Proċedura : 2014/2166(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0044/2014

Testi mressqa :

A8-0044/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2014 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0057

RAPPORT     
PDF 219kWORD 127k
21.11.2014
PE 541.441v02-00 A8-0044/2014

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/005 FR/GAD, ippreżentata minn Franza)

(COM(2014)0662 – C8‑0226/2014 – 2014/2166(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Anneli Jäätteenmäki

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/005 FR/GAD, ippreżentata minn Franza)

(COM(2014)0662 – C8‑0226/2014 – 2014/2166(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0662 – C8‑0226/2014),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikulari l-punt 13 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8‑0044/2014),

A.     billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol,

B.     billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.     billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji,

D.     billi l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni EGF/2014/005 FR/GAD fis-6 ta' Ġunju 2014 wara t-tkeċċija ta' 744 ħaddiem f'GAD société anonyme simplifiée, impriża li kienet topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 10 ("Manifattura ta' prodotti tal-ikel"),

E.     billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

F.     billi l-awtoritajiet lokali fir-reġjun ta' Bretagne ma kinux involuti fit-twaqqif tas-servizzi personalizzati (Cellule de reclassement) lill-ħaddiema milqutin, avolja huma responsabbli mit-taħriġ vokazzjonali; billi r-rappreżentanti trejdunjonistiċi lokali tas-siti ewlenin ikkonċernati ma kinux assoċjati man-negozjar tal-miżuri;

1.      Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-anqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi tagħha aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni;

2.      Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

3.      Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-6 ta' Ġunju 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ottubru 2014; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza stretta ta' 12-il ġimgħa imponuta mir-Regolament dwar il-FEG;

4.      Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li GAD, bħala biċċerija u impriża tal-ipproċessar tal-laħam, inqabdet bejn żewġ settijiet ta' pressjonijiet tal-prezz, dik tal-bdiewa li bdew jitħabtu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezz tal-għalf u dik tal-konsumaturi li bdew jitħabtu biex ilaħħqu ma' dħul imnaqqas;

5.      Jaqbel li t-tnaqqis fil-konsum tal-laħam tal-majjal b'riżultat ta' żieda fil-prezzijiet u tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi huwa marbut mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali msemmija fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(4);

6.      Huwa tal-fehma li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież tal-ħnieżer, li fil-biċċa l-kbira l-Unjoni timporta minn kontinenti oħrajn li dan l-aħħar intlaqtu ħażin ferm min-nixfa, tista' tiġi attribwita mal-globalizzazzjoni;

7.      Jemmen li fatturi oħrajn żvolġew rwol importanti fid-diffikultajiet tal-kumpanija, bħall-kompetizzjoni inġusta fis-suq intern minn kompetituri li abbużaw mid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema(5) u n-nuqqas ta’ paga minima diċenti fl-Istati Membri kollha;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni u l-istrumenti tagħha;

9.      Jikkonkludi li l-fatturi li jispjegaw id-diffikultajiet finanzjarji ta' GAD huma diversi, iżda madankollu jaqbel li Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

10.    Jinnota li sal-lum, is-settur tal-"Manifattura ta' prodotti tal-ikel" kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra tal-FEG(6), ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

11.    Jinnota li dawn is-sensji se jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fi Bretagne, billi l-impjiegi f'dan ir-reġjun huma aktar dipendenti mis-settur agro-agrikolu milli huma, bħala medja, fil-kumplament ta' Franza (11 % fi Bretagne meta mqabbel ma' 5 % bħala medja fi Franza);

12.    Jinnota li minbarra s-744 sensja matul il-perjodu ta' referenza, in-numru ta’ benefiċjarji eliġibbli jinkludi 16-il ħaddiem imkeċċi wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, u b'hekk l-għadd totali jammonta għal 760 ruħ, filwaqt li l-għadd ta' benefiċjarji speċifikati tal-miżuri tal-FEG huwa wkoll ta' 760;

13.    Jinnota li l-ispiża totali ta’ din l-applikazzjoni hi ta' EUR 1 530 000, li minnhom EUR 30 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 918 000, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

14.    Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-3 ta' Jannar 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

15.    Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal wara li l-Kumitat Ċentrali tal-Impriżi ta' GAD ġie infurmat fit-28 ta' Ġunju 2013 li kien ippjanat tnaqqis ta' 889 impjieg fl-impriża;

16.    Jiddispjaċih, madankollu, dwar l-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali; jissuġġerixxi, fil-qafas ta' rieżami tar-Regolament FEG fil-ġejjieni, l-inklużjoni ta' konsultazzjoni formali mal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali fil-fajl li jkun fih it-talba għal mobilizzazzjoni mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Kummissjoni; iqis li hemm bżonn ta' integrazzjoni aħjar tal-FEG fil-programmi u l-proċessi ta' rikonverżjoni tat-tessuti ekonomiċi lokali;

17.    Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-ħaddiema diġà qed jiġu appoġġati bil-miżuri varji li qed jgħinuhom isibu impjiegi ġodda, u li sal-20 ta’ Mejju 2014, 108 minnhom kienu diġà sabu kuntratti ta’ aktar minn sitt xhur u 66 oħra ta' anqas minn sitt xhur, filwaqt li tlieta bdew in-negozju tagħhom stess u kważi kollha kienu għażlu li jibqgħu fir-reġjun;

18.    Jiddispjaċih li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti jikkonsistu f'azzjoni waħda biss: li jridu jiġu implimentati minn punt uniku ta' servizz (Cellule de reclassement) li huwa mmexxi minn żewġ aġenziji kuntrattwali; jinnota li Franza titlob biss il-finanzjament ta’ dan il-punt uniku ta’ servizz mill-FEG; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ammont baxx ta' fondi għal kull ħaddiem (EUR 1 200 bejn wieħed u ieħor); jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi jipproponu programm aktar ambizzjuż inkluż firxa usa' ta' miżuri, bħal ċentru ta' akkoljenza u għajnuna individwali, gwida minn esperti esterni, sessjonijiet ta' ħidma tematiċi, taħriġ, allowances għal taħriġ u għotjiet għall-ħolqien ta' negozju, fl-applikazzjoni tal-FEG ipprogrammata tiegħu għall-kumplament tal-għeluq tas-siti tal-GAD;

19.    Jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jsiru permezz ta’ ħlas parzjali u abbażi tar-riżultati miksuba;

20.    Iqis li l-monitoraġġ tal-attività tal-aġenziji permezz ta' rapporti bil-miktub regolari jiżgura l-użu xieraq tal-fondi biex il-parteċipanti jiġu pprovduti karriera personalizzata, numru suffiċjenti ta' offerti ta' xogħol u konsulenza għall-ħolqien ta’ negozju fi ħdan il-qafas tas-sistema ta’ punt uniku ta' servizz;

21.    Ifakkar li l-fondi jridu jgħinu lill-ħaddiema u m’għandhomx fi kwalunkwe każ jappoġġaw lill-aġenziji;

22.    Jilqa’ l-fatt li l-aġenziji kkummissjonati jitħallsu skont skala definita abbażi tar-riżultati miksuba;

23.    Jinnota li 17.50 % tal-ħaddiema ssensjati għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jinnota barra minn hekk li dan il-grupp ta’ età qiegħed f’riskju ogħla ta’ qgħad u esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol; Jikkunsidra, għaldaqstant, li dawn il-ħaddiema jista’ jkun li jkollhom bżonnijiet speċifiċi meta jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati;

24.    Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

25.    Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

26.    Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma għamlux talba għal finanzjament ta’ attivitajiet preparatorji, immaniġġjar u informazzjoni u pubbliċità.

27.    Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

28.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

29.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).

(5)

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1)

(6)

              EGF/2014/001 EL/Nutriart, li tikkonċerna prodotti moħmijin.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/005 FR/GDA, ippreżentata minn Franza)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ lil ħaddiema li jingħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji b'riżultat tal-globalizzazzjoni, minħabba ssoktar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(4), jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida u biex jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Franza ssotomettiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji(5) f'GAD société anonyme simplifiée fi Franza, fis-6 ta' Ġunju 2014 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali kif previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex tiġi determinata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013.

(4)      Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 918 000 għall-applikazzjoni mressqa minn Franza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 918 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenji u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.

(5)

            Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament dwar il-FEG.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali ta' massimu EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala proviżjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' GAD u l-proposta tal-Kummissjoni

Fl-24 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Franza biex tappoġġa r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja f'GAD société anonyme simplifiée, impriża li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 10 ("Manifattura ta' prodotti tal-ikel") minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din hija s-sbatax-il applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-qafas tal-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 918 000 mill-FEG għal Franza. Tikkonċerna total ta' 760 benefiċjarju. L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-6 ta' Ġunju 2014 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Awwissu 2014. Il-Kummissjoni kkonkludiet, skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali wasslet għal tnaqqis fil-konsum tal-laħam tal-majjal fl-Ewropa, li wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u l-ammont ta' materjal ipproċessat minn biċċeriji bħal GAD. Filwaqt li l-konsum tal-laħam tal-majjal fl-2007 kien għadu ta' 43 kg ir-ras fis-sena, dan kien niżel għal 39 kg fis-sena fl-2013. Dan it-tnaqqis fil-konsum, ikkawżat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, affettwa wkoll tipi oħra ta' laħam, iżda laqat partikolarment ħażin il-majjal, peress li l-prezz tiegħu kien żdied b'rata aktar mgħaġġla minn dak ta' laħmijiet oħra, partikolarment taċ-ċanga.

Il-ġwież tal-ħnieżer jikkonsisti prinċipalment f'taħlita ta' qmuħ varji - il-qamħirrum, il-qamħ, ix-xgħir u s-sojja b'mod partikolari. Ħafna minn dan huwa impurtat minn pajjiżi barra l-UE, bħalma huma l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Amerika t'Isfel. Dawn ir-reġjuni ġew milquta min-nixfa f'dawn l-aħħar snin, u dan wassal għal żidiet konsiderevoli fil-prezz tal-ġwież tal-ħnieżer. Bejn l-2006 u l-2011, il-prezz ta' tunnellata ġwież tal-ħnieżer żdied minn EUR 150 għal EUR 250, laħaq l-ammont ta' EUR 300 fit-tieni nofs tal-2012 u baqa' f'medja ta' EUR 287 fi Franza tul l-2013. L-ispiża tal-ġwież tal-ħnieżer trid tiġi rkuprata fil-prezz tal-bejgħ tal-ħnieżer lesti, u fl-aħħar nett tiġi mgħoddija lill-konsumatur. Fi żmien meta l-UE kienet għadha ssofri mill-effetti tal-kriżi, il-konsumaturi ma ridux jew ma setgħux jixtru l-istess ammonti ta' laħam tal-majjal li kienu jixtru qabel. GAD, bħala biċċerija u impriża tal-ipproċessar tal-laħam, inqabdet bejn żewġ settijiet ta' pressjonijiet tal-prezz - dik tal-bdiewa li bdew jitħabtu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezz tal-għalf, u dik tal-konsumaturi li bdew jitħabtu biex ilaħħqu ma' dħul imnaqqas. Peress li din il-pressjoni damet sejra għal ħames snin u aktar, l-impriża spiċċat f'diffikultajiet finanzjarji serji.

Il-marġini gross ta' GAD naqas minn EUR 123 miljun fl-2010 għal EUR 107 miljun fl-2012-2013. Filwaqt li fl-2008 l-impriża għamlet qligħ ta' EUR 16 miljun, fl-2009 bdiet tagħmel it-telf u spiċċat biex fl-2012 u l-2013 għamlet telf ta' EUR 20 miljun. Id-dħul gross kien waqa' minn EUR 495,1 miljun fl-2008 għal EUR 445,8 miljun fl-2009 u qatt ma rkupra minn dan it-tnaqqis. fis-27 ta' Frar 2013, il-kumpanija tpoġġiet fi proċedura ta' riċevitura, wara li għamlet telf ta' EUR 65 miljun tul il-perjodu mill-2010 sa Ġunju 2013.

Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'azzjoni waħda biss: Pariri u gwida lill-ħaddiema ssensjati mogħtija minn tim ta' konsulenti esperti (Cellule de reclassement).

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbi stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew il-garanziji kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

–      il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

–      ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati;

–      GAD, peress li kompliet għaddejja bl-attivitajiet tagħha wara l-għoti tas-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw l-issensjar u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawn l-obbligi;

–      l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju;

–      l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali;

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Franza nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sors tal-prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huwa l-Istat Franċiż, li se jkun qed jiffinanzja wkoll għadd ta' miżuri komplementari li mhumiex inklużi fl-applikazzjoni tal-FEG.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 918 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija s-sbatax-il proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)53720

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2014/005 FR/GAD (COM(2014)662 finali)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/005 FR/GAD u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u titratta 760 ħaddiema li ngħataw is-sensja f'GAD, li topera fin-NACE Rev.2 diviżjoni 10 (‘Manifattura ta’ prodotti tal-ikel’) fir-reġjuni ta’ Bretagne (FR52) u Pays de la Loire (FR51), li ngħataw is-sensja jew li l-attività tagħhom waqfet fi żmien il-perjodu ta’ referenza bejn id-29 ta’ Novembru 2013 sat-28 ta’ Marzu 2014;

B) Billi l-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li s-sensji huma marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali li wasslet għal tnaqqis fil-konsum tal-majjal fl-Ewropa (minn 43 kg ir-ras fis-sena fl-2007 għal 39 kg fis-sena fl-2013) u għaldaqstant konsegwentement dan wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-prodotti tal-majjal; billi bejn l-2006 u l-2011, il-prezz ta' tunnellata ġwież tal-ħnieżer żdied minn EUR 150 għal EUR 250, b’hekk laħaq l-ammont ta' EUR 300 fit-tieni nofs tal-2012 u baqa' f'medja ta' EUR 287 fi Franza tul l-2013 u l-ispiża tal-ġwież tal-ħnieżer trid tiġi rkuprata fil-prezz tal-bejgħ tal-ħnieżer lesti;

C) Billi 64.08 % tal-ħaddiema koperti mill-miżuri huma rġiel u 35.92 % huma nisa; billi l-maġġoranza (81.58 %) tal-ħaddiema għandhom bejn il-25 u l-54 sena u s-17.50 % tal-ħaddiema għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

D) Billi dawn is-sensji għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali fi Bretagne, filwaqt li fi Bretagne l-impjieg huwa aktar dipendenti fuq is-settur agro-agrikolu milli hu bħala medja fi Franza (11 % fi Bretagne meta mqabbel ma' 5 % bħala medja fi Franza).

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu fir-rigward tal-applikazzjoni Franċiża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li, għaldaqstant, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-ħaddiema diġà qed jiġu appoġġati bil-miżuri varji li qed jgħinuhom isibu impjiegi ġodda, u sal-20 ta’ Mejju 2014, 108 minnhom kienu diġà sabu kuntratti ta’ aktar minn sitt xhur u 66 oħra ta' anqas minn sitt xhur, filwaqt li tlieta bdew in-negozju tagħhom stess u kważi kollha kienu għażlu li jibqgħu fir-reġjun;

3.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'azzjoni waħda biss li trid tiġi implimentati minn punt uniku ta' servizz (Cellule de reclassement) li huwa mmexxi minn żewġ aġenziji kuntrattwali; jinnota li Franza titlob biss il-finanzjament ta’ dan il-punt uniku ta’ servizz mill-FEG;

4.  Jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jsiru permezz ta’ ħlas parzjali u abbażi tar-riżultati miksuba;

5.  Iqis li l-monitoraġġ tal-attività tal-aġenziji permezz ta' rapporti regolari bil-miktub jiżgura l-użu xieraq tal-fond biex il-parteċipanti jiġu pprovduti karriera personalizzata, numru suffiċjenti ta' offerti ta' xogħol u konsulenza għall-ħolqien ta’ negozju fi ħdan il-qafas tas-sistema ta’ punt uniku ta' servizz;

6.  Ifakkar li l-fondi jridu jgħinu lill-ħaddiema u m’għandhomx ikunu fi kwalunkwe każ biex jappoġġaw lill-aġenziji;

7.  Jilqa’ l-fatt li l-aġenziji kkummissjonati jitħallsu skont skala definita abbażi tar-riżultati miksuba;

8.  Jinnota li 17.50 % tal-ħaddiema ssensjati għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jinnota barra minn hekk li dan il-grupp ta’ età qiegħed f’riskju ogħla ta’ qgħad u esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol; jikkunsidra għaldaqstant li dawn il-ħaddiema jista’ jkun li jkollhom bżonnijiet speċifiċi meta jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati;

9.   Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

10. Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma għamlux talba għal finanzjament ta’ attivitajiet preparatorji, immaniġġjar u informazzjoni u pubbliċità.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni:

Tliet proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li r-rapporti dwar kull wieħed minn dawn huma maħsubin biex jiġu adottati fil-Kummitat għall-Baġits matul wieħed mil-laqgħat tiegħu li jmiss.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.

-          COM(2014)0630 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 1 426 800 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li s-634 ħaddiema ssensjati f’STX Finland Oy f’Rauma, il-Finlandja jiġu integrati mill-ġdid f’impjieg.

-          COM(2014)0662 hija proposta għal kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 918 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li s-760 ħaddiema ssensjati f’GAD société anonyme simplifiée, fi Franza jiġu integrati mill-ġdid f’impjieg.

-          COM(2014)0672 hija proposta għal kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 1 890 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li s-608 ħaddiema ssensjati f’Whirlpool Europe S.r.l., u ħames fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni, fl-Italja, jiġu integrati mill-ġdid f’impjieg.

-          COM(2014)0699 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 1 259 610 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li l-1 079 ħaddiema ssensjati f’Fiat Auto Poland, il-Polonja, u 21 mill-fornituri tagħha, jiġu integrati mill-ġdid f’impjieg.

-          COM(2014)0701 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 25 937 813 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li l-5 213 ħaddiema ssensjati f’Air France, fi Franza, jiġu integrati mill-ġdid f’impjieg.

-          COM(2014)0702 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 6 444 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li s-600 ħaddiema ssensjati f’Odyssefs Fokas S.A., il-Greċja, jiġu integrati mill-ġdid f’impjieg.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.11.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Heidi Hautala, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Charles Goerens, Anneli Jäätteenmäki, Alfred Sant, Ivan Štefanec, Tomáš Zdechovský

Avviż legali - Politika tal-privatezza