RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ana Gomes
11.11.2014 - (2014/2045(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Heidi Hautala
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ana Gomes
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ana Gomes, mibgħuta mill-Viċi Avukat Ġenerali tar-Repubblika tal-Portugal fit-18 ta' Ġunju 2014, b'rabta mal-proċedimenti kriminali pendenti quddiem it-tieni sezzjoni tad-Dipartiment ta' Investigazzjoni u Proċedimenti Kriminali ta' Lisbona (ref. NUIPC 8773/13.4TDLSB), u mħabbra waqt il-plenarja tat-3 ta' Lulju 2014,
– wara li sema' lil Ana Gomes f'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokol Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz tas-suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta Mejju 1964, l-10 ta' Lulju 1986, il-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, id-19 ta' Marzu 2010, is-6 ta' Settembru 2011 u s-17 ta' Jannar 2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0025/2014),
A. billi l-Viċi Avukat Ġenerali tar-Repubblika tal-Portugal għadda t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ana Gomes, talba li saret mill-prosekutur pubbliku tad-Dipartiment ta' Investigazzjoni u Proċedimenti Kriminali ta' Lisbona b'rabta mad-dikjarazzjonijiet allegatament diffamatorji li għamlet is-Sa Gomes waqt dibattitu televiżiv; billi t-talba saret sabiex jingħata bidu għall-proċedimenti kriminali kontra s-Sa Gomes u sabiex din tkun tista' tiġi interrogata fil-kuntest ta' dawk il-proċedimenti;
B. billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokol dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali minħabba l-opinjoni li jesprimu jew voti li jitfgħu fil-qadi ta' dmirijiethom;
C. billi l-Artikolu 6 tar-Regoli ta' Proċedura jistipula li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom;
D. billi l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dikjarazzjoni li saret minn Membru 'l barra mill-bini tal-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi ta' dmirijietu, kif espress fl-Artikolu 8 tal-Protokol, u hija tal-opinjoni li dan il-każ mhuwiex wieħed fejn dak li jgħodd huwa d-dikjarazzjoni li saret, iżda n-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjoni;
E. billi fid-demokraziji moderni d-dibattitu politiku jsir mhux fil-Parlament biss iżda wkoll permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, li jvarjaw minn stqarrijiet għall-istampa għall-Internet;
F. billi fix-xandira televiżiva kkonċernata, Ana Gomes tkellmet bħala Membru tal-Parlament Ewropew biex tiddiskuti kwistjonjiet li ħadet interess fihom fil-livell Ewropew, kif jidher, fost affarijiet oħra, mill-mistoqsijijiet għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni li hija ressqet quddiem il-plenarja;
G. billi, meta ġibdet l-attenzjoni għad-deċiżjoni tal-Gvern Portugiż dwar il-privatizzazzjoni tat-tarzni ta' Viana do Castelo – deċiżjoni li waslet ukoll għal investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-ksur tar-regoli tal-UE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat – hija kienet qed twettaq il-mandat tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Ana Gomes;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex b'mod immedjat jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Portugal u lil Ana Gomes.
- [1] Sentenza f'Wagner v Fohrmann u Krier, Kawża 101/63, UE:C:1964:28; sentenza f'Wybot v Faure u oħrajn, Kawża 149/85, UE:C:1986:310; sentenza f'Mote v il-Parlament, T-345/05, UE:T:2008:440; sentenza f'Marra v De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, UE:C:2008:579; sentenza f'Gollnisch v il-Parlament, T-42/06, UE:T:2010:102; sentenza f'Patriciello, C-163/10, UE:C:2011:543; sentenza f'Gollnisch v il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, UE:T:2013:23.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Kuntest
Fid-29 ta' Novembru 2013, waqt il-programm televiżiv TVI24 – Cara a Cara, il-Membru tal-Parlament Ewropew Ana Gomes, hija u tikkumenta dwar is-sottokonċessjoni għall-operazzjoni esklużiva tat-tarzni ta' Viana do Castelo (Estaleiros Navais de Viana do Castelo) għamlet id-dikjarazzjonijiet li ġejjin:
'Din hija affari kriminali, m'hemm l-ebda kelma oħra, hija kriminali. Dan il-Ministru tad-Difiża huwa inkompetenti, jekk mhux malizzjuż għalkollox. Jeħtieġ li ssir investigazzjoni biex isir magħruf x'relazzjoni għandha l-prattika legali tiegħu mal-grupp Martifer, li verament għandu influwenza fuq il-partiti politiċi kollha (...) Il-Gvern għalfejn ma tax l-awtorizzazzjoni għall-ordnijiet ta' bastimenti tal-asfalt? Il-Gvern għalfejn ma wiġibx lill-Kummissjoni Ewropea? Il-Gvern għalfejn ħassar il-kuntratti tal-Flotta? Għax il-Gvern irid joħnoq it-tarzni, irid jeħles mill-ħaddiema, irid jagħmel pjaċir lill-grupp Martifer, dak kollox... dik hija l-verità, irid jagħmel pjaċir lill-grupp Martifer... dak li qed jagħmlu fi Viana do Castelo huwa skandaluż...'
José Pedro Correia Aguiar-Branco, Ministu tad-Difiża Nazzjonali tal-Gvern Portugiż, ressaq ilment mad-Dipartiment ta' Investigazzjoni u Proċedimenti Kriminali ta' Lisbona kontra s-Sa Gomes għad-dikjarazzjonijiet ta' natura allegatament diffamatorja kkonċernati. Tressaq ukoll ilment mill-prattika legali JPAB – José Pedro Aguiar Branco & Associados – Sociedade de Advogados, RL, li s-Sa Gomes semmiet fid-dikjarazzjoni tagħha.
Waqt is-seduta plenarja tat-3 ta' Lulju 2014, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President ħabbar li kien irċieva ittra mill-Viċi Avukat Ġenerali tar-Repubblika Portugiża (Vice Procurador-geral da República) dwar it-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sa Ana Gomes b'rabta mal-proċedimenti kriminali msemmija hawn fuq. Il-President għadda t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 9(1).
Fil-25 ta' Settembru 2014, il-Kumitat sema' lis-Sa Gomes f'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura.
2. Il-liġi u l-proċedura fir-rigward tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew
L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokol (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħidu hekk:
Artikolu 8
Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.
Artikolu 9
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċedurilegali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-membri tiegħu.
L-Artikoli 5, 6 u 9 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew jgħidu hekk:
Artikolu 5 - Privileġġi u immunitajiet
1. Il-Membri għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet skond il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.
2. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu. (...)
Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità
1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom; Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu. (...)
Artikolu 9 - Proċeduri dwar l-immunità
1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli. (...)
2. Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.
3. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet.
4. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.
5. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.
Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.
Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.
Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.
Jekk il-President tal-Kumitat jilqa' t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa' minn dan l-istadju 'l quddiem. (...)
7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. (...)
3. Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta
Abbażi tal-fatti li ssemmew hawn fuq, il-każ preżenti jikkwalifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokol Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. Għall-iskop ta' din id-dispożizzjoni, il-kelma 'opinjoni' għandha tinftiehem f'sens wiesa' sabiex tinkludi kummenti u dikjarazzjonijiet li, minħabba l-kontenut tagħhom, jikkorrispondu għal asserzjonijiet li jikkostitwixxu evalwazzjoni suġġettiva[1]. L-ilment tal-Ministru għad-Difiża tqanqal, tabilħaqq, mid-dikjarazzjonijiet li saru mis-Sa Gomes waqt dibattitu televiżiv.
Sabiex opinjoni tgawdi mill-immunità skont l-Artikolu 8 tal-Protokol, din għandha tiġi espressa minn Membru tal-Parlament Ewropew 'fil-qadi ta' dmirijietu', u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari[2].
Bħalma sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-immunità assoluta msemmija fl-Artikolu 8 għandu jiġi ddeterminat biss skont id-dritt tal-UE[3]. Il-Qorti hija konvinta wkoll dwar il-fatt li l-immunità skont l-Artikolu 8 għandha 'tiġi kkunsidrata... bħala immunità assoluta li ma tippermettix li jitressqu proċeduri legali kontrihom minħabba opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta' dmirijiethom'[4].
Fil-fehma tal-Qorti, l-Artikolu 8 tal-Protokol għandu jiġi interpretat fis-sens li, minkejja l-fatt li l-immunità parlamentari tkopri b'mod essenzjali d-dikjarazzjonijiet li jkunu saru fil-bini tal-Parlament Ewropew, mhuwiex impossibbli li dikjarazzjoni li ssir 'il barra minn dan il-bini tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi ta' dmirijiet parlamentari. Għaldaqstant, jekk dan huwiex il-każ ta' opinjoni bħal din jew le għandu jiġi ddeterminat billi jitqiesu n-natura u l-kontenut tagħha, u mhux fejn saret[5]. Dan huwa ferm aktar minnu fid-demokraziji moderni fejn id-dibattitu politiku ma jsirx fil-Parlament biss iżda wkoll permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, li jvarjaw minn dikjarazzjonijiet għall-istampa għall-Internet. Madankollu, il-Qorti għamlitha ċara li r-rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari għandha tkun diretta u evidenti[6].
Il-prinċipju li fuqu hija msejsa l-immunità parlamentari prevista mill-Artikolu 8 tal-Protokol huwa l-libertà tal-Membri li jipparteċipaw b'mod kostruttiv f'dibattitu u jirrappreżentaw lill-eletturi tagħhom dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku billi jesprimu liberament l-osservazzjonijiet jew l-opinjonijiet tagħhom mingħajr ma jkunu f'riskju li jitressqu l-qorti jew quddiem awtorità oħra bħal din[7]. Inevitabbilment, f'ċerti każijiet, wieħed għandu mnejn iqis l-opinjonijiet espressi minn Membru tal-Parlament bħala eċċessivi, fastidjużi jew offensivi. Madankollu, f'soċjetà miftuħa u demokratika, l-importanza ta' djalogu mingħajr inibizzjoni dwar suġġetti ta' interess pubbliku hija tali li, bħala kwistjoni ta' prinċipju, l-opinjonijiet offensivi jew saħansitra estremi tal-Membri ma jistgħux jiġu ċċensurati, dejjem jekk ikunu marbuta b'mod dirett u evidenti mal-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom (u, għaldaqstant, kompatibbli mat-ton li ġeneralment wieħed isib waqt id-dibattiti politiċi[8]).
Dan huwa partikolarment minnu fil-każ ikkonċernat. Il-kritika tas-Sa Gomes dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Portugiż ma kkonċernatx biss kwistjonijiet ta' interess pubbliku ġenwin – il-privatizzazzjoni ta' tarzni importanti – iżda kienet ukoll marbuta b'mod dirett u evidenti mal-qadi ta' dmirijietha bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, hija kienet ħadet interess f'livell Ewropew dwar il-kwistjoni, kif jidher, fost affarijiet oħra, fil-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub li kienet ressqet – kemm b'mod konġunt, kif ukoll individwali – f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament[9] Barra minn hekk, meta nstemgħet mill-Kumitat, is-Sa Gomes ipprovdiet evidenza tal-korrispondenza estensiva li kellha mal-Kummissarji Almunia u Tajani dwar din il-kwistjoni.
Bħalma jikkonfermaw id-dokumenti li kienu disponibbli għall-Kumitat, il-kwistjoni kienet aktar u aktar importanti fil-livell Ewropew, minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tal-Gvern Portugiż kienet wasslet biex il-Kummissjoni Ewropea tagħti bidu għal investigazzjoni dwar il-ksur tar-regoli tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna mill-Istat[10].
Għaldaqstant, m'hemm l-ebda dubju dwar l-eżistenza ta' rabta diretta u evidenti bejn l-opinjoni espressa mis-Sa Gomes u dmirijietha bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Il-prosekuzzjoni tas-Sa Gomes għad-dikjarazzjonijiet ikkonċernati timplika li hija ma tkunx tista' twettaq il-mandat parlamentari tagħha b'mod liberu u, bla ebda dubju, dan imur kontra l-motivazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokol.
4. Konklużjoni
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew hawn fuq u skont l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew m'għandux ineħħi l-immunità parlamentari tas-Sa Ana Gomes.
- [1] Sentenza f'Patriciello, C-163/10, UE:C:2011:543, paragrafu 32.
- [2] Sentenza f'Patriciello, UE:C:2011:543, paragrafu 33.
- [3] Sentenza f'Marra, C-200/07 u C-201/07 UE:C:2008:579, paragrafu 26.
- [4] Sentenza f'Marra, UE:C:2008:579, paragrafu 27.
- [5] Sentenza f'Patriciello, UE:C:2011:543, paragrafu 30.
- [6] Sentenza f'Patriciello, UE:C:2011:543, paragrafu 35.
- [7] A. v ir-Renju Unit, Nru 35373/97, § 75, ECHR, 2002-X.
- [8] Ara d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Mario Borghezio (P7_TA(2014)0257).
- [9] Ara l-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni E-005164/2013 tat-8.5.2013 u E-013757/2013 tal-4.12.2013.
- [10] Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, ĠU C 95, 3.4.2013, p. 118
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.11.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniel Buda, Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Viktor Uspaskich |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Edouard Martin |
||||