Proċedura : 2014/2059(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0019/2014

Testi mressqa :

A8-0019/2014

Dibattiti :

PV 21/10/2014 - 6
CRE 21/10/2014 - 6

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2014 - 4.5
CRE 22/10/2014 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0038

RAPPORT     
PDF 348kWORD 396k
15.10.2014
PE 537.268v02-00 A8-0019/2014

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014

(2014/2059(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Philippe De Backer

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014

(2014/2059(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv(4),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012)0722),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(8),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-Governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014(9),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(10),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(11),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 dwar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2014 (COM(2014)0400),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014(12),

–       wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2014,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,

        wara li l-kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kommissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rigward il-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ma' governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 1301/2013 COM(2014)494 final, 30.07.2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011(13) u tas-16 ta' Jannar 2014(14) dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-Governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014(15),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu ‘Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi: analiżi tal-progress li sar u tal-ostakli li għad fadal fl-Istati Membri – Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014’ (COM(2013)0785),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu ‘Is-Semestru Ewropew 2014: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi – Nibnu t-Tkabbir’ (COM(2014)0400),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0019/2014),

A.     billi s-sostenibilità fiskali u l-konformità intelliġenti mal-qafas ta' sorveljanza fiskali u makroekonomika tal-UE huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU);

B.     billi jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni msaħħa bejn il-politiki makroekonomiċi u baġitarji tal-Istati Membri u politika komprensiva mmexxija mill-Kummissjoni għaż-żona tal-euro sabiex tinkiseb EMU ġenwina;

C.     billi s-Semestru Ewropew għandu rwol essenzjali fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u baġitarji fl-Istati Membri;

D.     billi ż-żieda fil-qgħad ġenerali, u b' mod partikolari fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, għadha theddida kbira għall-konverġenza u l-istabbiltà ekonomika u soċjali fl-UE;

E.     billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jiġi indirizzat b'mod proattiv, biex b'hekk jissaħħaħ u jiġi estiż il-qafas attwali ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli f'dan il-qasam;

F.     billi, fil-kuntest ta' persistenza ta' livelli għoljin tad-dejn u l-qgħad, tkabbir nominali baxx tal-PDG u tal-inflazzjoni li hi ferm aktar 'l isfel mil-livell prestabbilit, u l-għadd kbir ta' persuni f' riskju ta' faqar, kif ukoll l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjiħ u l-appoġġ għall-ħolqien tax-xogħol, partikolarment għaż-żgħażagħ, il-konsolidazzjoni fiskali għandha tkompli f'ambjent li jiffavorixxi t-tkabbir u b'manjiera differenzjata;

G.     billi l-ispirtu tas-Semestru Ewropew jimplika impenn lejn is-solidarjetà ekonomika bejn l-Istati Membri u billi dawn għandhom responsabilità proporzjonanta mal-kontributi rispettivi tagħhom lejn il-prestazzjoni ekonomika globali tal-Unjoni;

H.     billi l-prijoritajiet għas-Semestru Ewropew ta' din is-sena ġew stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f'Marzu, u reġgħu ġew ikkonfermati f'Ġunju; billi l-enfażi hija fuq il-politiki li jsaħħu l-kompetittività, jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-qgħad, u fuq is-segwitu għar-riformi biex jitjieb il-finanzjament tal-ekonomija u l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol;

I.      billi l-istrateġija Ewropa 2020 hija wieħed mill-elementi tar-reazzjoni tal-UE għall-kriżi ekonomika globali u l-isfidi futuri u billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 mhumiex se jintlaħqu;

J.      billi l-kriżi finanzjarja globali u l-kriżi bankarja u tad-dejn fl-UE xekklu b' mod sinifikanti l-aċċess min-naħa tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) għar-riżorsi finanzjarji;

K.     billi l-Parlament Ewropew talab bosta drabi li jissaħħaħ il-qafas ta' governanza;

L.     billi s-suq uniku, b'mod partikolari fejn jidħlu s-servizzi, mhuwiex kompletament operattiv;

M.    billi, wara sitt snin ta' kriżi ekonomika u rati negattivi ta' tkabbir, l-irkupru ekonomiku qiegħed jitjieb bil-mod il-mod u huwa mistenni li jinfirex mal-Istati Membri kollha sal-2015; billi l-previżjonijiet tal-Kummissjoni għall-irkupru ekonomiku għadhom fraġli u jridu jitkomplew ir-riformi sabiex jiġu ssodisfati t-talbiet soċjali u tal-impjieg taċ-ċittadini u jinġiebu lura l-produttività u l-kompetittività; billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni soċjali f'ħafna partijiet tal-UE hija batuta, li l-qgħad laħaq livelli massimi bħal qatt qabel u li d-diverġenzi fost ir-reġjuni u l-Istati Membri qed jiżdiedu; billi jekk jittieħdu miżuri li jittrattaw din is-sitwazzjoni soċjali u ta' impjieg jiġu ffaċilitati l-kompetittività u l-prospetti ta' tkabbir;

N.     billi, minkejja tnaqqis baxx, ir-rati tal-qgħad u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE għadhom inkredibilment allarmanti (25.005 miljun persuna mingħajr impjieg fl-UE-28 f'Ġunju 2014 u 5.06 miljun żagħżugħ/a mingħajr impjieg fl-UE-28 f'Lulju 2014); billi, barra minn hekk, id-differenzi bejn ir-rati ta' qgħad inġenerali u fost iż-żgħażagħ tal-Istati Membri (5 % qgħad fl-Awstrija, meta mqabbla ma' 27.3 % fil-Greċja; rata ta' qgħad ta' 9.3 % fost iż-żgħażagħ fl-Awstrija, meta mqabbla ma' 53.8 % fi Spanja) jirrappreżentaw riskju kbir kemm għall-istabilità ekonomika tal-UE kif ukoll għall-koeżjoni soċjali Ewropea;

O.     billi l-Kummissjoni tindika r-rwol li għandhom l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp biex jiġġeneraw valur miżjud, u għall-fatt li n-nuqqas dejjem jiżdied ta' tqabbil fil-ħiliet qed jaffettwa partikolarment lis-setturi li huma bbażati fuq l-għarfien;

P.     billi l-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol issa hija waħda mill-kawżi ewlenin ta' inugwaljanza bejn l-Istati Membri u bejn setturi differenti; billi dan huwa muri bid-diverġenzi fl-aċċess għall-impjieg (inklużi ostakli kbar biex wieħed jidħol f'impjieg) u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-livelli ta' paga, li xi kultant huma insuffiċjenti biex jiggarantixxu standards ta' għajxien deċenti, u bil-polarizzazzjoni dejjem tiżdied bejn l-impjiegi li jeħtieġu livell ta' speċjalizzazzjoni baxxa u dawk b'livell ta' speċjalizzazzjoni għolja, li tista' timpedixxi l-moviment fis-suq tax-xogħol; billi r-riformi għadhom neċessarji sabiex tintemm tali frammentazzjoni;

Q.     billi l-iffissar ta' pagi minimi hija kompetenza tal-Istati Membri;

R.     billi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-diskriminazzjoni, u s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol toffri lill-ħaddiema protezzjoni mill-isfruttament u d-diskriminazzjoni, u tgħin ukoll tiffaċilita l-inkorporazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi bħal dawk tan-nisa u ta' persuni b'diżabilità; billi l-kost tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard fuq il-post tax-xogħol huwa stmat li jikkostitwixxi bejn 2.6 % u 3.8 % tal-PDG, filwaqt li huwa stmat li għal kull euro li jintefaq fuq l-implimentazzjoni ta' standards tas-saħħa u tas-sikurezza, il-kumpaniji għandhom redditu ta' EUR 2.2;

S.     billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja enfasizzat il-fraġilità tal-finanzi pubbliċi f'uħud mill-Istati Membri;

T.     billi biex tiġi ttrattata l-kriżi, ċerti Stati Membri naqqsu sew il-finanzi pubbliċi tagħhom fl-istess żmien li żdiedet id-domanda għall-protezzjoni soċjali minħabba ż-żieda fil-qgħad; billi l-allokazzjonijiet tal-baġits nazzjonali għall-kopertura tas-sigurtà soċjali kienu taħt pressjoni akbar billi l-kontribuzzjonijiet naqsu wara t-telf ta’ impjieg li laqat lil diversi persuni jew it-tnaqqis fil-pagi, u għalhekk il-mudell soċjali Ewropew verament tqiegħed fil-periklu;

U.     billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-politiki ta' awsterità, adottati minħabba l-kriżi u s-sitwazzjoni f'bosta ekonomiji tal-UE, kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-aspetti soċjali, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta' Ġunju 2014 (COM(2014)0400): 'L-effetti tal-kriżi u tal-miżuri ta' politika fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali għandhom impatt fuq il-livelli ta' inugwaljanza. In-natura strutturali ta' ċerti forom ta' qgħad, limitazzjonijiet ta' aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, ċerti riformi tal-benefiċċji tat-taxxa jistgħu kollha jitfgħu piż sproporzjonat fuq il-partijiet tas-soċjetà li huma l-iktar vulnerabbli.';

V.     billi l-Artikolu 9 tat-TFUE jipprevedi li 'Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem", u billi huwa importanti li din il-klawżola orizzontali tiġi implimentata b'mod suffiċjenti fl-oqsma kollha ta' politika sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Artikolu 3 tat-TUE; billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jippreskrivi li: "Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. [...] għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal pereżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.";

W.    billi 7.5 miljun ruħ biss – 3.1 % tal-forza tax-xogħol tal-UE – huma attwalment impjegati fi Stat Membru ieħor, u billi ż-żgħażagħ huma l-aktar grupp li x'aktarx ikun mobbli;

X.     billi, minħabba l-kriżi, l-SMEs u l-intrapriżi mikro qed iħabbtu wiċċhom ma' spejjeż għoljin ħafna sabiex ikollhom aċċess għall-finanzjament u qed isibuha diffiċli jagħmlu dan, b'hekk dan qed jostakola l-abilità tagħhom li jikbru u li joħolqu l-impjiegi; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom konsegwentement bżonn li jappoġġaw l-iżvilupp tal-SMEs, bil-għan li jinħolqu tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u impjiegi ta' kwalità fl-UE bi qbil mal-miri tal-Ewropa 2020;

1.      Jinnota l-analiżi li l-irkupru ekonomiku fl-UE wera sinjali inkoraġġanti fis-sentejn preċedenti u jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fir-ritmu ta' tkabbir fl-ewwel tliet xhur tal-2014 f'kuntest fejn il-livell żero ntlaħaq u r-rati baxxi ħafna ta' inflazzjoni huma ġġeneralizzati; itenni, madankollu, li dan l-irkupru għadu fraġli ferm u irregolari, u jeħtieġ li jiġi sostnut sabiex iwassal għal aktar tkabbir u impjiegi fuq perjodu ta' żmien medju;

2.      Jenfasizza li teħtieġ b'mod urġenti inizjattiva ambizzjuża li tagħti spinta lill-investiment fl-UE kollha biex jerġa' jibda u jkun sostnut l-irkupru ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tvara b'urġenza programm Ewropew ta' investiment ta' €300 biljun kif prospost minn Jean-Claude Juncker biex jikkontribwixxi għall-irkupru tat-tkabbir Ewropew fuq terminu qasir;

3.      Jinnota li l-objettivi l-aktar importanti tal-politika ekonomika huma li tiġi stabbilita mill-ġdid il-kompetittività tal-Istati Membri u jitnaqqas il-qgħad;

4.      Jisħaq fuq il-fatt li l-isfidi tas-sitwazzjoni ekonomika attwali – ikkaratterizzata minn PDG fjakk, li jinsab stabbli fiż-żona tal-euro u li żdied b'0,2 % fl-UE-28 matul it-tieni kwart tal-2014, inflazzjoni partikolarment baxxa li f'Awwissu 2014 niżlet sa 0,3 %, l-aktar livell baxx minn Novembru 2009 u livell inaċċettabbli ta' qgħad, 11,5 % fiż-żona tal-euro u 10,2 % fl-UE-28 f'Lulju 2014 – għandhom jiġu indirizzati b'mod urġenti;

5.      Iħeġġeġ mill-ġdid lill-Kummissjoni tiżgura rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri u l-UE kollha kemm hi, fosthom dawk li jinsabu fi programmi ta' aġġustament ekonomiku, sabiex ma jindirizzawx biss il-konsolidazzjoni fiskali iżda anke r-riformi strutturali li jwasslu għal tkabbir reali, sostenibbli u soċjalment bilanċjat, impjiegi, kompetittività msaħħa u żieda fil-konverġenza;

6.      Jinnota r-riformi strutturali estensivi implimentati mill-Istati Membri taħt il-programmi ta' aġġustament makroekonomiku; jiddispjaċih li wħud mill-Istati Membri fil-bqija taż-żona tal-euro huma nieqsa mill-ambizzjoni fl-immodernizzar tal-ekonomiji tagħhom, u din hija waħda mir-raġunijiet tal-prospetti baxxi ta' tkabbir sostenibbli fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul;

7.      Jiddispjaċih dwar il-fatt li ż-żona tal-euro u l-UE jafu jaqgħu iktar lura minn reġjuni oħrajn f'termini ta' opportunitajiet u prospetti ekonomiċi, u b'hekk l-UE tiġbed inqas investiment kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-UE;

8.      Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja, il-kriżi tad-dejn sovran u tal-kompetittività ma jistgħux ikunu solvuti biss permezz ta' politika monetarja laxka; Jenfasizza għalhekk l-importanza li jitkompla l-proċess ta’ riformi strutturali profondi, ibbilanċjati u soċjalment sostenibbli sabiex jinkisbu r-riżultati ta' tkabbir u impjiegi; itenni, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-UE ma tistax tikkompeti fuq il-kostijiet biss, iżda jeħtieġ li tinvesti ferm aktar fir-riċerka u l-iżvilupp, l-iżvilupp industrijali, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u l-effiċjenza fir-riżorsi, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali; ifakkar li l-għan proprju tar-riformi strutturali u t-tnaqqis fil-livell tad-dejn pubbliku u privat għandu jkun li tkun tista' ssir enfasi fuq il-politiki li jiffavorixxu t-tkabbir sostenibbli u fl-aħħar mill-aħħar jiġu pprovduti impjiegi u jiġi miġġieled il-faqar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw aktar bis-sħiħ il-potenzjal ta' banek promozzjonali biex tiġi stimolata l-ekonomija fl-Unjoni Ewropea;

9.      Ifakkar li l-prijoritajiet u l-miri tal-Istrateġija UE 2020, bħall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, għadhom validi u għandhom jiġu implimentati;

10.    Jenfasizza, għal darb' oħra, il-fatt li d-dejn eċċessiv f'bosta Stati Membri fiż-żona tal-euro mhux biss huwa ostaklu għat-tkabbir iżda jpoġġi wkoll piż kbir fuq il-ġenerazzjonijiet futuri; għadu preokkupat dwar in-nuqqas ta’ progress fit-tnaqqis tal-livelli eċċessivi tad-dejn privat;

11.    Itenni, għalhekk, il-fatt li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni b'mod partikolari meta jkunu qed ifasslu riformi u politiki ekonomiċi fir-rigward tal-impatt fuq din il-ġenerazzjoni u fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, inklużi l-bżonnijiet tagħhom għal kundizzjonijiet tal-ħajja tajbin u opportunitajiet ta' impjiegi; il-futur tas-soċjetajiet tagħna ma għandux jintrema mar-riħ minħabba nuqqas ta' teħid ta' deċiżjonijiet u żbalji politiċi fil-preżent;

12.    Jilqa' l-fatt li Jean-Claude Juncker fil-linji gwida politiċi tiegħu għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss ħabbar l-impenn tiegħu biex isaħħaħ l-investiment Ewropew bi EUR 300 biljun;

13.    Jenfasizza l-fatt li l-EMU tinsab ’il bogħod milli tkun kompleta, u jfakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi u l-impenji tagħha li tikkunsidra l-iżbilanċi makroekonomiċi fi ħdan l-UE u partikolarment fiż-żona tal-euro sabiex ittejjeb il-koordinazzjoni ekonomika u baġitarja u ssaħħaħ il-kompetittività fl-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn mill-President elett li jmiss tal-Kummissjoni li jaħdem fuq il-pjan direzzjonali stipulat fir-rapport tal-5 ta' Diċembru 2012 bl-isem "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina";

14.    Jistieden għal darb' oħra lill-Kummissjoni tressaq proposti biex l-EMU tiġi kkompletata mingħajr dewmien f'konformità mal-linji gwida kollha fil-pjan ta' azzjoni tagħha dwar EMU profonda u ġenwina; jinnota li l-ikkompletar tal-EMU għandu jkun ibbażat fuq il-metodu Komunitarju; Itenni t-talba tiegħu li jiġi adottat att legali dwar 'linji gwida ta' konverġenza' skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li jistabbilixxi, għal perjodu stabbilit, numru limitat ħafna ta' miri għall-miżuri ta' riforma l-aktar urġenti u jtenni wkoll it-talba tiegħu biex l-Istati Membri jiżguraw li l-programmi nazzjonali ta' riforma jiġu stabbiliti abbażi tal-linji gwida ta' konverġenza msemmija hawn fuq u jiġu vverifikati mill-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkommettu ruħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ il-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom; jissuġġerixxi li, fuq din il-bażi, l-Istati Membri jkunu jistgħu jidħlu fi 'sħubija ta' konverġenza' mal-istituzzjonijiet tal-UE, bil-possibilità ta' finanzjament kundizzjonali għall-attivitajiet ta' riforma; itenni li tali kooperazzjoni ekonomika aktar b’saħħitha għandha timxi id f’id ma' mekkaniżmu finanzjarju bbażat fuq l-inċentivi; iqis li kull finanzjament jew strument addizzjonali, bħall-mekkaniżmu ta’ solidarjetà, għandu jkun parti integrali mill-baġit tal-UE, iżda barra mill-pakkett miftiehem tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

15.    Jistieden, b'rabta ma' dan, lill-Kummissjoni futura biex tressaq proposta dwar rappreżentanza esterna unika taż-żona tal-euro abbażi tal-Artikolu 138 TFUE bil-għan li jkun hemm żona tal-euro effiċjenti li jkollha pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-firxa ta' kompetenzi ta' din ir-rappreżentanza; ifakkar li l-President il-ġdid tal-Kummissjoni wiegħed li "l-EMU u l-euro jkunu rappreżentati minn presidenza waħda, post wieħed, vuċi waħda fl-istituzzjonijiet ta' Bretton Woods" fid-diskors tiegħu eżatt qabel ma ġie elett mill-Parlament Ewropew it-Tlieta, 15 ta' Lulju 2014;

16.    Jistieden, b'rabta ma' dan, lill-Kummissjoni futura biex tressaq proposta dwar rappreżentanza esterna unika taż-żona tal-euro abbażi tal-Artikolu 138 TFUE u kif ukoll biex tippreżenta r-rapport kommess fit-"two pack" u l-pjan direzzjonali "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina" dwar il-possibilitajiet offerti mill-qafas fiskali eżistenti tal-Unjoni biex il-ħtiġijiet tal-investimenti pubbliċi jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali;

17.    Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-proċess tas-Semestru Ewropew inter alia billi tiżgura li jiġu allokati ħin u riżorsi suffiċjenti għat-tfassil u s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet, b'hekk ir-rakkomandazzjonijiet ikunu kemm jista' jkun relevanti għat-tfassil tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar il-modi li bihom ir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew jistgħu jsiru aktar vinkolanti; jenfasizza l-importanza li l-Parlament Ewropew jiġi involut fi stadju bikri u sal-punt massimu possibbli, sabiex, meta jitqies ir-rwol dejjem aktar sinifikanti u vinkolanti tal-Parlament, jiġi evitat li jinħoloq defiċit ta' leġittimità fil-proċess ta' formazzjoni tal-opinjoni politika;

18.    Jemmen li s-sjieda tas-CSR mill-parlamenti nazzjonali jeħtieġ li tissaħħaħ; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-possibbiltà li s-CSRs jiġu ppreżentati fil-parlamenti nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill;

19.    Jinnota l-pakkett 2014 ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż mill-Kummissjoni; jinnota l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li nkiseb xi progress fis-sostenn tal-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali, b'mod partikolari fl-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol u fis-sistemi tal-pensjoni u tal-kura tas-saħħa;

20.    Jinnota f'dan il-kuntest, l-approvazzjoni min-naħa tal-Kunsill Ewropew tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, speċjalment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar iż-żona tal-euro;

21.    Jirrimarka li kundizzjoni neċessarja għas-suċċess ta' programmi ta' assistenza finanzjarja hija kombinazzjoni ta' solidarjetà u kundizzjonalità, sjieda b'saħħitha u impenn favur ir-riforma; ifakkar lill-Kummissjoni biex tallinja bis-sħiħ l-obbligi legali li jirriżultaw mit-"two-pack" (Regolament (UE) Nru 472/2013) mal-programmi attwali ta' aġġustament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw l-assistenza finanzjarja u s-sistema ad hoc tat-Trojka fi struttura legali mtejba li tkun konformi mal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE u mal-liġi Komunitarja, biex b'hekk tiġi garantita r-responsabbiltà demokratika; jinnota d-dokument ta' segwitu tal-Kummissjoni għar-rapport tal-PE dwar it-Trojka; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapporti tat-Trojka tal-Parlament Ewropew;

22.    Jappoġġa l-objettiv li jkun hemm enfasi fuq il-politiki li jsaħħu l-kompetittività, jappoġġaw l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi, jissieltu l-qgħad u jtejbu l-funzjonament tas-suq tax-xogħol, partikolarment fis-setturi b'potenzjal għoli ta' tkabbir; jemmen li l-Istati Membri għandhom informazzjoni importanti ferm x'jikkondividu fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li l-mudell ta' taħriġ fuq żewġ binarji ta prova ta' valur partikolari fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

23.    Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tippreżenta qafas ta' investiment prominenti biex tkun indirizzata l-ispiża favur it-tkabbir, inklużi investimenti fl-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, l-ispiża biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi, l-investimenti fis-sostenibilità ambjentali, f'konnessjonijiet tat-Trasport Trans-Ewropew ta' prijorità, kif ukoll fl-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali; jinnota li l-istrumenti tagħha kollha (il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment) huma issa taħt kundizzjoni li jkunu rispettati l-proċeduri ta' governanza ekonomika b'saħħitha;

24.    Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf mekkaniżmu komprensiv li jħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-atturi nazzjonali kollha responsabbli mill-qasam tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; itenni l-fatt li għalkemm soluzzjoni waħda li tkun tajba għal kulħadd ma tistax tiġi implimentata, ċerti Stati Membri indirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod aktar effettiv minn oħrajn;

25.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istrateġija Ewropa 2020 titqies bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel anki l-governanza tas-Suq Uniku prijorità ewlenija, minħabba li tagħti kontribut sostanzjali għall-ilħuq tal-miri tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-impjiegi;

26.    Ifakkar, madankollu, li mill-esperjenza, ir-rata ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż min-naħa tal-Istati Membri hija baxxa ħafna; jemmen li hemm inkonsistenza bejn l-impenn Ewropew u l-implimentazzjoni nazzjonali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż min-naħa tal-Istati Membri; jenfasizza l-importanza tas-"sjieda nazzjonali" mill-gvernijiet relevanti tal-impenji nazzjonali fil-livell tal-UE; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom jiġu fformulati b'mod li jipprovdu spazju ta' politika għall-Istati Membri biex jitfasslu l-miżuri u r-riformi speċifiċi meħtieġa sabiex ikunu indirizzati tali rakkomandazzjonijiet;

27.    Jitlob b'mod partikolari lill-Kummissjoni biex tesplora l-iżvilupp ta' punti ta' riferiment komuni mmotivati mir-riżultati biex jitkejlu u jitqabblu r-riformi strutturali fil-qafas ta' kwalunkwe proposta li jmiss, li tfittex li ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-EMU;

28.    Jinsab imħasseb li, skont il-Kummissjoni, 10 % biss tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2013 ġew implimentati b'mod sħiħ; jinnota, barra minn hekk, li f'45 % tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kien hemm progress limitat jew ma kien hemm l-ebda progress;

29.    Jenfasizza l-fatt li sistema xierqa, demokratikament responsabbli għas-Semestru Ewropew kif ukoll l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż huma kundizzjoni importanti biex tinkiseb konverġenza ekonomika fl-EMU, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tagħha, u tippermetti stabilità finanzjarja u ekonomika u livell għoli ta' kompetittività għall-ekonomija Ewropea li jwassal għat-tkabbir u l-impjiegi; jistenna li l-gvernijiet tal-Istati Membri jiddefendu u jimplimentaw attivament fil-livell nazzjonali d-deċiżjonijiet dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ġew adottati mill-Istati Membri kollha fil-Kunsill ("sjieda nazzjonali");

30.    Jenfasizza l-fatt li għadd ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż huma bbażati fuq atti legali tal-UE u li n-nuqqas ta' azzjoni fuq atti legali jista' jirriżulta fi proċeduri legali; ifakkar lill-Istati Membri biex iħarsu l-obbligi legali tagħhom skont id-dritt tal-UE; jemmen li l-Kummissjoni, fil-qari tagħha tat-tabella ta’ valutazzjoni, għandha tikkunsidra b'mod effiċjenti l-fatt li ż-żona tal-euro u l-Istati Membri inklużi fiha huma ekonomiji interdipendenti u miftuħa;

31.    Jitlob lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, biex tagħmel użu sħiħ mill-miżuri kollha pprovduti fid-dritt tal-UE biex tappoġġa politika ekonomika msaħħa, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tas-CSR sabiex l-Istati Membri kollha jadottaw, fil-limitu ta' żmien meħtieġ, politiki ekonomiċi u finanzjarji mfassla għas-sitwazzjoni tagħhom;

32.    Jinnota numru dejjem jikber ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati fil-livell reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu sħiħ tal-programmi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, speċjalment fejn jistgħu jintużaw bħala miżuri kumplimentari għal riformi strutturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu t-twaqqif korrett ta' prijoritajiet biex tissaħħaħ il-kwalità tal-infiq;

33.    Jesiġi li l-Kummissjoni tirrapporta kull tliet xhur fil-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-miżuri meħuda biex jiġi żgurat progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u dwar il-progress miksub sa dak iż-żmien; jistieden lill-Istati Membri biex jispjegaw ir-raġunijiet tan-nonkonformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kumitat kompetenti tal-Parlament;

34.    Jistieden lill-President tal-Grupp tal-euro biex jimmonitorja b’mod effettiv l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż min-naħa tal-Istati Membri, u biex jirrapporta dwar il-progress miksub bħala parti mill-valutazzjoni mill-Grupp tal-euro tal-abbozz tal-pjanijiet baġitarji 2015, li għandu jiġi ppreżentat sa nofs Ottubru 2014 mill-Istati Membri kkonċernati;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lid-dimensjoni tal-ġeneru fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma bħall-integrazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol, id-differenzi fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi, it-titjib tas-servizzi tal-kura tat-tfal u l-arranġamenti flessibbli fil-ħinijiet tax-xogħol;

36.    Jemmen li, fir-rigward tas-Semestru Ewropew li ġej, għandha tiġi segwita strateġija bbilanċjata fuq tul ta' żmien twil għall-konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir u l-investiment sabiex titjieb is-sostenibilità fiskali; jenfasizza, madankollu, il-fatt li għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq il-politiki u r-riformi li jżidu t-tkabbir, speċjalment minn dawk l-Istati Membri li għandhom spazju fiskali biex jinvestu sabiex jitħeġġeġ it-tkabbir u jiġi ffaċilitat il-bilanċ mill-ġdid fiż-żona tal-euro; jinnota li l-qafas legali eżistenti, dment li r-riformi strutturali jkunu nbdew, jippermetti li l-Istati Membri jkollhom livell ta' flessibilità, u jħeġġeġ li din il-flessibilità għandha tiġi sfruttata;

37.    Jenfasizza li s-sostenibilità fiskali hija prerekwiżit għat-tkabbir fuq terminu twil;

38.    Iqis li l-prijorità tal-Istati Membri għandha tkun li jimmodernizzaw l-ekonomiji, is-sistemi ta' sigurtà soċjali, is-sistemi tal-pensjoni u l-kura tas-saħħa tagħhom, sabiex jiġi evitat li jitpoġġa piż eċċessiv fuq il-ġenerazzjonijiet futuri; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-impatt tar-riformi tagħhom fuq l-ekonomija Ewropea b'mod ġenerali;

39.    Jemmen li r-riformi strutturali għandhom ikunu mmirati b'mod partikolari lejn it-titjib tal-kapaċità tas-swieq tax-xogħol sabiex iż-żgħażagħ kif ukoll gruppi esklużi oħra jiġu integrati fil-forza tax-xogħol, u għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw opportunitajiet għall-ħaddiema ta' età akbar; huwa tal-fehma li sistema li żżewweġ l-edukazzjoni mat-taħriġ vokazzjonali hija mod partikolarment effikaċi biex jinkiseb dan l-objettiv; jemmen ukoll li r-riforma strutturali għandha tkun immirata kemm lejn sistemi tas-sigurtà soċjali, tal-kura tas-saħħa u tal-pensjoni sostenibbli u ġusti fuq terminu medju u fit-tul, kif ukoll lejn it-tnaqqis tad-dipendenza tal-enerġija biex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej sabiex b'hekk il-ħolqien tal-impjiegi jsir prijorità assoluta;

40.    Jirrimarka li n-nuqqas ta’ suq intern tax-xogħol li jiffunzjona sew u ta' approċċ sostenibbli b'rabta mal-immigrazzjoni qed ixekkel it-tkabbir fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu suq tax-xogħol komuni u modern u politika moderna u inklużiva dwar l-immigrazzjoni; jenfasizza li t-trattament ġust u ugwali tal-ħaddiema huwa fundamentali biex jinbena suq intern tax-xogħol;

41.    Josserva li hemm rabta mill-qrib bejn il-politika dwar l-enerġija u t-tkabbir ekonomiku; iħeġġeġ, għalhekk, it-tfassil ta' politika Ewropea ambizzjuża dwar l-enerġija li, biż-żieda fis-sigurtà tal-provvista u bl-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija, tista' twassal għal aktar stabbiltà ekonomika u tkabbir;

42.    Josserva li għadu ma sar l-ebda xogħol bis-serjetà dwar kemm ix-xejriet demografiċi huma responsabbli għat-tnaqqis regolari fit-tkabbir li għaddew minnu l-pajjiżi Ewropej fl-aħħar għoxrin sena; jenfasizza li n-nuqqas ta' suq intern tax-xogħol li jiffunzjona sew jikkomprometti wkoll il-potenzjal tal-Unjoni għat-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu suq tax-xogħol komuni ġenwin u jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata politika komuni tal-immigrazzjoni fl-ispirtu tal-proposti magħmula mill-President il-ġdid;

43.    Jenfasizza, għal darb' oħra, is-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex jissimplifikaw is-sistemi fiskali tagħhom sabiex jerġa' jinħoloq ambjent favorevoli għall-impriżi fl-Istati Membri kollha mingħajr eċċezzjoni, u jtenni t-talba tiegħu għal tnaqqis fit-taxxi fuq ix-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-esperjenzi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2012 f'dan il-qasam, biex tieħu azzjoni urġenti u tiżviluppa strateġija komprensiva abbażi ta' miżuri leġiżlattivi konkreti biex tiġġieled il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa; ifakkar lill-Kummissjoni fil-proposti li saru fir-Rapport Parlamentari reċenti (Rapport Kleva Kekus) dwar l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

44.    Itenni l-fatt li jeħtieġ li r-riformi strutturali jiġu kkomplementati u artikolati b'investiment aktar fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, infrastruttura moderna u l-enerġija sostenibbli biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika; jenfasizza li l-investiment fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura huwa prerekwiżit għall-kompetittività, it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tax-xogħol; jenfasizza r-rwol li l-baġit tal-Unjoni jeħtieġ li jaqdi f'dawn l-oqsma fundamentali ta' interess komuni;

45.    Jenfasizza l-fatt li l-livelli diġà għoljin ta' dejn pubbliku ma jippermettux żieda sinifikanti fl-infiq, għax inkella l-isforzi ta' riforma u ta' konsolidazzjoni jkunu għalxejn; jirrakkomanda, għalhekk, li l-enfasi tal-infiq tinbidel minn fuq setturi mhux produttivi għal fuq dawk produttivi u orjentati lejn il-futur; jenfasizza l-fatt li fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir teżisti flessibilità u għandha tintuża, iżda din titlob primarjament li l-Istati Membri jipproponu riformi kredibbli;

46.    Jinnota d-diskors tal-President tal-BĊE fis-simposju annwali tal-bank ċentrali f'Jackson Hole fit-22 ta' Awissu 2014; jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex jisiltu l-konklużjonijiet ġusti rigward il-politiki ta' riforma monetarja, baġitarja u strutturali bil-għan li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi; ifakkar il-kummenti bilanċjati fejn iddikkjara li: "l-ebda ammont ta' akkomodazzjoni fiskali jew monetarja, madankollu, ma jista' jikkumpensa għar-riformi strutturali meħtieġa fiż-żona tal-euro" u "strateġija koerenti għat-tnaqqis tal-qgħad għandha tinvolvi kemm il-politiki tad-domanda kif ukoll tal-forniment, fil-livell taż-żona tal-euro u dak nazzjonali; Barra minn hekk l-istrateġija tista' tkun ta' suċċess biss jekk tkun tabilħaqq koerenti";

47.    Jemmen li waħda mill-ikbar limitazzjonijiet fuq l-ekonomija tal-UE hija l-livell baxx ta' investiment privat ġlobali u n-nuqqas ta' effett ta' lieva min-naħa tal-investiment pubbliku fil-livell attwali; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga r-raġunijiet wara l-livell dgħajjef tal-investiment privat fl-UE. jenfasizza l-ħtieġa ta' riforma ta' proċeduri ta' falliment finanzjarju u insolvenza sabiex jiġi indirizzat il-piż tad-dejn fil-periferija taż-żona tal-euro;

48.    Jenfasizza l-fatt li l-investiment huwa importanti, peress li huwa marbut kemm mal-provvista kif ukoll mad-domanda tal-ekonomija u joħloq l-impjiegi, jiġġenera introjtu għall-unitajiet domestiċi, iżid id-dħul mit-taxxa, u jgħin lill-gvernijiet jikkonsolidaw u jagħtu spinta lit-tkabbir; itenni l-ħtieġa li jiġu adottati politiki favur l-investitur, tinqata' l-burokrazija u jitnaqqas il-piż amministrattiv; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida ssaħħaħ l-investiment Ewropew bi €300 biljun kif imħabbar fil-linji gwida politiċi minn Jean-Claude Juncker;

49.    Jistieden lil-Kummissjoni finalment biex tħares l-impenn tagħha li tikkompleta s-suq uniku, partikolarment fir-rigward tas-servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħarsu l-impenji tagħhom b'rabta mal-Istrateġija UE 2020, partikolarment fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-innovazzjoni, l-impjieg, l-edukazzjoni, il-faqar, l-enerġija rinnovabbli, u t-tnaqqis fl-emissjonijiet; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-azzjonijiet tagħha ħalli tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar korretti tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri, billi tużab’determinazzjoni s-setgħat kollha tagħha;

50.    Jinsab imħasseb dwar it-tendenzi protezzjonisti f’ċerti Stati Membri speċjalment fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni; jinnota li t-Trattat jiggarantixxi l-moviment liberu tal-persuni, is-servizzi jew il-kapital, u jfakkar li l-Kummissjoni għandha tissalvagwardja u ssaħħaħ dawn il-libertajiet;

51.    Jenfasizza l-fatt li nuqqas fl-aċċess għall-finanzi, partikolarment għall-SMEs, joħloq ostaklu enormi għat-tkabbir fl-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-ħidma dwar sorsi alternattivi ta’ finanzjament għall-SMEs filwaqt li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs (2012/2134(INI)), b’mod partikolari permezz tal-fondi strutturali, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-banek ta’ żvilupp pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħew saħansitra aktar mill-ostakoli burokratiċi li jiffaċċjaw l-impriżi żgħar u ta' daqs medju u jiġi applikat il-prinċipju ta' proporzjonalità b'mod aktar strett fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE fil-futur;

52.    Jemmen li għandhom jiġu previsti riformi urġenti għal dawk l-istati kollha fejn id-diffikultajiet għall-ħolqien tal-intrapriżi jxekklu t-tkabbir potenzjali u l-ħolqien tal-impjiegi.

53.    Jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza tipproponi miżuri biex jiġi kkompletat is-suq intern għall-kapital sabiex titjieb l-allokazzjoni ta' kapital lin-negozji ħalli l-ekonomija reali tingħata ħajja ġdida; jemmen li hemm bżonn ta' alternattivi ulterjuri għall-finanzjament tal-banek, kemm għal impriżi kbar kif ukoll għal dawk żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari billi jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-finanzjament permezz tas-swieq tal-kapital u ta' sorsi oħra privati bħall-kapital ta' riskju, fondi bejn il-pari jew ta’ ekwità; jitlob attenzjoni partikolari għar-rwol tal-kostijiet ta' kapital biex jinbdew u jitmexxew negozji fl-Istati Membri u biex tkun aġġornata t-tabella ta' valutazzjoni kif xieraq;

54.    Jenfasizza l-importanza assoluta li titwaqqaf leġiżlazzjoni dwar investimenti fit-tul.

55.    Jenfasizza l-importanza li l-unjoni bankarja tiġi kkompletata u bil-ħeffa; jinnota li l-approvazzjoni tat-tliet pilastri tal-unjoni bankarja u l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u kumpaniji ta' assigurazzjoni jistgħu jgħinu biex tiġi ristawrata r-reżiljenza tas-settur finanzjarju Ewropew; jemmen li l-ikkompletar tal-unjoni bankarja għandu jinkiseb permezz ta' unjoni tal-assigurazzjoni u s-swieq; itenni li l-ispiża tal-falliment tal-istituzzjonijiet bankarji għandha titħallas mis-settur bankarju nnifsu;

56.    Jenfasizza l-fatt li sistema finanzjarja solida, stabbli u diversifikata sew u trasparenti hija kruċjali għat-tkabbir futur;

57.    Jenfasizza l-fatt li s-Semestru Ewropew m’għandu bl-ebda mod jipperikola l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew jew dawk tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali; jenfasizza l-fatt li għandu jkun hemm qasma ċara bejn il-kompetenzi fill-livell tal-UE u dawk nazzjonali u li l-Parlament Ewropew huwa s-sede tar-responsabbiltà fil-livell tal-Unjoni, billi l-parlamenti nazzjonali huma s-sede ta' responsabbiltà fil-livell tal-Istati Membri; jenfasizza l-importanza li l-Parlament Ewropew jiġi involut b'mod formali u kif xieraq fi stadju bikri u sal-punt massimu possibbli, sabiex tiżdied il-leġittimità demokratika;

58. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-responsabilità demokratika għall-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fir-rigward ta’ elementi essenzjali tal-operat taż-żona tal-euro, bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, id-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-euro u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjonijiet interni ex post tar-rakkomandazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trojka;

Il-kontributi settorjali lis-Semestru Ewropew 2014

59.    Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li l-konsolidazzjoni fiskali għandha tkompli b'mod li tiffavorixxi l-ambjent u b'mod divrenzjat, biex b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu mhux biss jinvestu fit-tkabbir u fil-ħolqien tax-xogħol, iżda wkoll jindirizzaw il-livell ta' dejn għoli, il-qgħad u l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ;

60.    Jenfasizza l-potenzjal għall-impjieg tal-ekonomija ekoloġika li skont l-istimi tal-Kummissjoni tista’, fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biss, toħloq 5 miljun impjieg sal-2020, bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti politiki ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw livelli suffiċjenti ta' investiment f'dawn is-setturi u biex jantiċipaw il-ħiliet futuri tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-isfruttament tal-potenzjal tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika bħala prijorità ewlenija fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 (SAT);

61.    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tqis id-diverġenzi bejn l-Istati Membri li jidhru fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR), iżda jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lil dawk ir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, b'mod partikolari meta jitqiesu l-allokazzjonijiet ta' fondi;

62.    Jenfasizza li l-politiki soċjali u dwar l-impjiegi m'għandhomx jitqiesu biss mil-lat tal-ispejjeż, iżda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol u l-benefiċċji fuq terminu twil, biex b'hekk jinżammu l-investimenti fis-soċjetà u ċ-ċittadini tagħha bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u jiġu salvagwardati l-futur u l-istabilità tal-Istati Membri u tal-UE kollha kemm hi;

63.    Jenfasizza li filwaqt li l-pagi huma fattur varjabbli importanti sabiex isolvu l-iżbilanċi makroekonomiċi fiż-żona tal-euro, dawn mhumiex sempliċiment għodda għall-aġġustament ekonomiku, iżda fuq kollox huma d-dħul li l-ħaddiema għandhom bżonn biex jgħixu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet relatati mal-pagi ma jżidux il-faqar fost min jaħdem jew l-inugwaljanzi fil-pagi fl-Istati Membri, jew ikunu ta' dannu għall-gruppi li għandhom dħul baxx;

64.    Jinsab imħasseb sew dwar il-fatt li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-miri soċjali u tal-impjieg tal-Ewropa 2020, u li l-mira ta' tnaqqis tal-faqar għadha partikolarment lura meta jitqies li n-numru ta' persuni li jgħixu fil-faqar żdied b'10 miljuni bejn l-2010 u l-2012 minflok ma naqas; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tadotta approċċ konsistenti u titlob li l-Istati Membri jirrapportaw immedjatament dwar il-progress nazzjonali fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu – fil-PNR – strateġiji nazzjonali definiti sew biex ikun hemm progress fl-istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar;

65.    Jilqa' l-użu tat-tabella ta' valutazzjoni soċjali u tal-impjieg il-ġdida min-naħa tal-Kummissjoni għas-CSRs ta' din is-sena, b'mod partikolari r-referenzi għar-rati ta' qgħad inġenerali u ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u għal-livelli ta' NEET; jinnota li dawn l-indikaturi huma purament analitiċi; jitlob għall-inklużjoni ta' indikaturi addizzjonali – bħalma huma l-kwalità tax-xogħol, il-livelli ta' faqar fit-tfal, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, u persuni mingħajr dar – fit-tabella ta' valutazzjoni; jitlob biex dawn l-indikaturi jkollhom influwenza reali fuq il-proċess sħiħ tas-Semestru Ewropew;

66.    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex ikomplu jtejbu l-indikaturi użati għall-monitoraġġ tad-dimensjoni soċjali, ambjentali u ta’ innovazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 bħala parti mis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli d-dibattitu dwar in-numru u l-iżvilupp ta' indikaturi soċjali u tal-impjieg, minħabba l-fatt li l-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-UE huma żewġ naħat tal-istess munita, fejn it-tnejn li huma għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-UE;

67.    Itenni t-talba tiegħu għal laqgħa tal-ministri tal-impjieg u l-affarijiet soċjali tal-grupp tal-euro li trid issir qabel is-samits tal-euro, meta jkun meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg jiġu indirizzati b'mod aktar sħiħ fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet taż-żona tal-euro, u bil-għan li jikkontribwixxu għal-laqgħat tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern taż-żona tal-euro; jemmen fl-importanza ta' laqgħat konġunti bejn il-Kunsilli EPSCO u ECOFIN, bil-għan li jilħqu pożizzjoni koerenti kull meta jkun meħtieġ;

68.    Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li l-impatt tal-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali – meħuda sabiex jiżguraw mhux biss is-sostenibilità tal-ekonomiji ta' ċerti Stati Membri, iżda s-sostenibilità tal-ekonomija Ewropea kollha – fuq is-sitwazzjoni tax-xogħol u dik soċjali tal-UE kien sever u estensiv; jitlob għal sforzi akbar biex jiġu ssodisfati l-obbligi kollha soċjali u tal-impjieg stipulati fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jistieden lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex tevalwa bir-reqqa l-impatt ta' dawn il-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali u biex toħroġ rakkomandazzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Karta;

69.    Jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Taljana, kif indikat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014, biex issir konferenza fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern dwar l-impjiegi, speċjalment l-impjiegi fost iż-żgħażagħ;

70.    Jilqa' t-tnaqqis imsemmi hawn fuq fir-rati tal-qgħad f'ċerti Stati Membri; madankollu jfakkar li l-istrateġija Ewropa 2020 tiddikjara preċiżament li ċ-ċifra li trid tingħata attenzjoni hija r-rata tal-impjieg, u jqis li hija ħasra li l-indikaturi tar-rata tal-impjieg attwali ma jirriflettux b'mod preċiż ir-realtà tas-swieq tax-xogħol kollha fl-UE;

71.    Jinnota li l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa għal riformi strutturali biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta' qafas għat-tkabbir u l-impjiegi, partikolarment fi żminijiet ta' qgħad kbir u li permezz tat-tlestija tas-Suq Uniku jistgħu jiżdiedu ħafna opportunitajiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew;

72.    Jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tagħmel l-irkupru tal-impjieg prijorità assoluta billi tistabbilixxi strateġija ambizzjuża u olistika għat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità, li għandha tinvolvi lill-Kummissarji l-ġodda kollha; huwa tal-opinjoni, għal dan il-għan, li l-Kummissarju għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali għandu jfassal pjan li jinvolvi l-oqsma ta' politika kollha u jinkludi l-miżuri konkreti biex jitħeġġeġ l-impjieg ta' kwalità;

73.    Iqis li l-UE ma tistax tirkupra l-kompetittività tagħha permezz ta' tnaqqis fl-ispejjeż biss, iżda din teħtieġ li tkun akkumpanjata minn żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u permezz ta' effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi; jitlob li s-swieq tax-xogħol isiru aktar adattabbli u dinamiċi sabiex ikunu kapaċi jaġġustaw għat-tfixkil fis-sitwazzjoni ekonomika mingħajr sensji kollettivi u aġġustament eċċessiv tal-pagi; ifakkar li l-kapaċità tal-akkwist ta' ħafna ħaddiema tal-UE tnaqqret sew, id-dħul tal-familji naqas u d-domanda interna naqset; jemmen li sabiex tinġieb lura l-kompetittività neċessarja tal-ekonomija tagħna, l-UE trid tikkontempla wkoll strateġiji li jiffukaw fuq spejjeż ta' produzzjoni, żviluppi fil-prezzijiet u marġini ta' profitti oħrajn, u fuq politiki transettorjali mmirati biex iżidu l-innovazzjoni, il-produttività u l-eċċellenza;

74.    Jinsab imħasseb dwar l-inugwaljanzi dejjem jikbru fil-ġid u d-dħul li qed idgħajfu l-kapaċità tal-akkwist, id-domanda interna u l-investiment fl-ekonomija reali; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu miżuri li jfittxu li jnaqqsu dawn l-inugwaljanzi fil-PNR tagħhom bil-għan li jiżdiedu t-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali;

75.    Jisħaq fuq il-bżonn li jiċċaqlaq il-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq forom oħrajn ta' taxxa sostenibbli sabiex jitħeġġu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

76.    Jilqa' s-CSRs tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet filwaqt li jiġi żgurat li dan jibbenefika b'mod partikolari d-dħul aktar baxx; jenfasizza l-impatt baġitarju pożittiv, tal-impjieg, tal-impatt soċjali u dak ambjentali taċ-ċaqliq tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq tassazzjoni ambjentali u li jitneħħew b'mod gradwali s-sussidji ta' dannu għall-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel it-tassazzjoni ambjentali prijorità fis-SAT li jmiss;

77.    Jinsab imħasseb li l-frammentazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro, f'ċerti każijiet, tkun qed tipperikola t-tkabbir u s-sostenibilità tal-SMEs; jitlob li l-kapaċità tas-self tal-ekonomija terġa' tiġi kif kienet, li tippermetti lill-SMEs jinvestu u joħolqu impjiegi, kif ukoll jitlob li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-intraprenditorija u għal programmi bħall-COSME u l-programm Orizzont 2020;

78.    Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw piżijiet amministrattivi u burokrazija mhux meħtieġa għall-persuni li jaħdmu għal rashom, għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u biex jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għan-negozji ġodda;

79.    Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod urġenti, biex tagħti forma tanġibbli – abbażi tal-Artikolu 9 tat-TFUE – lill-pjan tal-investiment imwiegħed ta' EUR 300 biljun, u jitlob għal valutazzjoni dwar jekk din iċ-ċifra hijiex suffiċjenti biex jinġieb lura l-potenzjal sħiħ tal-UE għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità;

80.    Jilqa' t-talba tal-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni umbrella tagħha dwar is-CSR fl-UE kollha, biex ikun hemm aktar investiment fir-R & Ż, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, flimkien mal-enerġija, it-trasport u l-ekonomija diġitali;

81.    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex issaħħu l-industrija tal-UE permezz tal-applikazzjoni ta' politika tal-kompetizzjoni aktar flessibbli favur il-kompetittività u l-impjieg, flimkien ma' pjan ta' tranżizzjoni ekoloġiku u diġitali; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, proposta għal att legali dwar l-għoti ta' informazzjoni u konsultazzjoni lill-ħaddiema, u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturazzjoni sabiex jiġi żgurat l-adattament ekonomiku u soċjalment responsabbli għall-bidla mill-industrija tal-UE b'tali mod li jinżammu d-drittijiet tal-ħaddiema mingħajr ma jitqiegħed piż regolatorju eċċessiv fuq kumpaniji, speċjalment l-SMEs;

82.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f’ħafna Stati Membri u setturi, flimkien ma’ telf ta’ impjieg, hemm tnaqqis fil-kwalità tal-impjiegi, żieda fl-ostakoli għall-impjieg u deterjorament fl-istandards tax-xogħol; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jagħmlu sforzi dedikati biex itejbu l-kwalità tal-impjiegi sabiex jintrabtu b'mod ġust il-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jagħmlu sforzi dedikati biex jindirizzaw il-problemi addizzjonali kkawżati minn part-time involontarju u impjieg temporanju involontarju, kuntratti prekarji (bħal kuntratti b'sigħat żero) l-apprendistat bla ħlas, l-impjieg indipendenti fittizju u xogħol mhux iddikjarat; jilqa' għalhekk l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar pjattaforma Ewropea dwar ix-xogħol mhux iddikjarat; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-persuni b'kuntratti prekarji, temporanji jew part-time jew li għandhom impjiegi indipendenti jkollhom sett bażiku ta' drittijiet u protezzjoni soċjali adegwata;

83.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-gwida ta’ politika tagħha tħeġġeġ ir-riformi tas-suq tax-xogħol immirati, fost oħrajn, biex inaqqsu s-segmentazzjoni, jippromwovu t-tranżizzjoni bejn l-impjiegi, itejbu l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, inaqqsu l-faqar fost dawk li jaħdmu, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, isaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema b’kuntratti atipiċi u jipprovdu iżjed protezzjoni soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

84.    Josserva li, fir-rapport annwali tal-2013 tiegħu dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjieg tal-UE, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-ispiża tal-protezzjoni soċjali bħala salvagwardja kontra r-riskji soċjali; ifakkar fl-importanza ta' stabbilizzaturi awtomatiċi fl-indirizzar tax-xokkijiet asimettriċi, fl-evitar ta' tnaqqis eċċessiv tal-istati soċjali nazzjonali u b'hekk fit-tisħiħ tas-sostenibilità tal-EMU kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fis-CSR tagħha l-importanza li jiġu preservati stabilizzaturi awtomatiċi b'saħħithom fl-Istati Membri minħabba r-rwol straordinarju tagħhom biex tinżamm il-koeżjoni soċjali kif ukoll tiġi stimulata d-domanda interna u tkabbir ekonomiku; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproduċi Green Paper dwar l-istabbilizzaturi awtomatiċi fiż-żona tal-euro;

85.    Jinnota l-intenzjoni tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew, kif indikat fil-programm tagħha, biex jibda d-dibattitu dwar stabilizzaturi awtomatiċi fil-livell tal-UE, b'attenzjoni speċjali għat-twaqqif ta' skema ta' benefiċċji għall-qgħad fiż-żona tal-euro;

86.    Jisħaq fuq l-importanza ta' politiki tas-suq tax-xogħol attivi u inklużivi bħala għodda strateġika għall-promozzjoni tal-impjieg fil-kuntest attwali; huwa mħasseb ħafna li diversi Stati Membri, minkejja r-rati ta' qgħad li qegħdin jiżdiedu, naqqsu l-allokazzjonijiet baġitarji li jiffinanzjaw politiki tas-suq tax-xogħol attivi u inklużivi; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki tas-suq tax-xogħol attivi, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali;

87.    Jilqa' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES); jinnota l-proposta ta' Jannar 2014 għal regolament tal-EURES (Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol); jitlob lill-Parlament u l-Kunsill biex jiddeliberaw dwar ir-riforma, b'mod urġenti, sabiex il-EURES isir strument effettiv biex tiżdied il-mobilità tax-xogħol fl-UE, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1296/2013 u bil-għan li titħeġġeġ id-diversità; ifakkar li l-mobilità għandha tibqa’ volontarja u m’għandhiex tillimita l-isforzi biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità u postijiet ta’ taħriġ fuq il-post; jenfasizza li informazzjoni professjonali u affidabbli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fi Stati Membri oħra hija prerekwiżit għal Żona Ekonomika Ewropea li tiffunzjona tajjeb;

88.    Jenfasizza n-numru dejjem jikber ta' ħaddiema, partikolarment iż-żgħażagħ, li jitilqu mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom għal Stati Membri oħrajn biex ifittxu opportunitajiet ta' xogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex tħeġġeġ il-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema sabiex tiġi żgurata l-libertà ta' moviment filwaqt li jkun rispettat il-prinċipju tat-trattament ugwali u jiġu protetti l-pagi u l-istandards soċjali; jistieden lil kull Stat Membru biex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol li huma konformi mal-istrateġija Ewropa 2020;

89.    Jinsab imħasseb li l-provvista ta' ħiliet tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u ta' dawk matematiċi (STEM) mhijiex se tissodisfa d-domanda li qed tiżdied minn negozji fis-snin li ġejjin u b'hekk tnaqqas il-kapaċità tal-forza tax-xogħol tal-UE li tadatta u timxi 'l quddiem; jistieden lill-Istati Membri jinvestu fil-modernizzar ta' sistemi edukattivi u ta' taħriġ, inkluż tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fi skemi ta' tagħlim doppji u biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol;

90.    Jemmen li hemm bżonn jitjiebu l-ħiliet tat-tmexxija, tal-ġestjoni u tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ biex negozji ġodda u dawk li għadhom jibdew jieħdu vantaġġ mis-swieq il-ġodda, biex jilħqu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom sabiex iż-żgħażagħ ikunu persuni li jimpjegaw u mhux impjegati biss;

91.    Jinnota li s-self bankarju għadu l-aktar sors komuni ta’ finanzjament fl-UE; jemmen, madankollu, li hemm benefiċċji reali fil-forom ġodda ta’ finanzjament permezz ta’ skemi innovattivi u rotot mhux bankarji, bħall-finanzjament kollettiv (crowdfunding), l-investituri informali tal-SMEs, is-self bejn il-pari, il-mikroself, l-aġenziji ta' mikrokreditu faċilment aċċessibbli u għodod oħra, li jistgħu jipprovdu investiment vitali għall-impriżi li għadhom jibdew u għall-SMEs biex jikbru u joħolqu l-impjiegi;

92.    Jilqa' t-tnaqqis fir-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, imma jinnota li xorta għadu f'livelli allarmanti: 22 % fl-UE-28 u 23.1 % fiż-żona tal-euro; jenfasizza d-differenzi inkwetanti bejn l-Istati Membri (7.8 % fil-Ġermanja u fil-Greċja (56.3 % f'April tal-2014)); jiddeplora l-fatt li anke l-insigurtà tal-impjiegi u s-sottoimpjieg żdiedu, meta wieħed iqis li anke meta ż-żgħażagħ jirnexxilhom isibu impjieg, uħud minnhom– medja ta’ 43 %, imqabbel ma’ 13 % ta’ ħaddiema adulti – isibu ruħhom jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji jew b’kuntratti part-time involontarji; jesprimi wkoll tħassib dwar il-livell li qed jiżdied ta' żgħażagħ qiegħda u mingħajr dar f'diversi Stati Membri;

93.    Jilqa' l-fatt li l-Garanziji għaż-Żgħażagħ jissemmew fil-maġġorparti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-isfidi li ġew identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2014 dwar il-kwalità tal-offerti, in-nuqqas ta' komunikazzjoni attiva għall-NEETs, il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg u n-nuqqas ta' impenn effikaċi mas-sħab relevanti kollha, filwaqt li fl-istess ħin jiġu identifikati l-aħjar prattiki li jistgħu jservu bħala punt ta' riferiment ħalli jitjiebu l-programmi; jitlob għal aktar trasparenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u approċċ aktar ambizzjuż rigward l-indirizzar ta' dawk l-Istati Membri li mhumiex juru progress u użu aħjar tal-frontloading; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ għandha titqies bħala inċentiv għall-Istati Membri kollha biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dawk li jittrattaw il-faqar u l-inklużjoni soċjali;

94.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas Ewropew li jintroduċi standards minimi għall-implimentazzjoni tal-Garanziji taż-Żgħażagħ – inklużi l-kwalità tal-apprendistati u tal-impjiegi, pagi deċenti għaż-żgħażagħ u aċċess għas-servizzi u d-drittijiet tal-impjieg – u għandu jkopri ż-żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 25 u 30 sena; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-baġit disponibbli b'mod effiċjenti u jimplimentaw il-Garanziji taż-Żgħażagħ mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħmlu l-Garanziji taż-Żgħażagħ prijorità minħabba l-fatt li l-allokazzjonijiet tal-baġit huma fl-ewwel sentejn iffinanzjati minn qabel (frontloaded); jitlob biex jiżdied il-baġit disponibbli matul ir-rieżami mwiegħed ta' nofs is-sena tal-qafas finanzjarju pluriennali, billi wieħed iżomm f'moħħu li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol stmat li s-somma ta' EUR 21 biljun hija neċessarja biex tissolva l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro; iqis din iż-żieda bħala investiment neċessarju meta jiġi kkunsidrat it-telf ekonomiku annwali enormi li jirriżulta minn nuqqas ta' azzjoni fost iż-żgħażagħ li jammonta għal EUR 153 biljun, li jikkorrispondi għal 1,2 % tal-PDG tal-UE (Eurofound 2012)(16);

95.    Jenfasizza l-importanza li wieħed jitfa' enfasi fuq il-ħiliet prattiċi u s-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali li jagħmel liż-żgħażagħ iktar impjegabbli;

96.    Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur edukattiv fil-livelli kollha;

97.    Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2014 dwar il-qafas ta' kwalità għat-traineeships bil-għan li tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema żgħażagħ u l-isfruttar tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, bħala parti mis-Semestru Ewropew, biex jinkorporaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-PNR u s-CSR;

98.    Josserva bi tħassib li r-rati ta' qgħad fost in-nisa huwa ogħla mir-rati totali (11.7 % fl-UE-18 u 10.4 % fl-UE-28, meta mqabbla ma' 11.5 % u 10.2 % rispettivament); għalhekk jitlob għal pjanijiet speċifiċi għall-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità b'miżuri mmirati għan-nisa; jitlob għall-integrazzjoni tas-sessi fir-rakkomandazzjonijiet, u jinnota li ż-żieda fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol m'għandhomx jiġu pperikolati minn rakkomandazzjonijiet oħrajn; jitlob għall-istabbiliment ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi bil-għan li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi u fil-pensjoni, li mhux biss hija ta' xkiel għall-ekonomija u l-kompetittività imma wkoll sinjal ta' inġustizzja soċjali;

99.    Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi perspettiva usa' ta' ugwaljanza bejn is-sessi – lil hinn mir-rati tal-impjieg – fis-SAT li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jindirizzaw is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u d-distribuzzjoni inugwali tar-responsabbiltajiet ta' assistenza; jitlob li jkun hemm servizzi pubbliċi ta' kwalità fil-qasam tal-kura tat-tfal u l-persuni dipendenti, li jippermettu lill-persuni li joffru l-kura, speċjalment in-nisa, ir-ritorn lejn l-impjieg, u li jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata;

100.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-qgħad għoli fost il-gruppi żvantaġġati billi jagħtu prijorità lill-aċċess u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u lill-mainstreaming tal-politiki ta' aċċess u integrazzjoni, minħabba li x-xogħol huwa s-sigriet għall-integrazzjoni effettiva;

101.  Jinsab imħasseb li n-nies bla xogħol għal żmien twil u l-ħaddiema anzjani qed jesperjenzaw rati ta' qgħad ogħla u diffikultajiet addizzjonali biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew biex jgħinu lil dawn il-ħaddiema jerġgħu jidħlu b'suċċess fis-suq tax-xogħol;

102.  Josserva bi tħassib li, f'ħafna każijiet, l-impjegati ta' 'l fuq minn 40 sena spiss ma jibqgħux jirċievu taħriġ xieraq u edukazzjoni ulterjuri fil-post tax-xogħol; jitlob għalhekk lil min iħaddem, lis-sħab soċjali u lill-gvernijiet nazzjonali biex jimplimentaw kunċetti u miżuri reali ta' tagħlim tul il-ħajja (LLL) b'rabta mas-suq tax-xogħol bil-għan li jinkiseb titjib sinifikanti fil-kwalifika ta' ħaddiema ikbar mill-iktar fis;

103.  Jilqa' dawk is-CSRs immirati biex iżidu l-adegwatezza u l-kopertura tal-iskemi tad-dħul minimu, ix-xbieki ta' sikurezza u l-protezzjoni soċjali, u n-numru ta' CSRs relatati mal-politiki ta' inklużjoni tas-suq tax-xogħol; huwa tal-opinjoni, madankollu, li t-tkabbir irregolari u fraġli mistenni mill-Kummissjoni fl-2014 u l-2015 mhux se jkun jista' jittratta waħdu l-impatt li kellhom il-kriżi u l-konsegwenzi tagħha fuq il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fuq l-ilħuq tal-miri Ewropa 2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet, iwettquhom u jipproponu miżuri mmirati speċifiċi fil-PNR tagħhom bil-għan li jiġi ttrattat il-faqar, speċjalment il-persuni mingħajr dar u l-faqar fost it-tfal;

104.  jitlob lill-Kummissjoni torbot lis-Semestru Ewropew iktar mill-qrib mal-objettivi soċjali tal-Ewropa 2020; huwa tal-opinjoni li l-PNRs għandhom jirrapportaw dwar il-progress tal-miri nazzjonali rigward il-faqar, fejn tidher il-kontribuzzjoni li tkun saret għall-mira ewlenija dwar il-faqar miftiehma b'mod komuni fl-Ewropa 2020; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ CSRs dwar il-ġlieda kontra l-faqar lill-Istati Membri kollha fil-ġejjieni; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miżuri speċifiċi ta' inklużjoni soċjali u kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li jiġi miġġieled il-faqar, filwaqt li jkunu mmirati dawk il-gruppi l-iktar f'riskju tal-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw strateġija dwar l-inklużjoni attiva u komprensiva billi jipprovdu dħul minimu u sistema ta' sigurtà soċjali, bi qbil mal-prattiki nazzjonali tagħhom stess, inkluż dispożizzjonijiet stabbiliti bi ftehimiet kollettivi jew leġiżlazzjoni nazzjonali;

105.  Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri effettivi ta' integrazzjoni tar-Roma fl-Istati Membri, jimplimentaw miżuri fit-tul, immirati u integrati għat-tnaqqis fil-livell ta' marġinalizzazzjoni soċjali u ekonomika tal-komunitajiet Roma, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' miżuri għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' rabtiet imsaħħa bejn l-assistenza soċjali u l-attivazzjoni, żieda fl-attendenza fl-iskejjel min-naħa tat-tfal Roma u tnaqqis fl-irtirar kmieni mill-iskejjel;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod immedjat tiffaċċja ż-żieda allarmanti fil-faqar fost it-tfal madwar l-UE permezz tal-introduzzjoni ta' garanzija għat-tfal kontra l-faqar; jemmen li garanzija bħal din hija tal-ikbar importanza sabiex it-tfal li ġew affettwati mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u soċjali attwali jiġu protetti;

107.  Jiddispjaċih għall-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pensjonijiet kienu saru mingħajr ma tqieset il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Green u l-White Papers; jenfasizza li r-riformi tal-pensjoni jeħtieġu koeżjoni politika u soċjali nazzjonali u għandhom jiġu nnegozjati mas-sħab soċjali sabiex ikunu ta' suċċess, u li r-riformi komprensivi neċessarji tas-sistemi tal-pensjoni tal-Istati Membri għandhom jitfasslu, jiġu kkonċeputi u adottati bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibilità tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin ma jiġux ipperikolati l-livelli ta' pensjoni adegwati u jkunu għal kollox konformi mal-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020;

108.  Iqis li hija ħasra li vera ftit CSRs jittrattaw il-kwistjoni tal-faqar fost il-ħaddiema jew il-ħaddiema mingħajr dar; jinnota li qed joħorġu forom ġodda ta’ faqar li jmissu l-klassijiet tan-nofs u tal-ħaddiema b'diffikultajiet biex jitħallsu l-ipoteki li jirriżultaw f'żieda fin-numru ta' żgumbramenti u kanċellamenti; jistieden lill-Kummissjoni biex, fis-SAT 2015, tindirizza b'mod ċar il-faqar fost persuni li jaħdmu u l-faqar fost persuni b'rabta limitata jew mingħajr rabta mas-suq tax-xogħol; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw politiki integrati li jiffavorixxu akkomodazzjoni soċjali u għall-but ta' kulħadd, politiki ta' prevenzjoni effettivi mmirati biex inaqqsu n-numru ta’ żgumbramenti, u politiki li jittrattaw il-faqar enerġetiku, li ukoll qed jiżdied;

109.  Jilqa' l-fatt li ċerti CSRs huma kkonċernati mill-ġlieda kontra l-faqar fit-tfal u b'servizzi għall-kura tat-tfal li wieħed ikun jista' jaffordja, imma jitlob għal aktar politiki mfassla għall-familji bi dħul baxx; jitlob għal aktar rakkomandazzjonijiet dwar l-istrateġiji għall-inklużjoni soċjali, inkluża l-ġlieda kontra forom estremi ta' faqar bħalma huma l-persuni mingħajr djar;

110.  Jinnota l-appoġġ tal-Kummissjoni għal strateġiji attivi ta' inklużjoni; jemmen, madankollu, li dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu miżuri li jintegraw lill-persuni b'diżabilitajiet u ħiliet tax-xogħol imnaqqsa fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-valur miżjud ta' inċentivizzar ta' min iħaddem biex jimpjega lill-persuni l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol permezz tal-iżvilupp ta' taħlita bbilanċjata kif xieraq ta' responsabilitajiet u netwerks ta' appoġġ li jinvolvu lill-protagonisti rilevanti kollha fl-iżvilupp tal-politiki tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri;

111.  Jitlob, minħabba r-rati għoljin ta' faqar, li ssir evalwazzjoni dwar jekk il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn huwiex iffinanzjat b'mod suffiċjenti, u jekk ma jkunx, li titqies il-possibilità li jiżdied il-finanzjament matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali;

112.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' persuni mingħajr dar permezz ta' strateġiji komprensivi abbażi tal-prevenzjoni, ta' approċċi abbażi tal-akkomodazzjoni, ta' revizjoni ta' regolamenti u prattiki fir-rigward tat-tkeċċija mid-djar u jwaqqfu l-kriminalizzazzjoni tal-persuni mingħajr dar; jitlob għal titjib fir-rigward tal-iskambju transnazzjonali tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku u jirrikonoxxi r-rwol tal-programm Progress f'dan il-kuntest;

113.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni biex ikun hemm investiment fl-edukazzjoni, imma jinsab imħasseb li aktar minn 20 Stat Membru naqqas l-infiq għall-edukazzjoni f'termini relattivi (bħala perċentwali tal-PDG), b'hekk xekklu l-potenzjal tagħhom tat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjieg u l-kompetittività tagħhom; jinnota li t-tnaqqis ta’ tali investiment se jżid id-dgħufija strutturali tal-UE, minħabba n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ħtieġa dejjem tikber għal ħaddiema kwalifikati ħafna u l-fatt li f’bosta Stati Membri proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol attwalment huma ħaddiema bi ftit kwalifiki;

114.  Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġu riformati s-sistemi tal-kura tas-saħħa sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom li jipprovdu aċċess pubbliku universali għall-kura ta' kwalità għolja b'mod kosteffettiv, u biex tiġi żgurata s-sostenibilità finanzjarja tagħhom;

115.  Itenni s-sejħa tiegħu għal involviment miżjud u strutturat tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u tal-UE, sabiex jiġu protetti l-leġittimità u titjieb l-effettività tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jinsab ħerqan, f'dan ir-rigward, dwar l-involviment ippjanat mill-Kummissjoni tas-sħab soċjali fil-kuntest tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali qabel l-adozzjoni tas-SAT tal-2015;

116.  Jikkritika l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha involvew kemm il-parlament nazzjonali tagħhom kif ukoll is-sħab soċjali nazzjonali u s-soċjetà ċivili tagħhom fl-abbozzar tal-PNR tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu ħarsa ġenerali dettaljata fil-PNR tagħhom fejn jiġi spjegat min kien involut, u b'liema mod; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu nota tal-prattiki nazzjonali differenti fir-rigward tal-proċeduri parlamentari u l-involviment tal-partijiet interessati fis-Semestru Ewropew;

Politiki baġitarji

117.  Jenfasizza, għal darb'oħra, ir-rwol importanti li għandu l-baġit tal-UE biex jistimula t-tkabbir sostenibbli, jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u jnaqqas l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE, biex b'hekk jingħata kontribut għat-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali; ifakkar, b'mod partikolari, li mingħajr ma jitqies ir-rwol tiegħu bħala katalizzatur għall-investimenti, kważi 60 % tal-baġit tal-UE huwa ddedikat għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza, barra minn hekk, li ħafna programmi tal-2014-2020 fihom strumenti finanzjarji innovattivi b'potenzjal li jiżvolġu rwol fundamentali fis-sostenn tal-investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati fl-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-investimenti fit-tul li huma rikonoxxuti minn bosta bħala prijorità politika ewlenija;

118.  Ifakkar il-bżonn, fil-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid, ta' implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-programmi l-ġodda kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, sabiex dawn il-programmi jitħallew jikkontribwixxu għall-proċess tal-irkupru ekonomiku; jappella għal implimentazzjoni partikolarment rapida tal-programmi li jibbenefikaw minn finanzjamenti minn qabel fl-ewwel snin tal-QFP, bħall-programmi Orizzont 2020, COSME, Erasmus+ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li tali programmi għandhom effett ta' lieva u rwol sinerġiku u katalitiku fir-rigward tal-politiki nazzjonali fil-qasam tal-investimenti, tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-bżonn ta' tnedija rapida tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (f'termini ta' ftehimiet ta' sħubija diġà ffirmati, programmi operattivi maqbula u prefinanzjamenti żborżati); jenfasizza, għal darb'oħra, ir-rwol li tiżvolġi l-politika ta' koeżjoni fl-għoti ta' sostenn lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi fit-territorju tal-UE kollu kemm hu; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-finanzjamenti tal-UE jkunu diretti, kull meta jkun possibbli, lejn proġetti li jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment fost iż-żgħażagħ, kif ukoll lejn it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward il-livell bla preċedent ta' impenji pendenti (RAL), li l-maġġor parti tagħhom jinsabu fil-politika ta' koeżjoni, u r-riskju għoli ta' diżimpenji li ċerti Stati Membri qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom f'dawk li huma finanzjamenti mill-perjodu ta' programmazzjoni ta' qabel;

119.  Jappoġġa kemm il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE kif ukoll l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala mezzi fundamentali fil-ġlieda kontra l-livell drammatikament għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jilqa' pożittivament l-azzjonijiet reċenti li ħadet il-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri fil-programmazzjoni fil-pront tal-miżuri ffinanzjati fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-implimentazzjoni korretta, effikaċi u rapida ta' tali programmi;

120.  Jenfasizza l-fatt li l-promozzjoni tal-impjiegi, tat-tkabbir u tal-kompetittività fl-UE teħtieġ li l-formazzjoni tal-katini tal-valur fl-UE jingħataw spinta u li l-kumpaniji tal-UE, fosthom l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, ikunu integrati b'mod aktar sod fil-livelli kollha tal-katini tal-valur; ifakkar il-fatt li tali politiki għandhom ikopru l-impriżi ta' kull daqs, ikunu favur iż-żamma tal-katina ta' produzzjoni fl-Ewropa, isostnu s-setturi b'potenzjal ta' tkabbir għoli, b'attenzjoni partikolari fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet, is-sostenibilità, l-imprenditorija u l-kreattività, u jħallu biżżejjed tkabbir u ġid biex jippermettu żieda fil-ħolqien tal-impjiegi;

121.  Jisħaq fuq il-fatt li, fi żmien meta bosta Stati Membri huma dipendenti ferm fuq fornitur uniku tal-enerġija, fosthom sitta li huma totalment dipendenti fuq ir-Russja għall-gass naturali tagħhom, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-impjiegi jeħtieġu wkoll tnaqqis tal-vulnerabilità tal-UE fil-konfront tax-xokkijiet enerġetiċi esterni, kif enfasizzat mill-kriżi li għaddejja bħalissa fl-Ukraina; jesprimi l-apprezzament tiegħu, f'dan ir-rigward, għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26-27 ta' Ġunju 2014 u jistenna li dawn il-konklużjonijiet ikunu kkomplementati, sa mhux aktar tard minn Ottubru 2014, b'miżuri ambizzjużi ta' terminu medju-twil bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà enerġetika tal-UE;

122.  Jenfasizza l-fatt li l-limiti massimi rigorużi tal-2014-2020 tal-pagamenti għadhom problema kruċjali għall-baġit tal-UE b'effetti negattivi fuq l-irkupru ekonomiku billi l-pagamenti tardivi jagħmlu ħsara primarjament lill-benefiċjarji diretti; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, il-progressjoni f'waqtha u ordinata tal-pagamenti sabiex, kontemporanjament, jitwettqu l-għanijiet kemm tal-pagamenti li joriġinaw minn impenji tal-imgħoddi kif ukoll ta' dawk li jirriżultaw mill-prefinanzjamenti biex iniedu fil-pront programmi ġodda, u tiġi evitata kwalunkwe bidla anomala ta' impenji pendenti (RAL) fuq il-baġit tal-2015; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill jadotta bis-sħiħ l-abbozz ta' baġit emendatorju nru 3/2014, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, bil-għan li l-baġit tal-UE jħalli l-ogħla impatt f'termini ta' investiment fil-post; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jekk il-baġits emendatorji nri 2, 3 u 4 jiġu adottati mingħajr emendi, dan ikun jirriżulta f'implikazzjoni totali għall-baġit ta' EUR 106 miljun biss f'kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-introjtu nazzjonali gross (ING) li jkunu jridu jsiru disponibbli mill-Istati Membri ħalli jiġi garantit livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014 biex ikopru l-obbligi ġuridiċi preżenti tal-Unjoni; jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jkompli jissorvelja s-sitwazzjoni ġenerali f'dawk li huma pagamenti u RAL u jirrikorri b'mod sħiħ għal kull mezz ta' flessibilità minqux fir-Regolament QFP u fil-ftehim interistituzzjonali relatat; jenfasizza l-fatt li l-kwistjoni tal-kriżi rikorrenti tal-pagamenti tal-baġit tal-UE għandha tiġi ttrattata b'mod sostenibbli fl-okkażjoni tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020 li mistennija tiġi varata mill-aktar fis possibbli mill-Kummissjoni Ewropea li jmiss hekk kif tibda l-mandat tagħha fl-1 ta' Novembru 2014;

123.  Ifakkar fil-fehma tiegħu li s-sitwazzjoni fiskali tal-Istati Membri tista' titjieb permezz ta' sistema ġdida ta' riżorsi proprji għall-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni li se jnaqqas il-kontribuzzjonijiet mill-ING, u b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-isforzi tagħhom ta' konsolidament mingħajr ma jipperikolaw il-finanzjament tal-UE li jappoġġa l-investimenti għal miżuri ta' rkupru ekonomiku u ta' riforma; ifakkar fil-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ressqet bosta proposti leġiżlattivi ħalli tirriforma s-sistema tar-riżorsi proprji iżda sal-lum, sfortunatament, l-ebda waħda minnhom ma ġiet diskussa bis-serjetà mill-Kunsill; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jagħti lill-grupp ta' livell għoli l-ġdid dwar ir-riżorsi proprji, li għandu jwassal għal riforma vera tal-finanzjamenti tal-UE;

124.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2015 tagħha li se jiġi ppubblikat f'Novembru 2014, taffronta u tenfasizza bis-sħiħ ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew billi tforni data fattwali u konkreta dwar l-effett skattanti, katalitiku, sinerġiku u komplementari li jeżerċita fuq in-nefqa pubblika globali fuq skala lokali, reġjonali u nazzjonali;

125.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, biex fis-SAT li jmiss, tforni stampa sħiħa u kompleta tal-kisbiet bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, adottat fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012 bil-għan li jiġu superati l-kriżi ekonomika u dik fiskali, u tippreżenta proposti ġodda dwar ir-rwol li l-baġit tal-UE jista' jiżvolġi biex ikompli joħloq tkabbir intelliġenti, sostenibbli, inklużiv, effiċjenti fir-riżorsi u li joħloq l-impjiegi;

126.  Jilqa' favorevolment l-impenn tal-President elett tal-Kummissjoni biex iwettaq il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina" tal-5 ta' Diċembru 2012; jemmen li kwalunkwe finanzjament jew strument addizzjonali, bħall-mekkaniżmu ta' solidarjetà, għandu jkun parti integrali tal-baġit tal-UE, iżda apparti l-limiti massimi maqbula tal-QFP.

Is-suq intern

127.  Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' suq intern ġenwin għall-enerġija li jiżgura aċċess ġust għas-suq, livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u suq aċċessibbli, speċjalment għall-SMEs;

128.  Jemmen li l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, billi jikkompletaw ir-riformi tal-liġijiet rispettivi tagħhom dwar l-amministrazzjoni pubblika, jipprovdu aktar servizzi diġitali aċċessibbli u servizzi diġitali aċċessibbli aħjar għaċ-ċittadini u l-impriżi, inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-effiċjenza, jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transfruntiera u jimplimentaw oqfsa ta' interoperabilità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet tipprovdi opportunità kbira biex jittejbu l-innovazzjoni u l-aċċess għall-SMEs u biex tiġi modernizzata l-amministrazzjoni pubblika, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll f'dak lokali, billi jittejbu l-kwalità, l-effikaċja u t-trasparenza tal-infiq u l-investiment pubbliku;

Politiki ambjentali:

129.  Jenfasizza l-fatt li t-tħaddir tal-ekonomiji tal-UE jikkontribwixxi għal tkabbir fit-tul u li jiflaħ għall-kriżijiet, ikattar il-kompetittività u joħloq l-impjiegi, filwaqt li jtejjeb is-sigurtà u l-indipendenza enerġetika tal-Unjoni, u li l-ekonomija ħadra għandha titqies bħala mutur ewlieni għall-iżvilupp tal-ekonomija;

130.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.

(2)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.

(3)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.

(4)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.

(5)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(6)

ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.

(7)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0240.

(8)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0036.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2014)0130.

(10)

ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

(11)

ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(12)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0129.

(13)

ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 101.

(14)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0043.

(15)

Testi adottati, P7_TA(2014)0130.

(16)

Eurofound (2012), 'NEETs: young people not in employment, education or training: characteristics, costs and policy responses in Europe', Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (30.9.2014)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika:

implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014

(2014/2059(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Nils Torvalds

(*) Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jissottolinja, għal darb'oħra, ir-rwol importanti li għandu l-baġit tal-UE biex jistimula t-tkabbir sostenibbli, jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u jnaqqas l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE, biex b'hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali; ifakkar, b'mod partikolari, li mingħajr ma jitqies ir-rwol tiegħu bħala katalizzatur għall-investimenti, kważi 60 % tal-baġit tal-UE huwa ddedikat għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; jissottolinja, barra minn hekk, li ħafna programmi tal-2014-2020 fihom strumenti finanzjarji innovattivi b'potenzjal li jiżvolġu rwol fundamentali fis-sostenn tal-investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati fl-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-investimenti fit-tul li huma rikonoxxuti minn bosta bħala prijorità politika ewlenija;

2.  Ifakkar il-bżonn, fil-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid, ta' implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-programmi l-ġodda kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, sabiex dawn il-programmi jitħallew jikkontribwixxu għall-proċess tal-irkupru ekonomiku; jappella għal implimentazzjoni partikolarment rapida tal-programmi li jibbenefikaw minn finanzjamenti minn qabel fl-ewwel snin tal-QFP, bħall-programmi Orizzont 2020, COSME, Erasmus+ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li tali programmi għandhom effett ta' lieva u rwol sinerġiku u katalitiku fir-rigward tal-politiki nazzjonali fil-qasam tal-investimenti, tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja l-bżonn ta' tnedija rapida tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (f'termini ta' ftehimiet ta' sħubija diġà ffirmati, programmi operattivi maqbula u prefinanzjamenti żborżati); jenfasizza, għal darb'oħra, ir-rwol li tiżvolġi l-politika ta' koeżjoni fl-għoti ta' sostenn lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi fit-territorju tal-UE kollu kemm hu; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-finanzjamenti tal-UE jkunu diretti, kull meta jkun possibbli, lejn proġetti li jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment fost iż-żgħażagħ, kif ukoll lejn it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward il-livell bla preċedenti ta' impenji pendenti (RAL), li l-maġġor parti tagħhom jinsabu fil-politika ta' koeżjoni, u r-riskju għoli ta' diżimpenji li ċerti Stati Membri qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom f'dawk li huma finanzjamenti mill-perjodu ta' programmazzjoni ta' qabel;

3.  Jappoġġa kemm il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE kif ukoll l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala mezzi fundamentali fil-ġlieda kontra l-livell drammatikament għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jilqa' pożittivament l-azzjonijiet reċenti li ħadet il-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri fil-programmazzjoni fil-pront tal-miżuri ffinanzjati fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-implimentazzjoni korretta, effikaċi u rapida ta' tali programmi;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-promozzjoni tal-impjiegi, tat-tkabbir u tal-kompetittività fl-UE teħtieġ li l-formazzjoni tal-katini tal-valur fl-UE jingħataw spinta u li l-kumpaniji tal-UE, fosthom l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, ikunu integrati b'mod aktar sod fil-livelli kollha tal-katini tal-valur; ifakkar il-fatt li tali politiki għandhom ikopru l-impriżi ta' kull daqs, ikunu favur iż-żamma tal-katina ta' produzzjoni fl-Ewropa, isostnu s-setturi b'potenzjal ta' tkabbir għoli, b'attenzjoni partikolari fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet, is-sostenibilità, l-imprenditorjalità u l-kreattività, u jħallu biżżejjed tkabbir u ġid biex jippermettu żieda fil-ħolqien tal-impjiegi;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li, fi żmien meta bosta Stati Membri huma dipendenti ferm fuq fornitur uniku tal-enerġija, fosthom sitta li huma totalment dipendenti fuq ir-Russja għall-gass naturali tagħhom, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-impjiegi jeħtieġu wkoll tnaqqis tal-vulnerabilità tal-UE fil-konfront tax-xokkijiet enerġetiċi esterni, kif enfasizzat mill-kriżi li għaddejja bħalissa fl-Ukraina; jesprimi l-apprezzament tiegħu, f'dan ir-rigward, għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26-27 ta' Ġunju 2014 u jistenna li dawn il-konklużjonijiet ikunu kkomplementati, sa mhux aktar tard minn Ottubru 2014, b'miżuri ambizzjużi ta' terminu medju-twil bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà enerġetika tal-UE;

6.  Jissottolinja l-fatt li l-limiti massimi rigorużi tal-2014-2020 tal-pagamenti għadhom problema kruċjali għall-baġit tal-UE b'effetti negattivi fuq l-irkupru ekonomiku billi l-pagamenti tardivi jagħmlu ħsara primarjament lill-benefiċjarji diretti; ifakkar il-ħtieġa li tiġi żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, il-progressjoni f'waqtha u ordinata tal-pagamenti sabiex, kontemporanjament, jitwettqu l-għanijiet kemm tal-pagamenti li joriġinaw minn impenji tal-imgħoddi kif ukoll ta' dawk li jirriżultaw mill-prefinanzjamenti biex iniedu fil-pront programmi ġodda, u tiġi evitata kwalunkwe bidla anomala ta' impenji pendenti (RAL) fuq il-baġit tal-2015; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill jadotta bis-sħiħ l-abbozz ta' baġit emendatorju nru 3/2014, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, bil-għan li l-baġit tal-UE jħalli l-ogħla impatt f'termini ta' investiment fil-post; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jekk il-baġits emendatorji nri 2, 3 u 4 jiġu adottati mingħajr emendi, dan ikun jirriżulta f'implikazzjoni totali għall-baġit ta' EUR 106 miljun biss f'kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-introjtu nazzjonali gross (ING) li jkunu jridu jsiru disponibbli mill-Istati Membri ħalli jiġi garantit livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014 biex ikopru l-obbligi ġuridiċi preżenti tal-Unjoni; jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jkompli jissorvelja s-sitwazzjoni kumplessiva f'dawk li huma pagamenti u RAL u jirrikorri b'mod sħiħ għal kull mezz ta' flessibilità minqux fir-Regolament QFP u fil-ftehim interistituzzjonali relatat; jissottolinja l-fatt li l-kwistjoni tal-kriżi rikorrenti tal-pagamenti tal-baġit tal-UE għandha tiġi ttrattata b'mod sostenibbli fl-okkażjoni tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020 li mistennija tiġi varata mill-aktar fis possibbli mill-Kummissjoni Ewropea li jmiss li appik li tibda l-mandat tagħha fl-1 ta' Novembru 2014;

7.  Jidhirlu li huwa deplorevoli li l-Istati Membri jkomplu jissottostimaw ir-rwol u l-kontribut tal-baġit tal-UE fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika u fil-koordinazzjoni baġitarja fl-UE kollha, u għalhekk jistidinhom biex ma jikkunsidrawx il-kontribuzzjoni tagħhom lill-baġit tal-UE bħala aġġustament varjabbli fl-isforzi ta' konsolidament tagħhom u biex ma jippruvawx inaqqsu artifiċjalment il-volum tan-nefqa tal-baġit tal-UE ddedikat għat-tisħiħ tat-tkabbir, fatt li jmur kontra l-impenji politiċi li assumew fl-ogħla livell; jistieden, għal darb'oħra, lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ dan l-andament rikorrenti u perikoluż meta tivvaluta l-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri u sabiex tipproponi azzjonijiet konkreti biex treġġgħu lura; jemmen, għall-kuntrarju, li l-finanzjamenti fil-livell tal-UE jistgħu jiġġeneraw iffrankar għall-baġits tal-Istati Membri;

8.  Ifakkar il-fehma tiegħu li s-sitwazzjoni fiskali tal-Istati Membri tista' titjieb permezz ta' sistema ġdida ta' riżorsi proprji għall-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni li se jnaqqas il-kontribuzzjonijiet mill-ING, u b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-isforzi tagħhom ta' konsolidament mingħajr ma jipperikolaw il-finanzjament tal-UE li jappoġġa l-investimenti għal miżuri ta' rkupru ekonomiku u ta' riforma; ifakkar il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ressqet bosta proposti leġiżlattivi ħalli tirriforma s-sistema tar-riżorsi proprji iżda sal-lum, sfortunatament, l-ebda waħda minnhom ma ġiet diskussa bis-serjetà mill-Kunsill; jissottolinja, għalhekk, l-importanza li jagħti lill-grupp ta' livell għoli l-ġdid dwar ir-riżorsi proprji, li għandu jwassal għal riforma vera tal-finanzjamenti tal-UE;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2015 tagħha li se jiġi ppubblikat f'Novembru 2014, taffronta u tissottolinja bis-sħiħ ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew billi tforni data fattwali u konkreta dwar l-effett skattanti, katalitiku, sinerġiku u komplementari li jeżerċita fuq in-nefqa pubblika globali fuq skala lokali, reġjonali u nazzjonali;

10. Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, biex fis-SAT li jmiss, tforni stampa sħiħa u kompleta tal-kisbiet bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, adottat fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012 bil-għan li jiġu superati l-kriżi ekonomika u dik fiskali, u tippreżenta proposti ġodda dwar ir-rwol li l-baġit tal-UE jista' jiżvolġi biex ikompli joħloq tkabbir intelliġenti, sostenibbli, inklużiv, effiċjenti fir-riżorsi u li joħloq l-impjiegi;

11. Jilqa' favorevolment l-impenn tal-President elett tal-Kummissjoni biex iwettaq il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina" tal-5 ta' Diċembru 2012; jemmen li kwalunkwe finanzjament jew strument addizzjonali, bħall-mekkaniżmu ta' solidarjetà, għandu jkun parti integrali tal-baġit tal-UE, iżda apparti l-limiti massimi maqbula tal-QFP.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, Valdis Dombrovskis, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Heidi Hautala, Monika Hohlmeier, Kaja Kallas, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleytherios Synadinos, Indrek Tarand, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Echenique, Anneli Jäätteenmäki, Zbigniew Kuźmiuk, Ivan Štefanec, Claudia Tapardel, Nils Torvalds, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Flavio Zanonato, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Edouard Martin


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (2.10.2014)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014

(2014/2059(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sergio Gutiérrez Prieto

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-14 ta' Settembru 2011(1) u tas-16 ta' Jannar 2014(2) dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar,

A.  billi, wara sitt snin ta' kriżi ekonomika u rati ta' tkabbir negattiv, l-irkupru ekonomiku qiegħed jitjieb bil-mod il-mod u huwa mistenni li jinfirex mal-Istati Membri kollha sal-2015; billi l-previżjonijiet tal-Kummissjoni għall-irkupru ekonomiku għadhom fraġli u jridu jitkomplew ir-riformi sabiex jiġu ssodisfati t-talbiet soċjali u tal-impjieg taċ-ċittadini u jinġiebu lura l-produttività u l-kompetittività; billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni soċjali f'ħafna partijiet tal-UE hija batuta, li l-qgħad laħaq livelli massimi bħal qatt qabel u li d-diverġenzi fost ir-reġjuni u l-Istati Membri qed jiżdiedu; billi miżuri li jittrattaw din is-sitwazzjoni soċjali u ta' impjieg jiffaċilitaw il-kompetittività u l-prospetti ta' tkabbir;

B.   billi, minkejja tnaqqis baxx, ir-rati tal-qgħad fl-UE u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom inkredibilment allarmanti (25.005 miljun persuna mingħajr impjieg fl-UE-28 f'Ġunju 2014 u 5.06 miljun żagħżugħ/a mingħajr impjieg fl-UE-28 f'Lulju 2014); billi, barra minn hekk, id-differenzi bejn ir-rati ta' qgħad inġenerali u fost iż-żgħażagħ tal-Istati Membri (5 % qgħad fl-Awstrija, meta mqabbla ma' 27.3 % fil-Greċja; rata ta' qgħad ta' 9.3 % fost iż-żgħażagħ fl-Awstrija, meta mqabbla ma' 53.8 % fi Spanja) jirrappreżentaw riskju kbir kemm għall-istabilità ekonomika tal-UE kif ukoll għall-koeżjoni soċjali Ewropea;

C.  billi l-Kummissjoni nnutat li ħafna Stati Membri diġà bdew riformi sinifikanti, inklużi t-tisħiħ u t-titjib tal-effiċjenza ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-ħolqien ta' ambjent ta' negozju ospitabbli;

D.  billi l-Kummissjoni tindika r-rwol li għandhom l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp biex jiġġeneraw valur miżjud, u għall-fatt li n-nuqqas dejjem jiżdied ta' tqabbil fil-ħiliet qed jaffettwa partikolarment lis-setturi li huma bbażati fuq l-għarfien;

E.   billi l-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol issa hija waħda mill-kawżi ewlenin ta' inugwaljanza bejn l-Istati Membri u bejn setturi differenti; billi dan huwa dimostrat bid-diverġenzi fl-aċċess għall-impjieg (inklużi ostakli kbar biex wieħed jidħol f'impjieg) u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-livelli ta' paga, li xi kultant huma insuffiċjenti biex jiggarantixxu standards ta' għajxien deċenti, u bil-polarizzazzjoni dejjem tiżdied bejn l-impjiegi li jeħtieġu livell ta' speċjalizzazzjoni baxxa u dawk b'livell ta' speċjalizzazzjoni għolja, li tista' tipprevjeni l-moviment fis-suq tax-xogħol; billi r-riformi għadhom neċessarji sabiex tintemm tali frammentazzjoni;

F.   billi l-iffissar ta' pagi minimi hija kompetenza tal-Istati Membri;

G.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-diskriminazzjoni, u s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol toffri lill-ħaddiema protezzjoni mill-isfruttament u d-diskriminazzjoni, u tgħin ukoll tiffaċilita l-inkorporazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi bħal dawk tan-nisa u ta' persuni b'diżabilità; billi l-kost tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali huwa stmat li jikkostitwixxi bejn 2.6 % u 3.8 % tal-PDG, filwaqt li huwa stmat li għal kull euro li jintefaq fuq l-implimentazzjoni ta' standards tas-saħħa u tas-sikurezza, il-kumpaniji għandhom redditu ta' EUR 2.2;

H.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja enfasizzat il-fraġilità tal-finanzi pubbliċi f'uħud mill-Istati Membri;

I.    billi biex tiġi ttrattata l-kriżi, ċerti Stati Membri naqqsu sew il-finanzi pubbliċi tagħhom fl-istess żmien li żdiedet id-domanda għall-protezzjoni soċjali tagħhom minħabba żieda fin-numru ta’ nies qiegħda; billi l-allokazzjonijiet baġitarji nazzjonali għall-kopertura tas-sigurtà soċjali ġġebbdu aktar billi l-kontribuzzjonijiet naqsu wara t-telf ta’ impjieg li laqat lil diversi persuni jew it-tnaqqis fil-pagi, u għalhekk il-mudell soċjali Ewropew verament tqiegħed fil-periklu;

J.    billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-politiki ta' awsterità, adottati minħabba l-kriżi u s-sitwazzjoni f'bosta ekonomiji tal-UE, kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-aspetti soċjali, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta' Ġunju 2014 (COM(2014)0400): L-effetti tal-kriżi u tal-miżuri ta' politika fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali għandhom impatt fuq il-livelli ta' inugwaljanza. In-natura strutturali ta' ċerti forom ta' qgħad, limitazzjonijiet ta' aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, ċerti riformi tal-benefiċċji tat-taxxa jistgħu kollha jitfgħu piż sproporzjonat fuq il-partijiet tas-soċjetà li huma l-iktar vulnerabbli.

K.  billi l-Artikolu 9 tat-TFUE jipprevedi li "Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem", u billi huwa importanti li din il-klawżola orizzontali tiġi implimentata b'mod suffiċjenti fl-oqsma kollha ta' politika sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Artikolu 3 tat-TUE; billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jippreskrivi li: "Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. [...] għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.";

L.   billi 7.5 miljun ruħ biss – 3.1 % tal-forza tax-xogħol fl-UE – huma attwalment impjegati fi Stat Membru ieħor, u billi ż-żgħażagħ huma l-aktar grupp li x'aktarx ikun mobbli;

M.  billi, minħabba l-kriżi, l-SMEs u l-intrapriżi mikro qed iħabbtu wiċċhom ma' spejjeż għoljin ħafna sabiex ikollhom aċċess għall-finanzjament u qed isibuha diffiċli jagħmlu dan, b'hekk qed jostakola l-abilità tagħhom li jikbru u li joħolqu l-impjiegi; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom konsegwentement bżonn li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-SMEs, bil-għan li jinħolqu tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u impjieg ta' kwalità fl-UE bi qbil mal-miri tal-Ewropa 2020;

1.   Jilqa' l-fatt li l-enfasi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2014 (CSRs) mexa minn pożizzjoni fejn sempliċiment iżidu l-konsolidazzjoni fiskali għal waħda fejn isaħħu l-kundizzjonijiet għal tkabbir u impjieg sostenibbli; ifakkar li bil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) għad hemm marġini maħsuba biex jiffaċilitaw it-tkabbir ekonomiku fl-UE, u li hemm bżonn li jitqiesu d-differenzi fis-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri;

2.   Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li l-konsolidazzjoni fiskali għandha tkompli b'mod li jiffavorixxi l-ambjent u b'mod divrenzjat, biex b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu mhux biss jinvestu fit-tkabbir u fil-ħolqien tax-xogħol, iżda wkoll jindirizzaw il-livell ta' dejn għoli, il-qgħad u l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ;

3.   Jenfasizza l-potenzjal għall-impjieg tal-ekonomija ekoloġika li skont l-istimi tal-Kummissjoni tista’, fis-setturi tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biss, toħloq 5 miljun impjieg sal-2020, bil-kundizzjoni li jiġu stabbiliti politiki ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw livelli suffiċjenti ta' investiment f'dawn is-setturi u biex jantiċipaw il-ħiliet futuri tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-isfruttament tal-potenzjal tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika bħala prijorità ewlenija fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 (SAT);

4.   Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tqis id-diverġenzi bejn l-Istati Membri li jidhru fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR), iżda jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lil dawk ir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, b'mod partikolari meta jitqiesu l-allokazzjonijiet ta' fondi;

5.   Ifakkar li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li "l-livelli għolja ta' qgħad u diffikultajietsoċjali qed jieklu mill-kapital uman u soċjali Ewropew u jeħtieġu azzjoni deċiżiva maż-żmien" (COM(2014)0400); jitlob lill-Kummissjoni l-ġdida biex tqis għalkollox il-kompromessi soċjali u tal-impjieg fil-baġit u ġġibhom konformi mal-għanijiet tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali (PIS);

6.   Jenfasizza li l-politiki soċjali u dwar l-impjiegi m'għandhomx jitqiesu biss mil-lat tal-ispejjeż, iżda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol u l-benefiċji fuq perjodu ta' żmien twil, biex b'hekk jinżammu l-investimenti fis-soċjetà u ċ-ċittadini tagħha bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u jiġu salvagwardjati l-futur u l-istabilità tal-Istati Membri u tal-UE kollha kemm hi;

7.   Jenfasizza li filwaqt li l-pagi huma fattur varjabbli importanti sabiex isolvu l-iżbilanċi makroekonomiċi fiż-żona tal-euro, dawn mhumiex sempliċiment għodda għall-aġġustament ekonomiku, iżda fuq kollox huma d-dħul li l-ħaddiema għandhom bżonn biex jgħixu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet relatati mal-pagi ma jżidux il-faqar fost min jaħdem jew l-inugwaljanzi fil-pagi fl-Istati Membri, jew ikunu ta' dannu għall-gruppi li għandhom dħul baxx;

8.   Jinsab imħasseb sew dwar il-fatt li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-miri soċjali u tal-impjieg tal-Ewropa 2020, u li l-mira ta' tnaqqis tal-faqar għadha partikolarment lura meta jitqies li n-numru ta' persuni li jgħixu fil-faqar żdied b'10 miljuni bejn l-2010 u l-2012 minflok ma naqas; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tadotta approċċ konsistenti u titlob li l-Istati Membri jirrapportaw immedjatament dwar il-progress nazzjonali fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu – fil-PNR – strateġiji nazzjonali definiti sew biex ikun hemm progress fl-istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar;

9.   Jitlob għal koordinazzjoni ex ante tal-politiki fiskali, ekonomiċi u soċjali rakkomandati bħala parti mis-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fis-SAT u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

10. Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-pilastru soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) bħala parti mill-proċess ta' integrazzjoni tad-dimensjoni soċjali fl-istrutturi attwali tal-mekkaniżmi tal-governanza ekonomika; jitlob biex din tkompli b'mod aktar ambizzjuż sabiex jitnaqqsu l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali u jingħeleb id-dumping soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkonformaw il-miżuri ekonomiċi implimentati tul il-proċess tas-Semestru Ewropew mal-miri soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-prinċipji soċjali stabbiliti fit-Trattati;

11. Jilqa' l-użu tat-tabella ta' valutazzjoni soċjali u tal-impjieg il-ġdida min-naħa tal-Kummissjoni għas-CSRs ta' din is-sena, b'mod partikolari r-referenzi għar-rati ta' qgħad inġenerali u ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u għal-livelli ta' NEET; jinnota li dawn l-indikaturi huma purament analitiċi; jitlob għall-inklużjoni ta' indikaturi addizzjonali – bħalma huma l-kwalità tax-xogħol, il-livelli ta' faqar fit-tfal, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, u persuni mingħajr dar – fit-tabella ta' valutazzjoni; jitlob biex dawn l-indikaturi jkollhom influwenza reali fuq il-proċess sħiħ tas-Semestru Ewropew;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex ikomplu jtejbu l-indikaturi użati għall-monitoraġġ tad-dimensjoni soċjali, ambjentali u ta’ innovazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 bħala parti mis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli d-dibattitu dwar in-numru u l-iżvilupp ta' indikaturi soċjali u tal-impjieg, minħabba l-fatt li l-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-UE huma żewġ naħat tal-istess munita, fejn it-tnejn li huma għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-UE;

13. Itenni t-talba tiegħu għal laqgħa tal-ministri tal-impjieg u l-affarijiet soċjali tal-grupp tal-euro li trid issir qabel is-samits tal-euro, meta jkun meħtieġ, sabiex jiżguraw li l-kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg jiġu indirizzati b'mod aktar sħiħ fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet taż-żona tal-euro, u bil-għan li jikkontribwixxu għal-laqgħat tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern taż-żona tal-euro; jemmen fl-importanza ta' laqgħat konġunti bejn il-Kunsilli EPSCO u ECOFIN, bil-għan li jilħqu pożizzjoni koerenti kull meta jkun neċessarju;

14. Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li l-impatt tal-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali – meħuda sabiex jiżguraw mhux biss is-sostenibilità tal-ekonomiji ta' ċerti Stati Membri, iżda s-sostenibilità tal-ekonomija Ewropea kollha – fuq is-sitwazzjoni tax-xogħol u dik soċjali tal-UE kien sever u wiesa'; jitlob għal sforzi akbar biex jiġu ssodisfati l-obbligi kollha soċjali u tal-impjieg stipulati fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jistieden lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex tevalwa bir-reqqa l-impatt ta' dawn il-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali u biex toħroġ rakkomandazzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Karta;

L-impjieg

15. Jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Taljana, kif indikat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014, biex issir konferenza fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern dwar l-impjiegi, speċjalment l-impjiegi fost iż-żgħażagħ;

16. Jilqa' t-tnaqqis imsemmi hawn fuq fir-rati tal-qgħad f'ċerti Stati Membri; madankollu jfakkar li l-istrateġija Ewropa 2020 tiddikjara preċiżament li ċ-ċifra li trid tingħata attenzjoni hija r-rata tal-impjieg, u jqis li hija ħasra li l-indikaturi tar-rata tal-impjieg attwali ma jirriflettux b'mod preċiż ir-realtà tas-swieq tax-xogħol kollha fl-UE;

17. Jinnota li l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa għal riformi strutturali biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta' qafas għat-tkabbir u l-impjiegi, partikolarment fi żminijiet ta' qgħad kbir u li permezz tat-tlestija tas-Suq Uniku jistgħu jiżdiedu ħafna opportunitajiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew;

18. Jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tagħmel l-irkupru tal-impjieg prijorità assoluta billi tistabbilixxi strateġija ambizzjuża u olistika għat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità, li għandha tinvolvi lill-Kummissarji l-ġodda kollha; huwa tal-opinjoni, għal dan il-għan, li l-Kummissarju għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali għandu jfassal pjan li jinvolvi l-oqsma ta' politika kollha u jinkludi l-miżuri konkreti biex jitħeġġeġ l-impjieg ta' kwalità;

19. Iqis li l-UE ma tistax tirkupra l-kompetittività tagħha permezz ta' tnaqqis fl-ispejjeż biss, iżda din teħtieġ li tkun akkumpanjata minn żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u permezz ta' effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi; jitlob li s-swieq tax-xogħol isiru aktar adattabbli u dinamiċi sabiex ikunu kapaċi jaġġustaw għat-tfixkil fis-sitwazzjoni ekonomika mingħajr sensji kollettivi u aġġustament eċċessiv tal-pagi; ifakkar li l-kapaċità tal-akkwist ta' ħafna ħaddiema tal-UE tnaqqret sew, id-dħul tal-familji naqas u d-domanda interna naqset; jemmen li sabiex tinġieb lura l-kompetittività neċessarja tal-ekonomija tagħna, l-UE trid tikkontempla wkoll strateġiji li jiffukaw fuq spejjeż ta' produzzjoni, żviluppi fil-prezzijiet u marġini ta' profitti oħrajn, u fuq politiki transettorjali mmirati biex iżidu l-innovazzjoni, il-produttività u l-eċċellenza;

20. Jinsab imħasseb dwar l-inugwaljanzi dejjem jikbru fil-ġid u d-dħul li qed idgħajfu l-kapaċità tal-akkwist, id-domanda interna u l-investiment fl-ekonomija reali; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu miżuri li jfittxu li jnaqqsu dawn l-inugwaljanzi fil-PNR tagħhom bil-għan li jiżdiedu t-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali;

21. Jisħaq fuq il-bżonn li jiċċaqlaq il-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq forom oħrajn ta' taxxa sostenibbli sabiex jitħeġġu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

22. Jilqa' s-CSRs tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet filwaqt li jiġi żgurat li dan jibbenefika b'mod partikolari d-dħul aktar baxx; jenfasizza l-impatt baġitarju pożittiv, tal-impjieg, l-impatt soċjali u dak ambjentali taċ-ċaqliq tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq tassazzjoni ambjentali u li jitneħħew b'mod gradwali s-sussidji ta' dannu għall-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel it-tassazzjoni ambjentali prijorità fis-SAT li jmiss;

23. Jinsab imħasseb li l-frammentazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro, f'ċerti każijiet, tkun qed tipperikola t-tkabbir u s-sostenibilità tal-SMEs; jitlob li l-kapaċità tas-self tal-ekonomija terġa' tiġi kif kienet, li tippermetti lill-SMEs jinvestu u joħolqu impjiegi, kif ukoll jitlob li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-intraprenditorija u għal programmi bħall-COSME u l-Orizzont 2020;

24. Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw piżijiet amministrattivi u burokrazija mhux meħtieġa għall-persuni li jaħdmu għal rashom, għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u biex jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għan-negozji ġodda;

25. Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod urġenti, biex tagħti forma tanġibbli – abbażi tal-Artikolu 9 tat-TFUE – lill-pjan tal-investiment imwiegħed ta' EUR 300 biljun, u jitlob għal valutazzjoni dwar jekk din iċ-ċifra hijiex suffiċjenti biex jinġieb lura l-potenzjal sħiħ tal-UE għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità;

26. Jilqa' t-talba tal-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni umbrella tagħha dwar is-CSR fl-UE kollha, biex ikun hemm aktar investiment fir-R&Ż, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-ħiliet u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, flimkien mal-enerġija, it-trasport u l-ekonomija diġitali;

27. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex issaħħu l-industrija tal-UE permezz tal-applikazzjoni ta' politika tal-kompetizzjoni aktar flessibbli favur il-kompetittività u l-impjieg, flimkien ma' pjan ta' tranżizzjoni ekoloġiku u diġitali; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, proposta għal att legali dwar l-għoti ta' informazzjoni u konsultazzjoni lill-ħaddiema, u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturazzjoni sabiex jiġi żgurat l-adattament ekonomiku u soċjalment responsabbli għall-bidla mill-industrija tal-UE b'tali mod li jinżammu d-drittijiet tal-ħaddiema mingħajr ma jitqiegħed piż regolatorju eċċessiv fuq kumpaniji, speċjalment l-SMEs;

28. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f’ħafna Stati Membri u setturi, flimkien ma’ telf ta’ impjieg, hemm tnaqqis fil-kwalità tal-impjiegi, żieda fl-ostakoli għall-impjieg u deterjorament fl-istandards tax-xogħol; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jagħmlu sforzi dedikati biex itejbu l-kwalità tal-impjiegi sabiex jintrabtu b'mod ġust il-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jagħmlu sforzi dedikati biex jindirizzaw il-problemi addizzjonali kkawżati minn part-time involontarju u impjieg temporanju involontarju, kuntratti prekarji (bħal kuntratti b'sigħat żero) l-apprendistat bla ħlas, l-impjieg indipendenti fittizju u xogħol mhux iddikjarat; jilqa' għalhekk l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar pjattaforma Ewropea dwar ix-xogħol mhux iddikjarat; itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-persuni b'kuntratti prekarji, temporanji jew part-time jew li għandhom impjiegi indipendenti jkollhom sett bażiku ta' drittijiet u protezzjoni soċjali adegwata;

29. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-gwida ta’ politika tagħha tħeġġeġ ir-riformi tas-suq tax-xogħol immirati, fost oħrajn, biex inaqqsu s-segmentazzjoni, jippromwovu t-tranżizzjoni bejn l-impjiegi, itejbu l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, inaqqsu l-faqar fost dawk li jaħdmu, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, isaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema b’kuntratti atipiċi u jipprovdu iżjed protezzjoni soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

30. Josserva li, fir-rapport annwali tal-2013 tiegħu dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjieg tal-UE, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-ispiża tal-protezzjoni soċjali bħala salvagwardja kontra r-riskji soċjali; ifakkar fl-importanza ta' stabbilizzaturi awtomatiċi fl-indirizzar tax-xokkijiet asimettriċi, fl-evitar ta' tnaqqis eċċessiv tal-istati soċjali nazzjonali u b'hekk fit-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-UEM kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fis-CSR tagħha l-importanza li jiġu preservati stabilizzaturi awtomatiċi b'saħħithom fl-Istati Membri minħabba r-rwol straordinarju tagħhom biex tinżamm il-koeżjoni soċjali kif ukoll tiġi stimulata d-domanda interna u tkabbir ekonomiku; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproduċi Green Paper dwar l-istabbilizzaturi awtomatiċi fiż-żona tal-euro;

31. Jinnota l-intenzjoni tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew, kif indikat fil-programm tagħha, biex jibda d-dibattitu dwar stabilizzaturi awtomatiċi fil-livell tal-UE, b'attenzjoni speċjali għat-twaqqif ta' skema ta' benefiċċji għall-qgħad fiż-żona tal-euro;

32. Jisħaq fuq l-importanza ta' politiki tas-suq tax-xogħol attivi u inklużivi bħala għodda strateġika għall-promozzjoni tal-impjieg fil-kuntest attwali; huwa mħasseb ħafna li diversi Stati Membri, minkejja r-rati ta' qgħad li qegħdin jiżdiedu, naqqsu l-allokazzjonijiet baġitarji biex jiffinanzjaw politiki tas-suq tax-xogħol attivi u inklużivi; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki tas-suq tax-xogħol attivi, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali;

33. Jilqa' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru. 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES); jinnota l-proposta ta' Jannar 2014 għal regolament tal-EURES (Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol); jitlob lill-Parlament u l-Kunsill biex jiddeliberaw dwar ir-riforma, b'mod urġenti, sabiex l-EURES isir strument effettiv biex tiżdied il-mobilità tax-xogħol fl-UE, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1296/2013 u bil-għan li titħeġġeġ id-diversità; ifakkar li l-mobilità għandha tibqa’ volontarja u m’għandhiex tillimita l-isforzi biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità u postijiet ta’ taħriġ fuq il-post; jenfasizza li informazzjoni professjonali u affidabbli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fi Stati Membri oħra hija prerekwiżit għal Żona Ekonomika Ewropea li tiffunzjona tajjeb;

34. Jenfasizza n-numru dejjem jikber ta' ħaddiema, partikolarment iż-żgħażagħ, li jitilqu mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom għal Stati Membri oħrajn biex ifittxu opportunitajiet ta' xogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex tħeġġeġ il-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema sabiex tiġi żgurata l-libertà ta' moviment filwaqt li jkun ikkonsagrat il-prinċipju tat-trattament ugwali u jiġu protetti l-pagi u l-istandards soċjali; jistieden lil kull Stat Membru biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol li huma konformi mal-istrateġija Ewropa 2020;

35. Huwa mħasseb li l-provvista ta' ħiliet tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u ta' dawk matematiċi (STEM) mhijiex se tissodisfa d-domanda li qed tiżdied minn negozji fis-snin li ġejjin u b'hekk tnaqqas il-kapaċità tal-forza tax-xogħol tal-UE li tadatta u timxi 'l quddiem; jistieden lill-Istati Membri jinvestu fil-modernizzar ta' sistemi edukattivi u ta' taħriġ, inkluż tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fi skemi ta' tagħlim doppji u biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol;

36. Jemmen li hemm bżonn jitjiebu l-ħiliet tat-tmexxija, tal-ġestjoni u tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ biex negozji ġodda u dawk li għadhom jibdew jieħdu vantaġġ mis-swieq il-ġodda, biex jilħqu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom sabiex iż-żgħażagħ ikunu impjegaturi u mhux impjegati biss;

37. Jinnota li s-self bankarju għadu l-aktar sors komuni ta’ finanzjament fl-UE; jemmen, madankollu, li hemm benefiċċji reali fil-forom ġodda ta’ finanzjament permezz ta’ skemi innovattivi u rotot mhux bankarji, bħall-finanzjament kollettiv (crowdfunding), l-investituri informali tal-SMEs, is-self bejn il-pari, il-mikroself, l-aġenziji ta' mikrokreditu faċilment aċċessibbli u għodod oħra, li jistgħu jipprovdu investiment vitali għall-impriżi li għadhom jibdew u għall-SMEs biex jikbru u joħolqu l-impjiegi;

38. Jilqa' t-tnaqqis fir-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, imma jinnota li xorta għadu f'livelli allarmanti: 22 % fl-UE-28 u 23.1 % fiż-żona tal-euro; jenfasizza d-differenzi inkwetanti bejn l-Istati Membri (7.8 % fil-Ġermanja u fil-Greċja (56.3 % f'April tal-2014)); Jiddeplora l-fatt li anke l-insigurtà tal-impjiegi u s-sottoimpjieg żdiedu, billi wieħed iżomm f'moħħu li anke meta ż-żgħażagħ jirnexxilhom isibu impjieg, ftit minnhom– medja ta’ 43 %, imqabbel ma’ 13 % ta’ ħaddiema adulti – isibu ruħhom jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji jew b’kuntratti part-time involontarji; jesprimi wkoll tħassib dwar il-livell li qed jiżdied ta' żgħażagħ qiegħda u mingħajr dar f'diversi Stati Membri;

39. Jilqa' l-fatt li l-Garanziji għaż-Żgħażagħ jissemmew fil-maġġorparti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-isfidi li ġew identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tal-2014 dwar il-kwalità tal-offerti, in-nuqqas ta' komunikazzjoni attiva għall-NEETs, il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg u n-nuqqas ta' impenn effikaċi mas-sħab relevanti kollha, filwaqt li fl-istess ħin jiġu identifikati l-aħjar prattiki li jistgħu jservu bħala punt ta' riferiment ħalli jitjiebu l-programmi; jitlob għal aktar trasparenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u approċċ aktar ambizzjuż rigward l-indirizzar ta' dawk l-Istati Membri li mhumiex juru progress u użu aħjar tal-frontloading; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ għandha titqies bħala inċentiv għall-Istati Membri kollha biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dawk li jittrattaw il-faqar u l-inklużjoni soċjali;

40. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas Ewropew li jintroduċi standards minimi għall-implimentazzjoni tal-Garanziji taż-Żgħażagħ – inklużi l-kwalità tal-apprendistati u tal-impjiegi, pagi deċenti għaż-żgħażagħ u aċċess għas-servizzi u d-drittijiet tal-impjieg – u għandu jkopri ż-żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 25 u 30 sena; Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-baġit disponibbli b'mod effiċjenti u jimplimentaw il-Garanziji taż-Żgħażagħ mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħmlu l-Garanziji taż-Żgħażagħ prijorità minħabba l-fatt li l-allokazzjonijiet tal-baġit huma fl-ewwel sentejn iffinanzjati minn qabel (frontloaded); jitlob biex jiżdied il-baġit disponibbli matul ir-rieżami mwiegħed ta' nofs is-sena tal-qafas finanzjarju pluriennali, billi wieħed iżomm f'moħħu li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol stmat li s-somma ta' EUR 21 biljun hija neċessarja biex tissolva l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro; iqis din iż-żieda bħala investiment neċessarju meta jiġi kkunsidrat it-telf ekonomiku annwali enormi li jirriżulta minn nuqqas ta' azzjoni fost iż-żgħażagħ li jammonta għal EUR 153 biljun, li jikkorrispondi għal 1,2 % tal-PDG tal-UE (Eurofound 2012)(3);

41. Jenfasizza l-importanza li wieħed jitfa' enfasi fuq il-ħiliet prattiċi u s-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali li jagħmel liż-żgħażagħ iktar impjegabbli;

42. Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u s-settur edukattiv fil-livelli kollha;

43. Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2014 dwar il-qafas ta' kwalità għat-traineeships bil-għan li tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema żgħażagħ u l-isfruttar tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, bħala parti mis-Semestru Ewropew, biex jinkorporaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-PNR u s-CSR;

44. Josserva bi tħassib li r-rati ta' qgħad fost in-nisa huwa ogħla mir-rati totali (11.7 % fl-UE-18 u 10.4 % fl-UE-28, meta mqabbla ma' 11.5 % u 10.2 % respettivament); għalhekk jitlob għal pjanijiet speċifiċi għall-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità b'miżuri mmirati għan-nisa; jitlob għall-integrazzjoni tas-sessi fir-rakkomandazzjonijiet, u jinnota li ż-żieda fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol m'għandhomx jiġu pperikolati minn rakkomandazzjonijiet oħrajn; jitlob għall-istabbiliment ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi bil-għan li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi u fil-pensjoni, li mhux biss hija ta' xkiel għall-ekonomija u l-kompetittività imma wkoll sinjal ta' inġustizzja soċjali;

45. Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi perspettiva usa' ta' ugwaljanza bejn is-sessi – lilhinn mir-rati tal-impjieg – fis-SAT li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jindirizzaw is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u d-distribuzzjoni inugwali tar-responsabbiltajiet ta' assistenza; jitlob li jkun hemm servizzi pubbliċi ta' kwalità fil-qasam tal-kura tat-tfal u l-persuni dipendenti, li jippermettu lill-persuni li joffru l-kura, speċjalment in-nisa, ir-ritorn lejn l-impjieg, u li jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata;

46. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-qgħad għoli fost il-gruppi żvantaġġati billi jagħtu prijorità lill-aċċess u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u lill-mainstreaming tal-politiki ta' aċċess u integrazzjoni, minħabba li x-xogħol huwa s-sigriet għall-integrazzjoni effettiva;

47. Jinsab imħasseb li n-nies bla xogħol għal żmien twil u l-ħaddiema anzjani qed jesperjenzaw rati ta' qgħad ogħla u diffikultajiet addizzjonali biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew biex jgħinu lil dawn il-ħaddiema jerġgħu jidħlu b'suċċess fis-suq tax-xogħol;

48. Josserva bi tħassib li, f'ħafna każijiet, l-impjegati ta' 'l fuq minn 40 sena spiss ma jibqgħux jirċievu taħriġ xieraq u edukazzjoni ulterjuri fil-post tax-xogħol; jitlob għalhekk lil min iħaddem, lis-sħab soċjali u lill-gvernijiet nazzjonali biex jimplimentaw kunċetti u miżuri reali ta' tagħlim tul il-ħajja (LLL) b'rabta mas-suq tax-xogħol bil-għan li jinkiseb titjib sinifikanti fil-kwalifika ta' ħaddiema ikbar mill-iktar fis;

Il-faqar u l-esklużjoni soċjali

49. Jilqa' dawk is-CSRs immirati biex iżidu l-adegwatezza u l-kopertura tal-iskemi tad-dħul minimu, ix-xbieki ta' sikurezza u l-protezzjoni soċjali, u n-numru ta' CSRs relatati mal-politiki ta' inklużjoni tas-suq tax-xogħol; huwa tal-opinjoni, madankollu, li t-tkabbir irregolari u fraġli mistenni mill-Kummissjoni fl-2014 u l-2015 mhux se jkun jista' jittratta waħdu l-impatt li kellhom il-kriżi u l-konsegwenzi tagħha fuq il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fuq l-ilħuq tal-miri Ewropa 2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet, iwettquhom u jipproponu miżuri mmirati speċifiċi fil-PNR tagħhom bil-għan li jiġi ttrattat il-faqar, speċjalment il-persuni mingħajr dar u l-faqar fost it-tfal;

50. jitlob lill-Kummissjoni torbot lis-Semestru Ewropew iktar mill-qrib mal-objettivi soċjali Ewropa 2020; huwa tal-opinjoni li l-PNRs għandhom jirrapportaw dwar il-progress tal-miri nazzjonali dwar il-faqar, fejn tidher il-kontribuzzjoni li tkun saret għall-mira ewlenija dwar il-faqar miftiehma b'mod komuni fl-Ewropa 2020; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ CSRs dwar il-ġlieda kontra l-faqar lill-Istati Membri kollha fil-ġejjieni; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miżuri speċifiċi ta' inklużjoni soċjali u kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li jiġġieldu l-faqar, filwaqt li jimmiraw fuq dawk il-gruppi l-iktar f'riskju mill-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw strateġija dwar l-inklużjoni attiva u komprensiva billi jipprovdu dħul minimu u sistema ta' sigurtà soċjali, bi qbil mal-prattiki nazzjonali tagħhom stess, inkluż dispożizzjonijiet stabbiliti bi ftehimiet kollettivi jew leġiżlazzjoni nazzjonali;

51. Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri effettivi ta' integrazzjoni tar-Roma fl-Istati Membri, jimplimentaw miżuri fit-tul, immirati u integrati għat-tnaqqis fil-livell ta' marġinalizzazzjoni soċjali u ekonomika tal-komunitajiet Roma, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' miżuri għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' rabtiet imsaħħa bejn l-assistenza soċjali u l-attivazzjoni, żieda fl-attendenza fl-iskejjel min-naħa tat-tfal Roma u tnaqqis fl-irtirar kmieni mill-iskejjel;

52. Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod immedjat tiffaċċja ż-żieda allarmanti fil-faqar fost it-tfal madwar l-UE permezz tal-introduzzjoni ta' garanzija għat-tfal kontra l-faqar; jemmen li garanzija bħal din hija tal-ikbar importanza sabiex it-tfal li ġew affettwati mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u soċjali attwali jiġu protetti;

53. Jiddispjaċih għall-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pensjonijiet kienu saru mingħajr ma tqieset il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Green u l-White Papers; jenfasizza li r-riformi tal-pensjoni jeħtieġu koeżjoni politika u soċjali nazzjonali u għandhom jiġu nnegozjati mas-sħab soċjali sabiex ikunu ta' suċċess, u li r-riformi komprensivi neċessarji tas-sistemi tal-pensjoni tal-Istati Membri għandhom jitfasslu, jiġu kkonċeputi u adottati bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibilità tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin ma jiġux ipperikolati l-livelli ta' pensjoni adegwati u jkunu għal kollox konformi mal-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020;

54. Iqis li hija ħasra li vera ftit CSRs jittrattaw il-kwistjoni tal-faqar fost il-ħaddiema jew il-ħaddiema mingħajr dar; jinnota li qed joħorġu forom ġodda ta’ faqar li jmissu l-klassijiet tan-nofs u tal-ħaddiema b'diffikultajiet biex jitħallsu l-ipoteki li jirriżultaw f'żieda fin-numru ta' żgumbramenti u kanċellamenti; jistieden lill-Kummissjoni biex, fis-SAT 2015, tindirizza b'mod ċar il-faqar fost persuni li jaħdmu u l-faqar fost persuni b'rabta limitata jew mingħajr rabta mas-suq tax-xogħol; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw politiki integrati li jiffavorixxu akkomodazzjoni soċjali u għall-but ta' kulħadd, politiki ta' prevenzjoni effettivi mmirati biex inaqqsu n-numru ta’ żgumbramenti, u politiki li jittrattaw il-faqar enerġetiku, li ukoll qed jiżdied;

55. Jilqa' l-fatt li ċerti CSRs huma kkonċernati bil-ġlieda kontra l-faqar fit-tfal u b'servizzi għall-kura tat-tfal li wieħed ikun jista' jaffordja, imma jitlob għal aktar politiki mfassal għall-familji bi dħul baxx; jitlob għal aktar rakkomandazzjonijiet dwar l-istrateġiji għall-inklużjoni soċjali, inkluża l-ġlieda kontra forom estremi ta' faqar bħalma huma l-persuni mingħajr djar;

56. Jinnota l-appoġġ tal-Kummissjoni għal strateġiji attivi ta' inklużjoni; jemmen, madankollu, li dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu miżuri li jintegraw lill-persuni b'diżabilitajiet u ħiliet tax-xogħol imnaqqsa fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-valur miżjud ta' inċentivizzar ta' min iħaddem biex jimpjega lill-persuni l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol permezz tal-iżvilupp ta' taħlita bbilanċjata kif xieraq ta' responsabilitajiet u netwerks ta' appoġġ li jinvolvu lill-protagonisti rilevanti kollha fl-iżvilupp tal-politiki tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri;

57. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-użu effettiv u effiċjenti tal-fondi tal-UE biex jonqos il-faqar permezz ta' approċċi ta' sħubija li jinvolvu lis-soċjetà ċivili; jistieden lill-Istati Membri, speċjalment dawk bl-ogħla rati ta' qgħad u faqar, biex iqisu li jużaw 25 % mill-fondi ta' koeżjoni tagħhom għal programmi relatati mal-Fond Soċjali Ewropew; jitlob ukoll, minħabba r-rati għoljin ta' faqar, li ssir evalwazzjoni dwar jekk il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn huwiex iffinanzjat b'mod suffiċjenti, u jekk ma jkunx, li titqies il-possibilità li jiżdied il-finanzjament matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali;

58. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' persuni mingħajr dar permezz ta' strateġiji komprensivi abbażi tal-prevenzjoni, approċċi abbażi tal-akkomodazzjoni, revizjoni ta' regolamenti u prattiki fir-rigward tat-tkeċċija mid-djar u jwaqqfu l-kriminalizzazzjoni tal-persuni mingħajr dar; jitlob għal titjib fir-rigward tal-iskambju transnazzjonali tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku u jirrikonoxxi r-rwol tal-programm Progress f'dan il-kuntest;

59. Jilqa' r-rakkomandazzjoni biex ikun hemm investiment fl-edukazzjoni, imma jinsab imħasseb li aktar minn 20 Stat Membru naqqas l-infiq għall-edukazzjoni f'termini relattivi (bħala perċentwali tal-PDG), b'hekk xekklu l-potenzjal tagħhom tat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjieg u l-kompetittività tagħhom; jinnota li t-tnaqqis ta’ tali investiment se jżid id-dgħufija strutturali tal-UE, minħabba n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ħtieġa dejjem tikber għal ħaddiema kwalifikati ħafna u l-fatt li f’bosta Stati Membri proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol attwalment huma ħaddiema bi ftit kwalifiki;

60. Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġu riformati s-sistemi tal-kura tas-saħħa sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom li jipprovdu aċċess pubbliku universali għall-kura ta' kwalità għolja b'mod kosteffettiv, u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom;

Leġittimità demokratika

61. Itenni s-sejħa tiegħu għal involviment miżjud u strutturat tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u tal-UE, sabiex jiġu protetti l-leġittimità u titjieb l-effettività tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jinsab ħerqan, f'dan ir-rigward, għall-involviment ippjanat mill-Kummissjoni tas-sħab soċjali fil-kuntest tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali qabel l-adozzjoni tas-SAT tal-2015;

62. Jikkritika l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha involvew kemm il-parlament nazzjonali tagħhom kif ukoll is-sħab soċjali nazzjonali u s-soċjetà ċivili tagħhom fl-abbozzar tal-PNR tagħhom; Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu ħarsa ġenerali dettaljata fil-PNR tagħhom fejn jiġi spjegat min kien involut, u b'liema mod; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu nota tal-prattiki nazzjonali differenti fir-rigward tal-proċeduri parlamentari u l-involviment tal-partijiet interessati fis-Semestru Ewropew;

63. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ma saret l-ebda rakkomandazzjoni dwar l-objettivi tal-Ewropa 2020 lil dawk l-Istati Membri bi programm ta' assistenza finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt tal-programm ta' aġġustament ekonomiku fuq il-progress lejn l-ilħuq tal-miri prinċipali tal-Ewropa 2020 u tipproponi tibdil intiż li jġib il-programm ta' aġġustament konformi mal-objettivi tal-Ewropa 2020;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

5

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Beatriz Becerra Basterrechea, Tiziana Beghin, Vilija Blinkevičiūtė, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Marian Harkin, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Deirdre Clune, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Evelyn Regner, Helga Stevens, Ivo Vajgl, Gabriele Zimmer

(1)

ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 101.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0043.

(3)

Eurofound (2012), ‘NEETs: young people not in employment, education or training: characteristics, costs and policy responses in Europe', Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (24.9.2014)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014

(2014/2059(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gerben-Jan Gerbrandy

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

     Jissottolinja l-fatt li t-tħaddir tal-ekonomiji tal-UE jikkontribwixxi għal tkabbir fit-tul u li jiflaħ għall-kriżijiet, ikattar il-kompetittività u joħloq l-impjiegi, filwaqt li jtejjeb is-sigurtà u l-indipendenza enerġetika tal-Unjoni, u li l-ekonomija ħadra għandha titqies bħala mutur ewlieni għall-iżvilupp tal-ekonomija;

     Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi bis-sħiħ it-tħaddir tal-ekonomiji tal-UE fil-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015, is-Semestru Ewropew u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020, bil-għan li tappoġġja l-bidla għal ekonomiji b'użu effiċjenti tar-riżorsi u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju fl-UE;

     Jenfasizza l-fatt li t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija jgħin biex in-negozji Ewropej, b'mod speċjali l-intrapriżi żgħar u medji, jiffrankaw l-ispejjeż, jirbħu swieq li qed jikbru u jnaqqsu l-ħtiġijiet għall-materja prima;

     Itenni l-ħtieġa li sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent jitneħħew gradwalment sal-2020, u li l-bażijiet tat-taxxi ma jibqgħux iċċentrati fuq ix-xogħol, imma jinbidlu għal bażijiet li aktar jiffavorixxu t-tkabbir, bħat-tassazzjoni ambjentali;

     Jisħaq fuq il-fatt li huwa kruċjali li ntejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, minħabba li din tkattar il-kompetittività billi tiffranka l-ispejjeż u tnaqqas id-dipendenza fuq il-materja prima u l-enerġija; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu biex l-aġenda tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tiġi integrata fis-Semestru Ewropew;

     Iqis li s-Semestru Ewropew għandu jinkorpora wkoll id-data disponibbli dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika; jiddeplora l-fatt li stimi reċenti tal-Kummissjoni jissuġġerixxu li, kif sejrin l-affarijiet, l-UE se tilħaq biss nofs l-objettiv tagħha ta’ 20 % għall-effiċjenza enerġetika, u li l-pjanijiet kurrenti tal-Istati Membri x’aktarx jaqgħu wisq lura mill-mira komprensiva ta’ 20 % għall-effiċjenza enerġetika kif definita fl-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Istati Membri jistinkaw aktar ħalli jilħqu l-miri nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika bħala parti mill-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom;

     Iqis li metodoloġiji tal-kejl u tal-valutazzjoni komparattiva tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, flimkien ma' indikatur ewlieni u mira, għandhom ikunu inklużi sew fis-Semestru Ewropew kif ukoll fir-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020;

     Iqis li s-Semestru Ewropew għandu jinkorpora wkoll rappurtar dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika abbażi ta' miri legalment vinkolanti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

     Itenni t-talba tiegħu li l-innovazzjoni ekonomika tiġi mrawma permezz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi fis-Semestru Ewropew, għaliex tippreżenta prospetti ċari li jinħolqu negozji ġodda u li setturi tradizzjonali jingħataw nifs ġdid b'impjiegi aktar ħodor;

     Jinnota li d-diverġenzi bejn l-Istati Membri, kif identifikati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014, qed ixekklu l-potenzjal tal-ekonomija l-ħadra għat-tkabbir; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li l-acquis tal-UE dwar l-iskart jiġi implimentat b'mod sħiħ, anke permezz ta' miri minimi u ta' strateġiji nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart, u li jiġu implimentati r-rekwiżiti tal-UE rigward l-effiċjenza enerġetika;

     Jinnota li l-UE għadha tiġġenera medja ta' madwar ħames tunnellati ta' skart għal kull ras fis-sena, u li biss ftit aktar minn terz ta' dan jiġi rriċiklat b'mod effikaċi; jenfasizza l-fatt li l-Ewropa jeħtiġilha tagħmel aktar progress biex tittrasforma l-iskart f'riżorsa u tippromwovi metodi sostenibbli tal-ġestjoni tal-iskart, bħar-riċiklaġġ; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart fil-livell nazzjonali sabiex inaqqsu d-diverġenzi tal-lum u jimxu lejn ekonomija aktar ċirkolari;

     Jissottolinja l-ħtieġa li l-ministri tal-ambjent tal-UE jkunu aktar involuti fil-proċess tas-Semestru Ewropew fil-livell tal-Kunsill;

     Jenfasizza l-importanza ta' sistema tal-kura tas-saħħa effikaċi u sostenibbli għall-pazjenti u, b'mod aktar ġenerali, bħala investiment fit-tul għal tkabbir ekonomiku u soċjali; jissottolinja l-fatt li s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa – li jirrappreżentaw 8 % tal-popolazzjoni attiva tal-Ewropa u 10 % tal-PDG tal-UE – mistennija jiġġeneraw opportunitajiet sinifikanti ta' impjiegi, skont l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014; jitlob, għaldaqstant, li l-Kummissjoni Ewropea, fil-pakkett tagħha ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, tisħaq aktar fuq riformi meħtieġa biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali, u jitlob li għarfien speċifiku dwar il-politika tas-saħħa jiġi inkluż fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

     Jinnota r-rakkomandazzjonijiet għal kura tas-saħħa aktar kosteffiċjenti; jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li huwa importanti li l-effiċjenza u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa jittejbu, ma' dan jeħtieġ li jkun hemm impenji speċifiċi li jiżguraw l-aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità għolja, li tikkontribwixxi wkoll għall-koeżjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;

     Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa metodi affidabbli għall-kejl tal-aċċessibbiltà ta' kura tas-saħħa ta' kwalità, kif ukoll tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, bil-għan li jitnaqqsu d-diverġenzi u l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

15

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Ashley Fox, Francesc Gambús, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Teresa Rodriguez-Rubio, Annie Schreijer-Pierik, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Nicola Caputo, Herbert Dorfmann, Jo Leinen, James Nicholson, Marijana Petir, Christel Schaldemose, Michaela Šojdrová, Bart Staes, Theodor Dumitru Stolojan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elisabeth Köstinger, Barbara Spinelli


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (26.9.2014)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014

(2014/2059(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sergio Gaetano Cofferati

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-Governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014(1),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu ‘Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi: analiżi tal-progress li sar u tal-ostakli li għad fadal fl-Istati Membri – Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014’ (COM(2013)0785),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu ‘Is-Semestru Ewropew 2014: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi – Nibnu t-Tkabbir’ (COM(2014)0400),

1.  Jinnota li l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għad iridu jintlaħqu u jemmen li, fid-dawl tal-aġġornament meħtieġ, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ miżuri aktar b'saħħithom biex jingħalaq id-distakk attwali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-opportunità mogħtija mir-rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020 u mir-reviżjoni tal-Linji gwida Integrati biex issaħħaħ ir-rwol tas-Suq Uniku, inkluża l-aġenda diġitali li l-importanza tagħha qed tkompli tiżdied, fit-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi u ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE fl-oqsma ta' tkabbir ewlenin identifikati bħas-settur tas-servizzi, is-settur tal-enerġija, is-settur tat-trasport u s-Suq Uniku Diġitali;

3.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti, fil-qafas tar-rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, biex tikklassifika s-Suq Uniku bħala pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew, inklużi linji gwida dedikati u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar dan;

4.  Jilqa' l-bidla fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2014 favur it-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjiegi; ifaħħar, f'dan il-kuntest, il-ħidma tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mas-Suq Uniku, iżda jitlob li jsiru sforzi aktar determinati biex jiggwidaw u jikkoordinaw il-politiki nazzjonali u tal-UE, filwaqt li jitkomplew ir-riformi strutturali, bħala għajnuna biex jissaħħaħ is-Suq Uniku bl-għan li jiġu ttrattati l-ostakli għall-prestazzjoni tiegħu u li jiġi sfruttat il-potenzjal tiegħu li jagħti spinta lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u li joħloq l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jinżamm il-momentum fir-rigward tal-prijoritajiet tal-politika tas-Suq Uniku identifikati fl-oqsma tas-servizzi, in-netwerks u l-ekonomija diġitali; jenfasizza li l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandha teżamina wkoll kif il-partijiet ikkonċernati ewlenin jibbenefikaw mis-Suq Uniku;

5.  Jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi promossa l-għodda tas-Suq Uniku disponibbli għall-impriżi u ċ-ċittadini, inklużi l-Punti ta' Kuntatt Uniku, sabiex ikunu aktar konxji mill-opportunitajiet disponibbli biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi fis-Suq Uniku;

6.  Jissottolinja l-potenzjal tas-settur tal-manifattura fis-Suq Uniku; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza li jitnaqqsu l-ostakli għall-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-akkwist ta' prodotti industrijali fis-settur tal-manifattura;

7.  Jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni rigward il-professjonijiet regolati iżda jqis li jeħtieġ li tittieħed aktar azzjoni kontra restrizzjonijiet imposti fil-livell nazzjonali, speċjalment dawk li jaffettwaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati sabiex jiġu appoġġati l-impjiegi, it-tkabbir u l-mobbiltà tal-professjonisti kwalifikati fis-Suq Uniku; jitlob ukoll li jiżdied il-monitoraġġ tal-ostakli fis-Suq Uniku għall-merkanzija;

8.  Iqis li l-proċess tas-Semestru Ewropew jeħtieġ li jkun inklużiv, u li l-prijoritajiet politiċi jridu jiġu diskussi wkoll barra ċ-ċrieki governattivi, sabiex ir-responsabbiltà nazzjonali tinfirex u jiġu implimentati b'mod effikaċi kemm il-governanza ekonomika kif ukoll il-governanza tas-Suq Uniku; jirrikonoxxi l-fatt li d-djalogu mal-parlamenti nazzjonali u mas-soċjetà ċivili għandu rwol essenzjali biex terġa' tiddaħħal il-fiduċja fis-Suq Uniku; jitlob, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tal-Kummissjoni fl-għajnuna mogħtija lill-Istati Membri biex jimplimentaw leġiżlazzjoni kumplessa dwar is-Suq Uniku;

9.  Jemmen li fil-proċess tas-Semestru Ewropew tinħtieġ koordinazzjoni politika aktar miftuħa u effikaċi, partikolarment bl-involviment akbar tal-parlamenti nazzjonali, b'kontribut aktar b'saħħtu u aktar bikri mis-sħab soċjali u bit-tisħiħ tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew;

10. Jirrikonoxxi l-fatt li s-Suq Uniku huwa wieħed mill-elementi l-aktar importanti tal-proġett Ewropew li joħloq benefiċċji kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-impriżi; itenni li s-Suq Uniku għadu frammentat ferm u li l-potenzjal kbir għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi fil-biċċa l-kbira tiegħu mhuwiex sfruttat biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom u jżommu t-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku fost l-ogħla prijoritajiet tal-Unjoni;

11. Jenfasizza l-fatt li l-ekonomiji Ewropej iridu jiksbu riżultati billi jieħdu vantaġġ sħiħ mill-interdipendenza tagħhom fis-Suq Uniku, filwaqt li jqisu l-istadji ta' żvilupp u l-prijoritajiet nazzjonali li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; jemmen li għandha ssir enfasi partikolari kemm fuq l-industrija kif ukoll fuq is-servizzi bl-għan li titħeġġeġ konverġenza virtuża bejn is-sistemi ta' produzzjoni u konsegwenzi pożittivi fis-Suq Uniku kollu;

12. Iqis li allokazzjoni adegwata u użu effiċjenti ta' fondi pubbliċi u privati huma kruċjali sabiex tiġi stimolata l-ekonomija reali u biex jitħeġġeġ l-irkupru fl-Istati Membri kollha, u bl-għan ta' ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa', għalhekk, il-programm ta' investiment ta' EUR 300 biljun propost mill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tingħata prijorità lill-investiment pubbliku fl-infrastruttura, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kapital uman; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-fondi u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li differenzi kbar fl-aċċess għall-kreditu jkabbru aktar ix-xejriet li qed jiżdiedu ta' diverġenza interna; iqis, barra minn hekk, li dawn l-investimenti għandhom iservu biex titnieda politika industrijali konsistenti u integrata u li flimkien ma' dawn għandha ssir enfasi partikolari fuq l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri addizzjonali biex ittejjeb l-aċċess għall-fondi għall-SMEs, inklużi n-negozji li jkunu għadhom jiftħu fl-ambjent diġitali, u tiżgura t-titjib tal-ambjent kummerċjali, tissimplifika l-proċeduri u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-impriżi fis-Suq Uniku;

14. Iqis li l-aċċess aktar faċli għall-fondi għall-SMEs huwa prijorità u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) (2014-2020);

15. Iqis li reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, ibbażata fuq setturi strateġiċi, hija neċessarja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jelaboraw strateġija konġunta u urġenti biex isaħħu l-industrija Ewropea bl-għan li tiżdied il-kompetittività ekwa u li jinħolqu impjiegi ta' kwalità;

16. Jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar in-numru li qed jiżdied ta' kumpaniji multinazzjonali li qed jużaw strateġiji tat-taxxa korporattiva biex inaqqsu jew jevitaw il-piż globali tat-taxxa tagħhom billi jisfruttaw diskrepanzi bejn is-sistemi tat-taxxa; jenfasizza li tinħtieġ koordinazzjoni aħjar u aktar b'saħħitha fil-qasam tat-tassazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs u tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta u distorsjonijiet detrimentali fis-Suq Uniku;

17. Jikkunsidra li jeħtieġ li tinħoloq, abbażi ta’ analiżi bir-reqqa, sistema ta’ informazzjoni dwar it-tassazzjoni fl-UE kollha li ma sservix biex jiġu armonizzati l-istrutturi tat-tassazzjoni nazzjonali differenti, iżda biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tagħhom b’mod kontinwu u trasparenti, filwaqt li jiġu mmonitorjati t-tnaqqis u ż-żidiet li jsiru mill-Istati Membri; jinnota li l-qafas tas-Semestru Ewropew jifforma bażi tajba għat-tħaddim ta' sistema bħal din billi – flimkien ma’ miżuri makroekonomiċi speċifiċi oħra – jista’ jżomm rekord xieraq tad-diversi politiki ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri differenti, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ kemm it-tbassir ekonomiku ġenerali kif ukoll l-elementi fundamentali u l-perspettivi futuri tal-Istati Membri kkonċernati u l-objettivi Ewropej komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl ta’ dan, biex jintegraw strateġija bl-għan tat-tnaqqis tad-distakk fil-qasam tat-tassazzjoni fis-Semestru Ewropew;

18. Jikkunsidra li s-Suq Uniku huwa lieva essenzjali għat-tkabbir u li s-setturi ewlenin identifikati mill-Kummissjoni – is-servizzi, is-servizzi finanzjarji, it-trasport, l-enerġija u s-suq diġitali – huma kruċjali għall-integrazzjoni sħiħa tiegħu;

19. Jenfasizza l-fatt li l-kriżi ekonomika ħarrxet il-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' ħafna ċittadini Ewropej u wasslet għal żieda qawwija fil-livelli ta' inugwaljanza u faqar; jirrimarka li l-aċċess, taċ-ċittadini u l-impriżi, għal servizzi pubbliċi effiċjenti u għall-but ta' kulħadd huwa fundamentali biex jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku filwaqt li jiġu garantiti l-koeżjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar u li jiġu żviluppati ekonomiji u soċjetajiet aktar reżiljenti;

20. Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' suq intern ġenwin għall-enerġija li jiżgura aċċess ġust għas-suq, livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u suq aċċessibbli, speċjalment għall-SMEs;

21. Jenfasizza li s-Semestru Ewropew huwa opportunità kbira biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jżidu l-isforzi tagħhom favur is-Suq Uniku Diġitali li jfisser mhux biss aktar tkabbir u impjiegi, speċjalment fis-settur tal-SMEs u fost iż-żgħażagħ, iżda anke UE moderna orjentata lejn il-futur;

22. Jemmen li l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, billi jikkompletaw ir-riformi tal-liġijiet rispettivi tagħhom dwar l-amministrazzjoni pubblika, jipprovdu aktar servizzi diġitali aċċessibbli u servizzi diġitali aċċessibbli aħjar għaċ-ċittadini u l-impriżi, inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-effiċjenza, jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transfruntiera u jimplimentaw oqfsa ta' interoperabilità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet tipprovdi opportunità kbira biex jittejbu l-innovazzjoni u l-aċċess għall-SMEs u biex tiġi modernizzata l-amministrazzjoni pubblika, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll f'dak lokali, billi jittejbu l-kwalità, l-effikaċja u t-trasparenza tal-infiq u l-investiment pubbliku;

23. Iqis li huwa essenzjali li jinstab rimedju għall-frammentazzjoni attwali tar-regoli nazzjonali rigward is-servizzi diġitali u li jiġi żviluppat Suq Uniku Diġitali aktar innovattiv u trasparenti bbażat fuq kompetizzjoni soda u li jipprovdi livell għoli ta ' aċċessibbiltà u ħarsien tal-konsumatur.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

2

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Nicola Danti, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Maria Grapini, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Marlene Mizzi, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Marcus Pretzell, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Mylène Troszczynski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tiziana Beghin, Biljana Borzan, Birgit Collin-Langen, Andrzej Duda, Jussi Halla-aho, Adam Szejnfeld, Marc Tarabella, Ulla Tørnæs, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal, Theodoros Zagorakis, Marco Zullo

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriel Mato, Igor Šoltes

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0130.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.10.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

18

15

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Othmar Karas, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Notis Marias, Marisa Matias, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Patrick O’Flynn, Stanisław Ożóg, Dariusz Rosati, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Ernest Urtasun, Marco Valli, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Steven Woolfe, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni, Sotirios Zarianopoulos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Philippe De Backer, Eva Joly, Eva Kaili, Syed Kamall, Jeppe Kofod, Thomas Mann, Siegfried Mureşan, Eva Paunova, Michel Reimon, Maria João Rodrigues, Andreas Schwab, Tibor Szanyi, Nils Torvalds

Avviż legali - Politika tal-privatezza