RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

20.11.2014 - (09827/2014 – C8-0129/2014 – 2014/0086(NLE) – 2014/2816(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Andrejs Mamikins
PR_INI_ConsentMotion


Proċedura : 2014/2816(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0042/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra

(09827/2014 – C8-0129/2014 2014/0086(NLE) 2014/2816(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09827/2014),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (il-"Ftehim") tas-27 ta' Ġunju 2014 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (17901/2013),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), u l-paragrafi 7 u 8, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0129/2014),

–       wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga tas-7 ta' Mejju 2009, is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja tat-30 ta' Settembru 2011 u s-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus tad-29 ta' Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ftehimiet bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE rigward in-negozjati bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni[1],

–       wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal Konġunt dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika tal-Viċinat Ewropew fil-Ġeorġja – Progress fl-2013 u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni (Rapport ta' Progress annwali) tas-27 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat[2],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta' prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant[4],

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-5 ta' Settembru 2010 dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Ġeorġja,

–       wara li kkunsidra l-ħidma ta' Thomas Hammarberg bħala l-Konsulent Speċjali tal-UE għar-Riforma Kostituzzjonali u Ġuridika u għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Ġeorġja, u r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bl-isem ''Georgia in Transition. Report on the human rights dimension: background, steps taken and remaining challenges'' (Il-Ġeorġja fi Tranżizzjoni. Rapport dwar id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem: il-kuntest, il-passi meħuda u l-isfidi li fadal), ta' Settembru 2013 u r-rapport tal-10 ta' Lulju 2014 dwar il-missjoni ta' segwitu,

–       wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni[5],

–       wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni (l-"Aġenda") li se tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni PEV,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu ta' ... 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni[6],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0042/2014),

A.     billi fil-Ġeorġja jeżisti kunsens qawwi fil-livell nazzjonali u bejn il-partiti favur l-integrazzjoni mal-Punent, inkluż mal-UE u man-NATO; billi skont studju reċenti tal-Istitut Demokratiku Nazzjonali għall-Affarijiet Internazzjonali, 69 % tal-popolazzjoni tal-Ġeorġja hija favur l-iffirmar ta' ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea; billi kunsens bħal dan għandu jwitti t-triq sabiex tittaffa l-polarizzazzjoni attwali tax-xena politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal djalogu kostruttiv bejn il-forzi ta' maġġoranza u dawk ta' minoranza;

B.     billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012 u dawk presidenzjali tal-2013 fil-Ġeorġja twettqu mingħajr intoppi u f'konformità mal-istandards Ewropej; billi għall-ewwel darba fl-istorja reċenti tal-Ġeorġja t-trasferiment tas-setgħa wara dawn l-elezzjonijiet seħħ b'mod paċifiku u demokratiku, u jista' jservi ta' eżempju għar-reġjun kollu;

C.     billi l-Ewropa għandha turi s-solidarjetà tagħha mal-pajjiżi li reġgħu kisbu l-indipendenza wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika kif ukoll appoġġ għas-sovranità tagħhom;

D.     billi r-Russja għadha tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tan-normi u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi seħħew tindif etniku u tibdil demografiku furzat f'żoni li jinsabu taħt kontroll effettiv tal-forzi ta' okkupazzjoni, li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn iż-żoni, inkluż il-ksur tad-dritt għal moviment liberu kif ukoll id-dritt għal kuntatti interpersonali u edukazzjoni fil-lingwa materna tal-individwu;

E.     billi l-Ġeorġja għamlet progress sinifikanti fir-riformi u fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-UE mir-''Rivoluzzjoni tal-Ward'' 'l hawn; billi b'riżultat tal-progress li sar fir-riformi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-Ġeorġja bbenefikat minn allokazzjoni finanzjarja addizzjonali fil-ambitu tal-programm ta' Integrazzjoni u ta' Kooperazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jikkostitwixxi wkoll rikonoxximent qawwi ta' dan il-progress, filwaqt li jirrikonoxxi wkoll l-ambizzjoni u l-impenn li għandha l-Ġeorġja sabiex taqbad triq Ewropea;

F.     billi l-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina saru fis-27 ta' Ġunju 2014, fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell; billi bir-ratifika min-naħa tal-Parlament Ewropew tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja, wara r-ratifika tal-ftehimiet mar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, ġie fi tmiemu proċess sħiħ, filwaqt li nfetaħ kapitolu ġdid fir-rigward tax-xewqa u d-determinazzjoni ta' dawn il-pajjiżi li jersqu eqreb tal-Unjoni Ewropea;

G.     billi fil-kuntest tal-PEV is-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikattiv għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċelerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u l-Ġeorġja, li bejniethom hemm rabtiet ġeografiċi, storiċi u kulturali qawwijin; billi dan sar permezz tal-appoġġ tar-riformi politiċi u soċjoekonomiċi u billi ġie ffaċilitat it-tqarrib lejn l-UE;

H.     billi l-oqfsa reġjonali, inkluża l-Assemblea Parlamentari Euronest, u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tal-UE, jikkostitwixxu fora addizzjonali fejn jiġu kondiviżi l-esperjenzi, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

I.      billi l-UE tenfasizza d-dritt tal-Ġeorġja li tingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali, filwaqt li tirrispetta d-dritt internazzjonali, u ttenni l-konvinzjoni soda tagħha fil-prinċipju li l-ebda pajjiż terz m'għandu veto fuq id-deċiżjoni sovrana ta' pajjiż ieħor fi kwistjonijiet bħal dawn;

J.      billi l-Parlament jappoġġa bis-sħiħ il-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-Ġeorġja bħala sinjal immedjat ta' relazzjonijiet eqreb bejn l-UE u l-Ġeorġja u bħala vantaġġ dirett għall-popolazzjoni;

K.     billi l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhijiex minnha nnifisha l-iskop aħħari, iżda hija parti minn proċess usa' li jdaħħal lill-pajjiż fin-norma Ewropea mil-lat ġuridiku, ekonomiku, politiku u soċjali, u għaldaqstant l-implimentazzjoni hija essenzjali;

L.     billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, speċjalment it-taqsima dwar il-kummerċ li ġiet innegozjata fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant fl-2012 u fl-2013 huwa, fost l-oħrajn, wieħed mill-aktar ftehimiet ta' kummerċ ħieles ambizzjużi li l-UE qatt innegozjat ma' pajjiż terz;

M.    billi l-ħolqien ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Ġeorġja jirrappreżenta wieħed mill-aktar vantaġġi reċiproċi sinifikanti tal-Ftehim; billi m'hemmx dubju dwar l-importanza tal-kummerċ għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, il-prosperità u l-istabbiltà;

N.     billi l-istabbiliment ta' DCFTA mal-UE se jfisser għall-Ġeorġja li se jkollha tieħu impenji vinkolanti biex tadatta l-liġijiet u l-istandards tagħha sabiex tirrispetta n-normi u l-valuri komuni, u b'hekk iżżid l-aċċess tagħha għas-suq tal-UE;

O.     billi l-UE se tibbenefika minn flussi kummerċjali b'inqas intoppi u kundizzjonijiet ta' investiment aħjar fil-Ġeorġja;

P.     billi d-DCFTA tinkludi bosta dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jirriformaw il-leġiżlazzjoni kummerċjali u l-politiki relatati mal-kummerċ tal-Ġeorġja abbażi tal-acquis tal-UE u f'konformità miegħu, u billi dan se jwassal għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż u għal ambjent ta' negozju mtejjeb u aktar prevedibbli, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

Q.     billi bl-għoti tal-preferenzi SĠP+ lill-Ġeorġja, l-UE forniet lill-ekonomija tal-Ġeorġja b'benefiċċji sostanzjali;

R.     billi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li bdiet fl-1 ta' Settembru 2014, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni aktar rapida tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni;

S.     billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u impenn favur il-valuri u l-prinċipji komuni, inklużi l-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, imnebbħa minn viżjoni komuni fejn kull persuna għandha valur uniku, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi 'l quddiem u l-Ftehim jiġi implimentat b'suċċess, u biex jiżguraw li dan ikollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tal-pajjiż;

T.     billi rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar b'saħħithom ser iġibu aktar stabbiltà, sigurtà u prosperità lill-kontinent Ewropew kollu; billi rabtiet aktar b'saħħithom mal-UE m'għandhomx ifissru l-esklużjoni mir-rabtiet tradizzjonali, storiċi, politiċi u ekonomiċi li għandha l-Ġeorġja ma' pajjiżi oħrajn fir-reġjun, u lanqas it-tmiem ta' dawn ir-rabtiet, iżda għall-kuntrarju, għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-pajjiż jibbenefika bis-sħiħ mill-potenzjal kollu tiegħu;

U.     billi l-Ġeorġja hija parti importanti mill-katina tal-provvista tas-suq komuni tal-enerġija u twassal ir-riżorsi enerġetiċi mir-reġjun tal-Baħar Kaspju lejn l-UE;

1.      Jilqa' favorevolment ħafna l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li jikkostitwixxi pass sinifikanti 'l quddiem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja u juri impenn fit-triq lejn l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika; jilqa' l-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Ġeorġja fl-2014 skont il-prinċipju ta' ''aktar fondi għal aktar riforma''; jenfasizza li r-ratifika tal-Ftehim mhijiex l-għan aħħari minnha nnifisha, u li huwa kruċjali li jiġi implimentat bis-sħiħ fl-iqsar żmien possibbli;

2.      Jilqa' r-ratifika rapida u unanima tal-Ftehim min-naħa tal-Parlament tal-Ġeorġja, u jistieden lill-Istati Membri jipproċedu malajr bir-ratifika tiegħu;

3.      Jinnota li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Ġeorġja, bħal kull Stat Ewropew ieħor, għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni dment li żżomm mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi, u tiżgura l-istat tad-dritt;

4.      Jenfasizza li l-Ftehim ikopri t-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tal-Ġeorġja u li huwa ta' benefiċċju għall-popolazzjoni kollha u jservi ta' qafas għall-iżvilupp sostenibbli u d-demokrazija fil-Ġeorġja;

5.      Jistieden lill-Ġeorġja tiżgura li r-riformi jkunu ankrati u stabbiliti fermement fil-qafas istituzzjonali, biex b'hekk tibni soċjetà kkaratterizzata mill-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

6.      Jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' djalogu kostruttiv bejn il-partiti għall-adozzjoni ta' riformi bażiċi u obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u dan fi spirtu ta' għażla kunsenswali Ewropea; jistieden lill-forzi politiki tal-Ġeorġja jevitaw approċċ li fih ''ir-rebbieħ ikaxkar kollox'', jiġifieri l-approċċ li kien jikkaratterizza l-gvernijiet preċedenti, u dan sabiex tingħeleb il-polarizzazzjoni li ilha teżisti fis-soċjetà tal-Ġeorġja;

7.      Jilqa' l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni li toħloq qafas prattiku biex jinkisbu l-objettivi urġenti tal-Ftehim u li għandu jkun dak li jiggwida l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja;

8.      Jenfasizza li kemm il-Ġeorġja u kemm l-UE għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, u li l-prijoritajiet stabbiliti fiha għandhom jingħataw l-appoġġ tekniku u finanzjarju xieraq biex b'hekk il-Ġeorġja tkun tista' tkompli bir-riformi demokratiċi u ekonomiċi tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw l-assistenza tagħhom u li fil-programmazzjoni tal-finanzjament għall-Ġeorġja jużaw il-prijoritajiet tal-Aġenda bħala l-prinċipji li jmexxuhom;

9.      Jistieden lill-partijiet jidentifikaw il-bżonnijiet ta' taħriġ biex jiġi żgurat li l-Ġeorġja tkun kapaċi twettaq l-obbligi tal-Ftehim u l-Aġenda;

10.    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jappella sabiex jiġu żgurati l-applikabbiltà u l-benefiċċji tal-Ftehim għat-territorju rikonoxxut internazzjonalment kollu tal-Ġeorġja; jappella f'dan ir-rigward lill-UE tkompli timpenja ruħha b'mod attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja, il-viċi presidenza fit-Taħdidiet ta' Ġinevra, u l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM); iħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar sforzi deċiżivi għal dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-aspetti restrittivi tal-liġi dwar it-territorji okkupati, biex b'hekk jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-Ftehim u tad-DCFTA;

11.    Jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja, kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, treġġa' lura r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar u ttemm l-okkupazzjoni tagħhom, u tirreċiproka l-impenn dwar in-nuqqas ta' użu tal-forza fir-rigward tal-Ġeorġja; jesprimi tħassib b'rabta mad-deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim ta' ''sħubija u integrazzjoni'' bejn it-territorju okkupat ta' Abkażja u r-Russja;

12.    Jilqa' r-riformi reċenti min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja mfassla sabiex tissaħħaħ aktar l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet responsabbli milli jiggarantixxu d-demokrazija (partikolarment dik tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji), l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u li tiġi kkonsolidata s-sistema ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; itenni l-importanza li jiġi żgurat li t-tliet fergħat kollha tas-setgħa jibqgħu separati; jappella sabiex is-sistema tal-kontrolli u tal-bilanċi tintuża b'mod effettiv, flimkien ma' mekkaniżmi ta' sorveljanza;

13.    Jinnota l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-qasam tar-riformi demokratiċi, inklużi fl-indirizzar tar-riforma tal-ġudikatura, u l-ħtieġa li jiġu investigati bis-sħiħ u b'mod adegwat l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni li r-riforma tas-settur tal-ġustizzja tibqa' prijorità kemm għall-Ġeorġja u kemm għall-Unjoni Ewropea; jirrikonoxxi l-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u l-garanzija tad-drittijiet proċedurali; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq reġistru tal-infurzar għall-każijiet ta' prosekuzzjoni u kundanni u li permezz tiegħu jkun jista' jitkejjel il-progress; jitlob l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli u l-fiduċja tal-pubbliku; ifakkar li għandha titkompla l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija ta' riforma tas-settur tal-ġustizzja;

14.    Jenfasizza li l-prosekuzzjonijiet kollha għandhom ikunu trasparenti, proporzjonati u ħielsa minn motivazzjoni politika, u għandhom jimxu strettament mal-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' proċess ġust u jitwettqu b'rispett sħiħ tal-prinċipji ta' smigħ ġust, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' responsabbiltà tal-uffiċċju tal-prosekutur u l-kriterji vagi li skonthom jinħatru l-prosekuturi u l-investigaturi; ifakkar li l-integrità u l-professjonalità għandhom ikunu l-kriterji ewlenin għall-mili ta' dawn il-karigi;

15.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-Ġeorġja jfittxu li joħolqu r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li bosta uffiċjali li servew taħt il-gvern preċedenti u wħud mill-membri tal-oppożizzjoni attwali ġew akkużati b'reati u jinsabu l-ħabs jew qegħdin taħt arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża; jesprimi tħassib ukoll dwar l-użu potenzjali tas-sistema ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-avversarji politiċi, fatt li jista' jdgħajjef l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-qasam tar-riforma demokratika; ifakkar li l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika sinifikanti hija indispensabbli għall-ħolqien ta' sistema politika bilanċjata u matura li qed taspira għaliha l-Ġeorġja;

16.    Jirrikonoxxi li l-akkużi ta' każijiet tal-hekk imsejħa ġustizzja selettiva kellhom impatt negattiv; jappella lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jevitaw milli jużaw is-sistema ġudizzjarja bħala mezz ta' vendetta politika; jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Ġeorġja joqogħdu attenti ħafna li jevitaw akkużi fil-futur, filwaqt li jkomplu bil-ġlieda serja sabiex titneħħa l-korruzzjoni u l-abbuż tal-kariga pubblika;

17.    Jilqa' l-ħidma li saret minn Thomas Hammarberg bħala l-Konsulent Speċjali tal-UE u r-rapport tiegħu ''Georgia in Transition'' (Il-Ġeorġja fi Tranżizzjoni), kif ukoll ir-rapport tal-10 ta' Lulju 2014 dwar iż-żjara ta' segwitu; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti;

18.    Jenfasizza l-fatt li l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) b'mod ġenerali kkunsidrat l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ottubru 2013 bħala pożittivi kif ukoll bħala l-aħjar elezzjonijiet minn wara l-indipendenza tal-Ġeorġja 'l hawn, u li dawn komplew jibnu fuq il-passi inkoraġġanti tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2012; jinnota f'dan ir-rigward il-parteċipazzjoni tad-Delegazzjoni tal-Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament;

19.    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tiżgura sinerġiji bejn l-opportunitajiet diversi ta' sostenn li jagħtu l-Fond Ewropew għad-Demokrazija, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istrument għall-Istabbiltà u l-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili biex b'hekk jiġi appoġġat il-proċess demokratiku fil-Ġeorġja;

20.    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jkomplu bil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-frodi u l-ħasil ta' flus fil-livelli kollha u fl-isferi kollha tal-ħajja, u jiżviluppaw ġudikatura li tiffunzjona kompletament, li għandha biżżejjed persunal u li hija indipendenti sabiex fost l-oħrajn, tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura u tiġi difiża l-ekonomija leċita; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li l-amministrazzjoni pubblika ma tibqax ta' dominju politiku biex b'hekk issir aktar effiċjenti u ħielsa mill-indħil politiku;

21.    Jirrikonoxxi d-determinazzjoni tal-Ġeorġja u l-kisbiet li għamlet fil-bini ta' soċjetà ħielsa bbażata fuq l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-pluraliżmu soċjali; jiġbed l-attenzjoni lejn l-appoġġ qawwi li qed igawdi minnu dan il-proċess fis-soċjetà tal-Ġeorġja; jenfasizza l-importanza ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni sabiex jiġu żgurati d-drittijiet ugwali u l-ħarsien tal-minoranzi, b'mod partikolari għall-minoranzi etniċi, reliġjużi u LGBT; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tal-Ġeorġja tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni, u jappella sabiex din tiġi implimentata u osservata bis-sħiħ skont u fl-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li dan jikkostitwixxi pass importanti lejn il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jwettqu kampanji ta' informazzjoni dwar is-suġġett;

22.    Jiddeplora f'dan ir-rigward il-fatt li reċentement fil-pajjiż feġġew b'mod vjolenti l-Iżlamofobija u l-omofobija u li s-servizzi ta' prosekuzzjoni u l-ġudikatura naqsu milli jressqu b'mod effikaċi quddiem il-ġustizzja lill-persuni responsabbli;

23.    Jilqa' l-ħidma li saret mill-Ġeorġja fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni; jilqa' wkoll il-progress sinifikanti li sar fid-djalogu dwar il-viżi; jappoġġa l-introduzzjoni f'waqtha ta' reġim ta' eżenzjoni mill-viżi għall-Ġeorġja bħala żvilupp pożittiv tanġibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Ġeorġja, ladarba jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha;

24.    Jistieden lill-Gvern tal-Ġeorġja joħloq ambjent favorevoli għall-midja ħielsa li jippromwovi l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, u li jippermetti lill-midja tirrapporta b'mod indipendenti u oġġettiv mingħajr pressjoni politika jew ekonomika; jappella f'dan ir-rigward għall-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-midja;

25.    Iħeġġeġ lill-gvern ikompli jagħmel progress fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja billi jadotta l-Kodiċi tal-Ġustizzja għall-Minorenni l-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali biex b'hekk jippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja għat-tfal kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru riformi urġenti fis-sistema tal-ħarsien soċjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali dejjem jiżdiedu li jaffettwaw partikolarment lit-tfal, kif jidher mill-perċentwal dejjem jiżdied ta' tfal li issa qed jgħixu taħt il-livell nazzjonali tal-faqar (27 % fl-2013 meta mqabbel ma' 25 % fl-2011) u f'faqar estrem (6 % meta mqabbel ma' 3.9 % fost il-popolazzjoni ġenerali), u li qed jgħixu b'anqas minn USD 1,25 kuljum;

26.    Jinnota b'mod pożittiv l-adozzjoni tal-kodiċi l-ġdid dwar ix-xogħol u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat u li jibqa' jkun hemm titjib fl-istandards tax-xogħol u d-djalogu soċjali, biex b'hekk ikun hemm konformità mad-drittijiet u l-istandards tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

27.    Ifaħħar id-determinazzjoni tal-Ġeorġja li tfittex li jkollha rabtiet ekonomiċi eqreb mal-UE permezz ta' riformi ekonomiċi profondi u diffiċli;

28.    Jifraħ lill-Ġeorġja talli kienet kapaċi tirreżisti għall-pressjoni esterna, fost oħrajn mir-Russja, u tidderieġi l-esportazzjonijiet tagħha lejn swieq ġodda, u jħeġġeġ lill-Ġeorġja tkompli f'din id-direzzjoni anke fil-futur; jikkundanna l-politika ta' pressjoni ekonomika li utilizzat ir-Russja kontra l-Ġeorġja qabel u wara l-iffirmar tad-DCFTA f'Ġunju 2014;

29.    Jemmen bis-sħiħ li d-DCFTA se jkollha impatt pożittiv fuq perjodu twil fuq l-ekonomija tal-Ġeorġja u għaldaqstant se tgħin biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-pajjiż;

30.    Jinnota b'sodisfazzjon ir-ratifika tal-ftehim fit-18 ta' Lulju 2014 min-naħa tal-parlament tal-Ġeorġja, li wasslet għall-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA mill-1 ta' Settembru 2014;

31.    Jistieden lill-parlamenti tal-Istati Membri jirratifikaw kemm jista' jkun malajr il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża d-DCFTA, biex b'hekk id-dispożizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali kollha tal-Ftehim ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ mingħajr dewmien;

32.    Jenfasizza l-fatt li s-suċċess tad-DCFTA jiddependi fuq kemm iż-żewġ partijiet jimplimentaw bir-reqqa l-impenji stabbiliti fil-Ftehim; jappella f'dan ir-rigward lill-UE sabiex lill-Ġeorġja tagħtiha l-għajnuna meħtieġa kollha, anke sabiex ittaffi l-ispejjeż fuq perjodu qasir għall-Ġeorġja; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu mal-Ġeorġja l-għarfien li għandhom fil-qasam tar-riformi ekonomiċi u tal-approssimazzjoni;

33.    Jemmen li l-iskrutinju parlamentari huwa kundizzjoni fundamentali għall-appoġġ demokratiku tal-politiki tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita mingħajr dewmien il-monitoraġġ regolari u dettaljat tal-implimentazzjoni tad-DCFTA mill-Parlament Ewropew.

34.    Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-DCFTA sabiex tipprevjeni d-dumping soċjali u ambjentali, speċjalment matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-każ ta' ċerti setturi;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-forniment ta' assistenza u ta' għarfien espert lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Ġeorġja, biex b'hekk tippermettilhom jipprovdu monitoraġġ intern u għoti ta' rendikont akbar fir-rigward tar-riformi u l-impenji li ħa fuqu l-gvern, l-aktar fl-ambitu tal-Ftehim u l-Aġenda;

36.    Jistieden lill-Gvern tal-Ġeorġja jikkoopera mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs permezz ta' djalogu konsistenti;

37.    Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja fl-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżi fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE, u jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jistieden lill-Ġeorġja għall-eżerċizzji rilevanti u s-sessjonijiet ta' taħriġ;

38.    Jenfasizza r-rwol fundamentali li għandhom ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja u l-EUMM fil-kontribut li jagħtu għas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żoni li jinsabu maġenb ir-reġjuni ta' Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, u jappella għall-proroga tal-mandat tal-missjoni lil hinn mill-2016; jitlob ukoll lill-UE tiżgura li din tingħata baġit adegwat biex twettaq il-mandat tagħha;

39.    Iqis deplorevoli, b'rabta ma' dan, in-nuqqas ta' progress sostanzjali li sar fit-taħdidiet ta' Ġinevra, minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Ġeorġja li juru impenn kostruttiv biex jindirizzaw it-tħassib umanitarju u tas-sigurtà kollu fiż-żoni ta' kunflitt; jitlob sabiex l-UE jkollha rwol aktar effikaċi fil-proċess; jikkundanna l-proċess ta' stabbiliment ta' fruntieri tul il-linji ta' demarkazzjoni amministrattivi mal-Abkażja u mar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, li wassal għall-espansjoni taż-żona ta' territorji okkupati b'detriment għall-Ġeorġja, proċess li kellu konsegwenzi umanitarji devastanti għall-popolazzjoni lokali u li qed ixekkel il-bini tal-fiduċja;

40.    Jappoġġja l-passi pożittivi li ħa l-Gvern tal-Ġeorġja sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet mar-Russja; jistieden lir-Russja, bħala attur importanti fir-reġjun, timpenja ruħha b'mod kostruttiv sabiex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti u b'mod partikolari fit-Taħdidiet ta' Ġinevra, li kellhom il-mandat li jimmonitorjaw il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja; jemmen li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ miż-żewġ naħat, b'mod partikolari l-impenn tar-Russja li tirtira l-forzi militari kollha tagħha u d-dispożizzjoni li tiddikjara li r-Russja għandha tiggarantixxi lill-EUMM aċċess sħiħ u illimitat lejn it-territorji separatisti tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar; jenfasizza l-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom jkunu jistgħu jirritornaw lura b'mod sikur u dinjituż fil-postijiet ta' residenza permanenti tagħhom;

41.    Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-kuntatti interpersonali fil-livelli kollha fiż-żoni ta' kunflitt ħalli jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal djalogu sostnut u jitrawwem ulterjorment il-bini tal-fiduċja bil-għan li jiġi intensifikat il-proċess ta' paċi u tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet;

42.    Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-proċess ta' assoċjazzjoni mhuwiex ta' theddida għall-interessi politiċi u ekonomiċi tar-Russja, u jiddispjaċih li t-tmexxija Russa tikkunsidrah b'dan il-mod; jirrimarka li kull pajjiż għandu kull dritt jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda li l-impenn tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-ġid u jqawwi l-istabbiltà politika u soċjali, ħaġa li l-pajjiżi tar-reġjun ilkoll se jgawdu minnha;

43.    Jindika li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, l-inklużjoni mistennija tal-Armenja fl-Unjoni Doganali, u l-fatt li l-Azerbajġan għadu barra mill-blokok ekonomiċi ewlenin, inkluż id-WTO, jistgħu jfixklu r-relazzjonijiet ekonomiċi tradizzjonali fir-reġjun; jappoġġa bis-sħiħ id-divrenzjar progressiv previst fil-qafas ta' Sħubija tal-Lvant, hekk kif dan jilħaq il-livelli differenti ta' ambizzjoni u ta' kapaċità tas-sħab, madankollu jemmen li l-UE teħtieġ approċċ reġjonali biex tkun tista' tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tassisti lill-pajjiżi fir-reġjun jindirizzaw il-problemi possibbli li jistgħu jinqalgħu minn sitwazzjoni bħal din, u tgħin lill-Ġeorġja tagħmel sforzi ġodda biex tippromwovi forom ġodda ta' kooperazzjoni fil-Kawkasu tan-Nofsinhar;

44.    Ifakkar lill-Ġeorġja fis-solidarjetà ġeneruża li wriet l-Ewropa meta r-Russja imponiet sanzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi fuq Tbilisi, u konsegwentement jistenna li l-Ġeorġja ma tapprofittax ruħha mis-sanzjonijiet attwali li imponiet ir-Russja fuq l-UE;

45.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pożizzjoni kruċjali tal-Ġeorġja għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-Kuritur tan-Nofsinhar u t-tranżitu tal-pajpijiet taż-żejt u tal-gass li jistgħu jkunu ta' importanza strateġika għas-sigurtà tal-enerġija Ewropea; jappella f'dan ir-rigward għar-rispett sħiħ tal-istandards ambjentali tal-UE fil-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li jkun hemm diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, l-aktar fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u li l-politiki u l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima jkunu allinjati ma' dawk tal-UE;

46.    Jistieden lill-Kummissjoni tgħin u timmonitorja mill-qrib lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja fil-programm ta' investiment tagħhom għall-kostruzzjoni, ir-rijabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' impjanti idroelettriċi, filwaqt li tħeġġiġhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards u n-normi tal-UE għal dak li jirrigwarda partikolarment il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta' impjanti akbar;

47.    Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament tal-Ġeorġja bħala mezz kif tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Aġenda; jemmen li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u l-ħolqien ta' qafas istituzzjonali ġdid għall-kooperazzjoni, li jinkludi l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jitlob titjib simili fis-sitwazzjoni fil-livell parlamentari; jemmen għalhekk li, meta tqis l-ambitu differenti tar-relazzjonijiet mal-Armenja u l-Azerbajġan, huwa neċessarju li jinħoloq kumitat ta' assoċjazzjoni parlamentari speċifiku bejn l-UE u l-Ġeorġja;

48.    Jistieden lill-Ġeorġja tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, lis-soċjetà tal-Ġeorġja, inklużi lit-territorji tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, u dan b'kooperazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Kriżi fil-Ġeorġja u l-EUMM;

49.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja.

7.11.2014

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra

(2014/2816(INI))

Olli Rehn

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

      billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja, speċjalment it-taqsima dwar il-kummerċ li ġiet innegozjata fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant mill-2012 sal-2013, huwa fost oħrajn wieħed mill-aktar ftehimiet ta' kummerċ ħieles ambizzjużi li l-UE qatt innegozjat ma' pajjiż terz;

      billi l-ħolqien ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Ġeorġja jirrappreżenta wieħed mill-aktar vantaġġi reċiproċi sinifikanti tal-ftehim; billi m'hemmx dubju dwar l-importanza tal-kummerċ għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, il-prosperità u l-istabbiltà;

      billi l-istabbiliment ta' DCFTA mal-UE se jfisser għall-Ġeorġja li se jkollha tieħu impenji vinkolanti biex tadatta l-liġijiet u l-istandards tagħha sabiex tirrispetta n-normi u l-valuri komuni, u b'hekk iżżid l-aċċess tagħha għas-suq tal-UE;

      billi l-UE se tibbenefika minn flussi kummerċjali b'inqas intoppi u kundizzjonijiet ta' investiment aħjar fil-Ġeorġja;

      billi d-DCFTA tinkludi bosta dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jirriformaw il-leġiżlazzjoni kummerċjali u l-politiki relatati mal-kummerċ tal-Ġeorġja abbażi tal-acquis tal-UE u f'konformità miegħu, u billi dan se jwassal għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż u għal ambjent ta' negozju mtejjeb u aktar prevedibbli, inkluż għall-SMEs;

      billi bl-għoti tal-preferenzi SĠP+, l-UE forniet lill-ekonomija tal-Ġeorġja b'benefiċċji sostanzjali;

1.   Ifaħħar id-determinazzjoni tal-Ġeorġja li tfittex li jkollha rabtiet ekonomiċi eqreb mal-UE permezz ta' riformi ekonomiċi profondi u diffiċli;

2.   Jifraħ lill-Ġeorġja talli kienet kapaċi tirreżisti għall-pressjoni esterna, fost oħrajn mir-Russja, u tidderieġi l-esportazzjonijiet tagħha lejn swieq ġodda, u jħeġġeġ lill-Ġeorġja tkompli f'din id-direzzjoni anke fil-futur; jikkundanna l-politika ta' pressjoni ekonomika li utilizzat ir-Russja kontra l-Ġeorġja qabel u wara l-iffirmar tad-DCFTA f'Ġunju 2014;

3.   Jemmen bis-sħiħ li d-DCFTA se jkollha impatt pożittiv fuq perjodu twil fuq l-ekonomija tal-Ġeorġja u għaldaqstant se tgħin biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-pajjiż;

4.   Jinnota b'sodisfazzjon ir-ratifika tal-ftehim mill-parlament tal-Ġeorġja fit-18 ta' Lulju 2014, li wasslet għall-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA mill-1 ta' Settembru 2014;

5.   Jistieden lill-parlamenti tal-Istati Membri jirratifikaw kemm jista' jkun malajr il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża d-DCFTA, biex b'hekk id-dispożizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali kollha tal-Ftehim ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ mingħajr dewmien;

6.   Jenfasizza l-fatt li s-suċċess tad-DCFTA jiddependi fuq kemm iż-żewġ partijiet jimplimentaw bir-reqqa l-impenji stabbiliti fil-ftehim; jappella f'dan ir-rigward lill-UE sabiex lill-Ġeorġja tagħtiha l-għajnuna meħtieġa kollha, anke sabiex ittaffi l-ispejjeż fuq perjodu qasir għall-Ġeorġja; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu mal-Ġeorġja l-għarfien li għandhom fil-qasam tar-riformi ekonomiċi u tal-approssimazzjoni;

7.   Jemmen li l-iskrutinju parlamentari huwa kundizzjoni fundamentali għall-appoġġ demokratiku tal-politiki tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita mingħajr dewmien il-monitoraġġ regolari u dettaljat tal-implimentazzjoni tad-DCFTA mill-Parlament Ewropew.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Gabrielius Landsbergis, Bernd Lange, Jörg Leichtfried, Marine Le Pen, David Martin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Franck Proust, Viviane Reding, Olli Rehn, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Klaus Buchner, Nicola Danti, Agnes Jongerius, Sajjad Karim, Seán Kelly, Sander Loones, Fernando Ruas, Lola Sánchez Caldentey, Jarosław Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Andi Cristea, Helga Stevens

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.11.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Aymeric Chauprade, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Eleni Theocharous, László Tőkés, Johannes Cornelis van Baalen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Ceballos, Angel Dzhambazki, Mariya Gabriel, Ana Gomes, Marek Jurek, Othmar Karas, Gabrielius Landsbergis, Javi López, Gilles Pargneaux, Miroslav Poche, Helmut Scholz, György Schöpflin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, David Coburn, Julia Pitera, Maurice Ponga, Jarosław Wałęsa