 ma kien hemm l-ebda żieda fil-kreditu minħabba relazzjoni dgħajfa bejn l-offerta u d-domanda.
7. Sfida partikolari: is-settur tal-enerġija
Il-Litwanja hija kkaratterizzata minn dipendenza kbira fuq l-enerġija:
- Hija fost il-pajjiżi tal-UE bl-akbar riskju ta' sigurtà tal-provvista.
- F'dak li jirrigwarda ż-żejt u l-gass, il-pajjiż jiddependi għalkollox fuq fornitur barrani wieħed (il-fornitur statali Russu Gazprom); hemm nuqqas ta' pipelines ta' konnessjoni ma' pajjiżi oħra tal-UE.
- Is-sehem tal-gass żdied b'mod qawwi biex jikkumpensa għall-għeluq, rikjest mill-UE, tal-impjant nukleari ta' Ignalina.
- Il-Litwanja għandha intensità enerġetika relattivament għolja meta mqabbla mal-bqija tal-UE, anki jekk sar xi progress f'dan ir-rigward.
- Il-prezzijiet tal-enerġija għandhom rwol ogħla mill-medja fil-basket ta' konsum rappreżentattiv.
Fit-8 ta' Frar 2014, l-uffiċċju tal-President Litwan irrapporta li s-separazzjoni (skont it-tielet pakkett tal-enerġija tal-UE) fis-settur tal-gass tal-Litwanja kienet qed tiġi indirizzata. Il-pjan tal-Gvern Litwan huwa li, sa Novembru, Gazprom jirtira mill-fornitur tan-netwerk tal-gass Amber Grid; bħalissa Gazprom għandha 37 % tal-ishma. Minbarra dan, ġie rrappurtat ukoll li E.ON kienet sejra tappoġġja l-proċediment ġudizzjarju istitwit mill-impriża tal-enerġija Lietvos Dujos (E.ON tippossiedi 38,9 % tal-ishma ta' din tal-aħħar) kontra Gazprom rigward prattiki ta' dominanza tas-suq.
Il-Gvern Litwan huwa konxju mill-problemi ta' pajjiżu fil-qasam tal-enerġija u qed jipprova jindirizzahom permezz ta' “Strateġija Nazzjonali ta' Awtonomija fl-Enerġija” wiesgħa. Din l-istrateġija testendi sas-sena 2020 u tipprevedi diversi miżuri għall-elettriku, il-gass u ż-żejt, fost l-oħrajn l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, il-bini ta' impjant nukleari ġdid, netwerks ġodda tal-elettriku u tal-gass ma' pajjiżi ġirien u l-bini ta' terminal tal-gass likwifikat.
8. L-opinjoni pubblika u d-dibattitu pubbliku
F'Mejju 2013, aktar minn nofs – 52 % – tal-Litwani li ġew intervistati (1 029) kienu kontra d-dħul tal-Litwanja fiż-żona tal-euro, 40 % kienu favur u 8 % kienu indeċiżi. Wieħed jittama li l-intenzjoni ċara tal-Gvern Litwan li jadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2015 twassal biex il-kunsens jitqawwa. Il-Parlament Litwan (Seimas) approva l-Att dwar l-introduzzjoni tal-euro fis-17 ta' April 2014. Ivvotaw favur 87 deputat, filwaqt li seba' deputati vvutaw kontra u 13-il deputat astjenew. Dan ir-riżultat juri l-qbil ċar tal-partiti Litwani favur l-euro.
SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI
Membri favur : 48 |
PPE : Burkhard Balz, Lara Comi, Markus Ferber, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Krišjānis Kariņš, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Fulvio Martusciello, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Marianne Thyssen
S&D : Hugues Bayet, Andrea Cozzolino, Anneliese Dodds, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Ramón Jáuregui Atondo, Olle Ludvigsson, Emmanuel Maurel, Costas Mavrides, Alessia Maria Mosca, Peter Simon, Catherine Stihler, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker
ECR : Notis Marias, Morten Messerschmidt, Stanisław Ożóg, Sampo Terho, Johan Van Overtveldt
ALDE : Sylvie Goulard, Petr Ježek, Ramon Tremosa i Balcells, Cora van Nieuwenhuizen
Verts/ALE : Sven Giegold, Michel Reimon, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun
|
|
Membri kontra : 8 |
ECR : Bernd Lucke
GUE/NGL : Fabio De Masi, Marisa Matias, Rina Ronja Kari
EFDD : Patrick O'Flynn, Marco Valli, Steven Woolfe
NI : Sotirios Zarianopoulos
|
|
Membri li astjenew : 1 |
NI : Michał Marusik |
|
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
14.7.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
48 8 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Hugues Bayet, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Othmar Karas, Rina Ronja Kari, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Notis Marias, Marisa Matias, Costas Mavrides, Luděk Niedermayer, Patrick O’Flynn, Stanisław Ożóg, Sirpa Pietikäinen, Molly Scott Cato, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Cora van Nieuwenhuizen, Johan Van Overtveldt, Jakob von Weizsäcker, Steven Woolfe, Sotirios Zarianopoulos |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Lara Comi, Andrea Cozzolino, Ramón Jáuregui Atondo, Krišjānis Kariņš, Thomas Mann, Fulvio Martusciello, Emmanuel Maurel, Morten Messerschmidt, Alessia Maria Mosca, Michel Reimon, Renato Soru, Catherine Stihler |
||||