RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba FEG/2014/007 IE/Adersen Ireland, mill-Irlanda)
5.11.2014 - (COM(2014)0616 – C8‑0173/2014 – 2014/2098(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Ivan Štefanec
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba FEG/2014/007 IE/Adersen Ireland, mill-Irlanda)
(COM(2014)0616 – C8‑0173/2014 – 2014/2098(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0616 – C8‑0173/2014),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (Regolament FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interinstituzzjonali tas-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0024/2014),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħin fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom tagħhom fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG jirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tat-talbiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi tagħhom stess;
D. billi l-Irlanda ppreżentat t-Talba FEG/2014/007 NL/IE/Andersen Ireland għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 171 sensja f'Andersen Irelanda Limited li topera fin-NACE Rev.2 diviżjoni 32 ("Manifattura ta' ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati") matul il-perjodu ta' referenza mill-21 ta' Ottubru 2013 sal-21 ta' Frar 2014,
E. billi t-talba tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament FEG,
1. Josserva li l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw t-talba skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament FEG, b'deroga għall-kriterji tal-Artikolu 4(1)(a), li jeħtieġu tal-anqas sensja ta' 500 ħaddiem jew il-waqfien tal-attività tal-persuna li taħdem għal rasha, matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża li tinsab fi Stat Membru;
2. Jaqbel mal-Kummissjoni li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mressqa mill-awtoritajiet Irlandiżi, primarjament il-fatt li s-sensji jħallu impatt serju fuq il-qgħad reġjonali u fuq l-ekonomija lokali u reġjonali, jiġġustifikaw deroga għal-limitu ta' 500 sensja skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament FEG, u li, għaldaqstant, l-Irlanda għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
3. Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw t-talba għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-16 ta' Mejju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-3 ta' Ottubru 2014; jilqa' favorevolment l-evalwazzjoni rapida ta' inqas minn ħames xhur;
4. Iqis li l-171 sensja f'Andersen Ireland Limited huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, inkwantu l-importazzjonijiet qabżu b'erba' darbiet is-settur tal-ġojjellerija tal-UE fi żmien erba' snin (mill-2008 sal-2012), u 95 % tagħhom ġejjin mill-Asja;
5. Josserva li din hija l-ewwel talba għall-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur tal-ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati, settur li jbati wkoll miż-żieda tal-bejgħ online, li kompliet iddgħajfu;
6. Josserva li dawn is-sensji se jaggravaw ulterjorment is-sitwazzjoni tal-qgħad fir-reġjun, billi Andersen Ireland kienet tħaddem ħafna nies f'din iż-żona, prevalentement rurali, li kienet tirreġistra diġà rata ta' qgħad (39,3 %) aktar mid-doppju meta mqabbla mal-medja nazzjonali (19 %);
7. Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew jipprovdu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta’ 138 żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta’ 25 sena apparti lill-ħaddiema ssensjati, u jżidu l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri għal 276 persuna; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċertezza tal-mod kif in-NEETs fil-mira għandhom jiġu identifikati; jappella lill-awtoritajiet Irlandiżi biex iżommu f'moħħhom il-kriterji soċjali u jiżguraw li l-għażla tal-benefiċjarji għall-appoġġ mill-FEG tkun tirrispetta kompletament il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs;
8. Ifakkar li l-azzjonijiet proposti għandhom ikunu adattati sabiex iqisu d-differenzi bejn il-ħtiġijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u n-NEETs;
9. Jistenna li fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu jkun hemm lista separata ta’ miżuri finanzjarji għan-NEETs fil-mira;
10. Jinnota li t-taħriġ disponibbli għan-NEETs għandu jkun inklussiv u għandu jinkludi s-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà inklużi l-gruppi żvantaġġati;
11. Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-21 ta' Ottubru 2013, ferm qabel id-deċiżjoni definittiva dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;
12. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jiġi kofinanzjat se jimmira li joffri l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' opportunitajiet ta' impjieg f'żona li fiha jeżistu ftit setturi jew siti ta' produzzjoni f'espansjoni, u li se jkun neċessarju titjib sinifikanti tal-ħiliet tal-ħaddiema ssensjati;
13. Josserva li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mas-sħab soċjali; jilqa' favorevolment l-intenzjoni li jitwaqqaf forum konsultattiv biex jikkomplementa x-xogħol tal-Unità tal-Koordinament tal-FEG bil-għan li lill-ħaddiema ssensjati joffrilhom l-possibbiltà li jikkontribwixxu b'mod kontinwu fl-implimentazzjoni tal-programm tal-FEG;
14. Jilqa' pożittivament il-ħolqien tal-Unità tal-Koordinament tal-FEG, li se sservi bħala punt ta' kuntatt uniku għall-ħaddiema ssensjati u għan-NEETs, fil-viċinanzi immedjati tal-lokalità milquta;
15. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-jum miftuħ għall-pubbliku fuq livell lokali kemm għall-ħaddiema ssensjati kif ukoll għan-NEETs biex tintwera l-firxa ta' appoġġi disponibbli taħt il-programm u biex benefiċjarji prospettivi tal-FEG jingħataw l-opportunità li jiddiskutu l-għażliet mal-fornituri tas-servizz;
16. Josserva li s-servizzi personalizzati li se jingħataw lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu f'dawn l-azzjonijiet ta' segwitu, li flimkien jifformaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati: appoġġ ta' gwida okkupazzjonali u ppjanar tal-karriera, għotja ta' taħriġ tal-FEG, programmi ta' taħriġ u edukazzjoni tat-tieni livell, programmi edukattivi tat-tielet livell, appoġġ fit-taħriġ minn Skillsnets, appoġġ għall-impriżi/dawk li jaħdmu għal rashom, appoġġ tad-dħul fosthom kontribuzzjonijiet għall-ispiża tal-kors;
17. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fost li l-azzjonijiet proposti, hemm l-idea ta' azzjoni ta’ appoġġ għat-taħriġ Skillnets, fejn it-taħriġ huwa maħsub għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol f’kumpaniji li joperaw fl-istess settur industrijali jew żona ġeografika;
18. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ tad-dħul se jkunu limitati strettament għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett ġenerali tas-servizzi personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament FEG;
19. Jinnota n-nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tal-estimi tal-ammonti li għandhom jingħataw bħala appoġġ għall-impriżi jew għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom; iqis li l-għadd ta’ benefiċjarji attwali jista’ jkun differenti mill-estimi li jirriżultaw f’distribuzzjoni differenti tal-ispejjeż totali stimati; jinnota r-rwol importanti tal-Bordijiet tal-Intrapriża Lokali fi provvista ta' servizzi "soft" u appoġġi "hard", u b'mod partikolari fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-proposti ta' negozju u l-għoti ta' ammonti ta' appoġġ, sa massimu ta' EUR 15 000;
20. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;;
21. Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;
22. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba FEG/2014/007 IE/Adersen Ireland, mill-Irlanda)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-wunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) kien stabbilit biex isostni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil ħaddiema indipendenti li jkunu waqqfu l-attività tagħhom b'konsegwenza ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'konsegwenza ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009[4], jew b'konsegwenza ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u biex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013..
(3) L-Irlanda ppreżentat talba biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward ta' sensji f'Andersen Ireland Limited fl-Irlanda, fis-16 ta' Mejju 2014 u kkomplementawha b'informazzjoni addizzjonali kif previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din t-talba hija konformi mar-rekwiżiti biex tiġi determinata kontribuzzjoni finanzjarji mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013.
(4) Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-Irlanda ddeċidiet li toffri servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG anki lin-NEETs.
(5) Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja f'ammont ta' EUR 1 501 200 għat-talba ppreżentata mill-Irlanda,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mobilizzat biex jagħti s-somma ta' EUR 1 501 200 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Kuntest
Il-Fond Ewropew ta ' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali ta' massimu EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti adatti jiddaħħlu bħala proviżjonament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f' materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex jiġi attivat il-Fond, f' każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' talba, il-Kummissjoni tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F' każ ta' nuqqas ta' qbil, jinbeda trilogu.
II. It-talba relatata ma' Andersen Ireland Limited u l-proposta tal-Kummissjoni
Fit-3 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Irlanda bħala appoġġ għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw s-sensja f'Andersen Ireland Limited li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat bħala NACE Rev. 2 diviżjoni 32 ("Manifattura ta' ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati") minħabba l-globalizzazzjoni. Barra minn dan, l-awtoritajiet Irlandiżi se joffru servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 138 żagħżugħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) taħt l-età ta' 25 sena fid-data ta' preżentazzjoni tat-talba, billi s-sensji saru fir-reġjun ta' livell NUTS 2 Southern and Eastern (IE02), li hu eleġibbli biex jibbenefika mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.
Din hi l-erbatax-il talba li se tiġi eżaminata fl-ambitu tal-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta'ammont totali ta' EUR 1 501 200 mill-FEG għall-Irlanda. Tirrigwarda total ta' 276 benefiċjarju. It-talba ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fis-16 ta' Mejju 2014 u ġiet ikkomplementata b' informazzjoni addizzjonali sal-11 ta' Lulju 2014. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.
L-awtoritajiet Irlandiżi jsostnu li, matul dawn l-aħħar ħames snin jew iktar, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi bdew jaħkmu, f'termini kemm ta' volum kif ukoll ta' valur, is-suq tal-UE tal-biġotterija (pereżempju fis-settur tal-moda). Iċ-ċifri tal-Eurostat iċċitati mill-Irlanda juru li fl-2008 l-bejgħ ġewwa l-UE tal-produtturi tal-EU u ta' pajjiżi terzi bdew minn pożizzjonijiet ta' kważi parità f'termini ta' volum (56 000 tunnellata). It-tnejn ġarrbu waqgħa fil-volum, forsi minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija tas-snin 2008-2009. Madankollu, fl-2012, filwaqt li l-volum ta' prodotti tal-UE mibjugħ fis-suq tal-UE niżel sa 10 600 tunnellata, il-volum ta' prodotti importati minn pajjiżi terzi, minkejja li nieżel ukoll, naqas ħafna inqas (45 700 tunnellata).
Filwaqt li fl-2008 kien hemm parità, erba' snin wara l-UE ġiet misbuqa b'erba' darbiet mill-importazzjonijiet. Minn dan il-volum ta' prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi, 95 % ġej, fil-biċċa l-kbira, minn pajjiżi Asjatiċi bħaċ-Ċina, l-Indja, it-Tajlandja u l-Filippini. Dawn huma eżattament l-istess postijiet li fihom bosta kumpaniji stabbiliti fl-UE ttrasferixxew sadattant l-impjanti ta' produzzjoni tagħhom, fosthom impriżi ewlenin bħal Folli Follie u Swarovski.
L-awtoritajiet Irlandiżi jsostnu li s-sensji għandhom impatt negattiv notevoli fuq l-ekonomija lokali u reġjonali billi Andersen Ireland kienet tħaddem ħafna nies f'din iż-żona, prevalentement rurali, li fiha r-rata ta' qgħad (39,3 %) kienet aktar mid-doppju meta mqabbla mal-medja nazzjonali (19 %).
Is-servizzi personalizzati li se jingħataw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin, li flimkien jifformaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati: Appoġġ ta' gwida okkupazzjonali u ppjanar tal-karriera, għotja ta' taħriġ tal-FEG, programmi ta' taħriġ u edukazzjoni tat-tieni livell, programmi edukattivi tat-tielet livell, appoġġ fit-taħriġ minn Skillsnets, appoġġ għall-impriżi/dawk li jaħdmu għal rashom, appoġġ tad-dħul fosthom kontribuzzjonijiet għall-ispiża tal-kors.
Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fil-qasam tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.
L-awtoritajiet Irlandiżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:
• il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;
• ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti;
• l-impriża li tkun tat is-sensja kkonformat mal-obbligi ġuridiċi tagħha li jirregolaw l-għotjiet tas-sensja u pprovdiet għall-ħaddiema kif xieraq;
· l-azzjonijiet proposti jagħtu appoġġ lill-ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għal kumpaniji jew setturi li qegħdin jiġu ristrutturati;
· l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali;
· il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat;
· l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhux se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju;
L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni li l-għejun nazzjonali ta' prefinanzjament jew kofinanzjament huma rappreżentati mill-Ministeru tal-Finanzi Irlandiż, li qiegħed jipprefinanzja s-servizzi u li se jikkofinanzja wkoll il-programm ladarba tkun approvata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG. In-nefqa se tkun koperta mill-Fond Nazzjonali għat-Taħriġ u mill-partiti tan-nefqa rilevanti tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet u ta' dipartimenti tal-gvern rilevanti oħra. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita minn persunal magħżul tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet, maħtur bħala Awtorità ta' Ġestjoni tal-FEG. L-Awtorità ta' Ġestjoni teżamina t-talbiet għal finanzjament tal-FEG ippreżentati minn entitajiet intermedji f'isem entitajiet pubbliċi responsabbli min-nefqa u tagħmel il-ħlasijiet relatati.
III. Proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-awtorità baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 501 200 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għall-intestatura baġitarja tal-FEG (04 04 01).
Sal-lum, din hija l-erbatax-il proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-awtorità baġitarja matul l-2014.
Se jingħata bidu lill-proċedura ta' trilogu fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament FEG.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tat-talbiet mill-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
Is-Sur Jean Arthuis
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 09G205
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għat-Talba FEG/2014/007 IE/Adersen (COM(2014)616 finali)
Sur President,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għat-Talba FEG/2014/007 IE/Andersen u adottaw l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) billi t-talba hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (Regolament FEG) u tittratta 171 ħaddiem f'Andersen Ireland Limited, li topera f'NACE Rev. 2 diviżjoni 32 ('Manifattura ta' ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati') fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Irlanda, li ngħataw is-sensja jew li l-attività tagħhom waqfet fi żmien il-perjodu ta' referenza bejn il-21 ta' Ottubru 2013 u l-21 ta' Frar 2014; billi t-talba barra minn hekk tittratta l-138 żagħżugħ mingħajr impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs), li l-għadd tagħhom huwa bħall-għadd totali stimat tal-paċrteċipanti mill-ħaddiema ssensjati;
B) billi l-awtoritajiet Irlandiżi jsostnu li s-sensji huma huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, inkwantu l-importazzjonijiet qabżu b' erba ' darbiet is-settur tal-ġojjellerija tal-UE fi żmien erba' snin (mill-2008 sal-2012), u 95 % minnhom ġejjin mill-Asja;
C) billi 26.09 % tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma irġiel u 73.09 % huma nisa li l-paga tagħhom kienet ta' spiss l-unika jew l-aktar dħul sinifikanti għal familji sħaħ f'din iż-żona ekonomikament fid-diffikultà; billi l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema (89.86 %) għandhom bejn it-30 u l-54 sena; billi bħala medja, il-ħaddiema kien ilhom jaħdmu mal-kumpanija għal mill-anqas 15-il sena konsekuttivi, b'uħud li kien ilhom hemm għal aktar minn 30 sena;
D) billi skont stima tal-awtoritajiet, il-138 ħaddiem kollha li ngħataw s-sensja mistennija jipparteċipaw fil-miżuri.
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġ ġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar it-talba Irlandiża:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mressqa mill-awtoritajiet Irlandiżi, primarjament il-fatt li s-sensji jħallu impatt serju fuq il-qgħad reġjonali u fuq l-ekonomija lokali u reġjonali, jiġġustifikaw deroga għal-limitu minimu ta' 500 sensja skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament FEG, u li, għaldaqstant, l-Irlanda għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew jipprovdu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta’ 138 żagħżugħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta’ 25 sena apparti lill-ħaddiema ssensjati, u jżidu l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri għal 276 persuna. jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċertezza tal-mod kif in-NEETs fil-mira għandhom jiġu identifikati; jappella lill-awtoritajiet Irlandiżi biex iżommu f'moħħhom il-kriterji soċjali u jiżguraw li l-għażla tal-benefiċjarji għall-appoġġ mill-FEG tkun tirrispetta kompletament il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs;
3. Ifakkar li l-azzjonijiet proposti għandhom ikunu adattati sabiex iqisu d-differenzi bejn il-ħtiġijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u n-NEETs; jilqa' għalhekk l-approċċ tal-awtoritajiet li jipprovdu azzjonijiet estremament personalizzati; jinnota li billi dawn il-ħaddiema probabbli se jkollhom isibu xogħlijiet f'setturi oħra, se jkun meħtieġ it-titjib sinifikanti tal-ħiliet tagħhom;
4. Jistenna li fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu jkun hemm lista separata ta’ miżuri finanzjarji għan-NEETs fil-mira;
5. Jinnota li t-taħriġ disponibbli għan-NEETs għandu jkun inklussiv u għandu jinkludi s-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà inklużi l-gruppi żvantaġġati;
6. Josserva li din hija l-ewwel talba għall-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur tal-ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati, settur li jbati wkoll miż-żieda tal-bejgħ online, li kompliet iddgħajfu;
7. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-jum miftuħ għall-pubbliku fuq livell lokali kemm għall-ħaddiema ssensjati kif ukoll għan-NEETs biex tintwera l-firxa ta' appoġġi disponibbli taħt il-programm u biex benefiċjarji prospettivi tal-FEG jingħataw l-opportunità li jiddiskutu l-għażliet mal-fornituri tas-servizz;
8. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fost li l-azzjonijiet proposti, hemm l-idea ta' azzjoni ta’ appoġġ għat-taħriġ Skillnets, fejn it-taħriġ huwa maħsub għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol f’kumpaniji li joperaw fl-istess settur industrijali jew żona ġeografika;
9. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ tad-dħul se jkunu limitati strettament għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett ġenerali tas-servizzi personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament;
10. Jinnota nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tal-estimi tal-ammonti li għandhom jingħataw bħala appoġġ tal-impriżi jew tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom; iqis li l-għadd ta’ benefiċjarji attwali jista’ jkun differenti mill-estimi li jirriżultaw f’distribuzzjoni differenti tal-ispejjeż totali stimati; jinnota r-rwol importanti tal-Bordijiet tal-Intrapriża Lokali fi provvista ta' servizzi "soft" u appoġġi "hard", u b'mod partikolari fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-proposti ta' negozju u l-għoti ta' ammonti ta' appoġġ, sa massimu ta' EUR 15 000;
11. Ifakkar li skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.
Dejjem tiegħek,
Marita ULVSKOG,
Aġent President, l-Ewwel Viċi President
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
Is-Sur Jean ARTHUIS
President
Kumitat għall-Baġits
Parlament Ewropew
ASP 09 G 205
1047 Brussell
Sur Arthuis,
Suġġett: Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
Erba' proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits fit-13 ta' Ottubru u t-3 ta' Novembru.
Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.
- COM(2014)0553 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 911 934 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-939 ħaddiem li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-għeluq tal-impjant għall-produzzjoni ta' ċangaturi tal-azzar ta' Carsid SA, li jinsab f'Marcinelle (Charleroi), il-Belġju.
- COM(2014)0560 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 12 704 605 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-6 120 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża ta' manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers Peugeot Citroën Automobiles (PSA), fir-reġjuni ta' Ile de France u Bretagne, Franza.
- COM(2014)0616 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 501 200 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-171 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Andersen Ireland Limited, li kienet topera fis-settur tal-manifattura ta' ġojjellerija, biġotterija u oġġetti relatati fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Lvant, l-Irlanda.
- COM(2014)0620 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 7 290 900 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tad-761 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Sprider Stores S.A. li kienet topera fis-settur tan-negozju bl-imnut fir-reġjuni tal-Maċedonja Ċentrali u Attika, il-Greċja.
Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.
Dejjem tiegħek,
Iskra MIHAYLOVA
.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
4.11.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Echenique, Ernest Maragall, Ivan Štefanec, Nils Torvalds, Tomáš Zdechovský |
||||