RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/008 FI/STX Rauma, mill-Finlandja)

21.11.2014 - (COM(2014)0630 – C8‑0214/2014 – 2014/2137(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Petri Sarvamaa

Proċedura : 2014/2137(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0043/2014
Testi mressqa :
A8-0043/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/008 FI/STX Rauma, mill-Finlandja)

(COM(2014)0630 – C8‑0214/2014 – 2014/2137(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0630 – C8‑0214/2014),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0043/2014),

A.     billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.     billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.     billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi reintrodott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli bl-introduzzjoni ta' persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi tagħhom stess;

D.     billi l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni EGF/2014/008 FI/STX Rauma fis-27 ta' Mejju 2014 wara t-tkeċċija ta' 577 ħaddiem f'STX Finland Oy, impriża li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 30 ("Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport");

E.     billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.      Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-anqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi tagħha fl-istadju aħħari tal-produzzjoni

2.      Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ssottomettew l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-27 ta' Mejju2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2014; jilqa’ il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta’ inqas minn ħames xhur;

3.      Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi jsostnu li l-industrija marittima globali nbidlet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin u li f'dan il-kuntest globali s-sehem tas-suq tal-UE fil-bini tal-bastimenti[4] ħa tisbita minn 13 % fl-2007 għal 5 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013, filwaqt li s-sehem ekwivalenti taċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun flimkien żdied minn 77 % fl-2007 għal 86 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013; jinnota li minbarra din l-espansjoni sinifikanti tal-Asja fis-suq tal-bini tal-bastimenti, it-tnaqqis fl-ordnijiet li jirriżulta mill-kriżi ekonomika tefa' lis-settur Ewropew f'qagħda ta' kapaċità żejda globali li qed twassal għal kompetizzjoni ħarxa;

4.      Jaqbel li minħabba l-globalizzazzjoni dawn il-fatturi għandhom rabta mat-tibdiliet strutturali ewlenin fit-tendenzi kummerċjali dinjija u li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

5.      Jinnota li sal-lum, is-settur tal-bini tal-bastimenti f'termini wiesgħa kien is-suġġett ta' 6 applikazzjonijiet għall-FEG, waħda bbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u l-ħamsa l-oħra fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; iqis li r-ristrutturar fis-settur jista' jtaffi d-diffikultajiet u li l-industrija tal-bini tal-bastimenti fl-Istati Membri differenti tista' tiġi megħjuna permezz ta' linjigwida minn perspettiva Ewropea;

6.      Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fil-Lbiċ tal-Finalndja, peress li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema mkeċċija għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni flimkien ma' età relattivament avvanzata, liema fatturi x'aktarx iżidu r-riskju ta' qgħad fit-tul; jinsab aktar u aktar imħasseb dwar l-effetti tal-għeluq ta' din l-impriża billi t-tarzna u l-industrija tal-metall jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi fundamentali u għandhom tradizzjoni storika, u minħabba f'hekk it-tranżizzjoni lejn attivitajiet ekonomiċi ġodda hija aktar iebsa;

7.      Jinnota li minbarra l-577 sensja matul il-perjodu ta' referenza, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu ukoll 57 ħaddiem imkeċċi wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, u b'hekk l-għadd totali ta' benefiċjarji eliġibbli jammonta għal 634 ruħ; l-għadd ta’ benefiċjarji speċifikati tal-miżuri tal-FEG huwa ta’ 565;

8.      Jinnota li l-baġit totali ta' dan il-baġit huwa ta’ EUR 2 378 000, li minnhom EUR 113 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 1 426 800, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

9.      Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-15 ta' Jannar 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

10.    Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tħejja b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali kkonċernati kif ukoll ma' diversi partijiet interessati oħrajn u jilqa' l-fatt li l-konsultazzjonijiet għadhom għaddejjin f'forma ta' grupp ta' ħidma mlaqqa' mill-Ministeru għall-Impjiegi u l-Ekonomija speċifikament biex jiġu affrontati s-sensji f'STX Finland;

11.    Jinnota li s-servizzi personalizzati li għandhom jingħataw jikkonsistu f'wieħed mit-tliet tipi ta' miżuri li ġejjin għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja kkunsidrati minn din l-applikazzjoni: (i) għajnuna biex isibu impjieg ġdid, (ii) għajnuna biex jagħtu bidu għall-impriża proprja, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni;

12.    Jilqa' l-istabbiliment ta' Punti ta' Servizz fost l-azzjonijiet proposti; japprezza li dawn il-punti huma mistennija li jipprovdu servizz aktar personalizzat u dettaljat minn dak tal-uffiċċju pubbliku għall-impjiegi;

13.    Jinnota li persentaġġ qawwi tal-ħaddiema mkeċċija (41.42 %) għandhom bejn il-55 u 64 sena; barra minn hekk jinnota li dan il-grupp ta' età jinsab f'riskju aktar qawwi ta' qgħad fit-tul u eskluzjoni mis-suq tax-xogħol; għaldaqstant iqis li dawn il-ħaddiema jista' jkollhom bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tal-għoti ta' servizzi personalizzati;

14.    Jilqa' b'mod partikolari l-miżura intitolata "Stħarriġ tal-impriżi", li permezz tagħha se jsir stħarriġ dwar l-impjiegi fir-reġjun ta' Rauma flimkien ma' negozji u industriji f'Rauma, bl-għan li tinġabar informazzjoni aġġornata dwar il-ħtiġijiet tal-persunal tal-impriżi, li t-tiftix għall-impjiegi mill-ħaddiema identifikati jkun jista' jitmexxa fid-direzzjoni t-tajba u li dawn jingħataw it-taħriġ meħtieġ;

15.    Jilqa' l-idea li dawk li qegħdin jippjanaw li jagħtu bidu għal intrapriża jistgħu jesperjenzaw xi tfisser li wieħed ikun imprenditur permezz ta' kollokament f'intrapriża eżistenti; jinnota l-potenzjal ta' valur miżjud li jiġi mit-tnedija ta' intrapriża wara li wieħed ikun ingħata s-sensja, kemm għall-persuna partikolari kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi;

16.    Jinnota li l-iskop tas-sussidji tal-paga hu li jiżgura li l-ħaddiema partikolari impjegati minn min iħaddem ma jkunux fi żvantaġġ fl-ewwel perjodu fl-impjieg ġdid tagħhom; iqis li tali miżura tista' sservi bħala inċentiv fit-tfittxija u fl-inklużjoni fi spettru usa' ta' impjiegi ġodda u mhux familjari għall-ħaddiema;

17.    Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

18.    Jappella sabiex il-miżuri tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ppjanati fi ħdan il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FSE l-ġdid jikkomplementaw il-miżuri proposti u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema f'setturi ekonomiċi sostenibbli u orjentati lejn il-futur;

19.    Ifakkar li l-impjegabbiltà tiddependi wkoll mil-livell ta' integrazzjoni fis-soċjetà u għaldaqstant jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali għall-akkumpanjament tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u dawk anqas kwalifikati;

20.    Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

21.    Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

23.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]  meta mkejjel skont il-volum ta ' produzzjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/008 FI/STX Rauma, mill-Finlandja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ lil ħaddiema li jingħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, minħabba ssoktar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009[4], jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida u biex jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Il-Finlandja ssottomettiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f'STX Finland Oy f'Rauma, fis-27 ta' Mejju 2014 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali kif previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex tiġi determinata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013.

(4)      Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 426 800 għall-applikazzjoni sottomessa mill-Finlandja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 426 800 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                Il-President

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]  ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013[2] , il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta'valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' STX Rauma u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-7 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja biex tappoġġa r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-impriża STX Finland Oy li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 30 ("Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport") minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni.

Din hija s-sittax-il applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 426 800 mill-FEG għall-Finlandja. Tikkonċerna total ta' 565 benefiċjarju. L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju 2014 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sat-22 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni kkonkludiet, skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Finlandiżi jsostnu li l-industrija marittima globali nbidlet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin u li f'dan il-kuntest globali s-sehem tas-suq tal-UE ħa tisbita. Meta mkejjel skont il-volum ta' produzzjoni, is-sehem tas-suq tal-UE fil-bini tal-bastimenti kien ta' 5 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013; dan ifisser tnaqqis ta' 13 % mill-2007. Is-sehem ekwivalenti taċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun flimkien kien ta' 86 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013, filwaqt li fl-2007 dan l-istess sehem kien ta' 77 %.

F'bosta pajjiżi Asjatiċi, l-industrija tat-tarzna saret strument għall-ħolqien ta' impjiegi nazzjonali u ta' dħul tal-munita barranija. Hemmhekk l-Istati jappoġġaw l-industrija tal-bini tal-bastimenti minħabba n-natura globali tagħha u l-impatti tagħha fuq l-impjiegi. Għaldaqstant, l-Ewropa, il-post fejn twieldet l-industrija tal-bini tal-bastimenti moderni, tilfet fil-wisa' kontra l-pajjiżi Asjatiċi fejn l-ispejjeż tax-xogħol huma aktar baxxi.

L-awtoritajiet Finlandiżi jsostnu li wara li tagħlaq STX, ir-rata ta' qgħad fir-reġjun ta' Rauma hi mistennija tiżdied b'aktar minn 2 punti perċentwali minn 11,1 % għal 13,1 %. Barra minn dan, il-livell baxx tal-edukazzjoni flimkien mal-età relattivament avvanzata x'aktarx li jżidu r-riskju ta' qgħad fit-tul.

Is-servizzi personalizzati li se jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin, li flimkien jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati: Kowċing u miżuri oħra ta' tħejjija, Impjiegi u servizzi tan-negozju f'Punt ta' Servizz, Taħriġ u taħriġ mill-ġdid, Promozzjoni u taħriġ dwar l-intraprenditorjat u servizzi esperti, Stħarriġ tal-impriżi, Sussidji tal-paga, Benefiċċji għall-ispejjeż tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fil-qasam tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

–      il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

–      ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u f'dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti;

–      l-impriża li tat is-sensji kompliet għaddejja bl-attivitajiet tagħha wara li tat is-sensji; hija kkonformat mal-obbligi ġuridiċi tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq;

–      l-azzjonijiet proposti se jipprovdu appoġġ lill-ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

–      l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju;

–      l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sors ta' prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali se jiġu primarjament mil-linja tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-fergħa amministrattiva tal-Ministeru għall-Impjiegi u l-Ekonomija u li xi servizzi se jkunu kofinanzjati min-nefqa operazzjonali taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u tal-Uffiċċji għall-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 1 426 800 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Din hija s-sittax-il proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ġiet trażmessa s'issa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014.

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [2]  ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)49839

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-każ EGF/2014/008 FI/STX Rauma (COM(2014)630 finali)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/008 FI/STX Rauma u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (Regolament dwar il-FEG) u tittratta 634 ħaddiem f'STX Finland Oy f'Rauma, li topera f'NACE Rev. 2 diviżjoni 30 ('Manifattura ta' tagħmir ta' trasport ieħor') fir-reġjuni tal-Punent tal-Finlandja, li ngħataw is-sensja jew li l-attività tagħhom waqfet fi żmien il-perjodu ta' referenza bejn is-7 ta' Novembru 2013 u s-7 ta' Marzu 2014;

B) Billi l-awtoritajiet Finnlandiżi jsostnu li s-sensji huma marbutin mat-tibdil drammatiku fl-industrija marittima globali bil-bini ta' tarznari ġodda fl-Asja flimkien mat-tnaqqis bin-nofs tal-ordnijiet bejn l-2007 u l-2013 minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali;

C) Billi 87.79 % tal-ħaddiema mmirati mill-miżuri huma rġiel u 12.21 % huma nisa; billi 52.04 % tal-ħaddiema għandhom bejn it-30 u l-54 sena, u t-tieni l-akbar grupp ta' ħaddiema (41.42 %) għandhom bejn il-55 u d-64 sena;

D) Billi skont stima tal-awtoritajiet, 565 ħaddiema minn total ta' 634 li ngħataw is-sensja mistennija jipparteċipaw fil-miżuri.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Finlandiża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-bini tal-bastimenti f'termini wiesgħa kien is-suġġett ta' 6 applikazzjonijiet għall-FEG, b'waħda minnhom ibbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u l-ħamsa l-oħra fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; iqis li r-ristrutturar fis-settur jista' jtaffi d-diffikultajiet u li l-industrija tal-bini tal-bastimenti fl-Istati Membri differenti tista' tiġi megħjuna permezz ta' linjigwida minn perspettiva Ewropea;

3.  Jilqa' l-istabbiliment ta' Punti ta' Servizz fost l-azzjonijiet proposti; japprezza li dawn il-punti huma mistennija li jipprovdu servizz aktar personalizzat u dettaljat minn dak tal-uffiċċju pubbliku għall-impjiegi;

4.  Jinnota li persentaġġ qawwi tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja (41.42 %) għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jinnota ukoll li dan il-grupp ta' età jinsab f'riskju aktar qawwi ta' qgħad fit-tul u eskluzjoni mis-suq tax-xogħol; għaldaqstant iqis li dawn il-ħaddiema jista' jkollhom bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tal-għoti ta' servizzi personalizzati;

5.  Jilqa' l-idea li dawk li qegħdin jippjanaw li jagħtu bidu għal intrapriża jistgħu jesperjenzaw xi tfisser li wieħed ikun imprenditur permezz ta' kollokament f'intrapriża eżistenti; jirrimarka l-potenzjal ta' valur miżjud li jiġi mit-tnedija ta' intrapriża wara li wieħed ikun ingħata s-sensja, kemm għall-persuna partikolari kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi;

6.  Jinnota li l-iskop tas-sussidji tal-paga hu li jiżgura li l-ħaddiema partikolari impjegati minn min iħaddem ma jkunux fi żvantaġġ fl-ewwel perjodu fl-impjieg ġdid tagħhom; iqis li tali miżura tista' sservi bħala inċentiv fit-tfittxija u fl-inklużjoni fi spettru usa' ta' impjiegi ġodda u mhux familjari għall-ħaddiema;

7.   Ifakkar li skont l-Artikolu 7 tar-Regolament , il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

1047 Brussell

Għażiż Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni:

Tliet proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hu previst li r-rapporti dwar kull proposta għandhom jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits tul waħda mil-laqgħat tiegħu li ġejjin.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.

-          COM(2014)0630 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1 426 800 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 634 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'STX Finland Oy f'Rauma, fil-Finlandja.

-          COM(2014)0630 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 918 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 760 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'GAD société anonyme simplifiée, fi Franza.

-          COM(2014)0672 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1 890 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 608 ħaddiem li ngħataw is-sensja Whirlpool Europe S.r.l. u ħames fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjon, fl-Italja.

-          COM(2014)0699 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1,259,610 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 1 079 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-Fiat Auto Poland u 21 fornitur tagħha, fil-Polonja.

-          COM(2014)0701 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 25 937 813 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 5 213 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Air France, fi Franza.

-          COM(2014)0701 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 6 444 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 600 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Odyssefs Fokas S.A., fil-Greċja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.11.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Heidi Hautala, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Marco Valli, Monika Vana, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Charles Goerens, Anneli Jäätteenmäki, Alfred Sant, Tomáš Zdechovský