RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju)

14.10.2014 - (COM(2014)0553 – C8-0136/2014 – 2014/2071(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Petri Sarvamaa

Proċedura : 2014/2071(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0017/2014
Testi mressqa :
A8-0017/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju)

(COM(2014)0553 – C8-0136/2014 – 2014/2071(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0553 – C8-0136/2014),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0017/2014),

A. billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 309/2013[4] tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f' każ ta ' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60% tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estizi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu iffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju;

D. billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2013/02 BE/Carsid għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 939 sensja, b'752 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri marbuta mal-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' Carsid SA ('Carsid')[5] f'Marcinelle qrib Charleroi fil-Belġju matul il-perjodu ta' referenza mit-28 ta' Settembru 2012 sat-28 ta' Jannar 2013,

E.  billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG tammonta għal EUR 911 934 (50% tal-baġit totali);

F.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jinnota li l-applikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Belġju intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-2 ta' April 2013, akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Lulju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-5 ta' Settembru 2014;

3.  Jinnota li l-proċedura relattivament twila mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni ppermettiet il-ġbir ta' informazzjoni preċiża marbuta ma' dan il-każ;

4.  Jesprimi tħassib dwar it-tul ta' dan il-perjodu ta' eżami u jfakkar li l-FEG għandu jintervjeni kemm jista' jkun malajr;

5.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex jipprovdu lill-ħaddiema b' assistenza rapida, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jniedu l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta nhar l-1 ta' Ottubru 2012, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost;

6.  Jilqa' l-fatt li tali dewmien għandu jisparixxi grazzi għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, anki jekk eżami rapidu tat-talbiet ta' mobilizzazzjoni ma għandux isir għad-dannu tal-effiċjenza;

7.  Jikkunsidra li s-sensji fl-impjant tal-produzzjoni ta' Carsid SA (‘Carsid’) huma marbuta ma' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u t-tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq tal-Unjoni fis-settur tal-produzzjoni tal-azzar grezz bi kkastjar kontinwu (li jinkludi billetti, vireg tal-ħadid u ċangaturi) fuq livell dinji u t-tnaqqis konsistenti fil-produzzjoni ta' azzar grezz bi kkastjar fl-Unjoni minħabba tnaqqis fid-domanda tal-azzar fis-settur awtomobilistiku u tal-kostruzzjoni;

8.  Jinnonta li s-sensji f'Carsid mistennija jaggravaw il-qgħad b'mod sinifikanti fiż-żona ta' Charleroi (żona fejn qabel kien hemm il-minjieri tal-faħam u l-produzzjoni tal-azzar fejn l-impjieg jiddependi b’mod qawwi fuq l-industrija peżanti tradizzjonali) li hi kkaratterizzata minn proporzjon għoli ta' qgħad fit-tul u livelli baxxi ta' kwalifiki u ħiliet; jinnota li fl-2012, ir-rata tal-qgħad fiż-żona ta' Charleroi (distrett) kienet 21,6 %, meta mqabbla ma' 15,8 % bħala medja fir-Reġjun tal-Vallonja u 11,2 % fil-livell nazzjonali;

9.  Jilqa' pożittivament il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u l-fatt li l-allowances mhumiex elenkati fost is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu appoġġjati b'intervent tal-FEG;

10. Jenfasizza l-importanza tal-effikaċja tas-servizzi personalizzati pprovduti lill-benefiċjarji, partikolarment għaliex minħabba t-tnaqqis ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura fir-reġjuni milquta, dawn il-ħaddiema se jkollhom jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f'xogħlijiet oħra f'setturi oħra;

11. Jinnota li l-produzzjoni ta' azzar grezz bi kkastjar kontinwu fl-UE27 naqset bi 13,4 % bejn l-2006 u l-2011 u li s-sehem tas-suq fl-istess perjodu naqas bi 30,7 %; jenfasizza li għalhekk is-settur tal-azzar fl-Ewropa huwa espost għal diffikultajiet ekonomiċi serji; ifakkar f'dan ir-rigward li s-settur tal-azzar kien is-suġġett ta' 4 applikazzjonijiet tal-FEG[6];

12. Jinnota li l-pakkett ikkoordinat ta ' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-752 ħaddiem li ngħataw is-sensja f' impjieg (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna individwali għat-tiftix ta’ impjieg, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali u (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid;

13. Jilqa' l-fatt li l-varji sħab soċjali u organizzazzjonijiet kienu involuti fil-koordinazzjoni ġenerali u l-implimentazzjoni tal-miżuri: trade unions (FGTB, CSC), iċ-ċentri ta' taħriġ settorjali vokazzjonali u teknoloġiċi fir-reġjun tal-Vallonja, FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), l-Aġenzija tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) tal-Komunità Franċiża tal-Belġju u l-Gvern tal-Vallonja; japprezza barra minn hekk li t-trade unions huma direttament involuti fil-ġestjoni tal-Unità ta' Riallokazzjoni li ġiet stabbilita apposta u fl-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri;

14. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent reali tan-negozju;

15. Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dawk id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-Parlament u l-Kunsill il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jissottolinja li titjib ulterjuri fil-proċedura diġà ġie integrat fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 u li se jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;

17. Jisħaq li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja f'impjieg stabbli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]  Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
  • [5]  Carsid kienet tipproduċi folji tal-azzar maħsuba għal aktar ipproċessar minn impjanti li jappartjenu lill-grupp Duferco fil-Belġju (prinċipalment għall-produzzjoni ta’ prodotti rrumblati bis-sħana u prodotti rrumblati fil-kiesaħ użati fis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-tagħmir tat-trasport u tal-karozzi). Bejn l-2006 u l-2011 Carsid kienet parti minn impriża konġunta bejn Duferco u NLMK. Għaldaqstant, din l-applikazzjoni hija marbuta mal-applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK).
  • [6]  Ara d-databażi tal-FEG, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=582.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba FEG/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2],u b'mod partikolari l-Artikolu 23, it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[4], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Il-Belġju ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża Carsid SA, fit-2 ta' April 2013 u ssupplimentaha b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Lulju 2014. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti sabiex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 911 934.

(4)      Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Belġju,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 911 934 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [3]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [4]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti adegwati jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva tat-talba, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni Carsid u l-proposta tal-Kummissjoni

Fil-5 ta' Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju bħala appoġġ għar-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw s-sensja fl-impjant ta' produzzjoni Carsid SA ('Carsid') li jinsab f'Marcinelle qrib Charleroi fil-Belġju minħabba bidliet strutturali importanti fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija t-tnax-il applikazzjoni li qed tiġi eżaminata taħt il-baġit tal-2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta ' EUR 911 934 mill-FEG għall-Belġju. Din tikkonċerna 939 sensja fl-impjant tal-produzzjoni ta' Carsid SA (‘Carsid’) b'752 ħaddiem fil-mira tal-miżuri kofinanzjati tal-FEG matul il-perjodu referenzjarju mit-28 ta' Settembru 2012 sat-28 ta' Jannar 2013. L-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni nhar it-2 ta' April 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Skont id-data msemmija mill-awtoritajiet Belġjani[4], bejn l-2006 u l-2011, il-produzzjoni tal-azzar grezz b'ikkastjar kontinwu fl-UE-27 naqset minn 197,1 miljun tunnellata għal 170,8 miljun tunnellata (− 13,4 %; − 2,8 % ta' tkabbir annwali[5]), filwaqt li fil-livell dinji, il-produzzjoni żdiedet minn 1 149,6 miljun tunnellata għal 1 438,3 miljun tunnellata (+ 25,1 %; + 4,6 % ta' tkabbir annwali). Dan wassal għal tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-UE-27 fil-produzzjoni tal-azzar grezz bi kkastjar kontinwu, imkejla f'termini ta' volum, minn 17,1 % fl-2006 għal 11,9 % fl-2011 (− 30,7 %; − 7,1 % ta' tkabbir annwali). B'paragun, matul l-istess perjodu, is-sehem mis-suq taċ-Ċina żdied minn 35,5 % għal 46,8 % (+ 32,0 %; + 5,7 % ta' tkabbir annwali).

Tnaqqis fid-domanda tal-azzar fis-settur awtomobilistiku u f'dak tal-kostruzzjoni fl-UE bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fl-ispejjeż tal-produzzjoni (materja prima, enerġija, limitazzjonijiet ambjentali, eċċ.). Dawn il-fatturi għamlu ħsara lill-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-UE u wasslu għal għadd kbir ta’ telf ta’ impjiegi fis-settur tal-azzar f’dawn l-aħħar snin minħabba l-għeluq ta’ impjanti u r-ristrutturar minn diversi manifatturi tal-azzar fl-Ewropa[6]. Pereżempju, bejn l-2008 u l-2013, l-għadd ta' persuni impjegati fl-industrija metallurġika (NACE Rev. 2 diviżjoni 24 'Manifattura ta' metalli bażiċi') fl-UE-27 naqas b'madwar 280 000 minn 1,44 miljun għal 1,16-il miljun (− 19,4 %).

L-għadd ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura fin-Nofsinhar ta' Hainaut (iż-żona ta' Charleroi) naqas drastikament f'dawn l-aħħar snin (− 15,3 % bejn l-2007 u l-2012), partikolarment fis-setturi fejn il-kumpaniji ħafna drabi jimpjegaw għadd kbir ta' ħaddiema, eż. il-manifattura ta' makkinarju u tagħmir (eż. Caterpillar): − 970 impjieg (− 18,6 %), metallurġija (eż. Carsid, Industeel, Aperam, Thy-Marcinelle): − 110 impjiegi (− 30,6 %), il-manifattura ta' prodotti fabbrikati mill-metall (eż. Cofely Fabricom): − 399 impjieg (− 12,3 %) u l-manifattura ta' tagħmir tat-trasport ieħor (eż. Sonaca, SABCA): − 160 impjieg (− 5,5 %). L-abbiltà ta’ kumpaniji lokali attivi f’dawn is-setturi li jimpjegaw l-għadd ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Carsid, hija limitata ħafna. Minħabba t-tnaqqis fl-impjiegi fil-manifattura anki fiż-żoni ġirien ta’ Namur u fiċ-Ċentru, x'aktarx li dawn il-ħaddiema jridu jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f’xogħlijiet oħra u f'setturi oħra.

Il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-752 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'impjieg (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna għat-tiftix ta’ impjieg individwali, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali u (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid.

Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-miżuri mnieda fl-1 ta' Ottubru 2013 jingħaqdu biex jifformaw pakkett ikkoordinat ta ' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Belġjani fl-applikazzjoni tagħhom ikkonfermaw li:

•   il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-intrapriżi skont id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

•   il-miżuri jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma jintużawx għar-ristrutturar tal-intrapriżi jew tas-setturi;

•   il-miżuri mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Entità waħda fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE għall-Federazzjoni Vallonja-Brussell (dik li qabel kienet il-Komunità Franċiża tal-Belġju) se taġixxi bħala awtorità ta’ ġestjoni u entità separata oħra fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE se taġixxi bħala awtorità tal-pagament. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Federazzjoni Vallonja-Brussell se jaġixxi bħala awtorità ta’ ċertifikazzjoni u FOREM se jaġixxi bħala entità intermedjarja.

III. Proċedura

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 911  934 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04   04   51).

Sal-lum, din hija l-ħdax-il proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014. L-ammont propost tal-kontribuzzjoni finanzjarja se jħalli disponibbli aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali allokat għall-FEG għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma simplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, ħlief jekk ma jintlaħaq ebda qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat mal-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u kontribut għall-valutazzjoni tat-talbiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. 1.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]  Sors: Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar, Steel Statistical Yearbook 2012.
  • [5]  Rata komposta ta’ tkabbir annwali.
  • [6]  cf. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa (COM(2013) 407).

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2013/002 BE/Carsid mill-Belġju (COM(2014)553 finali)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2013/002 BE/Carsid u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) billi din l-applikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u timmira li tappoġġja 752 ħaddiem minn total ta' 939 ħaddiem issensjati fl-impjant ta' produzzjoni Carsid SA li jinsab f'Marcinelle qrib Charleroi fi ħdan il-perjodu ta' referenza bejn it-28 ta' Settembru 2012 u t-28 ta' Jannar 2013;

B) billi s-settur tal-produzzjoni tal-azzar grezz b'ikkastjar kontinwu, li fih kienet topera l-kumpanija, għadda minn taqlib ekonomiku serju, b’mod partikolari tnaqqis rapidu fis-sehem tas-suq tal-UE;

C) billi t-tnaqqis fid-domanda għall-azzar fis-setturi awtomobilistiċi u tal-kostruzzjoni u ż-żieda relattiva fl-ispejjeż ta' produzzjoni aggravaw l-effetti negattivi tal-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija li kkawżaw tnaqqis ta' 19,4 % fl-għadd ta' persuni impjegati fl-industrija metallurġika fl-UE 27 bejn l-2008 u l-2013;

D) billi l-maġġoranza assoluta (98,4 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 1,6 % huma nisa; billi 79,1 % tal-ħaddiema għandhom bejn 25 u 54 sena u iktar minn 20,9 % għandhom bejn 55 u 64 sena;

E) billi l-maġġoranza tal-ħaddiema fil-mira huma ħaddiema fil-qasam tal-artiġjanat u snajja’ relatati kif ukoll operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntawhom.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Belġjana:

1.  Jinnota li l-applikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Belġju intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-proċedura relattivament twila mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni ppermettiet il-ġbir ta' informazzjoni preċiża marbuta ma' dan il-każ; jilqa' pożittivament li l-awtoritajiet Belġjani kienu diġà nedew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Ottubru 2012 sabiex jipprovdu assistenza f'waqtha;

3.  Jinnota li parti mill-miżuri li jiffurmaw parti mill-azzjonijiet implimentati mill-awtoritajiet Belġjani se jkunu kofinanzjati mill-FEG; il-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta’ sensji kollettivi fil-Belġju u li huma attivitajiet standard għaldaqstant mhumiex inklużi f’din l-applikazzjoni tal-FEG;

4.  Jilqa' pożittivament il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u li l-allowances mhumiex elenkati fost is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu appoġġjati b'intervent tal-FEG;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-effikaċja tas-servizzi personalizzati pprovduti lill-benefiċjarji, partikolarment għaliex minħabba t-tnaqqis ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura fir-reġjui milquta, dawn il-ħaddiema se jkollhom jieqfu milli jfittxu impjieg f'xogħlijiet oħra f'setturi oħra;

6.   Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali kienu involuti fin-negozjar ta' miżuri li għandhom jiġu appoġġjati; japprezza barra minn hekk li t-trade unions huma direttament involuti fil-ġestjoni tal-Unità ta' Riallokazzjoni li ġiet stabbilita apposta u fl-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri;

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

c.c. Thomas Händel

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Il-Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni:

Erba' proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits fit-13 ta' Ottubru u t-3 ta' Novembru.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.

-          COM(2014)0553 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 911 934 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-939 ħaddiem li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-għeluq tal-impjant għall-produzzjoni ta' folji tal-azzar ta' Carsid SA, li jinsab f'Marcinelle (Charleroi), il-Belġju.

-          COM(2014)0560 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 12 704 605 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-6 120 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża ta' manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers Peugeot Citroën Automobiles (PSA), fir-reġjuni ta' Ile de France u Bretagne, Franza.

-          COM(2014)0616 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 501 200 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-171 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Andersen Ireland Limited, li kienet topera fis-settur tal-manifattura ta' ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Lvant, l-Irlanda.

-          COM(2014)0620 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 7 290 900 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-761 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Sprider Stores S.A. li kienet topera fis-settur tan-negozju bl-imnut fir-reġjuni tal-Maċedonja Ċentrali u Attika, il-Greċja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.10.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Kaja Kallas, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Pina Picierno, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Echenique, Ernest Maragall, Ivan Štefanec

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emma McClarkin, Virginie Rozière