RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES)
14.11.2014 - (09412/2014 – C8-0042/2014 – 2013/0418(NLE)) - ***
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Pilar Ayuso
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali flIspeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES)
(09412/2014 – C8-0042/2014 – 2013/0418(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (09412/2014),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0042/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 207 u t-tieni subparagrafu, punt (a) tal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi ġuridika proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafu, l-Artikolu 99(2), l-Artikolu 108(7) u l-Artikolu 39 tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0036/2014),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) hija strument internazzjonali ewlieni li għandu l-għan li jipproteġi speċijiet fil-periklu ta’ fawna u flora selvaġġi permezz ta’ kontrolli fuq il-kummerċ internazzjonali ta’ kampjuni ta’ dawk l-ispeċijiet. Din daħlet fis-seħħ fl-1975 u issa għandha 178 Parti (inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE). Hi tkopri 35 000 speċi li huma mniżżla fi tliet Appendiċijiet, skont il-grad ta' protezzjoni li jeħtieġu, u tiżgura li l-kummerċ internazzjonali ta' kampjuni ta' dawk l-ispeċijiet ma jheddidx is-sopravivenza tagħhom. Kull importazzjoni, esportazzjoni, riesportazzjoni u introduzzjoni mill-baħar ta’ speċijiet koperti mill-Konvenzjoni għandha tkun awtorizzata permezz ta’ sistema ta’ liċenzjar.
Id-dispożizzjonijiet tas-CITES ġew implimentati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha tal-UE mill-1 ta' Jannar 1984 u issa huma rregolati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 792/2012 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 578/2013). Il-kwistjonijiet koperti mis-CITES għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent u l-kummerċ. Fl-ewwel qasam, l-Unjoni għandha kompetenzi kondiviżi mal-Istati Membri tagħha. Fit-tieni qasam, l-Unjoni għandha l-kompetenza esklussiva.
It-test inizjali tal-Konvenzjoni pprovda li s-sħubija fis-CITES tkun limitata għal Stati biss. Għaldaqstant, sal-lum l-Unjoni Ewropea kellha status ta' osservatur fis-CITES.
L-"Emenda ta’ Gaborone" għas-CITES, adottata permezz ta' Konferenza speċjali tal-Partijiet f’Gaborone, il-Botswana, fit-30 ta' April 1983, immodifikat l-Artikolu XXI tal-Konvenzjoni sabiex l-aċċess għall-Konvenzjoni, li qabel kien limitat għal Stati, seta' jinfetaħ għall-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali kostitwiti minn Stati sovrani li għandhom kompetenza fir-rigward tan-negozjar, il-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fil-kwistjonijet trasferiti lilhom mill-Istati Membri tagħhom u koperti minn din il-Konvenzjoni.
L-emenda ta’ Gaborone għas-CITES daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Novembru 2013, wara r-ratifika tagħha minn żewġ terzi mit-80 pajjiż li kienu Partijiet fiż-żmien meta kienet ġiet adottata tal-emenda. Id-dħul fis-seħħ tagħha jippermetti lill-Unjoni Ewropea ssir Parti għas-CITES.
Bi qbil mal-prattika li l-Partijiet kontraenti għas-CITES għandhom jikkontribwixxu hekk kif jaderixxu, huwa mistenni li ta' kull sena l-UE tħallas 2,5 % tal-ammont totali tal-Fond tas-CITES (bejn wieħed u ieħor EUR 115 000 fl-2015). Se jiġi applikat kif xieraq tnaqqis fis-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.
Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-għan li tapprova l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għas-CITES filwaqt li tappella lill-President tal-Kunsill biex jaħtar il-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għad-depożitu tal-istrument ta’ Adeżjoni kif previst fl-Artikolu XXI (1) tal-Konvenzjoni u tad-dikjarazzjoni tal-kompetenzi previsti fl-Artikolu XXI (3).
L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għas-CITES se tippermettilha li tkun rappreżentata b'mod adegwat fi-laqgħat tas-CITES u li tassumi rwol sħiħ fil-ħidma tal-Konvenzjoni, b'konformità mat-Trattati u mal-prattiki stabbiliti għar-rappreżentanza esterna. L-adeżjoni tippermetti lill-Kummissjoni tmexxi negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, u li tkun katalist biex jintlaħaq kompromess bilanċjat bejn il-pożizzjonijiet tat-28 Stat Membru. Meta ssir parti tas-CITES, l-Unjoni Ewropea se tingħata responsabbiltajiet formali u ssir responsabbli lejn il-Partijiet l-oħrajn għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Konvenzjoni.
Ta' min wieħed jinnota li d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri skont is-CITES mhix ser tintlaqat mill-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Bħala parti kontraenti għas-CITES, l-UE se tassumi r-responsabilitajiet u l-obbligi kollha li jidħlu fil-kompetenza tal-UE. L-Unjoni Ewropea se tivvota dwar il-kwistjonijiet kollha koperti mill-acquis jew li aktarx jolqtu l-acquis, bħar-Regolament 338/97[1] jew atti regolatorji oħrajn tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri individwali se jkomplu jivvutaw dwar il-kwistjonijiet l-oħra. Il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE lanqas mhux se jiġi mfixkel bl-adeżjoni tal-UE għas-CITES. Hija, partikolarment, mhix se taffettwa l-mod kif il-pożizzjonijiet komuni għall-Konferenza tal-Partijiet għas-CITES jiġu miftiehma mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-qasam tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, skont it-Trattati.
Ir-rRpporteur temmen l-ewwel nett li l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għas-CITES se tagħmel mod li l-istatus legali tal-Unjoni Ewropea fis-CITES ikun aktar trasparenti meta mqabbel ma' partijiet terzi għall-Konvenzjoni. L-istatus attwali ta' osservatur fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet u f'ħafna kumitati u gruppi ta' ħidma importanti tagħha huwa tabilħaqq fattur negattiv f'dan il-kuntest.
Barra minn hekk, ir-Rapporteur hija tal-fehma li l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għas-CITES huwa pass loġiku u neċessarju biex ikun żgurat li l-Unjoni Ewropea tkun kompletament kapaċi ssegwi l-objettivi tagħha skont il-politika ambjentali tagħha. L-adeżjoni tippermetti lill-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tesprimi pożizzjoni koerenti tal-UE fi kwistjonijiet tas-CITES u jkollha rwol sostanzjali fin-negozjati waqt il-Konferenza tal-Partijiet.
Barra minn hekk, ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza li, fil-prattika, l-adeżjoni tal-UE għas-CITES se tirrifletti l-prattika attwali u tisimplifikaha. Fil-fatt, waqt il-Konferenza tal-Partijiet, l-Istati Membri attwalment jivvutaw individwalment iżda dejjem b'konformità ma' deċiżjoni tal-Kunsill li tiddetermina l-pożizzjoni tal-UE fil-Konferenza tal-Partijiet. Hekk kif l-UE ssir parti, hija tingħata d-dritt tivvota waqt il-Konferenza tal-Partijiet (il-vot tagħha jiswa' daqs 28 vot) abbażi tal-pożizzjoni li, hekk kif inhuwa l-każ illum - tkun ġiet miftiehma minn qabel mal-Istati Membri.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq, ir-Rapporteur tirrakkomanda li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali flIspeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu.
- [1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9.12.1996 dwar il-protezzjoni ta' speċijiet ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997).
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI
Is-Sur Giovanni La Via
President
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi legali tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) (COM(2013)0867 – C8‑0042/2014 – 2013/0418(NLE))
Sur President,
Bl-ittra tat-18 ta' Settembru 2014 inti kkonsultajt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 39(2) tar-Regoli ta' Proċedura, biex jeżamina r-relevanza tal-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni kkonċernata.
I - Sfond
Il-bażi legali oriġinarjament proposta mill-Kummissjoni kienet l-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, u l-Artikolu 207 tat-TFUE dwar il-politika kummerċjali komuni, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE, il-bażi legali proċedurali dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali, li jesiġu l-approvazzjoni tal-Parlament.
Fit-talba għal approvazzjoni mibgħuta mill-Kunsill lill-Parlament, tneħħew ir-referenza għall-Artikolu 207 tat-TFUE u żewġ sentenzi f'anness għall-proposta dwar is-suq intern u l-kompetenza esklussiva tal-UE għall-unjoni doganali u l-politika kummerċjali komuni.
Il-bażi legali għal proċedura leġiżlattiva attwali, li tfittex li tirriformula r-regolament li fih il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tiġi implimentata mill-Istati Membri[1], bil-għan li tiġi aġġornata biex tinkludi dispożizzjonijiet dwar atti delegati u atti ta' implimentazzjoni, hija l-Artikolu 192 tat-TFUE biss.
Il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna l-adeżjoni tal-UE għas-CITES, u għalhekk ħarġet il-mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 207 tat-TFUE għandux ikun inkluż fil-bażi legali.
II - Artikoli Rilevanti tat-Trattat
L-Artikoli li ġejjin tat-TFUE ġew ippreżentati bħala l-bażi legali fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (enfasi miżjuda):
Artikolu 192
(ex Artikolu 175 TKE)
1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.
[...]
Artikolu 207
(ex Artikolu 133 TKE)
1. Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta’ ftehimiet tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba tal-uniformità fil-miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ dumping jew sussidji. Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolament skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.
[...]
Artikolu 218
(ex Artikolu 300 TKE)
[...]
6. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.
Minbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:
(a) wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:
(i) ftehimiet ta' assoċjazzjoni;
(ii) ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;
(iii) ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz tal-organizzazzjoni ta' proċeduri ta' kooperazzjoni;
(iv) ftehim b'implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Unjoni;
(v) ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali meta tkun meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
F'każ ta' urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiftiehmu fuq limitu ta' żmien għall-approvazzjoni.
[...]
L-Artikolu 191 tat-TFUE għandu d-diċitura li ġejja (enfasi miżjuda):
Artikolu 191
(ex Artikolu 174 TKE)
1. Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:
– is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent,
– il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem,
– l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali,
– il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.
[...]
4. Fil-qafas tal-isferi ta' kompetenza rispettiva tagħhom tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ pajjizi terzi u mal-organizazzjonijiet internazzjonali kompetenti. L-arranġamenti dwar il-kooperazzjoni tal-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ftehim bejn l-Unjoni u t-terzi involuti.
Is-subparagrafu preċedenti m’għandux jippreġudika l-kompetenza tal-Istati Membri li jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.
III - Ġurisprudenza dwar il-bażi legali
Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja "l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att"[2]. Għalhekk, l-għażla ta’ bażi legali żbaljata tista’ tiġġustifika t-tħassir tal-att inkwistjoni.
F'dan il-każ, għandu għalhekk jiġi stabbilit jekk il-proposta:
1. għandhiex skop doppju jew komponent doppju, u wieħed minnhom huwa identifikabbli bħala l-iskop jew il-komponent prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali; jew
2. għandhiex simultanjament għadd ta' objettivi jew għandhiex bosta komponenti li huma indissoċjabbilment konnessi, mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom ikun sekondarju jew indirett fil-konfront tal-ieħor.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel każ l-att jeħtieġ ikun ibbażat fuq bażi legali unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-iskop jew mill-komponent prinċipali jew predominanti, u fit-tieni każ l-att se jkollu jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti.[3]
Is-Servizz Legali jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-94/03, Kummissjoni v. Kunsill, ECR 2006, I-0001, li tqajjem l-istess kwistjoni li tidher f'din id-deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li ġejja:
51. Rigward l-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu u kif jirriżulta wkoll espliċitament mit-tmien premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni, li tipprovdi li l-politika kummerċjali u ambjentali tal-partijiet tal-Konvenzjoni għandhom ikunu komplementari sabiex jassiguraw il-kisba ta’ żvilupp sostenibbli, għandu għaldaqstant jiġi konkluż li din tinkludi, kemm rigward l-għanijiet segwiti u rigward il-kontenut tagħha żewġ komponenti marbuta b'mod li ma jistax jiġi diviż mingħajr ma wieħed jista' jiġi kkunsidrat bħala sekondarju jew indirett meta mqabbel mal-ieħor peress li wieħed jagħmel parti mill-politika kummerċjali komuni u l-ieħor minn dik tas-saħħa umana u tal-ambjent. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni li tapprova din il-Konvenzjoni f’isem il-Komunità kellha għalhekk tkun ibbażata fuq żewġ bażijiet ġuridiċi, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 133 KE u l-Artikolu 175(1) KE flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 300 KE.
55. Fl-aħħarnett, għandu jiġi osservat li, billi bbażat id-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-Konvenzjoni fuq il-bażi ġuridika doppja tal-Artikoli 133 KE u 175 KE, il-Komunità qiegħda wkoll tagħti xi indikazzjonijiet lill-partijiet oħra fil-Konvenzjoni kemm f'dak li jirrigwarda l-portata tal-kompetenza komunitarja dwar din il-Konvenzjoni li, kif diġà intwera qabel, tagħmel parti kemm mill-qasam ta' politika kummerċjali komuni kif ukoll fil-qasam tal-politika komunitarja tal-ambjent u dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-komunità u l-Istati Membri tagħha, liema diviżjoni għandha wkoll titqies fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-ftehim fuq livell Komunitarju.
56. Għaldaqstant, fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata safejn hija fondata biss fuq l-Artikolu 175(1) KE, flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 300 KE, tiġi annullata.
IV. Għan u kontenut tal-proposta
L-għan tal-proposta, skont il-Premessa 4 tagħha, huwa li tiġi permessa l-adeżjoni tal-UE għall-konvenzjoni tas-CITES sabiex l-UE tkun permessa li jkollha rwol sħiħ fil-ħidma tas-CITES u biex torbot legalment l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha biex jimplimentaw u jinfurzaw il-konvenzjoni. Hija se toħloq responsabbiltajiet formali għall-UE sabiex trendiha parti responsabbli għall-partijiet l-oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħha tal-konvenzjoni.
Barra minn hekk, il-Premessa 3 tiddikjara li l-kwistjonijiet koperti mis-CITES jirrelataw għall-protezzjoni tal-ambjent u l-kummerċ, li huma oqsma li fihom l-UE hija kompetenti għan-negozjar, il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali.
Anness għall-proposta jinkludi dikjarazzjoni mill-UE bil-kliem li ġej (enfasi miżjuda):
DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA SKONT L-ARTIKOLU XXI (IL-PARAGRAFU 3) TAL-KONVENZJONI DWAR IL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI FL-ISPEĊIJIET TA’ FAWNA U FLORA SELVAĠĠI FIL-PERIKLU
“L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 191 tiegħu, hija kompetenti li tidħol fi qbil internazzjonali, u li timplimenta l-obbligi li joħorġu minnhom, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:
– il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;
– il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;
– l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali;
– il-promozzjoni ta' miżuri fuq livell internazzjonali biex jiġu ttrattati problemi ambjentali fuq livell reġjonali jew globali, inkluż it-tibdil fil-klima.
Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tadotta miżuri f'livell tal-Unjoni Ewropea għall-funzjonament kif suppost tas-swieq interni tagħha.
L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ miżuri li jikkonċernaw l-Unjoni Doganali bejn l-Istati Membri tagħha u fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni tagħha.
L-Unjoni Ewropea tiddikjara li diġà adottat strumenti legali, vinkolanti fuq l-Istati Membri tagħha, li jkopru kwistjonijiet iggovernati b'din il-Konvenzjoni, b'mod partikolari iżda mhux limitati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal-4 ta' Mejju 2006.
Barra minn hekk l-Unjoni Ewropea tiddikjara li hija responsabbli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċijiet Ipperikolati ta’ Fawna u Flora Selvaġġi li huma koperti mil-liġi tal-Unjoni.
L-eżerċizzju ta' kompetenza tal-Unjoni huwa, min-natura tiegħu, suġġett għal żvilupp kontinwu."
Iż-żewġ paragrafi b'linja taħthom ta' hawn fuq tħassru fit-test tal-Kunsill mibgħut lill-Parlament għall-approvazzjoni.
Il-preambolu tal-konvenzjoni CITES jinkludi r-raba' premessa li ġejja:
JIRRIKONOXXU, b'żieda ma' dan, li kooperazzjoni internazzjonali hija essenzali għall-ħarsien ta' ċerti speċje ta' fawna u flora selvaġġi kontra l-esplojtazzjoni żejda permezz tal-kummerċ internazzjonali;
V – Determinazzjoni tal-bażi legali xierqa
Billi jitqies li r-raġuni tal-proposta hija li jorbot legalment l-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw u jinfurzaw il-konvenzjoni ta' CITES, l-għan tal-konvenzjoni nnifisha huwa għalhekk essenzjali sabiex jiġi determinat jekk il-proposta tfittixx simultanjament iż-żewġ objettivi ta' protezzjoni ambjentali u l-kummerċ jew jekk wieħed minnhom huwiex sempliċiment inċidentali.
L-ewwel għandu jiġi muri li r-regolament li bih hija implimentata CITES fl-Istati Membri huwa bbażat fuq il-bażi legali tal-ambjent biss. Minn dan ikun jista' jiġi perċepit li l-objettiv tal-protezzjoni ambjentali m'għandux jitqies inċidentali għal xi objettiv possibbli ieħor imma jrid tal-inqas jitqies bħala wieħed mill-objettivi ewlenin.
Il-mistoqsija għalhekk tkun jekk l-objettiv tal-kummerċ għandux jitqies inċidentali għall-objettiv tal-protezzjoni ambjentali. Huwa ċar mir-raba' premessa tal-preambolu għal CITES li l-għan tagħha huwa li tipprevedi l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex jiġu protetti l-ispeċje mill-isfruttament żejjed permezz tal-kummerċ internazzjonali. Skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, il-politika kummerċjali komuni għandha ssir fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, li skont l-Artikolu 191, kif imsemmi fl-Artikolu 192 tat-TFUE, tinkludi t-tħeġġiġ ta' miżuri fil-livell internazzjonali biex jiġu ttrattati l-problemi ambjentali reġjonali jew globali. L-aspett tal-kummerċ tal-proposta jista' għalhekk ma jitqisx sempliċiment inċidentali għall-objettiv tal-protezzjoni ambjentali, mhux l-inqas billi jitqies li l-UE għandha kompetenza esklużiva meta tittratta l-politika kummerċjali komuni.
Il-proposta għalhekk tfittex simultanjament iż-żewġ objettivi tal-protezzjoni ambjentali u tal-kummerċ internazzjonali ġust. Iż-żewġ objettivi huma indissoċjabbilment konnessi, mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom ikun sekondarju jew indirett fil-konfront tal-ieħor. Il-bażi legali tal-proposta trid għalhekk tinkludi l-Artikolu 207 tat-TFUE u ma tistax tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 192 tat-TFUE.
VI – Konklużjoni u rakkomandazzjoni
Fid-dawl tal-analiżi li ssemmiet qabel, l-Artikoli 192, 207 u 218 tat-TFUE jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa għall-proposta.
Il-kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fuq waqt il-laqgħa tiegħu tas-13 ta' Ottubru 2014. Waqt din il-laqgħa, ġie deċiż kif suppost, bi 15-il vot favur u 6 kontra, bl-ebda astensjoni[4], li jiġi rrakkomandat li l-bażi legali xierqa għall-proposta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) għandha tkun l-Artikoli 192, 207 u 218(6)(a) tat-TFUE.
Dejjem tiegħek,
Pavel Svoboda
- [1] Ara r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (riformulazzjoni) (P7_TA(2014)0397).
- [2] Kawża C-45/86, il-Kummissjoni vs il-Kunsill (Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati), Ġabra tal-Ġurisprudenza 1987, 1439, punt 5; Kawża C-440/05, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007, I-9097; Kawża C-411/06, il-Kummissjoni vs. il-Parlament u l-Kunsill, Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009, I-7585.
- [3] Ara l-Kawża C-411/06, iċċitata aktar 'il fuq, il-punti 46-47.
- [4] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Jean-Marie Cavada (President fil-kariga, Viċi President), Max Andersson, Marie-Christine Boutonnet, Daniel Buda, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux (Viċi President), Andrzej Duda, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Rosa Estaràs Ferragut, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Angelika Niebler, Julia Reda, Evelyn Regner, Virginie Rozière, Viktor Uspaskich, Tadeusz Zwiefka.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
5.11.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
61 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Lynn Boylan, Nessa Childers, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Ashley Fox, Elisabetta Gardini, Enrico Gasbarra, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach, Syed Kamall, Kateřina Konečná, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Teresa Rodriguez-Rubio, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Jadwiga Wiśniewska |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Renata Briano, Soledad Cabezón Ruiz, Ulrike Müller, József Nagy, Aldo Patriciello, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Bart Staes |
||||